15.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/170

tad-9 ta’ Frar 2021

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dan il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri provduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Flixkun magħmul minn ħġieġ prodott b’mod mekkaniku, f’forma ta’ kranju, madwar 9,5 cm għoli, b’kapaċità nominali ta’ 180 ml. Il-flixkun għandu għonq qasir (madwar 1,5 cm twil u b’dijametru tal-fetħa ta’ 2 cm) u tapp mhux issiġillat magħmul mis-sufra, li joqgħod b’mod laxk fil-ftuħ tal-flixkun.

Ara l-istampa  (*1).

7013 49 99

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 7013 , 7013 49 u 7013 49 99 .

Fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu (il-forma speċifika tal-oġġett, it-tapp tas-sufra joqgħod b’mod laxk fl-għonq tal-flixkun; għeluq tas-sufra mhux issiġillat), l-oġġett mhuwiex iddisinjat biex jintuża b’mod komuni kummerċjalment għall-ġarr jew l-ippakkjar ta’ oġġetti fis-sens tal-intestatura 7010 . L-għeluq tas-sufra mhuwiex adattat biex jiżgura li l-kontenut ma jnixxix jew ma jinxteridx matul it-trasport. Id-disinn tal-flixkun u t-tapp flessibbli jagħmlu l-oġġett simili għal dekanter jew grut taż-żejt jew tal-ħall, li huma oġġetti tat-tip użati bħala oġġetti tal-ħġieġ tal-mejda jew tal-kċina u li huma esklużi mill-intestatura 7010 (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) tal-intestatura 7010 , l-ewwel paragrafu u l-ħames paragrafu tal-esklużjoni (c), u n-NSSA għall-intestatura 7013 , l-ewwel paragrafu (1)). Konsegwentement, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 7010 bħala flixkun tal-ħġieġ, tat-tip użat għall-ġarr jew l-ippakkjar ta’ oġġetti hija eskluża.

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 7013 49 99 bħala oġġetti tal-ħġieġ tat-tip użat għall-mejda, għall-kċina jew għal għanijiet simili (għajr dawk tal-intestatura 7010 jew 7018 ).

Image 1


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.