SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
13 ta’ Settembru 2013 ( *1 )
“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Talba intiża li jinkiseb aċċess għal ċerti siltiet kunfidenzali tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar akkordju — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu ta’ motivazzjoni — Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-individwu — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni — Interess pubbliku ikbar — Kooperazzjoni leali”
Fil-Kawża T‑380/08,
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, M. de Mol u M. de Ree, bħala aġenti,
rikorrent,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2008 li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti siltiet kunfidenzali tad-Deċiżjoni C (2006) 4090 finali [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)],
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn H. Kanninen, President, S Soldevila Fragoso (Relatur) u G. Berardis, Imħallfin,
Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti
|
1 |
Fit-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew adottat id-Deċiżjoni C (2006) 4090 finali [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni bitum”), dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE]. Verżjoni ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ċerti siltiet li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala kunfidenzjali (iktar ’il quddiem il-“verżjoni pubblika tad-deċiżjoni bitum”) ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 196, p. 40). Fid-deċiżjoni bitum, il-Kummissjoni kkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE billi pparteċipaw f’akkordju dwar is-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuh tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi u imponiet multi fuq dawn l-impriżi li l-ammont totali tagħhom laħaq EUR 266,717 miljun. |
|
2 |
Fis-7 ta’ Marzu 2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ressaq quddiem il-Kummissjoni talba ta’ aċċess għall-verżjoni kompleta tad-deċiżjoni bitum (iktar ’il quddiem il-“verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum”) skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 3, p. 331). |
|
3 |
Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba inizjali ta’ aċċess għall-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum. |
|
4 |
Fis-17 ta’ April 2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ressaq, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, applikazzjoni konfermatorja fis-sens li l-Kummissjoni tirrivedi l-pożizzjoni tagħha (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni konfermatorja”). Huwa indika li, billi sofra dannu b’konsegwenza tal-aġir tal-impriżi msemmija fid-deċiżjoni bitum, huwa kellu l-intenzjoni li jitlobhom kumpens quddiem il-qrati nazzjonali. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi osserva li kien utli, f’dan ir-rigward, li tittieħed konoxxenza tal-informazzjoni li tinsab fil-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum, iżda li kienet tneħħiet mill-verżjoni pubblika ta’ din id-deċiżjoni. Għal dan il-għan, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika ċerti siltiet tad-deċiżjoni bitum dwar:
|
|
5 |
Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni konfermatorja. |
|
6 |
F’dak li jikkonċerna l-informazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-punt 4 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat li l-verżjonijiet pubbliċi u kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum kienu identiċi. |
|
7 |
Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fit-tieni sat-tmien inċiż tal-punt 4, iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, li dawn kienu koperti bl-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti mill-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni, rispettivament, tal-interessi kummerċjali tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u tal-iskop ta’ attivitajiet ta’ ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, hija indikat li, skont l-Artikolu 4(2), fl-aħħar, tal-imsemmi regolament, dawn l-eċċezzjonijiet kellhom jiġu skartati jekk interess pubbliku ikbar kien jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba. Madankollu, hija kkunsidrat li l-applikazzjoni konfermatorja ma kienx fiha argumenti li jistgħu juru l-eżistenza ta’ tali interess, sa fejn dak invokat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ibbażat fuq l-utilità tal-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum sabiex jiġi ppreparat rikors għad-danni possibbli kontra l-impriżi kkonċernati minn din id-deċiżjoni, kien ta’ natura privata u mhux pubblika. |
|
8 |
Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fit-tmien inċiż tal-punt 4, iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li din kienet koperta wkoll, barra mill-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-istess regolament, dwar il-protezzjoni tal-privatezza u tal-integrità tal-individwu. |
|
9 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li, l-informazzjoni msemmija fit-tieni sat-tmien inċiż tal-punt 4, iktar ’il fuq, billi hija koperti għal kollox mill-eċċezzjonijiet imsemmija qabel, żvelar parzjali ta’ din l-informazzjoni, taħt l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma kienx possibbli. |
|
10 |
F’Awwissu 2009, il-Kummissjoni ppubblikat verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum, li kienet tinkludi numru inqas sinjifikattiv ta’ siltiet mhux żvelati (iktar ’il quddiem il-“verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum”). |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
11 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta din il-kawża. |
|
12 |
Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ġunju 2010, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li taqta’ l-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C-139/07 P, Ġabra p. I-5885), kif ukoll sad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li taqta’ l-kawża li tat lok għad-digriet tal-25 ta’ Jannar 2011, Basell Polyolefine vs Il‑Kummissjoni (T‑399/07, mhux ippubblikat fil-Ġabra). Il-proċedura tkompliet fil-25 ta’ Jannar 2011. |
|
13 |
Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali ġiet mibdula, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u, konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata għal din l-awla. |
|
14 |
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2012. |
|
15 |
Fit-tmiem tal-imsemmija seduta, il-Qorti Ġenerali għamlet domanda lill-partijiet li tirrigwarda d-determinazzjoni preċiża tas-suġġett tal-kawża fir-rigward tal-verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum. |
|
16 |
Permezz tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fl-24 ta’ Jannar u fit-8 ta’ Frar 2013, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni wieġbu għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali. |
|
17 |
Fl-osservazzjonijiet tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika li t-talba tiegħu ta’ aċċess kellha minn issa bħala suġġett is-siltiet kollha li kienu baqgħu kunfidenzjali fil-verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum. F’dan ir-rigward, dan identifika ċerti siltiet ta’ din id-deċiżjoni dwar:
|
|
18 |
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi enfasizza li l-“informazzjoni mitluba oħra” kienet ukoll tagħmel parti mit-talba ta’ aċċess tiegħu anki jekk ma kinitx indikata speċifikament fl-applikazzjoni konfermatorja. Fil-fatt, l-applikazzjoni konfermatorja kienet tikkonċerna d-deċiżjoni bitum fl-intier tagħha. Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreċiża li s-suġġett tal-kawża ma kienx maħsub għall-informazzjoni kunfidenzjali miksuba mill-Kummissjoni permezz tal-Avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-klemenza”). |
|
19 |
Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat fl-osservazzjonijiet tagħha l-inkonsistenza u ineżattezza fil-pożizzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-informazzjoni li l-applikazzjoni għall-iżvelar tagħha kienet is-suġġett tal-kawża. F’dan ir-rigward, hija sostniet li ma kienx jidher ċar fl-applikazzjonijiet inizjali u konfermatorji li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab l-aċċess għall-informazzjoni li ma kinitx dik speċifikata f’dawn l-applikazzjonijiet. |
|
20 |
Konsegwentement, il-partijiet ġew imsejħa biex jipparteċipaw f’seduta ġdida, stabbilita fid-29 ta’ April 2013, li għaliha, madankollu, huma rrinunzjaw. Il-proċedura orali għalhekk ingħalqet fis-17 ta’ April 2013. |
|
21 |
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
22 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq is-suġġett tal-kawża
|
23 |
Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-preżentata tal-kontroreplika, il-Kummissjoni ppubblikat il-verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum. Din fiha inqas informazzjoni mhux żvelata milli l-verżjoni pubblika li kienet is-suġġett tad-diskussjoni inizjali bejn il-partijiet, quddiem il-Kummissjoni qabel kollox u quddiem il-Qorti Ġenerali sussegwentement, fil-kuntest tan-noti tal-partijiet. Matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali qieset neċessarju li titlob lill-partijiet li jippreċiżaw is-suġġett tal-kawża wara din il-verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wieġeb għal din it-talba fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Jannar 2013 li fihom identifika s-siltiet li huwa kien qed jitlob minn issa l-iżvelar tagħhom billi jitneħħew mill-applikazzjoni tiegħu s-siltiet li kienu jidhru minn issa fil-verżjoni pubblika ġdida tad-deċiżjoni bitum. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika li l-informazzjoni miksuba permezz tal-Avviż dwar il-klemenza kienet eskluża mit-talba ta’ aċċess tiegħu (ara punt 18 iktar ’il fuq). |
|
24 |
Għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi analizzata skont kjarifiki li tressqu mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Jannar 2013. |
Fuq il-mertu
|
25 |
L-argumenti ppreżentati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi insostenn tar-rikors tiegħu jistgħu jinġabru f’seba’ motivi. L-ewwel u t-tieni motivi huma bbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni msemmija fit-tieni sat-tmien inċiż tal-punt 17 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni inkwistjoni”) kienet koperta mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti mill-imsemmija dispożizzjonijiet u li hija ma spjegatx ir-raġuni għalfejn in-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 7 sa 12 tad-deċiżjoni bitum (l-ewwel inċiż tal-punt 17, iktar ’il fuq) ma kinux ġew ikkomunikati. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn interess pubbliku ikbar kien jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1)(b) tal-istess regolament, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni msemmija fit-tmien inċiż tal-punt 17, iktar ’il fuq, kienet koperta mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-integrità tal-individwu. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu l-Kummissjoni ma tatx aċċess parzjali għall-informazzjoni inkwistjoni. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx iktar iġġustifikata, fir-rigward tal-perijodu li fih kienet marbuta l-informazzjoni inkwistjoni. Fl-aħħar nett, is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 KE, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-Kummissjoni ma skambjatx din l-informazzjoni mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
Osservazzjonijiet preliminari
|
26 |
Għandu jiġi rrilevat li istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni b’mod kumulattiv diversi raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tiġi evalwata talba għall-aċċess għal dokumenti li hija żżomm (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, punti 113 u 114). |
|
27 |
Issa, kif ġie indikat fil-punt 7 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni inkwistjoni kienet fl-istess ħin koperta mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, u permezz tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, dwar il-protezzjoni tal-iskop tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, ta’ ispezzjonijiet u ta’ verifiki tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għaldaqstant, sabiex jintwera li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball li jista’ jiġġustifika l-annullament tagħha fil-konfront ta’ din l-informazzjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jistabbilixxi kemm, fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motiv, li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li hija setgħet tirrifjuta l-aċċess tagħhom abbażi ta’ kull waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet, kemm, fil-kuntest tat-tielet u l-ħames sas-seba’ motiv, li interess pubbliku ikbar, iż-żmien li għadda jew l-obbligu tal-Kummissjoni li tosserva l-Artikolu 10 KE jew il-prinċipju ta’ proporzjonalità li kienu jiġġustifikaw fi kwalunkwe każ l-iżvelar tagħhom, jew mill-inqas parzjali, jew l-iskambju tagħhom mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
28 |
Fl-aħħar nett, kif ġie indikat fil-punt 8 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni msemmija kemm fit-tmien inċiż tal-punt 4, kif ukoll fit-tmien inċiż tal-punt 17 iktar ’il fuq kienu wkoll koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu. Għaldaqstant, sabiex jintwera li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball li jista’ jiġġustifika l-annullament tagħha fir-rigward tal-informazzjoni inkwistjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu kemm juri b’mod kumulattiv li l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motivi huma fondati, kif ukoll li juri li wieħed mit-tielet u l-ħames sas-seba’ motivi huwa fondati. |
|
29 |
L-ewwel nett, l-ewwel u t-tieni motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien. |
Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni inkwistjoni kienet koperta mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet u li hija ma spjegatx ir-raġuni għalfejn in-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 7 sa 12 tad-deċiżjoni bitum ma kinux ġew ikkomunikati.
|
30 |
Din il-kawża tikkonċerna r-rabtiet bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u leġiżlazzjoni oħra, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) li jirregola qasam speċifiku tad-dritt tal-Unjoni. Dawn iż-żewġ regolamenti għandhom għanijiet differenti. L-ewwel wieħed huwa intiż li jiżgura l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll tal-informazzjoni li fuqha huma jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Għaldaqstant huwa intiż sabiex jiffaċilita kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet kif ukoll sabiex jippromwovi prassi amministrattiva tajba. It-tieni wieħed huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza tas-sigriet professjonali fil-proċeduri ta’ repressjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 109). |
|
31 |
Bil-kuntrarju tad-dikjarazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jirriżulta mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li, f’każ ta’ kontradizzjoni bejn dan ir-regolament u regola oħra tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jipprevalu, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Nru 1/2003 ma jinkludux dispożizzjoni li tipprevedi espressament is-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u li għalhekk tkun tippermetti applikazzjoni koerenti. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, dan id-dritt madankollu huwa suġġett, fid-dawl tas-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punti 110 u 111). |
|
32 |
Ċertament, id-dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl amministrattiv fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, huma ġuridikament distinti, iżda xorta jibqa’ l-fatt li jwasslu għal sitwazzjoni paragunabbli minn perspettiva funzjonali. Fil-fatt, indipendentement mill-bażi legali li fuqha jingħata, l-aċċess għall-fajl jippermetti lill-persuni kkonċernati li jiksbu l-osservazzjonijiet u d-dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 120). |
|
33 |
F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt attività ta’ ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2), tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, din l-informazzjoni nġabret mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, li l-għan tagħha kien li jinġabru informazzjoni u provi biżżejjed biex jiġu soppressi prattiki konkreti kuntrarji għal din id-dispożizzjoni. |
|
34 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan ta’ proċedura intiża għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, li tikkonsisti fil-verifika dwar jekk impriża waħda jew diversi impenjawx ruħhom fil-kuntest ta’ aġir kollużiv li jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv, il-Kummissjoni tiġbor fil-kuntest ta’ tali proċedura informazzjoni kummerċjali sensittiva, relatata ma’ strateġiji kummerċjali tal-impriżi implikati, mal-ammonti tal-bejgħ tagħhom, mas-sehem tagħhom mis-suq jew mar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, b’tali mod li l-aċċess għad-dokumenti ta’ tali proċedura jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-imsemmija impriżi. Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u ma’ dik tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma, f’dan il-każ, marbuta flimkien mill-qrib (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 115). |
|
35 |
Ċertament, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument, fil-prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument ikun jaqa’ taħt attività jew interess imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu. Madankollu, huwa possibbli għal din l-istituzzjoni li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 116), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Fir-rigward tal-proċeduri ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, kif ukoll il-proċeduri fil-qasam ta’ stħarriġ ta’ tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali preżunzjonijiet ġenerali setgħu jirriżultaw, rispettivament, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339), u mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31) li jirregolaw speċifikament l-oqsma tal-għajnuna mill-Istat u tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi u li jinkludu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għal informazzjoni u għal dokumenti miksuba fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoniijet u ta’ stħarriġ relatati ma’ għajnuna jew ma’ konċentrazzjoni bejn impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 12 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57, u Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punti 117 u 118). |
|
37 |
Issa, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali preżunzjonijiet ġenerali huma applikabbli wkoll, f’dak li jikkonċerna l-proċeduri skont l-Artikolu 81 KE, minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni li tirregola din il-proċedura tipprovdi wkoll għal regoli stretti dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni miksuba jew stabbilita fil-kuntest ta’ tali proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 118). |
|
38 |
Fil-fatt, l-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll l-Artikoli 8 u 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), jirregolaw b’mod restrittiv l-użu mill-informazzjoni fil-kuntest tal-proċedura dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 KE u 82 KE, billi jillimitaw l-aċċess għall-fajl għall-partijiet li għalihom il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, possibbilment għal-lanjanti, bla ħsara għall-interess leġittimu tal-impriżi implikati li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati, u billi jeżiġu li l-informazzjoni miġbura tintuża biss għall-għanijiet li għalihom hija nġabret, u li l-informazzjoni, li, min-natura tagħha, hija koperta mis-sigriet professjonali, ma tiġix żvelata. |
|
39 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, minn naħa, aċċess iġġeneralizzat, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti skambjati, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE, bejn il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati minn din il-proċedura jew terzi, ikun ta’ natura li jippreġudika l-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiżgura, fir-Regolament Nru 1/2003, bejn minn naħa l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali eventwalment sensittiva u l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa marbuta, abbażi tas-sigriet professjonali u tas-sigriet kummerċjali, mal-informazzjoni trażmessa lill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 121). |
|
40 |
Min-naħa l-oħra, li kieku l-persuni minbarra dawk awtorizzati jaċċedu għall-fajl permezz tal-leġiżlazzjoni dwar il-proċedura skont l-Artikolu 81 KE kienu fil-pożizzjoni li jiksbu l-aċċess għad-dokumenti relatati ma’ tali proċedura abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sistema stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni tiġi kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 122). |
|
41 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat, f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri skont l-Artikoli 81 KE, permezz tal-Avviż dwar il-klemenza, li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni tista’ tiddiswadi applikanti għal klemenza potenzjali li jagħmlu dikjarazzjonijiet abbażi ta’ dan l-avviż. Fil-fatt, huma jistgħu jsibu lilhom infushom f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik ta’ impriżi oħra li jkunu pparteċipaw fl-akkordju u li ma kinux ikkooperaw fl-investigazzjoni jew ikkooperaw b’mod inqas intensiv. |
|
42 |
Konsegwentement, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li tistabbilixxi li l-iżvelar tad-dokumenti miġbura mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE fil-prinċipju, kien jippreġudika kemm il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll dik tal-interessi kummerċjali tal-impriżi implikati f’tali proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 123). |
|
43 |
Fid-dawl tan-natura tal-interessi protetti fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE, għandu jiġi kkunsidrat li l-konklużjoni misluta fil-punt preċedenti tapplika irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk it-talba għal aċċess tikkonċernax proċedura diġà magħluqa jew proċedura pendenti. Fil-fatt, il‑pubblikazzjoni tal-informazzjoni sensittiva li tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriżi implikati tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tagħhom, indipendentement mill-eżistenza ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE pendenti. Barra minn hekk, il-perspettiva ta’ tali pubblikazzjoni wara t-tmiem ta’ din il-proċedura jista’ jkollha effetti negattivi fuq id-disponibbiltà ta’ impriżi sabiex jikkollaboraw meta tali proċedura tkun pendenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 124). |
|
44 |
Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjonijiet li jikkonċernaw l-interessi kummerċjali jew id-dokumenti sensittivi jistgħu japplikaw matul perijodu ta’ tletin sena, u anki lil hinn minn dan il-perijodu jekk ikun neċessarju (sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 125). |
|
45 |
Fl-aħħar nett, il-preżunzjoni ġenerali msemmija hawn fuq ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument speċifiku li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 26 iktar ’il fuq, punt 126). |
|
46 |
Huwa fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti invokati essenzjalment mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest ta’ dawn il-motivi. |
|
47 |
Fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-kunċett ta’ interessi kummerċjali fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ikopri biss l-interessi kummerċjali legali u leġittimi, liema fatt kien jeskludi l-interessi kummerċjali tal-partiċipanti f’akkordju kif ukoll dak li ma jkunx is-suġġett ta’ kawża għad-danni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jżid li fi kwalunkwe każ, f’dawn il-kundizzjonijiet, minn naħa, l-interessi tal-organizzazzjoni tal-akkordju ma kinux jaqgħu taħt il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u, min-naħa l-oħra, ebda riskju reali ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali ma kien jeżisti f’dan il-każ, peress li l-fornituri kollha tal-bitum kienu pparteċipaw fl-akkordju u li l-kompetizzjoni, għal dak li jikkonċerna dan is-suq, ma kinitx reali matul iż-żmien tal-ksur inkwistjoni. |
|
48 |
Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, kif il-Kummissjoni ssostni ġustament, la r-Regolament Nru 1049/2001 u lanqas ir-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdu li l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tipprekludi lill-Kummissjoni milli tinvoka l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ din l-impriża sabiex tirrifjuta l-aċċess għal informazzjoni u għal dokumenti dwar il-ksur ikkonċernat. |
|
49 |
Minflok, il-fatt li l-Artikolu 28(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 17 sa 22 tal-imsemmi regolament tista’ tintuża biss għall-finijiet li għalihom hija nġabret u li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom, membri tal-persunal u l-persuni oħra li jaħdmu taħt is-sorveljanza ta’ dawn l-awtoritajiet, kif ukoll il-membri tal-persunal u uffiċjali ta’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri għandhom l-obbligu li ma jiżvelawx l-informazzjoni li huma kisbu jew skambjaw skont dan ir-regolament u li, min-natura tagħha, hija koperta mis-sigriet professjonali, juri li, fil-prinċipju, l-informazzjoni dwar il-ksur inkwistjoni tista’, jew għandha, tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali. |
|
50 |
Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni tal-impriżi destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa, abbażi tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, limitat mill-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati u ma jestendix għall-informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali. Dan ifisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jagħti ċertu protezzjoni lill-interessi kummerċjali tal-impriżi li huma suġġetti għal proċedura skont l-Artikolu 81 KE, kif ukoll tal-Artikolu 82 KE, u dan anki fis-sitwazzjoni fejn dan l-interess jista’ jkun parzjalment f’kunflitt mad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn l-impriżi. |
|
51 |
Sussegwentement, ċertament hemm lok li jiġi rrilevat li, kif sostna r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-interess ta’ impriża, li fuqha l-Kummissjoni imponiet multa għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, li d-dettalji tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li hija akkużata bih ma jiġux żvelati lill-pubbliku ma jistħoqlu ebda protezzjoni partikolari, fid-dawl tal-interess tal-pubbliku li jkun jaf bl-iktar mod iddettaljat possibbli l-motivi ta’ kull azzjoni tal-Kummissjoni, tal-interess tal-operaturi ekonomiċi li jkunu jafu liema huwa l-aġir li jista’ jesponihom għal sanzjonijiet u tal-interess tal-persuni leżi mill-ksur li jkunu jafu d-dettalji ta’ dan il-ksur sabiex ikunu jistgħu jinvokaw, jekk ikun il-każ, id-drittijiet tagħhom kontra impriżi sanzjonati u fid-dawl tal-possibbiltà għal din l-impriża li tissottometti tali deċiżjoni għal stħarriġ ġudizzjarju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T-474/04, Ġabra p. II-4225, punt 72). |
|
52 |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali xorta waħda enfasizzat in-neċessità li tiġi osservata r-reputazzjoni u d-dinjità tal-impriżi kkonċernati inkwantu dawn ma kinux ġew ikkundannati b’mod definittiv u għalhekk ikkunsidrat li, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ksur imwettaq minn impriża kellhom jiġu kkunsidrati bħala kunfidenzjali fil-konfront tal-pubbliku u, għaldaqstant, bħala koperti, minħabba n-natura tagħhom, mis-sigriet professjonali (sentenza Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 78). Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta tressqet talba ta’ aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni, diversi proċeduri ġudizzjarji dwar rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjoni bitum kienu għaddejjin quddiem il-Qorti Ġenerali (kawżi li taw lok għad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2008, Wegenbouwmaatschappij J. Heijmans vs Il‑Kummissjoni, T-358/06, Ġabra p. II-110; għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06; Total vs Il‑Kummissjoni, T‑344/06; Nynäs Petroleum u Nynas Belgium vs Il‑Kummissjoni, T‑347/06; Total Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑348/06; Dura Vermeer Groep vs Il‑Kummissjoni, T‑351/06; Dura Vermeer Infra vs Il‑Kummissjoni, T‑352/06; Vermeer Infrastructuur vs Il‑Kummissjoni, T‑353/06; BAM NBM Wegenbouw u HBG Civiel vs Il‑Kummissjoni, T‑354/06; Koninklijke BAM Groep vs Il‑Kummissjoni, T‑355/06; Koninklijke Volker Wessels Stevin vs Il‑Kummissjoni, T‑356/06; Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il‑Kummissjoni, T‑357/06; Heijmans Infrastructuur vs Il‑Kummissjoni, T‑359/06; Heijmans vs Il‑Kummissjoni, T‑360/06; Ballast Nedam vs Il‑Kummissjoni, T‑361/06; Ballast Nedam Infra vs Il‑Kummissjoni, T‑362/06, u Kuwait Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑370/06), l-impriżi msemmija minn din id-deċiżjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma kkundannati b’mod definittiv. |
|
53 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni kollha dwar id-dettalji ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur għandha tiġi kkunsidrata bħala li ma hijiex ta’ natura kunfidenzjali fil-konfront tal-pubbliku. Din il-ġurisprudenza għandha tiġi interpretata fir-rigward tal-għanijiet leġittimi tal-Kummissjoni li tikxef u tuża informazzjoni neċessarja biex tipprova xi ksur, b’mod konformi mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll tal-interessi tal-pubbliku li jifhmu l-motivi li wasslu lill-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni tagħha. Dawn l-interessi jinkludu dawk tal-operaturi ekonomiċi u tal-possibbli vittmi tal-ksur li jkunu jafu, rispettivament, l-aġir li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala li huwa pprojbit u d-dettalji neċessarji sabiex jintalab kumpens quddiem il-qorti nazzjonali għall-impriżi responsabbli. |
|
54 |
Issa, f’dan il-każ ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jsostnix li l-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni bitum ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni adottat din id-deċiżjoni. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lanqas ma jallega li l-operaturi ekonomiċi ma humiex fil-pożizzjoni li jiddeterminaw, mill-qari ta’ din il-verżjoni, l-aġir li l-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni bitum implementaw bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li ta lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. |
|
55 |
Inkwantu għall-interessi tal-possibbli vittmi tal-ksur imsemmi mid-deċiżjoni bitum, il-verżjoni pubblika tagħha tippermetti li jiġu identifikati l-impriżi responsabbli, in-natura u t-tul tal-ksur, kif ukoll numru kbir ta’ elementi li jippermettu li jinftiehem l-essenzjali tal-operat tiegħu. Il-qari ta’ din il-verżjoni tippermetti għalhekk lill-persuni li jitqiesu leżi mill-akkordju li jippreżentaw kawża quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li regola li tgħid li kull dokument li jaqa’ taħt proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jiġi kkomunikat lil applikant għar-raġuni biss li dan l-applikant għandu l-intenzjoni li jintroduċi kawża għal kumpens ma hijiex neċessarja sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens li minnu jibbenefika l-imsemmi applikant, sa fejn huwa ftit probabbli li l-kawża għal kumpens għandha tibbaża ruħha fuq l-integralità tal-elementi li jidhru fil-fajl relatat ma’ din il-proċedura. Sussegwentement, din ir-regola tista’ twassal għal ksur ta’ drittijiet oħrajn li d-dritt tal-Unjoni jagħti, b’mod partikolari, lill-impriżi kkonċernati, bħad-dritt għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali jew tas-sigriet kummerċjali, jew għall-individwi kkonċernati, bħad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Fl-aħħar nett, tali aċċess ġeneralizzat ikun ukoll jista’ jikkawża dannu lill-interessi pubbliċi, bħall-effettività tal-politika ta’ repressjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, sa fejn dan jista’ jiddisswadi lill-persuni involuti fi ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE li jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer C-360/09, Ġabra p. I-5161, punt 27). |
|
57 |
Fl-aħħar nett, hemm lok li jitfakkar li d-deċiżjoni bitum ma kinitx definittiva matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li l-ilment tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa bbażat, essenzjalment, fuq l-eżistenza ta’ ksur ikkonfermat li jiġġustifika, min-naħa tal-impriżi kkonċernati, it-telf ta’ kull interess kummerċjali denju ta’ protezzjoni għal dak li jikkonċerna dan il-ksur. |
|
58 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud. |
|
59 |
Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li t-talba tiegħu għal aċċess għall-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum ma kinitx tikkonċerna d-dokumenti li fuqhom din kienet ibbażata, iżda biss is-siltiet kunfidenzjali redatti mill-Kummissjoni stess minn dawn id-dokumenti. Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, is-siltiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma informazzjoni pprovduta minn parti speċifika jew inkella l-informazzjoni dwar l-operat tal-akkordju ma għandhiex tibbenefika mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, kif il-Kummissjoni sostniet essenzjalment, il-fatt li t-talba ta’ aċċess tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma tikkonċernax id-dokumenti miġbura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tagħha, iżda ċerti siltiet tad-deċiżjoni bitum redatti fuq il-bażi ta’ dawn id-dokumenti, ma jeskludix l-applikazzjoni għal dawn is-siltiet tal-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il‑protezzjoni tal-iskop tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tkun imċaħħda minn kull effettività jekk l-applikazzjoni tagħha kienet limitata għad-dokumenti miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa minn istituzzjoni tal-Unjoni u ma setgħetx tiġi użata sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għall-partijiet ta’ dokumenti redatti wara minn din l-istituzzjoni u li fihom l-informazzjoni li ġejja minn dokumenti protetti. |
|
61 |
Sussegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li l-informazzjoni dwar l-operat tal-akkordju ma għandhiex tibbenefika mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li din l-allegazzjoni ma sabet l-ebda sostenn u, min-naħa l-oħra, l-iżviluppi li jinsabu fil-punti 48 sa 56 iktar ’il fuq. |
|
62 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. |
|
63 |
Fit-tielet lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tapplika biss matul il-perijodu meta l-investigazzjoni tkun fis-seħħ, minkejja li t-talba tagħha ta’ aċċess tkun tressqet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni bitum. |
|
64 |
Dan l-ilment ma setax jiġi aċċettat, fid-dawl tal-osservazzjonijiet li twettqu fil-punt 43 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni sostniet ġustament, l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni bitum ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala magħluqa definittivament matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn, kif ġie indikat fil-punt 52 iktar ’il fuq, diversi proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti Ġenerali kienu qed iseħħu meta tressqet it-talba ta’ aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet, f’termini ta’ tmiem il-proċeduri ġudizzjarji, tkun meħtieġa li tkompli tiżvolġi l-attivitajiet tagħha għall-finijiet tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni ġdida dwar ksur tal-Artikolu 81 KE imsemmi fid-deċiżjoni bitum. |
|
65 |
Għalhekk, l-ilment preżenti għandu wkoll jiġi miċħud. |
|
66 |
Fir-raba’ lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, essenzjalment, li, meta jiġu applikati għall-informazzjoni inkwistjoni kollha kemm l-eċċezzjoni prevista mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali kif ukoll dik prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-iskop tal-attivitajiet ta’ ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod speċifiku n-natura kunfidenzjali ta’ kull waħda mill-informazzjoni differenti inkwistjoni, minkejja li kienu distinti. Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni jmissha, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, tindika b’mod preċiż, wara analiżi individwali, in-natura ta’ kull informazzjoni li l-iżvelar tagħha ġie rrifjutat, kif ukoll ir-raġunijiet tar-rifjut. |
|
67 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-informazzjoni inkwistjoni nġabret fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni li kienet wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni bitum, liema, kif ġie indikat fil-punt 64 iktar ’il fuq, ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala magħluqa definittivament matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din l-informazzjoni tirrigwarda d-dettalji tal-organizzazzjoni u tal-operat tal-akkordju msemmi fid-deċiżjoni bitum, fuq l-implikazzjoni konkreta tal-impriżi li pparteċipaw f’dan il-ksur fl-Artikolu 81 KE kif ukoll fuq l-implikazzjoni personali tal-impjegati tagħha u, fl-aħħar nett, fuq il-kundizzjonijiet tas-swieq ikkonċernati. Il-qari tal-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni bitum juri li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżomm din l-informazzjoni kunfidenzjali tirriżulta minn analiżi individwali tagħha. Fil-fatt, l-informazzjoni kkunsidrata bħala kunfidenzjali f’din il-verżjoni kienet ġiet moħbija b’mod f’waqtu fit-test tagħha. Issa, il-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni bitum tippermetti li jinftiehmu b’livell ta’ preċiżjoni biżżejjed, il-motivi li wasslu lill-Kummissjoni li tirrifjuta l-iżvelar tal-informazzjoni moħbija. |
|
68 |
F’dan il-kuntest, fid-dawl ta’ dak li ġie indikat fil-punti 30 sa 45 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-informazzjoni inkwistjoni kienet koperta mill-preżunzjoni ġenerali li tistabbilixxi li l-iżvelar tad-dokumenti miġbura mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 81 KE, fil-prinċipju, jippreġudika kemm il-protezzjoni tal-iskop tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni kif ukoll dik tal-interessi kummerċjali tal-impriżi implikati f’tali proċedura. |
|
69 |
Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tibbaża essenzjalment fuq tali preżunzjoni, kif il-partijiet jammettu, għandha, għaldaqstant, tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti. |
|
70 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. |
|
71 |
Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx ir-rifjut tal-aċċess għan-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 7 sa 12, marbuta mal-premessi 4 sa 6 tad-deċiżjoni bitum, u għaldaqstant mal-informazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-punt 17 iktar ’il fuq. |
|
72 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom dawn in-noti ta’ qiegħ il-paġna ma ġewx żvelati. Madankollu, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, anki jekk l-applikazzjoni konfermatorja kienet tirrigwarda l-premessi 4 sa 6 tal-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum, li magħhom dawn in-noti ta’ qiegħ il-paġna kienu marbuta, hija ma ssemmietx l-imsemmija noti ta’ qiegħ il-paġna. Issa, meta, fl-applikazzjoni konfermatorja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkunsidra li n-noti ta’ qiegħ il-paġni dwar silta mid-deċiżjoni bitum kienu jkollhom jiġu żvelati, huwa semmiehom espressament. Għaldaqstant, huwa talab speċifikament li jkollu aċċess għan-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 340, 341, 343, 344, 345 sa 349, 371 sa 376, 489 u 519 sa 521 tad-deċiżjoni bitum. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tifhem, bil-qari tal-applikazzjoni konfermatorja, li din ma kinitx tirrigwarda n-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 7 sa 12 tad-deċiżjoni bitum, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex tinkludi neċessarjament motivazzjoni rigward l-għażla li ma jiġux żvelati dawn in-noti ta’ qiegħ il-paġna. |
|
73 |
Għalhekk, l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud ukoll. |
|
74 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu jirriżulta li l-ewwel u t-tieni motivi għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn interess pubbliku ikbar jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni.
|
75 |
Mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jirrifjutawx l-aċċess għal dokument, meta l-iżvelar tiegħu huwa ġġustifikat minn interess pubbliku ikbar, anki jekk dan jista’ jippreġudika, bħal f’dan il-każ, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari jew il-protezzjoni tal-iskopijiet tal-attivitajiet ta’ ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
|
76 |
Kif ġie indikat fil-punt 7 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-applikazzjoni konfermatorja ma kinitx tinkludi argumenti li jistgħu juru l-eżistenza ta’ tali interess pubbliku ikbar, sa fejn l-argument invokat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’dan ir-rigward, ibbażat fuq l-utilità tal-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum sabiex tiġi ppreparata kawża għad-danni kontra l-impriżi kkonċernati minn din id-deċiżjoni, kien ta’ natura privata. |
|
77 |
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li din il-konklużjoni hija żbaljata. Huwa jsostni li l-azzjonijiet ċivili għandhom rwol importanti fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE u jfakkar li ma huwiex parti privata, iżda Stat Membru li, responsabbli milli jamministra t-Teżor Pubbliku Olandiż li jservi l-interessi finanzjarji tal-Istat, jirsisti sabiex jikseb kumpens għat-telf subit. Fl-aħħar nett, il-mezz tal-azzjoni privata għad-danni jkun l-uniku possibbiltà li jiġi offrut lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni fl-ordinament ġuridiku intern fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-dmir ta’ kooperazzjoni impost fuqu taħt l-Artikolu 10 KE. |
|
78 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
|
79 |
Hemm lok li jiġi rrilevat li kull persuna hija intitolata titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minħabba aġir li jista’ jirrestrinġi jew jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, Ġabra p. I-6297, punti 24 u 26; tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619, punti 59 u 61, u Pfleiderer, punt 56 iktar ’il fuq, punt 28). Fil-fatt, dritt bħal dan isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi l-ftehim jew il-prattiki, ħafna drabi moħbija, li jistgħu jirrestrinġu jew jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fid-dawl ta’ dan, l-azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali, jistgħu jikkontribwixxu sostanzjalment għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (sentenzi Courage u Crehan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, u Pfleiderer, punt 56 iktar ’il fuq, punt 29). |
|
80 |
Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li l-kwistjoni dwar jekk persuna għandhiex bżonn ta’ dokument biex tipprepara rikors għal annullament taqa’ taħt l-eżami ta’ dan ir-rikors u, min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jassumi li dan il-bżonn huwa pprovat, din ma titteħidtx inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-bilanċ tal-interessi msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 f’dak li jikkonċerna talba ta’ aċċess għad-dokument (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, T-110/03, T-150/03 u T-405/03, Ġabra p. II-1429, punt 55). |
|
81 |
Hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti hija applikabbli wkoll f’dak li jikkonċerna t-talbiet ta’ aċċess għad-dokumenti u informazzjoni li twettqu abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, liema dokumenti u informazzjoni jistgħu jirriżultaw utli għal azzjoni għad-danni. |
|
82 |
Fil-fatt, minn naħa, hija l-qorti nazzjonali kompetenti adita b’azzjoni għal danni li tarbitra l-mekkaniżmi tal-produzzjoni tal-provi u tad-dokumenti xierqa, taħt id-dritt applikabbli, sabiex tiġi riżolta l-kawża. |
|
83 |
F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni l-kooperazzjoni li tqis utli, u inkluż f’dak li jikkonċerna l-produzzjoni ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-proċeduri skont l-Artikolu 81 KE jew 82 KE, il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni li tikkomunikalhom informazzjoni fil-pussess tagħha jew opinjoni dwar kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. |
|
84 |
Min-naħa l-oħra, l-interess ibbażat fuq il-possibbiltà li jinkiseb kumpens għad-dannu subit minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala interess privat, kif il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-importanza tal-kontribuzzjoni possibbli ta’ azzjoni għad-danni għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-interess pubbliku li jirrikjedi li d-dritt tal-kompetizzjoni jkun applikat għall-akkordju li jikkonċerna s-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi kien diġà ġie segwit mill-Kummissjoni meta hija adottat id-deċiżjoni bitum għal dan il-fini. |
|
85 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata minħabba l-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa Stat Membru. |
|
86 |
Fil-fatt, huwa r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi stess li għażel li jitlob li jkollu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, dan ir-regolament jagħti, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet lil kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna naturali jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru, mingħajr ma jiġu stabbiliti regoli differenzjati f’dak li jikkonċerna l-aċċess skont in-natura ta’ dawn l-applikanti. |
|
87 |
Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud. |
|
88 |
Minn naħa, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-informazzjoni msemmija fit-tmien inċiż tal-punt 17, iktar ’il fuq, kienet koperta mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti msemmija fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar, rispettivament, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi u l-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, u, min-naħa l-oħra, it-tliet motivi preċedenti, li fil-kuntest tagħhom ir-rikorrent sostna essenzjalment li l-applikazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet f’dan il-każ kienet ivvizzjata bi żbalji, ġew miċħuda, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni msemmija fit-tmien inċiż tal-punt 17, iktar ’il fuq kienet koperta mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-integrità tal-individwu. |
Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu l-Kummissjoni ma tatx aċċess parzjali għall-informazzjoni inkwistjoni.
|
89 |
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, jekk jitqies li ċerti elementi tad-deċiżjoni bitum jaqgħu effettivament taħt eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, il-partijiet l-oħra tal-imsemmija deċiżjoni għandhom madankollu jiġu żvelati abbażi tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni kellha teżamina jekk kinux jeżistu xi miżuri inqas severi miċ-ċaħda tat-talba ta’ aċċess. L-użu ta’ parametri li jikkonċernaw il-valur tal-bejgħ u tal-partijiet tas-suq, pereżempju, jippermetti l-iżvelar ta’ parti mill-informazzjoni mitluba. |
|
90 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
91 |
Skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk parti biss tad-dokument mitlub tirrigwarda waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-imsemmi artikolu, il-partijiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami tal-aċċess parzjali għal dokument tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jsir fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kunsill vs Hautala, C-353/99 P, Ġabra p. I-9565, punti 27 u 28). |
|
92 |
Mill-kliem innifsu tad-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, jirriżulta li istituzzjoni hija marbuta li teżamina jekk għandux jingħata aċċess parzjali għad‑dokumenti koperti minn talba ta’ aċċess, billi tillimita rifjut eventwali biss għall-informazzjoni koperta mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni għandha tagħti tali aċċess parzjali jekk l-għan ta’ din l-istituzzjoni, meta tirrifjuta l-aċċess għad-dokument, ikun jista’ jintlaħaq fil-każ fejn din l-istituzzjoni tillimita ruħha li taħbi s-siltiet li jistgħu jippreġudikaw l-interess pubbliku protett (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il‑Kunsill, T-264/04, Ġabra p. II-911, punt 50, u ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kunsill vs Hautala, punt 91 iktar ’il fuq, punt 29). |
|
93 |
Issa, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li, f’dan il-każ, meta ppubblikat il-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni bitum, il-Kummissjoni b’mod speċifiku tat aċċess parzjali għal din id-deċiżjoni, billi rrifjutat l-aċċess iktar tard mitlub mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-partijiet biss tad-deċiżjoni bitum li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet kollha li saru iktar ’il fuq, hija kienet tista’ b’raġun tikkunsidra bħala koperti mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni, rispettivament, tal-interessi kummerċjali tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u tal-iskop tal-attivitajiet tal-ispezzjonijiet, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
|
94 |
Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jeħtieġx, kuntrarjament għal dak li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni essenzjalment, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li quddiemhom tressqet talba għal aċċess għal dokumenti jbiddlu l-partijiet tad-dokumenti li l-iżvelar tagħhom huwa leġittimament irrifjutat, abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti minn dan ir-regolament, minn parametri meta hija involuta data biċ-ċifri. |
|
95 |
Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx iktar iġġustifikata, fir-rigward tal-perijodu li fih kienet relatata l-informazzjoni inkwistjoni.
|
96 |
L-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049 /2001 jipprovdi illi: “L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.” |
|
97 |
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet dejjem iġġustifikata fid-dawl ta’ kemm kienet ilha teżisti l-informazzjoni inkwistjoni, li bħala perijodu kien bejn sitta sa erbatax-il sena u kienet tirrelata ma’ aġir ipprojbit u ma għandhiex iżjed lok, a priori, illum. |
|
98 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
99 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 u kif ukoll ġie enfasizzat mill-ġurisprudenza (ara punt 44 iktar ’il fuq), l-eċċezzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni jistgħu japplikaw matul perijodu ta’ tletin sena, u anki lil hinn minn dak il-perijodu jekk dan ikun neċessarju, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. |
|
100 |
F’dan il-każ, parti mill-informazzjoni inkwistjoni nkisbet mid-dokumenti li jistgħu jiġu ntraċċati lura għall-bidu tas-snin 1990. Madankollu, din l-informazzjoni kollha ilha teżisti għal inqas minn 30 sena u tagħmel parti minn deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata inqas minn sentejn qabel il-preżentazzjoni ta’ dan ir-rikors. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 64 iktar ’il fuq, l-investigazzjoni li kienet wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni bitum ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala magħluqa definittivament matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jikkontestax b’mod motivat id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li s-swieq ikkonċernati mid-deċiżjoni bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu kkaratterizzati minn stabbiltà kbira. Għaldaqstant, l-informazzjoni, anki relattivament antika, setgħet tikkonserva importanza kummerċjali. |
|
101 |
Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud. |
Fuq is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 KE, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
|
102 |
Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għandhiex tkun kuntrarja għad-dritt primarju, lanqas għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Abbażi tal-Artikolu 10 KE, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet għandhom dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jilgħab rwol f’dan il-każ, għaliex l-Artikolu 10 KE jħalli li l-possibbiltà tal-iskambju tal-informazzjoni, fejn tali proċess imur inqas ’il bogħod mill-iżvelar, iżda jista’ madankollu jikkonċerna informazzjoni li ma ġietx magħrufa lill-pubbliku. |
|
103 |
Skont il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bbaża b’mod espliċitu u esklużiv it-talba tiegħu ta’ aċċess għad-deċiżjoni bitum fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 u ma ppreżentax talba għal informazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 10 KE. F’dik li jikkonċerna l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, din twassal biss li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan il-motiv b’hekk huwa inammissibbli. |
|
104 |
Jekk wieħed jassumi li dan il-motiv huwa ammissibbli, f’dan il-każ, dan ma jwassalx, skont il-Kummissjoni, għall-informazzjoni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu bżonn biex jissodisfa l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, iżda għall-informazzjoni li dan l-Istat jixtieq jikseb sabiex jipprepara azzjoni privata għad-danni quddiem il-qorti ċivili. L-Artikolu 10 KE, għaldaqstant, ma għandux jawtorizza l-aċċess għal din l-informazzjoni. Jekk it-talba għad-danni fil-livell nazzjonali hija kkunsidrata bħala li tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, f’dan il-każ il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mitluba ma tistax tiġi ggarantita u li din it-talba, għaldaqstant, tista’ tiġi miċħuda. |
|
105 |
L-Artikolu 10 KE jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta’ l-obbligi li jirrizultaw minn [din l-Unjoni] jew mid-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità. Huma m’għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanjiet ta’ dan it-Trattat.” |
|
106 |
Dan l-artikolu jippreżenta obbligu ta’ kooperazzjoni leali li japplika kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dawn għandhom ifittxu li jistabbilixxu djalogu kostruttiv li jiffaċilita b’mod partikolari l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi stabbilit mit-trattati. |
|
107 |
Madankollu, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif ġie indikat fil-punt 86 iktar ’il fuq, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għażel li jressaq talba ta’ aċċess għas-siltiet kunfidenzjali tad-deċiżjoni bitum fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001. L-għażla ta’ din il-proċedura torbot kemm ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni, billi ż-żewġ partijiet huma obbligati li jissottomettu lilhom infushom għar-restrizzjonijiet imposti minn dan ir-regolament. Il-Kummissjoni ma setgħetx għaldaqstant tevita la l-proċedura u lanqas il-possibbiltajiet ta’ eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previsti mill-imsemmi regolament mis-sempliċi fatt li t-talba kienet tressqet minn Stat Membru. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħti ebda status speċjali lil Stat Membru li jitlob l-aċċess, li għaldaqstant għandu jissottometti lilu nnifsu għall-istess limiti previsti mir-Regolament bħall-applikanti l-oħra. L-applikazzjoni awtomatika tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali f’dan il-kuntest twassal li tagħti lill-Istati Membri status speċjali li ma kienx maħsub mil-leġiżlatur tal-Unjoni matul l-abbozzar ta’ diversi atti leġiżlattivi inkwistjoni. |
|
108 |
Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 KE għaldaqstant għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
109 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Kanninen Soldevila Fragoso Berardis Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2013. Firem |
Werrej
|
Il-fatti |
|
|
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
|
Id-dritt |
|
|
Fuq is-suġġett tal-kawża |
|
|
Fuq il-mertu |
|
|
Osservazzjonijiet preliminari |
|
|
Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni inkwistjoni kienet koperta mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet u li hija ma spjegatx ir-raġuni għalfejn in-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 7 sa 12 tad-deċiżjoni bitum ma kinux ġew ikkomunikati. |
|
|
Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn interess pubbliku ikbar jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni. |
|
|
Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ inkwantu l-Kummissjoni ma tatx aċċess parzjali għall-informazzjoni inkwistjoni. |
|
|
Fuq is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx iktar iġġustifikata, fir-rigward tal-perijodu li fih kienet relatata l-informazzjoni inkwistjoni. |
|
|
Fuq is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 KE, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ |
|
|
Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.