|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2572 |
20.11.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2572
tad-19 ta’ Novembru 2026
li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-brodifakum, il-bromadijolon, il-klorofaċinon, il-kumatetralil, id-difenacoum, id-difetijalon u l-flokumafen għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 14 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
|
(1) |
Il-brodifakum, il-bromadijolon, il-klorofaċinon, il-kumatetralil, id-difenacoum, id-difetijalon u l-flokumafen huma approvati bħala sustanzi attivi għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 14 (rodentiċidi) skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1381 (2), (UE) 2017/1380 (3), (UE) 2017/1377 (4), (UE) 2017/1378 (5), (UE) 2017/1379 (6), (UE) 2017/1382 (7) u (UE) 2017/1383 (8) (“l-approvazzjonijiet”). L-approvazzjonijiet kellhom jiskadu fit-30 ta’ Ġunju 2024. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, tressqu applikazzjonijiet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet tal-brodifakum, tal-bromadijolon, tal-klorofaċinon, tal-kumatetralil, tad-difenakum, tad-difetijalon u tal-flokumafen għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 14 (rodentiċidi) (“l-applikazzjonijiet”). L-applikazzjonijiet ġew evalwati mill-awtoritajiet kompetenti tad-Danimarka, tal-Finlandja, ta’ Franza, tan-Netherlands, tan-Norveġja u ta’ Spanja bħala l-awtoritajiet kompetenti tal-evalwazzjoni. |
|
(3) |
L-awtoritajiet kompetenti tal-evalwazzjoni għarrfu lill-Kummissjoni (9) li kienu ddeċidew, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienu meħtieġa evalwazzjonijiet sħaħ tal-applikazzjonijiet. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/734 (10) ipposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-brodifakum, il-bromadijolon, il-klorofaċinon, il-kumatetralil, id-difenacoum, id-difetijalon u l-flokumafen għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 14 sal-31 ta’ Diċembru 2026, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjonijiet. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fl-14 ta’ Mejju 2025, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi adottat l-opinjonijiet (11) , (12) , (13) , (14) , (15) , (16) , (17) imfassla mill-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali tagħha, wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-evalwazzjoni u ressqithom lill-Kummissjoni. |
|
(6) |
F’konformità mal-opinjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, il-brodifakum, il-bromadijolon, il-klorofaċinon, il-kumatetralil, id-difenakum, id-difetijalon u l-flokumafen huma kklassifikati fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) bħala tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1 A jew 1B, u għalhekk jissodisfaw il-kriterju ta’ esklużjoni stabbilit fl-Artikolu 5(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Is-sustanzi brodifakum, bromadijolon, difenakaum, difetijalon u flokumafen jissodisfaw ukoll il-kriterji fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) minħabba li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi, u għalhekk jissodisfaw il-kriterju ta’ esklużjoni stabbilit fl-Artikolu 5(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Is-sustanzi difetijalon u flokumafen jissodisfaw ukoll il-kriterji fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 minħabba li huma persistenti u bijoakkumulattivi ħafna (“vPvB”), u għalhekk jissodisfaw il-kriterju ta’ esklużjoni stabbilit fl-Artikolu 5(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-approvazzjonijiet tal-brodifakum, tal-bromadijolon, tal-klorofaċinon, tal-kumatetralil, tad-difenakum, tad-difetijalon u tal-flokumafen, jisgħu jiġġeddu biss jekk is-sustanzi attivi jkunu għadhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu ta’ dak ir-Regolament. |
|
(8) |
Meta jitqies iż-żmien li għadu meħtieġ biex il-Kummissjoni tlesti l-analiżi tagħha u tressaq proposta għal deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, inklużi d-diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, mhux se jkun possibbli li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet qabel l-iskadenza tal-approvazzjonijiet attwali. |
|
(9) |
Għaldaqstant, minħabba raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikanti, l-approvazzjonijiet x’aktarx se jiskadu qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħhom. Għalhekk, jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjonijiet tiġi posposta ulterjorment għal perjodu ta’ żmien biżżejjed biex jitlesta l-eżami tal-applikazzjonijiet. |
|
(10) |
Filwaqt li jitqies iż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 14, jenħtieġ li d-dati tal-iskadenza ta’ dawk l-approvazzjonijiet jiġu posposti għall-31 ta’ Diċembru 2027. |
|
(11) |
Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjonijiet, il-brodifakum, il-bromadijolon, il-klorofaċinon, il-kumatetralil, id-difenakum, id-difetijalon u l-flokumafen jibqgħu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 14 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi tad-Direttivi tagħhom, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-brodifakum, il-bromadijolon, il-klorofaċinon, il-kumatetralil, id-difenacoum, id-difetijalon u l-flokumafen għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 14 stabbilita fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1381, (UE) 2017/1380, (UE) 2017/1377, (UE) 2017/1378, (UE) 2017/1379, (UE) 2017/1382 u (UE) 2017/1383, b’mod rispettiv, hi posposta sal-31 ta’ Diċembru 2027.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1381 tal-25 ta’ Lulju 2017 li jġedded l-approvazzjoni tal-brodifakum bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip 14 (ĠU L 194, 26.7.2017, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1381/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1380 tal-25 ta’ Lulju 2017 li jġedded l-approvazzjoni tal-bromadijolon bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip 14 (ĠU L 194, 26.7.2017, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1380/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1377 tal-25 ta’ Lulju 2017 li jġedded l-approvazzjoni tal-klorofaċinon bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip 14 (ĠU L 194, 26.7.2017, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1377/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1378 tal-25 ta’ Lulju 2017 li jġedded l-approvazzjoni tal-kumatetralil bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip 14 (ĠU L 194, 26.7.2017, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1378/oj).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1379 tal-25 ta’ Lulju 2017 li jġedded l-approvazzjoni tad-difenakum bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip 14 (ĠU L 194, 26.7.2017, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1379/oj).
(7) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1382 tal-25 ta’ Lulju 2017 li jġedded l-approvazzjoni tad-difetijalon bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip 14 (ĠU L 194, 26.7.2017, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1382/oj).
(8) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1383 tal-25 ta’ Lulju 2017 li jġedded l-approvazzjoni tal-flokumafen bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip 14 (ĠU L 194, 26.7.2017, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1383/oj).
(9) Fid-9 ta’ Novembru 2023, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tad-Danimarka għarrfet lill-Kummissjoni dwar il-kumatetralil, fis-27 ta’ Marzu 2023 l-awtorità kompetenti tal-Finlandja għarrfitha dwar id-difenacoum, fil-25 ta’ Mejju 2023 l-awtorità kompetenti ta’ Franza infurmatha dwar il-bromadijolon, fit-23 ta’ Ottubru 2023 l-awtorità kompetenti tan-Netherlands infurmatha dwar il-brodifakum u l-flokumafen, fl-1 ta’ Novembru 2023 l-awtorità kompetenti tan-Norveġja infurmatha dwar id-difetijalon, fit-18 ta’ Ottubru 2023 l-awtorità kompetenti ta’ Spanja infurmatha dwar il-klorofaċinon.
(10) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/734 tas-27 ta’ Frar 2024 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-brodifakum, il-bromadiolon, il-klorofaċinon, il-kumatetralil, id-difenacoum, id-difetijalon u l-flokumafen għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 14 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/734, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/734/oj).
(11) Biocidal Products Committee (BPC) opinion on the application for renewal of approval of the active substance: Brodifacoum, Product type: 14, ECHA/BPC/469/2025, adottata fl-14 ta’ Mejju 2025.
(12) Biocidal Products Committee (BPC) opinion on the application for renewal of approval of the active substance: Bromadiolone, Product type: 14, ECHA/BPC/475/2025, adottata fl-14 ta’ Mejju 2025.
(13) Biocidal Products Committee (BPC) opinion on the application for renewal of approval of the active substance: Chlorophacinone, Product type: 14, ECHA/BPC/472/2025, adottata fl-14 ta’ Mejju 2025.
(14) Biocidal Products Committee (BPC) opinion on the application for renewal of approval of the active substance: Coumatetralyl, Product type: 14, ECHA/BPC/471/2025, adottata fl-14 ta’ Mejju 2025.
(15) Biocidal Products Committee (BPC) opinion on the application for renewal of approval of the active substance: Difenacoum, Product type: 14, ECHA/BPC/474/2025, adottata fl-14 ta’ Mejju 2025.
(16) Biocidal Products Committee (BPC) opinion on the application for renewal of approval of the active substance: Difethialone, Product type: 14, ECHA/BPC/473/2025, adottata fl-14 ta’ Mejju 2025.
(17) Biocidal Products Committee (BPC) opinion on the application for renewal of approval of the active substance: Flocoumafen, Product type: 14, ECHA/BPC/470/2025, adottata fl-14 ta’ Mejju 2025.
(18) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1272/oj).
(19) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2572/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)