|
23.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 104/8 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/630
tat-22 ta' April 2015
li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/105/UE tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rata tariffarja li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-modalitajiet tekniċi skont dak il-Ftehim (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fit-22 ta' Awwissu 2012, il-Federazzjoni Russa ssieħbet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-impenji tal-Federazzjoni Russa jinkludu l-kwoti tar-rati tariffarji għall-esportazzjoni ta' tipi speċifikati ta' injam koniferuż, li sehem minnu kien allokat għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Il-modalitajiet għall-amministrazzjoni ta' dawk il-kwoti b'rati tariffarji huma stabbiliti fil-Ftehim f'għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa b'rabta mal-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”) u fil-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-modalitajiet tekniċi skont il-Ftehim (“il-Protokoll”). Il-Ftehim u l-Protokoll ġew iffirmati fis-16 ta' Diċembru 2011. Dawn ġew applikati provviżorjament mid-data tal-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2012/105/UE, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 (2) stabbilixxa r-regoli dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament se jieqaf japplika fid-data li fiha tieqaf l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll. |
|
(3) |
Il-Ftehim u l-Protokoll ikomplu japplikaw b'mod provviżorju, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tagħhom. |
|
(4) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 ġie emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 449/2014 (3) sabiex titqies ir-rata baxxa ta' utilizzazzjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji. Għaldaqstant, it-tnaqqis tal-limiti massimi tal-importazzjonijiet previsti fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 ġie sospiż matul il-perjodu tal-kwota tal-2015. |
|
(5) |
Fid-dawl tar-rata baxxa ta' utilizzazzjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji matul il-perjodu tal-kwota tal-2014, huwa meħtieġ li jkun sospiż wkoll it-tnaqqis tal-limiti massimi tal-importazzjonijiet previsti fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 fir-rigward tal-perjodu tal-kwota tal-2016, sabiex tingħata promozzjoni lill-utilizzazzjoni sħiħa minn importaturi tradizzjonali b'mod partikolari tal-kwoti tar-rati tariffarji. |
|
(6) |
Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 għandu jiġi emendat skont dan. |
|
(7) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament ta' Implimentazzjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Injam stabbilit mid-Deċiżjoni 2012/105/UE, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 15 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:
“2. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13 u 14 ma japplikawx fir-rigward tal-ewwel u t-tieni perjodi tal-kwota wara l-ewwel tliet perjodi tal-kwota.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' April 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 152, 13.6.2012, p. 28).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 449/2014 tat-2 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 57).