Brussell, 29.7.2025

COM(2025) 427 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ekwador


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Boxxla għall-Kompetittività tad-29 ta’ Jannar 2025 enfasizzat il-ħtieġa li l-UE “[tfittex] modi ġodda biex tapprofondixxi s-sħubijiet u [toħloq] benefiċċji għan-negozji tagħna”, inkluż permezz ta’ Ftehimiet għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli (minn hawn ’il quddiem, “SIFAs”). 1 L-ewwel SIFA tal-UE mal-Angola daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2024. 2 Fit-12 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati tas-SIFA mal-Kosta tal-Avorju. 3

Fit-tmien laqgħa tal-Mekkaniżmu għal Konsultazzjonijiet Politiċi Bilaterali bejn l-UE u l-Ekwador fit-13 ta’ Ġunju 2024, l-Ekwador esprima l-interess tiegħu li jinnegozja SIFA mal-UE. Imbagħad, fis-16 ta’ Diċembru 2024, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ekwador, Gabriela Sommerfield, indirizzat ittri lill-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika, Maroš Šefčovič, u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Kaja Kallas, fejn tenniet l-interess ta’ pajjiżha li jinnegozja SIFA mal-UE.

Fl-2023, l-istokk tal-investiment dirett barrani tal-UE fl-Ekwador ammonta għal EUR 8,2 biljun , żieda minn EUR 7,1 biljun fl-2022. L-UE kkonkludiet Ftehim Kummerċjali Multipartitiku mal-pajjiżi Andini li l-Ekwador huwa Parti għalih. Dan il-Ftehim Kummerċjali jinkludi dispożizzjonijiet dwar is-servizzi u l-investiment, inklużi impenji dwar l-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali għall-investituri tal-UE. F’dan il-kuntest, is-SIFA tkun opportunità biex tiġi approfondita r-relazzjoni ta’ investiment bejn l-UE u l-Ekwador, u biex l-investituri tal-UE jiġu appoġġati biex jieħdu aktar vantaġġ mill-opportunitajiet maħluqa mill-Ftehim Kummerċjali billi jtejbu l-qafas regolatorju u l-proċeduri għall-investimenti. Dan il-Ftehim ifittex li jagħmel dan permezz ta’ impenji dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment, bħal aktar trasparenza u prevedibbiltà għal-liġijiet u r-regolamenti relatati mal-investiment, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-awtorizzazzjoni tal-investiment, u t-titjib tad-djalogu pubbliku-privat permezz ta’ punti fokali għall-investituri u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati. L-objettiv aħħari jkun li titrawwem klima ta’ investiment aktar trasparenti, effiċjenti u prevedibbli, u għalhekk li l-Ekwador jiġi appoġġat biex jattira investiment dirett barrani filwaqt li jiġu rispettati l-istandards li jikkonċernaw l-ambjent, id-drittijiet tax-xogħol, u l-klima. B’dan il-mod, dan il-Ftehim jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku, u l-ħolqien tal-impjiegi. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tirrakkomanda l-ftuħ ta’ negozjati għal SIFA mal-Ekwador.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

L-objettivi ta’ dan il-Ftehim huma konsistenti mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jipprevedi li l-UE għandha “tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali.” 4

Dan il-Ftehim javvanza l-objettivi tal-Boxxla għall-Kompetittività tad-29 ta’ Jannar 2025, li semmiet il-ħtieġa li l-UE “[tfittex] modi ġodda biex tapprofondixxi s-sħubijiet u [toħloq]benefiċċji għan-negozji tagħna”, inkluż permezz tas-SIFAs. 5 Huwa jsegwi wkoll il-Komunikazzjoni dwar ir-rieżami tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2022. 6

Dan il-Ftehim ikun konformi mal-Komunikazzjoni dwar “Aġenda Ġdida għar-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew”, 7 li ddikjarat li “[l]-UE se tkompli taħdem mas-sħab tal-ALK biex tgħin fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal investiment sostenibbli, inkluż permezz tal-Global Gateway u l-appoġġ ta’ oqfsa legali miftuħa, stabbli u prevedibbli, it-tneħħija ta’ ostakli diskriminatorji, u l-implimentazzjoni tal-faċilitazzjoni tal-investiment.” Għalhekk, dan il-Ftehim jikkomplementa wkoll l- Aġenda ta’ Investiment tal-Global Gateway UE-ALK, li permezz tagħha “l-UE tista’ tingrana investimenti ta’ kwalità biex tgħin fl-indirizzar tal-ħtiġijiet infrastrutturali tal-ALK, tappoġġa l-iżvilupp tal-kapital uman, inkluż it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nies, speċjalment in-nisa, iż-żgħażagħ u dawk l-aktar vulnerabbli, u ssaħħaħ in-negozju abilitanti u l-ambjent regolatorju, bl-għan li jinħolqu valur miżjud lokali, tkabbir u impjiegi ta’ kwalità. .” 8  

Is-SIFA previst ikun kompletament konsistenti u komplementari mal-Ftehim futur dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp li ġie nnegozjat fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. 9

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-objettivi huma konsistenti ma’ politiki oħra tal-UE, b’mod partikolari l-politika tal-iżvilupp tal-UE.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali proċedurali

Il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati tal-ftehim previst hija l-Artikolu 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-Artikolu 218(3) TFUE jipprevedi li, meta l-ftehim previst ma jkunx jirrigwarda esklużivament jew prinċipalment il-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina n-negozjatur tal-Unjoni jew il-kap tat-tim tan-negozjati tal-Unjoni.

L-Artikolu 218(4) TFUE jipprevedi li l-Kunsill jista’ jindirizza direttivi ta’ negozjati lin-negozjatur u jaħtar kumitat speċjali li b’konsultazzjoni miegħu jridu jsiru n-negozjati.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jinfetħu negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ekwador għal ftehim internazzjonali relatat mal-faċilitazzjoni tal-investiment. Il-Kummissjoni għandha tiġi nnominata bħala negozjatur.

•Bażi legali sostantiva

Dan l-att jaqa’ taħt il-Politika Kummerċjali Komuni u għalhekk il-bażi legali sostantiva hija l-Artikolu 207(4) TFUE.

•L-għażla ta’ negozjatur

Peress li l-ftehim previst ikopri esklużivament materji oħra minbarra l-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, il-Kummissjoni għandha tinħatar bħala n-negozjatur skont l-Artikolu 218(3) TFUE.

•Kompetenza tal-Unjoni

Dan l-att jaqa’ taħt il-Politika Kummerċjali Komuni skont l-Artikolu 207 TFUE. Għalhekk jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 3(1) TFUE.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Is-suġġett tan-negozjati previsti huwa relatat mal-politika kummerċjali komuni. Skont l-Artikolu 5(3) tat-TUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax fl-oqsma tal-kompetenza esklużiva tal-UE. Il-politika kummerċjali komuni hija elenkata fost l-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fl-Artikolu 3(1) tat-TFUE. Din il-politika tinkludi n-negozjati ta’ ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment skont, fost l-oħrajn, l-Artikolu 207 TFUE.

•Proporzjonalità

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija l-istrument ewlieni biex isir impenn favur drittijiet u obbligi reċiproċi ma’ suġġett tad-dritt internazzjonali bħal pajjiż barrani.

•Għażla tal-istrument

Din ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill qed titressaq f’konformità mal-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 218 TFUE, li jipprevedu l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u n-nomina tan-negozjatur tal-Unjoni. Il-Kunsill jista’ jindirizza wkoll direttivi ta’ negozjati lin-negozjatur. Ma jeżisti l-ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din ir-rakkomandazzjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika fl-2021 bħala parti mill-evalwazzjoni ex post tal-Ftehim Kummerċjali Multipartitiku bejn il-Komunità Andina u l-UE, li kien jinkludi l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-investiment fil-pajjiżi koperti, inkluż l-Ekwador. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonsulta regolarment lill-partijiet ikkonċernati, fost l-oħrajn, fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehimiet Kummerċjali 10 u d-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili. 11

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Din il-proposta tiddependi fuq għarfien espert estern miġbur fil-kuntest ta’ proġett imwettaq mill-Bank Dinji u kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport identifika b’mod partikolari li l-investituri 12 , ressqu bħala fatturi kritiċi li jaffettwaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, in-nuqqas ta’ trasparenza u prevedibbiltà fit-trattament ma’ aġenziji pubbliċi, il-bidla f’daqqa fil-liġijiet u r-regolamenti, u d-dewmien fil-kisba ta’ permessi u approvazzjonijiet tal-gvern. Dawn huma l-oqsma li jkunu koperti mis-SIFA propost.

•Valutazzjoni tal-impatt

L-impenji għall-faċilitazzjoni tal-investiment fis-SIFA jiffukaw fuq l-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ governanza tajba u prattiki regolatorji tajbin, inklużi t-trasparenza, il-prevedibbiltà, u l-effiċjenza amministrattiva, fil-qafas ta’ investiment ta’ pajjiż sieħeb (liġijiet dwar l-investiment, regolamenti u proċeduri). L-impatt ta’ dawn il-miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-investiment huwa relatat l-aktar mal-implimentazzjoni tal-Ftehim minn pajjiż sieħeb u t-titjib fit-tul fl-ambjent tal-investiment tiegħu. L-impatt ġenerali huwa affettwat ukoll minn investimenti individwali li qafas ta’ investiment imtejjeb bħal dan jista’ jattira. Is-SIFA jikkodifika prattiki li diġà huma stabbiliti sew fl-UE.

Barra minn hekk, l-inizjattiva tibbenefika minn diversi valutazzjonijiet eżistenti mwettqa matul is-snin, inkluża Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibbiltà li kopriet il-kummerċ bejn l-UE u l-Komunità Andina (2009), rapport li jivvaluta l-impatt ekonomiku tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ekwador (2016), u r-rapport ta’ evalwazzjoni ex post tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE u l-Komunità Andina (2021).

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta tfittex li tirrakkomanda l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal SIFA mal-Ekwador. Il-proposta ma tinvolvix l-iskambju ta’ data, l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi, l-użu ta’ sistemi diġitali jew il-forniment ta’ servizzi pubbliċi. Konsegwentement, il-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku” ma japplikax, peress li ma jintroduċix rekwiżiti diġitali speċifiċi.

•Drittijiet fundamentali

L-inizjattiva tirrispetta bis-sħiħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-inizjattiva ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

In-negozjati tas-SIFA huma mistennija li jiġu konklużi fl-2026.

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jirrakkomandaw li l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina n-negozjatur tal-Unjoni. Il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ekwador

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli mar-Repubblika tal-Ekwador,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli mar-Repubblika tal-Ekwador.

2.Il-Kummissjoni hija b’dan maħtura bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-[kumitat speċjali previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 207(3) TFUE].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha se jiġu ppubblikati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Boxxla għall-Kompetittività għall-UE, COM (2025) 30 final.
(2)    Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/829 tal-4 ta’ Marzu 2024 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Angola, ĠU L, 2024/829, 8.3.2024.
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1209 tat-12 ta’ Ġunju 2025 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju għal ftehim ta’ faċilitazzjoni tal-investiment sostenibbli, ĠU L, 2025/1209, 17.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1209/oj.
(4)    Artikolu 21(2)(e) TUE.
(5)    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Boxxla għall-kompetittività tal-UE, COM (2025) 30 final.
(6)    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: “Is-saħħa tas-sħubiji tal-kummerċ: flimkien għal tkabbir ekonomiku ekoloġiku u ġust”, COM(2022) 409 final.
(7)    Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-kunsill dwar Aġenda Ġdida għar-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew, JOIN(2023) 17 final.
(8)    Ibid.
(9)     https://www.wto.org/english/tratop_e/invfac_public_e/invfac_e.htm
(10)     http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/expert-groups/  
(11)     http://trade.ec.europa.eu/civilsoc/meetdetails.cfm?meet=11531  
(12)    Ara Bank Dinji, Retention and Expansion of Foreign Direct Investment, Political Risk and Policy Responses, http://documents1.worldbank.org/curated/en/387801576142339003/pdf/Political-Risk-and-Policy-Responses.pdf