European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3929

1.9.2026

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Lulju 2026

dwar il-politika ekonomika, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarja tal-Lussemburgu

(C/2026/3929)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u mar-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(2)

Fil-25 ta' Novembru 2025, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju 2026 tal-Lussemburgu. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2026, li fih ma identifikatx lil-Lussemburgu bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih ikun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2026, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2) fil-21 ta' April 2026 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, u r-Rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman fid-9 ta' Marzu 2026.

(3)

Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Din tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Minn mindu ġiet ippubblikata, il-Boxxla għall-Kompetittività informat il-ħidma tas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-UE, u li jinħoloq approċċ unifikat għall-governanza ekonomika li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(4)

Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jkompli jiżviluppa flimkien mal-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (3). Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), flimkien mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet kienu meħtieġa biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'ċikli reċenti, u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni Ewropea kellhom iqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif l-RRF toqrob lejn tmiem il-ħajja tagħha, jibqa' essenzjali li jiġu sostnuti u żviluppati r-riformi u l-investimenti appoġġati u implimentati taħt l-RRF, b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(5)

Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2026 għal-Lussemburgu. Dan ivvaluta l-progress li għamel il-Lussemburgu fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u evalwa l-implimentazzjoni tal-RRP mil-Lussemburgu. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed jiffaċċa l-Lussemburgu. Ivvaluta wkoll il-progress li għamel il-Lussemburgu fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(6)

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Lussemburgu (4). Il-pjan ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2029 u jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja fil-forma ta' rata massima ta' tkabbir fin-nefqa netta fuq 5 snin. Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta: 5,8 % fl-2025, 4,7 % fl-2026, 3,8 % fl-2027, 5,4 % fl-2028 u 4,7 % fl-2029, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattiv massimi kkalkulati b'referenza għas-sena bażi tal-2023 ta' 14,2 % fl-2025, 19,6 % fl-2026, 24,1 % fl-2027, 30,8 % fl-2028 u 36,9 % fl-2029.

(7)

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex jappoġġaw l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża (5) u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. L-Istati Membri xorta jistgħu jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali fi kwalunkwe ħin sal-2028, jekk jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(8)

Fid-29 ta' April, il-Lussemburgu ppreżenta r-Rapport ta' Progress Annwali tiegħu tal-2026 (6) dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rakkomandati u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Lussemburgu dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)

It-tkabbir tal-PDG reali fl-2025 kien ta' 0,6 % u l-inflazzjoni tal-HICP kienet ta' 2,5 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber bi 1,6 % fl-2026 u 2,0 % fl-2027, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 2,7 % fl-2026 u 1,8 % fl-2027.

(10)

Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (7), id-defiċit tal-gvern estiż tal-Lussemburgu nbidel minn surplus ta' 0,9 % tal-PDG fl-2024 għal defiċit ta' 2,0 % tal-PDG fl-2025. Id-deterjorament fil-bilanċ tal-gvern estiż fl-2025 jirrifletti prinċipalment tkabbir moderat fid-dħul, parzjalment spjegat mill-impatt tal-miżuri għas-salvagwardja tal-kapaċità tal-akkwist u l-kompetittività, u n-nefqa dinamika, parzjalment spjegata minn investiment sostnut. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 1,2 % tal-PDG fl-2026 u 1,5 % tal-PDG fl-2027.

(11)

Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (8), li tinkludi n-nefqa ffinanzjata kemm nazzjonalment kif ukoll mill-UE, kienet restrittiva, b'1,7 % tal-PDG fl-2025. Hija projettata li tkun restrittiva, b'0,4 % tal-PDG, fl-2026, u li tkun espansjonarja, b'0,9 % tal-PDG, fl-2027.

(12)

Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (9), id-dejn tal-gvern estiż tal-Lussemburgu żdied minn 26,3 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 26,5 % tal-PDG fi tmiem l-2025. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG jiżdied għal 29,2 % sa tmiem l-2026 u jkompli jiżdied għal 30,2 % sa tmiem l-2027.

(13)

Abbażi tad-data tal-Eurostat (10), in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fil-Lussemburgu ammontat għal 1,0 % tal-PDG fl-2025. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, hija projettata li tkun 1,2 % tal-PDG fl-2026 (11).

(14)

L-Unjoni tkompli tiffaċċa riskji ta' interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq globali taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022–2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, il-Lussemburgu ma kienx adotta miżuri ġodda ta' politika fiskali, sad-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti (12).

(15)

Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Lussemburgu kibret b'8,7 % fl-2025 u bi 15,7 % b'mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. It-tkabbir tan-nefqa netta fl-2025 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li jikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 1,3 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiva tan-nefqa netta hija wkoll ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' marġinalment aktar minn 0,6 % tal-PDG f'termini kumulattivi.

(16)

Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Lussemburgu hija projettata li tikber bi 3,5 % fl-2026 u b'19,7 % b'mod kumulattiv fl-2024, l-2025 u l-2026. It-tkabbir projettat fin-nefqa netta fl-2026 huwa taħt ir-rata tat-tkabbir massimu rakkomandata. Meta jitqiesu l-2024, l-2025 u l-2026 flimkien, id-devjazzjoni kumulattiva projettata tan-nefqa netta tonqos għal inqas minn 0,1 % tal-PDG.

(17)

Is-sistema tal-pensjonijiet tal-Lussemburgu qed tiffaċċa sfidi fuq terminu medju u twil hekk kif ix-xejriet demografiċi huma projettati li jheddu s-sostenibbiltà tagħha. Skont ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024, in-nefqa fuq il-pensjonijiet tal-Lussemburgu hija projettata li tilħaq 17,5 % tal-PDG fl-2070, żieda ta' 8,3 pp mill-2022, l-ogħla żieda fl-UE. F'Diċembru 2025, il-Lussemburgu adotta riforma tal-pensjonijiet. Ir-riforma tikkonsisti prinċipalment f'żieda fir-rata ta' kontribuzzjoni ta' 1,5 pp għal 25,5 %, miżuri limitati biex it-tul tal-karriera jiżdied billi jiġu pprovduti benefiċċji fuq it-taxxa, jiġi introdott id-dritt għal pensjoni progressiva, u jiżdied il-perjodu ta' kontribuzzjoni obbligatorju tal-biċċa l-kbira tal-persuni rtirati kmieni (13). Inġenerali, ir-riforma la tidher li hija biżżejjed biex tindirizza l-kwistjonijiet strutturali li jolqtu s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet u lanqas li x'aktarx iżżid b'mod sinifikanti r-rata baxxa ta' parteċipazzjoni fost il-ħaddiema ta' bejn il-55 u l-64 sena. It-tixjiħ tal-popolazzjoni, flimkien ma' tnaqqis projettat fit-tkabbir tal-impjiegi għal taħt iż-żieda annwali ta' 2-3 % meħtieġa biex is-sistema tinżamm f'bilanċ, huwa projettat li jwassal għal nefqiet fil-pensjonijiet li jeċċedi l-kontribuzzjonijiet fis-sistema tal-pensjonijiet fl-2029 u eżawriment tar-riżervi tagħha fl-2048. Il-benefiċċji tal-pensjoni huma għoljin, b'rata grossa ta' sostituzzjoni ta' 75 % fl-2022 (14), filwaqt li ż-żmien imqatta' fl-irtirar huwa l-itwal fl-UE (25,2 sena għal-Lussemburgu meta mqabbel ma' 21,3 għall-medja tal-UE fl-2022) (15). Il-Lussemburgu rreġistra l-aktar rata baxxa ta' parteċipazzjoni ta' ħaddiema ta' bejn il-55 u l-64 sena fl-UE fl-2025 (51,9 % meta mqabbla ma' 69,5 % fl-UE) (16). Għalkemm l-età statutorja tal-irtirar hija ta' 65 sena, l-irtirar bikri huwa possibbli mill-età ta' 57 sena, li jirriżulta f'waħda mill-aktar etajiet effettivi baxxi ta' rtirar fl-UE. Miżuri li jinkoraġġixxu karrieri itwal u rati ogħla ta' parteċipazzjoni fost il-ħaddiema ta' bejn il-55 u l-64 sena jistgħu jsaħħu s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet u t-tkabbir ekonomiku.

(18)

Il-Lussemburgu qed jiffaċċa sfida serja għall-akkomodazzjoni, peress li l-affordabbiltà naqset b'mod sinifikanti matul l-aħħar għaxar snin minħabba ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-proprjetà. Wara li rduppjaw f'deċennju, il-prezzijiet tad-djar għaddew minn korrezzjoni wara li laħqu l-quċċata tagħhom fl-2022, u naqsu b'aktar minn 15 % f'sentejn. It-tnaqqis kien ikkawżat miż-żieda qawwija fir-rati tal-imgħax li kellha impatt negattiv fuq il-kapaċità ta' self. Iżda minkejja dan, il-prezzijiet minn dak iż-żmien 'l hawn reġgħu bdew jogħlew u, fl-2025, il-prezzijiet tad-djar fil-Lussemburgu kienu 60 % ogħla minn deċennju ilu f'termini nominali filwaqt li l-paga medja żdiedet b'40 % biss fl-istess perjodu. Il-Lussemburgu huwa l-aktar suq tal-akkomodazzjoni għali tal-UE. Il-prezzijiet għoljin tad-djar huma dovuti għal żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda, xprunat mit-tkabbir tal-popolazzjoni u aggravat minn qafas tat-taxxa li jiffavorixxi d-domanda u l-akkumulu tal-art, kif ukoll minħabba konċentrazzjoni tas-sjieda tal-art. Ir-riforma dwar il-mobilizzazzjoni tal-art u tat-taxxa għadha mhijiex implimentata u l-abbozzi emendati joffru aktar possibbiltajiet għal eżenzjonijiet mit-taxxa. Riformi ambizzjużi bħal miżuri biex tiġi rilaxxata aktar art għall-iżvilupp u jiġu implimentati proġetti ta' distretti kbar fuq art pubblika jistgħu jżidu l-provvista tal-akkomodazzjoni, inkluż permezz tal-provvista ta' akkomodazzjoni affordabbli. Barra minn hekk, min-naħa tad-domanda, it-tneħħija gradwali tad-deduċibbiltà tal-imgħax ipotekarju tgħin biex jitrażżnu l-prezzijiet tad-djar. Il-prijoritajiet jinkludu wkoll it-tisħiħ tal-qafas makroprudenzjali biex jitnaqqsu r-riskji sistemiċi marbuta mal-livell għoli ta' dejn tal-unitajiet domestiċi u s-sehem sinifikanti ta' ipoteki b'rati tal-imgħax flessibbli.

(19)

Il-Lussemburgu qed jiltaqa' ma' sfidi sinifikanti tat-trasport minħabba traffiku kbir ta' ħaddiema transfruntieri u dipendenza għolja fuq il-karozzi, inkluż karozzi tal-kumpaniji, li hu aggravat minn provvista insuffiċjenti ta' akkomodazzjoni li jwassal biex il-ħaddiema jmorru jgħixu aktar 'il bogħod mill-post tax-xogħol tagħhom (17). Din is-sitwazzjoni rriżultat f'konġestjoni tat-traffiku, li kellha impatt fuq is-sostenibbiltà ambjentali. Filwaqt li l-Lussemburgu għamel progress fit-titjib tat-trasport pubbliku, hi meħtieġa strateġija koordinata u transfruntiera biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol tiegħu li tivvjaġġa. Dan jinkludi t-titjib tal-konnettività, l-integrazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju mal-pajjiżi ġirien, l-integrazzjoni tas-sistemi tal-biljetti u t-titjib tal-konnessjonijiet tal-aħħar mil.

(20)

Il-Lussemburgu għadu espost għal riskji ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa marbuta mar-rwol tiegħu bħala ċentru finanzjarju ewlieni li jospita bosta gruppi multinazzjonali u stokkijiet ta' investiment transfruntier kbar. Il-Lussemburgu ttraspona l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 (18) (id-“Direttiva dwar il-Pilastru 2”), kif ukoll miżuri addizzjonali fil-livell nazzjonali, filwaqt li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Pilastru 2 huwa limitat għal entitajiet kbar bi dħul annwali ta' mill-inqas EUR 750 miljun. B'mod speċifiku, il-Lussemburgu introduċa regola ta' nondeduċibbiltà għall-pagamenti tal-imgħax u tar-royalties. Madankollu, l-ambitu ta' din il-miżura, li tapplika għal ġuriżdizzjonijiet fuq il-lista tal-Unjoni Ewropea ta' ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi għal finijiet ta' taxxa, huwa limitat.

(21)

L-involviment sistematiku, sinifikattiv u f'waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(22)

Fil-Lussemburgu, l-implimentazzjoni tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) u l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), hija ogħla mill-pass medju fil-livell tal-UE, kemm f'termini tal-għażla tal-proġetti kif ukoll tal-pagamenti. Huwa importanti li jinżamm il-momentum attwali, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tal-investimenti fil-prattika, u l-Lussemburgu diġà qed jieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta' koeżjoni tiegħu biex jagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Madankollu, xi oqsma jistgħu jeħtieġu aktar tisħiħ fl-implimentazzjoni, inkluż dawk relatati mad-diġitalizzazzjoni u l-infrastrutturi tal-enerġija taħt il-JTF.

(23)

Il-Lussemburgu qed jiffaċċa diversi sfidi relatati mal-innovazzjoni u l-kompetittività, it-tranżizzjoni tal-enerġija u l-ambjent, l-ugwaljanza fl-iskejjel, il-konverġenza soċjali 'l fuq u l-iżvilupp tal-kapital uman.

(24)

Minkejja l-bażi xjentifika b'saħħitha u s-sistema ta' riċerka konnessa tajjeb internazzjonalment, l-innovazzjoni tan-negozji u l-opportunitajiet ta' espansjoni ta' negozji ġodda innovattivi lokali u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għadhom limitati. Il-potenzjal tal-Lussemburgu għall-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda u d-diġitalizzazzjoni għadu mhux sfruttat biżżejjed, bil-Lussemburgu jkollu prestazzjoni taħt il-medja tal-UE f'termini ta' intensità diġitali bażika tal-SMEs (19), filwaqt li sehem kbir ta' investiment fit-teknoloġija innovattiva jsir fi ħdan gruppi multinazzjonali, li huwa ta' piż fuq id-diversifikazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija. Barra minn hekk, l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp tan-negozju tal-pajjiż ilha tonqos matul l-aħħar żewġ deċennji, u niżlet għal 0,45 % tal-PDG fl-2024, ferm taħt il-medja tal-UE ta' 1,49 %. Filwaqt li huwa parzjalment spjegat mill-ekonomija bbażata fuq is-servizzi tal-Lussemburgu, l-infiq fir-R&Ż tan-negozji huwa sostanzjalment aktar baxx milli fil-pajjiżi bl-aqwa prestazzjoni f'ħafna setturi (20). Barra minn hekk, il-kwalità tar-riżultati tar-riċerka mhijiex ingranata bis-sħiħ, bir-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju jibqgħu dgħajfa.

(25)

L-ekonomija tal-Lussemburgu għadha ferm kompetittiva, partikolarment bis-saħħa tas-settur finanzjarju internazzjonali kbir tagħha. Madankollu tibqa' esposta għal pressjonijiet strutturali marbuta mat-tnaqqis fil-produttività. Bejn l-2015 u l-2025, il-produttività totali tal-fatturi naqset b'madwar 4 %, filwaqt li l-aggregat tal-UE rreġistra żieda ta' madwar 6 %. L-ixprunatur ewlieni ta' dan it-tnaqqis kien is-settur finanzjarju, fejn il-valur miżjud gross għal kull siegħa maħduma naqas b'madwar 11,6 % matul l-istess perjodu. Il-kompetizzjoni internazzjonali li qed tiżdied, ir-rekwiżiti regolatorji tal-Unjoni Ewropea li qed jevolvu, il-pressjoni fis-suq tax-xogħol, u d-diversifikazzjoni li għadha limitata għal attivitajiet ta' valur ogħla, huma ta' piż fuq ir-reżiljenza u l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija. F'dak il-kuntest, il-Lussemburgu jeħtieġ li jagħmel aktar sforz biex ikompli jiddiversifika s-settur finanzjarju billi jtejjeb il-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni u l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda, inkluż dawk prodotti domestikament. It-tisħiħ tal-kompetizzjoni u tal-aċċess għas-suq fis-servizzi kummerċjali u s-servizzi professjonali rilevanti, il-faċilitazzjoni tad-diffużjoni tal-innovazzjoni u s-segwitu ta' titjib tal-kundizzjonijiet qafas tal-ambjent tan-negozju jippermettu żidiet fil-produttività.

(26)

Il-Lussemburgu jgħaqqad it-tfaddil għoli tal-unitajiet domestiċi u ekosistema żviluppata ħafna ta' fondi ta' investiment. Madankollu, għandu trażmissjoni domestika modesta ta' kapital ta' riskju fit-tul lejn attivitajiet ta' innovazzjoni li tkompli tkun ta' piż fuq id-diversifikazzjoni tal-ekonomija u fuq id-diffużjoni taż-żidiet fil-produttività. Filwaqt li l-Lussemburgu saħħaħ partijiet mill-arkitettura tiegħu tal-finanzi għall-innovazzjoni, inkluż strumenti ta' appoġġ pubbliku u inċentivi tat-taxxa għall-investiment fl-istadju tal-bidu, l-evidenza disponibbli tissuġġerixxi li r-restrizzjonijiet fuq il-finanzjament għadhom partikolarment rilevanti għall-istadji inizjali, tat-tkabbir u tal-espansjoni, u li l-istrumenti eżistenti ma jidderiġux biżżejjed it-tfaddil tal-unitajiet domestiċi lejn ditti domestiċi innovattivi. F'dak il-kuntest, l-iffaċilitar ta' parteċipazzjoni akbar tal-unitajiet domestiċi f'ekwità diversifikata u fondi ta' investiment fit-tul, taħt salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tal-konsumatur u b'inċentivi marbuta ma' perjodi twal ta' żamma, jista' jgħin biex it-tfaddil tal-unitajiet domestiċi jiġi dirett lejn il-finanzjament tal-innovazzjoni.

(27)

Il-kopertura tal-pensjoni supplimentari fil-Lussemburgu għadha limitata. L-aċċess għal skemi supplimentari okkupazzjonali jiddependi ħafna fuq l-inizjattiva tal-impjegaturi, li jista' jnaqqas l-aċċess, b'mod partikolari għall-impjegati ta' ditti iżgħar. Barra minn hekk, l-inċertezza legali u fiskali tista' wkoll tiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni minn partijiet tal-forza tax-xogħol transfruntiera. Fl-istess ħin, il-Lussemburgu għandu settur finanzjarju żviluppat ħafna biex jippromwovi aċċess akbar għal arranġamenti ta' pensjonijiet supplimentari u qafas legali u regolatorju adegwat. It-titjib tad-disponibbiltà ta' skemi tal-pensjoni supplimentari sempliċi, portabbli u kost-trasparenti, bħal permezz tal-introduzzjoni ta' affiljazzjoni awtomatika, jista' jgħin biex titwessa' l-parteċipazzjoni fit-tfaddil fit-tul u tiġi appoġġata l-adegwatezza tal-irtirar, b'mod partikolari għall-ħaddiema li ma għandhomx aċċess għal skema provduta mill-impjegatur tagħhom.

(28)

Filwaqt li l-Lussemburgu huwa impenjat li jtejjeb l-ambjent regolatorju għas-settur tas-servizzi tan-negozju, għad hemm ostakli regolatorji sinifikanti. Skont l-OECD (21) u l-Kummissjoni Ewropea (22), ir-restrizzjonijiet regolatorji għadhom partikolarment għoljin għall-avukati, in-nutara, il-periti, l-inġiniera ċivili, u l-kontabilisti. L-ostakli għall-kompetizzjoni jistgħu jkunu dovuti għal perkorsi limitati għall-aċċess għal xi professjonijiet, diversi obbligi amministrattivi, l-eżistenza ta' tariffi vinkolanti, jew il-projbizzjoni ta' kwalunkwe forma ta' reklamar u kummerċjalizzazzjoni (23). It-tnaqqis tar-rekwiżiti jew iż-żieda fil-flessibbiltà jagħtu spinta lill-kompetizzjoni fis-settur tal-professjonijiet regolati. Fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, ir-restrizzjonijiet regolatorji għadhom kemxejn ogħla milli fil-pajjiżi pari, għalkemm naqsu b'mod sinifikanti mill-2018 'l hawn. Barra minn hekk, l-ostakli tal-Lussemburgu għall-kummerċ tas-servizzi fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) huma fost l-ogħla fl-UE (24), u għandhom impatt fuq setturi ewlenin bħall-kostruzzjoni u l-kontabbiltà.

(29)

Minkejja t-tnaqqis notevoli reċenti fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-trasport bit-triq, permezz ta' politiki bħall-Pjan Nazzjonali ta' Mobbiltà 2035 (25) u t-trasport pubbliku b'xejn, is-settur jibqa' s-sors primarju ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, li jammonta għal 59 % tal-emissjonijiet totali fis-setturi ta' qsim tal-isforz tal-Lussemburgu fl-2024 (26). Jikkontribwixxi wkoll b'mod sinifikanti għal emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa tal-arja oħrajn, li notevolment jammontaw għal 62 % ta' NOx, u 32 % tal-emissjonijiet PM10 fl-2023 (27). Filwaqt li l-Lussemburgu għamel progress fil-promozzjoni tal-vetturi elettriċi, id-dekarbonizzazzjoni ulterjuri tat-trasport u l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport pubbliku jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet f'konformità mal-mira nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 u l-mira tal-UE għall-2030 stabbilita għal-Lussemburgu fir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (28).

(30)

L-isforzi biex tonqos id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili permezz ta' miżuri ta' effiċjenza enerġetika f'bini residenzjali u mhux residenzjali ftit li xejn raw progress. Bejn l-2019 u l-2024, il-konsum finali tal-enerġija tal-Lussemburgu fis-settur residenzjali staġna, minkejja l-iffrankar tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi. L-iffrankar kien prinċipalment kontrobilanċjat miż-żieda fl-għadd ta' abitazzjonijiet u djar akbar. Is-sena l-oħra, il-Lussemburgu estenda l-iskema “Klimabonus Wunnen” lil hinn mill-2025, bl-intenzjoni li jiżdied l-iffrankar tal-enerġija fis-settur tal-bini eżistenti. Il-Lussemburgu qed jippjana li jallinja mal-istandards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fl-UE, abbażi ta' limiti stabbiliti fil-livell nazzjonali, biex itejjeb l-iffrankar tal-enerġija f'bini mhux residenzjali. Filwaqt li l-industrija tirrappreżenta sehem relattivament żgħir tal-emissjonijiet totali ta' gassijiet serra fil-Lussemburgu u naqqset b'mod sinifikanti l-intensità tal-emissjonijiet tagħha, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra industrijali għadhom marbuta mill-qrib mal-użu tal-enerġija. Filwaqt li hemm fis-seħħ firxa ta' skemi volontarji, oqfsa ta' appoġġ u teknoloġiji emerġenti għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, dawn għadhom ma jindirizzawx bis-sħiħ l-iskala u l-veloċità tat-trasformazzjoni meħtieġa.

(31)

L-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jara l-ħtieġa li tiġi modernizzata l-grilja b'vultaġġ għoli biex tlaħħaq mal-ħtiġijiet tat-trażmissjoni tal-enerġija rinnovabbli, u li l-kapaċità tagħha tiżdied biex tkun tlaħħaq mad-domanda mistennija fil-futur qrib, inkluż l-interkonnessjonijiet transfruntieri. Fl-2025, il-Lussemburgu beda javvanza t-tranżizzjoni tiegħu lejn l-enerġija rinnovabbli permezz tal-adozzjoni ta' 51 miżura konkreta, li kienu jinkludu fost l-oħrajn l-aċċellerazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli permezz ta' miżuri bħad-diġitalizzazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' permessi, l-ottimizzazzjoni fl-użu tal-art jew l-involviment taċ-ċittadini. L-implimentazzjoni sħiħa u tempestiva ta' dawk il-miżuri hija essenzjali biex il-Lussemburgu jilħaq il-mira tiegħu ta' 37 % ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tiegħu sal-2030.

(32)

Il-Lussemburgu qed jiffaċċa sfidi ambjentali sinifikanti relatati mal-kwalità tal-ilma, mad-degradazzjoni tal-ekosistema u mal-użu tal-art, li għandhom riperkussjonijiet fuq is-sostenibbiltà ambjentali u l-attività ekonomika. Ir-riżorsi tal-ilma jinsabu taħt pressjoni minn taħlita ta' fatturi, inkluż it-tniġġis min-nutrijenti u mill-pestiċidi, l-emissjonijiet industrijali u l-alterazzjonijiet fiżiċi tal-korpi tal-ilma, li jaffettwaw kemm l-ilma tal-wiċċ kif ukoll l-ilma ta' taħt l-art u joħolqu riskji għad-disponibbiltà u l-kwalità tal-ilma. L-ekosistemi jinsabu taħt pressjoni dejjem akbar minħabba t-tniġġis, mit-teħid tal-art u mit-tibdil fil-klima, filwaqt li sehem importanti tal-attività ekonomika jiddependi mis-servizzi tal-ekosistema. Is-saħħa tal-foresti ddeterjorat matul dawn l-aħħar deċennji, b'mod partikolari bħala riżultat ta' ħsara relatata mal-klima kkawżata minn diversi nixfiet mill-2018 'l hawn. Dan naqqas il-kapaċità tal-foresti li jipprovdu servizzi ewlenin bħall-ħżin tal-karbonju, ir-regolazzjoni tal-ilma u l-protezzjoni tal-bijodiversità. Dawn l-isfidi jenfasizzaw l-importanza li titjieb il-kwalità tal-ilma, tiġi promossa aktar l-agrikoltura sostenibbli u tissaħħaħ il-ġestjoni tal-foresti adattata għall-klima. Filwaqt li l-Lussemburgu ħa passi biex itejjeb il-ġestjoni tal-ilma, jippromwovi prattiki tal-art u agrikoli aktar sostenibbli u jsaħħaħ il-qafas ta' politika għall-foresti, għad hemm lakuni u għad hemm pressjonijiet fuq l-ekosistemi. Jekk jissaħħu l-governanza u l-koordinazzjoni fl-oqsma ta' politika ambjentali, klimatiċi u agrikoli, u jiġu indirizzati d-diskrepanzi fl-investiment, dan ikun ta' għajnuna għall-implimentazzjoni effettiva ta' miżuri li jiffukaw fuq l-ilma, l-użu tal-art u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, l-investiment f'miżuri ta' ċirkolarità, b'mod partikolari upstream, ikun ta' kontribut għat-tnaqqis tal-pressjonijiet ambjentali u jappoġġa ekonomija aktar sostenibbli u reżiljenti.

(33)

Fid-dawl tar-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati lil-Lussemburgu jistgħu jgħinu fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni.

(34)

Fis-sistema edukattiva tal-Lussemburgu, għad hemm disparitajiet fil-kisbiet akkademiċi, b'mod partikolari fost studenti minn sfondi lingwistiċi differenti. In-natura multilingwi tal-istruzzjoni, li hija partikolarment ta' sfida għal kważi 70 % tal-istudenti mhux esposti għal-Lussemburgiż fid-dar, tikkontribwixxi għal lakuni dejjiema fil-kisbiet (29) li huma msaħħa aktar mill-isfond soċjoekonomiku u l-istreaming bikri f'perkorsi edukattivi differenti. Riforma li għadha kif ġiet adottata, u li l-implimentazzjoni tagħha tibda f'Settembru 2027, tintroduċi għażla bejn il-Ġermaniż u l-Franċiż bħala l-lingwa tal-litteriżmu u għandha l-għan li tindirizza dawn l-isfidi filwaqt li żżid b'mod sinifikanti l-involviment tal-ġenituri. L-effettività tagħha fl-aħħar mill-aħħar ser tiddependi mill-kapaċità tal-iskejjel li jadattaw il-metodi tat-tagħlim biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawn l-istudenti. Sadanittant, livelli ogħla ta' tluq bikri mill-iskola u ta' NEET fost studenti żvantaġġati u mhux nattivi, flimkien mas-sovrarappreżentanza ta' gruppi soċjoekonomiċi ogħla fi skejjel pubbliċi Ewropej bi prestazzjoni aħjar, jindikaw inugwaljanzi sistemiċi. Peress li l-Lussemburgu jirreġistra waħda mill-akbar lakuni fil-prestazzjoni tal-UE marbuta mal-edukazzjoni tal-ġenituri (30), l-appoġġ immirat għall-istudenti lingwistikament diversi u żvantaġġati huwa essenzjali biex jiġu żgurati opportunitajiet ekwi u jitnaqqsu d-disparitajiet.

(35)

Il-Lussemburgu għadu qed jiffaċċa sfidi sinifikanti fis-suq tax-xogħol relatati mal-ispariġġ fil-ħiliet u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Minkejja l-livell ġeneralment għoli ta' żvilupp ekonomiku tal-Lussemburgu, il-qgħad żdied f'dawn l-aħħar snin u qabeż il-medja tal-Unjoni. L-ispariġġi fil-ħiliet żdiedu wkoll, bi spariġġi makroekonomiċi li laħqu 26,8 % fl-2024, ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea, u dan jirrifletti disparitajiet sinifikanti fl-eżiti tal-impjiegi fil-livelli kollha tal-ħiliet. Is-suq tax-xogħol huwa kkaratterizzat minn domanda qawwija għal ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet, filwaqt li l-prospetti ta' impjieg għadhom aktar limitati għal individwi bi kwalifiki baxxi, u dan jikkontribwixxi għall-inugwaljanzi u l-faqar fost dawk li jaħdmu. Madankollu, il-livelli ta' faqar irreġistrati kienu aktar baxxi fl-2025, x'aktarx minħabba titjib fil-ġbir tad-data dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien, għalkemm id-data preċedenti diġà wriet li l-livelli kienu qed jonqsu. Ir-rata tar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali issa hija ta' 18,2 % (UE: 20,8 %). Fl-istess ħin, ir-rati ta' impjieg u ta' attività tal-ħaddiema akbar fl-età għadhom l-aktar baxxi fl-Unjoni Ewropea, bil-qgħad fit-tul ikkonċentrat fost il-ħaddiema li għandhom 45 sena u aktar, u l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għall-adulti għadha limitata, u dan jillimita l-kapaċità tal-ħaddiema li jadattaw għall-evoluzzjoni ta' ħtiġijiet tal-ħiliet. Filwaqt li l-Lussemburgu ħa miżuri biex itejjeb il-prospetti ta' impjieg u biex jimbotta t-tiġdid u titjib tal-ħiliet, l-impatt tagħhom għadu frammentat; jekk jittieħed approċċ aktar koordinat għall-iżvilupp tal-ħiliet u politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inkluż il-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tisħiħ tat-tagħlim tul il-ħajja, dan ikun jappoġġa l-impjegabbiltà, jindirizza l-ispariġġi fil-ħiliet u jtejjeb il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol. L-indirizzar ta' dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tat-titjib fil-konverġenza soċjali, f'konformità mal-analiżi tal-pajjiżi tat-tieni stadju tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali (31).

(36)

Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, fosthom permezz tal-RRPs tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2026 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal-Lussemburgu, ir-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet, il-ħames u l-erbatax-il rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (2) tgħin fl-implimentazzjoni tar-raba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (3) tgħin fl-implimentazzjoni tas-seba', it-tmien, id-disa' u l-ħdax-il rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (4) tgħin fl-implimentazzjoni tas-seba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro u r-rakkomandazzjoni (5) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ħames rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fl-2026 u l-2027 biex:

1.

Jikkontrolla n-nefqa netta sabiex jirrispetta r-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025 minħabba d-devjazzjoni materjali rreġistrata fl-2025 u d-devjazzjoni projettata għall-2026 mill-Kummissjoni fir-rigward tal-limitu massimu tan-nefqa netta rakkomandat. Isaħħaħ l-infiq u l-prontezza ġenerali fid-difiża u s-sigurtà, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u l-effiċjenza fl-infiq, kif ukoll l-adattament gradwali tal-baġit biex isostni nfiq strutturalment ogħla fid-difiża. Jiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu temporanji, immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet tad-ditti intensivi fl-enerġija, jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija u jiżguraw li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji skont il-qafas fiskali tal-UE. Jindirizza s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, b'mod partikolari billi jillimita l-irtirar kmieni u billi jżid ir-rata ta' parteċipazzjoni u ta' impjieg ta' ħaddiema akbar fl-età. Iżid il-provvista tal-akkomodazzjoni, b'mod partikolari billi jadotta politika komprensiva dwar l-użu tal-art u riforma tat-taxxa fuq il-proprjetà, jiżviluppa proġetti distrettwali fuq skala kbira fuq art pubblika, u jsaħħaħ il-koordinazzjoni mal-ippjanar urban u t-trasport pubbliku transfruntier. Jimmitiga r-riskji relatati mas-suq tad-djar billi jelimina gradwalment l-inċentivi fiskali għas-self u billi jsaħħaħ il-qafas makroprudenzjali. Jieħu aktar azzjoni biex jindirizza b'mod effettiv l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, b'mod partikolari billi jiżgura tassazzjoni suffiċjenti ta' pagamenti ħerġin ta' mgħax u royalties għal ġuriżdizzjonijiet b'taxxa żero/b'rata baxxa ta' taxxa.

2.

Jiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Isostni l-momentum tal-implimentazzjoni fil-qafas tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni filwaqt li jibni, fejn xieraq, fuq ir-riallokazzjoni għal prijoritajiet strateġiċi u flessibbiltajiet maqbula fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-politika ta' koeżjoni.

3.

Irawwem l-investiment fl-innovazzjoni u jappoġġa attivitajiet intensivi ħafna fir-R&Ż. Jagħti spinta lill-kompetittività, billi jippromwovi d-diversifikazzjoni fis-settur finanzjarju, jaċċellera l-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali avvanzati mill-SMEs, u jippermetti l-espansjoni tan-negozji u t-tkabbir tal-produttività. Jindirizza d-diskrepanza fil-finanzjament tal-innovazzjoni, inkluż permezz ta' investiment akbar tal-unitajiet domestiċi f'fondi ta' ekwità u ta' investiment, flimkien ma' disponibbiltà mtejba ta' skemi tal-pensjoni supplimentari. Ineħħi l-ostakli għall-kompetizzjoni, bħall-forniment ta' servizzi u fi professjonijiet regolati.

4.

Jibqa' jagħmel sforz rigward it-trasport sostenibbli u effiċjenti billi jkompli jippromwovi d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u jinvesti fl-infrastruttura tat-trasport pubbliku u fil-konnettività fiż-żoni rurali. Inaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi jinvesti fl-effiċjenza enerġetika tal-bini. Jimmodernizza l-grilja b'vultaġġ għoli u jżid il-kapaċità tagħha, itejjeb l-interkonnessjonijiet transfruntieri, u jiffaċilita l-proċeduri tal-għoti ta' permessi għall-użu tal-enerġija rinnovabbli. Jappoġġa lill-muniċipalitajiet fl-użu tal-enerġija rinnovabbli. Itejjeb ir-reżiljenza għall-klima u tal-ilma inkluż permezz ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, governanza transsettorjali aktar b'saħħitha, u miżuri ta' ċirkolarità.

5.

Itejjeb il-prestazzjoni tas-sistema tal-iskola u jiżgura opportunitajiet indaqs billi jadatta t-tagħlim għall-ħtiġijiet tal-istudenti żvantaġġati u dawk minn sfondi lingwistiċi varji. Jindirizza l-ispariġġ fil-ħiliet billi jsaħħaħ it-tagħlim tul il-ħajja u jtejjeb il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HARRIS


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)   ĠU C, C/2026/2434, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Lussemburgu (ĠU C, C/2025/650, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/650/oj).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Nakkomodaw żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir”, Brussell, 19.3.2025, C(2025) 2000 final.

(6)  Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2026 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.

(7)  Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22 04 2026.

(8)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta' żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul u inkluż in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.

(9)  Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22 ta' April 2026.

(10)  Il-Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).

(11)  Id-definizzjoni tal-infiq fid-difiża tan-NATO hija differenti mid-definizzjoni tad-difiża tal-COFOG. Barra minn hekk, jista' jkun hemm differenzi minħabba ż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa, b'mod partikolari t-tagħmir militari, peress li r-rappurtar tan-NATO ma jsegwix ir-regoli tal-kontijiet nazzjonali għaż-żmien tar-reġistrazzjoni.

(12)  Ir-“Resilienzpak” ġie ffirmat b'mod konġunt fit-8 ta' Ġunju 2026 mill-gvern u s-sħab soċjali.

(13)   Loi du 19 Decembre 2025 (Riforma tal-pensjonijiet) u loi du 19 Decembre 2025 (Inċentivi tat-taxxa).

(14)   OECD: Stħarriġ Ekonomiku tal-OECD: il-Lussemburgu 2025.

(15)   2024 Ageing report: Arithmetic mean of female and male life expectancy at 65 plus 65 minus the average labour market exit age.

(16)  Eurostat: lfsa_argan.

(17)  Statec, 2025, P2021 No18 - La dépendance automobile persiste pour les déplacements domicile-travail.

(18)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta' livell minimu globali ta' tassazzjoni għal gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni [2022] (ĠU L 328, 22.12.2022, p. 1).

(19)  Eurostat, (isoc_e_dii) and Luxembourg Startup Ecosystem Assessment and Benchmarking, Ministère de l'Economie, 2023.

(20)   OECD, l-Istħarriġ Ekonomiku tal-OECD: Il-Lussemburgu 2025.

(21)  OECD, Product Market Regulation indicators, 2024.

(22)  Kummissjoni Ewropea:, Komunikazzjoni dwar il-kunsiderazzjoni u l-aġġornament tar-rakkomandazzjonijiet ta' riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali tal-2017, COM(2021)385, 9 7 2021.

(23)  OECD, l-Istħarriġ Ekonomiku tal-OECD: Il-Lussemburgu OECD, p. 106, April 2025.

(24)  Kalkolu tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea bbażat fuq il-bażi ta' data STRI intra-ŻEE tal-OECD.

(25)   PNM 2035 - Plan national de mobilité - Le gouvernement luxembourgeois.

(26)  L-emissjonijiet tal-kondiviżjoni tal-isforzi għal-2023 huma bbażati fuq data approssimata tal-inventarju. Id-data finali ser tiġi kkonfermata fl-2027 wara rieżami komprensiv.

(27)   EEA, Air pollutant emissions data viewer (Gothenburg Protocol, Air Convention) 1990-2023, 2026.

(28)   Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2126.

(29)  ÉpStan Dashboard: Results from the Luxembourg school monitoring programme “Épreuves Standardisées” http://dashboard.epstan.lu.

(30)   ICILS, 2023.

(31)   SWD(2026) 122 – It-tieni stadju tal-analiżi tal-pajjiż dwar il-konverġenza soċjali f'konformità mal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali (SCF), 2026.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3929/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)