31985D0071

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 1984 li tirrigwarda l-lista tas-sustanzi kimiċi nnotifikata skond id-Direttiva tal-Kunsill 67/584/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettjar ta' sustanzi perikolużi

Official Journal L 030 , 02/02/1985 P. 0033 - 0034
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 14 P. 0150
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 18 P. 0196
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 14 P. 0150
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 18 P. 0196
CS.ES Chapter 13 Volume 008 P. 5 - 6
ET.ES Chapter 13 Volume 008 P. 5 - 6
HU.ES Chapter 13 Volume 008 P. 5 - 6
LT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 5 - 6
LV.ES Chapter 13 Volume 008 P. 5 - 6
MT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 5 - 6
PL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 5 - 6
PL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 6 - 6
SK.ES Chapter 13 Volume 008 P. 5 - 6
SL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 5 - 6


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-21 ta' Diċembru 1984

li tirrigwarda l-lista tas-sustanzi kimiċi nnotifikata skond id-Direttiva tal-Kunsill 67/584/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettjar ta' sustanzi perikolużi

(85/71/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 67/548 KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettjar ta' sustanzi perikolużi [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 79/831/KEE [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

Billi l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 67/548/KEE jipprovdi illi l-Kummissjoni għandha żżomm lista tas-sustanzi nnotifikati skond id-Direttiva;

Billi l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 67/548/KEE jipprovdi illi l-għamla tal-lista u tat-tagħrif li jinsab fiha għandhom jiġu deċiżi bil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21;

Billi l-lista għandha tiġi ppubblikata skond il-għanijiet tad-Direttiva 67/548/KEE, jiġifieri l-protezzjoni tal-bniedem u ta' l-ambjent kontra r-riskji li jistgħu jinħolqu mit-tqegħid fis-suq ta' sustanzi l-ġodda;

Billi l-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' l-Addattament għall-Progress Tekniku tad-Direttivi dwar it-Tneħħija ta' l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ fis-Settur tas-Sustanzi u l-Preparazzjonijiet Perikolużi,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

L-Artikolu 1

Il-lista tas-sustanzi kimiċi li għandha tinżamm mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 67/548/KEE, minn issa 'l quddiem imsejħa ‘il-lista', għandha tiġi mfassla skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

L-Artikolu 2

Il-lista ta' dawn is-sustanzi kimiċi nnotifikati skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 67/548/KEE qabel l-1 ta' Lulju tas-sena tal-pubblikazzjoni ta' l-Inventarju ta' l-Einecs għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru ta' l-istess sena. Is-supplimenti għal-lista għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru ta' kull sena ta' wara, u jkopru l-perjodu taż-żmien bejn l-1 ta' Lulju tas-sena ta' qabel u t-30 ta' Ġunju tas-sena tal-pubblikazzjoni.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1984.

Għall-Kummissjoni

Karl-Heinz narjes

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU C 196, tas-16.8.1967, p. 1.

[2] ĠU L 259, tal-15.10.1979, p. 10.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Il-proċedura għat-tħejjija tal-lista

1. Il-lista għandha tiġi mħejjija u miżmuma mill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tagħrif fornit lilha mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva.

2. Il-lista għandu jkun fiha t-tagħrif li ġej rigward kull waħda mis-sustanzi inklużi:

- in-numru tan-notifika,

- l-identità tas-sustanza.

B'żieda ma' dan, fir-rigward ta' sustanza perikoluża, il-lista għandha tinkludi l-klassifikazzjoni tagħha skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva, wara li tkun ġiet irreġistrata fl-Anness I tagħha, bin-numru tal-KEE tagħha.

3. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-identità tas-sustanza għandha tiġi rreġistrata taħt:

- l-isem/ismijiet kummerċjali tagħha, u

- l-isem kimiku tagħha fin-Nomenklatura ta' l-IUPAC.

4. Meta l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tkun talbet dan skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva, l-identità ta' sustanza tista' tiġi rreġistrata bl-isem/ismijiet kummerċjali tagħha biss kif ipprovdut min-notifikant skond l-Artikolu 6.1 tad-Direttiva.

Fil-każ ta' sustanza perikoluża, l-identità tas-sustanza tista' tiġi rreġistrata hekk sakemm is-sustanza tiġi miżjuda fl-Anness I tad-Direttiva. Wara din iż-żieda fl-Anness I, l-ismijiet li jinsabu fih għandhom jiġu miżjuda fil-lista.

Fil-każ ta' sustanza li mhix ikklassifikata bħala perikoluża, l-identità tas-sustanza tista' tiġi rreġistrata hekk għal perjodu taż-żmien mhux itwal minn tliet snin wara l-ewwel inklużjoni tagħha fil-lista. Madankollu, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza ta' l-Artikolu 7.3 tad-Direttiva, meta fl-opinjoni ta' l-awtorità kompetenti ikkunċernata, l-isem kimiku fin-Nomenklatura ta' l-IUPAC minnu nnifsu jiżvela tagħrif illi jirrigwarda l-isfruttament kummerċjali jew tal-fabbrikazzjoni, is-sustanza għandha tiġi rreġistrata bl-isem/ismijiet kummerċjali tagħha biss għal sakemm din l-awtorità kompetenti tikkunsidra meħtieġ.

--------------------------------------------------

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tuża b'mod sistematiku, f'kull waqt li jkun possibbli, l-isem ta' l-IUPAC għaż-żieda ta' sustanzi ġodda perikolużi fl-Anness I tad-Direttiva.

--------------------------------------------------