IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.7.2025
COM(2025) 427 final
ANNESS
ta'
Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ekwador
ANNESS
Direttivi ta’ negozjati għan-negozjati dwar Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ekwador
I.OBJETTIVI, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U PRINĊIPJI EWLENIN
1.L-għan ta’ Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) mar-Repubblika tal-Ekwador għandu jkun li tinħoloq klima ta’ investiment aktar attraenti, trasparenti u prevedibbli sabiex jiġu ffaċilitati, imsaħħa u stimulati investimenti sostenibbli ta’ benefiċċju reċiproku.
2.L-għan ġenerali ta’ dan il-Ftehim għandu jkun li tittejjeb il-mobilizzazzjoni, l-attrazzjoni, l-espansjoni u ż-żamma tal-investiment dirett barrani bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ekwador, speċjalment għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, abbażi ta’ regoli, miżuri u proċeduri moderni u simplifikati bbażati fuq prinċipji ta’ imparzjalità, ftuħ, trasparenza u stabbiltà.
3.Dan il-Ftehim għandu jkun komprensiv u ambizzjuż, iqis l-eżitu tan-negozjati tad-WTO dwar il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp, u l-isfidi speċifiċi għall-iżvilupp li tiffaċċja r-Repubblika tal-Ekwador. Dan il-Ftehim, fil-prinċipju, għandu japplika għas-setturi ekonomiċi kollha u jinkludi ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-investimenti, inklużi l-attivitajiet qabel, matul u wara l-istabbiliment.
4.Dan il-Ftehim għandu jkollu l-għan li jiżgura l-kundizzjonijiet it-tajba biex l-investiment dirett barrani jwassal għall-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li tiġi ppreservata l-kapaċità tal-Partijiet li jirregolaw l-attività tal-investituri fit-territorji rispettivi tagħhom
5.Dan il-Ftehim għandu jiffoka fuq l-investiment dirett barrani bl-esklużjoni ta’ forom oħra ta’ investiment, bħal movimenti ta’ kapital fuq perjodu ta’ żmien qasir jew investimenti ta’ portafoll. Dan il-Ftehim ma għandux joħloq obbligi ġodda, jew jimmodifika obbligi eżistenti, dwar il-protezzjoni tal-investimenti, is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat jew il-kundizzjonijiet preferenzjali tal-aċċess għas-suq, u ma għandux ikopri r-rekwiżiti proċedurali għad-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet ta’ negozju.
II. KONTENUT PROPOST TAR-REGOLI U L-IMPENJI
6.Dan il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar kwistjonijiet bħal:
–It-titjib tat-trasparenza, il-prevedibbiltà u l-koerenza ta’ miżuri relatati mal-investiment (inkluż, fost l-oħrajn, il-pubblikazzjoni elettronika u d-disponibbiltà ta’ miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali u l-qafas legali applikabbli għall-investiment; opportunità li jikkummenta dwar abbozzi ta’ miżuri regolatorji, informazzjoni dwar inċentivi ta’ investiment);
–Is-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri u r-rekwiżiti amministrattivi, kif ukoll l-iżgurar ta’ governanza tajba fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni (inkluż, fost l-oħrajn, il-proċeduri amministrattivi u r-rekwiżiti tad-dokumentazzjoni; l-użu ta’ applikazzjonijiet f’format elettroniku; l-iskadenzi u l-perjodi ta’ żmien għas-sottomissjoni u l-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet; l-istandards ta’ governanza tajba fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet; it-trasparenza dwar il-ħlas tat-tariffi; It-tipi ta’ mekkaniżmi ta’ punt uniku ta’ servizz/punt uniku ta’ kuntatt għall-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni);
–It-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati (inklużi, fost l-oħrajn, punti fokali biex iservu bħala l-ewwel punti ta’ kuntatt għall-inkjesti tal-investituri; ir-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati; mekkaniżmi għall-prevenzjoni tat-tilwim u għas-soluzzjoni tal-problemi; valutazzjonijiet tal-impatt; koordinazzjoni domestika bejn l-aġenziji; ir-rabtiet bejn l-investituri barranin u l-ekonomija ospitanti);
–Il-kontribut għall-iżvilupp sostenibbli u l-investiment responsabbli (inkluż, fost l-oħrajn, il-promozzjoni u l-infurzar ta’ standards, regoli u impenji rilevanti maqbula internazzjonalment dwar ix-xogħol, l-ambjent u l-klima; impenn għal strumenti rilevanti rikonoxxuti internazzjonalment dwar imġiba responsabbli fin-negozju; id-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tax-xogħol, ambjentali u klimatiċi relatati mal-investiment ta’ interess reċiproku; l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet u prinċipji internazzjonali ewlenin għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa);
–L-iffaċilitar tas-sostenibbiltà tal-investimenti fil-ktajjen tal-valur u fis-setturi ta’ interess reċiproku;
–It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali dwar modi kif jiġi ffaċilitat l-investiment u tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim (inkluż, fost l-oħrajn, il-bini tal-kapaċità mmirat lejn it-titjib tal-klima tal-investiment u l-assistenza fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli; arranġamenti istituzzjonali għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki; medjazzjoni u mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn Stat u ieħor).