SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)
30 ta’ Mejju 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 1(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjoni tal-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentarji imperattivi – Addendum għall-kuntratt ta’ kreditu kkomunikat mill-bejjiegħ jew mill-fornitur lill-konsumatur bil-għan li jkun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali – Artikolu 3(2) – Klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali – Assenza ta’ firma tal-addendum mill-konsumatur – Preżunzjoni ta’ aċċettazzjoni taċita ta’ dan l-addendum – Ġurisprudenza nazzjonali li teskludi l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tinsab f’tali addendum”
Fil-Kawża C‑176/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Specializat Mureş (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Mureş, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura
UG
vs
SC Raiffeisen Bank SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn R. Antonie, E. Gane u L. Ghiţă, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Cunha, A. Luz u L. Medeiros, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Boitos u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn UG, konsumatur, u SC Raiffeisen Bank SA dwar il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn dawn il-partijiet. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
It-tlettax‑il premessa tad-Direttiva 93/13 tistipula: “Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra”. |
|
4 |
L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.” |
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jiddisponi: “1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. 2. Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel. Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel. Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.” |
Id‑dritt Rumen
Il‑Liġi dwar il‑Klawżoli Inġusti
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-Legea nr. 193, privind clauzele abuzive din contractele încheiate între profesioniști și consumatori (il-Liġi Nru 193 dwar il-Klawżoli Inġusti f’Kuntratti Konklużi minn Bejjiegħa jew minn Fornituri ma’ Konsumaturi), tas‑6 ta’ Novembru 2000 (ippubblikat mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 543 tat‑3 ta’ Awwissu 2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Klawżoli Inġusti”), jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-klawżoli kuntrattwali previsti abbażi ta’ testi leġiżlattivi oħra fis-seħħ ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. |
L‑OUG Nru 50/2010
|
7 |
Skont l-Artikolu 37 tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 50 privind contractele de credit pentru consumatori (id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 50 dwar Kuntratti ta’ Kreditu għall-Konsumaturi), tad‑9 ta’ Ġunju 2010 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 389 tal‑11 ta’ Ġunju 2010), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 50/2010”): “Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-kuntratti ta’ kreditu b’rata varjabbli:
|
|
8 |
Skont l-Artikolu 95 tal-OUG Nru 50/2010: “1. Fir-rigward ta’ kuntratti fi stadju ta’ eżekuzzjoni, il-kredituri għandhom, f’terminu ta’ 90 jum wara d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, jiggarantixxu l-konformità tal-kuntratt mad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza. 2. L-emenda ta’ kuntratti fi stadju ta’ eżekuzzjoni għandha ssir permezz ta’ addendum, f’terminu ta’ 90 jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza. 3. Il-kreditur għandu jkun jista’ jipprova li kien diliġenti sabiex jinforma lill-konsumatur f’dak li jirrigwarda l-iffirmar tal-addendum. 4. Huwa pprojbit li fl-addendum jiġu introdotti dispożizzjonijiet li ma humiex dawk imsemmija f’dan id-digriet ta’ urġenza. L-introduzzjoni, fl-addendum, ta’ kull dispożizzjoni oħra minbarra dawk imposti minn dan id-digriet ta’ urġenza hija kkunsidrata bħala nulla ipso jure. 5. L-assenza ta’ firma mill-konsumatur tal-addendum previst fil-paragrafu 2 għandu jitqies bħala aċċettazzjoni taċita.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
9 |
Fit‑23 ta’ Marzu 2007, UG ikkonkluda ma’ Raiffeisen Bank kuntratt ta’ kreditu b’rata varjabbli ta’ ammont ta’ 15300 frank Svizzeru (CHF) (madwar EUR 16048) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni”). Fid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, ir-rata ta’ interessi kurrenti kienet ta’ 5.9 % fis-sena, iżda skont il-klawżoli tal-imsemmi kuntratt, il-bejjiegħ jew il-fornitur kellu l-possibbiltà li jbiddel din ir-rata skont l-evoluzzjoni tas-suq finanzjarju, billi jgħarraf lill-persuna li tissellef ir-rata ta’ interessi l-ġdida skont il-modalitajiet previsti fil-kundizzjonijiet ġenerali. |
|
10 |
Fl‑10 ta’ Settembru 2010, Raiffeisen Bank innotifikat lil UG b’addendum għall-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni sabiex dan tal-aħħar ikun jikkorrispondi mar-rekwiżiti tal-OUG Nru 50/2010. Permezz ta’ din in-notifika, Raiffeisen Bank indikat lil UG li l-leġiżlatur nazzjonali kien impona emendi għall-kuntratti ta’ kreditu kollha konklużi mal-konsumaturi. B’mod partikolari, kellhom isiru emendi għall-klawżoli kuntrattwali dwar id-determinazzjoni tar-rata varjabbli, b’riferiment għal indiċi oġġettiv skont il-munita li fiha jkun ingħata l-kreditu, miżjuda mill-istituzzjoni ta’ kreditu b’marġni fiss għat-tul kollu tal-kuntratt. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dan l-addendum ma ġiex iffirmat minn UG, b’tali mod li ġie meqjus li taċitament ta l-kunsens tiegħu, konformement mal-Artikolu 95(5) tal-OUG Nru 50/2010. |
|
11 |
Fid‑29 ta’ Diċembru 2017, UG ippreżenta rikors quddiem il-Judecătoria Sighișoara (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Sighișoara, ir-Rumanija) intiż b’mod partikolari sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni dwar il-possibbiltà, għall-bank, li jbiddel ir-rata ta’ interessi. UG talab ukoll lill-qorti tal-ewwel istanza tikkonstata, għal din ir-raġuni, in-nullità assoluta ta’ dawn il-klawżoli u l-ħlas lura tas-somom imħallsa fir-rigward ta’ dawn. |
|
12 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ġunju 2020, il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet dan ir-rikors, għar-raġuni b’mod partikolari li, fid-dawl tal-Liġi dwar il-klawżoli inġusti, li tittrasponi d-Direttiva 93/13 fid-dritt Rumen, hija ma setgħetx teżamina n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni li tirriżulta mill-addendum imsemmi fil-punt 10 ta’ din is-sentenza peress li, fost l-oħrajn, dawn huma r-riflessjoni ta’ obbligu stabbilit mid-dispożizzjonijiet imperattivi ta’ att regolamentari nazzjonali, jiġifieri l-OUG Nru 50/2010. |
|
13 |
UG appella minn din is-sentenza quddiem it-Tribunalul Specializat Mureş (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Mureş, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, billi sostna b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet tal-OUG Nru 50/2010 huma intiżi biss sabiex isaħħu l-protezzjoni tal-konsumaturi u li, fir-rigward tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, l-emendi li saru fih permezz tal-addendum li ġie nnotifikat lilu minn Raiffeisen Bank ma kinux konformi ma’ dan l-att regolamentari nazzjonali. |
|
14 |
Skont Raiffeisen Bank, il-klawżola tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni dwar id-determinazzjoni tar-rata ta’ interessi li kienet tinsab inizjalment f’dan il-kuntratt waqfet milli tipproduċi l-effetti tagħha fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-addendum tal‑10 ta’ Settembru 2010, peress li l-imsemmija klawżola ġiet issostitwita f’dan il-mument b’dik fis-seħħ fid-data tal-preżentata tar-rikors ta’ UG, li tipprovdi li din ir-rata ta’ interessi hija issa marbuta ma’ parametri referenzjarji verifikabbli, miżjuda b’marġni fiss stabbilit mill-bank, konformement mar-rekwiżiti tal-OUG Nru 50/2010. Raiffeisen Bank issostni li hija kienet b’hekk ikkonformat ruħha mal-leġiżlazzjoni applikabbli, billi implimentat id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti. |
|
15 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni dwar jekk hija tistax twettaq evalwazzjoni tan-natura eventwalment inġusta ta’ ċerti klawżoli kuntrattwali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-OUG Nru 50/2010 għandu jiġi eżaminat fid-dawl tad-Direttiva 93/13 u tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni stretta li għandu jirċievi l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, li jikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli kuntrattwali inġusti. |
|
16 |
Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja telqet mill-prinċipju li l-leġiżlatur nazzjonali, billi impona fuq il-partijiet klawżola kuntrattwali li l-kontenut tagħha jirrifletti dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali vinkolanti, kellu l-intenzjoni, b’dan il-mod, li jistabbilixxi bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet fl-imsemmi kuntratt, b’tali mod li tali klawżola ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju tan-natura eventwalment inġusta tagħha. Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li anki meta klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 37 tal-OUG Nru 50/2010, il-konsumatur ma jkunx dejjem f’pożizzjoni li jirrappreżenta lilu nnifsu l-portata tal-obbligi tiegħu, sa fejn din id-dispożizzjoni sempliċement tipprevedi li r-rata ta’ interessi varjabbli għandha tiġi ddeterminata mhux biss skont indiċi oġġettiv, iżda wkoll skont marġni fiss li jissodisfa l-interessi tal-bejjiegħ jew tal-fornitur. Barra minn hekk, dan l-indiċi oġġettiv, minkejja li huwa ffissat indipendentement mir-rieda tal-partijiet, jista’ jkollu varjazzjonijiet sostanzjali. Issa, skont din il-qorti, b’differenza minn konsumatur medju u avżat, tali varjazzjonijiet jistgħu jiġu sfruttati minn bejjiegħ jew minn fornitur, permezz tal-esperjenza tiegħu u tal-kapaċità ikbar tiegħu ta’ antiċipazzjoni. |
|
17 |
Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tiddubita li, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmi adegwati intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumatur, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-OUG Nru 50/2010 jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura li jiġu implimentati indipendentement mir-rieda tal-partijiet jew li jkunu applikabbli ex officio, fl-assenza ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ ftehim bejn il-partijiet. L-evalwazzjoni tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhiex għalhekk tkun eżenti mill-istħarriġ ġudizzjarju. |
|
18 |
Madankollu, tali konklużjoni ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza nazzjonali dominanti li tgħid li l-klawżoli kuntrattwali inklużi f’addendums implimentati minn bejjiegħa jew minn fornituri skont l-OUG Nru 50/2010 ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ tali stħarriġ. |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Specializat Mureş (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Mureş) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
20 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur f’ċirkustanzi fejn ikunu saru bidliet minn dan il-bejjiegħ jew minn dan il-fornitur għal dawn il-klawżoli sabiex tiġi żgurata l-konformità ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali imperattiva dwar il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-rata ta’ interessi li abbażi tagħha din ir-rata għandha tiġi ssostitwita b’rata ta’ interessi ddeterminata abbażi ta’ wieħed mill-parametri referenzjarji previsti minn din il-leġiżlazzjoni u miżjuda b’marġni fiss stabbilit minn dan il-bejjiegħ jew minn dan il-fornitur għat-tul kollu tal-kuntratt. |
|
21 |
Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari imperattivi. |
|
22 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi ma’ bejjiegħ jew ma’ fornitur, l-esklużjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 1(2) għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios,C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 37). |
|
23 |
Minn naħa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-espressjoni “dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari imperattivi”,, moqrija fid-dawl tat-tlettax‑il premessa tal-imsemmija direttiva, tkopri kemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom u kemm dawk li huma ta’ natura supplenti, jiġifieri li japplikaw awtomatikament fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios,C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kwistjoni dwar jekk klawżola kuntrattwali “tirriflettix”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, tali dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari imperattiva tad-dritt nazzjonali, għandu jitfakkar li l-esklużjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, bħala prinċipju, huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa ekwilibriju bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet għal ċerti kuntratti, ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried espliċitament iżomm. Barra minn hekk, il-fatt li tali ekwilibriju ġie stabbilit ma jikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-esklużjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 1(2), iżda l-ġustifikazzjoni ta’ din l-esklużjoni (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, First Bank,C‑593/22, EU:C:2023:555, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Għalhekk, f’dan il-każ, sabiex jiġi evalwat jekk klawżola kuntrattwali li tirrifletti dispożizzjoni tal-OUG Nru 50/2010 hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tagħha, ma hijiex il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika minn qabel li, permezz ta’ dan l-att, il-leġiżlatur nazzjonali ħa ħsieb li jistabbilixxi bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet fil-kuntratt inkwistjoni. |
|
26 |
Sussegwentement, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li tirrifletti dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali imperattiva li ma hijiex applikabbli għal dan il-kuntratt jew li sempliċement tirreferi għal tali dispożizzjoni, iżda għal leġiżlazzjoni nazzjonali fl-intier tagħha, ma tistax titqies li tirrifletti dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali imperattiva, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, u tkun, għalhekk, eskluża mill-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura eventwalment inġusta tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb,C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 30, u tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med,C‑266/18, EU:C:2019:282, punti 35 sa 38). |
|
27 |
Għaldaqstant, sabiex klawżola kuntrattwali “tirrifletti” dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari imperattiva fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, din il-klawżola għandha tirriproduċi l-kontenut normattiv ta’ dispożizzjoni imperattiva applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni, b’tali mod li tkun tista’ titqies li tesprimi, b’mod konkret, l-istess regola ġuridika bħal dik prevista f’din id-dispożizzjoni imperattiva (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, First Bank,C‑593/22, EU:C:2023:555, punt 25). |
|
28 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq l-evalwazzjonijiet neċessarji, sabiex tiddetermina jekk il-klawżola kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriflettix, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-OUG Nru 50/2010. |
|
29 |
Madankollu, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-klawżoli kuntrattwali li jinsabu fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-OUG Nru 50/2010. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet obbligaw lill-banek jagħmlu ċerti emendi għall-kuntratti kollha ta’ kreditu għall-konsum. Dan l-obbligu legali kien jikkonċerna b’mod partikolari l-klawżoli dwar il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-rata ta’ interessi varjabbli. Barra minn hekk, jidher li l-OUG Nru 50/2010 ċaħħad lill-konsumaturi mill-possibbiltà li jaċċettaw jew jirrifjutaw dawn l-emendi. Fil-fatt, l-OUG Nru 50/2010 kien jipprevedi li jekk il-konsumaturi ma kinux jiffirmaw l-addendum ikkomunikat mill-bank, huma kellhom jitqiesu li aċċettaw it-termini b’mod taċitu. |
|
30 |
Madankollu, għalkemm l-Artikolu 37(a) tal-OUG Nru 50/2010 kien jipprevedi li r-rata ta’ interessi tal-kuntratti ta’ kreditu kellha tiġi ssostitwita b’rata ta’ interessi ddeterminata abbażi ta’ parametri referenzjarji u ta’ marġni fiss, applikabbli għat-tul kollu tal-kuntratt, madankollu mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-banek kellhom marġni ta’ evalwazzjoni kemm fir-rigward tal-għażla tal-parametri referenzjarji kif ukoll tal-portata ta’ dan il-marġni fiss. |
|
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali stabbilixxiet qafas ġenerali u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati għall-iffissar tar-rata ta’ interessi varjabbli l-ġdida, filwaqt li ħalliet marġni ta’ evalwazzjoni lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex tiġi kkalkolata din ir-rata l-ġdida. |
|
32 |
Issa, fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch (C‑125/18, EU:C:2020:138, punti 33 sa 37), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ma kinitx tapplika għal klawżola kuntrattwali li kienet tipprevedi li r-rata ta’ interessi applikabbli għas-self kienet ibbażata fuq wieħed mill-parametri referenzjarji uffiċjali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta din il-leġiżlazzjoni ma kinitx tipprevedi l-applikazzjoni imperattiva ta’ dan il-parametru, iżda kienet tħalli lill-bank il-possibbiltà li jiddefinixxi r-rata ta’ interessi varjabbli b’mod ieħor. |
|
33 |
Minn dan isegwi li l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ma tapplikax f’sitwazzjoni fejn ikunu saru emendi minn bejjiegħ jew minn fornitur għal klawżoli ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum sabiex tiġi żgurata l-konformità ta’ dan il-kuntratt ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata wara l-konklużjoni tiegħu, jekk din il-leġiżlazzjoni sempliċement tistabbilixxi qafas ġenerali għall-iffissar tar-rata ta’ interessi ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu, filwaqt li tħalli marġni ta’ evalwazzjoni lil dan il-bejjiegħ jew lil dan il-fornitur fir-rigward kemm tal-għażla tal-parametri referenzjarji ta’ din ir-rata kif ukoll tal-importanza tal-marġni fiss li jista’ jiżdied mal-imsemmija rata. |
|
34 |
Fl-aħħar nett, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar, għal kull fini utli, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 hija ta’ natura oġġettiva u ma tiddependix, pereżempju, mill-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur mill-bejjiegħ jew mill-fornitur u lanqas mill-għarfien li l-konsumatur għandu tad-dispożizzjonijiet tad-dritt applikabbli (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, First Bank,C‑593/22, EU:C:2023:555, punt 31). |
|
35 |
Għaldaqstant, l-aċċettazzjoni eventwali, espressa jew taċita, tal-emendi tal-kuntratt inkwistjoni mill-konsumatur ma jistax ikollha effett fuq il-punt dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali kkonċernati minn dawn l-emendi humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tagħha. |
|
36 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur f’ċirkustanzi fejn ikunu saru bidliet minn dan il-bejjiegħ jew minn dan il-fornitur għal dawn il-klawżoli sabiex tiġi żgurata l-konformità ta’ dan il-kuntratt ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali imperattiva dwar il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-rata ta’ interessi jekk din il-leġiżlazzjoni sempliċement tistabbilixxi qafas ġenerali għall-iffissar tar-rata ta’ interessi tal-imsemmi kuntratt, filwaqt li tħalli lil dan il-bejjiegħ jew lil dan il-fornitur marġni ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda kemm l-għażla tal-parametri referenzjarji ta’ din ir-rata kif ukoll l-importanza tal-marġni fiss li jista’ jiżdied ma’ din tal-aħħar. |
Fuq it‑tieni domanda
|
37 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi t-tilwima li biha hija adita. F’dan il-kuntest, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo,C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Profi Credit Bulgaria (Servizzi anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu), C‑714/22, EU:C:2024:263, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
F’dan il-każ, il-klawżoli kuntrattwali li jinsabu fl-addendum inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew stabbiliti minn qabel minn Raiffeisen Bank u r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kellux il-possibbiltà li jinnegozja l-klawżoli jew li jkollu xi influwenza fuq il-kontenut tagħhom. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ġurisprudenza nazzjonali dominanti tqis li l-klawżoli kuntrattwali inklużi f’addendums implimentati minn bejjiegħa jew minn fornituri abbażi tal-OUG Nru 50/2010 ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżami tan-natura eventwalment inġusta tagħhom, anki jekk dawn il-klawżoli ma jkunux ġew innegozjati mal-konsumatur. |
|
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-emendi magħmula minn bejjiegħ jew minn fornitur għall-klawżoli ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum sabiex tiġi żgurata l-konformità ta’ dan il-kuntratt ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jħalli marġni ta’ evalwazzjoni lil bejjiegħ jew lil fornitur, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżami tal-eventwali natura inġusta tagħhom, anki jekk dawn il-klawżoli ma jkunux ġew innegozjati mal-konsumatur. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, hija biss klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li ma jkunx ġie nnegozjat individwalment li tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju tan-natura eventwalment inġusta tagħha. |
|
42 |
L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża barra minn hekk li klawżola dejjem titqies li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment meta tkun ġiet redatta minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma l-konsumatur ikun seta’ influwenza l-kontenut tagħha, li jkun neċessarjament il-każ fil-każ ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel. |
|
43 |
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom tali klawżola ġiet ippreżentata lill-konsumatur sabiex jiġi ddeterminat jekk dan tal-aħħar setax jinfluwenza l-kontenut tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco,C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu diġà ddeċidiet li s-sempliċi firma ta’ kuntratt konkluż minn konsumatur ma’ bejjiegħ jew ma’ fornitur, li jistipula li, permezz tiegħu, dan il-konsumatur jaċċetta l-klawżoli kuntrattwali kollha mfassla minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, ma twassalx għal konfutazzjoni tal-preżunzjoni li tali klawżoli ma kinux innegozjati individwalment (digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Topaz,C‑211/17, EU:C:2019:906, punt 51). |
|
44 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li emenda li ssir fi klawżola dwar ir-rati ta’ interessi li tagħmel parti mill-politika ġenerali tan-negozjar mill-ġdid tal-kuntratti ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli sabiex din il-klawżola ssir konformi ma’ deċiżjoni ta’ qorti suprema, tista’ tikkostitwixxi indiċi li dan il-konsumatur ma setax jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tal-imsemmija klawżola. Barra minn hekk, il-fatt li l-konsumatur qabel ma qiegħed il-firma tiegħu kiteb li huwa kien fehem il-mekkaniżmu tal-istess klawżola ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li din kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco,C‑452/18, EU:C:2020:536, punti 36 u 38). |
|
45 |
Minn dan jirriżulta li n-natura nnegozjata ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma tistax tkun ibbażata fuq sempliċi preżunzjoni, mingħajr ma jiġi pprovat li l-konsumatur, fir-realtà, seta’ jinnegozja din il-klawżola b’mod konkret u b’hekk ikollu influwenza fuq il-kontenut tagħha. |
|
46 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-emendi magħmula minn bejjiegħ jew minn fornitur għall-klawżoli ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum sabiex tiġi żgurata l-konformità ta’ dan il-kuntratt ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jħalli marġni ta’ evalwazzjoni lil bejjiegħ jew lil fornitur, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżami tal-eventwali natura inġusta tagħhom, anki jekk dawn il-klawżoli ma jkunux ġew innegozjati mal-konsumatur. |
Fuq l‑ispejjeż
|
47 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.