10.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/389

tal-5 ta' Marzu 2015

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti (minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala n-“Nomenklatura Magħquda”), li hija stabbilita fl-Anness I għal dak ir-Regolament.

(2)

Sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut taż-żejt fil-prodotti tas-subintestaturi 2712 90 31 għal 2712 90 39 tan-Nomenklatura Magħquda, punt (a) tan-Nota 4 addizzjonali tal-Kapitolu 27 ta' Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda jipprovdi għall-applikazzjoni ta' metodu stabbilit fi standard elaborat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO 2908).

(3)

L-istandard ISO 2908 kien irtirat fl-2006 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni u ma kienx sostitwit. Barra minn hekk, l-ebda standard EN li jistipula metodu ekwivalenti għall-metodu ISO 2908 ma ġie stabbilit mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni. Għalkhekk il-laboratorji doganali għandhom ikunu ħielsa sabiex japplikaw metodi ta' ħidma xierqa tal-għażla tagħhom li jistabilixxu l-kontenut taż-żejt fil-prodotti tas-subintestaturi 2712 90 31 għal 2712 90 39 tan-Nomenklatura Magħquda.

(4)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi indikat b'mod ċar f'punt (a) tan-Nota 4 addizzjonali tal-Kapitolu 27 ta' Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda lu l-kontenut taż-żejt għandu jiġi stabbilit bħala perċentwal skont il-piż.

(5)

Konsegwentement, huwa xieraq li jiġi emendat punt (a) tan-Nota 4 addizzjonali tal-Kapitolu 27 ta' Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda bili titħassar ir-referenza għall-istandard internazzjonali li ġie rtirat u li jiġi ċċarat il-unit li fih il-kontenut taż-żejt għandu jiġi espress.

(6)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għalhekk għandu jkun emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu 27 ta' Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda stipulata fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, punt (a) tan-Nota 4 addizzjonali huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

b'kontentut taż-żejt ta' 3,5 % skont il-piż jew ogħla, jekk il-viskożità f'100 °C hija aktar baxxa minn 9 × 10– 6 m2 s– 1 skont il-metodu EN ISO 3104; jew”
.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.