Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
5 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2014/31/UE – Strumenti tal-użin mhux awtomatiċi – Obbligi tal-manifatturi – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) – Punt 1.1(iv) sa (vi) tal-Anness III ta’ din id-direttiva – Iskrizzjoni b’mod viżibbli, li tinqara u li ma tistax titħassar tal-informazzjoni dwar il-kapaċità massima, il-kapaċità minima u l-iskala ta’ verifika – Wiri esklużivament f’forma diġitali u b’mod alternanti meta jintuża l-istrument – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq – Rakkomandazzjoni R 76‑1 2006 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Metrologija Legali (OIML) – Standards u regolamenti tekniċi – Standard armonizzat EN 45501:2015”
Fil-Kawża C‑237/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura
Land Nordrhein-Westfalen
vs
Mettler-Toledo GmbH,
fil-preżenza ta’:
Vertreterin des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, S. Gervasoni, A. Kumin, I. Ziemele u M. Bošnjak (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal-Land Nordrhein-Westfalen, minn H.‑J. Müggenborg, Rechtsanwalt,
– għal Mettler-Toledo GmbH, minn D. Büge u C. Ziegler, Rechtsanwälte,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.‑L. Krüger, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. S. Bohr u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (ĠU 2014, L 96, p. 107), moqri flimkien mal-punt 1.1(iv) sa (vi) tal-Anness III ta’ din id-direttiva.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Land Nordrhein-Westfalen (il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) u Mettler-Toledo GmbH dwar il-projbizzjoni imposta fuq din tal-aħħar milli tqiegħed fis-suq ta’ dan il-Land ċerti strumenti tal-użin.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 Il-Ftehim dwar barrieri tekniċi għall-kummerċ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 2, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Ftehim BTK”) jikkostitwixxi l-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li ġie ffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). Il-Membri tal-WTO, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Unjoni nnifisha huma Partijiet fil-Ftehim BTK.
4 Is-sitt premessa ta’ dan il-ftehim tindika:
“[...] ebda pajjiż m’għandu jkun ipprojbit milli jieħu l-miżuri meħtieġa [...] għall-prevenzjoni ta’ prattiċi qarrieqa, fil-livelli li hu jqis xierqa, suġġett għall-ħtieġa li ma jkunux applikati b’mod li joħloq mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikata bejn pajjiżi fejn jeżistu l-istess kondizzjonijiet jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ internazzjonali, u li huma altrimenti konformi mad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim”.
5 L-Artikolu 2.4 tal-imsemmi ftehim jipprovdi:
“Fejn regolamenti tekniċi huma meħtieġa u standards internazzjonali rilevanti jeżistu jew it-tkomplija tagħhom hija imminenti, il-Membri għandhom jużawhom, jew il-partijiet rilevanti tagħhom, bħala bażi għar-regolamenti tekniċi tagħhom minbarra meta standards internazzjonali simili jew partijiet rilevanti jkunu mezz ineffettiv jew mhux f’postu għat-twettiq ta’ l-għanijiet leġittimi mixtieqa, per eżempju minħabba fatturi fundamentali klimatiċi jew ġeografiċi jew problemi teknoloġiċi fundamentali.”
6 L-Anness 1 tal-istess ftehim jistabbilixxi d-definizzjonijiet li ġejjin:
“[...]
1. Regolament tekniku
Dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi ta’ prodotti jew il-proċessi relatati tagħhom u metodi ta’ produzzjoni, inklużi d-disposizzjonijiet amministrattivi applikabbli, li l-ħarsien tagħhom huwa obbligatorju. Jista’ jinkludi wkoll jew jittratta esklussivament dwar terminoloġija, simboli, pakkjar, ħtiġijiet ta’ markar jew tikkettjar kif japplikaw għal prodott, metodu ta’ proċess jew produzzjoni.
[...]
2. Standard
Dokument approvat minn korp rikonoxxut, li jipprovdi, għal użu komuni u ripetut, regoli, linji ta’ gwida jew karatteristiċi għal prodotti jew proċessi relatati u metodi ta’ produzzjoni, li l-ħarsien tagħhom mhux obbligatorju. Jista’ jinkludi wkoll jew jittratta esklussivament dwar terminoloġija, simboli, pakkjar, ħtiġijiet ta’ markar jew tikkettjar kif japplikaw għal prodott, metodu ta’ proċess jew produzzjoni.
[...]
4. Korp jew sistema internazzjonali
Korp jew sistema li s-sħubija tagħha tkun miftuħa għall-korpi rilevanti ta’ xi wħud tal-Membri biss.
[...]”
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012
7 Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 316, p. 12) jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjoni li ġejjin:
(1) ‘standard’ tfisser speċifikazzjoni teknika, adottata minn korp [...] tal-istandardizzazzjoni rikonoxxut, għal applikazzjoni ripetuta jew kontinwa, li l-konformità magħha mhijiex obbligatorja, u li hija waħda minn dawn li ġejjin:
[...]
(c) ‘standard armonizzat’ tfisser standard Ewropew adottat fuq il-bażi ta’ talba mill-Kummissjoni [Ewropea] għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni;
[...]”
8 L-Artikolu 10(6) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:
“Meta standard armonizzat jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu l-għan li jkopri u li huma stipulati fil-leġislazzjoni korrispondenti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, Il-Kummissjoni għandha tippubblika referenza ta’ tali standard armonizzat mingħajr dewmien f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew permezz ta’ mezzi oħra f’ konformita’ mal-kundizzjonijiet stipulati fl-att korrispondenti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni.”
Id-Direttiva 2014/31
9 Il-premessi 5 u 17 tad-Direttiva 2014/31 jiddikjaraw:
“(5) L-Istati Membri għandu jkollhom ir-responsabbiltà li jipproteġu l-pubbliku minn riżultati mhux korretti ta’ operazzjonijiet ta’ użin permezz ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi meta dawn jiġu użati għal ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet.
[...]
(17) Din id-Direttiva għandha tkun limitata għall-espressjoni tar-rekwiżiti essenzjali ta’ metroloġija u tħaddim dwar strumenti tal-użin mhux awtomatiċi. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali rigward metroloġija u tħaddim, hemm bżonn ta’ dispożizzjoni għal preżunzjoni ta’ konformità għal strumenti tal-użin mhux awtomatiċi li huma f’konformità mal-istandards armonizzati li huma adottati skont ir-Regolament [Nru 1025/2012] għall-iskop biex ikunu espressi speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati ta’ dawk ir-rekwiżiti, b’mod partikolari fil-qasam tal-karatteristiċi metroloġiċi, ta’ disinn u ta’ kostruzzjoni.”
10 Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandha ssir distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ użu ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi li ġejjin:
(a) id-determinazzjoni tal-massa għal transazzjonijiet kummerċjali;
(b) id-determinazzjoni tal-massa għall-kalkolu ta’ nollijiet, tariffi, taxxa, bonus, pieni, rimunerazzjoni, indennità jew tip simili ta’ pagament;
(c) id-determinazzjoni tal-massa għall-applikazzjoni tal-liġijiet jew tar-regolamenti jew għal opinjoni esperta mogħtija fi proċeduri tal-qorti;
(d) id-determinazzjoni tal-massa fil-prattika tal-mediċina, għall-użin ta’ pazjenti għal għanijiet ta’ osservazzjoni, dijanjosi u trattament mediku;
(e) id-determinazzjoni tal-massa sabiex isiru mediċini fuq preskrizzjoni fi spiżeriji u d-determinazzjoni tal-massa f’analiżi mwettqa ġewwa laboratorji mediċi u farmaċewtiċi;
(f) id-determinazzjoni ta’ prezz fuq il-bażi tal-massa għall-għan ta’ bejgħ dirett lill-pubbliku u għall-manifattura ta’ imballaġġ qabel il-bejgħ;
(g) l-applikazzjonijiet kollha għajr dawk elenkati f’punti (a) sa (f).”
11 L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
(11) ‘standard armonizzat’ tfisser standard armonizzat kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament [Nru 1025/2012];
[...]”
12 It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tal-istess direttiva jipprevedi:
“Għall-istrumenti maħsuba biex jintużaw għall-applikazzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 1(2), il-manifatturi għandhom iwaħħlu l-iskrizzjonijiet previsti fil-punt 1 tal-Anness III.”
13 Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/31:
“L-istrumenti li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom kienu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti konformi mar-rekwiżiti, stabbiliti fl-Anness I, koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom.”
14 L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħtiġijiet essenzjali”, jipprovdi:
“It-terminoloġija użata hija dik tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Metroloġija Legali [(OIML)].
[...]
8.5. L-istrumenti ma għandux ikollhom karatteristiċi li jistgħu jiffaċilitaw l-użu bi frodi tal-istrument, filwaqt li l-possibilitajiet għal użu ħażin mhux intenzjonat għandhom ikunu minimi. Il-komponenti li ma għandhomx jiġu żarmati jew aġġustati mill-utent għandhom ikunu protetti minn dawn it-tipi ta’ azzjonijiet.
[...]”
15 L-Anness III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skrizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt 1 tiegħu, intitolat “Strumenti maħsuba biex jintużaw għall-applikazzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 1(2)”:
“1.1. Dawk l-istrumenti għandu jkollhom b’mod viżibbli, leġġibbli u indelibbli l-iskrizzjonijiet li ġejjin:
[...]
(iv) il-kapaċità massima fil-forma Max …,
(v) il-kapaċità minima fil-forma Min …,
(vi) l-intervall tal-iskala tal-verifika fil-forma e =;
[...]
1.2. Dawk l-istrumenti għandu jkollhom il-faċilitajiet adegwati biex jitwaħħlilhom il-marka tal-konformità u l-iskrizzjonijiet. Dawn għandhom ikunu tali li l-marka tal-konformità u l-iskrizzjonijiet ma jkunux jistgħu jitneħħew mingħajr ma wieħed jagħmlilhom ħsara, u li l-marka tal-konformità u l-iskrizzjonijiet ikunu viżibbli meta l-istrument ikun fil-pożizzjoni ta’ operazzjoni normali tiegħu.
[...]
1.4. L-iskrizzjonijiet Max, Min, e u d għandhom jintwerew ħdejn il-wirja tar-riżultat jekk ma jkunux diġà jinsabu hemm.
[...]”
L-Istandard EN 45501:2015
16 Ir-referenzi tal-istandard EN 45501:2015, intitolat “Aspetti metroloġiċi ta’ strumenti li jiżnu mhux awtomatiċi”, jinsabu fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (ĠU 2016, C 14, p. 100).
17 Il-punt 7.1.2 ta’ dan l-istandard jipprovdi:
“[...]
Soluzzjonijiet aċċettabbli:
(a) Il-marki Max, Min, e ... u d jekk d ≠ e:
Dawn il-valuri għandhom jiġu indikati b’mod permanenti u simultanju fuq il-parti tal-istrument li turi r-riżultati tal-użin, sakemm l-istrument ikun mixgħul.
Dawn il-valuri jistgħu jidhru awtomatikament (murija b’mod alternanti wieħed wara l-ieħor) fuq il-parti tal-istrument li turi r-riżultati. Wiri awtomatiku tal-valuri, wieħed wara l-ieħor (iżda mhux fuq ordni manwali) għandu jitqies bħala ‘permanenti’.
[...]” [traduzzjoni libera]
Id‑dritt Ġermaniż
18 L-Artikolu 13(1) tal-Verordnung über das Inverkehrbringen und die Bereitstellung von Messgeräten auf dem Markt sowie über ihre Verwendung und Eichung (Mess- und Eichverordnung – MessEV) (ir-Regolament dwar it-Tqegħid fis-Suq u t-Tqegħid għad-Dispożizzjoni fuq is-Suq ta’ Strumenti tal-Kejl, kif ukoll dwar l-Użu u l-Kalibrazzjoni tagħhom), tal‑11 ta’ Diċembru 2014 (BGBl. 2014 I, p. 2010, 2011), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“MessEV”), jipprovdi:
“Il-marki u l-iskrizzjonijiet għandhom jitqiegħdu b’mod viżibbli, li jinqara u permanenti fuq kull strument tal-kejl, irrispettivament mill-użu intiż tiegħu; dawn il-marki u dawn l-iskrizzjonijiet għandhom ikunu ċari, ma għandhomx ikunu jistgħu jitħassru, għandhom ikunu inekwivoki u ma għandhomx ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti. Il-marki u l-iskrizzjonijiet għandhom jinkitbu f’karattri Latini u f’numri Għarab. Tipi oħra ta’ karattri jew ta’ ċifri jistgħu jintużaw b’mod addizzjonali.”
19 L-Artikolu 15(3) tal-MessEV jipprevedi:
“L-istrumenti tal-kejl li jappartjenu għall-kategorija ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi għandu jkollhom [...] l-iskrizzjonijiet segwenti:
[...]
2) l-użin massimu, bil-valur tal-massa ppreċedut mill-ittri ‘Max’ f’din l-ordni;
3) l-użin minimu, bil-valur tal-massa ppreċedut mill-ittri ‘Min’ f’din l-ordni;
4) il-valur f’unitajiet tal-massa għall-klassifikazzjoni u għall-verifika ta’ strument tal-użin (skala ta’ verifika), ippreċedut mill-karattri ‘e =’ f’din l-ordni;
[...]
L-użin massimu, l-użin minimu, l-iskala ta’ verifika u l-iskala reali għandhom jitwaħħlu qrib il-parti tal-istrument li turi r-riżultati. Kull strument ta’ kejl li jkun imqabbad jew li jkun jista’ jitqabbad ma’ tagħmir wieħed jew iktar fejn jitqiegħed l-oġġett imkejjel għandu jkollu wkoll l-iskrizzjonijiet marbuta ma’ dan it-tagħmir.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
20 Mettler-Toledo tipproduċi mudell ta’ strument tal-użin mhux awtomatiku li juri l-informazzjoni dwar il-kapaċità massima, il-kapaċità minima u l-iskala ta’ verifika esklużivament f’forma diġitali, permezz tal-apparat indikatur tal-istrument ikkonċernat. Meta dan tal-aħħar ikun mixgħul, din l-informazzjoni tintwera, b’mod alternanti, fl-istess ħin mar-riżultat tal-operazzjoni tal-użin. Dan l-istrument huwa mgħammar b’siġill tas-sigurtà, b’apparat li jipprevjeni t-tbagħbis tal-konfigurazzjonijiet u b’sistema ta’ software li tirreġistra l-operazzjonijiet imwettqa, karatteristiċi dawn li jipprevjenu kwalunkwe modifika tal-imsemmija informazzjoni.
21 Permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva tad‑29 ta’ April 2020, il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen ipprojbixxa lil Mettler-Toledo milli tqiegħed fis-suq ta’ dan il-Land, b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 2020, strumenti tal-użin mhux awtomatiċi li juru l-informazzjoni dwar il-kapaċità massima, il-kapaċità minima u l-iskala ta’ verifika esklużivament f’forma diġitali.
22 Il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ April 2021, ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Mettler-Toledo kontra din id-deċiżjoni amministrattiva. Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, l-Oberverwaltungsgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) irriformat dik is-sentenza u annullat l-imsemmija deċiżjoni amministrattiva minħabba li la d-dritt tal-Unjoni u lanqas id-dritt Ġermaniż ma kienu jipprojbixxu wiri esklużivament diġitali ta’ din l-informazzjoni.
23 Din l-evalwazzjoni hija kkontestata mil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen fil-kuntest ta’ appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.
24 Dik il-qorti tqis li d-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza hija konformi mal-Artikolu 13(1) u mal-Artikolu 15(3) tal-MessEV, li hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 2014/31 fid-dritt Ġermaniż.
25 Skont l-imsemmija qorti, il-formulazzjoni u l-għan ta’ din id-direttiva, li konformement magħhom għandhom jiġu interpretati dawn id-dispożizzjonijiet, jeskludu wiri esklużivament diġitali tal-informazzjoni dwar il-kapaċità massima, il-kapaċità minima u l-iskala ta’ verifika.
26 L-istess qorti tosserva li tali wiri huwa madankollu espressament aċċettat fir-Rakkomandazzjoni R 76‑1 2006 tal-OIML, u fil-punt 7.1.2 tal-istandard EN 45501:2015, li huwa standard armonizzat li r-referenzi tiegħu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
27 Madankollu, minn naħa, din ir-rakkomandazzjoni taqa’ taħt il-Ftehim BTK, li l-Artikolu 2.4 tiegħu ma jipprojbixxix lill-membri tal-WTO milli jadottaw regolamenti tekniċi li l-kontenut tagħhom ikun differenti minn dak tal-istandards internazzjonali adottati mill-organi internazzjonali ta’ standardizzazzjoni. Għall-kuntrarju, dan il-ftehim jippreċiża, fil-preambolu tiegħu, li xejn ma jipprekludi lill-membri tal-WTO milli jadottaw miżuri li huma jqisu neċessarji, sakemm dawn ma jikkostitwixxux mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn pajjiżi membri. Fi kwalunkwe każ, il-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO u l-annessi ta’ dan il-ftehim ma għandhomx, bħala prinċipju, effett vinkolanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
28 Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/31, il-preżunzjoni ta’ konformità ma’ din id-direttiva tal-prodotti konformi mal-istandard EN 45501:2015 ma tikkonċernax l-iskrizzjonijiet imsemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Fi kwalunkwe każ, il-ġerarkija tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni tipprekludi li standard armonizzat jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ att tad-dritt sekondarju.
29 F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-diverġenza possibbli bejn id-Direttiva 2014/31 u l-kontenut tal-istandard EN 45501:2015, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-indikazzjonijiet dwar il-kapaċità massima, il-kapaċità minima u l-iskala ta’ verifika għandhomx neċessarjament jitwaħħlu fiżikament fuq strument tal-użin mhux awtomatiku.
30 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“Strument tal-użin mhux awtomatiku jissodisfa r-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tad-[Direttiva 2014], moqri flimkien mal-punt 1.1(iv), 1.1(v) u 1.1(vi) tal-Anness III tagħha, jekk l-informazzjoni dwar il-kapaċità massima, il-kapaċità minima u l-intervall tal-iskala tal-verifika ma tkunx imwaħħla fiżikament mal-istrument, iżda tintwera biss f’forma diġitali u alternanti meta l-istrument tal-użin ikun qiegħed jintuża?”
Fuq id-domanda preliminari
31 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/31, moqri flimkien mal-punt 1.1(iv) sa (vi) tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni dwar il-kapaċità massima, dwar il-kapaċità minima u dwar l-iskala ta’ verifika tista’ tintwera minn strument tal-użin mhux awtomatiku esklużivament f’forma diġitali u b’mod alternanti waqt il-funzjonament ta’ dan l-istrument, mingħajr ma titwaħħal fiżikament fuqu.
32 Skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini ta’ din id-dispożizzjoni iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Slagelse Almennyttige Boligselskab, Afdeling Schackenborgvænge, C‑417/23, EU:C:2025:1017, punt 76).
33 Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/31, fir-rigward tal-istrumenti li huma intiżi li jintużaw għall-applikazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1(2)(a) sa (f) tagħha, “il-manifatturi għandhom iwaħħlu l-iskrizzjonijiet previsti fil-punt 1 tal-Anness III”.
34 Konformement mal-punt 1.1(iv) sa (vi) tal-Anness III ta’ din id-direttiva, dawn l-istrumenti għandhom juru b’mod viżibbli, li jinqara u li ma jistax jitħassar l-iskrizzjonijiet relatati mal-kapaċità massima (“Max”), mal-kapaċità minima (“Min”), u mal-iskala ta’ verifika (“e”).
35 Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-punt 1.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2014/31, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan il-punt 1.1 jippreżentaw numru ta’ diverġenzi.
36 Fil-fatt, għalkemm it-termini użati fil-verżjonijiet bil-Ġermaniż (“Aufschriften”), bil-Grieg (“επισημάνσεις”), bil-Latvjan (“uzraksti”), bil-Pollakk (“napisy”) u bis-Sloven (“napisi”) ta’ din id-dispożizzjoni jxaqilbu lejn il-kitba, l-istampar jew l-inċiżjoni fuq mezz fiżiku, dawk użati fil-verżjonijiet bl-Ispanjol (“inscripciones”), bl-Ingliż (“inscriptions”), bil-Franċiż (“inscriptions”), bit-Taljan (“iscrizioni”) u bir-Rumen (“inscripții”) tal-imsemmija dispożizzjoni, ma jeskludux b’mod ċar wiri diġitali.
37 Bl-istess mod, għalkemm wiri esklużivament diġitali li jalterna ma jikkorrispondix għar-rekwiżit ta’ permanenza li jirriżulta mill-kliem “dauerhaft” u “trwały” użati, rispettivament, fil-verżjonijiet bil-Ġermaniż u bil-Pollakk tal-istess dispożizzjoni, dan il-wiri jista’ jitqies bħala wiri li ma jistax jitħassar, kif meħtieġ fil-verżjonijiet lingwistiċi bl-Ingliż (“indelibly”), bil-Franċiż (“indélébile”), bit-Taljan (“indelebile”), bil-Latvjan (“neizdzēšami”), bir-Rumen (indilebil) u bis-Sloven (“neizbrisljivo”), sa fejn l-informazzjoni murija meta l-istrument ikun mixgħul ma tistax titħassar permezz ta’ azzjoni mekkanika.
38 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas, C‑372/88, EU:C:1990:140, punt 18, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 100).
39 Barra minn hekk, jidher li l-punt 1.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2014/31 għandu jinqara flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tagħha, li jeżiġi li “il-manifatturi għandhom iwaħħlu” l-iskrizzjonijiet inkwistjoni, u dan jidher li jimplika min-naħa tiegħu skrizzjoni fiżika tal-valuri inkwistjoni fuq l-istrument ikkonċernat u mhux wiri awtomatiku ta’ dawn il-valuri, wieħed wara l-ieħor u b’mod kontinwu, fuq il-parti tal-istrument li turi r-riżultat wara li jinxtegħel l-istrument.
40 Fir-rigward tal-kuntest li jagħmlu parti minnu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/31 u l-punt 1.1 tal-Anness III tagħha, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Anness III, invokati minn Mettler-Toledo fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk wiri esklużivament diġitali tal-informazzjoni inkwistjoni huwiex permess.
41 Skont il-punt 1.2 tal-Anness III tad-Direttiva 2014/31, l-istrumenti msemmija f’dan il-punt għandhom ikunu mgħammra b’faċilitajiet li jippermettu t-twaħħil tal-marka ta’ konformità u tal-iskrizzjonijiet, li għandhom ikunu tali li jkun impossibbli li jitneħħew mingħajr ma ssirilhom ħsara u li għandhom ikunu viżibbli meta l-istrument ikun f’pożizzjoni ta’ operazzjoni normali. Issa, anki jekk jitqies li skrin diġitali jikkostitwixxi “faċilità li tippermetti t-twaħħil” tal-iskrizzjonijiet ikkonċernati u li wiri diġitali jkun “tali li jkun impossibbli li jitneħħa mingħajr ma ssirlu ħsara”, fis-sens tal-imsemmi punt 1.2, jibqa’ l-fatt li dawn l-iskrizzjonijiet għandhom jitwaħħlu mill-manifatturi.
42 Barra minn hekk, ir-rekwiżit stabbilit fl-istess punt 1.2, fis-sens li l-iskrizzjonijiet għandhom ikunu “viżibbli meta l-istrument ikun fil-pożizzjoni ta’ operazzjoni normali tiegħu”, jirreferi biss għall-pożizzjonament u għall-orjentazzjoni tal-istrument inkwistjoni, u ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk tali viżibbiltà għandhiex tiġi żgurata wkoll meta dan l-istrument la jkun mixgħul u lanqas ma jkun qiegħed jopera.
43 It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni R 76‑1 2006 tal-OIML jippermettu espliċitament wiri esklużivament diġitali tal-informazzjoni dwar il-kapaċità massima, il-kapaċità minima u l-iskala ta’ verifika.
44 F’dan ir-rigward, għalkemm l-Anness I tad-Direttiva 2014/31 jindika li t-terminoloġija użata hija dik tal-OIML, din l-indikazzjoni iżda tikkonċerna biss dan l-Anness I, u mhux l-Anness III ta’ din id-direttiva, u tirreferi biss għat-terminoloġija tal-OIML u mhux għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati minnha.
45 It-tielet nett, l-istandard EN 45501:2015, intitolat “Aspetti metroloġiċi ta’ strumenti li jiżnu mhux awtomatiċi”, jikkostitwixxi “standard armonizzat”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/31, jiġifieri standard Ewropew adottat abbażi ta’ talba mressqa mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. Ir-referenzi tal-istandard EN 45501:2015 ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 10(6) tar-Regolament Nru 1025/2012.
46 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li standard armonizzat, adottat abbażi ta’ direttiva u li r-referenzi tiegħu kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni, minħabba l-effetti legali tiegħu (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2024, Public.Resource.Org u Right to Know vs Il‑Kummissjoni et, C‑588/21 P, EU:C:2024:201, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
47 F’dan il-każ, il-punt 7.1.2 tal-istandard EN 45501:2015 jippermetti wiri esklużivament diġitali tal-informazzjoni dwar il-kapaċità massima, il-kapaċità minima u l-iskala ta’ verifika, sakemm din l-informazzjoni tkun, tal-inqas, murija awtomatikament waħda wara l-oħra meta l-istrument ikkonċernat ikun mixgħul.
48 Mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/31 jirriżulta li l-istrumenti li jkunu konformi ma’ standards armonizzati li r-referenzi tagħhom kienu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu preżunti li huma konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-direttiva u li huma “koperti” minn dawn l-istandards. Minn dan jirriżulta li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III tal-imsemmija direttiva ma humiex ikkonċernati mill-preżunzjoni ta’ konformità stabbilita f’dan l-Artikolu 12.
49 Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-premessa 17 tad-Direttiva 2014/31, li ma ssemmix espliċitament l-Anness I tagħha.
50 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, peress li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti, il-premessi ta’ tali atti ma jistgħux jiġu invokati sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat jew sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet f’sens kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2026, Secab, C‑423/23, EU:C:2026:32, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
51 Għaldaqstant, mill-konformità ta’ strument tal-użin mhux awtomatiku mal-istandard EN 45501:2015 ma jistax jiġi dedott li dan l-istrument huwa konformi mar-rekwiżiti li jinsabu fil-punt 1.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2014/31.
52 Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2014/31, il-premessa 5 tagħha tiddikjara li huma l-Istati Membri li għandhom jipproteġu lill-pubbliku mir-riżultati inkorretti tal-operazzjonijiet tal-użin.
53 Kif sostna essenzjalment il-Land Nordrhein-Westfalen fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza jista’ jkollhom iwettqu kontrolli għal dan l-għan, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn l-istrument ikkonċernat ma jkunx imqabbad mal-elettriku, pereżempju meta jiġi maħżun jew ittrasportat. Tali kontrolli jiġu ffaċilitati permezz ta’ skrizzjonijiet bil-miktub, stampati jew imnaqqxa fuq mezz fiżiku.
54 L-interpretazzjoni tal-punt 1.1(iv) sa (vi) tal-Anness III tad-Direttiva 2014/31 fis-sens li l-informazzjoni dwar il-kapaċità massima, dwar il-kapaċità minima u dwar l-iskala ta’ verifika ma tistax tintwera esklużivament f’forma diġitali u b’mod alternanti waqt il-funzjonament ta’ strument tal-użin mhux awtomatiku hija għalhekk konformi mal-għan imsemmi fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.
55 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-karatteristiċi metroloġiċi ta’ strument tal-użin mhux awtomatiku għandhom ikunu magħrufa u għandhom ikunu jistgħu jiġu vverifikati wkoll barra mill-kundizzjonijiet ta’ funzjonament normali ta’ dan l-istrument peress li huma intrinsiċi għalih, kuntrarjament għar-riżultati tal-użin, li d-Direttiva 2014/31 ma tipprojbixxix il-wiri esklużivament diġitali tagħhom.
56 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/31, moqri flimkien mal-punt 1.1(iv) sa (vi) tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni dwar il-kapaċità massima, dwar il-kapaċità minima u dwar l-iskala ta’ verifika ma tistax tintwera minn strument tal-użin mhux awtomatiku esklużivament f’forma diġitali u b’mod alternanti waqt il-funzjonament ta’ dan l-istrument, mingħajr ma titwaħħal fiżikament fuqu.
Fuq l-ispejjeż
57 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi, moqri flimkien mal-punt 1.1(iv) sa (vi) tal-Anness III ta’ din id-direttiva,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
l-informazzjoni dwar il-kapaċità massima, dwar il-kapaċità minima u dwar l-iskala ta’ verifika ma tistax tintwera minn strument tal-użin mhux awtomatiku esklużivament f’forma diġitali u b’mod alternanti waqt il-funzjonament ta’ dan l-istrument, mingħajr ma titwaħħal fiżikament fuqu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.