European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/439

3.3.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/439

tat-28 ta’ Frar 2025

li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2025) 1244)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008. dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8b(5), l-ewwel subparagrafu tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE jipprevedi l-istabbiliment ta’ lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għalihom trid tinġabar data tal-monitoraġġ minn madwar l-Unjoni kollha għall-fini ta’ appoġġ ta’ eżerċizzji futuri ta’ prijoritizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-ewwel lista ta’ sorveljanza ta’ dan it-tip kellha tinkludi indikazzjoni tal-matriċijiet ta’ monitoraġġ u metodi possibbli ta’ analiżi li ma jinvolvux kostijiet eċċessivi għal kull sustanza.

(2)

Is-sustanzi fil-lista ta’ sorveljanza jridu jintgħażlu minn fost dawk li għalihom l-informazzjoni disponibbli tindika li jistgħu joħolqu riskju sinifikanti, fil-livell tal-Unjoni, għall-ambjent akkwatiku jew permezz tiegħu, iżda li għalihom id-data tal-monitoraġġ ma tkunx biżżejjed biex wieħed jasal għal konklużjoni dwar ir-riskju reali maħluq. Is-sustanzi ta’ tossiċità kbira, li jintużaw f’ħafna Stati Membri u li jintremew fl-ambjent akkwatiku iżda li rari jew qatt ma jsirilhom monitoraġġ, iridu jiġu kkunsidrati biex jiġu inklużi fil-lista ta’ sorveljanza. Dak il-proċess tal-għażla jrid iqis l-informazzjoni kif elenkata fl-Artikolu 8b(1), il-punti (a) sa (e), tad-Direttiva 2008/105/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari s-sustanzi niġġiesa emerġenti.

(3)

Il-monitoraġġ tas-sustanzi fil-lista ta’ sorveljanza jenħtieġ li jiġġenera data ta’ kwalità għolja dwar il-konċentrazzjonijiet tagħhom fl-ambjent akkwatiku, li tkun tajba biex, f’eżerċizzju separat ta’ rieżami skont l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2000/60/KE, tappoġġa l-valutazzjonijiet tar-riskju li fuqhom tistrieħ l-identifikazzjoni tas-sustanzi ta’ prijorità. F’dak ir-rieżami, is-sustanzi li jinstab li joħolqu riskju sinifikanti jridu jiġu kkunsidrati biex jiġu inklużi fil-lista tas-sustanzi ta’ prijorità. Imbagħad, irid jiġi stabbilit ukoll standard tal-kwalità ambjentali, li l-Istati Membri jridu jilħquh. Il-proposta biex sustanza tiġi inkluża fil-lista tas-sustanzi ta’ prijorità hija soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt.

(4)

Skont l-Artikolu 8b(2) tad-Direttiva 2008/105/KE, il-Kummissjoni trid taġġorna l-lista ta’ sorveljanza kull sentejn. Meta taġġorna l-lista, il-Kummissjoni trid tneħħi kwalunkwe sustanza li għaliha tista’ tiġi konkluża valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju kif imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE mingħajr data tal-monitoraġġ addizzjonali.

(5)

L-ewwel lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/495 (3) u kienet tinkludi għaxar sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi, flimkien ma’ indikazzjoni tal-matriċi tal-monitoraġġ, metodi analitiċi possibbli li ma jinvolvux kostijiet eċċessivi, u limiti massimi aċċettabbli ta’ detezzjoni tal-metodi. Il-lista ta’ sorveljanza ġiet aġġornata fl-2018, fl-2020, u fl-2022 kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/840 (4), (UE) 2020/1161 (5), u (UE) 2022/1307 (6).

(6)

Skont l-Artikolu 8b(2) tad-Direttiva 2008/105/KE, it-tul ta’ żmien ta’ perjodu ta’ monitoraġġ kontinwu ta’ lista ta’ sorveljanza għal xi sustanza individwali ma jridx jaqbeż l-erba’ snin. Għalhekk, l-obbligu ta’ monitoraġġ tal-lista ta’ sorveljanza għas-sitt sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi li kienu ilhom fil-lista mill-2020, jiġifieri s-sulfametoksażol, it-trimetoprim, il-venlafaksin u l-metabolita tagħha O-desmetilvenlafaksina, il-grupp ta’ għaxar komposti ażoliċi (il-farmaċewtiċi klotrimażolu, flukonażol u mikonażol u l-pestiċidi imażalil, ipkonażol, metkonażol, penkonażol, prokloraż, tebukonażol u tetrakonażol) u l-fungiċidi famoksadon u dimossistrobin, waqaf japplika fl-2024. Id-data tal-monitoraġġ miksuba se tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE.

(7)

Id-data miksuba mill-2022 ’l hawn għall-ażossistrobin, li kienet fl-istess grupp bħad-dimossistrobin, hija biżżejjed biex turi li hija ta’ riskju fi ftit Stati Membri, u għalhekk trid tiġi indirizzata kif xieraq, jiġifieri bħala sustanza niġġiesa ta’ tħassib nazzjonali, li trid tiġi mmonitorjata f’dawk l-Istati Membri fejn għadha toħloq riskju, skont id-dispożizzjoni għal “kontaminanti oħra” fil-punt 1.3.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE. Fir-rigward tad-diflufenikan, id-data miksuba mill-2022 ’l hawn tindika li din tippreżenta riskju għall-Unjoni kollha u għalhekk hija kandidat potenzjali għall-inklużjoni fil-lista ta’ sustanzi prijoritarji. Sadanittant, huwa xieraq li l-Istati Membri jimmonitorjawha daqslikieku kienet sustanza niġġiesa ta’ tħassib nazzjonali. Kemm l-ażossistrobin kif ukoll id-diflufenikan jenħtieġ li jitneħħew mil-lista ta’ sorveljanza.

(8)

Abbażi tad-data ta’ monitoraġġ miksuba għall-ħames sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi l-oħrajn li ġew immonitorjati mill-2022 ’l hawn, jiġifieri l-fipronil, il-klindamiċin, l-ofloksaċin, il-metformin u l-metabolita tagħha gwanilurea, u grupp ta’ tliet aġenti għall-protezzjoni mix-xemx (il- butil metossidibenżojlmetan, magħruf ukoll bħala avobenżon; l-ottokrilen; u l-benżofenon-3, magħruf ukoll bħala l-ossibenżon), il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kinitx inkisbet biżżejjed data ta’ monitoraġġ ta’ kwalità għolja biex jiġi vvalutat ir-riskju ppreżentat minnhom, u li, għalhekk, dawk is-sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi jenħtieġ li jibqgħu fil-lista ta’ sorveljanza.

(9)

Matul l-2023, il-Kummissjoni ġabret data dwar firxa ta’ sustanzi oħrajn li jistgħu jiġu inklużi fil-lista ta’ sorveljanza. Hija qieset it-tipi differenti ta’ informazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, u kkonsultat lil esperti mill-Istati Membri u lil gruppi tal-partijiet ikkonċernati. Meta jkun hemm dubju dwar it-tossiċità ta’ xi sustanzi, jew meta s-sensittività, l-affidabbiltà jew il-komparabbiltà tal-metodi tal-monitoraġġ disponibbli ma jkunux adegwati, jenħtieġ li dawk is-sustanzi ma jiġux inklużi fil-lista ta’ sorveljanza. L-aġent għall-protezzjoni mix-xemx saliċilat 2-etileżil, magħruf ukoll bħala oktisalat, is-sustanza antiossidanti industrijali N-1,3-dimetilbutil-N’-fenil-p-fenilenedjamina (6PPD) u l-prodott ta’ degradazzjoni tagħha 6PPD-kinon, l-insettiċida u antelmintika abamektin, grupp ta’ sustanzi antifungali ażoliċi (bromukonażol, klimbażolu, ċjażofammid, difenokonażol, epossikonażol, itrakonażol, ketokonażol, mefentriflukonażol, propikonażol, tritikonażol), l-insettiċida etossażol, l-antidepressanti fluwossetina u propranolol, u l-antibijotiċi ossitetraċiklina u tat-tetraċiklina ġew identifikati bħala kandidati xierqa. L-inklużjoni tal-farmaċewtiċi hija konsistenti mal-Approċċ Strateġiku tal-UE għall-Farmaċewtiċi fl-Ambjent (7), u l-inklużjoni taż-żewġ antibijotiċi hija konsistenti wkoll mal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew “Saħħa Waħda” kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (Antimicrobial Resistance, AMR) (8), li jappoġġa l-użu tal-lista ta’ sorveljanza biex “jittejjeb l-għarfien dwar l-okkorrenza u t-tixrid tal-antimikrobiċi fl-ambjent”.

(10)

Skont l-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, il-Kummissjoni identifikat metodi possibbli ta’ analiżi għas-sustanzi proposti. Fir-rigward tas-sustanzi kollha li nżammu jew li għadhom kif ġew miżjudin jenħtieġ li l-limitu ta’ kwantifikazzjoni tal-metodu għal kull sustanza, inkluż kull sustanza individwali fi grupp, ikun baxx mill-inqas daqs il-konċentrazzjoni mingħajr effett prevista u speċifika għas-sustanza fil-matriċi rilevanti.

(11)

Il-metformin u l-metabolita tiegħu gwanilurea huma raggruppati minħabba l-effetti potenzjalment addittivi tagħhom; dawn jistgħu u jenħtieġ li jkomplu jiġu analizzati flimkien. L-oktisalat huwa raggruppat mat-tliet aġenti għall-protezzjoni mix-xemx miżmuma minħabba li għandhom l-istess mod ta’ azzjoni u jista’ jkollhom effetti addittivi; dawn jistgħu u jenħtieġ li jiġu analizzati flimkien.

(12)

Is-6PPD u s-6PPD-kinon huma mistennija li jokkorru flimkien, u jistgħu u jenħtieġ li jiġu analizzati flimkien.

(13)

Is-sustanzi ażoliċi huma raggruppati minħabba li għandhom l-istess mod ta’ azzjoni u jista’ jkollhom ukoll effetti addittivi; dawn jistgħu u jenħtieġ li jiġu analizzati flimkien.

(14)

Iż-żewġ antibijotiċi tal-klassi tat-tetraċiklini jista’ jkollhom effetti addittivi; dawn jistgħu u jenħtieġ li jiġu analizzati flimkien.

(15)

Il-metodi analitiċi speċifikati fil-lista ta’ sorveljanza mhumiex ikkunsidrati li jinvolvu kostijiet eċċessivi. Jekk fil-ġejjieni jkun hemm xi informazzjoni ġdida li twassal għal tnaqqis fil-konċentrazzjoni mingħajr effett prevista għal xi waħda mis-sustanzi l-ġodda miżjudin, il-limitu massimu aċċettabbli ta’ kwantifikazzjoni tal-metodu għal dawk is-sustanzi jaf ikollu jitbaxxa sakemm dawn jibqgħu fil-lista.

(16)

L-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE jispeċifika, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-monitoraġġ tas-sustanzi inklużi fil-lista ta’ sorveljanza u għar-rappurtar tar-riżultati tal-monitoraġġ mill-Istati Membri. L-artikolu jispeċifika b’mod partikolari li, fl-għażla tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ rappreżentattivi, il-frekwenza u l-perjodu tal-monitoraġġ għal kull sustanza, l-Istati Membri jridu jqisu x-xejriet tal-użu u l-okkorrenza possibbli tas-sustanza. Għalkemm il-frekwenza minima ta’ monitoraġġ hija darba fis-sena, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw, għas-sustanzi kollha, frekwenza ta’ monitoraġġ ta’ mill-inqas darbtejn fis-sena biex jitqies l-użu varjabbli tagħhom, biex jiġi żgurat li tinġabar data ta’ kwalità għolja biżżejjed, u biex b’hekk il-mekkaniżmu tal-lista ta’ sorveljanza jkun jista’ jipprovdi appoġġ effettiv kif xieraq għall-proċessi sussegwenti ta’ valutazzjoni tar-riskju.

(17)

Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tar-riżultati minn Stati Membri differenti, jenħtieġ li s-sustanzi kollha jiġu mmonitorjati f’kampjuni sħaħ tal-ilma.

(18)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1307 jiġi sostitwit fl-intier tiegħu. Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1307 titħassar.

(19)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2000/60/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1307 titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2025.

Għall-Kummissjoni

Jessika ROSWALL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/105/oj.

(2)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1 ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/60/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/495 tal-20 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 78, 24.3.2015, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/495/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/840 tal-5 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi għal monitoraġġ fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/495 (ĠU L 141, 7.6.2018, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/840/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1161 tal-4 ta’ Awwissu 2020 li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 257, 6.8.2020, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1161/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1307 tat-22 ta’ Lulju 2022 li tistabbilixxi lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi għal monitoraġġ fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1161 (ĠU L 197, 22.7.2022, p. 117, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1307/oj).

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Approċċ Strateġiku tal-Unjoni Ewropea għall-Farmaċewtiċi fl-Ambjent, COM(2019) 128 final, il-11 ta’ Marzu 2019.

(8)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Pjan ta’ Azzjoni Ewropew “Saħħa Waħda” kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (AMR), COM(2017) 339 final, id-29 ta’ Ġunju 2017.


ANNESS

Lista ta’ sorveljanza ta’ sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha kif stabbilit fl-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE

Isem is-sustanza/il-grupp ta’ sustanzi

In-numru tal-Chemical Abstracts Service (CAS)

In-numru tal-Komunità Ewropea (KE) (1)

Il-metodu analitiku indikattiv (2) ,  (3)

Il-limitu massimu aċċettabbli ta’ kwantifikazzjoni tal-metodu (ng/l)

Fipronil

120068-37-3

424-610-5

SPE-HPLC-MS/MS

0,77

Klindamiċin

18323-44-9

242-209-1

SPE-LC-MS/MS

44

Ofloksaċin

82419-36-1

680-263-1

SPE-UHPLC-MS/MS

26

Metformin u

Gwanilurea (4)

657-24-9

141-83-3

211-517-8

205-504-6

SPE-LC-MS/MS

156 000

100 000

Aġenti għall-protezzjoni mix-xemx  (5)

Butil metossidibenżojl-metan

Ottokrilen

Benżofenon-3

Oktisalat (saliċilat 2-etileżil)

70356-09-1

6197-30-4

131-57-7

118-60-5

274-581-6

228-250-8

205-031-5

204-263-4

SPE-LC-ESI-MS/MS

3 000

266

670

168

N-1,3-Dimetilbutil-N’-fenil-p-fenilenedjamina (6PPD) u

6PPD-kinon (6)

793-24-8

2754428-18-5

212-344-0

893-269-6

SPE-LC-MS/MS

370

Abamektin (7)

Avermektin B1a u

Avermektin B1b

71751-41-2

65195-55-3

65195-56-4

265-610-3

265-611-9

SPE-LC-MS/MS

1

Komposti ażoliċi  (8)

Bromukonażol

Klimbażolu

Ċjażofammid

Difenokonażol

Epossikonażol

Itrakonażol

Ketokonażol

Mefentriflukonażol

Propikonażol

Tritikonażol

116255-48-2

38083-17-9

120116-88-3

119446-68-3

133855-98-8

84625-61-6

65277-42-1

1417782-03-6

60207-90-1

131983-72-7

408-060-3

253-775-4

601-671-8

601-613-1

406-850-2

617-596-9

265-667-4

822-682-6

262-104-4

603-543-7

SPE-LC-MS/MS

15

110

130

360

180

8

50

1 600

1 000

1 000

Etossażol

153233-91-1

604-891-2

SPE-GC-MS/MS

0,4

Fluwossetina

54910-89-3

611-209-7

SPE-LC-QTOF-HRMS

12

Propranolol

525-66-6

208-378-0

SPE-LC-MS/MS

20

Ossitetraċiklina u

Tetraċiklina (9)

79-57-2

60-54-8

201-212-8

200-481-9

SPE-LC-MS/MS

500

90


(1)  Mhux disponibbli għas-sustanzi kollha

(2)  Is-sustanzi kollha għandhom jiġu mmonitorjati f’kampjuni sħaħ tal-ilma.

(3)  Metodi tal-estrazzjoni:

SPE – estrazzjoni f’fażi solida

Metodi analitiċi:

HPLC-MS/MS – Spettrometrija tal-massa bi kwadrupol triplu bi kromatografija likwida ta’ prestazzjoni għolja (tandem)

LC-MS/MS – Spettrometrija tal-massa bi kwadrupol triplu bi kromatografija likwida (tandem)

LC-ESI-MS/MS – Spettrometrija tal-massa b’jonizzazzjoni elettrosprej pożittiva bi kwadrupol triplu bi kromatografija likwida (tandem)

LC-QTOF-HRMS – Spettrometrija tal-massa tal-ħin tat-titjira bi kromatografija likwida bi kwadrupol ta’ riżoluzzjoni għolja

UHPLC-MS/MS – Spettrometrija tal-massa bi kwadrupol triplu bi kromatografija likwida ta’ prestazzjoni għolja ħafna (tandem)

(4)  Il-metformina u l-gwanilurea għandhom jiġu analizzati flimkien fl-istess kampjuni iżda għandhom jiġu rrappurtati bħala konċentrazzjonijiet individwali.

(5)  L-aġenti għall-protezzjoni mix-xemx għandhom jiġu analizzati flimkien fl-istess kampjuni iżda għandhom jiġu rrappurtati bħala konċentrazzjonijiet individwali.

(6)  Is-6PPD u s-6PPD-kinon għandhom jiġu analizzati flimkien fl-istess kampjuni iżda għandhom jiġu rrappurtati bħala konċentrazzjonijiet individwali

(7)  Iż-żewġ komponenti ewlenin tal-abamektina (B1a u B1b) għandhom jiġu analizzati flimkien fl-istess kampjuni u rrapportati bħala konċentrazzjoni totali.

(8)  Il-komposti ażoliċi għandhom jiġu analizzati flimkien fl-istess kampjuni iżda għandhom jiġu rrappurtati bħala konċentrazzjonijiet individwali.

(9)  L-ossitetraċiklina u t-tetraċiklina għandhom jiġu analizzati flimkien fl-istess kampjuni iżda għandhom jiġu rrappurtati bħala konċentrazzjonijiet individwali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/439/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)