|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2392 |
11.9.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2392
tal-10 ta’ Settembru 2024
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara l-aċċettazzjoni ta’ talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/191 tas-16 ta’ Frar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (2) (“ir-Regolament oriġinali”), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,
Billi,
1. MIŻURI FIS-SEĦĦ
|
(1) |
Fis-16 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar (“il-prodott ikkonċernat”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”) permezz tar-Regolament oriġinali. |
|
(2) |
Fl-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament oriġinali (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fiċ-Ċina f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni imponiet rati individwali ta’ dazju anti-dumping li jvarjaw minn 22,1 % sa 48,8 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għall-produtturi esportaturi miċ-Ċina inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun, ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 39,6 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness tar-Regolament oriġinali. Barra minn hekk, ġiet imposta rata ta’ dazju għall-pajjiż kollu ta’ 86,5 % fuq il-prodott ikkonċernat prodott minn kumpaniji fiċ-Ċina li ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx mal-investigazzjoni. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali, l-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi emendat billi l-produttur esportatur ġdid jingħata r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri r-rata tad-dazju ta’ 39,6 %, meta dan il-produttur esportatur ġdid fiċ-Ċina jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni ta’ dan li ġej:
|
2. TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID
|
(5) |
Fil-25 ta’ Settembru 2023, il-kumpanija Suzhou DTFLOCK Precision Fastener Co., Ltd. (“l-applikant”) ippreżentat talba lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (“NEPT”, new exporting producer treatment) u għalhekk tkun soġġetta għar-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fiċ-Ċina mhux inklużi fil-kampjun, fejn sostniet li ssodisfat it-tliet kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali (“it-talba”). |
|
(6) |
Biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant issodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata NEPT kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali (“il-kundizzjonijiet għal NEPT”), il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet evidenza li turi li hu ssodisfa l-kundizzjonijiet għal NEPT. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat lill-industrija tal-Unjoni bit-talba tal-applikant u stednitha tipprovdi l-kummenti tagħha. L-industrija tal-Unjoni, irrappreżentata mill-Istitut Ewropew tal-Elementi tal-Irbit Industrijali, ma ppreżentat l-ebda kumment fir-rigward tal-konformità tal-applikant mal-kundizzjonijiet għal NEPT. |
|
(7) |
Wara l-analiżi tat-tweġiba tal-applikant għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali u evidenza ta’ sostenn, li ġiet ippreżentata mill-applikant. Wara li analizzat l-evidenza addizzjonali, il-Kummissjoni kkonsultat il-bażi tad-data online Orbis (3) flimkien ma’ bażijiet tad-data Ċiniżi bħal Qichacha (4) u Aliyun (5) għall-informazzjoni dwar il-kumpanija, u għamlet kontroverifika tal-informazzjoni kollha disponibbli ma’ informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet. |
|
(8) |
Fl-aħħar nett, fit-23 u l-24 ta’ April 2024, il-Kummissjoni organizzat kontroverifika mill-bogħod (“RCC”, remote cross-check) mal-applikant. Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant issodisfax il-kundizzjonijiet għal NEPT. |
3. ANALIŻI TAT-TALBA
|
(9) |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni għal NEPT, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. Il-Kummissjoni ddeterminat li l-applikant ġie stabilit fl-2015 u li kiseb liċenzja ta’ esportazzjoni fl-istess sena u beda jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni fl-2021. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni vverifikat it-tranżazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali u ma sabet l-ebda evidenza ta’ esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni qabel l-2021. B’mod speċifiku, il-ktieb tal-bejgħ tal-applikant ma kien fih l-ebda rekord tat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, filwaqt li l-kotba tal-applikant matul dak il-perjodu kienu konformi mar-rapporti finanzjarji tal-kumpanija. |
|
(11) |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni għal NEPT, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant ma huwa relatat mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fiċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament oriġinali. |
|
(12) |
Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni għal NEPT, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni minn Marzu 2021, għalhekk wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. |
|
(13) |
L-applikant ipprovda dokumenti ta’ sostenn għal konsenji ta’ kwantitajiet sinifikanti tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni minn Frar 2021 ’il quddiem. Il-Kummissjoni vverifikat dawk mar-rapporti finanzjarji tal-applikant waqt l-RCC. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-applikant issodisfa t-tielet kundizzjoni għal NEPT. |
|
(14) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant issodisfa t-tliet kundizzjonijiet kollha biex jingħata NEPT, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali. Konsegwentement, jenħtieġ li l-applikant ikun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 39,6 % għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali. |
|
(15) |
Għalhekk, jenħtieġ li ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 jiġi emendat kif xieraq. |
4. DIVULGAZZJONI
|
(16) |
L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom tqies li jkun xieraq li tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lill-applikant. |
|
(17) |
Il-partijiet interessati kollha, jiġifieri l-industrija tal-Unjoni u l-applikant, ingħataw il-possibbiltà li jibagħtu xi kummenti. Ma wasal l-ebda kumment. |
|
(18) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191, tiddaħħal ir-ringiela li ġejja wara r-ringiela għal Suzhou YNK Fastener Co., Ltd.:
|
Pajjiż |
Isem |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
“Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina |
Suzhou DTFLOCK Precision Fastener Co., Ltd. |
89CE” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) ĠU L 36, 17.2.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/191/oj.
(3) Orbis huwa fornitur globali tad-data ta’ informazzjoni korporattiva li jkopri aktar minn 220 miljun kumpanija madwar id-dinja. Huwa jipprovdi prinċipalment informazzjoni standardizzata dwar kumpaniji privati u strutturi korporattivi.
(4) Qichacha hija bażi tad-data privata Ċiniża, bi skop ta’ qligħ, li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni dwar il-kreditu, u analitika dwar kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, għall-konsumaturi u l-professjonisti.
(5) Aliyun (magħrufa wkoll bħala Alibaba Cloud) hija sussidjarja tal-Alibaba Group. Hija tipprovdi servizzi ta’ cloud computing lin-negozji online u lill-ekosistema tal-kummerċ elettroniku ta’ Alibaba stess u, fost karatteristiċi oħrajn, isservi bħala bażi tad-data li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni dwar il-kreditu u tipi oħrajn ta’ informazzjoni dwar kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina għall-konsumaturi u l-professjonisti.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2392/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)