SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
10 ta’ Ġunju 2026 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien indeterminat – Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Xoljiment ta’ kuntratt – Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Żball ta’ liġi – Responsabbiltà – Dannu morali”
Fil-Kawża T‑13/25,
HC, irrappreżentat minn L. Levi, avukata,
rikorrenti,
vs
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Almendros Manzano u G. Bittoni, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn G. De Baere, President tal-Awla, R. Meyer (Relatur) u D. Jočienė, Imħallfin,
Reġistratur: H. Eriksson, amministrattriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑14 ta’ Jannar 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, HC, titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta tat‑2 ta’ Lulju 2024 li permezz tagħha l-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat ġie xolt (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) abbażi tal-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-dannu morali li hija allegatament ġarrbet minħabba din id-deċiżjoni. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti ġiet irreklutata fl‑4 ta’ Settembru 2001 mill-konvenuta. B’effett mix-xahar ta’ Ġunju 2016, hija ġiet irreklutata bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, fi ħdan l-uffiċċju ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Membru”). |
|
3 |
Fis‑6 ta’ Settembru 2022, kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Membru u r-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-ġranet ta’ leave meħuda minn din tal-aħħar u l-approvazzjoni tagħhom. |
|
4 |
Fid‑9 ta’ Settembru 2022, ir-rikorrenti ħarġet fuq leave tal-mard. |
|
5 |
Permezz ta’ posta elettronika tal‑15 ta’ Settembru 2022, indirizzata lis-segretarjat tad-Direttorat tar-Riżorsi Umani u tal-Amministrazzjoni tal-Persunal tal-konvenuta (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tar-Riżorsi Umani”), ir-rikorrenti indikat li sitwazzjoni fil-post tax-xogħol kienet saret “impossibbli” u esprimiet ix-xewqa li jkun hemm laqgħa sabiex tirrapporta fatti ta’ fastidju psikoloġiku allegatament imwettaq mill-Membru fil-konfront tagħha. Hija indikat li kellha l-intenzjoni tressaq talba għal assistenza. Fl-istess jum, id-Direttorat tar-Riżorsi Umani wieġeb lir-rikorrenti billi kkomunikalha r-regoli interni tal-istituzzjoni fil-qasam tal-fastidju u stedinha sabiex terġa’ tikkuntattjah fil-bidu tax-xahar ta’ Ottubru 2022 sabiex ikun hemm laqgħa. |
|
6 |
Fl‑4 ta’ Ottubru 2022, inżammet laqgħa bejn id-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni u l-Membru fl-uffiċċju ta’ dan tal-aħħar. |
|
7 |
Permezz ta’ ittra tar-rappreżentant tagħha tas‑26 ta’ Ottubru 2022, ir-rikorrenti adixxiet lill-President tal-Qorti Ġenerali b’talba għal laqgħa intiża sabiex jiġu identifikati “soluzzjonijiet kostruttivi” għad-diffikultajiet li kien hemm mal-Membru, filwaqt li ppreċiżat li din it-talba ma kinitx taqa’ taħt proċedura formali. Sussegwentement fis‑16 ta’ Novembru 2022 kien hemm laqgħa bejn ir-rikorrenti u r-rappreżentant tagħha, il-President tal-Qorti Ġenerali u l-konsulent legali fil-kawżi amministrattivi tal-konvenuta. |
|
8 |
Permezz ta’ memorandum tas‑16 ta’ Diċembru 2022 (iktar ’il quddiem il-“memorandum tas‑16 ta’ Diċembru 2022”), il-Membru informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jtemm ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, minħabba terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja, minħabba l-aġir li hija kienet adottat fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha fi ħdan l-uffiċċju tiegħu matul ix-xhur ta’ qabel id‑9 ta’ Settembru 2022. B’mod partikolari, il-Membru kkritika lir-rikorrenti b’nuqqas kbir ta’ disponibbiltà, li fil-fehma tiegħu huwa xhieda ta’ nuqqas ta’ etika professjonali, li miegħu żdied nuqqas dejjem ikbar ta’ produttività, ta’ proattività u ta’ motivazzjoni, kif ukoll nuqqas ta’ awtonomija u ta’ monitoraġġ fl-eżekuzzjoni ta’ ċerti kompiti. Il-Membru stieden lir-rikorrenti sabiex tippreżentalu eventwali osservazzjonijiet, ħaġa li hija għamlet permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Jannar 2023. |
|
9 |
Permezz ta’ memorandum tal‑1 ta’ Frar 2023 (iktar ’il quddiem il-“memorandum tal‑1 ta’ Frar 2023”), il-Membru talab lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali sabiex jieħu l-passi amministrattivi neċessarji sabiex ixolji l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tar-rikorrenti. Il-Membru għamel riferiment għall-memorandum tiegħu tas‑16 ta’ Diċembru 2022, li huwa annetta mal-memorandum tal‑1 ta’ Frar 2023, filwaqt li informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jxolji l-kuntratt u bil-kunsiderazzjonijiet li wassluh għal din id-deċiżjoni. |
|
10 |
Fil-15 ta’ Frar 2023, ir-rikorrenti, b’applikazzjoni tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ressqet talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”). Insostenn ta’ din it-talba, hija ddenunzjat, b’mod iddettaljat, sensiela ta’ aġiri li, fil-fehma tagħha, wasslet sabiex hija toħroġ fuq leave tal-mard. Hija talbet, minn naħa, li l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) tiftaħ investigazzjoni amministrattiva sabiex tistabbilixxi l-fatti u minnhom tislet il-konsegwenzi xierqa u, min-naħa l-oħra, li kull proċedura intiża sabiex ittemm ir-relazzjoni ta’ impjieg tiġi ffriżata. |
|
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2023, il-kumitat tal-Qorti Ġenerali responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dmir ta’ assistenza (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-assistenza”) ċaħad it-talba għal assistenza tar-rikorrenti. Fis-17 ta’ Awwissu 2023, ir-rikorrenti ressqet, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ilment kontra din id-deċiżjoni. |
|
12 |
Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Settembru 2023, id-Direttorat tar-Riżorsi Umani informa lir-rikorrenti, li dak iż-żmien kienet ilha bil-leave tal-mard sa mid‑9 ta’ Settembru 2022, li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 59(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, kien hemm konsultazzjoni tal-Kumitat tal-invalidità sabiex dan il-kumitat jiddetermina jekk l-istat ta’ saħħa tagħha kienx jippermettilha tkompli teżerċita l-funzjonijiet tagħha fi ħdan il-konvenuta. |
|
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Settembru 2023, l-ASTK issospendiet il-proċedura ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tar-rikorrenti sakemm il-Kumitat tal-invalidità jagħti deċiżjoni, fl-interess tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura quddiem l-imsemmi kumitat. |
|
14 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2023, il-Kumitat tal-Qorti Ġenerali responsabbli sabiex jiddeċiedi dwar l-ilmenti (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-ilmenti”) irtira d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-assistenza tal‑25 ta’ Mejju 2023. Essenzjalment, huwa ddeċieda, minn naħa, li l-Kumitat tal-assistenza kien evalwa b’mod żbaljat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, li huwa kien ikkunsidra b’mod żbaljat li t-talba għal assistenza kienet ibbażata fuq sempliċi allegazzjonijiet nieqsa minn prova prima facie. |
|
15 |
Fis‑6 ta’ Diċembru 2023, il-Kumitat tal-invalidità kkonkluda li r-rikorrenti ma kinitx affettwata minn invalidità permanenti meqjusa bħala totali li tagħmilha impossibbli li hija teżerċita funzjonijiet li jikkorrispondu għal impjieg fil-grupp ta’ funzjonijiet tagħha u li, għal din ir-raġuni, hija kienet obbligata tkompli l-attività tagħha. |
|
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2023, l-ASTK, peress li qieset, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-invalidità, li r-rikorrenti kienet kapaċi taħdem u li hija kellha terġa’ tintegra l-impjieg tagħha mit‑8 ta’ Jannar 2024, iddeċidiet, b’mod provviżorju u kawtelatorju, li tqiegħdha għad-dispożizzjoni ta’ dipartiment tal-konvenuta biż-żamma tal-gradi u tal-iskala tagħha. |
|
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2024 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2024”), il-Kumitat tal-assistenza ddeċieda li l-miżura ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti lil dipartiment tal-konvenuta kienet tikkostitwixxi miżura xierqa ta’ natura li tilqa’ t-talba għal assistenza. Huwa ċaħad il-kumplament ta’ din it-talba. Peress li l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx is-suġġett ta’ lment imressaq abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, din saret definittiva fl‑20 ta’ Mejju 2024. |
|
18 |
Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2024, id-Direttorat tar-Riżorsi Umani informa lir-rikorrenti li, peress li d-deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2024 tal-Kumitat tal-assistenza kienet saret definittiva, l-ASTK kienet temmet il-miżura ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ xoljiment tal-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju. Huwa informaha wkoll bl-intenzjoni tal-ASTK li xxolji l-kuntratt tagħha abbażi tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, minħabba terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja. F’dan ir-rigward, id-Direttorat tar-Riżorsi Umani rrileva, f’din l-ittra, l-eżistenza ta’ “relazzjoni diffiċli, jew saħansitra ta’ kunflitt” bejn ir-rikorrenti u l-Membru, kif ikkonfermata mid-deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2024 tal-Kumitat tal-assistenza. Id-Direttorat tar-Riżorsi Umani informa lir-rikorrenti li hija setgħet tippreżenta osservazzjonijiet dwar l-intenzjoni tal-ASTK li xxolji l-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju qabel l‑20 ta’ Ġunju 2024. |
|
19 |
Fl‑20 ta’ Ġunju 2024, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. B’mod partikolari, hija sostniet li t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja allegata kien ibbażat fuq elementi oħra minbarra dawk imressqa mill-Membru fil-memorandum tal‑1 ta’ Frar 2023, filwaqt li l-ASTK ma kinitx awtorizzata tissostitwixxi motivi oħra għal dawk imressqa mill-imsemmi membru sabiex tikkaratterizza t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja. |
|
20 |
Fit‑2 ta’ Lulju 2024, l-ASTK adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija xoljiet il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tar-rikorrenti skont l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ għaxar xhur. Fid-deċiżjoni kkontestata, l-ASTK ikkonstatat b’mod partikolari li l-eżistenza ta’ “relazzjoni diffiċli, jew saħansitra ta’ kunflitt” bejn ir-rikorrenti u l-Membru li miegħu hija kienet teżerċita l-funzjonijiet tagħha skont kuntratt ibbażat fuq l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg kienet tikkostitwixxi l-prova tal-assenza ta’ rabta ta’ fiduċja bejniethom. |
|
21 |
Fis‑17 ta’ Awwissu 2024, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
22 |
Permezz tad-Deċiżjoni R-8/24 tal‑1 ta’ Ottubru 2024, il-Kumitat tal-ilmenti ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”). |
|
23 |
Peress li t-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg previst fid-deċiżjoni kkontestata ġie estiż minħabba leave tal-mard tar-rikorrenti, il-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju ġie xolt b’effett mill-bidu tax-xahar ta’ Awwissu 2025, jiġifieri inqas minn xahar qabel l-irtirar tagħha. |
It-talbiet tal-partijiet
|
24 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
25 |
Il-konvenuta titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq it-talbiet għal annullament
Fuq is-suġġett tat-talbiet għal annullament
|
26 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li mit-talbiet għal annullament jirriżulta li r-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla mhux biss id-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll, sa fejn ikun meħtieġ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. |
|
27 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-effett ta’ talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment huwa dak li l-Qorti Ġenerali tiġi adita bl-att li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment meta dawn ikunu, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Fil-każ inkwistjoni, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment sempliċement tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, billi tippreċiża l-motivi li jsostnu din id-deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment huma nieqsa minn kontenut awtonomu u li għalhekk ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni speċifikament dwarhom. Madankollu, fl-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, sa fejn din il-motivazzjoni għandha titqies bħal li tikkoinċidi ma dik tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, Wattiau vs Il‑Parlament, T‑737/17, EU:T:2019:273, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq il-mertu
|
29 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi. L-ewwel motiv, magħmul minn tliet partijiet, huwa bbażat fuq, l-ewwel nett, żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi li jivvizzja l-motiv ta’ xoljiment tal-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u, it-tielet nett, fuq ksur tad-dmirijiet ta’ diliġenza u ta’ premura. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-motivi għat-tkomplija tal-proċedura ta’ xoljiment, fuq “applikazzjoni irregolari” tal-Artikolu 47(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u fuq użu ħażin ta’ poter. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 12a u 22a tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
30 |
B’mod iktar preċiż, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-ASTK marret lil-hinn mis-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, wettqet żball ta’ liġi u eċċediet is-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 47(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, meta talbet għax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tkun ibbażata fuq terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja. Skont ir-rikorrenti, minn naħa, l-ASTK ma wettqet ebda stħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti u tal-kritika invokata mill-Membru fit-talba għal xoljiment u, min-naħa l-oħra, l-ASTK issostitwixxiet dawn il-fatti u din il-kritika bil-motivi tagħha stess sabiex tiġġustifika t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja. |
|
31 |
Il-konvenuta tikkontesta l-argumenti fformulati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, billi ssostni li ebda dispożizzjoni ma timponi fuq l-ASTK l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tat-talba ta’ xoljiment minħabba terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju li jeżerċita funzjonijiet skont kuntratt ibbażat fuq l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-uniċi elementi mressqa mis-superjur ġerarkiku li miegħu dan il-membru tal-persunal jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Hija ssostni li l-ASTK, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha f’dan il-qasam, għandha effettivament tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-globalità taċ-ċirkustanzi rilevanti. |
|
32 |
Skont il-konvenuta, ir-rikorrenti hija żbaljata f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni li hija tagħmel tal-ġurisprudenza applikabbli u ssostni li l-projbizzjoni, għall-ASTK, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tas-superjur ġerarkiku, li miegħu huwa assenjat il-membru tal-persunal inkwistjoni, bl-evalwazzjoni tagħha stess tirrigwarda biss ir-realtà tat-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja, u mhux l-evalwazzjoni tal-motivi li jistgħu jiġġustifikawha. Barra minn hekk, hija ssostni li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm huwa s-superjur ġerarkiku kkonċernat li għandu jressaq talba għal xoljiment, hija esklużivament l-ASTK li għandha tiddikjara dan ix-xoljiment u li għandha tiddetermina l-motivi għal dan ix-xoljiment, b’tali mod li hija tista’, jekk ikun il-każ, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq elementi differenti minn dawk invokati insostenn tat-talba inizjali. |
|
33 |
Il-konvenuta tkompli tesponi li, li kieku l-ASTK ma jkollhiex il-possibbiltà li tibbaża x-xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju fuq motivi differenti minn dawk invokati mill-Membru li miegħu dan il-membru tal-persunal jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, dan ikun imur kontra n-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi l-possibbiltà li membri tal-persunal temporanju jiġu rreklutati sabiex jeżerċitaw funzjonijiet ma’ persuna li tokkupa kariga prevista fit-Trattat UE jew fit-Trattat FUE, bħal, b’mod partikolari, il-Membri tal-Qorti Ġenerali. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, meta jiġu rreklutati fuq din il-bażi, il-membri tal-persunal temporanju li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ma’ Membru tal-Qorti Ġenerali jibbenefikaw minn kuntratt ta’ xogħol konkluż għal żmien indeterminat, iżda limitat għal mhux iktar mit-tul tal-kariga tal-Membru inkwistjoni. |
|
35 |
Skont l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ir-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju li jibbenefika minn kuntratt għal żmien indeterminat jintemm fit-tmiem tal-avviż tat-temm ta’ impjieg stabbilit fil-kuntratt, peress li dan l-avviż tat-temm ta’ impjieg ma jistax ikun inqas minn xahar għal kull sena ta’ servizz imwettaq, b’minimu ta’ tliet xhur u massimu ta’ għaxar xhur. |
|
36 |
F’dak li jirrigwarda l-motivi li jistgħu jsostnu x-xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju rreklutat skont l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali kuntratt jista’ jiġi xolt minħabba t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja, peress li element essenzjali ta’ dan il-kuntratt ta’ xogħol intuitu personae huwa l-fiduċja reċiproka (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2023, SE vs Il‑Kummissjoni, T‑223/21, EU:T:2023:375, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Frar 2010, P vs Il‑Parlament, F‑89/08, EU:F:2010:11, punt 32). |
|
37 |
F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza teżiġi li l-ASTK tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li jiżvelaw jew li jiġġustifikaw terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, WN vs Il‑Parlament, T‑431/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:781, punt 31). |
|
38 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-ASTK ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tas-superjur ġerarkiku tar-rikorrenti fir-rigward tar-realtà tat-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja bl-evalwazzjoni tagħha. Madankollu, l-ASTK għandha twettaq analiżi fi tliet stadji. Hija għandha, qabel kollox, tivverifika jekk l-assenza jew it-telf ta’ rabta ta’ fiduċja hijiex effettivament invokata, sussegwentement, hija għandha tistħarreġ l-eżattezza materjali tal-fatti invokati u, finalment, hija għandha tiżgura ruħha li, fid-dawl tal-motivi mressqa, it-talba għal xoljiment ma hijiex ivvizzjata minn ksur tad-drittijiet fundamentali jew minn użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, UF vs Il‑Kummissjoni, T‑24/23, EU:T:2024:293, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-ASTK, adita mill-Membru b’talba għax-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrenti, kinitx obbligata teżamina l-materjalità tal-fatti invokati mill-Membru u sussegwentement tillimita ruħha għall-motivi invokati minnu sabiex tiġġustifika t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja u ma setgħetx, għaldaqstant, tissostitwixxiha dawk il-motivi bil-motivi tagħha stess. |
|
40 |
Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-motivi invokati fid-deċiżjoni kkontestata għax-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrenti, l-ASTK ikkonstatat b’mod partikolari li kienet teżisti “relazzjoni diffiċli, jew saħansitra ta’ kunflitt” bejn ir-rikorrenti u l-Membru, kif ikkonfermata mid-deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2024 tal-Kumitat tal-assistenza, li “[turi], fiha nnifisha, it-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja” bejn ir-rikorrenti u l-Membru. |
|
41 |
Bl-istess mod, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, il-Kumitat tal-ilmenti indikat b’mod partikolari li kienet teżisti “relazzjoni diffiċli, jew saħansitra ta’ kunflitt” bejn il-Membru u r-rikorrenti skont id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2024 tal-Kumitat tal-assistenza u li “ma jistax jiġi serjament ikkontestat li, f’tali ċirkustanzi, ir-rabta ta’ fiduċja [...] [għandha] titqies li ntemmet”. |
|
42 |
Issa, fil-memorandum tiegħu tas‑16 ta’ Diċembru 2022, anness mal-memorandum tiegħu tal‑1 ta’ Frar 2023, sabiex jiġġustifika t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja, il-Membru kkritika lir-rikorrenti b’nuqqas kbir ta’ disponibbiltà, li fil-fehma tiegħu huwa xhieda ta’ nuqqas ta’ etika professjonali, li miegħu żdied nuqqas dejjem ikbar ta’ produttività, ta’ proattività u ta’ motivazzjoni, kif ukoll nuqqas ta’ awtonomija u ta’ monitoraġġ fl-eżekuzzjoni ta’ ċerti kompiti. Il-Membru ma semmiex l-eżistenza ta’ “relazzjoni diffiċli, jew saħansitra ta’ kunflitt”. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ASTK ma tistax, mingħajr ma tiżnatura s-sistema stabbilita mill-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, tindaħal fl-intuitu personae tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn is-superjur ġerarkiku u l-membru tal-persunal temporanju, jiġifieri l-parti ta’ kunsiderazzjoni personali li tirregolaha konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq. Issa, dan ikun il-każ li kieku l-ASTK kellha tiddeċiedi, minflok superjur ġerarkiku, ir-raġuni li wasslet għat-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja. |
|
44 |
Fil-fatt, it-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja bejn is-superjur ġerarkiku u l-membru tal-persunal temporanju, li tirrigwarda ż-żamma tar-rabta intuitu personae li hija meqjusa li tikkaratterizza r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, ma tistax; mingħajr l-attribuzzjoni lis-superjur ġerarkiku ta’ lmenti li huwa ma sostniet u, fl-aħħar mill-aħħar, mingħajr is-sostituzzjoni ta’ dan is-superjur fl-evalwazzjoni tal-motivi li wassluh sabiex iqiegħed il-fiduċja tiegħu fil-kollaboratur; tkun iġġustifikata minn punti ta’ fatt li l-eżistenza tagħhom ma ġietx ikkritikata mill-istess superjur ġerarkiku nnifsu. |
|
45 |
Għalhekk, billi bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq motivi li ma kinux ġew invokati mill-Membru, l-ASTK kisret l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, minħabba f’hekk, wettqet żball ta’ liġi. |
|
46 |
Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq jirriżulta li l-istħarriġ, li l-ASTK hija obbligata li twettaq, tal-eżattezza materjali tal-fatti jirrigwarda dak tal-fatti lmentati mis-superjur ġerarkiku tal-membru tal-persunal temporanju li fir-rigward tiegħu qiegħed jintalab ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu minħabba terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja. |
|
47 |
Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ASTK sempliċement affermat li hija kellha “tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, fosthom mhux biss dawk invokati fil-memoranda msemmija iktar ’il fuq [tal-Membru tas-16 ta’ Diċembru 2022 u tal-1 ta’ Frar 2023], iżda wkoll dawk invokati fid-deċiżjoni [tal-Kumitat tal-assistenza] tal-20 ta’ Frar 2024, li fil-frattemp saret definittiva”. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata la ġie eżaminat, la ġie evalwat, u lanqas ma ssemma xi wieħed mill-elementi “invokati fil-memoranda msemmija iktar ’il fuq” tal-Membru. |
|
48 |
Mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment jirriżulta wkoll li l-Kumitat tal-ilmenti lanqas ma esprimiet ruħha dwar il-fatti li għalihom il-Membru jikkritika lir-rikorrenti sabiex jiġġustifika t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja. Hija qieset biss li “l-ASTK, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, [kellha] tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, fosthom, f’dan il-każ, ir-riżultat tal-proċedura ta’ assistenza mibdija mill-persuna li ressqet it-talba stess”. |
|
49 |
Minn dan isegwi li la l-ASTK u lanqas il-Kumitat tal-ilmenti ma wettqu l-eżami jew l-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti li għalihom il-Membru jikkritika lir-rikorrenti fil-memoranda tiegħu tas‑16 ta’ Diċembru 2022 u tal‑1 ta’ Frar 2023. |
|
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma wettqitx stħarriġ tal-fatti li għalihom il-Membru jikkritika lir-rikorrenti, l-ASTK ma kkonformatx ruħha mar-rekwiżiti imposti fuqha skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq u li, minħabba f’hekk, hija wettqet żball ta’ liġi. |
|
51 |
Il-konklużjonijiet imsemmija fil-punti 45 u 50 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu kkonfutati mill-argumenti l-oħra mressqa mill-konvenuta. |
|
52 |
F’dak li jirrigwarda l-argument tal-konvenuta li jgħid li mis-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, WN vs Il‑Parlament (T‑431/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:781, punti 33 sa 36 u 53), jirriżulta li, għalkemm it-talba għal xoljiment għandha titressaq mis-superjur ġerarkiku kkonċernat, hija biss l-ASTK li hija kompetenti sabiex tiddikjara l-imsemmi xoljiment u sabiex tiddetermina l-motivi ta’ din id-deċiżjoni u li, għal din ir-raġuni, hija tista’, għalhekk, tibbażaha fuq motivi differenti minn dawk invokati fl-imsemmija talba, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija sentenza ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. |
|
53 |
Fil-fatt, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, WN vs Il‑Parlament (T‑431/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:781), kienet tirrigwarda deċiżjoni ta’ xoljiment adottata mill-ASTK li ġiet ikkritikata għaliex ma kinitx suffiċjentement immotivata għaliex din kienet sempliċement tirriproduċi wħud mill-motivi invokati mis-superjur ġerarkiku fit-talba tiegħu għal xoljiment. F’dan ir-rigward, ġie deċiż li tali ċirkustanza ma setgħetx tikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-ASTK, peress li din tal-aħħar hija kompetenti biss sabiex tiddikjara x-xoljiment u sabiex tiddetermina l-motivi tad-deċiżjoni ta’ xoljiment. Għaldaqstant, dik is-sentenza ma kinitx tirrigwarda l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ xoljiment inkwistjoni, bħal f’dan il-każ, iżda kienet tirrigwarda l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’tali mod li l-konvenuta ma tistax tinvokaha b’mod utli. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-approċċ adottat mill-ASTK fil-kawża li tat lok għas-sentenza invokata huwa konformi mar-rwol ta’ din tal-aħħar, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq. Fil-fatt, hija għandha l-obbligu li twettaq verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti invokati. Din il-verifika tista’ twassalha sabiex twarrab uħud minn dawn il-fatti jekk ikun jidher li dawn ma jissostanzjawx b’mod plawżibbli t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ASTK ma rriproduċiet l-ebda wieħed mill-elementi invokati mill-Membru u għażlet li tinvoka motivi differenti, u, barra minn hekk, il-konvenuta tammetti dan fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. |
|
54 |
Bl-istess mod, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, BG vs Il‑Parlament (T‑253/19, EU:T:2021:459, punti 54 sa 56), invokata mill-konvenuta, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li l-punti li għalihom din tagħmel riferiment jirrigwardaw, ukoll, l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni u mhux il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, dik is-sentenza tirrigwarda sitwazzjoni fejn l-imsemmija deċiżjoni ta’ xoljiment adottata mill-ASTK kienet ikkritikata minħabba li r-raġunijiet invokati mis-superjur ġerarkiku sabiex jiġġustifika x-xoljiment kienu nbidlu matul il-proċedura amministrattiva. Issa, f’dan il-każ, il-kwistjoni ma hijiex dik dwar jekk il-Membru setax ibiddel il-motivi insostenn tat-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja matul il-proċedura amministrattiva, iżda dik dwar jekk l-ASTK setgħetx tuża motivi differenti minn dawk imressqa mill-Membru insostenn tat-talba tiegħu għax-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrenti. |
|
55 |
Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet tal-konvenuta li jgħidu li, li kieku l-ASTK ma jkollhiex il-possibbiltà li tibbaża x-xoljiment tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju fuq motivi differenti minn dawk invokati mis-superjur ġerarkiku li miegħu dan il-membru tal-persunal jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, tali impossibbiltà tkun tmur kontra n-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża. ma jistgħux jikkonfutaw il-konklużjonijiet imsemmija fil-punti 45 u 50 iktar’ il fuq. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl tal-finalità tagħha stess, li hija dik li tippermetti lill-amministrazzjoni tirrevedi d-deċiżjoni tagħha, il-proċedura prekontenzjuża għandha natura evoluttiva, b’tali mod li, fis-sistema tar-rimedji previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni tista’, filwaqt li tiċħad l-ilment, tasal tibdel il-motivi li fuqhom ikun ġie adottat l-att ikkontestat. Fil-fatt, l-għan tal-proċedura ta’ lment huwa li tippermetti l-eżami mill-ġdid mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-ASTK tal-att ikkontestat fir-rigward tal-ilmenti mressqa mill-persuna li tressaq l-ilment, jekk ikun il-każ billi tbiddel l-motivi li jservu ta’ sostenn għad-dispożittiv tiegħu (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2024, Paraskevaidis vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑698/21, EU:T:2024:425, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Issa, l-impossibbiltà, għall-ASTK, li tissostitwixxi l-motivi stabbiliti mis-superjur ġerarkiku bil-motivi tagħha stess, li effettivament tikkostitwixxi limitu għan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, hija l-konsegwenza tan-natura partikolari tal-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-intuitu personae li jikkaratterizzah. Fil-fatt, l-ASTK fl-ebda każ ma tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tas-superjur ġerarkiku kkonċernat bl-evalwazzjoni tagħha stess billi tinvoka motivi oħra li huwa ma invokax, kemm jekk fl-istadju tal-att inizjali kif ukoll jekk fl-istadju tar-risposta għall-ilment. Dan huwa bla ħsara għall-possibbiltà, għall-ASTK, wara li tkun stħarrġet l-eżattezza materjali tal-fatti allegati mis-superjur ġerarkiku, li tiddeċiedi li tinvoka biss uħud minn dawn il-motivi fl-istadju tar-risposta għall-ilment, filwaqt li hija kienet għażlet il-motivi kollha fl-istadju tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, WN vs Il‑Parlament, T‑431/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:781, punti 33 sa 36). |
|
58 |
Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi milqugħa u, konsegwentement, li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti jew dwar l-ammissibbiltà tal-provi addizzjonali prodotti minnha fit‑2 ta’ Lulju 2025, peress li dawn tal-aħħar jirrigwardaw fatti invokati insostenn tar-raba’ motiv. |
Fuq it‑talbiet għad‑danni
|
59 |
Insostenn tat-talbiet tagħha għal kumpens ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqasijiet amministrattivi mwettqa mill-amministrazzjoni matul il-proċedura ta’ xoljiment tal-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju kkawżawlha dannu morali li ma jistax jiġi kkumpensat permezz ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata jippreġudikaw serjament kemm id-dinjità tagħha kif ukoll is-saħħa tagħha. Hija tkompli tesponi li, minħabba dan ix-xoljiment, il-konvenuta ma ppermettitilhiex ittemm bl-unuri l-karriera tagħha fi ħdan l-istituzzjoni, “li ġġiegħelha tiftaħ proċedura” u li tgħaddi mit-turmenti assoċjati. Hija tevalwa d-dannu li hija ġarrbet, ex æquo et bono, għal EUR 50000. |
|
60 |
Il-konvenuta tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti, billi ssostni li t-talbiet għal kumpens għandhom rabta stretta mat-talbiet għal annullament li għandhom, min-naħa tagħhom, jiġu miċħuda. Għaldaqstant, skont il-konvenuta, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda element li jista’ juri l-eżistenza u l-portata tad-dannu morali li hija tallega. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu kumpens xieraq u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali li ma jistax jiġi kkumpensat kompletament b’dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2019, FV vs Il‑Kunsill, C‑188/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:690, punt 4 (teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott, punt 26), u s-sentenza tat‑28 ta’ April 2021, Correia vs KESE, T‑843/19, EU:T:2021:221, punt 86). |
|
62 |
Għalhekk, minn naħa, ġie deċiż li l-annullament ta’ att, meta dan ikun nieqes minn kull effett utli, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens xieraq u suffiċjenti għal kwalunkwe dannu morali kkawżat mill-att annullat (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2020, Aquino et vs Il‑Parlament, T‑402/18, EU:T:2020:13, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA, T‑296/21, EU:T:2022:808, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet l-eventwalità li d-dannu morali mġarrab minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal ma jiġix ikkumpensat kompletament permezz tal-annullament tal-att inkwistjoni meta r-rikorrent kien tqiegħed fi stat ta’ tħassib dwar il-futur professjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2019, Siragusa vs Il‑Kunsill, T‑616/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:372, punt 83, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, XH vs Il‑Kummissjoni, T‑511/18, EU:T:2020:291, punt 181) jew meta huwa ġarrab sentiment ta’ inġustizzja u diffikultajiet ikkawżati mill-fatt li kellu jiftaħ proċedura prekontenzjuża, u sussegwentement kontenzjuża, sabiex id-drittijiet tiegħu jiġu rrikonoxxuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑-11 ta’ Settembru 2024, TU vs Il‑Parlament, T‑793/22, EU:T:2024:614, punt 237 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
F’dak li jirrigwarda r-rwol tal-qorti f’dan il-qasam, għandu jitfakkar ukoll li mit-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, fit-tilwim ta’ natura pekunjarja, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa. Issa, azzjonijiet għad-danni mressqa mill-membri tal-persunal kontra istituzzjoni jikkostitwixxu b’mod partikolari “tilwim ta’ natura pekunjarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Livio Missir Mamachi di Lusignan vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX-II, EU:C:2015:588, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħti lill-Qorti Ġenerali l-kompitu li tagħti soluzzjoni kompleta lill-kawżi mressqa quddiemha (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-kompetenza hija b’mod partikolari intiża li tippermetti li l-Qorti Ġenerali tiggarantixxi l-effikaċja prattika tas-sentenzi li hija tagħti fil-kawżi tas-servizz pubbliku, b’tali mod li, jekk l-annullament tal-att li jikkawża preġudizzju, ivvizzjat b’illegalità, ma jkunx biżżejjed sabiex id-drittijiet tar-rikorrent jiġu osservati jew sabiex l-interessi tiegħu jitħarsu b’mod effikaċi, il-qorti tal-Unjoni tista’, anki ex officio, tagħtih kumpens. F’każ bħal dan, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, id-dannu mġarrab mill-persuna kkonċernata ex æquo et bono (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Livio Missir Mamachi di Lusignan vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX-II, EU:C:2015:588, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA, T‑296/21, EU:T:2022:808, punt 79). |
|
66 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-kuntratt tar-rikorrenti ġie xolt b’mod illegali. |
|
67 |
Issa, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandu biss effett utli limitat, sa fejn ix-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrenti daħal fis-seħħ inqas minn xahar qabel id-data tal-irtirar tagħha. L-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma jikkostitwixxix fih innifsu kumpens suffiċjenti. |
|
68 |
It-tieni nett, ix-xoljiment tal-kuntratt daħal fis-seħħ fi tmiem proċedura eċċessivament twila u kontenzjuża. Fil-fatt, din bdiet fis‑16 ta’ Diċembru 2022, sabiex intemmet fit‑2 ta’ Lulju 2024 permezz tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li x-xoljiment daħal fis-seħħ f’Awwissu 2025. Matul dan il-perijodu ta’ kważi tliet snin, ir-rikorrenti sabet ruħha f’sitwazzjoni prekarja, f’età fejn l-impjegati jaffaċċjaw, b’mod partikolari, diffikultajiet ta’ integrazzjoni mill-ġdid professjonali wara tkeċċija. Minkejja li dan it-tul ma huwiex kompletament imputabbli lill-konvenuta u minkejja li r-rikorrenti setgħet tkompli tiġi impjegata minn din l-istituzzjoni sa ftit ġimgħat mill-irtirar tagħha, hija, madankollu, minħabba din il-proċedura ta’ xoljiment ivvizzjata b’irregolarità, għexet fi stat ta’ tħassib u ta’ inċertezza fir-rigward tal-futur professjonali tagħha, matul perijodu estiż fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq. |
|
69 |
It-tielet nett, iċ-ċirkustanzi relatati mal-proċedura ta’ xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrenti ma ppermettewlhiex li ttemm bl-unuri l-karriera tagħha fi ħdan istituzzjoni li fiha hija ħadmet għal iktar minn għoxrin sena. |
|
70 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ġarrbet dannu morali minħabba l-aġir tal-konvenuta, li ma jistax jiġi kkumpensat kompletament bis-sempliċi annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
71 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta tad-dannu morali subit jekk ir-rikorrenti tiġi attribwita ex æquo et bono is-somma ta’ EUR 10000. |
Fuq l-ispejjeż
|
72 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
73 |
Peress li l-konvenuta tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati kemm l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
De Baere Meyer Jočienė Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Ġunju 2026. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.