|
16.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 100/38 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ biex jinkiseb żvilupp sostenibbli permezz tal-edukazzjoni”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2023/C 100/06)
|
Relatur: |
Tatjana BABRAUSKIENĖ |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
20.1.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
24.11.2022 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
15.12.2022 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
574 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
126/1/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid l-impenn li ħadu fil-COP26 (1) li jagħmlu l-azzjoni klimatika u l-iżvilupp sostenibbli komponent ewlieni fil-kurrikulu edukattiv. Huwa essenzjali li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa li nerġgħu nimmaġinaw il-futur flimkien maż-żgħażagħ u li jitfassal kuntratt soċjali ġdid li jittrasforma l-edukazzjoni b’mod pożittiv. |
|
1.2. |
Sabiex tinkiseb bidla fundamentali, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ trasversali komprensiv, li jiżgura l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati differenti, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni mhux formali għandhom rwol kruċjali fis-sensibilizzazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u fl-appoġġ tagħha. |
|
1.3. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tiffoka fuq il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ fis-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023, billi torbotha mal-iżvilupp sostenibbli u l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ fid-dinja li qed tinbidel. |
|
1.4. |
Il-KESE jilqa’ r-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni fil-promozzjoni ta’ proġetti, taħriġ, skambji ta’ prattiki tajbin u komunikazzjoni fost l-għalliema biex titrawwem l-implimentazzjoni tal-SDGs fl-edukazzjoni. Madankollu, l-edukazzjoni dwar approċċi u strateġiji tal-iżvilupp sostenibbli, kemm fil-livell teoretiku kif ukoll fil-prattika, għandha titfassal fil-livelli lokali, nazzjonali u reġjonali, u tkun ibbażata fuq riċerka konsistenti u pjani ta’ azzjoni ċari; hija għandha tinkludi monitoraġġ, tippermetti titjib kontinwu u l-iskambju tal-esperjenzi. |
|
1.5. |
Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti tad-djalogu soċjali u ċiviku għall-integrazzjoni tal-SDGs fil-livelli edukattivi kollha, fl-edukazzjoni formali u mhux formali, u fl-edukazzjoni tal-għalliema, biex jiġi żgurat li dawn jinkludu oqfsa ta’ kompetenza espliċiti li jagħmluha possibbli li jiġu stabbiliti objettivi ta’ tagħlim konkreti u metodi ta’ valutazzjoni. |
|
1.6. |
Il-KESE jirrimarka li kulħadd għandu bżonn l-għarfien meħtieġ biex jiġġieled it-tibdil fil-klima, speċjalment dwar l-aspetti kollha tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, l-għażliet tal-ikel responsabbli u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, kif ukoll l-użu tal-enerġija sostenibbli. L-edukazzjoni tat-tfal għandha tkun appoġġjata mit-tagħlim tul il-ħajja għall-ġenituri u l-edukazzjoni taċ-ċittadini. Barra minn hekk, għandha tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni għal kulħadd, inkluż billi jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ dwar din il-kwistjoni. |
|
1.7. |
Il-KESE jappella biex l-investiment tal-UE jkun marbut aħjar mal-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli bl-użu ta’ fondi tal-UE, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, Erasmus+, Orizzont, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), u l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+). |
|
1.8. |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri kollha jipprovdu investiment pubbliku sostenibbli u ta’ kwalità sabiex jiġi żgurat li l-SDGs jiġu integrati fl-edukazzjoni nazzjonali, mhux biss fit-teorija iżda wkoll fil-prattika, bl-iżvilupp ta’ kurrikuli komprensivi sabiex irawmu l-ħiliet ta’ ħsieb kritiku u t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati. |
|
1.9. |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ effettiv lill-għalliema biex il-professjoni ssir aktar attraenti. Filwaqt li fl-Ewropa hemm nuqqas kbir ta’ għalliema, l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà teħtieġ għalliema apprezzati, b’salarji deċenti u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Biex is-sistema edukattiva tinbidel, huwa essenzjali li jiġi żgurat li jkun hemm taħriġ inizjali u kontinwu ta’ kwalità għolja tal-għalliema, l-ekwità u l-inklużjoni fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u organizzazzjoni innovattiva tal-iskejjel. |
|
1.10. |
Il-KESE jappella biex iż-żgħażagħ jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-proċess tal-edukazzjoni u t-tagħlim. Dan jista’ jinkiseb billi titnaqqas il-burokrazija fil-professjoni tat-tagħlim, b’enfasi fuq pedagoġija innovattiva u kooperazzjoni mill-qrib mal-istudenti. F’dan il-kuntest, huwa importanti li l-għalliema kollha jitħejjew biex jużaw b’mod effiċjenti t-teknoloġiji ġodda u għal kuntesti ġodda ta’ tagħlim, kemm fil-kurrikulu kif ukoll f’ħajjithom stess. Ikun ta’ benefiċċju li tiġi vvalutata l-fattibbiltà tal-iżvilupp ta’ pjattaforma jew dashboard online apposta għall-iskambju tal-aħjar prattiki. |
|
1.11. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea taħdem fuq l-introduzzjoni ta’ indikatur Ewropew dwar it-tnaqqis tal-faqar u t-tluq bikri mill-iskola, f’konformità mal-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli sabiex tiġi miġġielda l-inugwaljanza. Dan jista’ jiġi żviluppat flimkien ma’ indikatur globali. |
2. Kuntest
2.1. Il-ħtieġa għal żvilupp sostenibbli
|
2.1.1. |
Il-politiċi, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha għandhom jirrikonoxxu li t-trasformazzjoni fuq skala kbira minn ekonomija bbażata fuq il-fjuwils fossili, lineari u li tuża ħafna riżorsi għal ekonomija ċirkolari li ma tagħmilx ħsara lill-klima hija tant meħtieġa. Madankollu, hija ġġib magħha ħafna taqlib għall-ħajja u l-pjani futuri taċ-ċittadini, iżda speċjalment dawk taż-żgħażagħ u tal-ġenerazzjonijiet futuri. |
|
2.1.2. |
Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna tenfasizza wkoll id-dipendenza mhux sostenibbli tal-Ewropa fuq l-enerġija mill-fossili u tpoġġi t-tranżizzjoni ekoloġika f’kuntest ġeopolitiku ġdid. Sabiex innaqqsu d-dipendenza tagħna, huwa inevitabbli li nħaffu d-dekarbonizzazzjoni, u dan huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel. Fid-dawl tal-isfidi attwali u futuri, l-Aġenda 2030, is-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha u l-wegħda li ħadd u l-ebda post ma jitħallew jibqgħu lura jipprovdu perkors uniku għal ekonomija tal-benesseri, biex nibnu mill-ġdid aħjar u biex tinkiseb dinja aktar ekwa, ġusta, inklużiva, sostenibbli u reżiljenti. |
|
2.1.3. |
Fil-futur qrib, l-UE għandha tagħti eżempju billi toħloq perkors ekonomikament sostenibbli għal tranżizzjoni ekoloġika u soċjalment ġusta. Biex jinkiseb dan, il-KESE jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jawtonomizzaw liż-żgħażagħ u jinvolvuhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li jadattaw l-edukazzjoni u l-impjieg, u jimmobilizzaw saħansitra aktar żgħażagħ. Skont il-Programm Dinji ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ sas-sena 2000 u lil hinn (2) adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1995, iż-żgħażagħ fil-pajjiżi kollha huma kemm riżorsa umana ewlenija għall-iżvilupp kif ukoll aġenti ewlenin għall-bidla soċjali, l-iżvilupp ekonomiku u l-innovazzjoni teknoloġika. Il-KESE jirrimarka li ż-żgħażagħ huma l-mexxejja tal-futur. Jeħtieġ li jiġu appoġġjati fl-aċċess għall-innovazzjoni progressiva, u integrati bis-sħiħ fit-tfassil tal-politika sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli. |
|
2.1.4. |
L-objettiv ta’ din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li tanalizza jekk u kif l-SDGs huma inkorporati fil-kurrikulu edukattiv tal-Istati Membri u li teżamina jekk l-approċċ mill-Istati Membri rispettivi jistax jitqies bħala edukazzjoni trasformattiva għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli (3). Barra minn hekk, l-Opinjoni tipprovdi rakkomandazzjonijiet biex tappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri dwar kif għandhom irawmu l-opportunitajiet u jegħlbu l-isfidi biex jiġu żviluppati aktar il-politiki dwar iż-żgħażagħ, filwaqt li jiġi żgurat li l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli tiġi integrata minn kmieni. |
|
2.2. |
Xenarju ta’ politika |
|
2.2.1. |
Fl-2015, in-Nazzjonijiet Uniti adottaw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) bħala pjan ta’ azzjoni ambizzjuż għad-dinja biex nindirizzaw id-degradazzjoni ambjentali u l-kwistjonijiet ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku flimkien. Is-17-il SDG, b’169 mira assoċjata li għandhom jintlaħqu sal-2030, iqiegħdu l-edukazzjoni fiċ-ċentru tat-twettiq tagħhom. L-edukazzjoni hija dritt tal-bniedem, u l-edukazzjoni (inkluża l-edukazzjoni dwar is-sostenibbiltà) għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd. Madankollu, skont ir-rapport tal-Unesco dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs, l-edukazzjoni pubblika mhijiex b’xejn għal kulħadd u spiss mhijiex inklużiva. Għalhekk, l-implimentazzjoni tal-SDG 4.7 kienet diffiċli. Barra minn hekk, ħafna pajjiżi għadhom mhumiex impenjati bis-sħiħ biex jagħmlu l-azzjoni klimatika komponent ewlieni tal-kurrikulu (4). |
|
2.2.2. |
L-SDG 4.7 jiddikjara li, sal-2030 il-firmatarji se jkunu meħtieġa jiżguraw li l-istudenti kollha jiksbu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, inkluż, fost oħrajn, permezz tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u stili ta’ ħajja sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-promozzjoni ta’ kultura ta’ paċi u nonvjolenza, ċittadinanza globali u apprezzament tad-diversità kulturali u tal-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp sostenibbli. L-Opinjoni rilevanti tal-KESE Lejn strateġija tal-UE għat-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi għal kulħadd (5) hija konformi ma’ din ir-rakkomandazzjoni. |
|
2.2.3. |
F’dawn l-aħħar snin, il-politika tal-UE ffukat dejjem aktar fuq is-sostenibbiltà ambjentali. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (6), imniedi fl-2019, huwa l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li tagħmel l-ekonomija tal-UE sostenibbli, u timmarka l-ambizzjoni tagħha li l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. |
|
2.2.4. |
Bħala parti mill-pjan tagħha għall-edukazzjoni u t-taħriġ biex jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, il-Kummissjoni Ewropea ssuġġeriet firxa ta’ inizjattivi: l-ewwel, it-tnedija tal-Koalizzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Klima (7); it-tieni, il-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati reċentement dwar it-trawwim tal-involviment fost iż-żgħażagħ bħala atturi tal-bidla sabiex jiġi protett l-ambjent (8), u Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli (9). It-tielet, l-iżvilupp ta’ qafas Ewropew ta’ kompetenza dwar it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli (10). |
|
2.2.5. |
Fl-4 u l-5 ta’ April 2022, il-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport issottolinja r-rwol importanti tal-isport fl-edukazzjoni għal ambjent sostenibbli u rrakkomanda li “[i]sibu modi kif jippromwovu l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-bini ta’ sens ta’ responsabbiltà ambjentali u ċivika fost il-klabbs sportivi, il-federazzjonijiet u partijiet ikkonċernati oħra fil-qasam tal-isport (11)”. |
|
2.2.6. |
Is-sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 hija maħsuba wkoll biex tippromovi l-opportunitajiet u l-possibbiltajiet ġodda offruti mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dawn it-tranżizzjonijiet għandhom ikunu inklużivi u jaraw li jiġu integrati ż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet u gruppi vulnerabbli ta’ żgħażagħ. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiffoka wkoll fuq il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ fis-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023, billi torbotha mal-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ fid-dinja li qed tinbidel. |
|
2.2.7. |
Huwa importanti li l-investiment tal-UE jkun marbut aħjar mal-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli bl-użu ta’ fondi tal-UE, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, Erasmus+, Orizzont, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), u l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+). Il-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima hija waħda mill-erba’ prijoritajiet ġenerali tal-programm il-ġdid ta’ Erasmus+ għall-2021-2027, flimkien mal-inklużjoni u d-diversità, it-trasformazzjoni diġitali, u l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-mobilità online se tiġi mħeġġa wkoll fil-programm Erasmus sabiex titnaqqas l-impronta tal-karbonju. |
3. Iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli
|
3.1. |
L-importanza tal-iżvilupp tal-ħiliet fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll fl-ekonomija ċirkolari, jeħtieġ li titqies fit-taħriġ mill-ġdid u fit-titjib tal-ħiliet taż-żgħażagħ. L-imsieħba soċjali (l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u t-trade unions tal-ħaddiema) u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fid-definizzjoni tal-profili u l-istandards tal-impjiegi professjonali u okkupazzjonali u fl-integrazzjoni tal-aspetti tas-sostenibbiltà fl-apprendistati u fit-taħriġ tal-impjegati. L-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jgħinu liż-żgħażagħ jadattaw fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol b’mod li jinkludi l-iżvilupp sostenibbli. Ir-rwoli tad-djalogu soċjali u ċiviku huma essenzjali u jeħtieġ li jissaħħu. |
|
3.2. |
Iż-żgħażagħ jeħtieġu inklużività diġitali u soċjali, edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità, impjieg stabbli, kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, akkomodazzjoni affordabbli, u appoġġ fil-ġlieda ta’ kuljum kontra t-tibdil fil-klima. Hemm bżonn ta’ aktar riċerka u data dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-pajjiżi, ir-reġjuni u fil-livell lokali, li jorbtuh mat-tbassir tal-ħiliet u l-impjiegi. Filwaqt li jirrikonoxxu li hemm kriżi kbira tal-ikel fl-Ewropa u f’kontinenti oħra, iż-żgħażagħ jeħtieġ li jitgħallmu dwar l-aspetti kollha tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, inaqqsu l-ħela tal-ikel u jagħmlu għażliet responsabbli tal-ikel. |
|
3.3. |
L-inugwaljanza għandha tiġi indirizzata bl-introduzzjoni ta’ indikatur globali u Ewropew dwar it-tnaqqis tal-faqar u tat-tluq bikri mill-iskola, f’konformità mal-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli. Id-depopolazzjoni taż-żoni rurali minħabba nuqqas ta’ prospetti ta’ impjieg u nuqqas ta’ opportunitajiet edukattivi qed ikollha impatt detrimentali fuq il-familji żgħażagħ. It-tluq bikri mill-iskola huwa problema fiż-żoni urbani u rurali, u għalhekk, il-politiki dwar is-suq tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku ġust iridu jkunu effettivi sabiex jitnaqqas l-għadd ta’ NEETs (12). |
|
3.4. |
L-implimentazzjoni effettiva tal-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (13) u t-tisħiħ tal-Qafas Ewropew ta’ Kwalità għat-Traineeships huma essenzjali fir-rigward tal-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli. |
|
3.5. |
Il-KESE jemmen li minħabba l-iskala, il-kumplessità u l-immedjatezza ta’ dawn il-kwistjonijiet, huwa meħtieġ sforz imsaħħaħ u kkoordinat aħjar mill-UE u l-Istati Membri, inkluż dwar it-titjib tal-edukazzjoni għas-sostenibbiltà, li issa hija kruċjali. Dan jinkludi wkoll l-edukazzjoni dwar l-użu tal-enerġija sostenibbli. Il-politiki tal-UE u tal-Istati Membri dwar l-edukazzjoni jeħtieġ li jiġu mmonitorjati u mmappjati b’mod konsistenti, bi prattiki tajbin skambjati fost il-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet. Fil-qalba tal-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli hemm valuri umanistiċi li jiffukaw fuq il-ksib tal-għarfien u l-formazzjoni ta’ soluzzjonijiet prattiċi bbilanċjati, filwaqt li jitqiesu l-konsegwenzi ambjentali u soċjali. |
|
3.6. |
L-għalliema u l-ġenituri jaqdu rwol essenzjali fl-edukazzjoni għal ambjent sostenibbli. L-għalliema u l-ħarrieġa jeħtieġ li jiġu appoġġjati b’taħriġ professjonali inizjali u kontinwu ta’ kwalità dwar is-sostenibbiltà. L-Opinjoni tal-KESE Lejn strateġija tal-UE għat-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi għal kulħadd (14) enfasizzat il-punt importanti li kulħadd jeħtieġ l-għarfien meħtieġ fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. It-tagħlim tul il-ħajja għall-ġenituri u l-edukazzjoni taċ-ċittadini huma essenzjali u għandhom jissaħħu permezz ta’ sensibilizzazzjoni għal kulħadd, inkluż billi jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ dwar din il-kwistjoni. |
|
3.7. |
Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ effettiv lill-għalliema biex il-professjoni ssir aktar attraenti. Filwaqt li fl-Ewropa hemm nuqqas kbir ta’ għalliema, l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà teħtieġ għalliema apprezzati, b’salarji deċenti u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Sabiex is-sistema edukattiva tinbidel, huwa essenzjali li jiġi żgurat li jkun hemm taħriġ inizjali u kontinwu ta’ kwalità għolja għall-għalliema, l-ekwità u l-inklużjoni fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u organizzazzjoni innovattiva tal-iskejjel, biex tinħoloq kultura ta’ paċi u sigurtà. L-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ għall-iżvilupp sostenibbli permezz tal-edukazzjoni jirrikjedi professjonisti kapaċi, mgħammra b’għodod diversi u assertivi. L-għalliema b’livell għoli ta’ ħiliet se jkunu jafu kif jagħmlu l-aħjar użu fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi (15) u d-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück dwar il-VET (16) biex jippromwovu ċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni fl-edukazzjoni. |
|
3.8. |
Iż-żgħażagħ tal-Ewropa jikkostitwixxu kapital uman imprezzabbli u sors ta’ ideat innovattivi, bl-immaġinazzjoni kreattiva, l-entużjażmu u l-enerġija tagħhom, u għandhom l-akbar rwol x’jaqdu biex jixprunaw l-iżvilupp sostenibbli fl-Istati Membri tal-UE issa u fil-futur qrib. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri tal-UE għandhom sors kbir ta’ potenzjal mhux sfruttat biex jaġixxu. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni mhux formali għandhom rwol importanti fl-appoġġ tal-edukazzjoni u t-tagħlim sostenibbli. |
|
3.9. |
Il-KESE jappella biex iż-żgħażagħ jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-proċess tal-edukazzjoni u t-tagħlim. Dan jista’ jinkiseb billi titnaqqas il-burokrazija fil-professjoni tat-tagħlim, b’enfasi fuq il-pedagoġija innovattiva u fuq relazzjoni mill-qrib mal-istudenti, u billi l-għalliema kollha jitħejjew għall-użu ta’ teknoloġiji ġodda, għal kuntesti ġodda ta’ tagħlim, kemm fil-kurrikulu kif ukoll f’ħajjithom stess. Edukazzjoni trasformattiva teħtieġ għalliema trasformattivi, ħiliet trasformattivi u ċittadini trasformattivi. L-għalliema u l-ħarrieġa jeħtieġu biżżejjed żmien, spazju u riżorsi biex ikunu jistgħu jimplimentaw l-approċċ “prattiku” u trasversali tal-Edukazzjoni għas-Sostenibbiltà Ambjentali, ibbażat fuq ħidma f’tim effiċjenti fost il-partijiet interessati. Dan huwa suġġett trasversali li jikkonċerna d-dixxiplini kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali f’approċċ pedagoġiku interdixxiplinari. |
|
3.10. |
Ta’ min jinnota li ż-żgħażagħ diġà qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli f’pajjiżhom u għall-għanijiet klimatiċi internazzjonali fuq il-mudell ta’ “mhux ta’ ħsara għall-ambjent” u, barra minn hekk, qed jingħaqdu b’mod attiv man-networks internazzjonali ta’ movimenti taż-żgħażagħ immirati lejn il-konservazzjoni tan-natura u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Biex dan jiġi kkomplementat, jeħtieġ li nadattaw is-sistemi edukattivi kollha biex nipprovdu spazju għal edukazzjoni trasformattiva li se tippermetti liż-żgħażagħ jidderieġu l-isforzi tagħhom biex iwettqu l-bidla trasformattiva li neħtieġu. Skont ir-rapport reċenti tal-IPCC, it-tagħlim trasformattiv huwa kruċjali minħabba li jgħin biex iwassal kemm għal sensibilizzazzjoni kondiviża kif ukoll għal azzjonijiet kollettivi (17). |
4. L-iżvilupp sostenibbli għandu jitqies bħala proċess ta’ tagħlim kontinwu u komprensiv
|
4.1. |
Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li l-iżvilupp sostenibbli tal-istat u tas-soċjetà ma jistax jeżisti mingħajr tagħlim kostanti, u l-ksib u l-fehim ta’ esperjenzi ġodda. F’dan ir-rigward, l-iżvilupp sostenibbli għandu jitqies bħala proċess kontinwu li permezz tiegħu s-soċjetà trid titgħallem tgħix b’mod aktar sostenibbli minn perspettiva ambjentali, ekonomika u soċjali. Permezz tal-aċċess għall-informazzjoni u billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni, iżda aktar importanti minn hekk billi tinbena l-kapaċità tan-nies li jinnovaw u jimplimentaw soluzzjonijiet, l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà hija essenzjali jekk irridu norjentaw mill-ġdid il-mod kif ngħixu u naħdmu. Sabiex iż-żgħażagħ jiġu edukati biex jindirizzaw b’mod konxju l-aktar kwistjonijiet kumplessi ta’ żvilupp sostenibbli li jiffaċċjaw il-komunitajiet u l-istati, huwa meħtieġ li jiġu żviluppati kurrikuli komprensivi biex jitrawmu ħiliet ta’ ħsieb kritiku u teħid ta’ deċiżjonijiet infurmat. |
|
4.2. |
Abbażi ta’ studji u riċerka mwettqa f’isem il-Kummissjoni Ewropea biex tħejji l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment favur is-sostenibbiltà ambjentali, 13-il Stat Membru biss għandhom definizzjoni ċara ta’ Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli jew Edukazzjoni għas-Sostenibbiltà Ambjentali. Huwa ta’ dispjaċir li t-terminu “Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli” u l-mira tal-SDG 4.7 mhumiex applikati f’xi Stati Membri minkejja li huwa rikonoxxut bħala element integrali tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 4 (SDG 4) dwar edukazzjoni ta’ kwalità u faċilitatur ewlieni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) l-oħra kollha. Ir-rapporti tal-pajjiżi analizzati ma staqsewx speċifikament dwar il-finanzjament. Madankollu, l-Italja, li bdiet tagħmel wegħdiet dwar l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli, semmiet b’mod ċar li n-nuqqas ta’ finanzjament huwa waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex waqfet l-implimentazzjoni tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli. Meta l-gvernijiet jiġu mġiegħla jnaqqsu l-infiq minħabba kriżijiet ekonomiċi, tal-enerġija u tal-għoli tal-ħajja, l-edukazzjoni, bħal oqsma soċjali oħra, dejjem tkun f’din l-ekwazzjoni. In-nuqqas ta’ investiment jikkawża forom differenti ta’ privatizzazzjoni u assimetriji fis-sistemi, u jnaqqas l-ekwità u l-libertà pedagoġika u akkademika. |
|
4.3. |
Il-kwistjoni ta’ jekk neħtiġux strateġija ċentralizzata minn fuq għal isfel biex nimplimentaw l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli b’suċċess, jew jekk hemmx fatturi oħra li jiddeterminaw is-suċċess tagħha, tipprovdi punti ta’ riflessjoni wkoll. Id-Danimarka u n-Netherlands ma għandhomx strateġija nazzjonali għall-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli iżda l-iskejjel tagħhom qed jaħdmu b’mod attiv fuq dan is-suġġett. Il-Finlandja għandha strateġija nazzjonali iżda tibża’ li l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli hija frammentata bejn l-iskejjel. L-Italja diġà inkludiet l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli fil-kurrikulu nazzjonali, iżda qiegħda tesperjenza għadd kbir ta’ sfidi biex timplimentaha fil-livell reġjonali. Franza żviluppat strateġija nazzjonali li hija ġestita mill-awtoritajiet edukattivi lokali u implimentata fl-iskejjel kollha permezz tal-kurrikulu nazzjonali u l-proġetti pedagoġiċi. B’dan il-mod, ikun involut kull livell li, min-naħa tiegħu, jiżgura s-suċċess tiegħu. |
|
4.4. |
Waħda mill-kwistjonijiet kruċjali hija l-prijoritizzazzjoni tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli. L-OECD, f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, dan l-aħħar ippubblikat riċerka (18) li timmappja l-kompetenza tas-sostenibbiltà ambjentali taż-żgħażagħ madwar l-UE u l-pajjiżi tal-OECD. Dan l-approċċ ġdid għall-istudji u l-valutazzjonijiet jista’ jipprovdi sinjal tajjeb lejn il-prijoritizzazzjoni tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli fl-Istati Membri. Jista’ jkun utli li tiġi esplorata aktar ir-relazzjoni bejn il-miżuri tan-NU għall-promozzjoni tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u l-miżuri tal-OECD biex jgħinu fl-iżvilupp tal-politika tal-edukazzjoni permezz ta’ PISA, sabiex jiġi vvalutat jekk hemmx xi asimetriji fil-modi kif dawn iż-żewġ settijiet ta’ miżuri jsawru s-sistemi edukattivi. |
|
4.5. |
Ostaklu potenzjali wieħed huwa l-implimentazzjoni tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli f’pajjiżi b’sistema federali. Dak li rajna fir-rapporti nazzjonali huwa li l-livell ta’ koordinazzjoni bejn il-ministeru federali inkwistjoni u l-awtoritajiet reġjonali jvarja bejn l-Istati Membri — fil-Ġermanja din hija kwistjoni li toħloq diffikultà, filwaqt li l-Awstrija għandha network li jirregola l-koordinazzjoni. Il-mod li bih il-gvern federali Awstrijak huwa involut fl-inizjattivi minn isfel għal fuq huwa eżempju li pajjiżi oħra jistgħu jsegwu. |
|
4.6. |
Huwa essenzjali għas-soċjetajiet preżenti u futuri li jivvalutaw mill-ġdid, jikkunsidraw mill-ġdid u jiddefinixxu mill-ġdid l-edukazzjoni mill-perspettiva tal-edukazzjoni u t-tagħlim sostenibbli — mill-edukazzjoni preprimarja sal-università u lil hinn minnha — sabiex fl-aħħar mill-aħħar iħaddnu l-prinċipji, l-għarfien, il-ħiliet, it-twemmin u l-valuri assoċjati mas-sostenibbiltà fit-tliet oqsma kollha: l-ekoloġija, is-soċjetà u l-ekonomija. Proċess bħal dan għandu jkun globali, interdixxiplinari u jinvolvi inizjattivi fil-livell lokali kif ukoll lill-pubbliku ġenerali, u jeħtieġ li jkun appoġġjat mill-gvernijiet rispettivi. Madankollu, l-implimentazzjoni fil-pajjiżi individwali jeħtieġ li tqis il-karatteristiċi lokali u l-karatteristiċi kulturali speċifiċi. |
|
4.7. |
L-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli għandha xxerred l-għarfien dwar l-ambjent u l-kundizzjoni tiegħu, u turi l-possibbiltajiet li jeżistu biex nadattaw l-ekonomija tagħna b’mod li jinċentiva l-għoti ta’ prijorità lill-benesseri tan-nies u tal-pjaneta, filwaqt li tippromovi l-ekwità interġenerazzjonali u l-konservazzjoni tal-ambjent naturali. Din l-ekonomija adattata għandha tagħti importanza akbar lill-metodi ta’ ġestjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, tipprovdi opportunitajiet biex jitrawwem ir-rispett bir-reqqa tal-valuri naturali u kulturali, u tkun immexxija mill-valuri bbażati fuq l-etika ekoloġika tar-responsabbiltà għall-konservazzjoni tal-ambjent għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, u għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. |
|
4.8. |
L-edukazzjoni trasformattiva għall-iżvilupp sostenibbli għandha:
|
|
4.9. |
Ma hemm l-ebda mudell universali ta’ edukazzjoni trasformattiva għas-sostenibbiltà u għalhekk kull pajjiż se jkollu jiddetermina l-prijoritajiet u l-azzjonijiet tiegħu stess fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u l-edukazzjoni permezz tal-involviment effettiv tal-imsieħba soċjali rilevanti, is-soċjetà ċivili organizzata u partijiet interessati oħra, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. It-tmexxija kollaborattiva tal-iskejjel u l-edukazzjoni ċivika għandhom rwol ewlieni fit-tiswir tal-iskejjel biex tissaħħaħ l-edukazzjoni dwar is-sostenibbiltà. L-objettivi, il-linji ewlenin ta’ azzjoni u l-mekkaniżmi għandhom jiġu ddeterminati, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi lokali u l-karatteristiċi kulturali. |
|
4.10. |
Il-ħolqien ta’ sistema edukattiva għall-iżvilupp sostenibbli jinvolvi t-tranżizzjoni minn edukazzjoni tradizzjonali għal mudell orjentat lejn is-sostenibbiltà, li għandu jkun ibbażat fuq għarfien interdixxiplinari wiesa’ msejjes fuq approċċ integrat għall-iżvilupp tas-soċjetà, l-ekonomija u l-ambjent. Edukazzjoni bħal din għandha tinvolvi ħidma fil-livell ta’ edukazzjoni formali (l-iskejjel, l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ avvanzat) u mhux formali (il-ħolqien ta’ ċentri ta’ taħriġ, seminars u laqgħat għad-diskussjoni, l-użu tal-midja, eċċ.) u edukazzjoni informali (it-tagħlim bejn il-pari permezz ta’ avvenimenti, skambji taż-żgħażagħ, proġetti mmexxija miż-żgħażagħ, eċċ.). Il-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jintegraw l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali jeħtieġ li jkunu aċċessibbli u inklużivi. Jeħtieġ li fi stadju bikri l-gvernijiet iqisu r-realtà li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ minn sfondi żvantaġġati u jiżguraw li jsibu modi kif jinkludu dawn il-gruppi. |
Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Co-chairs conclusions of Education and Environment Ministers’ summit at CoP26 “Learn for our Planet. Act for the climate” (Il-konklużjonijiet tal-Kopresidenti tas-Summit tal-Ministri għall-Edukazzjoni u l-Ambjent tal-COP26 — “Nitgħallmu mill-Pjanetà. Naġixxu għall-klima” (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) NU — World programme of action for youth (Programm dinji ta’ azzjoni għaż-żgħażagħ) (mhux disponibbli bil-Malti).
(3) Jintużaw diversi termini — l-Opinjoni tirreferi għal “edukazzjoni trasformattiva għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli”. Madankollu, l-“Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli” u l-“Edukazzjoni għas-Sostenibbiltà Ambjentali” jintużaw b’mod interkambjabbli fil-kuntest attwali. Ara wkoll il-glossarju fl-Appendiċi.
(4) Unesco Global education monitoring report, 2021/2: Non-state actors in education: who chooses? who loses? (Rapport ta’ monitoraġġ tal-Unesco dwar l-edukazzjoni globali, 2021/2: Atturi mhux statali fl-edukazzjoni: min jagħżel? min jitlef) (mhux disponibbli bil-Malti).
(5) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn strateġija tal-UE għat-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi għal kulħadd” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 56, 16.2.2021, p. 1).
(6) Il-Patt Ekoloġiku Ewropew.
(7) Il-Kummissjoni Ewropea — Koalizzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Klima.
(8) Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill — Trawwim tal-involviment fost iż-żgħażagħ bħala atturi tal-bidla sabiex jitħares l-ambjent (ĠU C 159, 12.4.2022, p. 9).
(9) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 1).
(10) Bianchi, G., Pisiotis, U. u Cabrera Giraldez, M., GreenComp — Il-qafas Ewropew ta’ kompetenza dwar is-Sostenibbiltà, Punie, Y. u Bacigalupo, M. editur(i), EUR 30955 EN, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Lussemburgu, 2022, ISBN 978-92-76-46485-3, doi:10.2760/13286, JRC128040.
(11) Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri dwar ‘L-isport u l-attività fiżika, strumenti promettenti biex tinbidel l-imġiba favur l-iżvilupp sostenibbli’ (ĠU C 170, 25.4.2022, p. 1).
(12) NEET huwa akronimu għal “Not in Education, Employment, or Training” (Barra mill-Edukazzjoni, Impjieg jew Taħriġ), u jirreferi għal persuna li tkun qiegħda u li ma tkunx qiegħda tirċievi edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali.
(13) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).
(14) L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn strateġija tal-UE għat-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi għal kulħadd” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 56, 16.2.2021, p. 1).
(15) Promoting citizenship and the common values of freedom, tolerance and non-discrimination through education (Il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni) Eurydice (mhux disponibbli bil-Malti).
(16) Osnabrück Declaration on vocational education and training as an enabler of recovery and just transitions to digital and green economies (Id-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala faċilitatur tal-irkupru u ta’ tranżizzjonijiet ġusti lejn ekonomiji diġitali u ekoloġiċi) — osnabrueck_declaration_eu2020.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).
(17) Is-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-IPCC, Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma III: Climate Change 2022: Mitigation of Climate Change, (Tibdil fil-Klima 2022: Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima), p. 2871 (mhux disponibbli bil-Malti).
(18) Borgonovi, F., et al. (2022), Young people’s environmental sustainability competence: Emotional, cognitive, behavioural, and attitudinal dimensions in EU and OECD countries (Il-kompetenza taż-żgħażagħ fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali: Dimensjonijiet emozzjonali, konjittivi, tal-imġiba u tal-attitudni fil-pajjiżi tal-UE u tal-OECD), OECD Social, Employment and Migration Working Papers, Nru 274, OECD Publishing, Pariġi (mhux disponibbli bil-Malti). Borgonovi, F., et al. (2022), The environmental sustainability competence toolbox: From leaving a better planet for our children to leaving better children for our planet, (Is-sett ta’ għodod ta’ kompetenza għas-sostenibbiltà ambjentali: Milli nħallu pjaneta aħjar għat-tfal tagħna għal inħallu tfal aħjar għall-pjaneta tagħna), OECD Social, Employment and Migration Working Papers, Nru 275, OECD Publishing, Pariġi (mhux disponibbli bil-Malti). Id-dokumenti tħejjew bħala sfond għall-pubblikazzjoni li jmiss tal-OECD dwar il-Previżjoni tal-Ħiliet 2023.