European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2386

27.10.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2386

tas-26 ta’ Ottubru 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-9 ta' Diċembru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 (1), li stabbiliet il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA) b'mandat inizjali sat-8 ta' Awwissu 2022.

(2)

Fl-24 ta' Lulju 2026, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2026/1858 (2), li estendiet il-mandat tal-EUAM RCA bi tliet xhur, sas-7 ta' Novembru 2026, biex jippermetti t-tlestija tar-rieżami strateġiku olistiku ta’ EUTM RCA, u tal-Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA), li kienet stabbilita skont id-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 (3).

(3)

Fil-qafas tar-rieżami strateġiku olistiku tal-EUAM RCA u tal-EUTM RCA, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà qabel li jestendi l-mandat taż-żewġ missjonijiet sal-31 ta' Awwissu 2028 għal tranżizzjoni b’mod ordnat lejn strumenti tal-Unjoni oħra biex jissawwar mill-ġdid l-involviment tal-Unjoni mar-Repubblika Ċentru-Afrikana, mill-1 ta' Settembru 2028. Għal dak l-għan, ser tiġi ppreżentata strateġija ta' tranżizzjoni mhux aktar tard minn Lulju 2027 abbażi ta' qafas politiku għal approċċ għal kriżijiet għar-Repubblika Ċentru-Afrikana li għandu jitwettaq u jiġi ppreżentat kmieni fl-2027.

(4)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 tiġi emendata skont dan.

(5)

L-EUAM RCA ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u tista' xxekkel l-ilħuq tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsabu fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Biex tilħaq l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1 u tiġi żgurata tranżizzjoni ordnata lejn strumenti oħra tal-UE, l-EUAM RCA għandha topera f'konformità mal-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi (CMC) approvat mill-Kunsill fil-21 ta' Novembru 2019 u dokumenti aġġornati tal-ippjanar operazzjonali. B’approċċ modulari, skalabbli u f’fażijiet, l-EUAM RCA għandha tipprovdi konsulenza fil-livell strateġiku lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Pubblika u lill-Forzi tas-Sigurtà Interna tar-Repubblika Ċentru-Afrikana sabiex tappoġġa t-trasformazzjoni sostenibbli tagħhom f’fornitur tas-sigurtà aktar koerenti, taħt sjieda nazzjonali u f’koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) (*1), il-MINUSCA, l-UNPOL, l-Unjoni Afrikana u partijiet ikkonċernati internazzjonali oħra.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta' April 2016 dwar Missjoni ta' Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) (ĠU L 104, 20.4.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/610/oj).”;"

(2)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Id-Direttur Maniġerjali tal-Kwartieri tal-Operazzjonijiet Ċivili (CivOpsHQ) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUAM RCA. Is-CivOpsHQ għandu jkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija tal-EUAM RCA.”

;

(3)

fl-Artikolu 10, il-paragrafi 2 sa 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għat-twettiq tad-dmir ta' diliġenza fl-EUAM RCA u biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli għall-EUAM RCA, skont il-Politika ta' Sigurtà u ta' Dmir ta' Diliġenza għall-Missjonijiet Ċivili tal-PSDK u l-istrumenti ta' appoġġ tagħha.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Kap tas-Sigurtà u s-Saħħa, li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-CivOpsHQ.

4.   Il-persunal tal-EUAM RCA għandu jingħata taħriġ mandatorju ta' sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f'konformità mal-OPLAN. Għandu wkoll jingħata taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post organizzat mill-Kap tas-Sigurtà u s-Saħħa.”

;

(4)

fl-Artikolu 13(1) għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM RCA għall-perjodu mis-7 ta' Novembru 2026 sal-31 ta' Awwissu 2028 għandu jkun ta' EUR 23 317 769,77.”

;

(5)

fl-Artikolu 14(3), l-isem “EUTM RCA” huwa sostitwit bi “EUMAM RCA”;

(6)

fl-Artikolu 17, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-mandat tal-EUAM RCA għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2028.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. HEYDON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2110 tad-9 ta' Diċembru 2019 dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA) (ĠU L 318, 10.12.2019, p. 141, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/2110/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1858 tal-24 ta' Lulju 2026 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA) (ĠU L, 2026/1858, 27.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1858/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta' April 2016 dwar Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 104, 20.4.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/610/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2386/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)