Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

5 ta’ Novembru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali – Regolament (KE) Nru 864/2007 – Artikolu 5(1) – Responsabbiltà għal prodotti difettużi – Determinazzjoni tal-post tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott – Post tal-akkwist tal-prodott mingħand distributur jew tal-kunsinna tiegħu lill-klijent finali minn trasportatur – Kunċett ta’ ‘prodott’ – Parti komponenti ta’ prodott finali”

Fil-Kawża C‑344/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ April 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Mejju 2025, fil-proċedura

EUROVO S.r.l.

vs

Zimmerer Erben GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tas-Sitt Awla, I. Ziemele u M. Bošnjak, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal EUROVO S.r.l., minn T. Winter, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Ernst u S. Noë, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn EUROVO S.r.l. (iktar ’il quddiem “Eurovo”) u Zimmerer Erben GmbH, li qabel kienet magħrufa bħala Salmet-International GmbH, dwar l-azzjoni għad-danni mressqa minn Eurovo minħabba prodotti mmanifatturati minn Zimmerer Erben.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Ruma II

3        Il-premessi 18 sa 20 tar-Regolament Ruma II jiddikjaraw li:

“(18)      Ir-regola ġenerali f’dan ir-Regolament għandha tkun il-‘lex loci damni’ prevista fl-Artikolu 4(1). L-Artikolu 4(2) għandu jitqies bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju ġenerali, li joħloq konnessjoni speċjali fejn il-partijiet ikollhom ir-residenza abitwali fl-istess pajjiż. L-Artikolu 4(3) għandu jinftiehem bħala ‘klawżola ta’ salvagwardja’ mill-Artikolu 4(1) u (2) fejn ikun ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li d-delitt/kważi-delitt ċivili jkun b’mod ċar iżjed marbut mill-qrib ma’ pajjiż ieħor.

(19)      Għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għal delitti/kważi-delitti ċivili speċjali fejn ir-regola ġenerali ma tippermettix li jintlaħaq bilanċ raġonevoli bejn l-interessi litigati.

(20)      Ir-regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet, għal dak li jirrigwarda r-responsabbiltà għal dannu minn prodotti, għandha tilħaq l-objettivi li r-riskji inerenti f’soċjetà moderna ta’ teknoloġija avvanzata jinfirxu b’mod ġust, li tiġi protetta s-saħħa tal-konsumaturi, li tiġi stimulata l-innovazzjoni, li tiġi ggarantita l-kompetizzjoni mhux distorta u li jiġi ffaċilitat il-kummerċ. Il-ħolqien ta’ sistema kaskata ta’ fatturi ta’ konnessjoni, flimkien ma’ klawżola ta’ prevedibbiltà, hija soluzzjoni bbilanċjata fir-rigward ta’ dawn l-objettivi. L-ewwel element li jrid jittieħed kont tiegħu huwa l-liġi tal-pajjiż li fih il-parti leża jkollha r-residenza abitwali tagħha meta jsir id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż. L-elementi l-oħra tal-kaskata jiskattaw jekk il-prodott ma kienx kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2) u għall-possibbiltà ta’ konnessjoni manifestament aktar stretta ma’ pajjiż ieħor.”

4        Il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Delitti jew kważi-delitti ċivili”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmi regolament.

5        L-Artikolu 4 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.

2.      Madankollu, fejn kemm l-persuna allegatament responsabbli kif ukoll il-persuna li ssofri d-dannu ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3.      Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1 jew 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.”

6        L-Artikolu 5 tar-Regolament Ruma II jipprevedi li:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn dannu kawżat minn prodott għandha tkun:

(a)      il-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna li ssofri d-dannu kellha r-residenza abitwali tagħha meta seħħ id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż; jew, fin-nuqqas ta’ din,

(b)      il-liġi tal-pajjiż minn fejn kien akkwistat il-prodott, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż; jew, fin-nuqqas ta’ din,

(ċ)      il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż.

Madankollu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna allegatament responsabbli tkun abitwalment residenti jekk ma setgħetx raġonevolment tipprevedi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, jew ta’ prodott ta’ l-istess tip, fil-pajjiż li l-liġi tiegħu tkun applikabbli taħt (a), (b) jew (ċ).

2.      Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.”

 Id-Direttiva 85/374/KEE

7        Id-Direttiva tal-Kunsill tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257), kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 147) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/374”), tiddikjara, fl-Artikolu 2 tagħha, li:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, ‘prodott’ tfisser il-mobbli kollha anke jekk ikunu inklużi f'mobbli jew f'immobbli oħra. […]”

8        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Il-produttur ma għandux ikun risponsabbli bħala riżultat ta’ din id-Direttiva jekk huwa jipprova:

(a)      li huwa ma poġġiex il-prodott fiċ-ċirkulazzjoni; jew

(b)      li, wara li kkunsidra ċ-ċirkustanzi, ikun possibbli li d-difett li kkawża d-dannu ma kienx jeżisti fil-ħin meta l-prodott tpoġġa minnu fiċ-ċirkulazzjoni jew li dan id-difett ħareġ wara; jew

(ċ)      li l-prodott la kien immanifatturat minnu għall-bejgħ jew kull forma ta’ distribuzzjoni għall-fini ekonomiku l-anqas immanifatturat jew distribwit minnu matul il-kors tan-negozju tiegħu; jew

(d)      li d-difett huwa minħabba konformità tal-prodott mar-regolamenti obbligatorji maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi; jew

(e)      li l-qagħda tat-tagħrif xjentifiku u tekniku fiż-żmien meta huwa poġġa l-prodott fiċ-ċirkulazzjoni ma kinetx tali li tippermetti l-eżistenza tad-difett li jinstab; jew

(f)      fil-każ ta’ manifattur ta’ komponent, li d-difett jista’ jkun attribwit għad-disinn tal-prodott li fih il-komponent kien iffittjat jew għall-istruzzjonijiet mogħtija mill-manifattur tal-prodott.”

9        L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-leġislazzjoni tagħhom li d-drittijiet mogħtija lil persuna li saritilha l-ħsara skond din id-Direttiva jispiċċaw ma’ l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 10 snin mid-data li fiha l-produttur ikun poġġa fiċ-ċirkulazzjoni l-prodott attwali li kkawża d-dannu, kemm-il darba l-persuna korruta tkun fil-frattemp tat bidu għal proċedimenti kontra l-produttur.”

 Id‑dritt Ġermaniż

10      L-Artikolu 823(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili) jipprovdi li:

“Kull min, intenzjonalment jew b’negliġenza, jippreġudika b’mod illegali l-ħajja, l-integrità fiżika, is-saħħa, il-libertà, il-proprjetà jew kwalunkwe dritt ieħor ta’ ħaddieħor huwa obbligat jikkumpensa lil dan tal-aħħar għad-dannu li jirriżulta minn dan.”

11      L-Artikolu 1(1) tal-Gesetz über die Haftung für fehlerhafte Produkte (Produkthaftungsgesetz – ProdHaftG) (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà għal Prodotti Difettużi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà għal Prodotti – ProdHaftG)), tal‑15 ta’ Diċembru 1989 (BGBl. 1989 I, p. 2198), huwa fformulat kif ġej:

“Meta persuna tmut jew tweġġa’ jew timrad minħabba d-difett fi prodott jew inkella meta oġġett isirlu ħsara, il-produttur huwa obbligat jikkumpensa lill-vittma għad-danni li rriżultaw minnu. Fil-każ ta’ ħsara kkawżata lil oġġett, dan il-prinċipju ma japplikax ħlief meta oġġett differenti mill-prodott difettuż ikun ġarrab ħsara u meta dan l-oġġett huwa normalment intiż għall-użu jew għall-konsum privat u jkun intuża mill-vittma prinċipalment għal dan il-għan.”

12      L-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li:

“Fis-sens ta’ din il-liġi, il-produttur ifisser il-manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti. Titqies ukoll bħala produttur kull persuna li tippreżenta ruħha bħala produttur billi tqiegħed fuq il-prodott isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Eurovo, li għandha s-sede tagħha fl-Italja, titlob, skont id-dritt Taljan, il-ħlas ta’ danni abbażi tar-responsabbiltà għal prodotti difettużi, minħabba difetti li jaffettwaw sitt batteriji ta’ gaġeġ għat-tiġieġ tal-bajd tat-tip “Salmet”, li ġew iddisinjati u mmanifatturati minn Zimmerer Erben, li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja.

14      Il-partijiet fil-kawża prinċipali, li waħda minnhom hija attiva fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-ikel, u b’mod iktar preċiż tal-bajd u ta’ prodotti abbażi tal-bajd, filwaqt li l-oħra tiddistribwixxi oġġetti intiżi għall-industrija tal-ipproċessar, ma humiex marbuta b’relazzjonijiet kuntrattwali.

15      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali biegħet, bejn l‑2009 u l‑2010, ħames batteriji ta’ gaġeġ għat-tiġieġ tal-bajd tat-tip “Salmet” lill-kumpannija Olandiża VerstOvo BV u batterija ta’ gaġeġ għat-tiġieġ tal-bajd ta’ dan it-tip lill-kumpannija Franċiża Ovonor SAS, li sussegwentement reġgħet bigħetha lil VerstOvo. Fir-rigward tal-installazzjoni ta’ dawn il-batteriji, ġie miftiehem li t-tagħbija tagħhom kellha ssir fil-Ġermanja, li l-valur totali tal-kuntratt ma kienx jinkludi l-installazzjoni tagħhom, iżda li tekniku tal-konvenuta fil-kawża prinċipali seta’ eventwalment jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kumpannija xerrejja. VerstOvo reġgħet biegħet erbgħa mill-imsemmija sitt batteriji lil diversi kumpanniji Taljani, li kkonkludew mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kuntratti ta’ lokazzjoni li kellhom bħala suġġett sistema kompleta ta’ guvi għat-tiġieġ tal-bajd. Iż-żewġ batteriji l-oħra ta’ gaġeġ għat-tiġieġ tal-bajd inbiegħu lil kumpannija Taljana oħra, li sussegwentement allegatament ingħaqdet mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

16      L-immuntar tas-sistemi ta’ guvi sar bejn ix-xahar ta’ Lulju u x-xahar ta’ Diċembru 2010 fil-bini tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’Codigoro (l-Italja). Il-guvi ġew ikkunsinnati direttament, bi spejjeż ta’ VerstOvo, mis-sede Ġermaniża tal-konvenuta fil-kawża prinċipali lejn is-sede tal-produzzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-Italja. L-immuntar twettaq minn impjegati ta’ VerstOvo bl-għajnuna ta’ impjegati tal-konvenuta fil-kawża prinċipali.

17      Minħabba problemi tekniċi li nqalgħu fis-sistemi ta’ guvi wara l-immuntar tagħhom, VerstOvo bdiet, fix-xahar ta’ Mejju 2011, kontra l-konvenuta fil-kawża prinċipali, proċedura awtonoma għall-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-provi quddiem it-Tribunale di Ferrara (il-Qorti ta’ Ferrara, l-Italja), skont id-dritt Taljan. Bejn ix-xahar ta’ Settembru 2013 u x-xahar ta’ Jannar 2014, is-sistemi ta’ guvi sarulhom tiswijiet.

18      Wara li, matul is-sena 2014, ippreżentat rikors intiż għall-kisba ta’ danni quddiem it-Tribunale di Ferrara (il-Qorti ta’ Ferrara), li ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra l-konvenuta fil-kawża prinċipali quddiem il-Landgericht Darmstadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Darmstadt, il-Ġermanja), fejn ilmentat dwar difetti fid-disinn u fl-istruttura kif ukoll dwar funzjonament ħażin tas-sistemi ta’ guvi.

19      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li d-dritt Taljan huwa applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali skont il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II, peress li l-installazzjonijiet inkwistjoni ġew ikkummerċjalizzati fl-Italja. Barra minn hekk, hija kienet diġà użat, fi stabbiliment ieħor fl-Italja, installazzjonijiet tal-istess tip prodotti mill-konvenuta fil-kawża prinċipali. Skont id-dritt Taljan, il-konvenuta fil-kawża prinċipali għandha tkun obbligata tikkumpensa għad-danni kkawżati minħabba n-negliġenza tagħha.

20      Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2020, il-Landgericht Darmstadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Darmstadt) ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), li, permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2021, ċaħdet dan l-appell. Wara li kkonstatat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II, il-liġi applikabbli f’dan il-każ kienet il-liġi Ġermaniża, din l-aħħar qorti ddeċidiet li, skont id-dritt Ġermaniż applikabbli, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellha ebda dritt għal danni fil-konfront tal-konvenuta fil-kawża prinċipali.

21      Fir-rikors għal reviżjoni tagħha, ippreżentat quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ttenni t-talbiet tagħha.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi interpretat l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II, u b’mod iktar preċiż il-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” li jinsab f’din id-dispożizzjoni.

23      Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li, fl-assenza ta’ residenza abitwali komuni tal-partijiet fil-kawża prinċipali fl-istess Stat Membru, id-dritt applikabbli huwa ddeterminat permezz tas-sistema kaskata ta’ fatturi ta’ konnessjoni prevista fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II, fejn kull wieħed minn dawn il-punti (a) sa (ċ) jagħmel riferiment għall-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni”.

24      Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) interpretat il-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” fis-sens ta’ “tqegħid fis-suq” u għalhekk qieset li l-konvenuta fil-kawża prinċipali kienet qiegħdet il-prodotti tagħha għad-dispożizzjoni sabiex jinġabru f’Ittlingen (il-Ġermanja). Konsegwentement, skont din l-aħħar qorti, il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġiex ikkummerċjalizzat f’wieħed mill-pajjiżi msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II, b’tali mod li r-residenza abitwali tal-produttur, li tinsab fil-Ġermanja, tkun għalhekk il-kriterju ta’ konnessjoni li jippermetti li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II.

25      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, jekk interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” għandhiex twassal għall-applikabbiltà tad-dritt Taljan, peress li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ikkunsinnati fl-Italja, ġew installati hemmhekk u d-dannu invokat allegatament ġie subit f’dan il-pajjiż.

26      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, filwaqt li tinvoka s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2006, O’Byrne (C‑127/04, EU:C:2006:93, punt 27), dwar ir-rilevanza tal-kriterji żviluppati fir-rigward tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 7 u fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374, li jgħidu li prodott jiġi kkummerċjalizzat meta l-produttur iqiegħdu liberament fiċ-ċirkolazzjoni ekonomika fi tmiem il-proċess ta’ produzzjoni.

27      Għalkemm il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tar-Regolament Ruma II tuża t-terminu ekwivalenti għal dak ta’ “tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni” li jinsab fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tad-Direttiva 85/374, il-paragun bejn il-formulazzjoni tar-Regolament Ruma II u dik tad-Direttiva 85/374 f’verżjonijiet lingwistiċi oħra jqajjem, madankollu, dubji dwar il-possibbiltà li l-interpretazzjonijiet tal-kunċett ta’ “tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni” li jirriżultaw minn din id-direttiva jiġu trasposti fil-kuntest tar-Regolament Ruma II, peress li l-għanijiet imfittxija minn dawn iż-żewġ testi huma distinti.

28      Peress li l-batteriji ta’ gaġeġ għat-tiġieġ tal-bajd inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew integrati f’sistemi ta’ guvi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” jinkludix, minbarra l-prodotti awtonomi, anki l-prodotti integrati.

29      Hija tistaqsi, barra minn hekk, dwar is-sistema applikabbli fil-każ fejn is-sitwazzjoni inkwistjoni ma tikkorrispondi għal ebda wieħed mill-każijiet previsti fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II.

30      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tosserva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet diġà użat fl-Italja batteriji ta’ gaġeġ għat-tiġieġ tal-bajd tal-istess tip prodotti mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, tistaqsi jekk l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ prodott tal-“istess tip”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II, tapplikax ukoll għall-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu, peress li dan il-kunċett jista’ jiġi interpretat b’mod strett, fis-sens li jirreferi esklużivament għall-prodott konkret li kkawża d-dannu, jew b’mod wiesa’, fis-sens ta’ prodott identiku, jew saħansitra tal-istess tip, bħall-prodott ikkonċernat.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘kummerċjalizzazzjoni’ fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament [Ruma II] għandu jinftiehem fis-sens li prodott huwa kkummerċjalizzat ukoll fl-Istat li fih ix-xerrej finali jakkwistah mingħand distributur meta l-produttur, li jkollu s-sede tiegħu fi Stat ieħor, ikun preċedentement għadda l-prodott fis-sede tiegħu lil trasportatur li kkunsinna l-prodott direttament fis-sede tax-xerrej finali, jew inkella l-kummerċjalizzazzjoni isseħħ ukoll f’dan il-każ, fil-konfront tax-xerrej finali, fl-Istat li fih il-produttur ikollu s-sede tiegħu?

2)      Il-kunċett ta’ ‘kummerċjalizzazzjoni’ fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament [Ruma II] għandu jiġi interpretat fis-sens li kummerċjalizzazzjoni tista’ sseħħ mhux biss mill-produttur innifsu, iżda wkoll minn terz, bħal distributur li jkun xtara l-prodott mingħand il-produttur?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: il-fatt li l-klijent finali jixtri mingħand id-distributur, jew jagħmel leasing, tal-prodott bħala komponent minn installazzjoni teknika globali ikbar li d-distributur jinstalla għand ix-xerrej, jipprekludi ‘kummerċjalizzazzjoni’ tal-prodott konkretament difettuż/li jagħmel il-ħsara fl-Istat tal-klijent finali?

4)      Liema huwa d-dritt nazzjonali applikabbli jekk ebda wieħed mill-varjanti ta’ konnessjoni previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament [Ruma II] ma jkun japplika?

5)      Sabiex jiġi evalwat jekk prodott ġiex ikkummerċjalizzat fi Stat partikolari fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament [Ruma II], għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prodott konkretament difettuż/li jagħmel il-ħsara, jew huwa suffiċjenti jekk, fi kwalunkwe każ, prodott identiku jew prodott tal-istess tip ikun ġie kkummerċjalizzat fl-Istat partikolari?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

32      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II għandux jiġi interpretat fis-sens li l-post tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biss dak fejn il-prodott joħroġ mill-fabbrika tal-manifattur jew jekk jistax ikun ukoll dak fejn il-parti leża takkwista l-prodott mingħand distributur jew dak fejn il-prodott jiġi kkunsinnat lilha minn trasportatur.

33      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Ruma II ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni”, li jinsab fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri bil-għan li jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, ShareWood Switzerland, C‑595/20, EU:C:2022:86, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Peress li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, dan għandu għalhekk jiġi interpretat awtonomament u uniformament.

36      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II tirreferi għat-“tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni” (“in Verkehr gebracht”) tal-prodott u li t-terminu “Inverkehrbringen” jinsab, essenzjalment, ukoll fil-verżjoni Ġermaniża tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 7 kif ukoll tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374, b’tali mod li dawn iż-żewġ kunċetti jistgħu jiġu interpretati b’mod analogu.

37      Madankollu, tali analoġija ma tirriżultax mill-formulazzjoni ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II, b’mod partikolari dawk bil-lingwa Spanjola (“comercializó”), Ingliża (“marketed”), Franċiża (“commercialisé”), Taljana (“commercializzato”) u Olandiża (“op de markt is gebracht”), sa fejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikoli 7 u 11 tad-Direttiva 85/374 jużaw il-kliem Spanjol “puso en circulación”, il-kliem Ingliż “put into circulation”, il-kliem Franċiż “mise en circulation”, il-kliem Taljan “messo in circolazione” u l-kliem Olandiż “in het verkeer is gebracht”.

38      Għaldaqstant, u skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fuq verżjonijiet lingwistiċi oħra. Approċċ bħal dan ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’riferiment għall-għan u għall-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas, C‑372/88, EU:C:1990:140, punti 18 u 19, kif ukoll tal‑20 ta’ Novembru 2025, Lolach, C‑327/24, EU:C:2025:901, punt 29).

39      Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti l-Artikolu 5 tar-Regolament Ruma II, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu jagħmel parti mill-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Delitti jew kważi-delitti ċivili”. Flimkien mal-Artikoli 6 sa 9 ta’ dan il-kapitolu, l-Artikolu 5 jinkludi regoli speċjali intiżi li jippreċiżaw ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, fir-rigward ta’ danni li seħħew f’ċirkustanzi partikolari.

40      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn fatt dannuż hija dik tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu, sakemm il-persuna li r-responsabbiltà tagħha tkun qiegħda tiġi invokata u l-parti leża ma jkollhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, f’liema każ, konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, tapplika l-liġi ta’ dan il-pajjiż.

41      L-Artikolu 5 tar-Regolament Ruma II jipprevedi regoli ta’ kunflitt speċjali applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn dannu kkawżat minn prodott. Għal dan l-għan, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 5 jistabbilixxi sistema kaskata ta’ fatturi ta’ konnessjoni, li bis-saħħa tagħha tapplika, skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, il-liġi tal-pajjiż li fih il-parti leża kellha r-residenza tagħha fil-jum meta seħħ id-dannu, jekk il-prodott ikun ġie kkummerċjalizzat f’dan il-pajjiż, jew, fin-nuqqas ta’ dan, skont il-punt (b) tal-imsemmi paragrafu, il-liġi tal-pajjiż li fih inxtara l-prodott, jekk il-prodott ikun ġie kkummerċjalizzat f’dan il-pajjiż, jew, fin-nuqqas ta’ dan, skont il-punt (ċ) tal-istess paragrafu, il-liġi tal-pajjiż li fih seħħ id-dannu, jekk il-prodott ikun ġie kkummerċjalizzat f’dan il-pajjiż.

42      Din is-sistema kaskata hija kkompletata minn regola ta’ prevedibbiltà, stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 5, li bis-saħħa tagħha, meta l-persuna li r-responsabbiltà tagħha tkun qiegħda tiġi invokata ma setgħetx raġonevolment tipprevedi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew ta’ prodott tal-istess tip fil-pajjiż li l-liġi tiegħu hija applikabbli bis-saħħa tal-punti (a), (b) jew (ċ) ta’ dan il-paragrafu 1, il-liġi applikabbli tkun dik tal-pajjiż li fih din il-persuna għandha r-residenza abitwali tagħha.

43      Barra minn hekk, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Ruma II jippreċiża li, jekk miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li l-fatt dannuż għandu rabtiet manifestament iktar stretti ma’ pajjiż differenti minn dak imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tapplika l-liġi ta’ dan il-pajjiż l-ieħor.

44      Sabiex jiġi ddeterminat is-sens li għandu jingħata lill-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni”, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-kliem “prodott [li] kien kummerċjalizzat”, li jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II, jintuża b’mod oġġettiv, sa fejn ma jinkludi ebda riferiment għall-persuna li tkun immanifatturat il-prodott. Bl-istess mod, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II jirreferi għall-“persuna allegatament responsabbli”, liema espressjoni tinkludi mhux biss il-persuna li mmanifatturat il-prodott ikkonċernat, iżda wkoll kull persuna oħra involuta fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-prodott.

45      Fit-tieni lok, għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II, il-kummerċjalizzazzjoni tista’ sseħħ kemm fil-pajjiż fejn il-parti leża kellha r-residenza abitwali tagħha fil-mument meta seħħ id-dannu kif ukoll fil-pajjiż fejn inxtara l-prodott jew fil-pajjiż fejn seħħ id-dannu.

46      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II, huwa ddefinit b’riferiment għall-prodott inkwistjoni, indipendentement mill-persuna li mmanifatturatu jew ipproduċietu, b’tali mod li huwa irrilevanti jekk il-parti leża tkunx akkwistat il-prodott ikkonċernat direttament mingħand il-manifattur jew il-produttur jew jekk dan l-akkwist ikunx sar fil-kuntest ta’ proċess ta’ distribuzzjoni li jinvolvi intervenjent wieħed jew iktar. Min-naħa l-oħra, il-post tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott ma huwiex limitat għall-post tal-manifattura jew tal-produzzjoni tiegħu, iżda jestendi wkoll għall-post fejn dan jinxtara mill-parti leża.

47      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-eżistenza, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II, ta’ kriterju ta’ konnessjoni partikolari għall-każ fejn il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ikkonċernat ma kinitx raġonevolment prevedibbli fil-pajjiż li l-liġi tiegħu hija applikabbli bis-saħħa tal-punti (a), (b) jew (ċ) imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għall-persuna li r-responsabbiltà tagħha tkun qiegħda tiġi invokata.

48      Fil-fatt, jekk il-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” ta’ prodott kellu jiġi limitat biss għall-kummerċjalizzazzjoni mill-produttur jew mill-manifattur, dan il-kriterju ta’ konnessjoni partikolari jiġi mċaħħad minn kull effett utli, peress li huwa diffiċli li wieħed jimmaġina kif kummerċjalizzazzjoni mwettqa mill-produttur jew mill-manifattur innifsu tista’ tkun imprevedibbli għal dan tal-aħħar.

49      Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” hija sostnuta wkoll mill-għan imfittex mir-Regolament Ruma II. Kif jirriżulta mill-premessa 20 tiegħu, fil-qasam tar-responsabbiltà għal prodotti difettużi, ir-regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tat-tqassim ġust tar-riskji f’soċjetà moderna kkaratterizzata minn livell għoli ta’ teknoloġija, tal-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi, tal-istimulazzjoni tal-innovazzjoni, tal-garanzija ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni u tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ. F’dan ir-rigward, l-istabbiliment ta’ sistema kaskata ta’ fatturi ta’ konnessjoni, li tagħti importanza partikolari lill-ewwel kriterju, li jindika l-liġi tal-pajjiż li fih il-parti leża għandha r-residenza abitwali tagħha fil-mument meta jseħħ id-dannu, u li hija akkumpanjata minn klawżola ta’ prevedibbiltà, jikkostitwixxi soluzzjoni bbilanċjata fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet.

50      Issa, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” li hija limitata biss għall-“ħruġ mill-fabbrika” tal-prodott ikkonċernat tmur b’mod ċar kontra dawn l-għanijiet, sa fejn din tqiegħed inkwistjoni l-bilanċ li fuqu dawn huma bbażati. Fil-fatt, tali interpretazzjoni restrittiva twassal sabiex id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli bis-saħħa tal-punti (a) sa (ċ) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II tkun suġġetta għall-fatt li l-parti leża jkollha r-residenza abitwali tagħha fil-pajjiż fejn iseħħ dan il-“ħruġ mill-fabbrika”, għall-fatt li l-prodott ikun inxtara f’dan il-pajjiż jew għall-fatt li d-dannu jkun seħħ fl-imsemmi pajjiż, u b’hekk tagħti lill-“ħruġ mill-fabbrika” rwol ipprivileġġat fil-leġiżlazzjoni dwar il-kunflitt tal-liġijiet fil-qasam tar-responsabbiltà għal prodotti difettużi.

51      F’dan il-każ, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sitt batteriji ta’ gaġeġ għat-tiġieġ tal-bajd tat-tip “Salmet” ġew immanifatturati u mqiegħda fis-suq mill-kumpannija konvenuta fil-kawża prinċipali fil-Ġermanja. Min-naħa l-oħra, l-akkwist, mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-batteriji ta’ gaġeġ għat-tiġieġ tal-bajd inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma seħħx f’dan il-pajjiż, peress li dan l-akkwist sar jew fil-kuntest ta’ diversi kuntratti ta’ lokazzjoni li kellhom bħala suġġett sistema kompleta ta’ guvi u li kienu jinvolvu diversi intervenjenti, fosthom kumpanniji ta’ distribuzzjoni u ta’ trasport, jew fil-kuntest ta’ bejgħ mill-ġdid minn dawn tal-aħħar lil kumpannija Taljana oħra li sussegwentement allegatament ingħaqdet mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

52      Għalhekk, bla ħsara għall-verifiki fattwali li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, peress li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni seħħet fl-Italja, il-liġi Taljana hija applikabbli skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Ruma II. Fil-fatt, l-ewwel nett, konformement mal-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, il-parti leża kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Italja meta seħħ id-dannu, it-tieni nett, skont il-punt (b) tal-imsemmi paragrafu, il-prodott ikkonċernat inxtara hemmhekk u, it-tielet nett, skont il-punt (ċ) tal-istess paragrafu, id-dannu seħħ ukoll fl-Italja.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa mhux biss dak fejn il-prodott joħroġ mill-fabbrika tal-manifattur, iżda wkoll dak fejn il-parti leża takkwista l-prodott ta’ distributur jew dak fejn il-prodott jingħatalha minn trasportatur.

 Fuq it-tielet domanda

54      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “prodott ikkummerċjalizzat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludix ukoll prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ installazzjoni teknika.

55      Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandu normalment jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha.

56      Kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-formulazzjoni newtrali użata fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II ma tippermettix li tiġi pprovduta indikazzjoni dwar il-kunċett ta’ “prodott ikkummerċjalizzat”.

57      Madankollu, mill-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (COM(2003) 427 finali), jirriżulta li, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodott”, għandu jsir riferiment għal dik li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/374.

58      Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-“prodott” huwa ddefinit bħala “il-mobbli kollha”, anki jekk ikunu inkorporati f’mobbli jew f’immobbli oħra.

59      Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, dwar il-każijiet ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-produttur, jirreferi espressament għall-prodott bħala parti komponenti li ġiet inkorporata fil-prodott finali.

60      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “prodott ikkummerċjalizzat”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II, ma huwiex limitat għall-prodotti bħala tali, iżda jkopri wkoll il-prodotti li jinsabu inkorporati f’installazzjonijiet.

61      Konsegwentement, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott ma tintemmx meta dan il-prodott jittieħed f’idejn proċessur jew meta jiġi inkorporat jew integrat bħala parti komponenti fi prodott intermedju jew finali.

62      Hija biss tali interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “prodott ikkummerċjalizzat” li tista’ tiggarantixxi l-effikaċja tas-sistema kaskata tal-fatturi ta’ konnessjoni stabbilita mill-Artikolu 5 tar-Regolament Ruma II. Billi tippermetti li tiġi ddeterminata, skont kriterji ġerarkiċi u prevedibbli, il-liġi applikabbli għad-danni kkawżati mid-diversi tipi ta’ prodotti, tali interpretazzjoni tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn dan l-artikolu, b’mod partikolari l-prevedibbiltà tal-liġi applikabbli u t-tqassim ġust tar-riskji stabbiliti fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

63      Għall-kuntrarju, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Ruma II tal-prodotti komposti ċċaħħad lill-mekkaniżmu stabbilit minn dan l-artikolu mill-effett utli tiegħu. Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu sitwazzjonijiet li fihom il-fatturi ta’ konnessjoni kaskata huma preċiżament intiżi li jiddeterminaw il-liġi applikabbli. Barra minn hekk, tali esklużjoni hija bbażata fuq distinzjoni artifiċjali u arbitrarja applikata skont il-modalitajiet ta’ produzzjoni tal-prodotti, minkejja li dawn ma jippermettux, waħedhom, li jiġi ġġustifikat li l-prodotti jkunu suġġetti għal sistemi differenti ta’ kunflitt tal-liġijiet.

64      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “prodott ikkummerċjalizzat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi ukoll prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ installazzjoni teknika.

 Fuq ir-raba’ domanda

65      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema hija l-liġi applikabbli jekk ebda wieħed mill-kriterji ta’ konnessjoni previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II ma jkun applikabbli.

66      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, biss meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunux osservati jew meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice, C‑307/19, EU:C:2021:236, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-raba’ domanda saret fil-każ li s-sistema kaskata ta’ fatturi ta’ konnessjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II ma tkunx tippermetti li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli u li, għaldaqstant, ikun hemm lok li timtela din l-allegata lakuna tar-Regolament Ruma II billi jitqies li l-prodott ikkonċernat ma jkunx ġie kkummerċjalizzat.

68      Issa, la mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas mir-risposti mogħtija għall-ewwel sat-tielet domanda ma jirriżulta li d-determinazzjoni tal-post tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex possibbli jew li dawn il-prodotti ma kinux is-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi jsegwi li l-fatt li tingħata risposta għar-raba’ domanda jfisser b’mod ċar li tingħata opinjoni konsultattiva fuq domanda ipotetika, kuntrarjament għall-funzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Romeo, C‑313/12, EU:C:2013:718, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70      Konsegwentement, ir-raba’ domanda hija inammissibbli.

 Fuq il-ħames domanda

71      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ prodott tal-“istess tip”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II.

72      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tintroduċi kriterju ta’ konnessjoni relatat mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott tal-“istess tip” bħall-prodott ikkonċernat fil-każ fejn il-persuna li r-responsabbiltà tagħha tkun qiegħda tiġi invokata ma setgħetx raġonevolment tipprevedi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott fil-pajjiż li l-liġi tiegħu hija applikabbli bis-saħħa tal-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Ruma II.

73      Issa, la mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas mir-risposti mogħtija għall-ewwel sat-tielet domanda ma jirriżulta li, f’dan il-każ, id-determinazzjoni tal-post tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx raġonevolment prevedibbli għall-konvenuta fil-kawża prinċipali.

74      Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 66 u 69 ta’ din is-sentenza, il-ħames domanda hija inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-post tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa mhux biss dak fejn il-prodott joħroġ mill-fabbrika tal-manifattur, iżda wkoll dak fejn il-parti leża takkwista l-prodott ta’ distributur jew dak fejn il-prodott jingħatalha minn trasportatur.

2)      L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 864/2007

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “prodott ikkummerċjalizzat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi ukoll prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ installazzjoni teknika globali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.