Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

5 ta’ Novembru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klassifikazzjoni, imballaġġ u ttikkettjar tas-sustanzi u tat-taħlitiet – Regolament Nru 1272/2008 – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) – Imballaġġi li fihom sustanza jew taħlita perikoluża – Diterġenti likwidi tal-ħasil tal-ħwejjeġ – Imballaġġi li fihom prodott tal-ikel – Xebh bejn l-imballaġġi – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ prodott alimentari likwidu – Suq ta’ riferiment – Portata tal-kunċett ta’ ‘konsumaturi’ – Persuni vulnerabbli – Livell ta’ riskju ta’ qerq fil-konfront tal-konsumaturi – Teħid in kunsiderazzjoni tal-kategorija ta’ perikolu u tar-riskju speċifiku marbut mal-espożizzjoni għas-sustanzi jew it-taħlitiet perikolużi – Moviment liberu tas-sustanzi u tat-taħlitiet – Protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u moviment liberu tal-prodotti kimiċi”

Fil-Kawża C‑395/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Svea hovrätt, Mark- och miljööverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, Taqsima għall-Kwistjonijiet Immobiljari u Ambjentali, l-Iżvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Ġunju 2025, fil-proċedura

Orkla Care AB

vs

Kemikalieinspektionen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

Komposta minn N. Fenger (Relatur), President ta’ Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Orkla Care AB, minn F. Sjövall u T. Strömshed, advokater, kif ukoll M. Borgcrantz u T. Edwinson, jurister,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn J.‑L. Carré, P. Chansou u B. Travard, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Ġunju 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 358, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1297/2014 tal‑5 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 350, p. 1), u bir-Regolament (UE) 2024/2865 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2024 (ĠU L, 2024/2865) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament CLP”). 

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Orkla Care AB (iktar ’il quddiem “Orkla”), kumpannija rregolata mid-dritt Żvediż, u l-Kemikalieinspektionen (l-Aġenzija tal-Prodotti Kimiċi, l-Iżvezja) (iktar ’il quddiem il-“KEMI”), fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti kimiċi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 648/2004

3        L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 dwar diterġenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 48), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 259/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 94, p. 16) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 648/2004”), jipprovdi, fil-punt 1a tiegħu:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[...]

1a. ‘Diterġent tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur’ tfisser diterġent għall-ħwejjeġ li jitqiegħed fis-suq għall-użu minn persuni mhux professjonisti, [...]”

 Ir-Regolament CLP

4        Il-premessi 1 u 2 tar-Regolament CLP jiddikjaraw:

“(1)      Dan ir-Regolament għandu jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi kimiċi, taħlitiet u ċerti oġġetti speċifiċi filwaqt li jsaħħaħ il-kompetittività u l-innovazzjoni.

(2)      Il-funzjonament effiċjenti tas-suq intern għas-sustanzi, it-taħlitiet u dawk l-oġġetti jista’ jinkiseb biss jekk ir-rekwiżiti applikabbli għalihom ma jvarjawx b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri.”

5        Taħt it-titolu “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, taħlitiet [...] billi:

(a)      jarmonizza l-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ sustanzi u taħlitiet, u r-regoli dwar l-ittikkettar u l-imballaġġ għas-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi;

[...]”

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘klassi ta’ periklu’ tfisser in-natura tal-periklu fiżiku, għas-saħħa jew ambjentali;

(2)      ‘kategorija ta’ periklu’ tfisser id-diviżjoni tal-kriterji fi ħdan kull klassi ta’ periklu, li tispeċifika l-gravità tal-perikolu;

[...]

(18)      ‘tqegħid fis-suq’ tfisser li tipprovdi jew li tagħmel disponibbli, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas, lil parti terzi. L-importazzjoni għandha titqies bħala tqegħid fis-suq;

[...]”

7        L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Sustanzi u taħlitiet perikolużi u speċifikazzjoni ta’ klassijiet ta’ periklu”, jiddikjara:

“Sustanza jew taħlita li tissodisfa l-kriterji relatati ma’ perikli fiżiċi, perikli tas-saħħa jew perikli ambjentali, imniżżla fil-partijiet 2 sa 5 ta’ l-Anness I hija perikoluża u għandha tiġi kklassifikata f’relazzjoni mal-klassijiet ta’ periklu rispettivi previsti f’dak l-Anness.

[...]”

8        L-Artikolu 4 tar-Regolament CLP, intitolat “Obbligi ġenerali ta’ klassifikazzjoni, ittikkettar u mballaġġ”, jipprovdi fil-paragrafi 4 u 10 tiegħu:

“4.      Fejn sustanza jew taħlita jkunu klassifikati bħala perikolużi, il-fornituri ta’ sustanza jew taħlita għandhom jiżguraw li s-sustanza jew it-taħlita jkunu ttikkettati u mballati skond it-Titolu III u IV, qabel jitqiegħdu fis-suq.

[...]

10.      Is-sustanzi u t-taħlitiet m'għandhomx jitqiegħdu fis-suq ħlief jekk ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament.”

9        L-Artikolu 9(5) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Fl-evalwazzjoni ta’ l-informazzjoni disponibbli għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni, il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti ‘downstream’ għandhom iqisu l-forom jew l-istati fiżiċi li fihom is-sustanza jew it-taħlita tjitqiegħed fis-suq u li fihom jistgħu raġonevolment ikunu mistennija li jintużaw.”

10      L-Artikoli 17 sa 22 tal-imsemmi regolament jirrigwardaw l-elementi li għandhom jinsabu fit-tikketta li jkollha sustanza jew taħlita kklassifikata bħala perikoluża u li tinsab f’imballaġġ.

11      Skont l-Artikolu 35 tal-istess regolament, intitolat “Imballaġġ”:

“1.      Imballaġġ li jkun fih sustanzi jew taħlitiet perikolużi għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

[...]

(ċ)      l-imballaġġ u l-għeluq għandhom ikunu b’saħħithom u solidi f’kull parti biex ikun żgurat li ma jinħallux u li jilqgħu b’sikurezza għall-istress u t-tensjoni normali ta’ l-immaniġġar;

[...]

2.      L-imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża fornut lill-pubbliku ġenerali m’għandux ikollu forma jew disinn biċ-ċans li jiġbed jew iqajjem il-kurżità attiva tat-tfal jew li jqarraq bil-konsumaturi, jew ikollu preżentazzjoni jew disinn [estetika] simili użat għall-oġġetti ta’ l-ikel jew għalf ta’ l-annimali jew prodotti mediċinali [mediċi] jew kosmetiċi, li jqarraq bil-konsumaturi.

[...]

Fejn l-imballaġġ ikun fih sustanza jew taħlita li tissodisfa r-rekwiżiti tat-taqsima 3.2.1 ta’ l-Anness II huwa għandu jkollu twissija ta’ periklu li tinħass skond it-taqsima 3.2.2 ta’ l-Anness II.

Meta diterġent likwidu tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumaturi, kif definit [fil-punt 1a tal-Artikolu 2] tar-Regolament [Nru 648/2004], jitpoġġa f’imballaġġ b’użu uniku li jinħall, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti addizzjonali tat-Taqsima 3.3 tal-Anness II.

[...]”

12      L-Artikolu 43 tar-Regolament CLP jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-proposti għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar armonizzati u l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar ta’ l-obbligi mniżżla f’dan ir-Regolament.

[...]”

13      Skont l-Artikolu 46(1) ta’ dan ir-regolament:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha, inkluż iż-żamma ta’ sistema ta’ kontrolli uffiċjali, biex jiżguraw li sustanzi u taħlitiet ma jitqiegħdux fis-suq, kemm-il darba ma jkunux ġew klassifikati, ittikkettati, notifikati u mballati skond dan ir-Regolament.”

14      Il-punti 3.3, 3.3.1.1 u 3.3.2 tal-Anness I tal-imsemmi regolament, intitolat “Rekwiżiti għall-klassifikazzjoni u t-tikkettar għal sustanzi u taħlitiet perikolużi”, jiddikjaraw:

“3.3. Ħsara serja lill-għajnejn / irritazzjoni tal-għajnejn

[...]

3.3.1.1. [...]

Irritazzjoni tal-għajnejn tfisser il-produzzjoni ta’ bidliet fl-għajn, jkunu kompletament riversibbli, li jseħħu wara esponiment tal-għan għal sustanza jew taħlita.

[...]

3.3.2. Kriterji dwar il-klassifikazzjoni tas-sustanzi

Is-sustanzi jitqiegħdu f’waħda mill-kategoriji f’din il-klassi ta’ periklu, il-Kategorija 1 (ħsara serja lill-għajnejn) jew il-Kategorija 2 (irritazzjoni tal-għajnejn), kif ġej:

[...]

(b)      Kategorija 2 (irritazzjoni tal-għajnejn):

sustanzi li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw irritazzjoni riversibbli tal-għajnejn (ara t-Tabella 3.3.2).

[...]”

15      Il-punt 3.3 tal-Anness II tal-imsemmi regolament, intitolat “Diterġenti likwidi tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumaturi f’imballaġġ b’użu uniku li jinħall”, jipprovdi:

“[...]

3.3.2. L-imballaġġ estern għandu:

[...]

(iv)      mingħajr ħsara għar-rekwiżiti tat-Taqsima 3.1, ikun mgħammar b’għeluq li:

[...]

(b)      isostni l-funzjonalità tiegħu taħt kundizzjonijiet ta’ ftuħ u għeluq kontinwu għall-ħajja kollha tal-imballaġġ estern.”

 Ir-Regolament (UE) 2019/1020

16      L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/20111 (ĠU 2019, L 169, p. 1), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal prodotti li huma soġġetti għal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni elenkata fl-Anness I [...], dment li ma jkun hemm ebda dispożizzjoni speċifika bl-istess objettiv fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, li tirregola b’mod aktar speċifiku aspetti partikolari tal-infurzar u tas-sorveljanza tas-suq.”

17      L-Anness I tar-Regolament 2019/1020, intitolat “Lista ta’ leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni”, jelenka l-atti tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Fost dawn l-atti hemm, fil-punt 25 ta’ dan l-Anness I, ir-Regolament CLP.

 Il-dritt Żvediż

18      Bis-saħħa tal-Artikolu 9, li jinsab fil-Kapitolu 26 tal-miljöbalken (1998: 808) (il-Kodiċi tal-Ambjent (1998: 808)) tal‑11 ta’ Ġunju 1998 (SFS 1998, Nru 808), il-KEMI għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-ordnijiet u l-projbizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-Regolament 2019/1020.

19       Skont l-Artikoli 19 u 21 tal-Kapitolu 2 tal-miljötillsynsförordningen (2011:13) (ir-Regolament (2011:13) dwar is-Sorveljanza fil-Qasam tal-Ambjent), il-KEMI hija l-awtorità ta’ sorveljanza tas-suq li, bis-saħħa tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/1020, tieħu l-miżuri xierqa meta prodott li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, li jintuża konformement mal-għan maħsub tiegħu jew f’ċirkustanzi raġonevolment prevedibbli u li huwa installat u miżmum kif suppost, jista’ jikkomprometti s-saħħa jew is-sigurtà tal-utenti, jew ma jkunx konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni applikabbli. F’każ bħal dan, il-KEMI għandha mingħajr dewmien teżiġi li l-operatur ekonomiku kkonċernat jieħu azzjoni korrettiva xierqa u proporzjonata sabiex itemm in-nuqqas ta’ konformità jew jelimina r-riskju fit-terminu ta’ żmien stabbilit minnha.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Orkla, kumpannija rregolata mid-dritt Żvediż, tikkummerċjalizza prodotti kimiċi bħal diterġenti likwidi tal-ħasil tal-ħwejjeġ.

21      Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-istampi li jinsabu fl-anness tagħha, jirriżulta li l-imballaġġ ta’ dawn il-prodotti huwa magħmul minn kartuna kkulurita, fil-forma ta’ brikk għat-tul, li għandha għatu mitwi li fuqu jitqiegħed tapp bil-kamin fuq naħa waħda tat-tinja.

22      Wara li xi konsumaturi ġibdulha l-attenzjoni dwar il-fatt li dan l-imballaġġ kien simili għall-imballaġġi tal-prodotti tal-ikel u seta’ jqarraq lill-konsumaturi, il-KEMI stiednet lil Orkla tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan il-punt kif ukoll dwar il-konformità tal-imsemmi imballaġġ mar-rekwiżiti tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP.

23      Orkla kkontestat l-eżistenza ta’ tali xebh u n-nuqqas ta’ konformità tal-imballaġġi tal-prodotti inkwistjoni ma’ dawn ir-rekwiżiti. Hija sostniet li l-imsemmija imballaġġi jinkludu rappreżentazzjonijiet ta’ tessuti u mhux elementi li jistgħu jiġu konfużi ma’ prodotti tal-ikel; li l-imsemmija imballaġġi kienu joffru garanziji suffiċjenti ta’ sigurtà ladarba għandha titneħħa tikketta li tissiġilla l-ftuħ qabel ma dawn il-prodotti jkunu jistgħu jintużaw, u li magħhom ikun hemm informazzjoni li l-kontenut ma għandux jiġi inġerit; li l-imsemmija prodotti huma biss irritanti għall-għajnejn u ma jippreżentawx perikolu fil-każ ta’ inġestjoni u li l-għażla tal-kartuna kienet immotivata minn kunsiderazzjonijiet ekoloġiċi.

24      Il-KEMI qieset li l-preżentazzjoni tal-imballaġġ tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri kemm il-forma tiegħu kif ukoll l-estetika tiegħu, flimkien mal-kulur tiegħu u t-tikketta mwaħħla miegħu, bl-indikazzjoni li l-prodott huwa vegan, setgħet tqarraq lill-konsumaturi, peress li dawn il-prodotti setgħu jiġu konfużi ma’ prodotti tal-ikel. Għalhekk hija qieset li dan l-imballaġġ ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP u ddeċidiet li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ disa’ prodotti li kienu jikkorrispondu għal deterġenti likwidi tal-ħasil tal-ħwejjeġ f’dan it-tip ta’ imballaġġ.

25      Orkla ppreżentat rikors quddiem il-Mark- och miljödomstolen i Nacka (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Immobiljari u Ambjentali sedenti f’Nacka, l-Iżvezja). Din il-qorti kkunsidrat li, fid-dawl tal-estetika, tad-daqs u tal-mekkaniżmu ta’ għeluq tal-imballaġġi tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, flimkien mal-kulur u l-preżentazzjoni tagħhom, dawn l-imballaġġi setgħu jiġu konfużi ma’ dawk użati għall-ippakkjar tal-prodotti tal-ikel, b’mod partikolari l-ħalib, il-jogurt, il-meraq tal-frott u prodotti alimentari likwidi oħra, u, b’dan il-mod, jiġbdu u jqajmu l-kurżità tat-tfal. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-KEMI kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mar-Regolament CLP, u ċaħdet ir-rikors ta’ Orkla. Madankollu, hija bidlet din id-deċiżjoni fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tagħha billi ċaqalqitha għal tliet xhur wara li s-sentenza tagħha saret res judicata.

26      Orkla appellat minn din is-sentenza quddiem is-Svea hovrätt, Mark- och miljööverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, Sezzjoni għall-Affarijiet Immobiljari u Ambjentali, l-Iżvezja), li hija l-qorti tar-rinviju.

27      Din il-qorti għandha dubji dwar jekk l-imballaġġ tal-prodotti inkwistjoni, li huma sustanzi jew taħlitiet ikklassifikati bħala perikolużi skont ir-Regolament CLP, jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament.

28      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat, konformement mal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP, ix-xebh bejn il-preżentazzjoni jew l-estetika ta’ imballaġġ li fih sustanza jew taħlita perikoluża u l-imballaġġi li jintużaw għall-prodotti tal-ikel. Għalhekk, din il-qorti tistaqsi jekk il-karatteristiċi intiżi sabiex issir distinzjoni bejn tali imballaġġ u dak ta’ prodott tal-ikel jistgħux jitneħħew waqt l-ewwel użu tal-prodott jew jekk għandhomx jibqgħu fuq l-imballaġġ b’mod intatt u permanenti.

29      Fit-tieni lok, hija tistaqsi dwar is-suq ta’ riferiment sabiex tevalwa tali xebh skont din id-dispożizzjoni.

30      Fit-tielet lok, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-mod kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “konsumaturi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni u, b’mod iktar preċiż, jekk huwiex neċessarju li f’dan il-kunċett tiġi inkluża l-kategorija ta’ persuni vulnerabbli.

31      Fir-raba’ lok, hija għandha dubji dwar il-livell ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għall-konsumaturi li teżiġi l-istess dispożizzjoni u dwar ir-rilevanza, f’dan ir-rigward, tal-eżistenza ta’ każijiet ikkonfermati ta’ konfużjoni.

32      Fil-ħames u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina jekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konformità ta’ imballaġġ li fih sustanza jew taħlita perikoluża mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP, hijiex determinanti l-kategorija tal-perikolu mġarrab mill-konsumatur fil-każ ta’ konfużjoni u r-riskju speċifiku marbut mal-espożizzjoni għal din is-sustanza jew għal din it-taħlita.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Svea hovrätt, Mark- och miljööverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, Sezzjoni għall-Kwistjonijiet Immobiljari u Ambjentali), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fuq il-bażi ta’ liema kriterji ddettaljati għandu jiġi evalwat, skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament [CLP], jekk imballaġġ għandux preżentazzjoni jew estetika simili għal dawk użati, pereżempju, għall-prodotti tal-ikel? Il-miżuri [karatteristiċi] intiżi għad-distinzjoni ta’ imballaġġ minn, pereżempju, imballaġġ għal prodotti tal-ikel għandhom ikunu permanenti u jitħallew intatti matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-imballaġġ jew jistgħu jkunu intiżi li jitqattgħu?

2)      L-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk imballaġġ għandux preżentazzjoni jew estetika simili għal dawk, pereżempju, tal-prodotti tal-ikel għandha ssir abbażi ta’ imballaġġ għal prodotti tal-ikel disponibbli fuq is-suq fejn il-prodott huwa kkummerċjalizzat jew fuq is-suq fejn huwa pprovdut għall-pubbliku, u l-evalwazzjoni għandha allura ssir b’teħid inkunsiderazzjoni tas-suq nazzjonali biss, tas-suq kollu tal-Unjoni jew ta’ partijiet minn dan tal-aħħar?

3)      Kif għandu jiġi interpretat u applikat il-kunċett ta’ ‘konsumatur’, hekk kif użat fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament [CLP]? Dan il-kunċett ikopri biss il-konsumatur medju jew inkella għandu jinkludi wkoll il-gruppi ta’ konsumaturi vulnerabbli, bħal, pereżempju, il-persuni b’vista parzjali, il-persuni li jsofru minn diżabbiltà oħra u t-tfal? Jekk dan huwa l-każ, kif għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom?

4)      X’għandu jkun il-livell ta’ riskju li l-konsumatur jiġi mqarraq sabiex jaħseb li l-imballaġġ fih prodotti tal-ikel? Huwa biżżejjed li jkun hemm riskju teoretiku jew negliġibbli jew għandu r-riskju jkun reali? Meta ssir din l-evalwazzjoni, huwa rilevanti li wieħed jistaqsi jekk konfużjoni ma’ prodott tal-ikel effettivament seħħitx, meta din l-informazzjoni tkun disponibbli?

5)      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament [CLP], għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kategorija ta’ perikolu u r-riskju speċifiku marbut mas-sustanza jew mat-taħlita? Din id-dispożizzjoni, li tikkonċerna l-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża u li jkollhom preżentazzjoni jew estetika simili għal dawk użati għall-prodotti tal-ikel, għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għal imballaġġ li l-kontenut tiegħu, bħal fil-każ ineżami, huwa ta’ perikolu, mhux fil-każ li jinbela’, iżda sempliċiment fir-rigward ta’ istanzi oħra ta’ espożizzjoni, pereżempju, meta t-taħlita tista’ tikkawża irritazzjoni riversibbli tal-għajnejn?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

34      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, skont liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk l-imballaġġi li fihom sustanza jew taħlita perikoluża pprovduta lill-pubbliku ġenerali għandhomx preżentazzjoni jew estetika simili għal dawk użati għall-prodotti tal-ikel, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, bħala element determinanti, il-preżenza ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà mwaħħla fuq l-imballaġġi li fihom sustanza jew taħlita perikoluża, intiża sabiex tiddistingwihom minn dawk li fihom prodott tal-ikel, anki jekk dawn il-mezzi ma jibqgħux intatti matul il-ħajja kollha tal-imballaġġi li fihom tali sustanza jew taħlita.

35      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament CLP, sustanza jew taħlita li tissodisfa l-kriterji dwar il-perikoli fiżiċi, il-perikoli għas-saħħa jew il-perikoli għall-ambjent, hekk kif iddikjarati fil-partijiet 2 sa 5 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, hija perikoluża u hija kklassifikata bħala tali f’waħda mill-klassijiet ta’ perikolu previsti f’dan l-Anness I.

36      Huwa paċifiku li l-imballaġġ tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fih sustanza jew taħlita li tissodisfa l-kriterji ta’ perikolu għas-saħħa, iddikjarati fil-punt 3.3 tal-Anness I tal-imsemmi regolament, intitolat “Ħsara serja lill-għajnejn / irritazzjoni tal-għajnejn”, u li hija kklassifikata fil-kategorija 2 ta’ perikolu, imsejħa “irritazzjoni tal-għajnejn”, konformement mal-punt 3.3.2(b) ta’ dan l-Anness I.

37      Issa, meta sustanza jew taħlita tiġi kklassifikata bħala perikoluża, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament CLP jobbliga lill-fornituri jiżguraw li din is-sustanza jew din it-taħlita tiġi ttikkettata u ppakkjata konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titoli III u IV qabel ma titqiegħed fis-suq.

38      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 35 tar-Regolament CLP, li jaqa’ taħt it-Titolu IV ta’ dan ir-regolament, jiddikjara r-rekwiżiti li għandhom jissodisfaw l-imballaġġi li fihom tali sustanzi jew taħlitiet.

39      B’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tal-imsemmi regolament huwa intiż li jevita li l-konsumaturi jużaw prodott perikoluż differenti minn dak li għalih ikun maħsub. Fil-fatt, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża pprovduti lill-pubbliku ġenerali ma jkollhomx forma jew estetika li tista’ tiġbed jew tqajjem il-kurżità attiva tat-tfal jew tqarraq bil-konsumaturi, u lanqas ma jkollhom preżentazzjoni jew estetika simili għal dawk użati għall-prodotti tal-ikel, l-għalf jew il-prodotti mediċi jew kożmetiċi, li jista’ jqarraq bil-konsumaturi.

40      Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, b’mod iktar partikolari, it-tieni ipoteżi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP, jiġifieri l-fatt li l-preżentazzjoni jew l-estetika ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża ma għandhomx ikunu simili għal dawk użati b’mod partikolari għall-prodotti tal-ikel.

41      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kriterji li fuq il-bażi tagħhom għandha tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ xebh bejn il-preżentazzjoni u l-estetika ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u dawk li jintużaw għall-prodotti tal-ikel, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament ma ssemmix espliċitament tali kriterji.

42      Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li f’din il-formulazzjoni rrefera għal kunċetti wesgħin bħal dak ta’ “preżentazzjoni” tal-imballaġġi jew ukoll ta’ “estetika” tagħhom, separati bil-konġunzjoni “jew”, ikkunsidra t-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi kollha perċettibbli tal-imballaġġ ta’ sustanza jew ta’ taħlita perikoluża.

43      Għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat jekk l-imballaġġi li fihom sustanza jew taħlita perikoluża pprovduti lill-pubbliku ġenerali għandhomx preżentazzjoni jew estetika simili għal dawk użati għall-prodotti tal-ikel, li jqarrqu bil-konsumaturi, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-dehra ġenerali tal-imballaġġ.

44      B’mod partikolari, tali xebh għandu jitqies meta, fid-dawl tal-impressjoni ġenerali prodotta mill-imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża, dan l-imballaġġ jixbah lil dak ta’ prodott tal-ikel u jista’ jiġi konfuż ma’ dan tal-aħħar minħabba karatteristiċi oġġettivi bħal, b’mod partikolari, il-forma, id-daqs, il-volum, id-disinn, il-kulur, l-ittikkettjar, il-materjali ta’ kompożizzjoni, in-nisġa, jew ir-riħa tiegħu, jew kombinazzjoni ta’ wħud minn dawn l-elementi jew minn dawn l-elementi kollha, li normalment jippermettu lill-pubbliku ġenerali jidentifika l-prodotti tal-ikel.

45      Barra minn hekk, fid-dawl tad-diversità kbira tal-imballaġġi li jkun fihom sustanzi jew taħlitiet perikolużi, l-evalwazzjoni dwar jekk imballaġġ speċifiku jissodisfax ir-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP għandha ssir fuq bażi ta’ kull każ individwali.

46      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tar-Regolament CLP, li, kif jipprevedi l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, u kif tiddikjara l-premessa 1 tiegħu, huwa intiż b’mod partikolari li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Fid-dawl ta’ dan l-għan, ir-rekwiżiti dwar l-imballaġġ li jirriżultaw mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tal-imsemmi regolament għandhom għalhekk jiġu evalwati fid-dawl tal-kapaċità tagħhom li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi.

47      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u dak li jkun fih prodott tal-ikel, ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà mqiegħda fuq dan l-ewwel imballaġġ, anki jekk dawn il-karatteristiċi ma jkunux permanenti, peress li ma jibqgħux intatti għat-tul kollu tal-ħajja tal-imballaġġi li jkun fihom tali sustanza jew tali taħlita, dik il-qorti tindika li, f’dan il-każ, il-karatteristika hija l-preżenza ta’ tikketta li tkopri t-tapp imqiegħed fuq l-imballaġġ, li għandha titneħħa fil-mument li din is-sustanza jew din it-taħlita jintużaw għall-ewwel darba.

48      Peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP ma tipprovdix indikazzjoni partikolari f’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat il-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

49      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(5) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, meta jevalwaw l-informazzjoni disponibbli għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni, il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti downstream għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-forom jew l-istati fiżiċi li fihom is-sustanza jew it-taħlita jitqiegħdu fis-suq u, skont kull aspettattiva raġonevoli, “jintużaw”.

50      Barra minn hekk, l-Artikolu 35(1)(ċ) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-imballaġġi li jkun fihom sustanzi jew taħlitiet perikolużi għandhom, b’mod partikolari, jissodisfaw ir-rekwiżit li l-komponenti kollha tal-imballaġġi u l-mekkaniżmi tal-għeluq ikunu solidi u reżistenti, b’tali mod li ma jinħallux u li jilqgħu bis-sigurtà meħtieġa għall-istress u għall-effetti normali ta’ tqandil.

51      Barra minn hekk, fir-rigward tad-deterġenti likwidi tal-ħasil tal-ħwejjeġ intiżi għall-konsumaturi u ppakkjati f’imballaġġi b’użu uniku li jinħallu, mill-punt 3.3.2 tal-Anness II tar-Regolament CLP jirriżulta li l-imballaġġ tagħhom għandu jżomm il-funzjonalità tiegħu f’kundizzjonijiet ta’ ftuħ u ta’ għeluq repetuti “għall-ħajja kollha tal-imballaġġ estern”.

52      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li karatteristika ta’ sigurtà li tkopri u tissiġilla t-tapp imqiegħed fuq imballaġġ li jkun fih prodott perikoluż għandha tibqa’ fejn tkun tqiegħdet matul il-ħajja kollha ta’ dan l-imballaġġ. F’dan il-każ, fir-rigward ta’ deterġenti likwidi tal-ħasil tal-ħwejjeġ, li l-karatteristika ta’ sigurtà tagħhom tikkonsisti f’tikketta, għandu jiġi osservat li peress li dan it-tip ta’ prodott jintuża regolarment u għalhekk ikun preżenti fit-tul fid-djar, l-utilità ta’ din it-tikketta ma tisparixxix wara l-ewwel użu ta’ dan il-prodott.

53      Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li r-Regolament CLP għandu l-intenzjoni li jilħaq. Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Regolament CLP huwa intiż li jipproteġi mhux biss lix-xerrej ta’ sustanza jew ta’ taħlita perikoluża fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar ix-xiri, iżda wkoll lil kull utent potenzjali ta’ tali sustanza jew ta’ tali taħlita, u dan matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodott ikkonċernat, ġaladarba l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dan tal-aħħar u prodotti tal-ikel jista’ jeżisti kemm fil-mument tax-xiri kif ukoll waqt l-użu sussegwenti tal-imsemmi prodott.

54      Fir-rigward tal-preżenza ta’ twissija mwaħħla fuq l-imballaġġ li tindika, f’dan il-każ, li s-sustanza jew it-taħlita perikoluża li jkunu jinsabu fiha ma għandhomx jittieklu, li għaliha jsir riferiment ukoll fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif jirriżulta mill-Artikoli 17 sa 22 tar-Regolament CLP, l-imballaġġi li fihom sustanza jew taħlita perikoluża għandhom neċessarjament juri tali informazzjoni u għandhom jiġu ddiżinjati b’tali mod li jirreżistu kull ħsara li ssir fuqhom jew li ma jkunx hemm ħruġ tal-kontenut tagħhom. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw flimkien ma’ dawk li jirriżultaw mit-tieni parti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, indikazzjonijiet u twissijiet li jindikaw li l-prodott perikoluż inkwistjoni ma għandux jiġi inġerit mhux neċessarjament jinnewtralizzaw l-effett viżiv immedjat fuq il-konsumaturi tal-preżentazzjoni jew tal-estetika tal-imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża li, fid-dawl ta’ xebh ma’ dawk użati għall-prodotti tal-ikel, jista’ jiġi konfuż ma’ l-imballaġġ li jkun fih tali prodotti tal-ikel.

55      F’dan il-każ, tali karatteristika ta’ sigurtà addizzjonali, bħall-preżenza ta’ tikketta li tkopri t-tapp imqiegħed fuq l-imballaġġ, li tissiġilla l-ftuħ tiegħu u għandha titneħħa mal-ewwel użu ta’ din is-sustanza jew ta’ din it-taħlita, sa fejn dawn ma jbiddlux neċessarjament l-impressjoni ġenerali prodotta minn dan l-imballaġġ, fihom infushom, ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li l-konsumatur jitqarraq billi jikkonfondi dan l-imballaġġ b’mod partikolari ma’ dak tal-prodotti tal-ikel, bi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk l-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża pprovduti lill-pubbliku ġenerali għandhomx preżentazzjoni jew estetika simili għal dawk użati b’mod partikolari għall-prodotti tal-ikel, li jqarraq bil-konsumaturi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni:

–        għandha ssir, fuq bażi ta’ kull każ individwali, billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-dehra ġenerali tal-imballaġġ, u, b’mod partikolari, il-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, bħal, b’mod partikolari, il-forma, id-daqs, il-volum, id-disinn, il-kulur, l-ittikkettjar, il-materjali ta’ kompożizzjoni, in-nisġa, jew ir-riħa tiegħu, jew kombinazzjoni ta’ wħud minn dawn l-elementi jew minn dawn l-elementi kollha;

–        ma jimplikax it-teħid inkunsiderazzjoni, bħala element determinanti, ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà mwaħħla fuq l-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża, intiżi sabiex jiddistingwuhom minn dawk li jkun fihom prodott tal-ikel, meta dawn il-karatteristiċi ma jibqgħux intatti għat-tul kollu tal-ħajja tal-imballaġġi li jkun fihom tali sustanza jew tali taħlita.

 Fuq it-tieni domanda

57      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CPL għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-preżentazzjoni jew l-estetika ta’ imballaġġ li fih sustanza jew taħlita perikoluża pprovduta lill-pubbliku ġenerali u l-imballaġġi li jintużaw għall-prodotti tal-ikel, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss is-suq tal-Istat Membru kkonċernat jew għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni s-swieq ta’ Stati Membri oħra fejn din is-sustanza jew din it-taħlita tiġi kkummerċjalizzata.

58      Din il-qorti tippreċiża li l-KEMI hija kompetenti sabiex tiżgura s-sorveljanza tas-suq biss fir-rigward tal-imballaġġi ta’ prodotti mqiegħda għall-bejgħ fis-suq Żvediż u tesprimi dubji dwar is-sens tal-espressjoni “fornut lill-pubbliku ġenerali” li tinsab f’din id-dispożizzjoni.

59      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Qabel kollox, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CPL, minn dan jirriżulta li l-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża, li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni, huma dawk ipprovduti lill-“pubbliku ġenerali”. Issa, din is-sempliċi indikazzjoni, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat liema huwa s-suq ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti previsti minn din id-dispożizzjoni.

61      Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih jidħol l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 43 ta’ dan l-istess regolament, dan jafda l-eżekuzzjoni u l-kontroll tar-regoli previsti minnu lill-Istati Membri permezz tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom inkarigati, b’mod partikolari, mill-implimentazzjoni tal-obbligi ddefiniti mill-istess regolament. Dawn l-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli mill-effikaċja tas-sorveljanza tas-suq, billi jiżguraw li l-prodotti jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni applikabbli u billi jiżguraw, fit-territorju tagħhom, il-protezzjoni tal-interess pubbliku kopert minn dik il-leġiżlazzjoni.

62      Bis-saħħa tal-Artikolu 46(1) tar-Regolament CLP, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, inkluża l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ kontrolli uffiċjali, sabiex jiżguraw li s-sustanzi u t-taħlitiet ma jitqegħdux fis-suq mingħajr ma jkunu ġew ikklassifikati, ittikkettati, innotifikati u mballati konformement ma’ dan ir-regolament. Il-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu 46 jirreferi, għall-finijiet tal-paragrafu 1 tiegħu, għar-Regolament 2019/1020, li japplika, konformement mal-Artikolu 2 mal-punt 25 tal-Anness I ta’ dan l-aħħar regolament, għall-prodotti li jaqgħu taħt ir-Regolament CLP.

63      Issa, għandu jiġi rrilevat li l-punt 4 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/1020 jiddefinixxi l-awtorità ta’ sorveljanza tas-suq bħala awtorità maħtura minn Stat Membru inkarigata li tiżgura s-sorveljanza tas-suq “fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament 2019/1020, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom sabiex jiżguraw is-sorveljanza effikaċi tas-suq tal-prodotti mqiegħda għad-dispożizzjoni online u offline “fi ħdan it-territorju tagħhom” fir-rigward tal-prodotti suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni.

64      Għalhekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 61 sa 63 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li, waqt l-evalwazzjoni tal-konformità ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża mar-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP, l-awtorità ta’ sorveljanza ta’ Stat Membru tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-imballaġġ jirriproduċi d-dehra ta’ prodott magħruf u rrikonoxxut f’dak l-Istat. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni konkreta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tar-riskju ta’ qerq fil-konfront tal-konsumaturi, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, timplika neċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perċezzjoni tal-imballaġġi minn dawn il-konsumaturi. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni għandha tkun tista’ ssir fir-rigward tal-pubbliku effettivament espost għall-prodott kontenzjuż fis-suq nazzjonali fejn dan tal-aħħar jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan il-pubbliku.

65      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 11(9) tar-Regolament 2019/1020, li minnu jirriżulta li, bla ħsara għall-proċeduri ta’ salvagwardja tal-Unjoni previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni applikabbli tal-Unjoni, il-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ prodotti marbuta ma’ deċiżjoni meħuda f’dan is-sens minn awtorità ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru, imposta fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra, tista’ tiġi kkonfutata permezz ta’ deċiżjoni ta’ waħda minn dawn l-awtoritajiet li tasal għal konklużjoni kuntrarja fi tmiem investigazzjoni li tkun ħadet ħsieb tmexxi hija stess.

66      Issa, din il-possibbiltà rrikonoxxuta lill-awtoritajiet nazzjonali li jaslu għal konklużjoni differenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità ta’ prodott speċifiku minħabba diverġenza possibbli ta’ evalwazzjoni tistrieħ fuq rikonoxximent mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-fatt li, anki fil-kuntest ta’ armonizzazzjoni kompleta tar-regoli ta’ ttikkettjar u ta’ imballaġġ, il-perċezzjoni ta’ dan il-prodott u l-karatterizzazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku jistgħu ma jkunux identiċi fl-Unjoni kollha. Fil-fatt, tali possibbiltà hija bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni neċessarju ta’ elementi bħal, f’dan il-każ, il-preżentazzjoni abitwali ta’ ċerti prodotti, speċifika għal suq nazzjonali partikolari, bħall-perċezzjoni tagħha mill-konsumaturi ta’ dan is-suq.

67      Għandu jiġi osservat ukoll li qari tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP, fis-sens li din id-dispożizzjoni timplika li l-awtoritajiet nazzjonali li jevalwaw ix-xebh bejn il-prodotti ma jistgħux jieħdu inkunsiderazzjoni s-suq nazzjonali bħala suq ta’ referenza, iżda jkunu obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni dak ta’ Stati Membri oħra, jew saħansitra tal-Istati Membri kollha, ikun diffiċilment konċiljabbli ma’ wieħed mill-għanijiet ta’ dan ir-regolament li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, is-sempliċi konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ xebh bejn il-preżentazzjoni jew l-estetika ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u dawk użati għall-prodotti tal-ikel fi Stat Membru għandha tkun suffiċjenti sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem, peress li l-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-pubbliku effettivament espost għall-prodott kontenzjuż.

68      Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP, kif esposta fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, ma tmurx kontra l-għan imfittex minn dan ir-regolament li jiġi ggarantit qafas uniformi li jirregola r-rekwiżiti applikabbli għas-sustanzi u għat-taħlitiet sabiex jiġi żgurat, b’mod partikolari, il-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1)(a) tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 2 tiegħu.

69      Fil-fatt, il-kisba ta’ dan l-għan hija żgurata permezz ta’ determinazzjoni uniformi tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tax-xebh bejn il-preżentazzjoni jew l-estetika tal-imballaġġi li jkun fihom sustanzi jew taħlitiet perikolużi u dawk li jintużaw għall-prodotti tal-ikel fit-territorju kollu tal-Unjoni u, kif osserva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-kisba ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-fatt li, waqt l-evalwazzjoni ta’ dan ix-xebh, is-suq ta’ Stat Membru jista’ jikkostitwixxi s-suq ta’ referenza.

70      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP, kif esposta fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, lanqas ma tippreġudika l-għan l-ieħor ta’ dan ir-regolament li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tiegħu, u huwa ddikjarat fil-premessa 1 tiegħu, f’li jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ sustanzi kimiċi. F’dan ir-rigward, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE tal‑25 ta’ Ġunju 1987 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prodotti li, minħabba li jidhru li jkunu xi ħaġa oħra milli fil-fatt ikunu, jipperikolaw is-saħħa jew s-sigurtà tal-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 8, p. 283), li l-għan tagħha kien analogu għal dak tar-Regolament CLP u li l-għan doppju tagħha kien li tiġi żgurata l-protezzjoni adegwata u ekwivalenti tal-konsumaturi fl-Istati Membri kollha u li jiġu eliminati l-ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din id-direttiva kienet tapplika għal numru indefinit ta’ prodotti li għandhom ċerti karatteristiċi u li għalihom għandu jiġi ddeterminat, fuq bażi ta’ kull każ individwali u “skont kull Stat Membru”, jekk jistgħux jinvolvu r-riskji koperti mill-imsemmija direttiva (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Get Fresh Cosmetics, C‑122/21, EU:C:2022:421, punt 39).

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CPL għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-preżentazzjoni jew l-estetika ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u l-imballaġġi użati għall-prodotti tal-ikel, konformement mar-regoli armonizzati dwar l-ittikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi speċifiċi tas-suq nazzjonali li fih il-prodott inkwistjoni huwa kkummerċjalizzat, mingħajr ma jkun hemm bżonn neċessarjament li jiġi eżaminat jekk din il-preżentazzjoni jew din l-estetika hijiex ukoll ikkunsidrata bħala qarrieqa fi Stati Membri oħra li fit-territorju tagħhom dan il-prodott huwa kkummerċjalizzat.

 Fuq it-tielet domanda

72      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “konsumaturi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri biss il-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jew jekk għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll lit-tfal u l-persuni vulnerabbli li jistgħu jesperjenzaw diffikultajiet partikolari sabiex jipperċepixxu jew jevalwaw id-dehra ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża. Fil-każ li dan il-kunċett kellu jinftiehem fis-sens li jkopri tali persuni, din il-qorti tistaqsi dwar il-mod kif il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

73      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-portata tat-terminu “konsumaturi”, fis-sens tar-Regolament CLP, u, b’mod partikolari tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament, la dan tal-aħħar, u lanqas il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li għal darbtejn issemmi dan it-terminu, ma jippreċiżaw il-portata tiegħu.

74      Madankollu, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, fil-kuntest tar-Regolament CLP, u, b’mod partikolari, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma żiedx l-aġġettiv “medju” mat-terminu “konsumaturi”, bħalma huwa l-każ f’atti oħra tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

75      It-tieni nett, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi għall-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża pprovduta “lill-pubbliku ġenerali” u mhux lil pubbliku speċjalizzat. Kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tali riferiment jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kategoriji kollha ta’ konsumaturi, inklużi l-persuni vulnerabbli, li minnhom jista’ raġonevolment ikun mistenni li jixtru jew jużaw prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-imballaġġ tagħhom ikun fih sustanza jew taħlita perikoluża, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-konformità tal-imballaġġ ta’ tali prodotti mar-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni.

76      F’dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Gwida tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) dwar l-ittikkettjar u l-imballaġġ konformement mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, li, minkejja li ma hijiex ta’ natura legalment vinkolanti, tista’ tipprovdi elementi li jkunu utli għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, Cassella-med u MCM Klosterfrau, C‑589/23 EU:C:2025:173, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), jirriżulta li l-prodotti huma intiżi għall-“pubbliku ġenerali” meta jkunu, pereżempju, offruti għall-bejgħ jew jinsabu taħt promozzjoni minn bejjiegħ bl-imnut jew f’post tal-bejgħ fejn il-pubbliku ġenerali jkollu aċċess liberu għalihom jew meta jinbiegħu online, filwaqt li d-definizzjoni ta’ din l-espressjoni tkun tinsab fil-parti ta’ din il-gwida ddedikata b’mod partikolari għall-prodotti li għalihom ikollhom aċċess it-tfal.

77      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP ma ssemmix biss lill-“konsumaturi”, iżda ssemmi wkoll lit-“tfal”. Madankollu, ir-riferiment speċifiku għat-tfal ma jistax iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li dawn ma jaqgħux taħt it-terminu “konsumatur”. Kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-riferiment għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi biss l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jenfasizza l-importanza tat-teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-interessi tat-tfal.

78      Dawn il-konstatazzjonijiet jissostanzjaw interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tal-imsemmi regolament, fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jillimita l-portata tal-kunċett ta’ “konsumaturi” għall-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat li jixtri l-prodott li l-imballaġġ tiegħu jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u li, min-naħa tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-karatteristiċi tal-post tal-bejgħ jew tal-pożizzjoni ta’ dan il-prodott f’dan il-post tal-bejgħ, jista’ jiġi mqarraq, iżda adottat tifsira wiesgħa ta’ dan il-kunċett, li tinkludi l-individwi kollha li jistgħu jużaw l-imsemmi prodott wara l-mument tal-akkwist, inklużi t-tfal u l-persuni vulnerabbli, li fir-rigward tagħhom huwa raġonevolment possibbli li jitqies li, minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom, huma partikolarment esposti għall-probabbiltà ta’ konfużjoni.

79      Dan għandu jkun iktar u iktar il-każ peress li l-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tal-kategorija ta’ persuni vulnerabbli hija ikbar, ġaladarba wħud minnhom jistgħu jkunu iktar faċilment attirati u mqarrqa mid-dehra tal-imballaġġi. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-prodotti li, peress li ma jkollhomx id-dehra ta’ dak li huma, jikkompromettu s-saħħa jew is-sigurtà tal-konsumaturi, li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà li sustanza jew taħlita perikoluża tiġi konfuża ma’ prodott tal-ikel għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà assoċjata mal-kategoriji ta’ persuni u ta’ konsumaturi li jistgħu jkollhom quddiemhom prodotti li għandhom id-dehra ta’ prodotti tal-ikel, fosthom, b’mod partikolari, it-tfal (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Get Fresh Cosmetics, C‑122/21, EU:C:2022:421, punt 43).

80      L-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “konsumaturi” li tirriżulta mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP hija ssostanzjata mill-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni, ikkaratterizzat minn enfasi fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi u, b’mod partikolari, tat-tfal.

81      Għalhekk, l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament Nru 648/2004, li għalih jirreferi r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP, dwar id-“[deterġenti] tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur”, jirreferi għad-deterġenti mqiegħda fis-suq sabiex jintużaw minn “persuni mhux professjonisti”, u b’hekk iżomm tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ “konsumaturi”.

82      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP jipprovdi li ċerti imballaġġi għandhom ikollhom indikazzjoni ta’ periklu li tista’ tiġi pperċepita meta l-indikazzjoni tintmess, liema fatt jikkorrobora l-interpretazzjoni li l-kunċett ta’ “konsumaturi” jinkludi lil persuni vulnerabbli, peress li t-twissijiet tattili huma preċiżament intiżi għal persuni li għandhom nuqqasijiet fil-vista.

83      L-għan ta’ protezzjoni ta’ livell għoli tas-saħħa tal-bniedem, kif iddikjarat fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament CLP, jikkorrobora wkoll l-interpretazzjoni li r-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament ma kinux maħsuba sabiex jipproteġu biss lil konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Fil-fatt, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “konsumaturi” hija iktar u iktar neċessarja fir-rigward tas-sustanzi jew tat-taħlitiet li, bħal f’dan il-każ, ġew ikklassifikati bħala perikolużi fis-sens tal-imsemmi regolament, fid-dawl tal-konsegwenzi dannużi possibbli għas-saħħa ta’ dawn il-persuni fil-każ ta’ konfużjoni bejn tali sustanzi jew tali taħlitiet u prodotti tal-ikel.

84      Fit-tieni lok, fil-każ fejn il-kunċett ta’ “konsumaturi”, imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP, għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi l-persuni vulnerabbli, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-bżonnijiet speċifiċi ta’ dawn il-persuni u l-mod kif dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel kollox li d-determinazzjoni tax-xebh bejn il-preżentazzjoni jew l-estetika ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u l-imballaġġi użati għall-prodotti tal-ikel għandha ssir permezz ta’ evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni vulnerabbli.

86      B’mod partikolari, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità limitata, għal uħud, li jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab fuq l-imballaġġ u li jidentifikaw il-prodotti perikolużi jew li jipperċepixxu ċerti karatteristiċi ta’ dan l-imballaġġ – liema fatt iżid il-possibbiltà ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tagħhom minħabba x-xebh bejn il-preżentazzjoni u l-estetika tal-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża u l-imballaġġi użati għall-prodotti tal-ikel. Skont it-tip ta’ vulnerabbiltà kkunsidrata, ċerti karatteristiċi ta’ imballaġġ, jiġifieri, pereżempju, il-forma u n-nisġa perċettibbli meta dan jintmess, jew anki r-riħa, jistgħu jkunu iktar determinanti minn karatteristiċi oħra fl-identifikazzjoni tal-prodott għal kategorija ta’ persuni. L-apparenza sħiħa tal-imballaġġi għandha wkoll rwol partikolari, peress li ma għandhiex tevoka prodotti tal-ikel.

87      Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tfal, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jevalwaw jekk il-karatteristiċi ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża, bħal, b’mod partikolari, dawk imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-forma, id-daqs, il-volum, il-kulur, ir-riħa, il-materjali ta’ kompożizzjoni tal-imballaġġ, jew inkella kombinazzjoni ta’ wħud minn dawn l-elementi jew ta’ dawn l-elementi kollha, humiex ta’ natura li jqarrqu bit-tfal, billi jevokaw prodott li kommestibbli, bħal, f’dan il-każ, xarba.

88      F’dan il-każ, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jivverifikaw, permezz ta’ evalwazzjoni globali, jekk, fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti fil-punti 85 sa 87 ta’ din is-sentenza, il-preżentazzjoni jew l-estetika ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża, fosthom il-forma ta’ brikk għat-tul, il-kartun bħala materjal tal-manifattura kif ukoll l-assoċjazzjoni tal-kuluri użati u l-indikazzjonijiet li jinsabu fihom, jevokawx f’moħħ il-konsumaturi dawk użati għal prodott tal-ikel, bħal f’dan il-każ, xarba, bi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “konsumaturi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri kemm lill-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat kif ukoll lit-tfal u l-persuni vulnerabbli li jistgħu jesperjenzaw diffikultajiet partikolari sabiex jipperċepixxu jew jevalwaw id-dehra ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-preżentazzjoni jew l-estetika ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u l-imballaġġi użati għall-prodotti tal-ikel, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, imwettqa permezz ta’ evalwazzjoni tad-dehra ġenerali ta’ dan l-imballaġġ, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ dawn il-persuni li jipperċepixxu l-karatteristiċi tal-imsemmi imballaġġ.

 Fuq ir-raba’ domanda

90      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP għandux jiġi interpretat fis-sens li l-karatterizzazzjoni ta’ riskju ta’ qerq tal-konsumaturi bħala wieħed mhux negliġibbli hija suffiċjenti sabiex jitqies li r-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni ma ġewx issodisfatti u li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ tali riskju, huwa determinanti l-fatt li diġà seħħet konfużjoni bejn imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u dak li jkun fih prodott tal-ikel.

91      Din il-qorti tirrileva, essenzjalment, li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament jistgħu jagħtu x’jifhem li teżisti differenza fir-rigward tal-livell ta’ riskju meħtieġ miż-żewġ ipoteżijiet imsemmija f’dik id-dispożizzjoni, jiġifieri dik li tikkonċerna l-possibbiltà li forma jew estetika tattira jew tinkoraġġixxi l-kurżità attiva tat-tfal jew titqarraq bil-konsumaturi u dik li tikkonċerna x-xebh tal-preżentazzjoni jew tal-estetika tal-imballaġġi kkonċernati li titqarraq bil-konsumaturi. Skont l-imsemmija qorti, ma huwiex eskluż li t-tieni ipoteżi teżiġi riskju ogħla mill-ewwel ipoteżi. Għalhekk, hija tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (“likely [...] to mislead consumers, or have a similar presentation or a design used for foodstuff [...], which would mislead consumers”), Franċiża, (“susceptible [...] d’induire les consommateurs en erreur, ni une présentation ou une esthétique similaire à celles qui sont utilisées pour les denrées alimentaires, [...] qui tromperait les consommateurs”) u Żvediża (“en form eller formgivning som kan […] vilseleda konsumenterna eller ha ett utförande eller en formgivning som liknar dem som används för livsmedel […] som skulle vilseleda konsumenterna”).

92      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP ivarja skont il-verżjonijiet lingwistiċi. Għalhekk, verżjonijiet lingwistiċi differenti minn dawk iċċitati mill-qorti tar-rinviju, bħall-verżjoni bil-lingwa Taljana (“o sia tale da indurre i consumatori in errore, né hanno una presentazione o un disegno [...], atti a indurre i consumatori in errore”), jew Rumena (“care să inducă în eroare consumatorii si, de asemenea, trebuie să nu aibă o prezentare similară sau un aspect utilizat(ă) pentru produsele alimentare sau pentru hrana pentru animale sau pentru produsele cosmetice ori medicinale, care să inducă în eroare consumatorii”), tuża espressjoni waħda għall-kapaċità tal-imballaġġ li jitqarraq bil-konsumatur.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, lil hinn minn dawn id-diverġenzi semantiċi, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP kollha jirreferu għar-rekwiżit li l-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża pprovduti lill-pubbliku ġenerali ma għandhomx ikunu ta’ natura li joħolqu probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumatur.

94      Kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ tali riskju għandha tiġi stabbilita wara analiżi tax-xebh bejn l-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża u l-imballaġġi li jkun fihom prodott tal-ikel, ibbażata fuq karatteristiċi oġġettivi bħal, b’mod partikolari, il-forma, id-daqs, il-volum, id-disinn, il-kulur, l-ittikkettjar, il-materjali ta’ kompożizzjoni, in-nisġa, ir-riħa tiegħu, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit limitu ta’ riskju, li fuq il-bażi tiegħu l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP ikunx applikabbli jew le.

95      Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tar-Regolament CLP li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament, li huwa intiż li jevita konfużjoni bejn imballaġġ speċifiku li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u imballaġġ li jkun fih prodotti tal-ikel, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li huwa meħtieġ livell għoli ta’ riskju ta’ qerq tal-konsumaturi, iżda, kif ġie rrilevat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa biżżejjed li r-riskju jkun mhux negliġibbli.

96      Fir-rigward tal-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju dwar ir-rilevanza, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni tar-riskju, ta’ preċedent ta’ konfużjoni kkonfermata bejn imballaġġ speċifiku li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u imballaġġ li jkun fih prodotti tal-ikel, għandu jitqies li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP ma jissuġġettax l-osservanza tar-rekwiżiti li huwa jistabbilixxi għall-kundizzjoni li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ każijiet ikkonfermati ta’ qerq tal-konsumaturi.

97      Fil-fatt, għalkemm l-eżistenza ta’ tali preċedent tista’ tikkostitwixxi indizju dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ qerq tal-konsumaturi, il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali huma obbligati juru, bl-għajnuna tal-informazzjoni disponibbli, li effettivament seħħet konfużjoni ma’ imballaġġi li jkun fihom prodotti tal-ikel jew li l-assenza ta’ tali prova għandha neċessarjament twassal lil dawn l-awtoritajiet jikkonkludu li tali riskju kien assenti. Interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tgħid li hija meħtieġa l-prova ta’ każijiet ikkonfermati ta’ konfużjoni tmur, barra minn hekk, kontra l-għan tar-Regolament CLP ta’ protezzjoni ta’ livell għoli tas-saħħa tal-bniedem.

98      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 87/357, li l-għan tagħha kien analogu għal dak tar-Regolament CLP, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma kellhomx għalfejn jipprovaw, permezz ta’ data oġġettiva u sostanzjata, li l-konsumaturi kienu ser jikkonfondu l-prodotti koperti minn din id-direttiva ma’ prodotti tal-ikel u li r-riskji sussegwenti ta’ danni fiżiċi jkunu ġew ikkonfermati (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Get Fresh Cosmetics, C‑122/21, EU:C:2022:421, punt 44).

99      Minn dan isegwi li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP għandu jiġi interpretat fis-sens li l-karatterizzazzjoni ta’ riskju ta’ qerq tal-konsumaturi bħala mhux negliġibbli hija suffiċjenti sabiex jitqies li r-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni ma jkunux ġew issodisfatti, mingħajr ma tkun determinanti, f’dan ir-rigward, il-prova ta’ preċedenti ta’ konfużjoni kkonfermata bejn imballaġġ speċifiku li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u imballaġġ li jkun fih prodott tal-ikel.

 Fuq il-ħames domanda

100    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-imballaġġ ta’ sustanza jew ta’ taħlita perikoluża mar-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni, huma determinanti l-klassi jew il-kategorija ta’ perikolu li taħtha jaqgħu din is-sustanza jew din it-taħlita jew ukoll ir-riskju speċifiku marbut magħhom u, fl-affermattiv, jekk għandux jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmija dispożizzjoni tapplika għall-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża u li għandhom preżentazzjoni jew estetika simili għal dawk użati għall-prodotti tal-ikel, meta dan il-kontenut ma jippreżentax perikolu fil-każ ta’ inġestjoni.

101    Din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-evalwazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-osservanza tar-rekwiżiti previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament hijiex dejjem l-istess, tkun xi tkun il-kategorija ta’ perikolu li fiha jiġi kklassifikat il-prodott inkwistjoni. B’mod partikolari, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprojbixxi l-fatt li imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża jkollhom preżentazzjoni jew estetika simili għall-imballaġġi użati għall-prodotti tal-ikel, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-fatt li l-perikolu mġarrab fil-każ ta’ konfużjoni bejn tali imballaġġ jkun, f’dan il-każ, dak ta’ irritazzjoni temporanja tal-għajnejn meta jseħħ kuntatt mal-għajnejn, u mhux perikolu fil-każ ta’ inġestjoni ta’ din is-sustanza jew ta’ din it-taħlita, huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, peress li l-imballaġġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jixbhux lil dawk ta’ prodott intiż li jiġi f’kuntatt mal-għajnejn, konfużjoni possibbli ma’ dawk tal-prodotti tal-ikel tkun irrilevanti għall-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur jirriskjax li jiġi espost għal din l-irritazzjoni.

102    Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kontenut tal-imballaġġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’, konformement mal-punt 3.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP, taħt il-klassi ta’ perikolu intitolata “Ħsara serja lill-għajnejn / irritazzjoni tal-għajnejn” u, bis-saħħa tal-punt 3.3.2 ta’ dan l-Anness I, taħt il-kategorija 2 ta’ din il-klassi ta’ perikolu msejħa “irritazzjoni tal-għajnejn” relatata mas-sustanzi li jistgħu jikkawżaw irritazzjoni riversibbli tal-għajnejn.

103    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tidher li titlaq mill-premessa li l-kontenut ta’ dawn l-imballaġġi ma jippreżentax perikolu fil-każ ta’ inġestjoni. Għalkemm Orkla ssostni, hija wkoll, li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex perikolużi f’każ ta’ inġestjoni, hija madankollu tammetti, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li dawn fihom aġenti tensjoattivi li jistgħu jikkawżaw nawżea u rimettar temporanji.

104    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li għalkemm ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament CLP jikkonċernaw biss kategoriji ta’ perikolu speċifiċi assoċjati ma’ ċerti sustanzi jew taħlitiet, dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament, fosthom b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2), huma ta’ natura ġenerali u japplikaw bl-istess mod għas-sustanzi kollha u għat-taħlitiet perikolużi kollha.

105    Sa fejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP japplika għall-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża pprovduti lill-pubbliku ġenerali u li jkollhom forma jew estetika simili għal dawk użati, b’mod partikolari, għall-prodotti tal-ikel, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix it-teħid inkunsiderazzjoni, b’mod determinanti, tal-klassi u tal-kategorija ta’ perikolu li taħtha jaqgħu s-sustanza jew it-taħlita perikoluża inkwistjoni, kif ukoll ir-riskju speċifiku marbut ma’ dawn tal-aħħar.

106    Fil-fatt, il-kriterji ta’ evalwazzjoni, minn naħa, tax-xebh bejn il-preżentazzjoni jew l-estetika ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u l-imballaġġi użati għall-prodotti tal-ikel u, min-naħa l-oħra, tar-riskju ta’ qerq, previsti f’din id-dispożizzjoni, huma l-istess indipendentement min-natura tal-perikolu ppreżentat mis-sustanza jew mit-taħlita inkwistjoni.

107    Għalhekk, meta sustanza jew taħlita kun ġiet ikklassifikata bħala perikoluża, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament CLP, din is-sustanza jew taħlita jkollha, bis-saħħa tal-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, jissodisfa r-rekwiżiti li huma ddikjarati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu35(2) tiegħu. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni tal-imsemmija sustanza jew tal-imsemmija taħlita fir-rigward tat-tip ta’ perikolu kkonċernat hija nieqsa minn rilevanza ladarba s-sustanza jew it-taħlita tkun ġiet ikklassifikata bħala perikoluża.

108    Adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari li jimplika, b’mod partikolari, interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas‑27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 27), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà evokat id-dissoċjazzjoni tal-evalwazzjoni tal-perikolu tas-sustanzi minn dik tar-riskju li huma jirrappreżentaw. Fil-fatt, hija ddeċidiet li l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar tas-sustanzi stabbiliti minn din id-direttiva huma bbażati fuq it-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar il-perikoli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi u li l-evalwazzjoni tal-perikoli tikkostitwixxi l-ewwel stadju tal-proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskji – li tirrappreżenta kunċett iktar preċiż. Wara li enfasizzat li din id-distinzjoni bejn il-perikoli u r-riskji nżammet fir-Regolament CLP, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li evalwazzjoni tal-perikoli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi ma għandhiex tkun limitata għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi speċifiċi ta’ użu, bħal fil-każ ta’ evalwazzjoni tar-riskji, u tista’ ssir b’mod validu indipendentement mill-post ta’ użu tas-sustanza, mill-mod kif jista’ jseħħ il-kuntatt magħha, bħal fil-każ ta’ inġestjoni, inalazzjoni jew permezz ta’ penetrazzjoni tal-ġilda, u mil-livelli possibbli ta’ espożizzjoni għas-sustanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Nickel Institute, C‑14/10, EU:C:2011:503, punti 81 u 82, kif ukoll tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punti 74 u 75).

109    Għaldaqstant, l-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP huwa applikabbli għall-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża u li jkollhom preżentazzjoni jew estetika simili għall-imballaġġi użati għall-prodotti tal-ikel, anki fl-ipoteżi, jekk jitqies li din tkun ġiet ipprovata, fejn dan il-kontenut ma jippreżentax periklu f’każ ta’ inġestjoni.

110    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-probabbiltà speċifika li tista’ tinħoloq fil-każ ta’ konfużjoni bejn prodotti, fis-sitwazzjoni fejn il-prodott kimiku inkwistjoni jippreżenta riskji biss fil-każ ta’ kuntatt mal-għajnejn u mhux fil-każ ta’ inġestjoni, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP, minkejja li jirregola b’mod partikolari konfużjoni possibbli ma’ prodott tal-ikel, ma jissuġġettax il-projbizzjoni li huwa jipprevedi għall-eżistenza ta’ perikolu fil-każ ta’ inġestjoni tas-sustanza jew tat-taħlita inkwistjoni, iżda huwa intiż li jevita, b’mod ġenerali, kull espożizzjoni perikoluża għall-prodotti kimiċi li tirriżulta minn tali konfużjoni.

111    Fil-fatt, fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem imfittex mir-Regolament CLP, kif imfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-protezzjoni offruta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament tapplika għal kull tip ta’ konsegwenzi dannużi fil-każ ta’ espożizzjoni ta’ konsumatur għal prodott perikoluż, inkluż għal irritazzjoni tal-għajnejn.

112    Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament CLP għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-imballaġġ ta’ sustanza jew ta’ taħlita perikoluża mar-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni, la huma determinanti l-klassi jew il-kategorija ta’ perikolu li taħtha taqa’ din is-sustanza jew din it-taħlita u lanqas ma huwa determinanti r-riskju speċifiku marbut magħhom.

 Fuq l-ispejjeż

113    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament (KE)Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1297/2014 tal‑5 ta’ Diċembru 2014, u bir-Regolament (UE) 2024/2865 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2024,

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk l-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża pprovduti lill-pubbliku ġenerali għandhomx preżentazzjoni jew estetika simili għal dawk użati b’mod partikolari għall-prodotti tal-ikel, li jqarraq bil-konsumaturi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni,

–        għandha ssir, fuq bażi ta’ kull każ individwali, billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-dehra ġenerali tal-imballaġġ, u, b’mod partikolari, il-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, bħal, b’mod partikolari, il-forma, id-daqs, il-volum, id-disinn, il-kulur, l-ittikkettjar, il-materjali ta’ kompożizzjoni, in-nisġa, jew ir-riħa tiegħu, jew kombinazzjoni ta’ wħud minn dawn l-elementi jew minn dawn l-elementi kollha;

–        ma jimplikax it-teħid inkunsiderazzjoni, bħala element determinanti, ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà mwaħħla fuq l-imballaġġi li jkun fihom sustanza jew taħlita perikoluża, intiżi sabiex jiddistingwuhom minn dawk li jkun fihom prodott tal-ikel, meta dawn il-karatteristiċi ma jibqgħux intatti għat-tul kollu tal-ħajja tal-imballaġġi li jkun fihom tali sustanza jew tali taħlita.

2)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 1272/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 1297/2014 u bir-Regolament 2024/2865,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-preżentazzjoni jew l-estetika ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u l-imballaġġi użati għall-prodotti tal-ikel, konformement mar-regoli armonizzati dwar l-ittikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi speċifiċi tas-suq nazzjonali li fih il-prodott inkwistjoni huwa kkummerċjalizzat, mingħajr ma jkun hemm bżonn neċessarjament li jiġi eżaminat jekk din il-preżentazzjoni jew din l-estetika hijiex ukoll ikkunsidrata bħala qarrieqa fi Stati Membri oħra li fit-territorju tagħhom dan il-prodott huwa kkummerċjalizzat.

3)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 1272/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 1297/2014 u bir-Regolament 2024/2865,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “konsumaturi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri kemm lill-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat kif ukoll lit-tfal u l-persuni vulnerabbli li jistgħu jesperjenzaw diffikultajiet partikolari sabiex jipperċepixxu jew jevalwaw id-dehra ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-preżentazzjoni jew l-estetika ta’ imballaġġ li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u l-imballaġġi użati għall-prodotti tal-ikel, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, imwettqa permezz ta’ evalwazzjoni tad-dehra ġenerali ta’ dan l-imballaġġ, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ dawn il-persuni li jipperċepixxu l-karatteristiċi tal-imsemmi imballaġġ.

4)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 1272/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 1297/2014 u bir-Regolament 2024/2865,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-karatterizzazzjoni ta’ riskju ta’ qerq tal-konsumaturi bħala mhux negliġibbli hija suffiċjenti sabiex jitqies li r-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni ma jkunux ġew issodisfatti, mingħajr ma tkun determinanti, f’dan ir-rigward, il-prova ta’ preċedenti ta’ konfużjoni kkonfermata bejn imballaġġ speċifiku li jkun fih sustanza jew taħlita perikoluża u imballaġġ li jkun fih prodott tal-ikel.

5)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 1272/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 1297/2014 u bir-Regolament 2024/2865,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-imballaġġ ta’ sustanza jew ta’ taħlita perikoluża mar-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni, la huma determinanti l-klassi jew il-kategorija ta’ perikolu li taħtha taqa’ din is-sustanza jew din it-taħlita u lanqas ma huwa determinanti r-riskju speċifiku marbut magħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.