5.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1455

tal-11 ta’ April 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għar-rekwiżit ta’ fondi proprji għal ditti tal-investiment abbażi ta spejjeż ġenerali fissi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Filwaqt li tqis li mhux id-ditti kollha tal-investiment huma meħtieġa li jkollhom rapporti finanzjarji awditjati, ir-regoli li jispeċifikaw ir-rekwiżit ta’ fondi proprji għad-ditti tal-investiment abbażi ta’ spejjeż ġenerali fissi jenħtieġ li jippermetti lid-ditti ta’ investiment li jikkalkulaw ir-rekwiżit ta’ spejjeż ġenerali fissi wkoll fuq il-bażi ta’ rapporti finanzjarji mhux awditjati, meta d-ditti tal-investiment ma jkunux obbligati li jkollhom rapporti finanzjarji awditjati. Barra minn hekk, meta r-rapporti finanzjarji awditjati ma jkunux ikopru perjodu ta’ 12-il xahar, jenħtieġ li d-ditta ta’ investiment tagħmel kalkolu biex tasal għal ammont annwali ekwivalenti, sabiex tiżgura l-konsistenza mar-rekwiżit tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033.

(2)

Minħabba li d-differenza bejn il-profitti grossi u netti fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ ditta huma rrappreżentati mill-kostijiet fissi tat-tmexxija tal-attività tad-ditta, it-tnaqqis mill-kostijiet totali ta’ ditta ta’ investiment tal-ishma fil-profitt tal-impjegati, tad-diretturi u tas-sħab imsemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2019/2033 jenħtieġ li jinftiehem li qed jirreferi għall-profitti netti.

(3)

Barra minn hekk, minħabba li l-ħlas tal-bonusijiet tal-persunal u remunerazzjoni oħra jistgħu jiġu differiti biż-żmien u jistgħu jsegwu strutturi ta’ ftehim differenti, dawn il-bonusijiet u remunerazzjoni oħra jenħtieġ li jitqiesu bħala li jiddependu fuq il-profitt nett meta dan ma jkollu ebda impatt fuq il-pożizzjoni kapitali tad-ditta, jew minħabba li l-pagamenti diġà jkunu saru jew minħabba n-nuqqas ta’ obbligu ta’ ħlas fil-każ tan-nuqqas ta’ profitt nett.

(4)

Id-ditti tal-investiment għandhom jinkludu l-kostijiet fissi ta’ partijiet terzi fil-kalkolu tal-ispejjeż totali tagħhom. Madankollu, meta dawk l-ispejjeż ma jkunux kompletament imġarrba f’isem id-ditti tal-investiment, dawn jenħtieġ li jiġu inklużi sal-ammont attribwibbli lid-ditta tal-investiment.

(5)

Mhux id-ditti tal-investiment kollha jużaw l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju u hemm differenzi fl-istandards tal-kontabbiltà applikabbli fil-kalkolu tal-kostijiet totali. L-elementi li jkollhom jitnaqqsu mid-ditti tal-investiment mill-ispejjeż totali tagħhom użati għall-kalkolu tar-rekwiżit tal-ispejjeż ġenerali fissi jenħtieġ li jiġu speċifikati aktar, flimkien ma’ dawk ipprovduti fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2019/2033, sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà fil-kalkolu tar-rekwiżit tal-ispejjeż ġenerali fissi.

(6)

B’mod konsistenti mal-partikolarità tan-negozju tan-negozjanti tal-komoditajiet u tal-kwoti tal-emissjonijiet, l-ispejjeż relatati mal-materja prima jenħtieġ li jitnaqqsu min-negozjanti tal-komoditajiet u tal-kwoti tal-emissjonijiet mill-ispejjeż totali użati fil-kalkolu tar-rekwiżiti tal-ispejjeż ġenerali fissi tagħhom.

(7)

F’każ li ditta tal-investiment li tkun ġeneratur tas-suq tiġi stralċjata, din tieqaf tipprovdi s-servizzi tagħha ta’ ġenerazzjoni tas-suq u għalhekk ma tibqax iġġarrab it-tariffi tan-negozjar li normalment iġġarrab meta tipprovdi dawk is-servizzi. Għalhekk, jenħtieġ li dan it-tariffi jiġu esklużi mill-ispejjeż totali użati biex jiġi kkalkulat ir-rekwiżit tal-ispejjeż ġenerali fissi. Fl-istess ħin, fil-każ ta’ stralċ, il-ġeneratur tas-suq jista’ jkompli jkollu inventarju tat-titoli li normalment juża fl-attivitajiet tiegħu ta’ ġenerazzjoni tas-suq. Jekk dan l-inventarju jiġi likwidat, iwassal għal tariffi tan-negozjar li jenħtieġ li jiġu inklużi fl-ispejjeż totali użati għall-kalkolu tar-rekwiżit tal-ispejjeż ġenerali fissi.

(8)

L-ispejjeż ġenerali fissi jistgħu jevolvu b’pass simili għall-attivitajiet tad-ditta tal-investiment, u f’dak il-każ ma għandhomx jitqiesu bħala bidliet materjali għall-finijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) 2019/2033. Madankollu, jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn tibdil, bħal bidliet fil-mudelli tan-negozju jew fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet, jistgħu jseħħu u jirriżultaw f’varjazzjonijiet sinifikanti fl-ispejjeż ġenerali fissi proġettati. Għalhekk, ir-regoli li jispeċifikaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għad-ditti tal-investiment abbażi tal-ispejjeż ġenerali fissi għandhom jistabbilixxu limiti oġġettivi bbażati fuq l-ispejjeż ġenerali fissi proġettati għall-fini li jiġi speċifikat il-kunċett ta’ bidla materjali.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(10)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kalkolu tar-rekwiżit tal-ispejjeż ġenerali fissi

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033, iċ-“ċifri li jirriżultaw mill-istandards kontabilistiċi applikabbli” għandhom jirreferu għaċ-ċifri tar-rapporti finanzjarji annwali awditjati l-aktar reċenti ta’ ditta tal-investiment wara d-distribuzzjoni tal-profitti jew tar-rapporti finanzjarji annwali meta d-ditti tal-investiment ma jkunux obbligati li jkollhom rapporti finanzjarji awditjati.

2.   Meta r-rapporti finanzjarji awditjati l-aktar reċenti tad-ditta ta’ investiment ma jirriflettux perjodu ta’ 12-il xahar, id-ditta ta’ investiment għandha taqsam l-ammonti inklużi f’dawn ir-rapporti fl-għadd ta’ xhur li huma riflessi f’dawk ir-rapporti finanzjarji u wara għandha timmultiplika r-riżultat bi 12 sabiex tipproduċi ammont annwali ekwivalenti.

3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 13(4), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2019/2033, l-ishma fil-profitti tal-impjegati, tad-diretturi u tas-sħab għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-profitti netti.

4.   Għall-finijiet tal-Artikolu 13(4), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2019/2033, il-bonusijiet tal-persunal u remunerazzjoni oħra għandhom jitqiesu li jiddependu fuq il-profitt nett tad-ditta tal-investiment fis-sena rispettiva fejn jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-bonusijiet tal-persunal jew remunerazzjoni oħra li għandha titnaqqas, diġà jkunu tħallsu lill-impjegati fis-sena ta’ qabel is-sena tal-pagament, jew il-pagament tal-bonusijiet tal-persunal jew remunerazzjoni oħra lill-impjegati ma jkollhom l-ebda impatt fuq il-pożizzjoni kapitali tad-ditta fis-sena tal-pagament;

(b)

fir-rigward tas-sena kurrenti u s-snin futuri, id-ditta mhijiex obbligata li tagħti jew li talloka aktar bonusijiet jew pagamenti oħrajn fil-forma ta’ remunerazzjoni sakemm ma tagħmilx profitt nett f’dik is-sena.

5.   Meta partijiet terzi, inklużi aġenti marbuta, ikunu ġarrbu spejjeż fissi, f’isem id-ditti tal-investiment, li mhumiex diġà inklużi fl-ispejjeż totali fir-rapport finanzjarju annwali msemmi fil-paragrafu 1, dawn l-ispejjeż fissi għandhom jiżdiedu mal-ispejjeż totali tad-ditta tal-investiment. Meta jkun hemm disponibbli diżaggregazzjoni tal-ispejjeż tal-parti terza, ditta tal-investiment għandha żżid maċ-ċifra li tirrappreżenta l-ispejjeż totali, is-sehem biss ta’ dawk l-ispejjeż fissi applikabbli għad-ditta tal-investiment. Meta tali diżaggregazzjoni ma tkunx disponibbli, ditta tal-investiment għandha żżid maċ-ċifra li tirrappreżenta l-ispejjeż totali, is-sehem tagħha biss tal-ispejjeż tal-parti terza peress li tirriżulta mill-pjan tan-negozju tad-ditta tal-investiment.

6.   Minbarra l-entrati għat-tnaqqis imsemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2019/2033, l-entrati li ġejjin għandhom jitnaqqsu wkoll mill-ispejjeż totali, fejn dawn ikunu inklużi taħt l-ispejjeż totali f’konformità mal-qafas kontabilistiku rilevanti:

(a)

tariffi, imposti ta’ senserija oħrajn imħallsa lil kontropartijiet ċentrali, boroż u postijiet tan-negozjar oħrajn u sensara intermedji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, ir-reġistrazzjoni jew l-ikklerjar ta’ tranżazzjonijiet, biss meta dawn jiġu mgħoddija direttament lill-klijenti u jiġu imposti fuqhom. Dawk ma għandhomx jinkludu tariffi u imposti oħrajn meħtieġa biex tinżamm is-sħubija jew biex b’xi mod ieħor jiġu ssodisfati l-obbligi finanzjarji tal-kondiviżjoni tat-telf għal kontropartijiet ċentrali, boroż u ċentri tan-negozjar oħrajn;

(b)

imgħax imħallas lill-klijenti fuq il-flus tal-klijenti, fejn ma jkun hemm l-ebda obbligu ta’ kwalunkwe tip li jitħallas tali imgħax;

(c)

nefqiet minn taxxi fejn ikunu dovuti fir-rigward tal-profitti annwali tad-ditta tal-investiment;

(d)

telf min-negozjar akkont proprju fi strumenti finanzjarji;

(e)

pagamenti relatati ma’ ftehimiet ta’ trasferiment ta’ profitt u ta’ telf ibbażati fuq kuntratt li skonthom id-ditta tal-investiment hija obbligata tittrasferixxi, wara t-tħejjija tar-rapporti finanzjarji annwali tagħha, ir-riżultat annwali tagħha lill-impriża omm;

(f)

pagamenti f’fond għal riskju bankarju ġenerali f’konformità mal-Artikolu 26(1), il-punt (f) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

(g)

spejjeż relatati ma’ entrati li diġà tnaqqsu mill-fondi proprji f’konformità mal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Minbarra l-elementi elenkati fl-ewwel subparagrafu, il-ġeneraturi tas-suq, kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (7) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jistgħu wkoll inaqqsu l-ammont li ġej (A):

A = B – 4×C, fejn:

B

=

it-tariffi tan-negozjar imħallsa mill-ġeneratur tas-suq għal tranżazzjonijiet li għalihom il-ġeneratur tas-suq jipprovdi attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq (ammont annwali), fejn dawk it-tariffi ma jkunux ġew mgħoddija u imposti direttament fuq il-klijenti;

C

=

tariffi tan-negozjar li jiġġarrbu għall-bejgħ ta’ portafoll ta’ titoli ekwivalenti għall-akbar inventarju ta’ titoli fi tmiem il-jum, miżmuma mill-ġeneratur tas-suq għal skopijiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq, matul is-sena preċedenti.

Artikolu 2

Kalkolu tar-rekwiżit tal-ispejjeż ġenerali fissi għan-negozjanti tal-komoditajiet u tal-kwoti tal-emissjonijiet

In-negozjanti tal-komoditajiet u tal-kwoti tal-emissjonijiet jistgħu jnaqqsu n-nefqa fuq il-materja prima b’rabta ma’ ditta tal-investiment li tinnegozja f’derivattivi tal-komodità sottostanti.

Artikolu 3

Il-kunċett ta’ bidla materjali

Bidla materjali msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) 2019/2033 għandha titqies li tkun seħħet meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

bidla, jew fil-forma ta’ żieda jew fil-forma ta’ tnaqqis, fl-attività kummerċjali tad-ditta tirriżulta f’bidla ta’ 30 % jew aktar fl-ispejjeż ġenerali fissi proġettati tad-ditta għas-sena kurrenti;

(b)

bidla, jew fil-forma ta’ żieda jew fil-forma ta’ tnaqqis, fl-attività tan-negozju kummerċjali tirriżulta f’bidliet fir-rekwiżiti ta’ fondi proprji tad-ditta bbażati fuq spejjeż ġenerali fissi proġettati tas-sena kurrenti ugwali għal jew akbar minn EUR 2 miljun.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).