31999D0314



Official Journal L 120 , 08/05/1999 P. 0043 - 0045


Id-deċiżjoni tal-kummissjoni

tad-9 ta' April 1999

li tikkonċerna l-kwestjonarju li għandu x'jaqsam mad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE dwar il-kontroll ta' perikoli ta' inċidenti maġġuri li jinvolvu sustanzi perikolużi.

(notifikat taħt id-dokument numru K(1999) 856)

(Test b' relevanza għaż-ŻEE)

(1999/314/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta' perikoli ta' inċidenti maġġuri li jinvolvu sustanzi perikolużi [1], u b' mod partikolari Artikolu 19(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tat-23 ta' Diċembru 1991 dwar l-istandardizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni ta' rapporti dwar l-implimentazzjoni ta' ċerti Direttivi li jirrelataw ma' l-ambjent [2],

Billi Artikolu 19(4) tad-Direttiva 96/82/KE jeħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fuq bażi ta' tliet snin; billi dan ir-rapport għandu jiġi stabbilit fuq bażi ta' kwestjonarju jew pjan mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE;

Billi l-perjodu ta' tliet snin għandu jkopri mill-2000 sa l-2002 inklużivi;

Billi l-miżuri maħsuba f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni mogħtija mill-kumitat stabbilit b'Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kwestjonarju kif anness fl-Anness huwa hawnhekk adottat.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom ifasslu rapport li jkopri l-perjodu mill-2000 sa l-2002 inklużivi skond il-kwestjonarju fl-Anness.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-9 ta' April 1999.

Għall-Kummissjoni

Ritt Bjerregaard

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 10, tal-14.1.1997, p. 13.

[2] ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 48.

--------------------------------------------------

ANNESS

Kwestjonarju dwar id-Direttiva 96/82/KE dwar il-kontroll ta' perikoli ta' inċidenti maġġuri li jinvolvu sustanzi perikolużi (Seveso II)

Rimarki ta' introduzzjoni

Dan il-kwestjonarju ġie preparat sabiex jassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar l-iskambju ta' informazzjoni kif meħtieġ minn Artikolu 19 tad-Direttiva Seveso II. B' mod partikolari, skond Artikolu 19(4) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b rapport kull tliet snin għal stabbilimenti koperti minn Artikoli 6 u 9 (dawk hekk imsejħa stabbilimenti ta' livell għoli).

L-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport li jkopri kull perjodu ta' tliet snin, fl-iktar tard disa' xhur wara l-aħħar tal-perjodu ta' rappurtar. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni għal kull sena tal-perjodu ta' rappurtar. Ir-rapport li jkopri l-perjodu 1997 sa 1999 għandu jiġi sottomess qabel l-aħħar ta' Settembru 2000.

(1) Informazzjoni ġenerali

In-numru totali ta' stabbilimenti koperti b'Artikoli 6 u 9 tad-Direttiva (dawk hekk imsejħa stabbilimenti ta' livell għoli)

(2) Rapporti ta' sigurtà

(a) In-numru totali ta' stabbilimenti li għalihom ġew eżaminati rapporti ta' sigurtà eżaminati minn awtoritajiet kompetenti u l-konklużjonijiet ġew ikkomunikati lill-operatur sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi msemmija f'Artikolu 9(4).

(b) Numru totali ta' stabbilimenti li għalihom ir-rapporti ta' sigurtà ġew eżaminati mill-awtoritajiet kompetenti u l-konklużjonijiet ikkomunikati lill-operatur sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi msemmija f'Artikolu 9(4).

(3) Pjanijiet ta' emerġenza

(a) Kemm hemm stabbilimenti li għandhom pjanijiet interni ta' emerġenza, kif meħtieġ taħt Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva?

(b) Kemm hemm operaturi li fornew lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jfasslu pjan estern ta' emerġenza, kif imsemmi f'Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva?

(ċ) Għal kemm stabbilimenti ġew imfassla pjanijiet esterni ta' emerġenza mill-awtoritajiet maħtura, kif imsemmi f'Artikolu 11(1)(ċ) tad-Direttiva?

(d) F'kemm każijiet iddeċidew l-awtoritajiet kompetenti, in vista ta' l-informazzjoni li tinsab fir-rapport ta' sigurtà, li l-ħtieġa li jiġi prodott pjan estern ta' emerġenza m'għandhiex tapplika, kif kopert b'Artikolu 11(6)?

(4) Effetti domino

(a) Kemm ġew identifikati stabbilimenti u gruppi ta' stabbilimenti, meta il-probabbiltà u l-possibbiltà jew konsegwenzi ta' inċident maġġuri jistgħu jiżdiedu minħabba l-lokazzjoni u l-prossimità ta' dawn l-istabbilimenti, kif imsemmi f'Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar l-effett domino?

(b) F'kemm każijiet kif mogħti f' (a) fuq ġiet skambjata informazzjoni addattata, kif imsemmi f'Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva?

(ċ) F'kemm każijiet kif mogħti f' (a) fuq saret dispożizzjoni għal kooperazzjoni li jiġi nfurmat il-pubbliku u tiġi fornita informazzjoni lill-awtorità kompetenti, kif imsemmi f'Artikolu 8(2)(b)?

(5) L-ippjanar ta' l-użu ta' l-art

Kemm hemm stabbilimenti ta' livell għoli li ttieħed kont tagħhom fl-iżvilupp ta' politika ta' ippjanar ta' użu ta' l-art, kif imsemmi f'Artikolu 12(1)?

(6) Informazzjoni dwar miżuri ta' sigurtà

(a) Għal kemm stabbilimenti inħarġet informazzjoni lill-pubbliku, kif imsemmi f'Artikolu 13(1)?

(b) F'kemm każijiet l-awtoritajiet kompetenti għamlu disponibbli lil Stati Membri oħrajn informazzjoni suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jippreparaw pjanijiet ta' emerġenza, kif meħtieġ f'Artikolu 13(2)?

(ċ) F'kemm każijiet l-awtoritajiet kompetenti pprovdew informazzjoni lil Stat Membru ieħor li tikkonċerna stabbilimenti inkapaċi li jikkreaw perikolu ta' inċident maġġuri lil hinn mil-limitu tiegħu, kif imsemmi f'Artikolu 13(3)?

(d) Kemm rapporti ta' sigurtà saru disponibbli lill-pubbliku, kif imsemmi f'Artikolu 13(4) tad-Direttiva?

(7) Projbizzjoni ta' l-użu

F'kemm każijiet l-awtoritajiet kompetenti pprojbixxew l-użu jew li jseħħ l-użu, kif deskritt f'Artikolu 17(1), ta' kwalunkwe stabbiliment, installazzjoni jew faċilità ta' ħażna koperta b'Artikolu 9?

(8) Spezzjoni

(a) Kemm stabbilimenti ta' livell għoli kienu soġġetti għal spezzjoni kif imsemmi f'Artikolu18(1)?

(b) Kemm stabbilimenti ta' livell għoli huma soġġetti għal

- programm ta' spezzjoni bbażat fuq feedback sistematiku?

- programm ta' spezzjoni bbażat fuq mill-inqas spezzjoni fuq il-post kull 12-il xahar?

--------------------------------------------------