European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2178

29.8.2024

DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA Nru 074/24/COL

tas-6 ta’ Mejju 2024

biex jiġi emendat l-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 203/21/COL rigward l-approvazzjoni ta’ miżuri nazzjonali tan-Norveġja u l-Iżlanda mfassla biex jillimitaw l-impatt ta’ ċertu mard ta’ annimali akkwatiċi f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 [2024/2178]

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(e), l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 3 tal-Protokoll 1 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-Punt 13 tal-Parti 1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim dwar iż-ŻEE”),

Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Ir-“Regolament (UE) 2016/429”) (1), kif emendat u kif adattat għall-Ftehim ŻEE permezz tal-adattamenti speċifiċi u settorjali msemmijin fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikoli 226, 266(2) u 270(2) tiegħu,

kif adattat għall-Ftehim ŻEE mill-punt 4(d) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim ŻEE.

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi l-qafas leġiżlattiv ġdid għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li jittrażmetti ruħu fuq l-annimali jew fuq il-bnedmin. L-Artikolu 226(1) ta’ dak ir-Regolament jistipula li n-Norveġja u l-Iżlanda jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali biex jipprevjenu l-introduzzjoni, jew jikkontrollaw it-tixrid, ta’ marda għajr il-mard elenkat kif imsemmi fl-Artikolu 9(1)(d) ta’ dan ir-Regolament fejn dik il-marda tikkostitwixxi riskju sinifikanti għas-saħħa tal-annimali akkwatiċi f’dak l-Istat taż-ŻEE. Il-mard għajr mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1)(d) tar-Regolament (UE) 2016/429 jinkludi mard tal-annimali akkwatiċi mhux inkluż f’xi waħda mill-kategoriji ta’ mard elenkat skont l-Artikolu 9(1) (“mard mhux elenkat”).

(2)

L-Artikolu 226(2), (3) u (4) tal-istess Regolament jirrikjedi lin-Norveġja u l-Iżlanda jinnotifikaw lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) minn qabel dwar kwalunkwe miżura nazzjonali proposta u jipprovdi li l-Awtorità għandha tapprova dawn il-miżuri nazzjonali fejn l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet tal-moviment bejn in-Norveġja jew l-Iżlanda u Stati oħra taż-ŻEE jkun meħtieġ biex jipprevjenu l-introduzzjoni, jew jikkontrollaw it-tixrid, tal-marda rilevanti, filwaqt li jitqies l-impatt globali fuq iż-ŻEE tal-marda inkwistjoni u tal-miżuri meħuda.

(3)

Jenħtieġ li l-miżuri nazzjonali Norveġiżi jew Iżlandiżi approvati skont l-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 japplikaw biss sakemm jibqgħu xierqa u meħtieġa sabiex jipprevjenu l-introduzzjoni, jew jikkontrollaw it-tixrid, tal-marda rilevanti fil-pajjiż rilevanti.

(4)

Jenħtieġ li l-programmi ta’ eradikazzjoni approvati f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 iwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni tal-marda fi żmien raġonevoli. Għalhekk jenħtieġ li f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429, il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ programm ta’ eradikazzjoni ma jaqbiżx is-sitt snin mid-data tal-approvazzjoni inizjali tiegħu mill-Awtorità. Il-perjodu massimu ta’ applikazzjoni huwa stipulat sabiex jagħti perjodu ta’ żmien adegwat li fih jista’ jitlesta programm ta’ eradikazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jevita t-tfixkil sproporzjonat u fit-tul tal-movimenti tal-annimali akkwatiċi fiż-ŻEE.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 203/21/COL tas-16 ta’ Lulju 2021 (“id-Deċiżjoni Nru 203/21/COL”) tistabbilixxi, fl-Annessi I u II tagħha, listi taż-żoni tan-Norveġja u tal-Iżlanda meqjusa bħala ħielsa minn ċertu mard mhux elenkat li jaffettwa l-annimali akkwatiċi, jew li huma soġġetti għal programm ta’ eradikazzjoni għal dak il-mard.

(6)

In-Norveġja infurmat lill-Awtorità li ż-żoni tal-ġbir tal-ilma Skibotnelva, Signdalselva u Kitdalselva fir-reġjun ta’ Troms u Leirelva, Ranelva, Drevja, Fusta, Vefsna, Hundåla, Halsanelva, Hestdalselva, Dagsvikelva u Nylandselva fir-reġjun ta’ Nordland, li approvaw programmi ta’ eradikazzjoni għall-Gyrodactylus salaris u li huma elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 203/21/COL, temmew b’suċċess il-programm ta’ eradikazzjoni u ġew iddikjarati ħielsa mill-mard. F’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429, l-Awtorità vvalutat l-informazzjoni pprovduta min-Norveġja u hija sodisfatta li ż-żoni rilevanti jistgħu jitqiesu ħielsa mill-Gyrodactylus salaris.

(7)

In-Norveġja infurmat lill-Awtorità li fl-2023 il-Gyrodactylus salaris ġie kkonfermat fil-frieħ tal-ħut tas-salamun fix-xmara Gylelva fir-reġjun ta’ Møre u Romsdal u fil-fry tal-ħut tas-salamun f’Ebbestadelva fir-reġjun ta’ Buskerud. In-Norveġja konsegwentement aġġornat il-programm ta’ eradikazzjoni biex tinkludi dawn iż-żoni tal-ġbir tal-ilma. F’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429, l-Awtorità vvalutat l-informazzjoni pprovduta min-Norveġja u hija sodisfatta li l-miżuri meħuda huma meħtieġa u xierqa biex jikkontrollaw il-firxa tal-marda.

(8)

Il-miżuri nazzjonali meħuda min-Norveġja huma għalhekk approvati mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429. Jenħtieġ li jiġi emendat l-Anness II rispettivament tad-Deċiżjoni Delegata Nru 203/21/COL li jelenka ż-żoni tan-Norveġja u l-Iżlanda bi programmi ta’ eradikazzjoni għal ċertu mard li jaffettwa l-annimali akkwatiċi u li għalihom il-miżuri nazzjonali huma approvati f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429.

(9)

Fl-24 ta’ April 2024, l-Awtorità, bid-Deċiżjoni Delegata tagħha Nru 065/24/COL (id-Dokument Nru 1414369), debitament ippreżentat l-abbozz tad-Deċiżjoni lill-Kumitat Veterinarju u Fitosanitarju tal-EFTA f’konformità mal-Artikolu 226(3) u mal-Artikolu 266(2) tar-Regolament (UE) 2016/429. Fid-29 ta’ April 2024, il-Kumitat Veterinarju u Fitosanitarju tal-EFTA ta opinjoni pożittiva dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant, l-abbozz tad-Deċiżjoni huwa f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

L-Anness II għad-Deċiżjoni Nru 203/21/COL għandu jiġi sostitwit bit-test imniżżel fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Verżjoni konsolidata tad-Deċiżjoni Nru 203/21/COL għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Awtorità.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-iffirmar tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Iżlanda u lin-Norveġja.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2024.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, li taġixxi skont id-Deċiżjoni Delegata Nru 130/20/COL,

Árni Páll ÁRNASON

Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

Għal Melpo-Menie JOSÉPHIDÈS

li tikkontrofirma bħala Direttur,

Affarijiet Legali u Eżekuttivi


(1)  Inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 179/2020 tas-17 ta’ Diċembru 2020.


ANNESS

Żoni tan-Norveġja u l-Iżlanda bi programmi ta’ eradikazzjoni għal ċertu mard li jaffettwa l-annimali akkwatiċi u li għalihom il-miżuri nazzjonali huma approvati f’konformità mal-Artikolu 226(3) tar-Regolament (UE) 2016/429

Marda

Stat taż-ŻEE-EFTA

Kodiċi

Demarkazzjoni ġeografika taż-żona li għaliha ġew approvati l-miżuri nazzjonali

Nru tad-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA li tapprova l-miżura nazzjonali

Infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris (GS)

In-Norveġja

LE

—

Iż-żoni tal-ġbir tal-ilma li ġejjin f’Møre u Romsdal:

Batnfjordselva, Driva, Litledalselva, Usma (Øksendalselva) u Gylelva.

—

Iż-żoni idografiċi li ġejjin f’Buskerud:

Drammenselva, Lierelva u Ebbestadelva

—

Iż-żoni idografiċi li ġejjin f’Vestfold:

Vesleelva (Sandeelva) u Selvikvassdraget.

203/21/COL kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 074/24/COL


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2024/2178/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)