European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/762

11.2.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-kost tan-non-Schengen għas-suq uniku — l-impatt fuq il-Bulgarija u r-Rumanija

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/762)

Relatur:

Mariya MINCHEVA

Konsulenta

Silviya TODOROVA (għar-relatur)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.2.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

7.11.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

4.12.2024

Sessjoni plenarja Nru

592

Riżultat tal-votazzjoni(favur/kontra/astensjonijiet)

142/0/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi data fl-2024 għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri tal-art bejn il-Bulgarija u r-Rumanija u l-Istati Membri l-oħra ta’ Schengen. Il-KESE jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jaħdmu b’mod kollaborattiv lejn dan l-għan, u jiżguraw li l-benefiċċji tas-sħubija f’Schengen jiġu estiżi b’mod ugwali għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

1.2.

Il-Ftehim ta’ Schengen huwa essenzjali għall-moviment liberu tal-persuni, ta’ oġġetti, tas-servizzi u tal-kapital fl-UE, u huwa fattur ewlieni għas-suċċess ekonomiku tal-UE. Il-kompetittività tal-UE saret prijorità politika urġenti, kif enfasizzat fir-rapporti reċenti ta’ Enrico Letta u Mario Draghi. Messaġġ ewlieni ta’ dawn ir-rapporti huwa l-ħtieġa li jkun hemm implimentazzjoni rapida u komprensiva tar-regoli tas-Suq Uniku, flimkien ma’ integrazzjoni ulterjuri.

1.3.

Minkejja l-kisbiet sinifikanti tiegħu, is-suq uniku Ewropew għadu proġett li għadha għaddejja ħidma dwaru. Il-kriżijiet reċenti komplew jesponu l-vulnerabbiltajiet tiegħu għat-tfixkil. Kwalunkwe limitazzjoni fuq il-libertà tal-moviment fi ħdan is-suq uniku, inklużi restrizzjonijiet tekniċi fuq ir-rotot u t-trasport bit-triq, għandha effett negattiv fuq il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tal-UE, u xxekkel ir-realizzazzjoni sħiħa tal-ekonomija soċjali tas-suq kif previst fit-Trattati.

1.4.

Għal snin sħaħ, l-Istati Membri introduċew mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri b’mod temporanju (1). Madankollu, l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet fuq is-suq uniku ma kienx soġġett għal evalwazzjoni. Il-KESE jqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi regolarment data affidabbli dwar l-effetti ekonomiċi u soċjali marbuta direttament mal-introduzzjoni ta’ kontrolli fil-fruntieri fi ħdan iż-żona Schengen, inkluż fir-rigward tal-kompetittività.

1.5.

Mill-31 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill neħħa l-kontrolli fil-fruntieri tal-ajru u tal-baħar fir-rigward tal-Bulgarija u tar-Rumanija. Madankollu, il-kontrolli fil-fruntieri interni tal-art fir-rigward ta’ dawn l-Istati Membri għadhom fis-seħħ, li joħolqu spejjeż ekonomiċi u soċjali bla bżonn għas-suq uniku kollu.

1.6.

Stimi differenti juru li l-kumpaniji li joperaw fil-Bulgarija u r-Rumanija kull sena jħallsu biljuni ta’ euro bħala riżultat ta’ żieda fil-kost tal-loġistika, dewmien li jimpattaw il-kunsinni ta’ oġġetti u tagħmir, u żieda fl-ispejjeż tal-fjuwils u tas-sewwieqa. Dawn l-ispejjeż diretti kollha inevitabbilment jiġu mgħoddija lill-konsumaturi fil-forma ta’ prezzijiet ogħla, u għandhom impatt fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema.

1.7.

Il-kontrolli fil-fruntieri tal-art għandhom impatt ambjentali ċar, minħabba l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi li jkunu qed jistennew biex jaqsmu l-fruntiera. Dawn ifixklu t-turiżmu u jimpedixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema. L-inċertezza u l-ineffiċjenzi assoċjati mal-kontrolli fil-fruntieri tal-art jiskoraġġixxu l-investiment dirett barrani u jagħmlu ħsara lill-klima tal-investiment.

1.8.

In-nuqqas ta’ sħubija f’Schengen min-naħa tal-Bulgarija u r-Rumanija għandu prezz politiku. Is-sħubija fiż-żona Schengen ma għandhiex tintuża bħala forma ta’ kundizzjonalità mhux formali ta’ wara l-adeżjoni mal-UE. Dan l-approċċ joħloq nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej u jqanqal sentimenti Ewroxettiċi.

2.   Sfond tal-Opinjoni

2.1.

Is-suq uniku Ewropew huwa kisba notevoli u wieħed mill-pedamenti tal-integrazzjoni Ewropea. Dan jagħti lin-negozji tal-UE aċċess għal suq domestiku vast ta’ kważi 450 miljun ruħ, jistimula l-kummerċ, il-kompetizzjoni, u t-tkabbir ekonomiku, u jrawwem il-ġid u l-koeżjoni għall-Ewropej kollha. Madankollu, minkejja li diġà ċċelebra t-30 anniversarju tiegħu (2), is-suq uniku għadu proġett li għadha għaddejja ħidma dwaru. Il-Ftehim ta’ Schengen jibqa’ pedament tas-suq uniku tal-UE.

2.2.

Minkejja l-ħtieġa li jiġi approfondit is-suq uniku, madwar 60 % tal-ostakli attwali għall-forniment ta’ servizzi għadhom tal-istess tip għal dawn l-aħħar 20 sena (3), u bħalissa qed ixekklu t-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ekoloġika u diġitali.

2.3.

Kriżijiet reċenti, bħall-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, żvelaw il-vulnerabbiltà tas-suq uniku għat-tfixkil. Biex din tiġi indirizzata, is-suq irid jibqa’ operattiv f’kull ħin, anke matul kriżijiet mhux previsti. Huwa essenzjali li tittieħed azzjoni rapida biex jiġu miġġielda l-fallimenti, inklużi n-nuqqasijiet fil-katina tal-provvista u d-dipendenzi fuq pajjiżi terzi.

2.4.

Mill-2011 (4) , (5), il-Bulgarija u r-Rumanija ssodisfaw il-prerekwiżiti kollha għall-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen f’diversi oqsma (6). Il-Parlament Ewropew adotta tmien riżoluzzjonijiet, bl-aħħar waħda adottata fl-10 ta’ April 2024, li jappellaw għad-dħul rapidu taż-żewġ pajjiżi f’Schengen. Il-KESE adotta wkoll riżoluzzjoni (7) fl-14 ta’ Diċembru 2023, li tiddikjara li m’għandux ikun hemm kundizzjonijiet addizzjonali għall-Bulgarija u r-Rumanija lil hinn mit-Trattati u r-regolamenti eżistenti.

2.5.

Fl-2023, il-Kunsill neħħa l-kontrolli fil-fruntieri interni tal-ajru u tal-baħar fir-rigward tal-Bulgarija u tar-Rumanija li daħlu fis-seħħ fil-31 ta’ Marzu 2024. Il-kontrolli fil-fruntieri interni tal-art inżammu mingħajr data stabbilita għat-tneħħija tagħhom.

2.6.

Fir-rapport tiegħu dwar il-futur tas-suq uniku, Enrico Letta jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jopponu bil-qawwa kwalunkwe tentattiv biex tiġi limitata l-libertà tal-moviment bejn l-Istati Membri, inklużi restrizzjonijiet tekniċi fuq ir-rotot u t-trasport bit-triq, u kwalunkwe sospensjoni tal-Ftehim ta’ Schengen. Ir-rapport jiddikjara b’mod ċar li fl-2024 trid tiġi stabbilita data għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni tal-art bejn il-Bulgarija, ir-Rumanija u pajjiżi oħra ta’ Schengen  (8). L-istess messaġġ twassal mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, meta ppreżentat il-linji gwida politiċi tagħha għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2024-2029 lill-Parlament Ewropew.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Id-deċiżjoni li jinżammu l-kontrolli fil-fruntieri tal-art bejn il-Bularija u r-Rumanija, min-naħa, u l-Istati Membri l-oħra tal-UE, min-naħa l-oħra, twassal għal kostijiet sinifikanti u toħloq ostaklu addizzjonali de facto li jipprevjeni lill-kumpaniji milli jisfruttaw il-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku. L-impatt fuq il-koeżjoni reġjonali, ekonomika u soċjali jenfasizza l-implikazzjonijiet usa’ għall-unità u l-istabbiltà tal-UE. Billi tieħu passi attivi lejn l-integrazzjoni sħiħa tal-Bulgarija u r-Rumanija fiż-żona Schengen, l-UE tista’ ssaħħaħ il-koeżjoni interna tagħha, issaħħaħ il-kompetittività tagħha, u tirrispetta l-prinċipji fundamentali tal-moviment liberu u s-solidarjetà li jirfdu l-proġett Ewropew.

3.2.

Il-KESE jinnota li l-Ewropa tal-Lvant, inklużi l-Bulgarija u r-Rumanija, għandhom rwol kruċjali f’termini ta’ sigurtà u ktajjen tal-provvista, fosthom fir-rigward tal-għajnuna lill-Ukrajna. Il-KESE jinsab lest li jappoġġja dawn l-isforzi u jħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha biex jipprijoritizzaw ir-riżoluzzjoni rapida u effettiva ta’ din il-kwistjoni.

3.3.

Il-KESE jinnota wkoll li hemm analiżijiet u data limitati disponibbli dwar l-effetti ekonomiċi tan-non-Schengen fuq is-suq uniku. Hemm studju wieħed biss, ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew fl-2016, li l-għan tiegħu kien li jivvaluta l-impatt tal-istabbiliment mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri fiż-żona Schengen, aktar milli jivvaluta l-effett li l-Istati Membri jinżammu barra miż-żona Schengen.

3.4.

Il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-ostakli fiżiċi għall-kummerċ (9), iżda dan ikopri biss avvenimenti bħal imblokki fil-fruntieri, dimostrazzjonijiet u attakki fuq it-trakkijiet. L-effetti tal-kontrolli fil-fruntieri tal-art, inkluża l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri mill-Istati Membri ta’ Schengen, mhumiex ikkunsidrati.

3.5.

Fil-kuntest tal-proċess tat-tkabbir tal-UE, qed jitfaċċaw diskussjonijiet dwar lakuni eżistenti fir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-pajjiżi kandidati, meta mqabbla mal-possibbiltà ta’ sħubija fis-suq uniku tal-UE (10). Il-konverġenza ekonomika mal-UE għadha insuffiċjenti fil-każ tal-Bulgarija u r-Rumanija, u l-kontrolli fil-fruntieri jaffettwaw dan il-proċess b’mod negattiv. L-użu tal-adeżjoni maż-żona Schengen bħala forma ta’ kundizzjonalità mhux formali u ta’ wara l-adeżjoni mal-UE (11) joħloq nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej u jixpruna sentimenti Ewroxettiċi (12).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Studju dettaljat tal-Istitut tar-Riċerka Ekonomika tal-Akkademja Bulgara tax-Xjenza (ERI) juri li l-effett negattiv medju annwali fuq l-ekonomija Bulgara minħabba l-adeżjoni parzjali tal-pajjiż fiż-żona Schengen huwa ta’ telf annwali ta’ aktar minn EUR 834 miljun (13) , inklużi l-effetti diretti, indiretti u ambjentali. Dawn jinkludu l-kostijiet tal-merkanzija ttrasportata, trasport tal-merkanzija bit-triq u telf minn opportunitajiet mitlufa biex jiġi ġġenerat dħul alternattiv għal trasport tal-merkanzija bit-triq; l-effett totali ambjentali minħabba il-ħin żejjed ta’ stennija fil-fruntieri fi prezz medju ta’ skambju għal kull tunnellata ta’ tniġġis ta’ CO2 emess; telf minħabba l-opportunitajiet mitlufa biex jiġi ġġenerat dħul addizzjonali; u telf totali minħabba l-potenzjal mitluf ta’ dħul għall-baġit tal-Istat mit-taxxi dovuti. M’hemm l-ebda ċifri kompatibbli għar-Rumanija; madankollu, l-istimi (14) juru li d-dewmien fil-fruntieri tal-art ifissru spiża ta’ EUR 90 miljun għall-operaturi tat-trasport, b’EUR 2,32 biljun addizzjonali ta’ dħul addizzjonali mitluf. Dawn l-ispejjeż jirriżultaw fi tnaqqis fil-kompetittività tan-negozji u tal-ekonomiji.

4.2.

Hemm użu varjat ta’ modi ta’ trasport tal-merkanzija fi Stati Membri differenti, li għandhom jiġu kkunsidrati meta jitkejlu l-effetti tal-kontrolli fil-fruntieri tal-art. Pereżempju, il-Greċja hija fost it-tliet Stati Membri bl-ogħla sehem ta’ trasport marittimu tal-merkanzija (96,4 %), waqt li r-Rumanija hija fost it-tliet Stati Membri bl-aktar sehem baxx ta’ trasport marittimu tal-merkanzija (16,0 %) (15). Fl-istess ħin, il-volum tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-UE żdied b’22 % mill-2013 sal-2022. It-trakkijiet ikomplu jiffurmaw is-sinsla tal-ktajjen tal-provvista, u jittrasportaw 77 % tal-merkanzija interna (bit-triq, bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma) fl-UE (16).

4.3.

Il-fruntiera bejn l-Ungerija u r-Rumanija sservi bħala punt ta’aċċess kruċjali għas-suq ewlieni tal-UE, billi effettivament tassorbi t-traffiku mir-rotot u l-ktajjen ta’ konsenja li jgħaddu mill-Greċja, il-Bulgarija u r-Rumanija. Il-pajjiżi tal-UE huma l-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħhom, bl-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-merkanzija ta’ 71 % u 72 % rispettivament għar-Rumanija, 69 % u 77 % għall-Ungerija u 55 % u 63 % għall-Bulgarija (17).

4.4.

Id-dewmien u l-kjuwijiet tal-karozzi tal-passiġġieri u tat-trakkijiet li jaqsmu l-fruntieri tal-art bejn il-Bulgarija u r-Rumanija u r-Rumanija u l-Ungerija jvarjaw skont l-istaġun, iżda bħala medja huma ta’ minimu ta’ 20 minuta u aktar minn 200 minuta, xi drabi jdumu saħansitra aktar minn 5 ijiem (18). It-tul tal-kjuwijiet tat-trakkijiet tal-merkanzija xi drabi jista’ jkun aktar minn 30 km f’punti speċifiċi ta’ kontroll fil-fruntiera tal-art. Kjuwijiet twal fil-fruntieri jistgħu jwasslu biex jitħassru l-prodotti li jitħassru malajr (li jaffettwaw b’mod negattiv is-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel), li jirriżultaw f’telf finanzjarju kemm għall-esportaturi kif ukoll għall-importaturi. Minbarra l-kostijiet marbuta mad-dewmien tat-trakkijiet fil-fruntieri, il-kostijiet u t-telf marbuta mal-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali huma rrapportati wkoll, peress li t-tagħmir meħtieġ ma jistax jiġi ttrasportat fi żmien debitu. It-tkabbir tal-kummerċ elettroniku huwa affettwat b’mod negattiv ukoll, peress li minkejja li l-kummerċ jista’ jsir online, il-konsenji jsiru bil-mod tradizzjonali.

4.5.

Studji dettaljati jindikaw li l-kumpaniji tat-trasport li joperaw fil-Bulgarija u r-Rumanija jiffaċċjaw kostijiet addizzjonali li jvarjaw minn 5 % sa 20 % minħabba dewmien fil-fruntieri (19). Dan jinkludi l-ispejjeż tal-fjuwil, il-pagi tas-sewwieqa, u l-manutenzjoni tal-vetturi. Dawn il-kostijiet fl-aħħar mill-aħħar jiġu mgħoddija lill-konsumaturi, u dan jikkontribwixxi għal prezzijiet ogħla għall-oġġetti (20). Fil-każ tal-Bulgarija, il-kostijiet jammontaw sa EUR 432 miljun f’telf għat-trasport tal-merkanzija, li jiżdied għal EUR 711 miljun meta jitqiesu l-effetti potenzjali. Fil-każ tar-Rumanija, huwa ta’ aktar minn EUR 2,5 biljun, skont l-istimi tal-UNTRR.

4.6.

Il-kontrolli kontinwi fil-fruntieri għandhom impatt ambjentali negattiv, minħabba l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi li jkunu qed jistennew li jaqsmu l-fruntiera fejn il-magni tagħhom jibqgħu mixgħulin waqt il-kontrolli. Skont ipoteżi u stimi konservattivi (21), l-emissjonijiet annwali tal-karbonju fil-fruntiera li jirriżultaw mill-kontrolli fil-fruntieri li għadhom fis-seħħ fil-fruntieri bejn l-Ungerija u r-Rumanija, ir-Rumanija u l-Bulgarija, u l-Bulgarija u l-Greċja jammontaw għal aktar minn 46 elf tCO2/year. Dan huwa ekwivalenti għall-emissjonijiet annwali mill-konsum tal-elettriku ta’ madwar 28 000 unità domestika tal-UE (22).

4.7.

L-inċertezza u l-ineffiċjenzi assoċjati mal-kontrolli fil-fruntieri jiskoraġġixxu l-investiment dirett barrani u jagħmlu ħsara lill-klima tal-investiment. L-investituri jfittxu ambjenti stabbli u prevedibbli, u r-riskju perċepit ta’ dewmien u żieda fl-ispejjeż operazzjonali spiss jidderieġu mill-ġdid l-investiment lejn pajjiżi oħra ta’ Schengen. Dan il-fenomenu jaggrava d-disparitajiet ekonomiċi bejn il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Punent.

4.8.

Skont is-sejbiet fl-istudju mwettaq mill-Parlament Ewropew fl-2016 (23), sħubija mhux fiż-żona Schengen tista’ taffettwa l-aspettattivi tas-suq dwar l-istatus ta’ dawn il-pajjiżi fl-UE u fiż-żona tal-euro (għalkemm il-Bulgarija u r-Rumanija għadhom iridu jadottaw l-euro). Huwa sinjal politiku li pajjiż mhuwiex parti mill-“qalba” tal-UE, u jista’ jkollu effett fuq ir-rendiment tal-bonds tal-gvern, il-prezz tal-assi finanzjarji, u r-rati tal-imgħax li jiffaċċjaw il-kumpaniji u l-unitajiet domestiċi, kif ukoll potenzjalment ikollu impatt negattiv fuq l-ekonomija reali.

4.9.

Ħinijiet ta’ stennija twal fil-fruntieri tal-art jistgħu jiksru b’mod sinifikanti d-drittijiet tal-bniedem u jaggravaw l-inugwaljanzi. L-individwi jistgħu jiffaċċjaw dewmien, stress u riskji għas-saħħa bla bżonn, irrispettivament min-nazzjonalità jew miċ-ċirkostanzi tagħhom. Dawn l-ostakli jfixklu l-moviment liberu tal-persuni, u jħallu impatt fuq il-kummerċ, l-edukazzjoni, u r-riunifikazzjoni tal-familja, u għandhom impatt sinifikanti fuq is-saħħa mentali u fiżika tal-ħaddiema, speċjalment is-sewwieqa. L-implimentazzjoni ta’ sistemi effiċjenti ta’ ġestjoni tal-fruntieri u r-rispett tal-prinċipji tal-ugwaljanza huma kruċjali biex jiġi żgurat li dawn id-drittijiet fundamentali jiġu protetti u li l-individwi kollha jiġu ttrattati b’dinjità u rispett, irrispettivament mill-isfond tagħhom.

4.10.

Kontrolli fit-tul fil-fruntieri bejn il-Bulgarija u r-Rumanija, u l-pajjiżi ġirien tagħhom taż-żona Schengen, bħall-Greċja u l-Ungerija, joħolqu restrizzjonijiet sinifikanti ta’ żmien għall-vjaġġaturi u jaffettwaw b’mod negattiv lis-settur tat-trasport (24). Dan ifixkel it-turiżmu, settur vitali għaż-żewġ pajjiżi, u jfixkel l-ekonomiji tal-UE u l-iżvilupp reġjonali. Ir-riċerka tal-ERI tissuġġerixxi li l-Bulgarija biss titlef aktar minn EUR 62 miljun fis-sena fi dħul mit-turiżmu.

4.11.

L-istatus mhux fiż-żona Schengen jimpedixxi l-moviment liberu tal-ħaddiema, u jillimita l-opportunitajiet għall-ħaddiema mill-Bulgarija u mir-Rumanija biex ifittxu impjieg fl-Istati Membri tal-UE ġirien tagħhom. Din il-limitazzjoni taffettwa l-industriji tal-kostruzzjoni, tal-agrikoltura u tas-servizzi, li jiddependu ħafna fuq il-ħaddiema staġjonali u temporanji (25).

4.12.

Hemm data statistika limitata dwar l-impjiegi, l-intraprenditorija, u l-opportunitajiet vokazzjonali li jinvolvu l-mobbiltà transfruntiera fl-UE, li tippermetti valutazzjoni tal-impatt tal-kontrolli fil-fruntieri tal-art fir-rigward tal-Bulgarija, tar-Rumanija, tal-Ungerija u tal-Greċja. Madankollu, jista’ jiġi dedott impatt negattiv, minħabba li l-mobbiltà tal-ħaddiema hija affettwata mid-disponibbiltà tal-għażliet ta’ trasport.

4.13.

Mobbiltà akbar tal-forza tax-xogħol hija assoċjata ma’ produttività u output ekonomiku ogħla. Ċittadini mobbli fl-età tax-xogħol (20-64 sena) mir-Rumanija u mill-Bulgarija (26) bħala perċentwal tal-popolazzjoni residenti ta’ pajjiżhom qed tkompli tikber (ir-Rumanija: minn 11,5 % fl-2010 għal 18,6 % fl-2020 – l-ogħla fl-UE; il-Bulgarija: minn 6 % fl-2010 għal 10,3 % fl-2020 – ir-raba’ l-ogħla fl-UE). It-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri tal-art se tiffaċilita d-disponibbiltà tal-għażliet tat-trasport u żżid l-opportunitajiet għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol transfruntiera, u b’hekk tagħti spinta wkoll lill-opportunitajiet għal produttività u output ekonomiku ogħla fir-reġjuni transfruntiera rilevanti.

4.14.

Paradossalment, fir-rigward tat-tħassib dwar is-sigurtà, id-dħul parzjali tal-Bulgarija u tar-Rumanija fiż-żona Schengen idgħajjef aktar milli jsaħħaħ is-sigurtà tal-UE. Il-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni hija responsabbiltà kondiviża, u l-integrazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi f’Schengen tista’ ssaħħaħ il-miżuri ta’ sigurtà ġenerali permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa u kondiviżjoni tar-riżorsi. Barra minn hekk, in-nefqiet marbuta mas-sostenn u ż-żamma tal-infrastruttura tas-sigurtà tal-fruntieri, fosthom il-forzi tal-pulizija bejn il-Bulgarija u r-Rumanija, il-Bulgarija u l-Greċja, u r-Rumanija u l-Ungerija jistgħu jiġu diretti mill-ġdid biex tissaħħaħ il-fruntiera esterna tal-UE.

Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2024

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   https://home-affairs.ec.europa.eu/policies/schengen-borders-and-visa/schengen-area/temporary-reintroduction-border-control_en?prefLang=mt;

https://home-affairs.ec.europa.eu/document/download/11934a69-6a45-4842-af94-18400fd274b7_en?filename=Full%20list%20of%20MS%20notifications_en.pdf.

(2)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52023DC0162.

(3)  BusinessEurope – Examples of single market barriers for businesses - 2023 – https://www.businesseurope.eu/publications/examples-single-market-barriers-businesses-2023 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)   ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 160.

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Nagħmlu ż-Żona Schengen aktar b’saħħitha bis-sehem sħiħ tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja fl-ispazju mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, COM(2022) 636 final.

(6)   Bulgaria and Romania fact-finding mission report_en.pdf (Rapport tal-missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni fil-Bulgarija u r-Rumanija – mhux disponibbli bil-Malti); https://home-affairs.ec.europa.eu/document/download/634c9fb4-9860-472b-9d1b-09762a782ab4_en?filename=Report%20fact-finding%20mission%20to%20Bulgaria_en.pdf.

(7)  Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-appoġġ tal-KESE għall-adeżjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija maż-żona Schengen”, 14 ta’ Diċembru 2023 (ĠU C, C/2024/1563, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1563/oj).

(8)   https://www.consilium.europa.eu/media/ny3j24sm/much-more-than-a-market-report-by-enrico-letta.pdf.

(9)   https://single-market-economy.ec.europa.eu/single-market/barriers-trade/physical-barriers-trade_en.

(10)  The impact on the European Union of Ukraine’s potential future accession, Rapport ta’ Bruegel, 11 ta’ April 2024, https://www.bruegel.org/system/files/2024-04/Report%2002.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  The impact on the European Union of Ukraine’s potential future accession, Rapport ta’ Bruegel, 11 ta’ April 2024, https://www.bruegel.org/system/files/2024-04/Report%2002.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Stħarriġ tal-opinjoni pubblika fir-Rumainja jiżvela li ’l fuq minn 60 % taċ-ċittadini jħossu li l-esklużjoni tagħhom miż-żona Schengen ifisser status tat-tieni klassi fl-UE. Riċerka INSCOP, Sondaj de opinie național – aprilie 2024 Partea a V-a: Opinia românilor despre aderarea parțială la spațiul Schengen – https://www.inscop.ro/aprilie-2024-sondaj-de-opinie-inscop-research-realizat-la-comanda-news-ro-partea-a-v-a-opinia-romanilor-despre-aderarea-partiala-la-spatiul-schengen/ u https://www.inscop.ro/wp-content/uploads/2024/04/26.04.24-Sondaj-INSCOP-NEWS-Partea-a-V-a-Schengen.pdf (Stħarriġ tal-Opinjoni Nazzjonali – April 2024 Parti V: Opinjoni tar-Rumeni dwar l-adeżjoni parzjali fiż-żona Schengen – mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Bobeva, D., Nestorov, N., Pavlov, A., Stoilov, S. (2024). Evaluation of the Economic Impact of a Country`s Accession to the Schengen Area – the Case of Bulgaria. Economic Thought Journal, 69 (2), 139-163. https://doi.org/10.56497/etj2469201 (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)   https://www.iru.org/resources/iru-library/call-address-excessive-truck-waiting-times-internal-and-external-eu-borders.

(15)  Eurostat, (tran_hv_ms_frmod).

(16)   https://www.iru.org/news-resources/newsroom/who-driving-what-and-where-eu-road-freight-trends.

(17)  WTO Trade Profiles 2023, https://www.wto.org/english/res_e/publications_e/trade_profiles23_e.htm.

(18)  Informazzjoni mill-Kamra Nazzjonali tat-Trasport tal-Bulgarija, u l-Ministeri għall-Affarijiet Interni tar-Rumanija u tal-Bulgarija.

(19)  Studju ta’ UNTRR, Road Transport Market in Romania, 2018-2030 (Is-suq tat-trasport bit-triq fir-Rumanija, 2018-2030), April 2024 – https://piata-transporturilor.ro/?page_id=160 (mhux disponibbli bil-Malti).

(20)  Organizzazzjoni Dinjija tat-Trasport bit-Triq – Jannar 2024 – “ This directly cost transport operators €90 million, with an additional €2.32 billion in lost annual revenues.” (mhux disponibbli bil-Malti). - https://www.iru.org/resources/iru-library/call-address-excessive-truck-waiting-times-internal-and-external-eu-borders.

(21)   The Unnecessary Burden, riċerka tal-KPMG, Marzu 2023, https://assets.kpmg.com/content/dam/kpmg/ro/pdf/2023/Schengen_border_CO2-emissions-impact.pdf.

(22)  Kalkoli tal-awtur, Eurostat data: lfst_hhnhtych u EU energy in figures – statistical pocketbook 2023.

(23)   The cost of non-Schengen – impact of border controls within Schengen area on the single market, (Il-kost tan-non-Schengen – L-impatt tal-kontrolli fil-fruntieri fi ħdan iż-żona Schengen fuq is-suq uniku), Mejju 2016, https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/578974/IPOL_STU(2016)578974_EN.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(24)  Il-vjaġġi turistiċi organizzati jsiru prinċipalment bix-xarabank.

(25)  Il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol tinvolvi dinamika kumplessa lil hinn mis-sħubija f’Schengen, fosthom l-ostakli lingwistiċi, id-disponibbiltà tal-impjiegi, u l-integrazzjoni soċjali. Filwaqt li l-integrazzjoni f’Schengen x’aktarx li ttejjeb il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, l-attribuzzjoni ta’ tnaqqis speċifiku perċentwali speċifikament għal status mhux fiż-żona Schengen teħtieġ riċerka aktar immirata.

(26)  Eurostat (lfst_lmbpcita and demo_pjangroup).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/762/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)