European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6824

29.11.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2024

dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Ungerija

(C/2024/6824)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. L-Ungerija żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)

Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati.

(4)

Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih identifikat lill-Ungerija bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024.

(5)

Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar it-tħaffif u l-kjarifika tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra.

(6)

Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)

Fil-11 ta' Mejju 2021, l-Ungerija ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fil-15 ta' Diċembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ungerija (9), li ġiet emendata fit-8 ta' Diċembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Ungerija tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill.

(8)

Fit-30 ta' April 2024, l-Ungerija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 tagħha u l-Programm ta' Konverġenza tal-2024 tagħha, f'konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (11). F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Ungerija dwar il-progress li sar fit-twettiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

(9)

Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Ungerija. Dan ivvaluta l-progress tal-Ungerija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u evalwa l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Ungerija. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Ungerija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Ungerija. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni mill-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Ungerija għall-finijiet ta' dak ir-Regolament ġew ippubblikati f'April 2024. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, l-Ungerija qed tiffaċċa vulnerabbiltajiet relatati mal-pressjonijiet fuq il-prezzijiet u l-ħtiġijiet esterni u ta' finanzjament tal-gvern, li għadhom rilevanti, għalkemm ambjent estern li qed jitjieb taffa xi riskji fuq terminu qasir. Id-defiċit kbir fil-kont kurrenti għalaq fl-2023 hekk kif id-domanda domestika naqset fost reċessjoni fl-Ungerija, u minħabba prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi. Flimkien ma' politika monetarja aktar stretta, dawk il-fatturi għenu biex titnaqqas ir-rata għolja ħafna ta' inflazzjoni. Madankollu, l-inflazzjoni bażi baqgħet fost l-ogħla fl-Unjoni, u l-kostijiet ta' unità lavorattiva komplew jiżdiedu bil-qawwa u ħolqu pressjoni fuq il-kompetittività. Il-kont kurrenti huwa mistenni li jerġa' lura għal defiċit żgħir fl-2024 hekk kif tirkupra d-domanda domestika, filwaqt li l-ekonomija u l-finanzjament estern tagħha għadhom esposti għal żviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija u l-primjums tar-riskju. Iż-żieda fil-prezzijiet tad-djar battiet u l-valutazzjoni żejda naqset fl-2023 fl-isfond ta' rati tal-imgħax ogħla. Id-defiċit baġitarju kbir jippersisti minħabba politiki espansjonarji fi snin preċedenti u tkabbir aktar dgħajjef milli mistenni fl-2023. Id-defiċit huwa mbassar li jonqos xi ftit, iżda li jibqa' sinifikanti u jkompli jikkontribwixxi għall-inflazzjoni u jżid mal-ħtiġijiet ta' self estern. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG u l-piż tal-imgħax huma mistennija li jibqgħu għoljin. Il-progress tal-politika kien limitat fl-oqsma kollha, b'mod partikolari dawk fiskali u strutturali, u kkontribwixxa għall-persistenza tal-vulnerabbiltajiet identifikati. Aġġustament fiskali jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inflazzjoni bażi u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna kif ukoll għat-trażżin taż-żidiet fid-dejn tal-gvern; it-tnedija ta' proċedura ta' defiċit eċċessiv għandha tirfed dan l-aġġustament. L-implimentazzjoni f'waqtha u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija mistennija li tgħin biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet, li jissaħħu bit-tneħħija gradwali ta' interventi distorsivi fis-swieq u b'riformi li jappoġġaw il-konsolidazzjoni fiskali.

(11)

Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Ungerija żdied minn 6,2 % tal-PDG fl-2022 għal 6,7 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 74,1 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 73,5 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2023 intitolata “Gwida tal-politika fiskali għall-2024”, il-Kummissjoni qiegħda tieħu l-ewwel pass biex tiftaħ proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżiti għall-2023, f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tal-Ungerija, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha eċċeda l-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li, fid-dawl ta' dik il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fformulata skont l-Artikolu 126(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi f'Lulju 2024 li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Ungerija, billi tipproponi li l-Kunsill jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat li tistabbilixxi l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fl-Ungerija.

(12)

Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (12) li l-Ungerija tieħu azzjoni biex fl-2023 tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma' pożizzjoni ta' politika fiskali newtrali ġenerali, filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-Kunsill irrakkomanda li l-Ungerija għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Irrakkomanda wkoll li l-Ungerija għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (13) kienet restrittiva, fil-livell ta' 4,7 % tal-PDG, f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 1,7 % tal-PDG. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li dan kien fil-biċċa l-kbira mmotivat mil-livell għoli ħafna ta' nefqa netta fl-2022 meta mqabbel mal-2023, inkluż nefqa mhux immirata f'diversi oqsma, li kkontribwiet għal żbilanċi makroekonomiċi, iffinanzjata minn taxxi fuq profitti mhux mistennija u settorjali imposti fuq kumpaniji prinċipalment fis-setturi tal-enerġija, tal-finanzi u tal-bejgħ bl-imnut. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 4,6 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta' 0,2 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. L-Ungerija ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, bħat-titjib fl-effiċjenza enerġetika u d-diġitalizzazzjoni fil-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni. L-Ungerija għadha ma ppreżentatx talba għall-pagament fl-ambitu tal-Faċilità.

(13)

Fil-Programm ta' Konverġenza tal-2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta li l-PDG reali ser jikber bi 2,5 % fl-2024 u 4,1 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta inflazzjoni mkejla mill-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ta' 4,2 % fl-2024 u 3,6 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 4,5 % tal-PDG fl-2024 u jkun f'livell ta' 3,7 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 73,2 % sa tmiem l-2024 u 72,1 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos gradwalment għal 2,9 % tal-PDG fl-2026, għal 2,4 % fl-2027, u għal 1,9 % fl-2028. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fl-2026. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jonqos gradwalment għal 68,8 % fl-2026, għal 66,0 % fl-2027 u għal 62,8 % fl-2028.

(14)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali ser jikber bi 2,4 % fl-2024 u 3,5 % fl-2025, u l-inflazzjoni mkejla mill-HICP ser tkun ta' 4,1 % fl-2024 u 3,7 % fl-2025.

(15)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 5,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 74,3 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment irkupru gradwali tad-dħul mit-taxxa, infiq aktar baxx fuq sussidji lil kumpaniji tal-utilitajiet għat-telf imġarrab minħabba limiti massimi fuq il-prezzijiet tal-enerġija residenzjali, u tnaqqis fl-investimenti pubbliċi. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG hija mmotivata minn defiċit nominali għoli, tkabbir tal-PDG nominali aktar baxx, u tranżazzjonijiet addizzjonali li jżidu d-dejn, bħall-akkwiżizzjoni mistennija tal-ajruport ta' Budapest minn entitajiet ikklassifikati fis-settur tal-gvern estiż u l-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji appoġġati mis-self tar-REPowerEU. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun restrittiva b'1,0 % tal-PDG fl-2024.

(16)

In-nefqa li tammonta għal 0,8 % tal-PDG mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,3 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tal-Ungerija. In-nefqa li tammonta għal 0,4 % tal-PDG hija mistennija li tiġi appoġġata minn self mill-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,0 % tal-PDG fl-2023.

(17)

Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (14) li l-Ungerija tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (15) fl-2024 għal mhux aktar minn 4,4 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-baġits tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Ungerija hija pprojettata li tiżdied bi 3,6 % fl-2024, li hija taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Madankollu, in-nefqa netta fl-2023 kienet ogħla milli mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni (b'1,8 % tal-PDG). Kieku n-nefqa netta fl-2023 kienet l-istess bħal dik mistennija fi żmien ir-rakkomandazzjoni, ir-rata ta' tkabbir tan-nefqa netta li tirriżulta fl-2024 kienet tkun ogħla mir-rata ta' tkabbir rakkomandata b'1,5 % tal-PDG. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, meta jitqies l-effett bażi li jirriżulta minn nefqa netta ogħla milli mistenni fl-2023, hemm riskju li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali ma tkunx tikkonforma kompletament ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(18)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Ungerija tieħu azzjoni biex tnaqqas b'mod gradwali l-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, l-Ungerija tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (16) tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 1,6 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 0,9 % fl-2024 u 0,4 % fl-2025. B'mod partikolari, is-sussidji lill-kumpaniji tal-utilitajiet għat-telf imġarrab minħabba limiti massimi fuq il-prezzijiet tal-enerġija residenzjali huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 u fl-2025. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawk il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta' 0,6 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 1,9 % tal-PDG f'dik is-sena. Skont il-Kummissjoni, il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija mhumiex ipprojettati li jiġu eliminati gradwalment malajr kemm jista' jkun fl-2023 u l-2024. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Madankollu, it-tfaddil relatat huwa pprojettat li jintuża kollu biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal 0,0 % tal-PDG fl-2024 (0,1 % fl-2023), li minnu 0,0 % tal-PDG jippreserva s-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika (0,1 % fl-2023).

(19)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Ungerija tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jonqos minn 4,6 % tal-PDG fl-2023 għal 4,0 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa dovut l-aktar għat-tnaqqis u l-posponimenti fi proġetti ta' investiment iffinanzjati fil-livell nazzjonali mħabbra mill-awtoritajiet fid-dawl tad-defiċits għoljin ipprojettati. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija li tiżdied minn 0,8 % tal-PDG fl-2023 għal 1,7 % tal-PDG fl-2024. Din iż-żieda hija dovuta għal żieda pprojettata fl-assorbiment tal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni mill-perjodu ta' programmazzjoni 2020-2027 u nefqa ogħla fuq l-investimenti appoġġati mill-Faċilità.

(20)

Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 4,5 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment taxxa ogħla fuq il-valur miżjud u dħul ogħla mit-taxxa fuq l-introjtu personali appoġġati minn tkabbir aktar b'saħħtu, tnaqqis ulterjuri fis-sussidji lill-kumpaniji tal-utilitajiet għat-telf imġarrab minħabba limiti massimi fuq il-prezzijiet tal-enerġija residenzjali, u nefqa tal-imgħax aktar baxxa minħabba tnaqqis fil-pagamenti ta' kupuni fuq il-bonds bl-imnut marbuta mal-inflazzjoni. Fl-istess ħin, it-tneħħija gradwali ppjanata tat-taxxi temporanji fuq il-profitti mhux mistennija u t-taxxi settorjali imposti mill-2022, f'konformità mal-klawsoli ta' estinzjoni tagħhom, hija mistennija li jkollha impatt li jżid id-dejn. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos kemxejn għal 73,8 % sa tmiem l-2025. Jenħtieġ li l-politika fiskali prudenti tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inflazzjoni bażi, li hija ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni, u tista' twassal għal telf fil-kompetittività jekk tippersisti, u jeħtieġ ukoll li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna.

(21)

Dgħufijiet fl-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-baġit żiedu l-preġudizzju espansjonarju tal-politika fiskali u komplew iżidu l-isfidi makroekonomiċi attwali. L-adozzjoni bikrija ħafna tal-baġits annwali bejn l-2016 u l-2023 naqqset l-affidabbiltà tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju. Diversi regoli ta' flessibbiltà baġitarja u riżervi baġitarji kbar ippermettew infiq diskrezzjonali ogħla. Deċiżjonijiet ad hoc dwar in-nefqa ttieħdu ħafna drabi fi tmiem is-sena tal-baġit jew ġew promulgati b'digrieti tal-gvern matul is-sena mingħajr sorveljanza parlamentari u konsultazzjoni pubblika adegwati, li min-naħa tagħhom naqqsu t-trasparenza baġitarja. Il-qafas fiskali nazzjonali ma wassalx għal pożizzjoni fiskali aktar prudenti minħabba nuqqasijiet fit-tfassil tar-regoli fiskali domestiċi, b'mod partikolari regola tad-dejn b'karatteristiċi proċikliċi u l-infurzar dgħajjef tal-ippjanar baġitarju fuq terminu medju, li kompla jitnaqqar mid-dispożizzjonijiet speċjali tar-reġim tal-“istat ta' periklu”. Reviżjonijiet frekwenti u sinifikanti tal-miri fiskali dgħajfu r-rwol tal-baġit bħala ankra għall-parteċipanti fis-suq u xeħtu dubju fuq il-kredibbiltà tal-pjanijiet fiskali fuq terminu medju. Il-bażi tal-ippjanar fiskali fuq terminu medju fuq limiti massimi ta' nfiq pluriennali, kif stipulat fir-regoli fiskali riveduti tal-Unjoni, tista' tgħin biex jiġi indirizzat il-preġudizzju espansjonarju tal-politika fiskali. L-effettività tal-kunsill fiskali nazzjonali fit-tmexxija tad-diskussjonijiet pubbliċi dwar kwistjonijiet fiskali għadha limitata mill-mandat u riżorsi limitati tiegħu.

(22)

F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Ungerija permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Ungerija taċċellera b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti, l-ewwel nett billi ttejjeb malajr il-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(23)

Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), l-Ungerija hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. L-Ungerija għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet soċjali u reġjonali sinifikanti bejn id-distretti l-inqas żviluppati u dawk l-aktar żviluppati tal-pajjiż, kif ukoll bejn iż-żoni urbani u dawk mhux urbani. Huwa kruċjali li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-livell subnazzjonali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. Huwa ta' importanza partikolari li jiġu implimentati rapidament l-investimenti fit-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, inkluż l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali bażiċi, it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji, u l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet ta' bliet intelliġenti, teknoloġiji bbażati fuq in-natura u żero netti u l-ġestjoni tal-ilma, kif ukoll il-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta. Jenħtieġ li l-Ungerija tkompli taħdem ukoll fuq l-iżvilupp territorjali integrat f'żoni funzjonali u fid-distretti l-inqas żviluppati. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni ta' investimenti fl-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar, b'enfasi fuq it-tfal u d-distretti l-aktar fil-bżonn, kif ukoll it-tisħiħ komprensiv tal-ħiliet bażiċi u t-titjib tal-aċċess għal edukazzjoni ġenerali ta' kwalità u tagħlim tul il-ħajja, jibqgħu prijorità. F'dak ir-rigward, ir-riformi strutturali tas-sistema edukattiva, inkluż billi jittejjeb l-aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta' kwalità, kif ukoll azzjonijiet immirati biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-suq tax-xogħol għal gruppi vulnerabbli u biex tinbena l-kapaċità tas-sħab soċjali, jibqgħu kruċjali. Ir-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet pendenti dwar il-kundizzjonijiet abilitanti u r-reġim ġenerali ta' kundizzjonalità hija meħtieġa biex l-Ungerija tagħmel użu sħiħ mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni.

(24)

Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-faqar enerġetiku u l-faqar interġenerazzjonali permezz ta' interventi integrati, b'enfasi fuq id-distretti u l-muniċipalitajiet l-inqas żviluppati, kif ukoll il-ħtieġa għal governanza u differenzjazzjoni msaħħa tal-istrateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti huma oqsma li jistħoqqilhom aktar attenzjoni. L-Ungerija tista' tuża l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), biex tagħti spinta lill-investimenti f'teknoloġiji profondi u diġitali (eż. l-Internet tal-Oġġetti, il-big data u l-intelliġenza artifiċjali), it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi (eż. l-enerġija rinnovabbli u l-enerġija ġeotermali) u l-bijoteknoloġiji (farmaċewtiċi u prodotti mediċi), filwaqt li tinvesti wkoll fil-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa biex tiġi ssodisfata d-domanda għall-ħaddiema f'dawk is-setturi.

(25)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, l-Ungerija qed tiffaċċa diversi sfidi addizzjonali relatati mal-ambjent tan-negozju, il-livelli tal-ħiliet u l-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, l-assistenza soċjali u d-djalogu soċjali, u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi.

(26)

L-ambjent tan-negozju kompla jiddeterjora, primarjament minħabba żieda fl-interventi tal-istat fl-ekonomija u bidliet ad hoc frekwenti fil-qafas regolatorju. L-Ungerija ma għandhiex prestazzjoni tajba f'indikaturi li jkejlu l-kompetittività u l-kwalità regolatorja. L-għadd għoli ta' taxxi żdied fl-2024. F'dawn l-aħħar snin, żdied l-għadd ta' taxxi speċifiċi għas-settur imposti fuq ċerti setturi u ditti. Dawk it-taxxi għandhom it-tendenza li jkunu f'setturi fejn is-sjieda barranija hija għolja (pereżempju, il-bejgħ bl-imnut, is-siment, il-kostruzzjoni u l-materjali taċ-ċeramika), li joħolqu piż sproporzjonat fuq id-ditti kkonċernati u jaffettwaw is-suq uniku. Id-ditti jilmentaw dwar trattament mhux ugwali u arbitrarjetà meta l-awtoritajiet iwettqu spezzjonijiet amministrattivi jew jiddeċiedu dwar permessi. Hemm perċezzjoni ġenerali li diversi interventi mill-Istat jintużaw biex jisfurzaw lis-sidien barranin ibigħu d-ditti tagħhom, li jiffaċilita l-ħolqien ta' pijunieri nazzjonali pubbliċi jew konnessi mal-gvern. Il-gvern qed jiddikjara b'aktar frekwenza li ċerti proġetti ta' investiment huma ta' “importanza strateġika għall-ekonomija nazzjonali” biex iħaffef u jissimplifika l-proċess amministrattiv. Il-kriterji użati mill-gvern mhumiex trasparenti u ma jistgħux jiġu kkontestati fil-qorti. Il-gvern ikompli juża s-setgħa tiegħu biex jeżenta li ċerti tranżazzjonijiet mill-kontroll tal-fużjonijiet. Il-kriterji għal dawk l-eżenzjonijiet mhumiex trasparenti, u ma teżisti l-ebda proċedura formali biex dawn jiġu kkontestati. Il-gvern għadu jagħmel użu estensiv ukoll mill-mandat tiegħu biex joħroġ digrieti ta' emerġenza taħt ir-reġim ta' “stat ta' periklu”. Ħafna minn dawk id-digrieti ma jidhrux relatati mas-sitwazzjoni ta' emerġenza invokata, li jdgħajjef iċ-ċertezza legali u jinterferixxi mal-attività kummerċjali normali.

(27)

Minkejja ċerti inizjattivi rilevanti u rata ġenerali għolja ta' impjieg, xi gruppi żvantaġġati, bħal dawk b'livell baxx ta' edukazzjoni, ir-Rom u l-persuni b'diżabilità, għadhom jiffaċċaw ostakli biex jaċċessaw opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet u biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. L-istess gruppi żvantaġġati għandhom it-tendenza wkoll li jiksbu livell baxx ta' ħiliet bażiċi fl-iskola, jitilqu mill-iskola kmieni, isiru qiegħda jew inattivi u rarament jidħlu fl-edukazzjoni għolja. L-inugwaljanzi għandhom l-għeruq tagħhom fil-mod kif tiġi organizzata s-sistema edukattiva, ikkaratterizzata mill-konċentrazzjoni ta' studenti soċjoekonomikament żvantaġġati f'ċerti skejjel. Bejn l-2014 u l-2022, ġew allokati ammonti sinifikanti ta' fondi tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u għall-implimentazzjoni ta' miżuri attivi tas-suq tax-xogħol. Filwaqt li r-rata ta' impjieg tal-persuni b'livell baxx ta' ħiliet u tar-Rom żdiedet b'mod sinifikanti matul dak il-perjodu, din għadha ħafna aktar baxxa mir-rata ġenerali tal-impjiegi. Id-differenza fl-impjiegi għall-persuni b'diżabilità għadha ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni. Diversi setturi jiffaċċjaw nuqqas ta' ħiliet, li jagħmilha diffiċli għall-Ungerija biex tibdel l-ekonomija tagħha għal mudell ta' tkabbir b'valur miżjud għoli. Is-sehem ta' gradwati terzjarji huwa wieħed mill-aktar baxxi fl-Unjoni, li joħloq sfidi biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għal forza tax-xogħol b'ħiliet għolja. Id-durata qasira tal-benefiċċji tal-qgħad jagħmilha diffiċli għan-nies biex jipparteċipaw fit-taħriġ mill-ġdid u fit-titjib tal-ħiliet u biex isibu impjiegi adattati aħjar għalihom, li jista' jtejjeb il-produttività u l-kompetittività. Filwaqt li kien hemm żieda sinifikanti fl-għadd ta' ħaddiema barranin f'dawn l-aħħar snin, dan jista' ma jkunx biżżejjed biex ilaħħaq mal-ħtiġijiet tas-setturi li qed jiffaċċjaw nuqqas ta' ħiliet u nuqqas ta' ħaddiema.

(28)

F'dawn l-aħħar għaxar snin, l-indikaturi tal-faqar tjiebu b'mod sinifikanti f'konformità maż-żieda fir-rata ta' impjieg. Madankollu, ir-rata ta' deprivazzjoni materjali u soċjali estrema għadha fost l-ogħla fl-Unjoni u marret għall-agħar fost it-tfal, ir-Rom u f'żoni remoti. L-impatt tat-tnaqqis tal-faqar ta' trasferimenti soċjali, filwaqt li għadu komparabbli ma' Stati Membri oħra, naqas f'dawn l-aħħar snin. Minkejja l-ambjent ekonomiku inflazzjonarju għoli, xi benefiċċji soċjali, bħall-introjtu minimu, il-benefiċċju tal-familja u l-benefiċċji tat-taxxa tal-familja, baqgħu nominalment l-istess. L-adegwatezza tal-introjtu minimu u tal-benefiċċji tal-qgħad hija waħda mill-aktar baxxi fl-Unjoni. Il-piż tat-taxxa totali fuq dawk li jaqilgħu pagi baxxi u d-dipendenza fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud huma għoljin, li għandu effett sproporzjonat fuq gruppi b'introjtu baxx fil-kuntest ta' tassazzjoni fuq l-introjtu personali mhux progressiva u b'rata fissa. Is-sehem ta' persuni li jonfqu aktar minn 40 % tal-introjtu tal-unitajiet domestiċi tagħhom fuq il-kostijiet tal-akkomodazzjoni żdied ukoll minħabba l-inflazzjoni, iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-akkomodazzjoni, u n-nuqqas ta' miżuri ta' appoġġ immirati. L-indirizzar ta' dawk l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali 'l fuq, f'konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tal-Kummissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali, li ġie pilotat fl-2024. F'konformità mal-Artikolu 3(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263, is-Semestru Ewropew għandu jinkludi s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi mill-Kummissjoni, fost l-oħrajn permezz ta' qafas biex jiġu identifikati r-riskji għall-konverġenza soċjali.

(29)

Minkejja xi titjib, id-djalogu soċjali għadu dgħajjef u frammentat. Il-forum tripartitiku fis-settur privat, li jinkludi l-gvern, it-trade unions u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi, għandu possibbiltajiet limitati biex jinfluwenza jew ibiddel il-pjanijiet tal-gvern. Djalogu soċjali limitat ipoġġi lill-impjegati f'pożizzjoni żvantaġġata, inkluż fin-negozjar tal-pagi, speċjalment fis-settur pubbliku. L-istabbiliment ta' status ta' impjieg separat għal ċerti gruppi ta' impjegati pubbliċi dgħajjef il-kapaċità tagħhom li jiddefendu l-interessi kollettivi tagħhom. F'xi każijiet, dan wassal biex il-ftehimiet kollettivi jsiru nulli u jkollhom jiġu nnegozjati mill-ġdid. Miżuri bħal-limitazzjoni tad-dritt tal-istrajkjar tal-għalliema jew l-abolizzjoni tan-negozjar kollettiv fis-settur tas-saħħa gradwalment naqqsu d-drittijiet tal-ħaddiema. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-ġbir tat-tariffi tas-sħubija fit-trade unions fis-settur pubbliku tista' tkompli tnaqqar mir-rappreżentattività tat-trade unions. Il-fora rilevanti fis-settur pubbliku kellhom laqgħa waħda biss fl-2023.

(30)

L-Ungerija tkompli tiddependi ħafna fuq il-fjuwils fossili, u l-isforzi tagħha biex iżżid is-sigurtà tal-enerġija billi titbiegħed mid-dipendenza fuq l-importazzjonijiet Russi mexjin b'pass kajman. Is-sehem tal-Ungerija ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli ammonta għal 25,7 % fl-2023, 18-il punt perċentwali taħt il-medja tal-Unjoni. Is-sehem tal-importazzjonijiet Russi ta' żejt grezz u tal-gass ammonta għal 64 % u 75 % fl-2021 u l-2023, rispettivament. Iż-żejt u l-gass jirrappreżentaw żewġ terzi tal-konsum tal-enerġija tagħha. L-Ungerija għandha waħda mill-ogħla ċifri fl-Unjoni għas-sussidji għall-fjuwils fossili bħala sehem tal-PDG minħabba prezzijiet tal-enerġija ssussidjati għall-unitajiet domestiċi.

(31)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta' żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (3) u (4). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (4) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-ħtiġijiet ta' finanzjament esterni u tal-gvern u l-pressjonijiet tal-prezzijiet. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (3) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-pressjonijiet tal-prezzijiet,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:

1.

Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (19) fl-2025 għal rata konsistenti, fost oħrajn, mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u t-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż lejn il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Tnaqqas gradwalment il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija qabel l-istaġun tat-tisħin 2024/2025. Issegwi l-koordinazzjoni effettiva u d-demarkazzjoni ċara ta' politiki makroekonomiċi biex tiżgura is-sostenibbiltà fiskali u esterna. Tneħħi gradwalment il-limiti massimi tal-prezzijiet u tar-rati tal-imgħax sabiex tnaqqas l-effetti distorsivi u tiffaċilita t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Timmira l-miżuri ta' appoġġ fis-settur tal-akkomodazzjoni lejn unitajiet domestiċi b'introjtu baxx. Issaħħaħ il-qafas baġitarju ta' terminu medju, tallinja t-tħejjija ta' baġits annwali mas-sena baġitarja, u tillimita d-diskrezzjoni fl-implimentazzjoni ta' baġits annwali.

2.

Fid-dawl ta' dewmien fit-tul, taċċellera b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026, billi timplimenta malajr il-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u ssolvi kwistjonijiet pendenti dwar il-kundizzjonijiet abilitanti. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, tieħu azzjoni biex tindirizza aħjar il-faqar, tiffoka fuq il-faqar enerġetiku u d-distretti u l-muniċipalitajiet l-inqas żviluppati, u ttejjeb l-istrateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività.

3.

Ittejjeb il-qafas regolatorju u tkabbar il-kompetizzjoni fi swieq tal-prodotti u tas-servizzi billi tevita interventi amministrattivi arbitrarji u l-użu selettiv ta' leġiżlazzjoni mfassla apposta li tipprovdi vantaġġ jew żvantaġġ mhux dovut lil kumpaniji speċifiċi, billi tapplika l-iskrutinju tal-kompetizzjoni b'mod sistematiku għat-tranżazzjonijiet kummerċjali u billi tillimita l-użu ta' miżuri ta' emerġenza għal dak li jkun strettament meħtieġ, f'konformità mal-prinċipji tas-suq uniku u l-istat tad-dritt. Ittejjeb l-adegwatezza tal-assistenza soċjali u tal-benefiċċji tal-qgħad. Ittejjeb il-livell edukattiv milħuq u l-aċċess għal miżuri attivi tas-suq tax-xogħol effettiv, b'mod partikolari opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet għall-gruppi l-aktar żvantaġġati, u tiżgura djalogu soċjali effettiv.

4.

Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili, taċċellera d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass lejn sorsi mhux Russi, u tieħu passi biex telimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)   ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).

(8)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(9)  ST 15447/22 INIT u ST 15447/22 ADD 1.

(10)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ungerija (ST 15964/1/23 REV 1 u ST 15964/23 ADD 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Ungerija tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Ungerija tal-2022 (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 136).

(13)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.

(14)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 tal-Ungerija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2023 tal-Ungerija (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 155).

(15)  Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) il-miżuri ta' darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mar-rata ta' tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.

(16)  Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.

(17)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).

(19)  Skont l-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6824/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)