Official Journal L 094 , 10/04/2003 P. 0043 - 0044
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 1/2003 tal-31 ta' Jannar 2003 li temenda l-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) għall-Ftehim ŻEE IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE, Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim", u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu, Billi: (1) L-Anness I għall-Ftehim kien emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru. 157/2002 tas-6 ta' Diċembru 2002 [1]. (2) Id-Deċiżjoni Nru 54/2001 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tat-18 ta' Mejju 2001 li temenda l-Anness I (kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) għall-Ftehim ŻEE [2] tipprovdi għal-Liechtenstein titwil tal-perjodu transitorju fir-rigward tal-Kapitolu I ta' l-Anness I għall-Ftehim sal-31 ta' Diċembru 2001 sakemm iseħħ arranġament dejjiemi li għandu jkun implimentat sa dik id-data. (3) Il-Komunità Ewropea, il-Liechtenstein u l-Konfederazzjoni Svizzera jaqblu fuq l-applikazzjoni għal-Liechtenstein ta' l-Anness 11 (Kwistjonijiet veterinarji) tal-Ftehim dwar il-kummerċ ta' prodotti agrikoli bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Konfederazzjoni Svizzera skond il-bażi tat-Trattat Doganali Svizzera-Liechtenstein. (4) Peress li din is-soluzzjoni tipprovdi għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni veterinarja Svizzera, hu xieraq li l-Liechtenstein tkun eżenti mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu I, IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 It-test ta' l-ewwel paragrafu ta' l-ADATTAMENTI SETTORJALI għall-Anness I għall-Ftehim għandu jkun mibdul b'dan li ġej: "Kapitolu I, "Kwistjonijiet Veterinarji", m'għandhomx japplikaw għal-Liechtenstein." Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2003, b'kondizzjoni li n-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim saru lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE [3]. Għandha tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2002. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppublikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Magħmula fi Brussel, il-31 ta' Jannar 2003. Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Il-President P. Westerlund [1] ĠU L 38, tat-13.2.2003, p. 3. [2] ĠU L 165, tal-21.6.2001, p. 58. [3] L-ebda obbligu kostituzzjonali mhu indikat. --------------------------------------------------