Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Novembru 2026 (*)

“Appell – Għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil kumpannija tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat – Garanzija mill-Istat għas-self u self subordinat mill-Istat – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tqajjimx oġġezzjonijiet minħabba li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑266/24 P, C‑269/24 P u C‑289/24 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati, rispettivament, fis‑16 ta’ April 2024 (C-266/24 P u C‑269/24) u fl‑24 ta’ April 2024 (C‑289/24 P),

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Carpi Badía, M. Farley u L. Flynn, bħala aġenti (C‑266/24 P),

Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV, stabbilita f’Amstelveen (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn J. de Kok, E. de Krom, P. J. F. Huizing, K. Schillemans u J. I. J. van Pelt, advocaten (C‑269/24 P),

Société Air France SA , stabbilita fi Tremblay-en-France (Franza),

Air France-KLM SA , stabbilita f’Pariġi (Franza),

irrappreżentati minn A. Álvarez Vidal, abogada, J. Derenne u D. Vallindas, avukati (C‑289/24 P),

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ryanair DAC, stabbilita f’Swords (l-Irlanda), irrappreżentata inizjalment minn F.‑C. Laprévote u E. Vahida, avukati, D. Pérez de Lamo u S. Rating, abogados, sussegwentement minn C. Cozzani, F.‑C. Laprévote u E. Vahida, avukati, kif ukoll S. Rating, abogado, u fl-aħħar minn A. Carpi, avvocato, L. Geiger, Rechtsanwältin, F. C. Laprévote u E. Vahida, avukati, kif ukoll S. Rating, abogado,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn B. Fodda u T. Lechevallier, bħala aġenti, sussegwentement minn T. Lechevallier u C. Thomas, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat inizjalment minn M. K. Bulterman, J. Langer u C. Schillemans, bħala aġenti, sussegwentement minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

Société Air France SA, stabbilita fi Tremblay-en-France,

Air France-KLM SA, stabbilita f’Pariġi,

irrappreżentati minn A. Álvarez Vidal, abogada, J. Derenne u D. Vallindas, avukati (C‑266/24 P u C‑269/24 P),

Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV, stabbilita f’Amstelveen, irrappreżentata minn, J. de Kok, E. de Krom, P. J. F. Huizing u J. I. J. van Pelt, advocaten (C‑266/24 P u C‑289/24 P),

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, N. Fenger, S. Rodin (Relatur), O. Spineanu‑Matei u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Biondi,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Ottubru 2025,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Marzu 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea (Kawża C‑266/24 P), Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “KLM”) (Kawża C‑269/24 P), kif ukoll Société Air France SA (iktar ’il quddiem “Air France”) u Air France-KLM SA (iktar ’il quddiem il-“kumpannija holding Air France‑KLM”) (Kawża C‑289/24 P) qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑7 ta’ Frar 2024, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM II; COVID‑19) (T‑146/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata” EU:T:2024:68), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 5437 final tas‑16 ta’ Lulju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57116 (2020/N) – Il-Pajjiżi l-Baxxi – COVID-19: Garanzija mill-Istat għal self u self mill-Istat affavur ta’ KLM (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-Deċiżjoni kontenzjuża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

3        KLM tagħmel parti mill-grupp Air France‑KLM, immexxi mill-kumpannija holding Air France‑KLM. Mid-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li dan il-grupp iħaddan ukoll, b’mod partikolari, il-kumpanniji li ġejjin, jiġifieri Air France, Air France-KLM International Mobility, stabbilita fl-Isvizzera, Blueteam V, BigBlank, Air France‑KLM Finance u Transavia Company, liema erba’ kumpanniji tal-aħħar huma stabbiliti fi Franza.

4        Mid-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta wkoll li r-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom, rispettivament, 14.3 % u 14 % tal-kapital tal-kumpannija holding Air France‑KLM. Min-naħa tagħha, din il-kumpannija holding għandha 100 % tal-ishma ta’ Air France u, direttament u indirettament, 93.84 % tal-kapital azzjonarju ta’ KLM. L-imsemmija kumpannija holding għandha wkoll 99.7 % tad-drittijiet ekonomiċi, jiġifieri tad-drittijiet għad-dividendi, kif ukoll 49 % tad-drittijiet ta’ vot ta’ KLM. L-istess kumpannija holding għandha 100 % tal-ishma tas-sussidjarji l-oħra.

5        Id-Deċiżjoni kontenzjuża ttieħdet fil-kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri oħra ta’ għajnuna mill-Istat maħsuba sabiex isostnu s-settur tal-avjazzjoni wara l-pandemija tal-COVID‑19 u, b’mod iktar speċifiku, il-kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp Air France‑KLM.

6        B’mod partikolari, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2983 final tal‑4 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57082 (2020/N) – Franza – COVID-19: Qafas temporanju (Artikolu 107(3)(b) TFUE) – Garanzija u self minn azzjonist għall-benefiċċju ta’ Air France, kif ikkoreġuta l-aħħar bid-Deċiżjoni C(2021) 5701 final tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ Lulju 2021 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Air France”), din l-istituzzjoni awtorizzat għajnuna individwali mogħtija mir-Repubblika Franċiża lil Air France, taħt forma, minn naħa, ta’ garanzija mill-Istat sa 90 % għal self ta’ EUR 4 biljuni mogħti minn konsorzju ta’ banek u, min-naħa l-oħra, ta’ self minn azzjonist ta’ mhux iktar minn EUR 3 biljuni. Permezz tad-Deċiżjoni Air France, il-Kummissjoni qieset li l-benefiċjarji tal-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni kienu Air France u s-sussidjarji li hija tikkontrolla. Min-naħa l-oħra, la l-kumpannija holding Air France-KLM u lanqas is-sussidjarji l-oħra tagħha, inklużi KLM u l-kumpanniji li din tal-aħħar tikkontrolla, ma tqiesu bħala benefiċjarji ta’ din il-miżura.

7        Fis‑26 ta’ Ġunju 2020, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi nnotifika lill-Kummissjoni, kif jitlob l-Artikolu 108(3) TFUE, abbozz ta’ għajnuna individwali affavur ta’ KLM, li kienet tikkonsisti, minn naħa, f’garanzija mill-Istat għal self mogħti lilha minn konsorzju ta’ banek u, min-naħa l-oħra, f’self mill-Istat, liema għajnuna kienet tammonta għal total ta’ EUR 3.4 biljun (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”).

8        Abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Marzu 2020, intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID‑19” (ĠU 2020, C 91I, p. 1), kif emendata bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2020 (ĠU 2020, C 218, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“Qafas Temporanju”), l-għan tal-miżura inkwistjoni kien li tipprovdi temporanjament lil KLM il-likwidità li hija kellha bżonn sabiex tħabbat wiċċha mar-riperkussjonijiet negattivi tal-pandemija tal-COVID‑19. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi qies li, fid-dawl tal-importanza ta’ KLM għall-ekonomija tiegħu u għas-servizzi tal-ajru tiegħu, il-falliment tagħha kien iżid jaggrava d-disturb serju tal-ekonomija tiegħu kkawżat minn din il-pandemija.

9        Fit‑13 ta’ Lulju 2020, permezz tad-Deċiżjoni C(2020) 4871 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57116 (2020/N) – Il-Pajjiżi l-Baxxi – COVID‑19: Garanzija mill-Istat u self affavur ta’ KLM, il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet, minn naħa, tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, kompatibbli mas-suq intern.

10      Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li KLM kienet l-unika benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, esklużi l-kumpanniji l-oħra tal-grupp Air France-KLM.

11      Fil‑5 ta’ April 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2021) 2488 final tal‑5 ta’ April 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.59913 – Franza – COVID-19 – Rikapitalizzazzjoni ta’ [Air France] u tal-kumpanija holding Air France-KLM (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Air France-KLM u Air France”), li permezz tagħha hija kkonkludiet li kienet kompatibbli mas-suq intern, taħt l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u mal-Qafas Temporanju, għajnuna individwali mogħtija mir-Repubblika Franċiża taħt il-forma ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ Air France u tal-kumpannija holding Air France-KLM li tammonta, b’kollox, għal EUR 4 biljun. Din l-għajnuna kienet tinkludi, minn naħa, kontribuzzjoni mir-Repubblika Franċiża għal żieda fil-kapital ta’ mhux iktar minn EUR 1 biljun u, min-naħa l-oħra, il-konverżjoni tas-self minn azzjonist ta’ EUR 3 biljun, imsemmi fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, fi strument ibridu li jixbah sehem azzjonarju. Skont id-Deċiżjoni Air France‑KLM u Air France, il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna kienu Air France u s-sussidjarji tagħha, kif ukoll il-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji li hija tikkontrolla, esklużi KLM u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar.

12      Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID‑19) (T‑643/20, EU:T:2021:286), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4871 final tat‑13 ta’ Lulju 2020, minħabba li kienet ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn għandha x’taqsam id-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li tissospendi l-effetti tal-annullament ta’ dik id-deċiżjoni sakemm il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ġdida skont l-Artikolu 108 TFUE.

13      Fis‑16 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha ddeċidiet, wara li qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u wara li evalwat il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fid-dawl tal-Qafas Temporanju, li din il-miżura kienet kompatibbli mas-suq intern taħt l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, u, għalhekk, ma qajmet ebda oġġezzjoni għaliha.

14      Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset, b’mod partikolari, li KLM u s-sussidjarji tagħha kienu l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna, esklużi l-kumpanniji l-oħra tal-grupp Air France-KLM.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Marzu 2022, Ryanair DAC fetħet kawża għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

16      Insostenn tal-kawża tagħha, hija invokat ħames motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, inkwantu d-Deċiżjoni kontenzjuża eskludiet il-kumpannija holding Air France-KLM u Air France mill-iskop tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt dwar in-nondiskriminazzjoni, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, it-tielet wieħed, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, ir-raba wieħed, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

17      Filwaqt li ddeċidiet, fl-ewwel lok, fil-punti 15 sa 47 tas-sentenza appellata, dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Franċiża, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi ta’ Ryanair, il-Qorti Ġenerali qieset li din tal-aħħar kienet uriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-miżura inkwistjoni setgħet taffettwa b’mod sostanzjali l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq ikkonċernat u kienet tippreġudika d-dritt tagħha li ma tkunx suġġetta għal kompetizzjoni distorta minn din l-għajnuna. Abbażi ta’ dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-rikors kien ammissibbli.

18      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 49 sa 164 tas-sentenza appellata, dwar l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni eskludiet, b’mod żbaljat, il-kumpannija holding Air France-KLM u Air France mill-iskop tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni.

19      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari, fil-punti 63 sa 77 tas-sentenza appellata, li r-rabtiet kapitali u organiċi fi ħdan il-grupp Air France-KLM kellhom it-tendenza li juru li l-kumpannija holding Air France-KLM kienet effettivament teżerċita kontroll fuq Air France u fuq KLM billi kienet tinvolvi ruħha, direttament jew indirettament, fil-ġestjoni ta’ dawn tal-aħħar u kienet, għalhekk, tieħu sehem fl-attività ekonomika tagħhom.

20      Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll, fil-punti 78 sa 97 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet importanti jew strateġiċi fejn jidħlu l-finanzjament, l-investiment u l-flotta kienu kkoordinati, jekk mhux ukoll approvati, mill-kumpannija holding Air France-KLM u li l-eżerċizzju ta’ attivitajiet komuni kien jikkonferma l-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ integrazzjoni bejn din il-kumpannija holding, Air France u KLM kif ukoll ta’ kooperazzjoni funzjonali bejn dawn il-varji entitajiet, hekk li jitwaqqa’ dubju fuq il-konklużjoni li kienet ġibdet il-Kummissjoni li Air France u KLM kellhom awtonomija funzjonali.

21      Fil-punti 98 sa 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li r-rabtiet ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France‑KLM, Air France u KLM, relatati, b’mod partikolari, mal-azzjoni ta’ din il-kumpannija holding affavur tas-sussidjarji tagħha kif ukoll mal-eżistenza ta’ ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni ekonomika bejn dawn l-entitajiet, kienu jgħinu sabiex jintwera li l-imsemmija entitajiet kienu jagħmlu entità ekonomika waħda.

22      Fejn jidħlu l-kuntratti li abbażi tagħhom kienet ingħatat il-miżura inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punti 108 sa 139 tas-sentenza appellata, li l-kumpannija holding Air France-KLM kienet parti kontraenti fil-ftehim qafas li stabbilixxa l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-għoti ta’ din il-miżura u li diversi kundizzjonijiet għall-għoti tagħha kienu espliċitament suġġetti għall-approvazzjoni ta’ din il-kumpannija holding jew kienu s-suġġett ta’ impenn min-naħa tagħha. F’dan il-kuntest, hija qieset li l-mekkaniżmi kuntrattwali ċċitati fid-Deċiżjoni kontenzjuża ma kinux jippermettu li jiġi kkonstatat li l-uniċi benefiċjarji tal-imsemmija miżura kienu KLM u s-sussidjarji tagħha, esklużi l-kumpannija holding Air France-KLM u Air France, kif ukoll is-sussidjarji li kienu jikkontrollaw dawn tal-aħħar.

23      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 140 sa 146 tas-sentenza appellata, li d-Deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi eżaminata mill-Kummissjoni fid-dawl tal-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni Air France‑KLM u Air France.

24      Fl-aħħar nett, fil-punti 147 sa 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni kontenzjuża għandha, l-iktar l-iktar, sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji għall-kumpannija holding Air-France KLM u għas-sussidjarji l-oħra tagħha. F’dan ir-rigward, hija qieset, b’mod partikolari, li l-effetti prevedibbli tal-miżura inkwistjoni, minn perspettiva ex ante, kienu jagħtu x’wieħed jifhem li l-grupp Air France-KLM kollu kemm hu seta’ jibbenefika minn din is-soluzzjoni ta’ finanzjament, billi ttejjeb il-pożizzjoni finanzjarja globali tiegħu, u dan kien juri, tal-inqas, l-eżistenza ta’ vantaġġ indirett affavur ta’ “grupp ta’ impriżi identifikabbli”, fis-sens tal-punt 116 tal-Avviż [Komunikazzjoni] tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) [TFUE] (ĠU 2016, C 262, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’”), u mhux ta’ sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji.

25      Abbażi ta’ dawn il-fatturi kollha, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni kienu KLM u s-sussidjarji tagħha, esklużi l-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji l-oħra tagħha, li jinkludu lil Air France u lis-sussidjarji ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, hija laqgħet l-ewwel motiv tar-rikors u, konsegwentement, annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra tiegħu.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet fl-appell

26      Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni (Kawża C‑266/24 P), KLM (Kawża C‑269/24 P), kif ukoll Air France u l-kumpannija holding Air France‑KLM (Kawża C‑289/24 P) jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi r-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lil Ryanair għall-ispejjeż, u

–        sussidjarjament, tibgħat l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

27      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata.

28      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, u

–        tikkundanna lil Ryanair għall-ispejjeż.

29      Ryanair titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni, lil KLM kif ukoll lil Air France u lill-kumpannija holding Air France-KLM għall-ispejjeż.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Mejju 2024, il-Kawżi C‑266/24 P, C‑269/24 P u C‑289/24 P ingħaqdu, skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq l-appell

31      Insostenn tal-appelli rispettivi tagħhom fil-Kawżi magħquda, il-Kummissjoni, KLM, kif ukoll Air France u l-kumpannija holding Air France-KLM, iqajmu żewġ aggravji komuni. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali vvizzjat id-deċiżjoni tagħha bi żball ta’ liġi meta applikat kriterju żbaljat sabiex tevalwa l-identità tal-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat fi ħdan grupp ta’ kumpanniji. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-identità tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess, mingħajr ma stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li d-Deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

32      Barra minn hekk, insostenn tal-appelli tagħhom fil-Kawżi C‑269/24 P u C‑289/24 P, KLM u Air France, kif ukoll il-kumpannija holding Air France-KLM, iqajmu t-tielet aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi billi interpretat ħażin il-kunċetti ta’ “vantaġġi indiretti” u ta’ “effetti ekonomiċi sekondarji”.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

33      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom f’kull waħda mill-Kawżi magħquda, li jikkonċerna l-punti 54 sa 159 tas-sentenza appellata, l-appellanti isostnu li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi billi applikat kriterju żbaljat sabiex tevalwa l-identità tal-benefiċjarju tal-għajnuna fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, bil-konsegwenza li hija kkonkludiet, b’mod żbaljat, li l-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji tagħha, fosthom Air France u s-sussidjarji tagħha, ma setgħux jiġu esklużi mill-iskop tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni.

34      B’mod iktar speċifiku, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi billi ddeterminat il-benefiċjarju tal-għajnuna abbażi biss tal-kriterju tal-unità ekonomika. Dan il-kriterju legali huwa, fil-fehma tagħhom, restrittiv u oneruż iżżejjed u ma jiħux inkunsiderazzjoni il-mekkaniżmi għall-għoti ta’ għajnuna lil entità ġuridika distinta fi ħdan unità ekonomika, bħalma huma l-klawżoli ta’ allokazzjoni. Li kellu dan il-kriterju japplika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, isir prattikament impossibbli li jsir tali għoti ta’ għajnuna fil-każ ta’ unità ekonomika waħda, liema għoti għandu, madankollu, ikun possibbli skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u fid-dawl tal-politika tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li l-prova tal-eżistenza ta’ unità ekonomika waħda kienet tippermetti li jiġi ddeterminat awtomatikament il-benefiċjarju tal-għajnuna u b’hekk injorat li, f’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni kienet maħsuba speċjalment sabiex tibbenefika minnha entità waħda biss, jiġifieri KLM, esklużi, b’mod espliċitu, l-entitajiet l-oħra tal-grupp Air France‑KLM.

35      L-appellanti jenfasizzaw li, għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, il-punt essenzjali sabiex jiġi identifikat il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa li jiġi ddeterminat liema entitajiet effettivament jibbenefikaw, jew setgħu jibbenefikaw, mill-għajnuna, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑457/00, iktar ’il quddiem is-“sentenza Verlipack”, EU:C:2003:387, punti 55 sa 60). Billi ħalliet barra mill-analiżi tagħha l-prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 54 sa 61 tas-sentenza appellata, stabbilixxiet qafas ġuridiku żbaljat jew, tal-inqas, inkomplet, mingħajr ma pprovdiet spjegazzjoni valida għal dan. Barra minn hekk, fil-punti 135 sa 138 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali żbaljat billi għażlet iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża minn dawk li wasslu għal din il-ġurisprudenza u għalhekk ċaħdet, b’mod żbaljat, ir-rilevanza tagħha.

36      Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll b’mod żbaljat, fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza appellata, għall-punt 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” u għal analoġija mas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni (C‑480/09 P, EU:C:2010:787). Għalkemm fatturi bħar-rabtiet funzjonali, ekonomiċi u organiċi huma rilevanti għalbiex jiġi ddeterminat jekk diversi entitajiet ikunux jagħmlu parti mill-istess impriża, il-piż u l-importanza tagħhom ivarjaw skont jekk wieħed ikunx qiegħed ifittex li jidentifika “unità ekonomika” jew il-benefiċjarju ta’ għajnuna per se, billi dan tal-aħħar għandu jkun dak li effettivament jibbenefika minn din l-għajnuna.

37      F’dan il-kuntest, l-appellanti jsostnu li l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ kriterju żbaljat sabiex jiġi ddeterminat l-iskop tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni vvizzjat bi żball ta’ liġi t-totalità tal-analiżi li saret fil-punti 63 sa 139 tas-sentenza appellata, fejn jidħlu d-drittijiet ta’ kontroll, ir-rabtiet ekonomiċi, kapitali, organiċi u funzjonali fi ħdan il-grupp Air France-KLM kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam, fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, l-impatt tal-kundizzjonijiet preċiżi li jirregolaw l-għoti tal-miżura inkwistjoni fuq l-allokazzjoni effettiva tagħha.

38      Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu, essenzjalment, l-argument li ressqu l-appellanti fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħhom u huma tal-fehma li dan l-aggravju għandu jintlaqa’.

39      Ryanair issostni li l-ewwel aggravju f’kull waħda mill-Kawżi magħquda għandu jiġi miċħud, parzjalment, bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Preliminarjament, sabiex jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali, fil-punti 54 sa 159 tas-sentenza appellata, applikatx kriterju żbaljat sabiex tiddetermina l-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni fi ħdan il-grupp Air France-KLM, għandu, minn naħa, jiġi miċħud l-ilment ta’ inammissibbiltà mqajjem minn Ryanair dwar l-ewwel aggravju kollu kemm hu jew, tal-inqas, il-parti l-kbira tiegħu, inkwantu jfittex li jwaqqa’ dubju fuq l-evalwazzjoni tal-fatti li għamlet il-Qorti Ġenerali.

41      Huwa minnu li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha ġuriżdizzjoni esklużiva sabiex, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza sostantiva tal-konstatazzjonijiet tagħha tkun tirriżulta mid-dokumenti fil-proċess sottomessi lilha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SatCen vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Dan ifisser li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief jekk il-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali jkunu ġew żnaturati, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SatCen vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Madankollu, inkwantu l-appellanti qegħdin essenzjalment ifittxu, permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, li juru li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tiddetermina l-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, dan l-aggravju ma jfittixx li jwaqqa’ dubju fuq il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, iżda jqajjem kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell konformement ma’ din il-ġurisprudenza. Għaldaqstant, l-imsemmi aggravju għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

44      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar ir-raġunament li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tqis li, għall-kuntrarju ta’ dak li kienet iddeċidiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni ma kinux biss KLM u s-sussidjarji tagħha, esklużi l-kumpannija holding Air France-KLM u Air France.

45      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, sabiex iddeċidiet dwar l-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar l-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ Air France mill-iskop tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, fakkret, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li diversi entitajiet ġuridiċi distinti setgħu jitqiesu li jagħmlu unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li l-kwistjoni jekk tkunx teżisti tali unità ekonomika kienet tqum, b’mod partikolari, meta jkun jenħtieġ li jiġi identifikat il-benefiċjarju ta’ għajnuna.

46      Il-Qorti Ġenerali, wara li stabbilixxiet, fil-punti 55 sa 58 u 61 tas-sentenza appellata, il-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza u mill-Komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ unità ekonomika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ikkonkludiet, fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u tal-argumenti tal-partijiet, kellhom jiġu eżaminati wara xulxin ir-rabtiet kapitali, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM kif ukoll is-sussidjarji rispettivi tagħhom, il-kuntratti li abbażi tagħhom kienet ingħatat il-miżura inkwistjoni, kif ukoll it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest li fih ingħatat din tal-aħħar.

47      B’hekk, qabelxejn, fil-punti 63 sa 107 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-rabtiet kapitali, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM, kif ukoll is-sussidjarji rispettivi tagħhom, u kkonkludiet, fil-punti 77, 97 u 107 tal-imsemmija sentenza, li dawn ir-rabtiet kienu fatturi li juru li l-entitajiet ġuridiċi distinti fi ħdan il-grupp Air France-KLM kienu jagħmlu entità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

48      Imbagħad, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 108 sa 139 tas-sentenza appellata, il-kuntratti li abbażi tagħhom kienet ingħatat il-miżura inkwistjoni, u kkonkludiet, b’mod partikolari fil-punti 132 u 139 ta’ din is-sentenza, li l-mekkaniżmi previsti f’dawn il-kuntratti ma kinux jippermettu li jiġi kkonstatat li l-uniċi benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni kienu KLM u s-sussidjarji tagħha, esklużi l-kumpannija holding Air France-KLM u Air France u s-sussidjarji kkontrollati minnhom.

49      Fl-aħħar nett, fil-punti 140 sa 146 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna li kienet ingħatat u l-kuntest tagħha u sabet li l-Kummissjoni ma kinitx, f’dan ir-rigward, ħadet inkunsiderazzjoni d-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France. Fil-punti 147 sa 158 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll dwar id-differenza bejn vantaġġ dirett jew indirett u sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji.

50      Sabiex jiġi ddeterminat jekk, permezz ta’ din il-motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali għamlitx żball ta’ liġi dwar il-kriterju li għandu jintuża sabiex jiġi identifikat il-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni, għandu jitfakkar li, sabiex miżura statali tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa neċessarju, b’mod partikolari, li jingħata vantaġġ selettiv lil impriża, li hija tkun il-benefiċjarja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il-Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 101, u tal‑20 ta’ Novembru 2025, Stockholms Hamn, C‑401/24, EU:C:2025:902, punt 37).

51      F’dan ir-rigward, kif enfasizzaw ġustament l-appellanti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li impriża li tkun effettivament tibbenefika minn għajnuna għandha titqies bħala “benefiċjarja” tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Verlipack, punt 55; is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 75, u tad‑29 ta’ Lulju 2024, Koiviston Auto Helsinki vs Il‑Kummissjoni, C‑697/22 P, EU:C:2024:641, punt 79).

52      Għalkemm Ryanair issostni li dan il-kriterju japplika biss fejn jidħlu d-deċiżjonijiet li jordnaw l-irkupru ta’ għajnuna diġà mħallsa, għandu jiġi enfasizzat li dan tal-aħħar huwa rilevanti wkoll meta l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE u għalhekk, bħala regola ġenerali, qabel il-ħlas effettiv tal-għajnuna kkonċernata. Fil-fatt, fi kwalunkwe każ, miżura ta’ għajnuna tista’ tiġi evalwata biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, fid-dawl tal-effetti li hija tipproduċi, inkluż fejn ikun jenħtieġ li jiġi identifikat il-benefiċjarju ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 68).

53      Sa fejn għandu x’jaqsam il-kunċett ta’ “impriża”, kif użat f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, inkluż fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jirriżulta li dan il-kunċett ikopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih hija tiġi ffinanzjata (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 107, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-imsemmi kunċett, imqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għal unità ekonomika, imqar jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika tkun magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 48, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 41).

55      B’hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta jkunu inkwistjoni diversi entitajiet legalment indipendenti, bħall-membri ta’ grupp ta’ kumpanniji, dawn l-entitajiet jistgħu, jekk ikun il-każ, jitqiesu li jagħmlu unità ekonomika u, għalhekk, impriża waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni u, b’mod iktar speċifiku, tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 11; tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 47, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 42 u 48).

56      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament qalet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni jekk tkunx teżisti unità ekonomika bejn diversi entitajiet ġuridikament distinti tqum, b’mod partikolari, meta jkun jenħtieġ li jiġi identifikat il-benefiċjarju ta’ tali għajnuna.

57      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, xejn ma juri li l-eżami li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 63 sa 159 tas-sentenza appellata fittex li jidentifika bħala l-benefiċjarja, fi ħdan il-grupp Air France-KLM, entità differenti minn dik li effettivament tibbenefika mill-miżura inkwistjoni. Għall-kuntrarju, dan l-eżami kellu preċiżament l-għan li jivverifika jekk, minbarra KLM u s-sussidjarji tagħha, jiġifieri l-entità indikata fid-Deċiżjoni kontenzjuża bħala l-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, setgħux ukoll jibbenefikaw minn din il-miżura entitajiet oħra ta’ dan il-grupp.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatturi li jissemmew fil-punt 62 tas-sentenza appellata bħala dawk li għandhom jiġu eżaminati sabiex jiġi identifikat il-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni ma jinkludux biss fatturi relatati mal-istruttura u mar-rabtiet interni tal-grupp Air France-KLM, iżda wkoll “il-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura inkwistjoni, kif ukoll it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest tagħha”.

59      Issa, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-iskop tal-benefiċjarji ta’ miżura ta’ għajnuna fi ħdan grupp ta’ kumpanniji jinkludu r-rabtiet bejn l-entitajiet li jagħmlu parti minn dan il-grupp, bħal dawk relatati mal-eżistenza ta’ sehem maġġoritarju ta’ waħda mill-entitajiet fl-oħra, kif ukoll rabtiet funzjonali, ekonomiċi u organiċi oħra bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punti 11 u 12; tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punti 114 sa 118, kif ukoll tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punti 47 sa 55).

60      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, b’mod partikolari fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li, sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Verlipack, punti 56 u 57), kif hija għamlet fil-punti 108 sa 139 ta’ din is-sentenza. B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet b’mod sħiħ, fil-punt 134 tal-imsemmija sentenza, li tali mekkaniżmi kuntrattwali jistgħu, skont il-kontenut konkret tagħhom u ċ-ċirkustanzi rilevanti speċifiċi għal kull każ, jagħmluha possibbli li jiġi identifikat il-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna.

61      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura inkwistjoni, billi klawżoli kuntrattwali jistgħu jippermettu li kumpannija waħda biss mill-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp titqies bħala l-benefiċjarju effettiv ta’ miżura ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Verlipack, punti 55 sa 60), il-Qorti Ġenerali setgħet teżamina jekk dan kienx il-każ hawnhekk, mingħajr ma tagħmel ebda żball ta’ liġi dwar il-kunċett ta’ “benefiċjarju” ta’ miżura ta’ għajnuna.

62      Il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 136 sa 138 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li ċ-ċirkustanzi partikolari li minnhom oriġinaw il-kawżi li wasslu għas-sentenzi msemmija mill-Kummissjoni ma setgħux jiġu pparagunati, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-klawżoli kuntrattwali u tar-rabtiet rilevanti bejn l-entitajiet ikkonċernati, ma’ dawk ta’ din il-kawża, ma jistax iwaqqa’ dubju fuq din il-kunsiderazzjoni. Fil-fatt, għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti Ġenerali ma ċaħditx ir-rilevanza ta’ tali klawżoli għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna, iżda evalwat il-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura inkwistjoni.

63      Mill-premess jirriżulta li, inkwantu l-Qorti Ġenerali qagħdet, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, fuq il-kunċett ta’ “unità ekonomika”, hija ma applikatx kriterju jew kuntest ġuridiku żbaljat.

64      Barra minn hekk, inkwantu l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali attribwixxiet piż kbir wisq lil uħud mill-fatturi li hija rreferiet għalihom sabiex tidentifika l-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jippreċiżawx b’mod konkret kif immanifesta ruħu tali żball fis-sentenza appellata.

65      F’dan il-kuntest, għalkemm l-appellanti jsostnu li l-applikazzjoni ta’ kriterju żbaljat sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni vvizzjat bi żball ta’ liġi l-analiżi kollha li għamlet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 63 sa 139 tas-sentenza appellata, fid-dawl ta’ dawn il-fatturi u jikkritikaw, f’dan is-sens, diversi elementi minn din l-analiżi, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dan l-argument ma jistax jintlaqa’ billi mill-punti preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-imsemmija analiżi ma hijiex ibbażata fuq kriterju ġuridiku żbaljat u, min-naħa l-oħra, li, fir-realtà, l-imsemmi argument ma jikkonċernax il-kriterju ġuridiku użat, iżda l-evalwazzjoni ddettaljata li l-Qorti Ġenerali għamlet abbażi tiegħu, li hija s-suġġett tat-tieni aggravju.

66      Mill-premess jirriżulta li l-ewwel aggravju f’kull waħda mill-Kawżi magħquda għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

67      Permezz tat-tieni aggravju f’kull waħda mill-Kawża magħquda, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali għamlet żbalji ta’ liġi u ma osservatx il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha billi ddeċidiet, fil-punti 59 sa 159 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni kienu KLM u s-sussidjarji tagħha, esklużi l-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji l-oħra tagħha, inklużi Air France u s-sussidjarji tagħha.

68      B’mod iktar speċifiku, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi billi ssostitwixxiet l-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni sa fejn għandha x’taqsam id-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni b’tagħha stess, mingħajr ma wriet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-Kummissjoni kienet għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward. B’dan il-mod, fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

69      F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li minkejja li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 59 tas-sentenza appellata, ġustament fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-Kummissjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni sabiex tidentifika l-benefiċjarju ta’ għajnuna fi ħdan grupp, l-imsemmija qorti, meta eżaminat, fil-punti 63 sa 146 tas-sentenza appellata, ir-rabtiet kapitali u organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM, il-kuntratti li abbażi tagħhom kienet ingħatat il-miżura inkwistjoni kif ukoll it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna u l-kuntest li fih ingħatat, għamlet l-evalwazzjoni tagħha stess f’dan ir-rigward, u dan essenzjalment fid-dawl tal-istess provi u fatturi li qagħdet fuqhom il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża.

70      Fil-fatt, pjuttost milli wriet, kif teħtieġ din il-ġurisprudenza, li din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq żball manifest li jagħmel l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni waħda implawżibbli, minħabba fatti materjalment ineżatti jew mhux affidabbli jew minħabba li ma tkunx ittieħdet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha neċessarja għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa, il-Qorti Ġenerali, billi spiss interpretat b’mod xi ftit differenti l-fatturi li ħadet inkunsiderazzjoni din l-istituzzjoni jew tathom piż xi ftit differenti u billi qagħdet, parzjalment, fuq dikjarazzjonijiet infondati jew spekulattivi, ġibdet konklużjonijiet li essenzjalment jaqblu ma’ dawk li ġibdet il-Kummissjoni jew, fi kwalunkwe każ, li ma jistax jitwaqqa’ dubju fuqhom. B’hekk, fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali ma rrilevat ebda żball manifest magħmul mill-Kummissjoni la fejn jidħol l-eżami, minn din tal-aħħar, tal-fatturi individwali u lanqas fejn jidħlu l-ibbilanċjar u l-eżami globali ta’ dawn tal-aħħar. Kien, għaldaqstant, żbaljat u mingħajr ġustifikazzjoni, fil-fehma tal-appellanti, li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-Deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żball bħal dan, inkwantu hija identifikat lil KLM bħala l-unika benefiċjarja tal-miżuri inkwistjoni.

71      B’mod iktar speċifiku, fejn tidħol, fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni tar-rabtiet kapitali u organiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM li l-Qorti Ġenerali għamlet fil-punti 63 sa 77 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li din l-evalwazzjoni, kif ukoll il-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali ġibdet minnha, jiġifieri li dawn ir-rabtiet kienu l-ewwel ħjiel li juru li dawn l-entitajiet kienu jagħmlu unità ekonomika waħda, tikkorrispondi, essenzjalment, għall-kontenut tal-premessa 112 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, liema premessa tirreferi, b’mod partikolari, għal “ċerti rabtiet” f’dan ir-rigward. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatat ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni imputabbli lill-Kummissjoni.

72      Bl-istess mod, fejn jidħlu, fit-tieni lok, ir-rabtiet funzjonali, l-appellanti jinnotaw li l-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 78 sa 97 tas-sentenza appellata, bħalma rrilevat il-Kummissjoni, li kienu jeżistu ċerta koordinazzjoni u integrazzjoni bejn il-kumpanniji tal-grupp Air France-KLM. Sa fejn għandha x’taqsam, b’mod iktar speċifiku, Transavia, l-appellanti jgħidu li r-relazzjonijiet kummerċjali li rrilevat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, huma konsistenti wkoll mal-evidenza li qagħdet fuqha l-Kummissjoni. Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali f’ebda mument ma tispjega għaliex id-drittijiet ta’ veto u ta’ approvazzjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM, li ttieħdu inkunsiderazzjoni wkoll mill-Kummissjoni, ma humiex limitati fid-dawl tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal-għajnuna. Fil-fatt, is-setgħa ta’ kontroll li tgawdi minnha din il-kumpannija holding ma tmurx lil hinn mill-prerogattivi li tradizzjonalment tgawdi minnhom kull kumpannija omm li tikkontrolla s-sussidjarja tagħha. B’mod iktar speċifiku, fil-punti 95 u 96 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li Air France u KLM kienu jgawdu minn awtonomija kunsiderevoli, kellu jitwaqqa’ dubju fuqha. Madankollu, imqar jekk il-Kummissjoni qatt ma kkonkludiet li kull waħda minn dawn l-entitajiet kellha awtonomija totali, kull waħda minnhom tibbenefika minn indipendenza relattivament kbira. Fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan il-kuntest ma humiex biżżejjed sabiex juru li din l-istituzzjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

73      Fit-tielet lok, fejn jidħlu r-rabtiet ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, KLM u Air France, eżaminati fil-punti 98 sa 107 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-fatturi li juru ċerta koordinazzjoni bejn dawn l-entitajiet differenti kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u li, għall-kuntrarju ta’ dak li tiddikjara l-Qorti Ġenerali fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, din l-istituzzjoni qatt ma qieset li d-diversi entitajiet ikkonċernati kienu totalment awtonomi, iżda biss li kienu jgawdu minn awtonomija ekonomika de facto kunsiderevoli, kif jixhed il-fatt, fost oħrajn, li t-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn dawn l-entitajiet kienu saru f’kundizzjonijiet normali tas-suq. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ġibdet, fil-punt 102 tal-imsemmija sentenza, fost oħrajn, konklużjonijiet eċċessivi u żbaljati mill-pożizzjoni ta’ Transavia fi ħdan il-grupp Air France-KLM, b’mod partikolari minħabba l-fatt li jużaw l-istess trade mark u sit internet u li ordnaw flimkien numru kbir ta’ inġenji tal-ajru. Fir-realtà, huwa normali li jkun hemm ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni bejn is-sussidjarji tal-istess grupp, billi tali attivitajiet sempliċement isegwu din il-loġika. Barra minn hekk, il-każijiet identifikati mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 100, 105 u 106 tal-istess sentenza, li fihom Air France u l-kumpannija holding Air France-KLM jistgħu jibbenefikaw indirettament mill-miżura inkwistjoni, huma, fil-fehma tagħhom, parzjalment infondati u spekulattivi u, fir-realtà, jaqgħu fl-iskop ta’ effetti ekonomiċi sekondarji.

74      Fir-raba’ lok, sa fejn għandu x’jaqsam l-eżami tal-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura inkwistjoni, li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 108 sa 139 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni kienet għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li dawn il-kuntratti kien fihom garanziji suffiċjenti sabiex KLM tkun l-unika waħda li tibbenefika minn din il-miżura.

75      F’dan ir-rigward, inkwantu l-Qorti Ġenerali, għal dan il-għan, qagħdet, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-kumpannija holding Air France-KLM kienet parti fil-ftehim, li l-finanzjament kien ukoll suġġett għall-approvazzjoni tagħha u li din tal-aħħar kienet daħlet għal sensiela ta’ impenji li jikkonċernaw lil KLM, l-appellanti jenfasizzaw li ebda wieħed minn dawn il-fatturi ma kien juri li l-grupp Air France-KLM kien, fir-realtà, jagħmel unità ekonomika u li Air France jew din il-kumpannija holding kienet tibbenefika mill-miżura inkwistjoni. Huma jsostnu, għall-kuntrarju, li l-kuntratti li fuqhom hija bbażata l-miżura inkwistjoni, eżaminati fl-intier tagħhom, kienu jinkludu sett sħiħ ta’ garanziji maħsuba sabiex KLM biss tibbenefika minnha u li kemm KLM kif ukoll l-imsemmija kumpannija holding kienu kuntrattwalment obbligati josservawhom.

76      Il-fatt li, b’mod ġenerali, kumpannija holding tibbenefika minn drittijiet ta’ approvazzjoni – karatteristika ta’ azzjonist li jkollu setgħa ta’ kontroll – ma jistax jimplika li hija għandha, minħabba f’hekk biss, titqies bħala benefiċjarja ta’ għajnuna mogħtija lil entità li fuqha hija teżerċita tali kontroll. Issa, f’dan il-każ, il-kumpannija holding Air France-KLM kienet parti fil-kuntratti li fuqhom hija bbażata l-miżura inkwistjoni biss fil-kwalità ta’ azzjonist prinċipali ta’ KLM u dan sabiex tiggarantixxi li din tal-aħħar tosserva l-obbligi tagħha.

77      Barra minn hekk, fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni, fil-punti 122 sa 126 tas-sentenza appellata, qieset, b’mod żbaljat u infondat, li dawn tal-aħħar kellhom l-effett li l-kumpannija holding Air France-KLM u Air France jibbenefikaw indirettament mill-miżura inkwistjoni. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kklassifikat mill-ġdid b’mod żbaljat dawn l-effetti bħala “vantaġġi indiretti”, meta fir-realtà dawn kienu effetti ekonomiċi sekondarji.

78      Fil-ħames lok, sa fejn għandha x’taqsam l-evalwazzjoni magħmula fil-punti 140 sa 146 tas-sentenza appellata, dwar it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna u l-kuntest tagħha, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali tikkritika, b’mod żbaljat, lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi tad-Deċiżjoni Air France, tad-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France kif ukoll tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Huma josservaw, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali effettivament irrikonoxxiet, fil-punt 141 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet eżaminat, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, jekk din l-ewwel deċiżjoni kinitx rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha, u kkonkludiet li dan ma kienx il-każ, billi Air France kienet l-unika benefiċjarja tal-għajnuna koperta minn din id-deċiżjoni u li, min-naħa l-oħra, hija ma kinitx benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali għamlet żball u marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha meta kkonkludiet li teżisti rabta kronoloġika, strutturali u ekonomika bejn id-Deċiżjoni kontenzjuża u d-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France. Fil-fatt, id-Deċiżjoni kontenzjuża ġiet inizjalment adottata fit‑13 ta’ Lulju 2020 u għandu jitqies, għalhekk, li ġiet adottata qabel id-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France.

79      Ryanair tikkontesta l-argumenti magħmula mill-appellanti u ssostni li t-tieni aggravju fil-Kawżi magħquda għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat. Hija essenzjalment titlob li jiġu kkonfermati l-motivi tas-sentenza appellata li jirreferi għalihom dan l-aggravju, billi l-Qorti Ġenerali ma marritx, b’mod partikolari, lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija obbligata teżerċita.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80      Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li minn ġurisprudenza stabbilita – li l-Qorti Ġenerali ssemmi fil-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata – jirriżulta li, sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE, inkluż sabiex tiġi ddeterminata l-identità tal-benefiċjarju ta’ tali miżura, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ekonomiċi u soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il-Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 63, u tat‑23 ta’ April 2026, Deutsche Lufthansa vs Ryanair u Condor Flugdienst, C‑457/23 P, EU:C:2026:331, punti 56 u 57, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81      Żball manifest magħmul fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa jista’ jintwera b’evidenza li tagħmel l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha waħda implawżibbli. Min-naħa l-oħra, il-motiv għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi li jipproduċu r-rikorrenti, ma jkunx jidher li l-evalwazzjoni kkontestata hija vvizzjata b’tali żball (sentenza tat‑23 ta’ April 2026, Deutsche Lufthansa vs Ryanair u Condor Flugdienst, C‑457/23 P, EU:C:2026:331, punt 63, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

82      Madankollu, il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà tagħhom u l-konsistenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jkunux jikkostitwixxu l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk jistgħux jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jinġibdu minnhom (sentenza tat‑23 ta’ April 2026, Deutsche Lufthansa vs Ryanair u Condor Flugdienst, C‑457/23 P, EU:C:2026:331, punt 64, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

83      Barra minn hekk, u b’mod iktar ġenerali, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat b’tagħha stess (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Dwar l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju tal-appelli, għandha, preliminarjament, tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Ryanair kontra dan l-aggravju fl-intier tiegħu, inkwantu, fil-fehma tagħha, ifittex li jwaqqa’ dubju fuq l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali.

85      Fil-fatt, permezz tal-imsemmi aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni fejn tidħol l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni. Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 80 sa 82 ta’ din is-sentenza, l-istess aggravju jqajjem kwistjoni ta’ liġi li tista’, għalhekk, tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju ta’ appell, u dan skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

86      Fuq il-mertu, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 80 sa 83 ta’ din is-sentenza, jekk, kif il-Qorti Ġenerali ġiet mixlija taħt it-tieni aggravju, din tal-aħħar għamlitx żball ta’ liġi u marritx lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ li hija għandha teżerċita f’dan il-qasam meta ddeċidiet li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li din tal-aħħar qieset li KLM u s-sussidjarji tagħha kienu l-uniċi benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali effettivament qagħditx, fil-punti 59 sa 159 tas-sentenza appellata, fuq provi li huma suffiċjenti, individwalment jew flimkien, sabiex jagħmlu din l-evalwazzjoni fattwali – li l-Kummissjoni għamlet, b’mod partikolari, fil-premessi 112 sa 118 tad-Deċiżjoni kontenzjuża – waħda implawżibbli.

87      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kinitx għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta identifikat lil KLM bħala l-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat, l-ewwel, ir-rabtiet kapitali u organiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM u KLM, it-tieni, ir-rabtiet funzjonali bejniethom, it-tielet, ir-rabtiet ekonomiċi bejniethom, ir-raba’, il-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat din il-miżura, il-ħames, it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest tagħha, kif ukoll, is-sitt, argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-imsemmija miżura tipproduċi biss sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji fuq il-kumpannija holding Air France-KLM u Air France.

88      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, f’kull wieħed mill-istadji suċċessivi tal-eżami tagħha, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Kummissjoni kienet għamlet diversi żbalji ta’ evalwazzjoni mingħajr, madankollu, ma kkonstatat formalment li xi wieħed minn dawn l-iżbalji kien żball manifest jew mingħajr ma indikat, imqar b’mod impliċitu, li wieħed mill-imsemmija żbalji seta’ jagħmel il-konklużjoni li ġibdet il-Kummissjoni waħda implawżibbli.

89      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif isostnu l-appellanti, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni fi ħdan il-grupp Air France-KLM, il-Qorti Ġenerali ġibdet konklużjonijiet dwar aspetti ewlenin ta’ din l-analiżi li kienu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, jaqblu ma’ dawk li ġibdet il-Kummissjoni.

90      B’hekk, meta, b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ssemmi, fil-punti 95, 100 u 103 tas-sentenza appellata, rispettivament, l-eżistenza ta’ “ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni funzjonali”, ta’ “ċerta interdipendenza ekonomika” jew ta’ “ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni ekonomika” fi ħdan il-grupp Air France-KLM, dawn huma konstatazzjonijiet fattwali li essenzjalment jaqblu ma’ dawk li għamlet il-Kummissjoni f’dan ir-rigward, kif jirriżultaw mill-premessi 112 u 114 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, fejn, minn naħa, din l-istituzzjoni rrikonoxxiet li kienu jeżistu “ċerti rabtiet funzjonali, ekonomiċi u organiċi” bejn l-entitajiet li jagħmlu dan il-grupp u kkonkludiet, min-naħa l-oħra, li, minkejja dawn ir-rabtiet, KLM u Air France kienu jgawdu “de facto minn awtonomija funzjonali, ekonomika u organika kunsiderevoli”.

91      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali sempliċement eżaminat mill-ġdid l-istess fatturi u l-istess punti ta’ fatt li ġew ikkunsidrati fid-Deċiżjoni kontenzjuża, billi għamlet evalwazzjoni ta’ dawn il-fatturi u ta’ dawn il-punti ppreżentata bħala parzjalment differenti minn dik li għamlet il-Kummissjoni, mingħajr, madankollu, ma qajmet ebda oġġezzjoni li turi li l-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni tal-imsemmija fatturi u tal-imsemmija punti kienet manifestament żbaljata.

92      F’dan ir-rigward, sa fejn għandha x’taqsam, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tar-rabtiet kapitali u organiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM, li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 63 sa 77 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret, qabelxejn, fil-punti 66, 68 u 69 ta’ din is-sentenza, ċerti karatteristiċi strutturali tal-grupp Air France-KLM, kif jirriżulta mit-Taqsima 2.5.1. tad-Deċiżjoni kontenzjuża, is-setgħa ta’ kontroll li l-kumpannija holding Air France-KLM kellha fuq KLM bis-saħħa tad-drittijiet ta’ veto tagħha fil-konfront tas-sussidjarji tagħha u d-dritt ta’ approvazzjoni li kellha din il-kumpannija holding fejn jidħlu tranżazzjonijiet li jiffinanzjaw is-sussidjarji tagħha ta’ iktar minn EUR 150 miljun.

93      Sa fejn għandha x’taqsam, it-tieni, l-analiżi li għamlet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 78 sa 97 tas-sentenza appellata, tar-rabtiet funzjonali li jeżistu bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 78 sa 80 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qagħdet fuq provi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni kontenzjuża dwar dawn ir-rabtiet u kkonkludiet, fil-punt 81 tal-imsemmija sentenza, li hemm “grad ta’ integrazzjoni” bejn dawn it-tliet entitajiet u, b’mod partikolari, fil-punt 82 tal-istess sentenza, li hemm “ċerta koordinazzjoni funzjonali” fi ħdan il-grupp Air-France-KLM. Bl-istess mod, fil-punti 83 sa 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għal diversi karatteristiċi tal-grupp Air France‑KLM li jissemmew fid-Deċiżjoni kontenzjuża sabiex tenfasizza ċerti aspetti tar-rabtiet funzjonali fi ħdan il-grupp, marbuta, b’mod partikolari, mar-rwol tal-kumpannija holding Air France‑KLM fil-finanzjament tal-imsemmi grupp, f’operazzjonijiet relatati mal-flotta, kif ukoll fil-qasam kummerċjali, liema aspetti l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża sabiex tikkonstata li jeżistu ċerti rabtiet funzjonali fi ħdan l-istess grupp.

94      Fejn jidħlu, it-tielet, ir-rabtiet ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM, eżaminati fil-punti 98 sa 107 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali qagħdet fuq fatti mressqa mill-Kummissjoni fil-premessi 43 sa 46 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, relatati mar-rabtiet ekonomiċi bejn, minn naħa, din il-kumpannija holding u KLM kif ukoll, min-naħa l-oħra, KLM u Air France, u kkonkludiet, fil-punt 100 tal-imsemmija sentenza, li hemm “ċerta interdipendenza ekonomika” bejn l-imsemmija kumpannija holding u s-sussidjarji tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, qieset li, b’mod partikolari, ftehimiet dwar it-tqassim tal-ispejjeż bejn Air France u KLM, li ssemmew fid-Deċiżjoni kontenzjuża, kienu jikkonfermaw li kien hemm “ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni ekonomika” bejn dawn l-entitajiet. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tal-provi dwar ir-relazzjonijiet finanzjarji u kummerċjali bejn l-entitajiet li jikkostitwixxu l-grupp Air France‑KLM, kif jirriżultaw mill-premessi 44 sa 46 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-imsemmija provi ma kinux biżżejjed sabiex juru li dawn l-entitajiet kienu ekonomikament awtonomi.

95      Issa, kif isostnu ġustament l-appellanti, tali konstatazzjonijiet u motivi ma humiex tali li jwaqqgħu dubju, sal-punt li jagħmluhom implawżibbli, l-evalwazzjonijiet korrispondenti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessi 113 u 117 ta’ din id-deċiżjoni, fis-sens li, minkejja tali rabtiet fi ħdan il-grupp Air France-KLM, Air France u KLM kienu, de facto, igawdu, kull waħda minnhom, “minn awtonomija ekonomika kunsiderevoli”.

96      Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 108 sa 139 tas-sentenza appellata, il-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għall-impenji kuntrattwali li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma waqqgħet dubju, b’mod espliċitu, fuq l-evalwazzjoni ta’ din l-istituzzjoni fis-sens li dawn l-impenji setgħu jitqiesu bħala ekwivalenti għal klawżola ta’ allokazzjoni, iżda essenzjalment enfasizzat biss li l-kumpannija holding Air France-KLM kienet approvat uħud minn dawn l-impenji u li ma kienx eskluż li hija tista’ tibbenefika indirettament mill-miżura inkwistjoni.

97      Issa, kif isostnu l-appellanti, l-effetti tal-impenji kuntrattwali maħsuba sabiex jiggarantixxu l-allokazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna lil kumpannija ma humiex esklużi jew limitati bil-fatt li dawn l-impenji tkun daħlet għalihom kumpannija holding li tkun sid din il-kumpannija. Barra minn hekk, il-fatt li tali impenji ma jkunux jeliminaw għalkollox l-effetti sekondarji ta’ miżura ta’ għajnuna li neċessarjament jirriżultaw mill-proprjetà tal-imsemmija kumpannija holding ma jistax, minnu nnifsu, jeskludi li dawn l-impenji jistgħu jitqiesu bħala klawżola ta’ allokazzjoni deċiżiva għalbiex jiġi identifikat il-benefiċjarju effettiv ta’ miżura ta’ għajnuna.

98      Fir-raba’ lok, għalkemm il-Qorti Ġenerali qagħdet ukoll fuq ċerti punti ta’ fatt li ma jirriżultawx mid-Deċiżjoni kontenzjuża iżda minn atti ppreżentati matul il-proċedura tal-ewwel istanza, dawn il-punti ta’ fatt ma humiex biżżejjed sabiex juru li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni ma kinitx plawżibbli.

99      B’hekk, għalkemm il-Qorti Ġenerali qagħdet, fil-punti 70 sa 77 tas-sentenza appellata, fuq estratt mid-“Dokument ta’ Reġistrazzjoni Universali 2019” tal-imsemmija kumpannija holding, li kien ġie prodott minn Ryanair, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ċerti korpi mħallta fdati b’funzjonijiet ta’ koordinazzjoni fi ħdan il-grupp Air France-KLM, tali konstatazzjonijiet ma jurux, minnhom infushom, li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ evalwazzjoni tant manifest li jagħmel din l-evalwazzjoni waħda implawżibbli.

100    Bl-istess mod, għalkemm il-Qorti Ġenerali irreferiet, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, għal kunsiderazzjonijiet dwar ir-rabtiet bejn diversi kumpanniji bl-isem “Transavia” fi ħdan il-grupp Air France-KLM, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux juru b’mod suffiċjenti fid-dritt li jeżistu fatturi li jagħmlu l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni – fis-sens li Air France u KLM kienu jgawdu minn awtonomija funzjonali – waħda implawżibbli. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali sempliċement iddeduċiet minn dawn il-kunsiderazzjonijiet l-eżistenza “ta’ ċerta kooperazzjoni funzjonali u kummerċjali bejn żewġ sussidjarji ta’ Air France u ta’ KLM”, filwaqt li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet hija stess semmiet ċertu grad ta’ integrazzjoni funzjonali u kummerċjali fi ħdan il-grupp Air France-KLM.

101    Din l-analiżi tista’ tiġi trasposta, mutatis mutandis, għall-ħruġ ta’ bonds, imsemmi fil-punt 88 tas-sentenza appellata, u għall-ordni komuni ta’ inġenji tal-ajru għall-bżonnijiet ta’ KLM, ta’ Transavia Airlines CV u ta’ Transavia France SAS imsemmija, fil-punt 102 ta’ din is-sentenza, sabiex jintwera r-rwol finanzjarju tal-kumpannija holding Air France-KLM.

102    Barra minn hekk, fejn tidħol l-analiżi li għamlet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 140 sa 146 tal-imsemmija sentenza, dwar it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ u l-kuntest li fih ingħatat, għalkemm il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, din l-ommissjoni tal-Kummissjoni kienet tali li tibdel l-evalwazzjoni ta’ din l-istituzzjoni, sal-punt li tagħmilha waħda implawżibbli. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma fissret kif din id-deċiżjoni hija, minnha nnifisha, rilevanti għalbiex jiġi stabbilit jekk KLM kinitx unità ekonomika distinta biżżejjed minn Air France u mill-kumpannija holding Air France-KLM sabiex dawn tal-aħħar ma jibbenefikawx mill-vantaġġ li jirriżulta mill-għoti tal-miżura inkwistjoni.

103    Fil-ħames lok, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-punti 147 sa 158 tas-sentenza appellata, billi dawn il-punti sempliċement jiċħdu, bħala spjegazzjoni, argument ippreżentat mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jaffettwaw id-Deċiżjoni kontenzjuża, dawn ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandu jiġi kkonstatat li, fl-aħħar mill-aħħar, il-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li KLM u s-sussidjarji tagħha kienu l-uniċi benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, issostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’tagħha stess, billi, b’mod globali, applikat piż differenti għar-rilevanza li għandha tingħata lil kull wieħed mill-fatturi sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni u billi interpretat b’mod differenti l-grad ta’ integrazzjoni meħtieġ sabiex grupp ta’ kumpanniji jitqies li jikkostitwixxi tali benefiċjarju, mingħajr ma wriet li l-konklużjoni li ġibdet il-Kummissjoni ma kinitx waħda plawżibbli.

105     Dan ifisser li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi u li, għaldaqstant, għandu jintlaqa’ t-tieni aggravju mqajjem mill-appellanti insostenn tal-appelli rispettivi tagħhom fil-Kawżi magħquda.

106    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tielet aggravju fil-Kawżi C‑269/24 P u C‑289/24 P.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

107    Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk kemm‑il darba tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

108    Dan huwa l-każ, hawnhekk, tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li KLM u s-sussidjarji tagħha biss kienu l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, esklużi l-kumpannija holding Air France-KLM u Air France.

109    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi adottati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 63 sa 159 tas-sentenza appellata sabiex tikkonstata li l-Kummissjoni għamlet tali żball manifest ta’ evalwazzjoni jkopru l-argumenti kollha mressqa minn Ryanair fl-ewwel istanza, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, sabiex turi l-eżistenza ta’ dan l-iżball.

110    Issa, mill-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punti 80 sa 105 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn il-motivi tas-sentenza appellata ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni għamlet l-imsemmi żball manifest ta’ evalwazzjoni, hekk li l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

111    Sa fejn għandhom x’jaqsmu, min-naħa l-oħra, it-tieni sal-ħames motiv tar-rikors, ibbażati, it-tieni wieħed, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt dwar in-nondiskriminazzjoni, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, it-tielet wieħed, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ Ryanair u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

112    Fil-fatt, it-tieni sal-ħames motiv, li jorbtu, fil-biċċa l-kbira, mal-fondatezza tad-Deċiżjoni kontenzjuża u li ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali, jinvolvu evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa.

113    Konsegwentement, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar il-motivi msemmija fil-punt 111 ta’ din is-sentenza u l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑7 ta’ Frar 2024, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM II; COVID‑19) (T‑146/22, EU:T:2024:68) hija annullata.

2)      Il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar it-tieni sal-ħames motiv tar-rikors ta’ Ryanair DAC.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.