Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU III - POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI - KAPITOLU III - POLITIKA F'OQSMA OĦRA - Sezzjoni 10 - Enerġija - Artikolu III-256
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0112 - 0112
Artikolu III-256 1. Fil-kwadru ta' l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi ppreservat u mtejjeb l-ambjent, il-politika ta' l-Unjoni dwar l-enerġija għandha timmira biex: a) tassigura l-funzjonament tas-suq ta' l-enerġija, b) tassigura s-sigurtà ta' provvista ta' l-energija fl-Unjoni, u ċ) tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu ta' l-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija ġodda u li jiġġeddu. 2. Bla preġudizzju għall-applikazzjoni ta' disposizzjonijiet oħra tal-Kostituzzjoni, liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-paragrafu 1. Għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali. Din il-liġi jew liġi kwadru Ewropea m'għandhiex tolqot id-dritt ta' Stat Membru li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu, bla preġudizzju għall-Artikolu III-234(2)(ċ). 3. B'deroga mill-paragrafu 2, liġi jew liġi kwadru Ewropea tal-Kunsill għandha tistabbilixxi l-miżuri li huma previsti fih meta jkunu primarjament ta' natura fiskali. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew. --------------------------------------------------