|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2620 |
23.11.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2620
tal-20 ta’ Novembru 2026
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tal-Ukrajna permezz tal-akkwist konġunt ta’ tagħmir militari mfassal biex iwassal forza letali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu evitati l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
Fit-18 ta’ Marzu 2024, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/890 (2) fuq il-bażi ta’ proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għal Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna, il-Kunsill emenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 biex il-limitu massimu finanzjarju ġenerali tal-EPF jiżdied b’EUR 5 000 000 000 fl-2024 fi prezzijiet attwali, ammont speċifikament iddedikat għall-Ukrajna u bl-għan li jkun żgurat appoġġ militari sostenibbli u prevedibbli lill-Ukrajna. L-appoġġ militari lill-Ukrajna taħt dak l-ammont iddedikat jenħtieġ li jkompli jkun xprunat mill-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-Forzi Armati tal-Ukrajna (AFU), filwaqt li jipprova jimmassimizza l-valur miżjud tal-Unjoni u jikkomplementa l-isforzi bilaterali, u jenħtieġ li jiġi artikolat permezz ta’ approċċ aktar strutturat, effiċjenti u pragmatiku, bl-użu ta’ żieda fl-akkwist konġunt mill-industrija tad-difiża tal-Unjoni, in-Norveġja u l-Ukrajna. |
|
(3) |
Iż-żieda fl-akkwist konġunt biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-Ukrajna fi ħdan l-ammont iddedikat jenħtieġ li jieħu vantaġġ mill-istrutturi tal-akkwist nazzjonali li jiffunzjonaw sew kif ukoll mill-kuntratti qafas eżistenti. L-akkwist konġunt tat-tagħmir tad-difiża meħtieġ mill-industrija tad-difiża tal-Unjoni, in-Norveġja u l-Ukrajna, filwaqt li jiġi żgurat li jittieħed kont dovut tal-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mingħajr ma jinħolqu obbligi tar-rappurtar ġodda, inkluż minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, jenħtieġ li jippermetti flessibbiltà fil-ktajjen tal-provvista li jistgħu jinkludu operaturi stabbiliti jew li jkollhom il-produzzjoni tagħhom barra mill-Unjoni, in-Norveġja u l-Ukrajna. |
|
(4) |
Taħt din il-miżura ta’ assistenza, inizjattivi li jlaqqgħu flimkien is-sħab Ewropej u Ukreni tal-industrija tad-difiża, inkluż permezz ta’ impriżi konġunti, jenħtieġ li jiġu promossi, filwaqt li jitqiesu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. F’dak ir-rigward, u għall-finijiet ta’ din il-miżura ta’ assistenza, l-akkwist konġunt ser jirreferi għal kuntratti stabbiliti u ordnijiet magħmula minn tal-inqas żewġ Stati Membri li jieħdu approċċ ta’ nazzjon gwida, jew minn mill-inqas Stat Membru wieħed u l-Ukrajna, jew permezz ta’ akkwist minn Stat Membru wieħed li jinvolvi l-industriji tad-difiża ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed u l-Ukrajna, jew permezz ta’ akkwist mill-Ukrajna ffinanzjat minn mill-inqas Stat Membru wieħed. Jenħtieġ li l-akkwist konġunt jkun jista’ jinkludi wkoll proġetti relatati tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. |
|
(5) |
Din il-miżura ta’ assistenza hija xprunata mill-ħtiġijiet ta’ prijorità tal- AFU, li jqisu r-rekwiżiti ta’ prijorità kif ikkomunikati mill-Missjoni tal-Ukrajna lill-UE permezz tal-Punt Ċentrali ta’ Koordinament tal-Persunal Militari tal-UE. Barra minn hekk, fis-7 ta’ Ottubru 2026, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rċeviet talba mill-Ukrajna biex l-Unjoni tassisti lill-AFU b’tagħmir ewlieni fil-kategoriji ta’ droni, tagħmir għad-difiża tal-ajru, munizzjon, tagħmir elettroniku tal-gwerra elettronika, tagħmir tar-radars u splussivi. |
|
(6) |
Il-miżura ta’ assistenza trid tiġi implimentata b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (3), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor f’din id-Deċiżjoni. |
|
(7) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. Miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tal-Ukrajna (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”) hija b’dan stabbilita.
2. L-objettivi tal-miżura ta’ assistenza huma:
|
(a) |
li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-Forzi Armati tal-Ukrajna biex jiddefendu l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna; u |
|
(b) |
li l-popolazzjoni ċivili tiġi protetta kontra l-aggressjoni militari li għaddejja, permezz tal-forniment ta’ tagħmir militari mfassal biex iwassal forza letali, akkwistat b’mod konġunt bl-aktar mod rapidu possibbli. |
3. Biex jintlaħqu l-objettivi imniżżla fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja l-akkwist konġunt tat-tipi ta’ tagħmir militari li ġejjin li huma mfassla biex iwasslu forza letali:
|
(a) |
droni; |
|
(b) |
tagħmir għad-difiża tal-ajru; |
|
(c) |
munizzjon; |
|
(d) |
tagħmir tar-radar; |
|
(e) |
splussivi. |
Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll l-ispejjeż relatati mat-taħriġ u t-trasport.
4. B’deroga mill-Artikoli 50 u 50a tal-Ktieb 3 tar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF (ir-“Regoli ta’ Implimentazzjoni”), it-tagħmir militari msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi akkwistat b’mod konġunt minn operaturi ekonomiċi, inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, stabbiliti fl-Unjoni, fin-Norveġja jew fl-Ukrajna, u għandu joriġina fl-Unjoni, fin-Norveġja jew fl-Ukrajna. Ir-regoli dwar l-akkwist ta’ oriġini stabbiliti fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għandhom japplikaw. It-tagħmir militari li jkun għadda minn stadju importanti ta’ manifattura fl-Unjoni, in-Norveġja jew l-Ukrajna, li jikkonsisti f’assemblaġġ finali għandu wkoll jitqies eliġibbli. Il-ktajjen tal-provvista ta’ dawn l-operaturi jistgħu jinkludu operaturi stabbiliti jew li jkollhom il-produzzjoni tagħhom barra mill-Unjoni, in-Norveġja, jew l-Ukrajna. F’dak ir-rigward għandu jittieħed kont tal-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri.
5. L-akkwisti konġunti mwettqa skont din il-miżura ta’ assistenza għandhom jitwettqu mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 4(3), permezz ta’ akkwist konġunt minn mill-inqas żewġ Stati Membri, jew minn mill-inqas Stat Membru wieħed u l-Ukrajna, jew permezz ta’ akkwist minn Stat Membru wieħed li jinvolvi l-industriji tad-difiża ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed u l-Ukrajna, jew permezz ta’ akkwist mill-Ukrajna ffinanzjat minn mill-inqas Stat Membru wieħed. Fit-tliet każijiet tal-aħħar, il-parteċipazzjoni fl-akkwist konġunt ta’ operaturi ekonomiċi stabbiliti jew li jipproduċu tagħmir fl-Ukrajna għandha tkun permessa, ħlief meta dawk l-operaturi ekonomiċi jkunu proprjetà ta’ aktar minn 50 % ta’ pajjiż terz jew entità ta’ pajjiż terz, li taffettwa l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri. Il-ktajjen tal-provvista ta’ dawn l-operaturi ekonomiċi jistgħu jinkludu operaturi ekonomiċi stabbiliti jew li jkollhom il-produzzjoni tagħhom barra mill-Ukrajna. F’dak ir-rigward għandu jittieħed kont tal-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri. L-akkwist konġunt għandu jitwettaq ukoll permezz ta’ proġetti relatati tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża.
6. Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni sat-30 ta’ Ġunju 2028.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 900 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF. B’deroga mill-Artikolu 50 u 50a tal-Ktieb 3 tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tal-EPF, il-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ akkwist konġunt għandha tkun miftuħa biss għall-operaturi ekonomiċi kif imsemmija fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-Deċiżjoni fir-rigward ta’ tagħmir militari li joriġina kif imsemmi hawn taħt.
3. F’konformità mal-Artikolu 29(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza jista’ jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet sa EUR 600 000 000 wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-fondi li għalihom jkun għamel sejħa l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandhom jintużaw biss biex titħallas in-nefqa fil-limiti approvati mill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 fil-baġits emendatorji u annwali relatati li jikkorrispondu għall-miżura ta’ assistenza.
4. Il-kuntratti ta’ akkwist jew l-ordnijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza għandhom jiġu konklużi jew jintgħamlu bl-aktar mod rapidu possibbli. In-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u sal-31 ta’ Diċembru 2027. F’każijiet debitament ġustifikati ta’ ċirkostanzi mhux previsti jew eċċezzjonali, bħal każ ta’ force majeure, il-kunsinni għandhom isiru mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2028.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-"Rappreżentant Għoli) għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tal-Ukrajna appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
(b) |
l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
il-manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabbiltà tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
it-tkomplija tal-implimentazzjoni ta’ miżuri adegwati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-devjazzjoni possibbli tal-assi pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza; |
|
(e) |
li kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilfux jew ma jiġux ittrasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti mingħajr il-kunsens minn qabel tar-Rappreżentant Għoli. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u f’konformità mar-regoli ta’ implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, u mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) tista’ titwettaq minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
il-Ministeru għad-Difiża tar-Repubblika Ċeka; |
|
(b) |
il-Ministeru għad-Difiża tad-Danimarka; |
|
(ċ) |
il-Ministeru għad-Difiża ta’ Franza; |
|
(d) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Ġermanja; |
|
(e) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Italja; |
|
(f) |
il-Ministeru għad-Difiża jew iċ-Ċentru Statali tal-Loġistika u l-Akkwist tad-Difiża tal-Latvja; |
|
(g) |
il-Ministeru għad-Difiża tan-Netherlands; |
|
(h) |
il-Ministeru tad-Difiża, il-Ministeru tal-Affarijiet Interni u l-Amministrazzjoni jew l-Aġenzija tar-Riżervi Strateġiċi Governattivi tal-Polonja; |
|
(i) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Portugall; |
|
(j) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Iżvezja jew l-Amministrazzjoni Żvediża tal-Materjal tad-Difiża. |
Artikolu 5
Appoġġ mill-Istati Membri
L-Istati Membri għandhom jippermettu t-tranżitu tat-tagħmir militari speċifikat fl-Artikolu 1, inkluż il-persunal li jkun jakkumpanjah, mit-territorji tagħhom, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom, konsistenti mal-Artikolu 56(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
Artikolu 6
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità tal-benefiċjarju mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tal-Ukrajna appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
verifika tal-konsenja, li permezz tagħha ċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF iridu jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent finali mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju jrid jirrapporta kull sena dwar l-inventarju ta’ oġġetti partikolari sakemm dan ir-rappurtar ma jibqax jitqies neċessarju mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 7
Rapportar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, u għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-subkuntratturi involuti.
Artikolu 8
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
T. BYRNE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.03.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/890 tat-18 ta’ Marzu 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi (ĠU L, 2024/890, 19.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/890/oj).
(3) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2620/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)