SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2)(b) – Esklużjoni – Kunċett ta’ ‘falliment, proċeduri relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi’ – Azzjoni li tirriżulta direttament minn proċedura ta’ insolvenza u li hija marbuta mill-qrib magħha – Azzjoni għall-ħlas ta’ kreditu ppreżentata wara t-tqegħid f’insolvenza tal-kumpannija debitriċi u d-dikjarazzjoni ta’ dan il-kreditu fil-massa tal-insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000”

Fil-Kawża C‑394/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Anvers, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

Oilchart International NV

vs

O.W. Bunker (Netherlands) BV,

ING Bank NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Ħames Awla, u J. Passer, Imħallef,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Lamote, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Frar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Oilchart International NV, minn E. Van den Wijngaert, advocaat,

–

għal ING Bank NV, minn D. Arts, T. Mertens, L. Rasking u E. Ulrix, advocaten,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tat‑18 ta’ April 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Oilchart International NV (iktar ’il quddiem “Oilchart”), kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan, u, min-naħa l-oħra, O.W. Bunker Netherland BV (iktar ’il quddiem “OWB”) u ING Bank NV, żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Olandiż, dwar l-irkupru ta’ fattura mhux imħallsa, maħruġa għal servizzi ta’ forniment ta’ provvisti mwettqa minn Oilchart f’isem OWB, li ġiet iddikjarata falluta.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1346/2000

3

Il-premessi 2 u 6 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdu:

“(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ illi l-proċedimenti ta’ falliment trans-fruntieri joperaw b’effiċjenza u b’effettività […]

[…]

(6)

Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jkun fih dispożizzjonijiet rigward l-għarfien ta’ dawk il-ġudizzji u rigward il-liġi applikabbli li tissodisfa wkoll dak il-prinċipju.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.”

5

L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Liġi applikabbli”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

(2)   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’mod partikolari:

(a)

kontra liema debituri jistgħu jinġiebu l-proċedimenti ta’ falliment minħabba l-kapaċità tagħhom;

(b)

l-assi li jiffurmaw parti mill-propjetà u t-trattament ta’ l-assi meħtieġa minn jew li jmissu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment;

(ċ)

il-poteri rispettivi tad-debitur u tal-likwidatur;

[…]

(e)

l-effetti tal-proċedimenti ta’ failliment fuq kuntratti kurrenti li minnhom id-debitur jagħmel parti;

(f)

l-effetti tal-proċeduri ta’ failliment fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti;

(g)

it-talbiet li jkunu ġew ippreżentati kontra l-propjetà tad-debitur u t-trattament tat-talbiet li joriġinaw wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment;

(h)

ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet;

[…]

(m)

ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità, nuqqas ta’ irbit u nuqqas ta’ enforzabilità ta’ atti legali detrimentali għal kredituri kollha.”

6

Ir-Regolament Nru 1346/2000 tħassar bir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19; rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9). Skont l-Artikolu 84(2) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, ir-Regolament Nru 1346/2000 jibqa’ madankollu japplika għall-proċeduri ta’ insolvenza li nfetħu qabel is‑26 ta’ Ġunju 2017.

Ir‑Regolament Nru 1215/2012

7

Il-premessi 10 u 21 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdu:

“(10)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew […]

[…]

(21)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armonjuża tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibbiltà ta’ proċedimenti simultanji u jkun assigurat li ma jiġux mogħtija deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fi Stati Membri differenti. […]”

8

Skont l-Artikolu 1(1) u (2)(b) ta’ dan ir-regolament:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

[…]

(b)

falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi”.

9

L-Artikolu 28(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed jitressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor u ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sakemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

Id‑dritt Olandiż

10

L-Artikolu 25 tal-Wet op het faillissement en de surséance van betaling (il-Liġi dwar il-Falliment u s-Sospensjoni tal-Ħlas), tat‑30 ta’ Settembru 1893 (Stb. 1893, Nru 140, iktar ’il quddiem in-“NFW” ») huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-azzjonijiet legali li jikkonċernaw id-drittijiet jew l-obbligi li jappartjenu għall-massa fallimentari għandhom jiġu eżerċitati kemm kontra, kif ukoll mill-istralċjarju.

2.   Jekk tali azzjonijiet legali jiġu eżerċitati jew jitkomplew minn jew kontra d-debitur fallut u jwasslu għal sentenza kontra dan id-debitur fallut, konsegwentement din is-sentenza ma jkollhiex saħħa legali kontra l-massa fallimentari.”

11

L-Artikolu 26 tan-NFW jipprovdi li:

“L-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu fil-massa fallimentari ma jistgħux jiġu ppreżentati kontra l-persuna falluta b’mod differenti minn dak previst fl-Artikolu 110.”

12

Skont l-Artikolu 110 tan-NFW:

“il-krediti għandhom jiġu ppreżentati lill-istralċjarju fil-forma ta’ fattura jew dikjarazzjoni oħra bil-miktub li tindika n-natura u l-ammont tal-kreditu, flimkien ma’ dokumenti ta’ sostenn jew kopja tagħhom, u dikjarazzjoni dwar jekk huwiex mitlub jew le dritt ta’ preferenza, rahan, ipoteka jew dritt ta’ żamma. […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Fil-kuntest tal-kuntratti kollha ta’ forniment ta’ provvisti lil bastimenti tal-baħar, Oilchart, fil‑21 ta’ Ottubru 2014, ikkunsinnat, għan-nom ta’ OWB, karburant lill-bastiment Evita K., irmiġġat fil-port ta’ Sluiskil (il-Pajjiżi l-Baxxi).

14

Fit‑22 ta’ Ottubru 2014, Oilchart ħarġet, fir-rigward ta’ OWB, fattura fl-ammont ta’ 116 471.45 dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 107 229.44). Din il-fattura baqgħet ma tħallsitx.

15

Permezz ta’ sentenza tar-rechtbank te Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), tal‑21 ta’ Novembru 2014, OWB ġiet iddikjarata falluta.

16

Oilchart ippreżentat il-kreditu li jirriżulta minn din il-fattura mhux imħallsa għal verifika lill-kuraturi ta’ OWB.

17

Minħabba sensiela ta’ fatturi mhux imħallsa, Oilchart ipproċediet għall-qbid kawtelatorju ta’ ċerti bastimenti tal-ibħra internazzjonali li lilhom hija kienet ikkunsinnat karburant. Sabiex jinkiseb ir-rilaxx minn dan il-qbid kawtelatorju, ġew ikkostitwiti garanziji favur Oilchart, li setgħu jintalbu abbażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew ta’ sentenza ta’ arbitraġġ fil-Belġju, li tikkundanna lil OWB jew lis-sid tal-bastiment ikkonċernat.

18

Fil‑11 ta’ Marzu 2015, Oilchart ippreżentat azzjoni kontra OWB quddiem ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-Qorti Kummerċjali ta’ Antwerpen, il-Belġju) sabiex tikseb, b’mod partikolari, il-ħlas tal-imsemmija fattura mhux imħallsa. ING Bank, bħala detentriċi ta’ trasferiment ta’ kreditu mogħti minn OWB bħala korrispettiv għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ linja ta’ kreditu, intervjeniet volontarjament fl-ambitu ta’ din l-azzjoni.

19

Filwaqt li rrikonoxxiet li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-imsemmija azzjoni, din il-qorti, permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, abbażi tad-dritt Olandiż tal-falliment, iddikjarat l-istess azzjoni inammissibbli.

20

Fis‑16 ta’ Mejju 2017, Oilchart appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju.

21

Peress li OWB ma dehritx fis-seduta la quddiem ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-Qorti Kummerċjali ta’ Antwerpen) u lanqas quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar qieset li kellha teżamina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

22

Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-azzjoni mressqa minn Oilchart kontra OWB hijiex ibbażata fuq ir-regoli ordinarji tad-dritt ċivili u kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, jew fuq ir-regoli speċifiċi fil-qasam tal-proċeduri tal-insolvenza.

23

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-azzjoni ta’ Oilchart kontra OWB ġiet ippreżentata wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment u mingħajr riferiment għaliha, skont dispożizzjoni partikolari tal-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-falliment, jiġifieri l-paragrafu 2 tal-Artikolu 25 tan-NFW, dwar l-azzjonijiet li ma humiex relatati mal-massa fallimentari, iżda li jikkonċernaw l-interessi personali tal-persuna falluta, u mhux abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu li huwa marbut direttament ma’ din il-massa.

24

Skont din il-qorti, in-natura eżatta tal-azzjoni ġudizzjarja mressqa minn Oilchart u l-possibbiltà li titressaq tali azzjoni kontra kumpannija ddikjarata falluta għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet derogatorji tad-dritt Olandiż dwar il-falliment u mhux fid-dawl tar-regoli ordinarji fil-qasam ċivili u kummerċjali. Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju, li tippreċedi dan l-eżami, dik il-qorti tistaqsi madankollu jekk l-azzjoni ġudizzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex rabta stretta mal-proċedura ta’ insolvenza, b’tali mod li l-qorti li quddiemha nfetħet il-proċedura ta’ falliment hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din l-azzjoni.

25

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil kreditur jadixxi lill-qrati ta’ Stat Membru b’azzjoni għall-ħlas ta’ kreditu li huwa jkun diġà ddikjara fil-massa tal-insolvenza fi Stat Membru ieħor.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament [Nru 1215/2012] moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Nru 1346/2000] għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ ‘falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi’ li jinsab fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 proċedura li fiha l-azzjoni hija ppreżentata fiċ-ċitazzjoni bħala sempliċi riċevibbli tan-negozju, mingħajr ma tirreferi għall-istat ta’ falliment diġà miftuħ preċedenti tal-konvenut, filwaqt li l-vera bażi legali ta’ din l-azzjoni tirriżulta mid-dispożizzjonijiet derogatorji speċifiċi tad-dritt tal-falliment Olandiż (l-Artikolu 25(2) [tan-NFW]) u li fiha:

–

hemm lok li jiġi deċiż jekk tali azzjoni għandhiex titqies bħala azzjoni li tista’ tiġi vverifikata (Artikolu 26 moqri flimkien mal-Artikolu 110 tan-NFW) jew bħala azzjoni li ma tistax tiġi vverifikata (Artikolu 25(2) tan-NFW);

–

il-kwistjoni jekk dawn iż-żewġ azzjonijiet jistgħux jinbdew fl-istess waqt u jekk azzjoni ma tidhirx li teskludi l-oħra, fid-dawl tal-konsegwenzi legali speċifiċi li jirriżultaw minn kull waħda minnhom (b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jintalab il-ħlas ta’ garanzija bankarja maħruġa wara l-falliment) tidher li hija deċiża skont ir-regoli speċifiċi tad-dritt Olandiż tal-falliment?

[…]

2.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(2) tan-NFW jistgħu jitqiesu bħala konformi mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, sa fejn din id-dispożizzjoni leġiżlattiva tippermetti li tiġi ppreżentata tali azzjoni (Artikolu 25(2) tan-NFW) quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor minflok ma tiġi ppreżentata quddiem il-qorti tal-insolvenza tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ falliment?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

27

Fil‑31 ta’ Marzu 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lill-qorti tar-rinviju talba għal informazzjoni dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali, li għaliha din tal-aħħar wieġbet fit‑28 ta’ April 2023.

28

Fil‑11 ta’ Lulju 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-qorti tar-rinviju jekk, fid-dawl tal-fatt li Oilchart irrinunzjat għall-atti fil-kawża prinċipali, hija kellhiex l-intenzjoni li żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

29

Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2023, din il-qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-proċedura kienet għadha pendenti quddiemha, peress li r-rinunzja għall-atti mressqa minn Oilchart kienet ġiet miċħuda.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal azzjoni mressqa fi Stat Membru kontra kumpannija u intiża għall-ħlas ta’ merkanzija kkunsinnata, li la ssemmi l-proċedura ta’ insolvenza miftuħa preċedentement kontra din il-kumpannija fi Stat Membru ieħor u lanqas il-fatt li l-kreditu kien diġà ġie ddikjarat fil-massa tal-insolvenza.

31

B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk tali azzjoni hijiex koperta mill-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-fallimenti, il-ftehimiet u l-proċeduri analogi l-oħra. Fl-affermattiv, din l-azzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1346/2000, li l-Artikolu 3(1) tiegħu jagħti lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi tad-debitur ġurisdizzjoni internazzjonali esklużiva sabiex tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Tiger et, C‑493/18, EU:C:2019:1046, punti 23, 25 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolamenti Nri 1215/2012 u 1346/2000, dawn ir-regolamenti għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi evitata mhux biss kull sovrappożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt stipulati minn dawn it-testi, iżda wkoll kull lakuna legali. Għalhekk, l-azzjonijiet esklużi, taħt l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, sa fejn dawn jaqgħu taħt “falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi”, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. B’mod simetriku, l-azzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2019, NK,C‑535/17, EU:C:2019:96, punt 24, u tat‑18 ta’ Settembru 2019, Riel,C‑47/18, EU:C:2019:754, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li, kif tindika b’mod partikolari l-premessa 10 tar-Regolament Nru 1215/2012, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jagħti interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” li jinsab fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament u, konsegwentement, kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ dan tal-aħħar. Mill-banda l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000, konformement mal-premessa 6 tiegħu, ma għandux jiġi suġġett għal interpretazzjoni wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Valach et, C‑649/16, EU:C:2017:986, punt 25, kif ukoll tas‑6 ta’ Frar 2019, NK,C‑535/17, EU:C:2019:96, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

B’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ regolamenti huma ddelimitati b’mod ċar u li huma biss l-azzjonijiet li joriġinaw direttament minn proċeduri ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħhom li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012. Konsegwentement, huma biss dawn l-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2019, NK,C‑535/17, EU:C:2019:96, punt 26, u tat‑18 ta’ Settembru 2019, Riel,C‑47/18, EU:C:2019:754, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Dan il-kriterju doppju, li jinsab fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 1346/2000 sabiex jiddelimita s-suġġett ta’ dan tal-aħħar, ġie barra minn hekk riprodott testwalment mir-Regolament 2015/848, mhux applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, sa fejn jipprevedi fl-Artikolu 6 tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni għal azzjoni li tirriżulta direttament mill-proċedimenti ta’ insolvenza u li tkun marbuta mill-qrib magħhom”, li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kull azzjoni li tirriżulta direttament mill-proċedura ta’ insolvenza u li hija marbuta mill-qrib magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2019, NK,C‑535/17, EU:C:2019:96, punt 27).

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk azzjoni għall-ħlas ta’ merkanzija kkunsinnata, imressqa kontra kumpannija suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza, tissodisfax dan il-kriterju doppju.

37

Fir-rigward tal-ewwel kriterju, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni tirriżultax direttament minn proċedura ta’ insolvenza, għandu jiġi osservat li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-element determinanti sabiex jiġi identifikat il-qasam li fih taqa’ azzjoni ma huwiex il-kuntest proċedurali li fih taqa’ din l-azzjoni, iżda l-bażi legali ta’ din tal-aħħar. Skont dan l-approċċ, għandu jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li fuqu tkun ibbażata l-azzjoni joriġinax mir-regoli ordinarji tad-dritt ċivili u kummerċjali jew minn regoli derogatorji, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2019, NK,C‑535/17, EU:C:2019:96, punt 28; tat‑18 ta’ Settembru 2019, Riel,C‑47/18, EU:C:2019:754, punt 33; u kif ukoll tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Tiger et, C‑493/18, EU:C:2019:1046, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li azzjoni mressqa abbażi ta’ klawżola ta’ riżerva ta’ proprjetà, eżerċitata mill-bejjiegħ kontra x-xerrej iddikjarat fi stat ta’ insolvenza, tqajjem kwistjoni ta’ dritt indipendenti mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. Fi kliem ieħor, hija tikkostitwixxi azzjoni awtonoma li ma hijiex ibbażata fid-dritt tal-proċeduri ta’ insolvenza u li la teħtieġ il-ftuħ ta’ proċedura ta’ dan it-tip u lanqas l-intervent ta’ amministratur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen,C‑292/08, EU:C:2009:544, punti 31 u 32).

39

Barra minn hekk, l-azzjoni mressqa kontra terz minn rikorrent li jaġixxi abbażi ta’ ċessjoni ta’ kreditu permessa mill-amministratur innominat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, sa fejn it-tilwima ma tirrigwardax il-validità taċ-ċessjoni permessa mill-amministratur u sa fejn l-eżerċizzju tad-dritt miksub miċ-ċessjonarju huwa rregolat minn regoli differenti minn dawk applikabbli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, F-Tex,C‑213/10, EU:C:2012:215, punti 37, 42 u 49).

40

L-istess japplika meta, fil-kuntest tal-eżerċizzju minn ċessjonarju tad-dritt miksub, it-tilwima tikkonċerna biss l-aġir adottat miċ-ċessjonarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, F-Tex,C‑213/10, EU:C:2012:215, punt 42). Mill-banda l-oħra, azzjoni li tinvolvi ċessjoni ta’ ishma magħmula fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000, sa fejn l-amministratur jiġi kkritikat li ma użax prerogattiva mogħtija lilu mid-dritt nazzjonali li jirregola l-proċeduri kollettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2009, SCT Industri,C‑111/08, EU:C:2009:419, punt 28).

41

Lanqas ma taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 l-azzjoni għal konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kreditu għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, peress li tali azzjoni tirriżulta direttament mir-regoli nazzjonali fil-qasam tal-insolvenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Riel,C‑47/18, EU:C:2019:754, punti 37 u 38), jew l-azzjoni għad-danni diretta kontra l-membri ta’ bord ta’ kredituri li, bil-vot tagħhom, ipprovokaw il-konverżjoni ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni fi proċedura ta’ insolvenza, peress li tali azzjoni hija l-konsegwenza diretta u inseparabbli tal-eżerċizzju ta’ funzjoni li toriġina speċifikament mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri ta’ insolvenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Valach et, C‑649/16, EU:C:2017:986, punti 30 u 35).

42

F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-azzjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex kumpannija tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ merkanzija kkunsinnata skont kuntratt konkluż qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza li jikkonċerna lil din il-kumpannija. Skont ftehimiet konklużi sussegwentement sabiex jitneħħa l-qbid kawtelatorju li sar, tali kundanna hija neċessarja sabiex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun tista’ teżegwixxi l-garanziji bankarji kkostitwiti favuriha.

43

Issa, għandu jiġi kkonstatat li kemm l-obbligi kuntrattwali invokati fil-kuntest tal-azzjoni ġudizzjarja kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ eżekuzzjoni previsti fir-rigward tal-imsemmija obbligi għandhom il-bażi tagħhom fid-dritt kuntrattwali u huma indipendenti mir-regoli speċifiċi applikabbli għall-proċeduri ta’ insolvenza.

44

Barra minn hekk, azzjoni ġudizzjarja għall-ħlas ta’ merkanzija kkunsinnata hija awtonoma sa fejn din tista’ titressaq mingħajr ebda proċedura ta’ insolvenza.

45

Barra minn hekk, la l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza u lanqas il-ħatra ta’ amministratur ma għandhom l-effett li jbiddlu l-bażi legali ta’ azzjoni li taqa’ taħt ir-regoli ordinarji tad-dritt ċivili u kummerċjali sabiex din tiġi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza.

46

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi fatt li amministratur maħtur fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza jkun eżerċita, wara l-ftuħ ta’ tali proċedura, azzjoni għall-ħlas fl-interess tal-kredituri ma jbiddilx sostanzjalment in-natura tal-kreditu invokat, li huwa indipendenti minn proċedura ta’ insolvenza u li jibqa’ suġġett, fil-mertu, għal regoli tad-dritt ordinarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2019, NK,C‑535/17, EU:C:2019:96, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Novembru 2019, CeDe Group,C‑198/18, EU:C:2019:1001, punt 36).

47

Fir-rigward tat-tieni kriterju, imsemmi fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li hija l-intensità tar-rabta li teżisti bejn azzjoni ġudizzjarja u l-proċedura ta’ insolvenza li hija determinanti sabiex jiġi deċiż jekk l-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhiex tiġi applikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Valach et, C‑649/16, EU:C:2017:986, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Frar 2019, NK,C‑535/17, EU:C:2019:96, punt 30).

48

Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-kriterju jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi kuntestwali minbarra dawk relatati mal-bażi legali tal-azzjoni.

49

Għalkemm, fil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ ċerta rabta bejn l-azzjoni mressqa u l-proċedura ta’ insolvenza ma tistax tiġi miċħuda, peress li din l-azzjoni tressqet wara t-tqegħid f’insolvenza tal-kumpannija debitriċi li fil-kuntest tagħha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali pproduċiet dikjarazzjoni ta’ kreditu fil-massa tal-insolvenza għall-istess kreditu bħal dak kopert mill-imsemmija azzjoni, ma jidhirx madankollu li s-sempliċi identiċità bejn il-kreditu mitlub quddiem il-qorti tar-rinviju u dak ippreżentat quddiem il-kuraturi tal-insolvenza hija suffiċjenti sabiex din l-istess azzjoni titqies li taqa’ taħt l-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-determinazzjoni tal-qorti kompetenti bl-ebda mod ma tippreġudika l-liġi applikabbli għat-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas r-regoli rilevanti li jistgħu jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2019, CeDe Group,C‑198/18, EU:C:2019:1001, punt 38).

51

Fil-fatt, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ azzjoni individwali mressqa kontra kumpannija f’insolvenza u kif ukoll l-eżitu previst għal tali azzjoni fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ kreditu li tkun saret fil-massa tal-insolvenza ma jaqgħux taħt ir-regoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni, iżda taħt ir-regoli ta’ kunflitt li jiddeterminaw il-liġi applikabbli.

52

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriżulta li l-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza.

53

L-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedura tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-ftuħ, l-iżvolġiment u l-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza, billi telenka, b’mod mhux eżawrjenti, id-diversi stadji tal-proċedura ta’ insolvenza rregolati mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedura, jiġifieri, b’mod partikolari, fil-punt (e), l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza fuq il-kuntratti pendenti, fil-punt (f), l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza fuq il-proċedimenti individwali, fil-punt (h), ir-regoli dwar il-produzzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-krediti, fil-punt (g), il-krediti li għandhom jiġu prodotti fil-passiv tad-debitur u t-trattament tal-krediti li jinħolqu wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u kif ukoll, fil-punt (m), ir-regoli dwar in-nullità, l-annullament jew l-inopponibbiltà ta’ atti li jikkawżaw preġudizzju lill-kredituri kollha.

54

Minn qari flimkien tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni tfittex, bħala prinċipju, li tikseb korrispondenza bejn il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali u l-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza. Fil-fatt, minbarra fil-każijiet li għalihom dan ir-regolament jipprevedi espliċitament dispożizzjonijiet kuntrarji, il-liġi applikabbli ssegwi, skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, il-ġurisdizzjoni internazzjonali ddeterminata skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2019, CeDe Group,C‑198/18, EU:C:2019:1001, punt 30).

55

Issa, sa fejn l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa limitat għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni għall-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament huwa iktar vast minn dak tal-Artikolu 3 tiegħu, sa fejn japplika għall-proċeduri ta’ insolvenza kif ukoll għall-effetti tagħhom, din il-korrispondenza bejn il-liġi applikabbli u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ggarantita fiċ-ċirkustanzi kollha.

56

F’dan il-każ, il-proċedura ta’ insolvenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali nfetħet fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’tali mod li l-liġi applikabbli għal din il-proċedura u għall-effetti tagħha hija, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, il-liġi Olandiża.

57

Minn dan jirriżulta li l-azzjoni ġudizzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża sabiex kumpannija ddikjarata fi stat ta’ insolvenza tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ merkanzija kkunsinnata, taqa’ taħt il-liġi Olandiża, sa fejn hija din il-liġi, kif imsemmi fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li għandha tiddetermina l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza fuq il-kuntratti pendenti u l-effetti ta’ din il-proċedura fuq il-proċedimenti individwali, li għandha tistabbilixxi r-regoli dwar il-produzzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-krediti kif ukoll dawk relatati mal-atti li jistgħu jippreġudikaw lill-kredituri.

58

Kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-applikazzjoni tal-istess liġi għall-proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti kollha tagħha, iddeterminata skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, li tippermetti li jiġi ggarantit li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament f’dak li jirrigwarda l-ugwaljanza tal-kredituri u l-protezzjoni tal-interessi tagħhom, indipendentement mill-kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni.

59

F’dan il-kuntest, għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li r-regola li tinsab fir-Regolament Nru 1215/2012, li tipprovdi li, meta talbiet li jkollhom l-istess suġġett u l-istess kawża ta’ azzjoni jitressqu bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, il-qorti adita fit-tieni lok għandha tissospendi l-proċeduri sabiex jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fir-rigward ta’ dawn it-talbiet, ma hijiex applikabbli, lanqas b’analoġija, għas-sistema tar-Regolament Nru 1346/2000, sa fejn dan tal-aħħar jaċċetta, b’mod partikolari, għal proċeduri ta’ insolvenza sekondarji, il-ġurisdizzjoni ta’ qrati fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Riel,C‑47/18, EU:C:2019:754, punti 42, 44 u 46).

60

Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal azzjoni mressqa fi Stat Membru kontra kumpannija, intiża għall-ħlas ta’ merkanzija kkunsinnata, li la ssemmi l-proċedura ta’ insolvenza miftuħa preċedentement kontra din il-kumpannija fi Stat Membru ieħor u lanqas il-fatt li l-kreditu kien diġà ġie ddikjarat fil-massa tal-insolvenza.

Fuq it‑tieni domanda

61

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma japplikax għal azzjoni mressqa fi Stat Membru kontra kumpannija, intiża għall-ħlas ta’ merkanzija kkunsinnata, li la ssemmi l-proċedura ta’ insolvenza miftuħa preċedentement kontra din il-kumpannija fi Stat Membru ieħor u lanqas il-fatt li l-kreditu kien diġà ġie ddikjarat fil-massa tal-insolvenza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.