Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

2 ta’ Lulju 2026 (*)

Werrej


I. Il-kuntest ġuridiku

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

A. Il‑kuntest fattwali

B. Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u d-deċiżjoni kontenzjuża

1. Bejgħ marbut tal-applikazzjoni Google Search

2. Bejgħ marbut tal-browser Chrome

3. Għoti ta’ liċenzji għall-Play Store u għall-applikazzjoni Google Search suġġett għall-obbligi antiframmentazzjoni tal-FAF

4. Ħlas ta’ perċentwali tad-dħul suġġett għall-assenza ta’ preinstallazzjoni ta’ servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetituri fuq firxa ta’ prodotti partikolari

5. Tul tar-restrizzjonijiet kontenzjużi u l-multa

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

A. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tad-definizzjoni tas-suq rilevanti u tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti

B. Fuq it-tieni motiv, dwar l-ewwel u t-tieni abbuż, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM

1. Osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-elementi kuntestwali

2. Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda r-“restrizzjoni tal-kompetizzjoni”

3. Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda l-ġustifikazzjonijiet oġġettivi

C. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-kundizzjoni ta’ preinstallazzjoni unika inkluża fil-FTD abbażi ta’ portfolio

D. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-issuġġettar tal-għoti ta’ liċenzji tal-Play Store u tal-applikazzjoni Google Search għall-osservanza tal-OAF

1. Fuq l-ewwel parti, dwar ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni

2. Fuq it-tieni parti dwar l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi

E. Fuq il-ħames motiv

F. Fuq is-sitt motiv

IV. It-talbiet tal-partijiet fl-appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V. Fuq l-appell

A. Fuq lewwel aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

a) Fuq l-ewwel parti

b) Fuq it-tieni parti

c) Fuq it-tielet parti

d) Fuq ir-raba’ parti

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a) Fuq l-ammissibbiltà u n-natura effettiva tal-ewwel aggravju

b) Fuq l-ewwel parti

c) Fuq it-tieni parti

d) Fuq it-tielet parti

e) Fuq ir-raba’ parti

B. Fuq it-tieni aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

a) Fuq l-ewwel parti

1) Fuq l-ewwel ilment

2) Fuq it-tieni lment

3) Fuq it-tielet ilment

b) Fuq it-tieni parti

1) Fuq l-ewwel ilment

2) Fuq it-tieni lment

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a) Kunsiderazzjonijiet ġenerali

b) Fuq l-ewwel parti

c) Fuq it-tieni parti

C. Fuq it-tielet aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

a) Fuq l-ewwel parti

b) Fuq it-tieni parti

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a) Fuq l-ewwel parti

b) Fuq it-tieni parti

D. Fuq ir-raba’ aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

E. Fuq il-ħames aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

F. Fuq is-sitt aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

VI. Fuq l-ispejjeż



“Appell – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali fuq l-internet – Suq tas-sistemi operattivi mobbli intelliġenti taħt liċenzja – Suq tal-ħwienet ta’ applikazzjonijiet online għas-sistema operattiva mobbli Android – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Restrizzjonijiet kuntrattwali – Bejgħ marbut – Effetti ta’ esklużjoni – Relevanza tal-kuntest – Xenarju kontrofattwali – Kompetitur daqstant effikaċi – Ħlas suġġetti għal preinstallazzjoni esklużiva – Ostaklu għall-iżvilupp u għad-distribuzzjoni ta’ forks Android kompetituri – Ksur uniku u kontinwu – Multa – Ġuriżdizzjoni sħiħa tal-qorti”

Fil-Kawża C‑738/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑30 ta’ Novembru 2022,

Google LLC, stabbilita f’Mountain View (l-Istati Uniti),

Alphabet Inc., stabbilita f’Mountain View,

irrappreżentati inizjalment minn G. Forwood, J. Killick u N. Levy, avocats, D. Gregory, BL, u P. Stuart, BL, A. Komninos, dikigoros, A. Lamadrid de Pablo, abogado, H. Mostyn, barrister, M. Pickford, KC, kif ukoll J. Schindler, Rechtsanwalt, sussegwentement minn G. Forwood, J. Killick u N. Levy, avocats, D. Gregory, BL, u P. Stuart, BL, A. Komninos, dikigoros, A. Lamadrid de Pablo, abogado, H. Mostyn, barrister, kif ukoll M. Pickford, KC,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Castillo de la Torre, A. Dawes, N. Khan u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti, sussegwentement minn F. Castillo de la Torre, A. Dawes u C.Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Application Developers Alliance, stabbilita f’Washington (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn R. Baena Zapatero, abogado, A. Parr u S. Vaz, solicitors,

Computer & Communications Industry Association, stabbilita f’Washington, irrappreżentata minn B. Byrne, solicitor, M. Levitt, avocat, u P. Lugard, advocaat,

Gigaset Communications GmbH, stabbilita f’Bocholt (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J.-F. Bellis, avocat,

HMD global Oy, stabbilita f’Ħelsinki (il-Finlandja),

Opera Norway AS, li kienet Opera Software AS, stabbilita f’Oslo (in‑Norveġja),

irrappreżentati minn M. Glader u M. Johansson, advokater,

BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV, li kienet Bundesverband Deutscher Zeitungsverleger eV, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Höppner u P. Westerhoff, Rechtsanwälte,

Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn A. Fratini, avvocata,

FairSearch AISBL, stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn K. Missenden, D. Paemen, avocats, u T. Vinje, advocaat,

Qwant, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Seznam.cz, a.s., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn J. Dobrý u M. Felgr, advokáti,

Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Höppner u P. Westerhoff, Rechtsanwälte,

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, F. Schalin, M. Gavalec u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Jannar 2025,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Ġunju 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, Google LLC u Alphabet Inc. jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Settembru 2022, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Android) (T‑604/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:541), li permezz tagħha hija:

–        annullat l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 4761 final tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar proċeduri skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.40099 – Google Android) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) sa fejn jikkonċernaw ir-raba’ abbuż tal-ksur uniku u kontinwu, li jikkonsisti fl-issuġġettar tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ tqassim tad-dħul (iktar ’il quddiem il-“FTD”) ma’ ċerti fabbrikanti ta’ tagħmir oriġinali (iktar ’il quddiem il-“FTO”) u operaturi ta’ networks mobbli (iktar ’il quddiem l-“ONM”) għall-preinstallazzjoni esklużiva ta’ Google Search fuq portfolio ddefinit minn qabel ta’ apparati;

–        iffissat l-ammont tal-multa imposta fuq Google fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, għall-ksur uniku u kontinwu li hija wettqet li tirriżulta mill-inċiż preċedenti, għal EUR 4 125 000 000, li għalih Alphabet, Inc., hija responsabbli in solidum għal ammont ta’ EUR 1 520 605 895;

–        ċaħdet il-kumplament tar-rikors tagħhom.

I.      Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 102 TFUE jistabbilixxi li:

“Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit.

Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:

a)      l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ,

b)      il-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew ta’ l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi,

c)      l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma’ partijiet oħra, l i b’ hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv,

d)      is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti.”

3        Skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

“2.      Il-Kummissjoni [Ewropea] tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)      jiksru l-Artikolu [101] jew[ 102 TFUE],

[...]

3.      Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

4        L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

5        Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej għall-finijiet ta’ dan l-appell.

A.      Il‑kuntest fattwali

6        Google hija kumpannija tas-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni speċjalizzata fil-prodotti u fis-servizzi marbuta mal-internet u hija attiva fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”).

7        Fl‑2005, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħolqien u l-iżvilupp tal-internet mobbli u tal-bidla probabbli fl-imġiba li dan kien ser jikkawża fuq l-utenti fir-rigward tat-tfittxijiet ġenerali li jsiru online, Google akkwistat il-kumpannija li oriġinarjament kienet żviluppat is-sistema operattiva Android (iktar ’il quddiem “OS”) għall-apparati portabbli intelliġenti. F’Lulju 2018, skont il-Kummissjoni, madwar 80 % tal-apparati portabbli intelliġenti użati fl-Ewropa u fid-dinja kienu jaħdmu bl-Android.

8        Meta Google tiżviluppa verżjoni ġdida ta’ Android, hija tippubblika l-kodiċi tas-sors online. Dan jippermetti lil partijiet terzi jniżżlu u jemendaw dan il-kodiċi, biex b’hekk joħolqu “forks” ta’ Android (fork hija OS ġdida maħluqa mill-kodiċi tas-sors ta’ software eżistenti). Il-kodiċi tas-sors ta’ Android maħruġ taħt liċenzja ta’ sors miftuħ (“Android Open Source Project Licence”) jinkludi l-elementi bażiċi ta’ OS, iżda mhux l-applikazzjonijiet u s-servizzi ta’ Android li Google hija l-proprjetarja tagħhom. Il-FTO li jixtiequ jiksbu applikazzjonijiet u servizzi ta’ Google għandhom għalhekk jikkonkludu kuntratti ma’ Google. Tali kuntratti jiġu konklużi wkoll minn Google mal-ONM li jkunu jixtiequ jinstallaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi proprjetarji ta’ Google fuq l-apparati mibjugħa lill-utenti finali.

B.      Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u d-deċiżjoni kontenzjuża

9        Fil‑25 ta’ Marzu 2013, FairSearch AISBL, assoċjazzjoni ta’ kumpanniji attivi fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ressqet ilment lill-Kummissjoni dwar ċerti prattiki kummerċjali ta’ Google fil-qasam tal-internet mobbli. Wara dan l-ilment, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil Google, lill-klijenti tagħha, lill-kompetituri tagħha u lil entitajiet oħra attivi f’dan is-settur. Entitajiet oħra wkoll ilmentaw mal-Kummissjoni dwar l-aġir ta’ Google fil-qasam tal-internet mobbli.

10      Fil‑15 ta’ April 2015, il-Kummissjoni fetħet proċedura kontra Google fir-rigward ta’ Android, li wasslet, fit‑18 ta’ Lulju 2018, għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz tagħha, il-Kummissjoni imponiet multa fuq Google u, parzjalment, fuq Alphabet Inc., minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni billi imponew restrizzjonijiet kuntrattwali antikompetittivi fuq il-FTO u fuq l-ONM sabiex tipproteġi u tikkonsolida l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali, fiż-ŻEE, tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali.

11      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkritika lil Google talli inkludiet ċerti kundizzjonijiet fil-ftehimiet tagħha dwar l-użu ta’ Android u ta’ ċerti servizzi u applikazzjonijiet mobbli proprjetarji.

12      Fid-deċiżjoni kontenzjuża huma identifikati erba’ settijiet ta’ restrizzjonijiet kuntrattwali:

–        żewġ settijiet ta’ restrizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet ta’ distribuzzjoni tal-applikazzjonijiet mobbli (iktar ’il quddiem il-“FDAM”) li permezz tagħhom Google imponiet fuq il-FTO l-obbligu li jippreinstallaw l-applikazzjonijiet ta’ tiftix ġenerali (Google Search) u l-browser (Chrome) tagħha, qabel ma dawn ikunu jistgħu jiksbu liċenzja għall-użu tal-ħanut ta’ applikazzjonijiet tagħha (Play Store);

–        ir-restrizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet antiframmentazzjoni (iktar ’il quddiem il-“FAF”) li jipprovdu li l-FTO li xtaqu jippreinstallaw applikazzjonijiet ta’ Google ma setgħux ibiegħu apparati li jaħdmu fuq verżjonijiet ta’ Android li ma kinux approvati minn Google;

–        ir-restrizzjonijiet inklużi fil-FTD li jipprovdu li Google kienet tagħti lill-FTO u lill-ONM perċentwali mid-dħul mir-reklamar tagħha sakemm dawn il-fabbrikanti jew dawn l-operaturi jkunu aċċettaw li ma jippreinstallawx servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetitur fuq kwalunkwe apparat li jifforma parti minn portfolio ddefinit bi qbil reċiproku (iktar ’il quddiem il-“FTD skont il-portfolio”).

13      Il-Kummissjoni qieset li dawn id-diversi restrizzjonijiet kuntrattwali (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“restrizzjonijiet kontenzjużi”) jikkostitwixxu erba’ ksur distinti tal-Artikolu 102 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992, u li jikkostitwixxu wkoll ksur uniku u kontinwu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, minħabba l-interdipendenza tagħhom u l-għan komuni tagħhom.

1.      Bejgħ marbut tal-applikazzjoni Google Search

14      Sa minn tal-inqas l‑1 ta’ Jannar 2011, Google torbot l-applikazzjoni Google Search mal-Play Store. Il-Kummissjoni tikkonkludi li dan l-aġir jikkostitwixxi abbuż tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google fuq is-suq dinji (minbarra ċ-Ċina) tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet online għall-OS Android (iktar ’il quddiem il-“ħwienet tal-applikazzjoni ta’ Android”).

15      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis, l-ewwel nett, li l-Play Store u l-applikazzjoni Google Search huma żewġ prodotti distinti. It-tieni nett, Google tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq tal-prodott li jorbot (il-Play Store), jiġifieri s-suq dinji, minbarra ċ-Ċina, tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android. It-tielet nett, il-prodott li jorbot ma jistax jinkiseb mingħajr il-prodott marbut, jiġifieri l-applikazzjoni Google Search.

16      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkonkludi, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-bejgħ marbut tal-applikazzjoni Google Search u tal-Play Store jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-bejgħ marbut jagħti lil Google vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv li l-fornituri kompetituri ta’ servizzi ta’ tiftix ġenerali ma jistgħux jikkumpensaw għalih. Barra minn hekk, il-bejgħ marbut jikkontribwixxi għaż-żamma u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google fuq kull suq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali, iżid l-ostakoli għad-dħul, jiskoraġġixxi l-innovazzjoni u għandu t-tendenza li jippreġudika, direttament jew indirettament, lill-konsumaturi.

17      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li Google ma wriet l-eżistenza ta’ ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għall-bejgħ marbut tal-applikazzjoni Google Search u tal-Play Store.

2.      Bejgħ marbut tal-browser Chrome

18      Mill‑1 ta’ Awwissu 2012, Google torbot il-browser Chrome mal-Play Store u mal-applikazzjoni Google Search. Il-Kummissjoni tikkonkludi li dan l-aġir jikkostitwixxi abbuż tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq dinji (minbarra ċ-Ċina) tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android u fuq is-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali.

19      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis, l-ewwel nett, li l-browser Chrome huwa prodott distint mill-Play Store u mill-applikazzjoni Google Search. It-tieni nett, Google tokkupa pożizzjoni dominanti fuq is-swieq tal-prodotti li jorbtu (il-Play Store u l-applikazzjoni Google Search), jiġifieri s-suq dinji, minbarra ċ-Ċina, tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android u s-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali. It-tielet nett, il-prodotti marbuta ma jistgħux jinkisbu mingħajr il-prodott marbut li jikkostitwixxi l-browser Chrome.

20      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-bejgħ marbut tal-browser Chrome u tal-Play Store kif ukoll tal-applikazzjoni Google Search jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-bejgħ marbut jagħti vantaġġ sinjifikattiv lil Google li l-browsers tal-internet maħsuba għal użu mobbli (iktar ’il quddiem il-“browsers tal-internet mobbli”) mhux speċifiċi għal OS kompetitur ma jistgħux jikkumpensaw. Barra minn hekk, il-bejgħ marbut jiskoraġġixxi l-innovazzjoni, għandu t-tendenza li jippreġudika, direttament jew indirettament, lill-konsumaturi ta’ browsers tal-internet mobbli u jikkontribwixxi għaż-żamma u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google fuq kull suq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali.

21      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkonkludi li Google ma wriet l-eżistenza ta’ ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għall-bejgħ marbut tal-browser Chrome mal-Play Store u mal-applikazzjoni Google Search.

3.      Għoti ta’ liċenzji għall-Play Store u għall-applikazzjoni Google Search suġġett għall-obbligi antiframmentazzjoni tal-FAF

22      Sa mill-inqas mill‑1 ta’ Jannar 2011, Google tissuġġetta l-għoti ta’ liċenzji għall-Play Store u għall-applikazzjoni Google Search għall-aċċettazzjoni mill-manifatturi ta’ tagħmir informatiku tal-obbligi antiframmentazzjoni li jinsabu fil-FAF (iktar ’il quddiem l-“OAF”).

23      Il-Kummissjoni tikkonkludi li dan l-aġir jikkostitwixxi abbuż tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq dinji (minbarra ċ-Ċina) tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android u fuq is-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali.

24      Fl-ewwel lok, hija tqis li l-aċċettazzjoni tal-OAF ma hijiex relatata mal-għoti ta’ liċenzji għall-Play Store u għall-applikazzjoni Google Search. Issa, dawn il-liċenzji ma jistgħux jinkisbu mingħajr ma jiġu aċċettati l-OAF.

25      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tesponi, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-OAF huma kapaċi jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-forks ta’ Android jikkostitwixxu theddida kompetittiva kredibbli għal Google. It-tieni nett, Google tissorvelja b’mod attiv l-osservanza tal-OAF u tapplikahom. It-tielet nett, l-OAF jostakolaw l-iżvilupp tal-forks ta’ Android. Ir-raba’ nett, il-forks Android kompatibbli ma jikkostitwixxux theddida kompetittiva kredibbli għal Google. Il-ħames nett, il-kapaċità tal-OAF li jirrestrinġu l-kompetizzjoni hija msaħħa min-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-interfaċċi ta’ programmazzjoni proprjetarji (iktar ’il quddiem l-“API proprjetarji”) ta’ Google għall-iżviluppaturi ta’ forks. Is-sitt nett, l-aġir ta’ Google jikkontribwixxi għaż-żamma u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tagħha f’kull suq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali, tiskoraġġixxi l-innovazzjoni u għandha t-tendenza li tippreġudika, direttament jew indirettament, lill-konsumaturi.

26      Fit-tielet lok, Google ma wriet l-eżistenza ta’ ebda ġustifikazzjoni oġġettiva sabiex tissuġġetta l-għoti ta’ liċenzji għall-Play Store u għall-applikazzjoni Google Search għall-OAF.

4.      Ħlas ta’ perċentwali tad-dħul suġġett għall-assenza ta’ preinstallazzjoni ta’ servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetituri fuq firxa ta’ prodotti partikolari

27      Bejn l‑1 ta’ Jannar 2011 u l‑31 ta’ Marzu 2014, Google għamlet ħlasijiet lill-FTO u lill-ONM bil-kundizzjoni li huma ma jippreinstallaw ebda servizz ta’ tiftix ġenerali kompetitur fuq kwalunkwe apparat fi ħdan firxa ta’ prodotti miftiehma. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tikkwalifika dan l-aġir bħala abbuż mill-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali.

28      Fl-ewwel lok, skont il-Kummissjoni, il-ħlasijiet ta’ sehem mid-dħul ta’ Google għal firxa ta’ prodotti kienu jikkostitwixxu ħlasijiet ta’ esklużività.

29      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-ħlasijiet ta’ sehem mid-dħul ta’ Google għal firxa ta’ prodotti setgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, dawn il-ħlasijiet kienu jnaqqsu l-interess tal-FTO u tal-ONM li jippreinstallaw servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetituri. It-tieni nett, l-imsemmija ħlasijiet kienu jagħmlu l-aċċess għas-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali iktar diffiċli. It-tielet nett, l-imsemmija ħlasijiet jiskoraġġixxu l-innovazzjoni.

30      Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kontenzjuża tikkonkludi li Google ma wriet l-eżistenza ta’ ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għall-ħlasijiet ta’ sehem mid-dħul tagħha għal firxa ta’ prodotti miftiehma.

31      Skont il-Kummissjoni, ir-restrizzjonijiet kontenzjużi kellhom l-għan li jipproteġu u jsaħħu l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fil-qasam tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali u, għaldaqstant, id-dħul miksub minn din il-kumpannija minn reklami marbuta ma’ dan it-tiftix. L-għan komuni u l-interdipendenza tar-restrizzjonijiet kontenzjużi wasslu lill-Kummissjoni biex tikklassifikahom bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

5.      Tul tar-restrizzjonijiet kontenzjużi u l-multa

32      Fir-rigward tat-tul tar-restrizzjonijiet kontenzjużi, dawk marbuta mal-FDAM damu, għall-bejgħ marbut tal-applikazzjoni Google Search u tal-Play Store, mill‑1 ta’ Jannar 2011 sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u, fir-rigward tal-bejgħ marbut tal-browser Chrome u tal-applikazzjoni Google Search kif ukoll tal-Play Store, mill‑1 ta’ Awwissu 2012 sad-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Ir-restrizzjonijiet marbuta mal-FAF damu mill‑1 ta’ Jannar 2011 sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fl-aħħar nett, ir-restrizzjonijiet marbuta mal-FTD damu mill‑1 ta’ Jannar 2011 sal‑31 ta’ Marzu 2014, data li fiha ntemm l-aħħar FTD abbażi tal-portfolio.

33      Sabiex tissanzjona dawn il-prattiki kkunsidrati abbużivi, il-Kummissjoni imponiet fuq Google multa ta’ EUR 4 342 865 000 li minnhom EUR 1 921 666 000 flimkien u in solidum ma’ Alphabet. Sabiex tiddetermina dan l-ammont, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ rilevanti fi ħdan iż-ŻEE, fir-rigward tal-ksur uniku u kontinwu, li għamlet Google matul l-aħħar sena ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (l‑2017) u applikat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 11 %. Il-Kummissjoni mbagħad immultiplikat l-ammont miksub bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (madwar 7.52) u żiedet miegħu ammont addizzjonali ekwivalenti għal 11 % tal-valur tal-bejgħ imwettaq fl‑2017 sabiex tiskoraġġixxi lil kumpanniji simili milli jwettqu prattiki identiċi. Il-Kummissjoni qieset ukoll li ma kienx hemm lok li jitqies li kien hemm ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti u lanqas li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kapaċità finanzjarja sinjifikattiva ta’ Google sabiex iżżid jew tbaxxi l-ammont tal-multa.

34      Il-Kummissjoni eżiġiet ukoll li Google u Alphabet itemmu dawn il-prattiki fi żmien 90 jum min-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

35      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2018, Google u Alphabet ippreżentaw rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha permezz ta’ din id-deċiżjoni.

36      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Settembru 2019, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑604/18, EU:T:2019:743), ġew ammessi jintervjenu, minn naħa, insostenn tat-talbiet ta’ Google u ta’ Alphabet, l-Application Developers Alliance (iktar ’il quddiem l-“ADA”), il-Computer & Communications Industry Association (iktar ’il quddiem iċ-“CCIA”), Gigaset Communications GmbH (iktar ’il quddiem “Gigaset”), HMD global Oy (iktar ’il quddiem “HMD”) u Opera Norway AS, li kienet Opera Software AS (iktar ’il quddiem “Opera”) kif ukoll, min-naħa l-oħra, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, il-Bureau européen des unions de consommateurs (l-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqda tal-Konsumaturi) (BEUC), il-Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV, il-BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV, Seznam.cz, a.s. (iktar ’il quddiem “Seznam”), FairSearch u Qwant. Ċerti elementi tad-deċiżjoni kontenzjuża u tar-risposta tal-Kummissjoni ġew suġġetti għal trattament kunfidenzjali.

37      Insostenn tar-rikors tagħhom, Google u Alphabet invokaw sitt motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tad-definizzjoni tas-suq u tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, it-tieni wieħed, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM, it-tielet wieħed, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-kundizzjoni ta’ preinstallazzjoni unika inkluża fil-FTD skont il-portfolio, ir-raba’ wieħed, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-ikkundizzjonar tal-għoti ta’ liċenzji tal-Play Store u tal-applikazzjoni Google Search għall-osservanza tal-OAF, il-ħames wieħed fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u, is-sitt wieħed, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tad-diversi elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa.

A.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tad-definizzjoni tas-suq rilevanti u tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti

38      Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors, Google u Alphabet ikkritikaw lill-Kummissjoni li wettqet diversi żbalji ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-swieq rilevanti u fl-evalwazzjoni sussegwenti tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Google f’dawn is-swieq.

39      Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni identifikat erba’ tipi ta’ swieq rilevanti: jiġifieri, l-ewwel, is-suq dinji (minbarra ċ-Ċina) għall-OS taħt liċenzja, fis-sens ta’ liċenzji ta’ sistemi operattivi għal apparati portabbli intelliġenti, it-tieni, is-suq dinji (minbarra ċ-Ċina) għall-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android, it-tielet, id-diversi swieq nazzjonali, fi ħdan iż-ŻEE, għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiftix ġenerali u, ir-raba’, is-suq dinji għall-browsers tal-internet mobbli mhux speċifiċi għal OS.

40      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 125 u 126 tas-sentenza appellata, li, għall-ħtiġijiet tal-kawża mressqa quddiemha, kellu jitqies, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kienet debitament stabbilixxiet fid-deċiżjoni kontenzjuża li peress li Google kienet f’pożizzjoni li taġixxi, b’mod sinjifikattiv, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi, hija kellha pożizzjoni dominanti fid-diversi swieq nazzjonali fi ħdan iż-ŻEE tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali. Fit-tieni lok, hija enfasizzat li, għalkemm is-swieq rilevanti huma ppreżentati b’mod distint fid-deċiżjoni kontenzjuża, dawn madankollu ma jistgħux jiġu sseparati artifiċjalment sa fejn dawn kollha kellhom aspetti komplimentari debitament invokati mill-Kummissjoni.

41      Kif jirriżulta mill-punt 129 tas-sentenza appellata, huwa f’dan il-kuntest fattwali ta’ swieq rilevanti distinti iżda interkonnessi u tal-implimentazzjoni ta’ strateġija globali intiża essenzjalment, skont il-Kummissjoni, sabiex tiggarantixxi l-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti dwar l-ewwel motiv. Fi tmiem dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, rispettivament fil-punti 234, 254 u 267 ta’ din is-sentenza, it-tliet partijiet ta’ dan il-motiv bħala infondati u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

B.      Fuq it-tieni motiv, dwar l-ewwel u t-tieni abbuż, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM

42      Permezz tat-tieni motiv tar-rikors, maqsum f’żewġ partijiet, Google u Alphabet sostnew li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet b’mod żbaljat in-natura abbużiva tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM, li jissuġġettaw, minn naħa, il-kisba tal-Play Store għall-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u, min-naħa l-oħra, il-kisba tal-Play Store kif ukoll tal-applikazzjoni Google Search għall-preinstallazzjoni tal-browser Chrome (iktar ’il quddiem l-“ewwel abbuż”).

1.      Osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-elementi kuntestwali

43      Il-Qorti Ġenerali, qabel xejn, esponiet, preliminarjament, fil-punti 275 sa 316 tas-sentenza appellata, l-ewwel, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi konkluż li l-prattiki inkwistjoni jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti, it-tieni, id-diversi elementi esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tikkaratterizza l-effetti ta’ esklużjoni prodotti minn dawn il-prattiki u, it-tielet, ir-relazzjonijiet bejn l-imsemmija prattiki.

44      Fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 278 sa 280 tas-sentenza appellata, fakkret, billi bbażat ruħha fuq il-punti 134 sa 136 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), li kull effett ta’ esklużjoni ma jippreġudikax neċessarjament il-kompetizzjoni. Hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu fis-suq intern. Din hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impriża li jkollha pożizzjoni dominanti milli timplimenta prattiki li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni fuq il-kompetituri tagħha li huma meqjusa li huma effikaċi daqsha, u b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tirrikorri għal mezzi oħra għajr dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni fuq il-merti. F’din il-perspettiva, l-istess bħal kull kompetizzjoni permezz tal-prezz, kull kompetizzjoni li tgawdi minn parametri oħra ma tistax għalhekk titqies li hija leġittima.

45      F’dan il-każ, il-prattiki inkwistjoni bbażati fuq l-ewwel abbuż huma każijiet ta’ bejgħ marbut. Sabiex tevalwa n-natura abbużiva ta’ tali prattiki, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 284 tas-sentenza appellata, il-ħames kriterji li jirreferi għalihom il-punt 869 tas-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289) li fuqhom il‑Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha:

–        l-ewwel, il-prodott li jorbot u l-prodott marbut huma żewġ prodotti distinti;

–        it-tieni, il-kumpannija kkonċernata għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-prodott li jorbot;

–        it-tielet, l-imsemmija kumpannija ma tagħtix lill-konsumaturi l-għażla li jiksbu l-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut;

–        ir-raba’, il-prattika inkwistjoni “tillimita l-kompetizzjoni”; u

–        il-ħames, din il-prattika ma hijiex oġġettivament iġġustifikata.

46      Fir-rigward tar-raba’ kriterju, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 295 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha raġun tqis, kif għamlet fid-deċiżjoni li tat lok għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), li kien hemm bżonn ta’ eżami mill-qrib tal-effetti konkreti jew ta’ analiżi addizzjonali, skont it-terminoloġija użata fil-passat f’dan ir-rigward, qabel ma jkun jista’ jiġi konkluż li l-bejgħ marbut inkwistjoni kien ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, tali eżami jservi l-interess, minn naħa, li jitnaqqas ir-riskju li jiġi ssanzjonat aġir li ma huwiex verament ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni fuq il-merti u, min-naħa l-oħra, li tiġi ppreċiżata aħjar il-gravità tal-aġir inkwistjoni, li jiffaċilita d-determinazzjoni tal-livell xieraq ta’ eventwali sanzjoni.

47      Madankollu, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 297 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma għandhiex twettaq analiżi prospettiva bbażata fuq effetti li ser jiżvolġu fid-dawl ta’ ipoteżijiet li għadhom ma jistgħux jiġu vverifikati fil-prattika, kif jista’ jkun il-każ f’ċirkustanzi oħra, peress li l-Qorti Ġenerali tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 145).

48      Fil-paragrafu 299 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet il-kummenti preliminari tagħha dwar il-kunċetti applikabbli billi ddeċidiet, qabel xejn, li d-differenza bejn ir-“restrizzjoni tal-kompetizzjoni” u n-“natura li jista’ jillimita l-kompetizzjoni” ma għandhiex effett fuq l-istabbiliment ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-każijiet fejn, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tkun ikkaratterizzat tali restrizzjoni b’kunsiderazzjoni tal-effetti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-prattiki inkwistjoni fuq perijodu sinjifikattiv, peress li dawn l-effetti jistgħu jiġu osservati u jippermettu lill-Kummissjoni tiddetermina n-natura u l-portata tal-esklużjoni antikompetittiva li jipproduċu u lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ dawn l-evalwazzjonijiet.

49      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 300 ta’ dik is-sentenza, li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet qieset li l-ewwel abbużi kienu kkostitwiti minn żewġ bejgħ marbuta. Dawn immaterjalizzaw ruħhom fil-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM, li l-FTO u l-ONM li xtaqu jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw apparati bis-servizzi Google Mobile kollha (iktar ’il quddiem, is-“SGM kollha”) kellhom jaċċettaw. Għalhekk:

–        permezz tal-ewwel bejgħ marbut, li kien jorbot l-applikazzjoni Google Search mal-Play Store, Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq dinji (minbarra ċ-Ċina) tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet Android mill‑1 ta’ Jannar 2011 sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża (premessi 752 u 1009 tad-deċiżjoni kontenzjuża);

–        permezz tat-tieni bejgħ marbut, li kien jorbot il-browser Chrome mal-applikazzjoni Google Search u mal-Play Store, Google abbużat mill-pożizzjonijiet dominanti tagħha fis-suq dinji (minbarra ċ-Ċina) tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet Android u fis-swieq nazzjonali ġewwa ż-ŻEE tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali mill‑1 ta’ Awwissu 2012 sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża (premessi 753 u 1010 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

50      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 301 tal-imsemmija sentenza, li l-argumenti ppreżentati minn Google u Alphabet fir-rigward tat-tieni motiv kienu jirrigwardaw, essenzjalment, l-elementi esposti fid-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jirrigwarda r-raba’ u l-ħames kriterju tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), relatati, rispettivament, mar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u mal-ġustifikazzjonijiet oġġettivi mressqa minnhom f’dan ir-rigward.

2.      Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda r-“restrizzjoni tal-kompetizzjoni”

51      Insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv, Google u Alphabet sostnew li l-Kummissjoni naqset milli turi, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM kienu jeskludu l-kompetizzjoni.

52      Google u Alphabet qajmu ħames ilmenti insostenn tal-argument tagħhom u kkritikaw id-deċiżjoni kontenzjuża fejn din, l-ewwel, ma stabbilixxietx li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni joħolqu “vantaġġ tal-istatus quo”, it-tieni, li injorat il-fatt li l-FDAM iħallu lill-FTO liberi li jippreinstallaw servizzi kompetituri u li jiddefinixxuhom bħala s-servizz prestabbilit, it-tielet, li injorat ukoll il-fatt li l-kompetituri kellhom mezzi effikaċi oħra kif jilħqu lill-utenti, ir-raba’, li ma wrietx li l-partijiet tal-użu tas-servizz ta’ tiftix u tal-browser ta’ Google kienu attribwibbli għall-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni kkontestati, u l-ħames, li ma qisitx b’mod korrett il-kuntest ekonomiku u ġuridiku sħiħ sabiex tasal għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet tal-preinstallazzjoni pprovdew opportunitajiet ġodda lill-kompetituri u mhux ċaħħduhom minnhom.

53      Fir-rigward tal-ewwel ilment, dwar il-“vantaġġ tal-istatus quo” kkawżat mill-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni, il-Qorti Ġenerali fformulat żewġ osservazzjonijiet preliminari.

54      L-ewwel waħda minn dawn l-osservazzjonijiet tikkonċerna n-nuqqas ta’ interess prattiku tad-distinzjoni proposta bejn il-kunċetti ta’ “preinstallazzjoni” u ta’ “għażla prestabbilita”, peress li Google u Alphabet jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma ddistingwietx jew ma bbilanċjatx dak li jaqa’ taħt kull wieħed minn dawn il-kunċetti.

55      Wara li eżaminat il-provi li joriġinaw minn Google u minn Alphabet, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 349 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-kuntest kuntrattwali li kienu jaqgħu fih id-dokumenti invokati, jiġifieri dak tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM, kien hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tagħhom dwar in-neċessità li ssir tali distinzjoni u li jiġi aċċettat li argumenti mressqa fil-kuntest ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ kunċetti setgħu jsostnu fil-kuntest tal-ieħor.

56      Barra minn hekk, waqt l-eżami tal-provi li joriġinaw minn kumpaniji terzi, il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 356 ta’ dik is-sentenza, li kien jeżisti ċertu kunsens fost l-FTO sabiex jitqies li t-tqegħid ipprivileġġjat jew l-għażliet prestabbiliti, jew kombinazzjoni ta’ dawn it-tekniki, jiffaċilitaw l-użu tal-applikazzjonijiet li jibbenefikaw minnhom. Fil-punt 383 tal-imsemmija sentenza, hija kkonkludiet minn dan l-eżami li, meħuda flimkien, id-diversi elementi esposti fid-deċiżjoni kontenzjuża kienu jippermettu lill-Kummissjoni tqis li, mill-perspettiva tal-atturi tas-suq, il-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u tal-browser Chrome fil-kundizzjonijiet previsti mill-FDAM tippermetti li “tiġi ffriżata s-sitwazzjoni” u li tiskoraġġixxi lill-utenti milli jirrikorru għal applikazzjoni kompetitriċi.

57      It-tieni osservazzjoni preliminari tirrigwarda l-importanza kwantitattiva tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punti 336 u 337 tal-istess sentenza, li l-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u tal-browser Chrome, fil-każ tal-ewwel waħda flimkien ma’ tqegħid ipprivileġġjat u, għat-tieni waħda, flimkien mal-għażla prestabbilita tal-applikazzjoni Google Search, għandha konsegwenzi sinjifikattivi fil-livell kwantitattiv. Fil-fatt, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM, l-applikazzjoni Google Search u l-browser Chrome kienu preinstallati fuq numru kbir ta’ apparati portabbli intelliġenti.

58      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-provi użati mill-Kummissjoni kif ukoll il-paraguni li hija kienet wettqet sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ tal-istatus quo, li Google u Alphabet kienu jikkritikaw ir-rilevanza u l-użu tiegħu. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 418 tas-sentenza appellata, li l-argumenti mressqa minn dawn tal-aħħar sabiex jikkonfutaw il-vantaġġ mogħti mill-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u tal-browser Chrome fuq l-apparati portabbli intelliġenti li jaħdmu bl-OS Android (iktar ’il quddiem l-“apparati tal-Google Android”) ma kinux jippermettu li jiġu kkontestati l-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni minn dawn l-elementi.

59      Fir-rigward tat-tieni lment, Google u Alphabet sostnew, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni ma kinux jipprekludu lill-FTO milli jipprovdu l-istess preinstallazzjoni bħal dik mogħtija lill-applikazzjoni Google Search u lill-browser Chrome għas-servizzi ta’ tiftix ġenerali u l-browsers kompetituri fuq l-apparati tal-Google Android mibjugħa fiż-ŻEE.

60      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat, preliminarjament, fil-punti 425 u 426 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx qiegħda tikkontesta din ir-realtà fid-deċiżjoni kontenzjuża. Pjuttost, dik id-deċiżjoni tindika, minn naħa, li l-FDAM “jipprekludu” lill-FTD milli jippreinstallaw esklużivament tali applikazzjonijiet minflok l-applikazzjoni Google Search u l-browser Chrome (premessa 832 tal-imsemmija deċiżjoni) u, min-naħa l-oħra, li l-FTD jeħtieġu mill-FTO u mill-ONM il-preinstallazzjoni esklużiva tal-applikazzjoni Google Search għall-parti koperta minn dawk il-ftehimiet (premessa 833 tal-istess deċiżjoni), li tinkludi kemm il-FTD skont il-portfolio kif ukoll FTD ibbażati fuq it-tagħmir, kif ikkonfermat il-Kummissjoni bħala risposta għall-talbiet għall-informazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, mill-premessa 197 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li Google issostitwiet progressivament, fl-Unjoni Ewropea u fir-Repubblika tal-Korea, il-ftehimiet ta’ tqassim tad-dħul abbażi ta’ portfolio ta’ apparat (“FTD abbażi tal-portfolio”) bi ftehimiet li permezz tagħhom il-ħlas tas-sehem ta’ dħul minn Google kien suġġett għall-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ preinstallazzjoni, mill-FTO u mill-ONM, ta’ kwalunkwe servizz ta’ tiftix ġenerali kompetitur fuq l-apparat ikkonċernat (“FTD abbażi tat-tagħmir”).

61      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 427 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl tal-ishma mis-suq u tal-evoluzzjoni tagħhom, mill‑2011 għal applikazzjoni Google Search u mill‑2012 għall-browser Chrome sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, id-dibattitu dwar il-possibbiltajiet offruti lill-kompetituri sabiex jikkumpensaw il-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM jibqa’ fuq kollox teoretiku. Issa għandha ssir distinzjoni f’dan ir-rigward bejn l-ipoteżi teoretiċi ta’ kompetizzjoni u r-realtà prattika, fejn l-alternattivi kompetittivi invokati minn Google u minn Alphabet jidhru li ma tantx huma kredibbli jew ma għandhomx impatt reali minħabba l-“vantaġġ tal-istatus quo” li jirriżulta mill-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM u mill-effetti kkombinati ta’ dawn il-kundizzjonijiet mal-ftehimiet kuntrattwali l-oħra ta’ Google, fosthom il-FTD.

62      Fir-rigward tal-applikazzjoni Google Search, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 436 tal-imsemmija sentenza, li, kuntrarjament għal dak li jsostnu Google u Alphabet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetituri ma kinux f’pożizzjoni li jikkumpensaw il-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-browsers, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 438 tas-sentenza appellata, li l-argumenti tagħhom ma setgħux jiġu miċħuda mill-ewwel.

63      Madankollu, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 449 u 450 tal-istess sentenza, li, bejn is-snin 2011 u 2016, iktar minn 50 % tal-apparati ta’ Google Android mibjugħa fiż-ŻEE kienu koperti minn FTD konklużi ma’ Google, kemm jekk ikunu FTD abbażi ta’ portfolio jew FTD abbażi ta’ apparat, li kollha kienu jeżiġu d-definizzjoni tal-applikazzjoni Google Search bħala l-mutur ta’ tfittxija prestabbilit fuq il-browsers preinstallati u kienu jipprojbixxu l-installazzjoni ta’ servizz ta’ tiftix kompetitur. Minn dan isegwi li, meta browser kien preinstallat b’mod parallel ma’ Chrome, li kien issettjat bħala l-għażla prestabbilita fuq l-applikazzjoni Google Search, tali browser kien ukoll issettjat bħala l-għażla prestabbilita fuq din l-applikazzjoni.

64      Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punt 451 tas-sentenza appellata, din l-osservazzjoni tippermetti li tintwera l-komplementarjetà tal-prattiki differenti ta’ Google u timplika neċessarjament li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kkombinati tal-FDAM u tal-FTD. Fil-fatt, l-obbligu kuntrattwali marbut mal-FTD li ma tiġix installata applikazzjoni oħra għajr l-applikazzjoni Google Search għat-twettiq tat-tiftix ġenerali jwassal biex il-possibbiltà teoretika ta’ preinstallazzjoni ta’ servizz li jikkompeti mal-applikazzjonijiet ta’ Google, permessa fil-prinċipju mill-FDAM, kienet effettivament eskluża, mill‑2011 sal‑2016, għal tal-inqas nofs l-apparati ta’ Google Android mibjugħa fiż-ŻEE. Fi kliem ieħor, il-FTD kienu jiggarantixxu l-esklużività fuq l-apparati kkonċernati, li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu evalwati l-effetti antikompetittivi tal-FDAM. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ukoll, fil-punt 452 ta’ dik is-sentenza, li t-teħid inkunsiderazzjoni bħala element fattwali tal-effetti kkombinati tal-FDAM u tal-FTD bl-ebda mod ma jiddependi min-natura abbużiva jew le tal-FTD, kemm jekk huma FTD abbażi ta’ portfolio li jikkostitwixxi abbuż skont l-analiżi tal-Kummissjoni, li Google u Alphabet jikkontestaw fil-kuntest tat-tielet motiv, kif ukoll jekk huma FTD abbażi ta’ apparat, li ma humiex meqjusa bħala abbużivi fid-deċiżjoni kontenzjuża.

65      Barra minn hekk, fil-punt 464 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-kwistjoni dwar jekk browser kompetitur jistax jiġi ssettjat bħala dak prestabbilit ma hijiex rilevanti. Barra minn hekk, Google u Alphabet lanqas ma jikkontestaw in-natura teoretika ta’ din il-kwistjoni fid-dawl tal-effetti kkombinati tal-FDAM u tal-FAF. Skont il-Qorti Ġenerali, dak li huwa rilevanti f’dan il-każ huwa li jiġu eżaminati d-diversi possibbiltajiet prattiċi offruti lis-servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetituri biex jilħqu lill-utenti, meta Google tiżgura li l-FTO jikkonformaw fir-rigward tal-browsers li jikkompetu mal-Chrome mal-obbligu tagħhom – kif jirriżulta mill-FAF – li jittrattaw l-applikazzjoni Google Search tal-inqas bl-istess mod kif jistgħu jittrattaw servizz ta’ tiftix ġenerali ieħor.

66      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti ta’ Google u ta’ Alphabet dwar l-aspetti tal-motivazzjoni dwar l-interess tal-FTO fil-preinstallazzjoni ta’ applikazzjonijiet kompetituri, il-parti tad-dħul potenzjali li l-FTO jiksbu minn applikazzjoni ġenerali waħda jew iktar ta’ tiftix ġenerali minbarra l-applikazzjoni Google Search, l-effett tal-ispejjeż ta’ tranżazzjoni fuq il-probabbiltà ta’ konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ preinstallazzjoni għal volum żgħir ta’ apparati, l-impatt negattiv ta’ duplikazzjoni ta’ numru kbir wisq ta’ applikazzjonijiet fuq l-esperjenza tal-utent jew ukoll fuq l-ispazju ta’ ħażna fuq ċertu apparat. Abbażi ta’ dan l-eżami, hija kkonkludiet, fil-punt 537 tas-sentenza appellata, li minkejja li wħud minn dawn l-argumenti jippermettu li titnaqqas jew li tiġi kkwalifikata l-portata tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet madankollu f’pożizzjoni li tqis li, anki li kieku l-fornituri ta’ servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetituri tal-applikazzjoni Google Search kienu tħallew liberi li jipprovdu lill-FTO u lill-ONM l-istess preinstallazzjoni bħal dik mogħtija għal din l-applikazzjoni u għall-browser Chrome fuq l-apparati ta’ Google Android mibjugħa fiż-ŻEE, dan ma kienx il-każ għall-parti l-kbira tal-perijodu tal-ksur u li, tal-inqas parti mill-ispjegazzjoni għan-nuqqas ta’ tali preinstallazzjoni kienet tinsab fl-effetti kkombinati tal-FDAM, tal-FTD kif ukoll tal-FAF.

67      Fir-rigward tat-tielet ilment, Google u Alphabet sostnew li l-kompetituri ta’ Google setgħu jikkumpensaw it-tendenza li tiġi ffriżata s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-aġir tal-utenti, li jistgħu jniżżlu l-applikazzjonijiet tagħhom jew jaċċedu għas-servizzi ta’ tiftix ġenerali tagħhom permezz tal-browser.

68      Fir-rigward tal-possibbiltà li jitniżżlu applikazzjonijiet kompetituri, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 557 tas-sentenza appellata, li, anki jekk huwa faċli u mingħajr ħlas li titniżżel applikazzjoni ta’ tiftix ġenerali jew browser, l-eżami tad-deċiżjoni kontenzjuża juri li dan it-tniżżil ma jsirx fil-prattika jew fi kwalunkwe każ isir biss għal parti insuffiċjenti tal-apparati kkonċernati.

69      Fir-rigward tal-aċċess għal servizz ta’ tiftix ġenerali kompetitur permezz tal-browser, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 561 u 562 tas-sentenza appellata, li l-għażla prestabbilita ta’ servizz ta’ tiftix ġenerali kompetitur fil-browsers tal-internet mobbli fuq l-apparati tal-Google Android ma hijiex paragunabbli, f’termini ta’ preżenza u ta’ effikaċja, mal-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search. B’mod partikolari, skont il-Qorti Ġenerali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward, il-fatt li Google ma tippermettix li jiġi ssettjat bħala l-għażla prestabbilita servizz ta’ tiftix ieħor minbarra Google Search fuq il-Chrome u li dan il-browser kellu sehem mill-użu ta’ madwar 75 % tal-browsers tal-internet mobbli mhux speċifiċi għal OS fl-Ewropa u ta’ 58 % fil-livell globali. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-utenti ma jaċċedux fil-prattika għal servizzi ġenerali oħra ta’ tiftix permezz tal-browsers u jbiddlu biss rarament l-issettjar prestabbilit ta’ dawn il-browsers. Tali osservazzjonijiet huma rilevanti, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw Google u Alphabet, u jippermettu li jiġi stabbilit li, minkejja l-possibbiltà offruta li tiġi ssettjata magna tat-tiftix oħra, fil-prattika din tibqa’ dik prestabbilita oriġinarjament.

70      Fir-rigward tar-raba’ lment, dwar in-nuqqas ta’ prova tar-rabta bejn is-sehem ta’ Google fit-talbiet għal tiftix ġenerali u għal navigazzjoni u l-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u tal-browser Chrome, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fl-ewwel lok, fil-punt 571 ta’ dik is-sentenza, li r-riferimenti li saru mill-Kummissjoni għall-iżvilupp ta’ dawn l-ishma ta’ użu ma jistgħux jiġu kkritikati fihom innifishom. Fil-fatt, dawn jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi biex turi li, minn naħa, il-preinstallazzjoni tagħti vantaġġ lill-applikazzjonijiet ta’ tiftix ġenerali u tal-browser ta’ Google li huma s-suġġett tagħha, u, min-naħa l-oħra, dan il-vantaġġ ma setax jiġi kkumpensat mill-kompetituri.

71      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fattur tal-kwalità u tar-rendiment tal-browser Chrome u tal-applikazzjoni Google Search, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 575 tal-imsemmija sentenza, li, f’każ bħal dan inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kellhiex tiddetermina preċiżament jekk dawn l-ishma tal-użu jistgħux jiġu spjegati biss mill-preinstallazzjoni jew ukoll, jew pjuttost, mis-superjorità kwalitattiva allegata minn Google u Alphabet. Fil-fatt, filwaqt li l-preinstallazzjoni ma kinitx ikkontestata, l-effett tal-kwalità fuq l-assenza ta’ preinstallazzjoni jew ta’ tniżżil ta’ applikazzjoni kompetitriċi ma kienx sostnut minn provi suffiċjenti jew partikolarment rilevanti. Fi kwalunkwe każ, skont il-punti 577 u 578 tal-istess sentenza, is-superjorità kwalitattiva tal-prodotti ta’ Google, jekk tiġi pprovata, ma hijiex determinanti peress li ma ġiex allegat li s-servizzi proposti mill-kompetituri ma humiex teknikament f’pożizzjoni li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-konsumaturi, peress li varjabbli oħra minbarra t-teknika jista’ jkollhom, barra minn hekk, rwol.

72      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 579 u 582 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet indikat fid-deċiżjoni kontenzjuża li tali vantaġġ kwalitattiv ma kienx jidher li jirriżulta mill-grad mogħti lis-servizzi kompetituri fuq il-Play Store. Għaldaqstant, dan jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jitqies li l-kwalità rispettiva tad-diversi servizzi ta’ tiftix u browsers f’kompetizzjoni ma hijiex kriterju determinanti fl-użu tagħhom, peress li dawn kollha joffru servizz li jista’ jissodisfa d-domanda.

73      Minn dawn l-elementi l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 583 ta’ dik is-sentenza, fid-dawl tat-tendenza li tiġi ffriżata s-sitwazzjoni assoċjata mal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM u fl-assenza ta’ prova tal-impatt preċiż tal-kwalità superjuri allegata minn Google u Alphabet fir-rigward tal-applikazzjonijiet ta’ tiftix ġenerali u l-browser ta’ Google, il-Kummissjoni kellha raġun tqis li l-ishma tal-użu ta’ Google kienu jikkorroboraw il-“vantaġġ tal-istatus quo” marbut mal-preinstallazzjoni.

74      Fir-rigward tal-ħames ilment, Google u Alphabet sostnew li d-deċiżjoni kontenzjuża tonqos milli tevalwa jekk il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM kinux kapaċi jippreġudikaw il-kompetizzjoni li kienet tkun teżisti fl-assenza tagħhom, u dan fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku kollu. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM jifformaw parti mill-mudell ta’ liċenzja mingħajr ħlas żviluppat għall-OS Android u għalhekk ma jistgħux jiġu eżaminati separatament.

75      Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 589 tas-sentenza appellata, li l-argument ta’ Google u ta’ Alphabet żviluppat insostenn ta’ dan l-ilment ma kienx jikkorrispondi għall-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, l-aġir abbużiv ikkaratterizzat f’dik id-deċiżjoni ma jirrigwardax l-iżvilupp u ż-żamma tal-OS Android, inkluż fir-rigward tal-aspett miftuħ u mingħajr ħlas tagħha ddefinit minn Google sabiex tilqa’ għal dak li din il-kumpannija tqis li hija esklużjoni mis-sistemi operattivi l-oħra mill-proprjetarji tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 590 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet quddiemha li l-OS Android kienet żiedet l-opportunitajiet għall-kompetituri ta’ Google. L-argument ta’ Google u ta’ Alphabet għalhekk ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

3.      Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda l-ġustifikazzjonijiet oġġettivi

76      Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, Google u Alphabet sostnew li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM huma oġġettivament iġġustifikati, peress li jippermettu lil Google tipprovdi l-OS Android mingħajr ħlas filwaqt li tiggarantixxi li l-applikazzjonijiet li jiġġeneraw dħul, jiġifieri l-applikazzjoni Google Search u l-browser Chrome, ma jiġux esklużi mill-preinstallazzjoni u mill-opportunitajiet ta’ reklamar relatati. Dawn il-kundizzjonijiet, li huma leġittimi u favur il-kompetizzjoni, ikkontribwixxew għad-diversità u għall-adozzjoni ġeneralizzata tal-apparati portabbli, inaqqsu l-ostakoli għad-dħul u joħolqu opportunitajiet għall-kompetituri.

77      Fl-ewwel ewwel lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 614 tas-sentenza appellata, li Google u Alphabet ma kinux stabbilixxew li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM kienu oġġettivament iġġustifikati fis-sens li kienu ppermettew lil Google, billi żguraw il-preinstallazzjoni tal-applikazzjoni Google Search u tal-browser Chrome fuq l-apparati Google Android, tirkupra l-ammont tal-ispejjeż sostnuti fl-iżvilupp u fiż-żamma tal-OS Android.

78      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti ta’ Google u ta’ Alphabet li, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM kienu ppermettew lil Google tipproponi mingħajr ħlas il-Play Store, peress li l-valur tagħha mal-FTO u l-utenti kien jikkorrispondi għall-valur għal Google tal-promozzjoni minn dawn il-FTO tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali tagħha u, min-naħa l-oħra, is-suġġeriment magħmul mill-Kummissjoni li titħallas tariffa ta’ liċenzja għall-Play Store jikkontesta dan il-mudell u l-effetti pożittivi tiegħu għall-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 616 tas-sentenza appellata, li Google u Alphabet lanqas hawnhekk ma kienu ssodisfaw l-oneru tal-prova impost fuqhom sabiex juru l-ġustifikazzjonijiet oġġettivi.

79      Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 619 tas-sentenza appellata, li t-tieni parti dwar il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi tal-preinstallazzjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda, kif għandu jiġi miċħud ukoll it-tieni motiv kollu kemm hu, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM.

C.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-kundizzjoni ta’ preinstallazzjoni unika inkluża fil-FTD abbażi ta’ portfolio

80      Permezz tat-tielet motiv tar-rikors, Google u Alphabet sostnew li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li ċerti dispożizzjonijiet inklużi fil-FTD abbażi ta’ portfolio kienu abbużivi.

81      Fil-punti 657, 660 u 662 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, rispettivament, li Google u Alphabet ma kinux fondati li jsostnu li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-pagamenti inkwistjoni kienu pagamenti ta’ esklużività u li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni kellu jiġi miċħud bħala infondat.

82      Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat, fil-punt 698 ta’ dik is-sentenza, li mill-analiżi dwar il-kopertura tal-FTD abbażi ta’ portfolio kien jirriżulta li din kienet ġiet ikklassifikata b’mod żbaljat bħala “sinjifikattiva” fil-premessa 1286 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-punt 798 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, identifikat erba’ żbalji ta’ raġunament li kienu ta’ natura li jqajmu dubju dwar il-korrettezza tar-riżultat tat-test tal-kompetitur daqstant effikaċi (As Efficient Competitor Test, iktar ’il quddiem it-“test AEC”) imwettaq mill-Kummissjoni u, konsegwentement, tal-allegat effett ta’ esklużjoni tal-FTD abbażi ta’ portfolio fuq kompetitur ipotetiku tal-inqas daqstant effikaċi. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 799 tal-istess sentenza, li t-test AEC imwettaq mill-Kummissjoni ma setax jikkorrobora l-konstatazzjoni ta’ abbuż li jirriżulta mill-FTD abbażi ta’ portfolio.

83      Minħabba dawn l-iżbalji ta’ raġunament tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 800 sa 802 tas-sentenza appellata, li l-konklużjoni li l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu abbużivi ma setgħetx titqies li hija suffiċjentement stabbilita u li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata sa fejn hija tqis li l-FTD abbażi ta’ portfolio jikkostitwixxu abbuż minnhom innifishom.

D.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-issuġġettar tal-għoti ta’ liċenzji tal-Play Store u tal-applikazzjoni Google Search għall-osservanza tal-OAF

84      Permezz tar-raba’ motiv tar-rikors, maqsum f’żewġ partijiet, Google u Alphabet ikkontestaw il-klassifikazzjoni bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android u tas-servizzi ta’ tfittxija ġenerali tal-prattika tagħhom li tikkundizzjona, fil-kuntest tal-FDAM, l-għoti tal-liċenzji tal-Play Store u tal-applikazzjoni Google Search għall-aċċettazzjoni tal-OAF.

85      Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet preliminari, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat il-portata tat-tieni abbuż identifikat fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-punti 805 sa 807 tas-sentenza appellata ġie espost li Google kienet imponiet fuq il-FTO li xtaqu jibbenefikaw mill-possibbiltà li jikkummerċjalizzaw apparati portabbli intelliġenti li fuqhom kienu preinstallati l-Play Store u l-applikazzjoni Google Search li jikkonkludu FAF. Fil-fatt, l-iffirmar ta’ FDAM kien suġġett għall-konklużjoni ta’ FAF. Skont l-OAF, dawn l-apparati kellhom josservaw standard ta’ referenza ta’ kompatibbiltà minima għall-implimentazzjoni tal-kodiċi tas-sors ta’ Android, peress li l-imsemmija apparati kienu suġġetti għal testijiet ta’ kompatibbiltà.

86      Għalkemm, ċertament, dawn l-OAF japplikaw għall-apparati portabbli kollha kkummerċjalizzati minn kull FTO li kkonkluda FAF, peress li dawn l-apparati jiffunzjonaw taħt l-OS Android jew taħt fork ta’ Android, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 810 tas-sentenza appellata, li l-FAF ġew ikkunsidrati bħala abbużivi fid-deċiżjoni kontenzjuża biss sa fejn dawn kienu jimponu fuq l-FTO li jiżguraw il-kompatibbiltà mad-dokument ta’ definizzjoni ta’ kompatibbiltà tal-Android (iktar ’il quddiem id-“DDK”) tal-apparati kollha li huma kienu jikkummerċjalizzaw u li l-OS tagħhom kienet Android jew fork ta’ Android, inklużi dawk li ma kinux preinstallati fuqhom l-applikazzjonijiet ta’ Google. Fi kliem ieħor, il-FAF tqiesu bħala abbużivi biss sa fejn kienu jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ apparati portabbli intelliġenti li għandhom bħala OS fork ta’ Android mhux kompatibbli anki fin-nuqqas ta’ preinstallazzjoni fuq dawn l-apparati tal-applikazzjonijiet ta’ Google. Fil-fatt, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-paragrafu 811 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-ikkundizzjonar tal-liċenzja għall-Play Store u għall-applikazzjoni Google Search għall-konformità mal-OAF kien ta’ natura li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (premessa 1036 tad-deċiżjoni kontenzjuża), kellha titqabbel ma’ dik li tgħid li, filwaqt li jistgħu jiġu aċċettati ġustifikazzjonijiet rigward apparati portabbli intelliġenti li fuqhom is-SGM tkun preinstallata, l-istess ma jista’ japplika fl-ebda każ fir-rigward tal-apparati li jaħdmu b’forks ta’ Android li l-applikazzjonijiet ta’ Google ma kinux installati fuqhom.

87      Fl-ewwel parti tar-raba’ motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, Google u Alphabet ikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura li tirrestrinġi l-kompetizzjoni tal-prattika inkwistjoni. Fit-tieni parti tal-imsemmi motiv, huma sostnew li l-aġir ta’ Google kien, fi kwalunkwe każ, oġġettivament iġġustifikat.

1.      Fuq l-ewwel parti, dwar ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni

88      Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 828 tas-sentenza appellata, li l-“Kummissjoni takkuża lil Google li hija tissuġġetta l-għoti ta’ liċenzji għall-Play Store u [għall-applikazzjoni] Google Search għal sensiela ta’ obbligi li jirrestrinġu l-libertà tal-[FTO] li jixtiequ jiksbu dawk il-liċenzji, preċiżament billi jimpedixxuhom milli jikkummerċjalizzaw ukoll kwalunkwe apparat ieħor li jaħdem b’fork tal-Android mhux kompatibbli. Din ir-restrizzjoni tirriżulta mill-FAF, u tikkostitwixxi, sa fejn tapplika għall-apparati portabbli intelliġenti li fuqhom ma humiex preinstallati l-applikazzjonijiet ta’ Google, l-uniku obbligu [fihom] meqjus bħala abbużiv fid-deċiżjoni [kontenzjuża]. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tikkontestax id-dritt ta’ Google illi timponi rekwiżiti ta’ kompatibbiltà fir-rigward tal-apparati li fuqhom huma installati l-applikazzjonijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tqis bħala abbużiva l-prattika ta’ Google intiża biex ixxekkel l-iżvilupp u l-preżenza fis-suq ta’ apparati li jaħdmu b’fork tal-Android mhux kompatibbli”. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li hija kellha, konsegwentement, teżamina jekk il-Kummissjoni kienx irnexxilha tistabbilixxi, kif ikkunsidrat fid-deċiżjoni kontenzjuża, li Google kienet implimentat prattika intiża li teskludi l-forks ta’ Android mhux kompatibbli u jekk din il-prattika setgħetx tiġi kklassifikata bħala antikompetittiva fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

89      F’dan ir-rigward, fir-rigward, l-ewwel, tal-eżistenza materjali tal-prattika kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala li tikkostitwixxi t-tieni abbuż, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 834 tas-sentenza appellata, li din l-eżistenza, aċċettata minn Google u Alphabet, kienet stabbilita u li din kienet is-suġġett ta’ implimentazzjoni effettiva sa mill-oriġini tal-OS Android.

90      It-tieni nett, fir-rigward tan-natura antikompetittiva tal-għanijiet imfittxa, il-Qorti Ġenerali qieset, fl-ewwel lok, fil-punti 837 sa 841 tas-sentenza appellata, li mid-dokumenti interni msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta li l-OAF kienu tfasslu, b’mod partikolari, bl-intenzjoni li jostakolaw kull żvilupp tal-kodiċi sors ta’ Android mhux approvat minn Google, u dan billi jċaħħdu lill-iżviluppaturi ta’ forks ta’ Android mhux kompatibbli minn opportunitajiet kummerċjali. Skont il-Qorti Ġenerali, mid-dikjarazzjonijiet stess ta’ Google, ikkorroborati mill-atti tal-proċess, jirriżulta li l-prattika kkwalifikata bħala abbużiva fid-deċiżjoni kontenzjuża ġiet implimentata intenzjonalment bil-għan li tillimita l-aċċess għas-suq tal-forks tal-Android mhux kompatibbli.

91      Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fit-tieni lok, jekk Google u Alphabet kinux fondati li jsostnu li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-prattika inkwistjoni kienet kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għalhekk, hija evalwat, fl-ewwel lok, it-theddida potenzjali eżerċitata mill-forks mhux kompatibbli. Fil-punt 847 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, f’dan ir-rigward, li Google u Alphabet ma kinux stabbilixxew li l-forks ta’ Android mhux kompatibbli fl-ebda każ ma setgħu jikkostitwixxu theddida kompetittiva għaliha. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-FAF setgħux effettivament għamlu iktar diffiċli d-dħul tal-kompetituri ta’ Google fis-suq tal-OS.

92      F’dan il-kuntest, hija qieset, fil-punt 849 ta’ din is-sentenza, li kellu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit li, matul il-perijodu tal-ksur, l-operaturi ekonomiċi l-iktar importanti, li setgħu joffru suq kummerċjali għall-iżviluppaturi ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli, kienu preklużi mill-FAF.

93      F’dan ir-rigward, hija ċaħdet, fil-punt 850 tal-imsemmija sentenza, l-argument li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-falliment tal-fork tal-Android mhux kompatibbli li kien ġie żviluppat minn Amazon.com, Inc, jiġifieri Fire OS, fejn dan il-falliment huwa spjegat minn diversi fatturi, fosthom, skont Google u Alphabet, l-indisponibbiltà tal-Play Store. Filwaqt li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-Play Store huwa “must-have” intenzjonalment irriżervat għall-parteċipanti fl-ekosistema Android, hija madankollu qieset li Google u Alphabet ma kienu ressqu ebda prova li tista’ tinvalida l-konstatazzjonijiet, li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża, li sitta mill-ikbar FTO f’termini ta’ bejgħ kienu rrifjutaw li jikkonkludu ftehimiet intiżi għall-iżvilupp ta’ apparati li jiffunzjonaw b’Fire OS, billi argumentaw kontra Amazon.com li dan kien ksur ċar tal-AAF (premessa 1094 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, anki li kieku kien hemm raġunijiet oħra li setgħu wkoll jispjegaw il-falliment kummerċjali ta’ Fire OS, li, barra minn hekk, ma humiex indipendenti mill-politika kummerċjali ta’ Google, il-Kummissjoni kienet madankollu stabbilixxiet li l-FAF kienu ċaħħdu lil din l-OS minn opportunitajiet kummerċjali li setgħu joffrulha l-FTO li kienu kkonkludew FAF ma’ Google.

94      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 855 tas-sentenza appellata, li l-politika kummerċjali adottata minn Google fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-API proprjetarji tagħha għandha titqies, bħala element kuntestwali, sabiex jiġi evalwat l-effett tar-restrizzjonijiet tal-opportunitajiet kummerċjali kkawżat mill-FAF. Fil-fatt, dan l-effett huwa importanti sa fejn Google u Alphabet ma kkontestawx li d-differenza teknoloġika bejn l-API proprjetarji ta’ Google u l-verżjonijiet bażiċi tal-kodiċi sors żdiedet matul il-perijodu kollu tal-ksur. L-aċċess għall-API proprjetarji ta’ Google jippreżenta għalhekk interess strateġiku għall-iżviluppaturi u għall-FTO, peress li, mingħajr dawn l-API proprjetarji, l-applikazzjonijiet ma jaħdmux b’mod korrett u l-korrezzjonijiet ta’ dawn in-nuqqasijiet iwasslu għal spejjeż multipli u għoljin.

95      Issa, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 856 tas-sentenza appellata, li l-FTO li xtaqu jkollhom aċċess għall-API proprjetarji ta’ Google kellhom jikkonkludu FDAM, li kien jippreżupponi, minn qabel, li jiġu aċċettati l-kundizzjonijiet tal-FAF. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-politika ta’ żvilupp u ta’ distribuzzjoni tal-API proprjetarji tagħha minn Google kienet tikkostitwixxi inċentiv sabiex jiġu konklużi FAF, li kienu jillimitaw l-opportunitajiet għall-forks tal-Android mhux kompatibbli.

96      Min-naħa l-oħra, peress li l-Kummissjoni qieset li t-tieni abbuż kien jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-istandards tekniċi kollha ddefiniti fid-DDK għall-apparati li fuqhom ma kinux ġew installati is-SGM kollha u peress li wettqet analiżi globali tal-effetti tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-prattika kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 864 tas-sentenza appellata, li hija ma kinitx marbuta, kuntrarjament għal dak li sostnew Google u Alphabet, li tidentifika bi preċiżjoni l-istandards tad-DDK li wasslu għal dawn l-effetti. Fil-fatt, il-kritiki indirizzati lil Google fid-deċiżjoni kontenzjuża ma jikkonċernawx il-kontenut tal-obbligi ta’ kompatibbiltà ddefiniti minnha, iżda l-prattika tagħha intiża biex timpedixxi l-forks ta’ Android mhux kompatibbli milli jsibu opportunitajiet kummerċjali.

97      Fit-tmiem l-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li Google u Alphabet ma kinux stabbilixxew li l-forks ta’ Android mhux kompatibbli fl-ebda każ ma setgħu jikkostitwixxu theddida kompetittiva għalihom.

2.      Fuq it-tieni parti dwar l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi

98      Fil-punt 866 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Kummissjoni kienet qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li ebda waħda mill-ġustifikazzjonijiet oġġettivi mressqa minn Google u Alphabet ma setgħet tiġi aċċettata.

99      Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-neċessità li tiġi protetta l-kompatibbiltà fi ħdan l-ekosistema Android u li tiġi evitata l-frammentazzjoni – jiġifieri l-multiplikazzjoni ta’ pjattaformi inkompatibbli bejniethom –, il-Qorti Ġenerali qieset, qabelxejn, fil-punt 878 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-istabbiliment ta’ obbligi intiżi sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-forks ta’ Android li fuqhom il-Play Store u l-applikazzjoni Google Search kienu installati kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Il-Kummissjoni qieset bħala abbużiva biss il-projbizzjoni fuq l-FTO li jikkummerċjalizzaw apparati li fuqhom kienu installati s-SGM kollha li joffru, barra minn hekk, opportunitajiet kummerċjali għall-forks ta’ Android mhux kompatibbli.

100    Minn dan isegwi, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punt 878 tas-sentenza appellata, li l-ġustifikazzjoni mressqa minn Google u Alphabet, dwar in-neċessità li tiġi ggarantita l-kompatibbiltà fi ħdan l-ekosistema Android, ma kinitx relatata mat-tieni abbuż u, għaldaqstant, irrilevanti. Sussegwentement, l-unika raġuni dwar ir-riskju li l-frammentazzjoni timponi fuq is-“sopravivenza” tal-OS Android ma setgħetx tiġġustifika ċ-ċaħda tal-opportunitajiet kummerċjali kollha li jirriżultaw mill-FAF għall-forks ta’ Android mhux kompatibbli. Mingħajr ma kien neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar id-dibattitu bejn il-partijiet dwar in-natura dannuża jew il-vantaġġi li l-frammentazzjoni setgħet tirrappreżenta għal Google u għas-settur kollu, il-Qorti Ġenerali qieset li kien biżżejjed li jiġi kkonstatat li Google u Alphabet ma kinux qegħdin jikkontestaw il-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-livell preeminenti tas-setgħa fis-suq tal-ekosistema ta’ Android.

101    Fir-rigward, it-tieni nett, tan-neċessità allegata minn Google u Alphabet li jipproteġu r-reputazzjoni tagħhom, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 883 tas-sentenza appellata, li dawn tal-aħħar sempliċement isostnu l-insuffiċjenza tal-miżuri previsti mill-Kummissjoni sabiex tiġi eliminata kull konfużjoni fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-apparati li jaħdmu b’forks ta’ Android kompatibbli (bħal, pereżempju, ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jirriżervaw id-denominazzjoni “Android”).

102    Skont il-Qorti Ġenerali, Google u Alphabet ma pproduċew ebda prova ddettaljata insostenn ta’ din l-allegazzjoni. L-ineffikaċja tad-difiża tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom bil-għan li jipproteġu r-reputazzjoni tagħhom billi jipprojbixxu, pereżempju, l-użu tad-denominazzjonijiet “Google” u “Android” fuq l-apparati li jaħdmu b’forks ta’ Android mhux kompatibbli, li huma esterni għall-“ekosistema ta’ Android”, ma setgħetx, għaldaqstant, tiġi stabbilita. Issa, tali miżuri kienu ċertament inqas restrittivi għall-kompetizzjoni mill-esklużjoni tal-forks ta’ Android mhux kompatibbli li tirriżulta mill-FAF. Għaldaqstant, din hija ta’ natura sproporzjonata fir-rigward tal-għan allegat.

103    Fir-rigward, it-tielet nett, tan-neċessità li Google telimina l-effetti ta’ deadweight li jirriżultaw mit-tqegħid tat-teknoloġija tagħha għad-dispożizzjoni ta’ terzi, il-Qorti Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 886 tas-sentenza appellata, li dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni kien inerenti għall-għażla ta’ Google li tiżvela l-kodiċi sors ta’ Android.

104    Fir-rigward, ir-raba’ nett, tal-argument ta’ Google u ta’ Alphabet dwar in-nuqqas ta’ bbilanċjar tal-effetti favur il-kompetizzjoni tal-FAF u tal-effetti antikompetittivi tagħhom, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kienx hemm relazzjoni ta’ neċessità bejn l-esklużjoni tal-forks ta’ Android mhux kompatibbli, minn naħa, u l-kompatibbiltà fi ħdan l-ekosistema ta’ Android, li tikkostitwixxi, barra minn hekk, l-għan imfittex mill-OAF, min-naħa l-oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija qieset, fil-punt 891 tas-sentenza appellata, li Google u Alphabet ma kinux fondati jsostnu li l-Kummissjoni kellha twettaq ibbilanċjar bejn, minn naħa, l-effetti favur il-kompetizzjoni tal-OAF fi ħdan l-ekosistema ta’ Android, li jirriżultaw, għall-parteċipanti fl-imsemmija ekosistema, mill-vantaġġi tal-kompatibbiltà u, min-naħa l-oħra, ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, li jiġu eżerċitati barra minn din l-ekosistema, fejn dawn ir-restrizzjonijiet huma l-uniċi identifikati bħala li jikkostitwixxu t-tieni abbuż.

105    Il-Qorti Ġenerali qieset, bħala konklużjoni tal-eżami tagħha tar-raba’ motiv, li n-natura antikompetittiva tal-esklużjoni tal-forks ta’ Android mhux kompatibbli permezz tal-FAF kellha titqies li ġiet stabbilita. Kuntrarjament għal dak li allegaw Google u Alphabet, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 893 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku u ġuridiku rilevanti kif ukoll l-effetti konkreti prodotti mit-tieni abbuż. Għaldaqstant, peress li wriet b’mod suffiċjenti l-eżistenza tar-restrizzjonijiet kontenzjużi u tal-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq, barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jqisu Google u Alphabet kif ukoll l-intervenjenti insostenn tagħhom, analiżi kontrofattwali intiża biex tevalwa l-konsegwenzi ipotetiċi li setgħu jiġu osservati, fin-nuqqas tat-tieni abbuż, fis-swieq tal-ħwienet tal-applikazzjonijiet ta’ Android, tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali, li fuqhom ġie kkonstatat l-imsemmi abbuż, kif ukoll dak tal-OS taħt liċenzja, li fih ukoll Google kienet tokkupa pożizzjoni dominanti.

E.      Fuq il-ħames motiv

106    Permezz tal-ħames motiv tar-rikors, maqsum f’żewġ partijiet, Google u Alphabet sostnew li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi ma osservatx, minn naħa, id-dritt tagħhom li jinstemgħu u, min-naħa l-oħra, id-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-proċess. Dawn l-irregolaritajiet proċedurali jinvalidaw il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata u jiġġustifikaw l-annullament tagħha.

107    Permezz tat-tieni parti tal-ħames motiv, li l-Qorti Ġenerali eżaminat fl-ewwel lok, Google u Alphabet essenzjalment ikkritikaw lill-Kummissjoni kienet bagħtitilhom noti dwar il-laqgħat ma’ partijiet terzi li ma kinux jippermettulha tifhem is-sustanza tad-diskussjonijiet li saru kif ukoll in-natura tal-informazzjoni pprovduta fir-rigward tas-suġġetti diskussi matul dawn il-laqgħat u, għalhekk, li ssostni b’mod xieraq id-drittijiet tad-difiża tagħhom f’dan ir-rigward.

108    Għalkemm il-Qorti Ġenerali, fil-punt 932 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet li parti kbira min-noti trażmessi mill-Kummissjoni kienet tardiva wisq u sommarja wisq sabiex tkun tista’ tikkostitwixxi r-reġistrazzjoni ta’ intervista, fis-sens tar-Regolament Nru 1/2003, hija madankollu kkonstatat, fil-punt 939 tas-sentenza appellata, li Google u Alphabet baqgħu ma stabbilixxewx li, fl-assenza tal-irregolaritajiet proċedurali rrilevati, huma setgħu jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom.

109    Permezz tal-ewwel parti tal-ħames motiv, Google u Alphabet sostnew li, minflok ma tibgħatilhom ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti, il-Kummissjoni kellha tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali waħda jew iktar u b’hekk tagħtihom mill-ġdid id-dritt għal smigħ.

110    Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 966 sa 969 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Google u Alphabet kienu indikaw li rrifjutaw id-dritt tagħhom għal smigħ. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 971 tas-sentenza appellata, li, indipendentement mid-diffikultajiet imsemmija minn Google u Alphabet sabiex jiddeċiedu dwar l-utilità taż-żamma ta’ seduta, dawn tal-aħħar ma setgħux jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma organizzatx seduta wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

111    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 976 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet sussegwentement bagħtet lil Google u lil Alphabet żewġ ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti, waħda fil‑31 ta’ Awwissu 2017 u l-oħra fil‑11 ta’ April 2018. Issa, għalkemm Google u Alphabet kellhom l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Kummissjoni qieset li t-trażmissjoni ta’ dawn l-ittri kienet teskludi kull dritt għall-organizzazzjoni ta’ seduta ġdida, li kienet il-bażi taċ-ċaħda mill-uffiċjal tas-seduta tat-talba mressqa f’dan is-sens minn Google u Alphabet fis‑7 ta’ Mejju 2018.

112    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 981 u 982 tas-sentenza appellata, li għalkemm dawn l-ittri ma żiedu formalment ebda lment ma’ dawk li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huma kienu jikkompletaw b’mod sostanzjali l-kontenut u l-portata tal-ilment dwar in-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio, li ma kinux suffiċjentement sostnuti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’tali mod li l-imsemmija ittri kienu jbiddlu b’mod sinjifikattiv il-provi tal-ksur ikkontestat. Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, it-test AEC, li, f’dan il-każ, kellu importanza reali fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kapaċità tal-FTD abbażi ta’ portfolio li jipproduċu effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effikaċi.

113    Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punti 995 u 996 tas-sentenza appellata, li, billi kkomunikat biss fl-istadju tat-tieni ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti l-informazzjoni li hija kellha l-intenzjoni li tuża sabiex twettaq it-test AEC, il-Kummissjoni kellha titqies li biddlet sostanzjalment il-kontenut tal-ilment dwar il-FTD abbażi ta’ portfolio. Għalhekk, f’dan il-kuntest partikolari, il-Kummissjoni, li ma kienet suġġetta għall-ebda pressjoni ta’ żmien, kellha tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

114    Billi, minflok dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, il-Kummissjoni ttrażmettiet żewġ ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti, u billi ma aċċettatx l-organizzazzjoni ta’ seduta dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati bi tweġiba għal dawn iż-żewġ ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti, il-Kummissjoni evitat id-dritt ta’ Google u ta’ Alphabet li jkunu jistgħu jiżviluppaw b’mod orali l-argumenti tagħhom fuq dawn l-osservazzjonijiet u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

115    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-ħames motiv tar-rikors fil-punt 1005 tas-sentenza appellata u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikklassifika bħala abbużivi l-FTD abbażi ta’ portfolio, u b’hekk ikkonfermat il-konstatazzjoni magħmula fi tmiem l-eżami tat-tielet motiv tar-rikors.

F.      Fuq is-sitt motiv

116    Wara li eżaminat l-ewwel ħames motivi tar-rikors, il-Qorti Ġenerali qieset li kien hemm lok li jiġu evalwati l-konsegwenzi fuq id-deċiżjoni kontenzjuża tal-konklużjonijiet li hija kienet siltet preċedentement. Sa fejn dawn il-konsegwenzi jaffettwaw il-multa, hija qieset, fil-punt 1009 tas-sentenza appellata, li għandu jiġi ppreċiżat sa fejn l-evalwazzjoni li hija kellha tagħmel, abbażi tal-ġuriżdizzjoni sħiħa tagħha, kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-argument invokat abbażi tas-sitt motiv, li jikkonċerna elementi differenti meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa.

117    Permezz tas-sitt motiv, li huwa magħmul minn tliet partijiet, Google u Alphabet osservaw li, anki jekk, għall-kuntrarju tal-argumenti invokati fl-ewwel ħames motivi, il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-evalwazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, tliet żbalji madankollu jeħtieġu l-annullament jew it-tnaqqis sostanzjali tal-multa.

118    F’dan il-kuntest, Google u Alphabet sostnew, l-ewwel nett, li l-ksur la kien twettaq intenzjonalment u lanqas b’negliġenza, it-tieni, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet nett, li din kienet tinkludi żbalji sinjifikattivi ta’ kalkolu fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi”). F’dan ir-rigward, Google u Alphabet allegaw li l-Kummissjoni kienet wettqet kalkolu żbaljat tal-valur tal-bejgħ rilevanti, kienet applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ gravità żbaljat, żiedet ammont addizzjonali li ma huwiex iġġustifikat u ma ħaditx inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi attenwanti, fosthom it-tul limitat ta’ ċertu aġir.

119    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali siltet sensiela ta’ konklużjonijiet dwar il-ksur wara l-eżami tal-ewwel ħames motivi. Fil-punt 1015 tas-sentenza appellata, hija kkonstatat, li mill-ewwel, it-tieni u r-raba’ motiv, għall-aspetti sostantivi, kif ukoll mit-tieni parti tal-ħames motiv, għall-aspetti proċedurali, jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet in-natura abbużiva tal-ewwel sat-tielet abbuż ta’ ksur uniku u kontinwu.

120    F’dan il-punt 1015, hija madankollu qieset li mill-eżami tat-tielet motiv u tal-ewwel parti tal-ħames motiv kien jirriżulta li, sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset li r-raba’ abbuż distint fid-deċiżjoni kontenzjuża kien jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, din l-istituzzjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Google u ta’ Alphabet u vvizzjat id-deċiżjoni kontenzjuża b’diversi żbalji ta’ evalwazzjoni.

121    Għaldaqstant, hija annullat, fil-punt 1016 tas-sentenza appellata, l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn fihom ġie kkonstatat, f’dan l-Artikolu 1, li Google u Alphabet wettqu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE kkostitwit minn erba’ abbużi distinti, li r-raba’ wieħed minnhom huwa li kkundizzjonaw, fil-kuntest ta’ ċerti FTD, il-qsim tad-dħul ma’ FTO u ONM għall-preinstallazzjoni esklużiva tal-applikazzjoni Google Search fuq portafoll iddefinit minn qabel ta’ apparati u sa fejn dan l-istess raba’ abbuż huwa msemmi fl-Artikoli 3 u 4. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tbiddel l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn jimponi multa li tissanzjona l-parteċipazzjoni ta’ Google u Alphabet fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE li jinkludi r-raba’ abbuż.

122    Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 1018 ta’ din is-sentenza, u dan indipendentement mill-fondatezza tal-klassifikazzjoni tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, li l-FTD abbażi ta’ portfolio — bħal barra minn hekk il-FTD abbażi ta’ apparat — kienu, ġustament, ittieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, inkwantu elementi tal-kuntest fattwali, sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ esklużjoni kkawżati mill-ewwel u mit-tieni aspetti tal-ksur uniku u kontinwu, ikklassifikati bħala l-ewwel, it-tieni u t-tielet abbuż distinti fid-deċiżjoni kontenzjuża, li n-natura abbużiva tagħhom ma kinitx ġiet ikkontestata mit-tieni u mir-raba’ motiv.

123    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, b’mod partikolari, fil-punt 1019 tal-imsemmija sentenza li indipendentement mill-klassifikazzjoni tal-FTD fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-effetti kkombinati tal-prattiki implimentati minn Google kienu ppermettewlha li tibbenefika, fir-rigward ta’ Google Search, minn preinstallazzjoni esklużiva li tkopri, tal-inqas sal‑2016, iktar minn nofs l-apparati kkummerċjalizzati fiż-ŻEE li jaħdmu b’OS ibbażata fuq Android (premessa 822 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 908 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

124    Barra minn hekk, il-FDAM kienu jipprevedu li l-apparati tas-SGM kollha kellhom jissodisfaw l-istandards tekniċi tal-kompatibbiltà li jinsabu fid-DDK, li barra minn hekk kienu applikabbli għall-FTO, għall-apparati kollha tagħhom li l-OS tagħhom kienet verżjoni bbażata fuq Android, skont il-FAF, li l-konklużjoni tagħhom kienet imposta bħala prerekwiżit għall-konklużjoni tal-FDAM. Din ir-rabta bejn id-DDK u l-FDAM, skont il-Qorti Ġenerali, iffaċilitat l-implimentazzjoni tal-istrateġija globali mixtieqa minn Google. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ħadet inkunsiderazzjoni d-DDK sabiex tevalwa l-effetti tal-FDAM fuq is-swieq tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali.

125    Il-Qorti Ġenerali għalhekk qieset, fil-punt 1021 tal-istess sentenza, li dawn l-elementi, meqjusa bħala ċirkustanzi fattwali rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura abbużiva tal-aġir allegat kontra Google, jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rabta bejn l-ewwel aspett tal-ksur uniku u kontinwu u l-FTD li ġew konklużi minn Google matul il-perijodu tal-ksur, minn naħa, u bejn l-ewwel u t-tieni abbuż tal-ksur uniku u kontinwu, min-naħa l-oħra.

126    Skont il-Qorti Ġenerali, l-eżami tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ motiv tar-rikors wera, barra minn hekk, li l-ewwel u t-tieni restrizzjonijiet kontenzjużi kienu parti minn strateġija globali. Fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni kienet fondata meta qieset li l-aġir ta’ Google, li kien jikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet partikolari għall-użu tal-OS Android, minn naħa, kif ukoll ta’ ċerti applikazzjonijiet u ta’ ċerti servizzi, min-naħa l-oħra, kellu jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE (premessa 2 u Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

127    Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u konformement mat-talba mressqa minn Google u Alphabet f’dan is-sens, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fit-tieni lok, dwar l-ammont tal-multa b’applikazzjoni tal-ġuriżdizzjoni sħiħa li hija rrikonoxxuta lilha fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

128    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, qabel kollox, fil-punt 1051 tas-sentenza appellata, li l-ksur kien twettaq intenzjonalment, ħaġa li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat sa fejn kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur.

129    Fir-rigward tal-gravità, hija qieset xieraq, l-ewwel nett, fil-punt 1060 tas-sentenza appellata, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ imwettaq minn Google matul l-aħħar sena tal-parteċipazzjoni sħiħa tagħha fil-ksur u, it-tieni nett, fil-punt 1066 ta’ din is-sentenza, li ma jiġix eskluż mill-valur tal-bejgħ ikkunsidrat fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa d-dħul iġġenerat mit-talbiet ta’ tiftix ġenerali magħmula fuq il-paġna ewlenija ta’ Google. It-tielet nett, hija qieset, fil-punt 1071 tal-imsemmija sentenza, li l-ispejjeż ta’ kisba tat-traffiku ma jistgħux jitnaqqsu mill-valur tal-bejgħ. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 1081 tal-istess sentenza, li l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent stabbilit għal 11 % tal-valur tal-bejgħ ma tirriflettix suffiċjentement ir-realtà tal-implimentazzjoni tal-ksur u, b’mod partikolari, l-intensità tiegħu matul il-perijodu kkonċernat, b’mod partikolari, fir-rigward tal-aġir antikompetittiv ta’ Google matul is-snin 2012 sa 2014.

130    Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 1085 tas-sentenza appellata, ċaħdet ukoll l-għażla tal-Kummissjoni, li kienet użat koeffiċjent multiplikatur uniku u globali (premessa 1461 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Skont il-Qorti Ġenerali, kien iktar xieraq, f’dan il-każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll parametri oħra sabiex jiġu rrappreżentati aħjar ċerti karatteristiċi speċifiċi għall-iżvolġiment tal-ksur matul iż-żmien, fid-dawl tal-intensità varjabbli tiegħu.

131    Fil-punt 1086 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, użat teknika differenti minn dik, aritmetika u lineari, iddefinita mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-metodoloġija ġenerali li hija esponiet fil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. Skont il-Qorti Ġenerali, tali għażla tista’ tiżgura aħjar, skont il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi ta’ din il-kawża, mingħajr ma dan jippreġudika l-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv sodisfaċjenti.

132    Għalhekk, fil-punti 1087 u 1088 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ħadet inkunsiderazzjoni l-komplementarjetà tal-ewwel abbużi u, min-naħa l-oħra, għamlet distinzjoni bejn diversi perijodi sabiex tieħu inkunsiderazzjoni b’mod speċjali l-intensità tal-aġir antikompetittiv matul iż-żmien kif ukoll elementi fattwali oħra relatati ma’ dan l-aġir.

133    Il-Qorti Ġenerali identifikat tliet perijodi fil-punt 1088 tal-imsemmija sentenza. L-ewwel perijodu, ikklassifikat bħala “esploratorju”, jestendi mill‑1 ta’ Jannar 2011 sal‑1 ta’ Awwissu 2012. Dan huwa kkaratterizzat mill-varar tal-istrateġija globali mixtieqa minn Google sabiex tiżgura t-tranżizzjoni lejn l-internet fuq l-apparati portabbli. It-tieni perijodu jibda fl‑1 ta’ Awwissu 2012 u jintemm mat-tmiem tal-FTD abbażi ta’ portfolio, jiġifieri fil‑31 ta’ Marzu 2014. Huwa matul dan it-tieni perijodu li l-intensità tal-ksur kienet massima, u dan għaliex l-effetti tiegħu kienu jikkombinaw l-aspetti restrittivi tal-FDAM (għaż-żewġ gruppi) u tal-FAF, f’kuntest fejn l-esklużività mogħtija mill-FTD abbażi ta’ portfolio kienet tnaqqas bl-istess mod il-possibbiltajiet teoretiċi ta’ preinstallazzjoni konġunta fuq l-apparati mgħammra bis-SGM kollha. It-tielet perijodu kien jiddekorri mill‑31 ta’ Marzu 2014 sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali qieset li, matul dan it-tielet perijodu, il-kompetituri kienu jibbenefikaw minn marġni ta’ libertà ikbar mal-FTD abbażi ta’ apparat milli kellhom taħt il-FTD abbażi ta’ portfolio. Min-naħa l-oħra, hija qieset li kellha tieħu inkunsiderazzjoni, matul l-imsemmi perijodu, l-iżvilupp tal-API proprjetarji li kienu jaggravaw l-effetti ta’ esklużjoni tal-FAF.

134    Din is-segmentazzjoni ppermettiet lill-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Google kienet volontarjament temmet il-FTD abbażi ta’ portfolio mill‑31 ta’ Marzu 2014 sabiex tissostitwixxihom b’FTD abbażi ta’ apparat. Dan kellu neċessarjament l-effett li jnaqqas l-esklużjoni mogħtija mill-preinstallazzjoni esklużiva tal-applikazzjoni Google Search u tal-browser Chrome fuq ċerti apparati mgħammra bis-SGM kollha kkummerċjalizzati fi ħdan iż-ŻEE. Barra minn hekk, l-effetti tal-prattiki inkwistjoni għat-tieni perijodu kienu partikolarment sinjifikattivi, fatt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll b’mod partikolari, peress li dawn l-effetti seħħew f’mument kritiku kemm għal Google kif ukoll għall-kompetituri tagħha, jiġifieri dak tal-iżvilupp tal-internet fuq l-apparati portabbli.

135    Lil hinn minn dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kuntest fattwali ma kienx jiġġustifika r-rikonoxximent lil Google tal-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti jew, għall-kuntrarju, li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti.

136    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, b’mod partikolari l-implimentazzjoni intenzjonata, matul perijodu sinjifikattiv, ta’ strateġija globali li l-eżistenza tagħha ma hijiex ikkontestata mill-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni li jaffettwaw it-tielet tip ta’ aġir eżaminat fid-deċiżjoni kontenzjuża u li kellu effetti ta’ intensità varjabbli matul il-perijodu tal-ksur, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 1099 u 1100 tas-sentenza appellata, li kienet saret evalwazzjoni ġusta tal-gravità tal-ksur u tat-tul tiegħu, meta l-ammont tal-multa imposta fuq Google LLC jiġi ffissat għal EUR 4 125 000 000 minflok EUR 4 342 865 000. Barra minn hekk, Alphabet inżammet responsabbli in solidum inkwantu kumpannija omm għall-aġir ta’ Google li jikkostitwixxi ksur mit‑2 ta’ Ottubru 2015 sat‑18 ta’ Lulju 2018, fl-ammont ta’ EUR 1 520 605 895.

137    Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ukoll, fil-punt 1111 tas-sentenza appellata, li l-ammont tal-multa li kienet waslet għalih abbażi tal-ġuriżdizzjoni sħiħa ma kienx jaqbeż l-ammont previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq minn Alphabet matul is-sena kummerċjali preċedenti.

138    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni sħiħa tagħha, ma jidhirx li huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-argumenti mressqa minn Google fir-rigward tal-ammont addizzjonali ekwivalenti għal 11 % tal-valur tal-bejgħ rilevanti mwettaq fl‑2017 (ara l-premessi 1467 u 1468 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li tali parametru ma ġiex ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali.

139    Konsegwentement, din tal-aħħar, fil-punt 1113 tas-sentenza appellata, irriformat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża fis-sens li l-ammont tal-multa imposta fuq Google għall-ksur uniku u kontinwu msemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, ġie ffissat għal EUR 4 125 000 000, li għalih Alphabet hija responsabbli in solidum għall-perijodu mit‑2 ta’ Ottubru 2015 sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, fl-ammont ta’ EUR 1 520 605 895.

140    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

IV.    It-talbiet tal-partijiet fl-appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

141    Permezz tal-appell tagħhom, Google u Alphabet, sostnuti mill-ADA, iċ-CCIA, Gigaset, HMD u Opera, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

–        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        iktar sussidjarjament, tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u tiffissa għal ammont kunsiderevolment inqas għoli l-ammont tal-multa imposta, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha relatati ma’ dawn il-proċeduri kif ukoll il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

142    Il-Kummissjoni, il-BEUC, FairSearch u Seznam jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lil Google għall-ispejjeż.

143    Permezz tad-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Jannar 2023, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2023:44) kif ukoll tat‑18 ta’ April 2023, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (C‑738/22 P, EU:C:2023:326), ġie rriżervat trattament kunfidenzjali, fir-rigward tal-intervenjenti fl-ewwel istanza, rispettivament, minn naħa, għad-dokument li jinsab fl-Anness A.2. tal-appell u, min-naħa l-oħra, għal ċerta informazzjoni li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 98 tar-risposta tal-Kummissjoni, peress li huma biss il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ dan id-dokument u ta’ din in-nota li ġew innotifikati lil dawn l-intervenjenti.

V.      Fuq l-appell

144    Insostenn tal-appell tagħhom, Google u Alphabet iqajmu sitt aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball waqt l-eżami mill-Qorti Ġenerali tar-rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM u l-allegati effetti ta’ esklużjoni tagħhom, it-tieni wieħed, fuq konferma żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża minkejja l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-kapaċità li teskludi kompetituri daqstant effikaċi, it-tielet wieħed, fuq żball tal-Qorti Ġenerali, sa fejn hija kitbet mill-ġdid il-konstatazzjoni ta’ abbuż li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-OAF u imputat l-effetti ta’ esklużjoni allegati lil aġir li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni ma kkonstatatx in-natura abbużiva, ir-raba’ wieħed, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-ġustifikazzjonijiet oġġettivi tal-OAF, il-ħames wieħed, fuq il-konferma żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża minkejja l-assenza ta’ abbuż relatat mal-FTD abbażi ta’ portfolio u, is-sitt wieħed, fuq l-eżerċizzju żbaljat mill-Qorti Ġenerali tal-ġuriżdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tirriforma l-multa.

A.      Fuq l‑ewwel aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

145    Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, maqsum f’erba’ partijiet, Google u Alphabet isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-eżami tar-rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM u l-allegati effetti ta’ esklużjoni tagħhom.

146    Mill-ġurisprudenza, u b’mod partikolari mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark (C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 47), jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li l-effetti ta’ esklużjoni ta’ abbuż huma imputabbli għall-aġir speċifiku inkwistjoni, peress li dawn l-effetti ma jistgħux jiġu preżunti. Issa, il-Kummissjoni ma ssodisfatx dan l-obbligu fir-rigward tal-FDAM u l-Qorti Ġenerali kkonfermat dan l-approċċ żbaljat.

147    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-BEUC, tqis li dan l-aggravju huwa ineffettiv kollu kemm hu, peress li huwa bbażat fuq l-ipoteżi żbaljata li analiżi kontrofattwali hija l-uniku mod kif jiġi ddeterminat jekk aġir imurx kontra l-Artikolu 102 TFUE.

148    FairSearch issostni li l-imsemmi aggravju huwa ġdid u, għaldaqstant, inammissibbli. Fil-fatt, quddiem il-Qorti Ġenerali, Google u Alphabet sostnew li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM u l-ishma mis-suq ta’ Google. Issa, fl-appell tagħhom, Google u Alphabet jallegaw li l-iżball kien jikkonsisti f’li l-effetti ta’ esklużjoni allegati ma jiġux attribwiti esklużivament lill-aġir abbużiv.

a)      Fuq l-ewwel parti

149    L-ewwel parti hija bbażata fuq li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni setgħet leġittimament teżamina, fil-premessi 765 u 888 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-legalità tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM billi tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti kkombinati tal-FDAM u tal-FTD. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, l-effett tal-FTD kemm għall-evalwazzjoni tal-bejgħ marbut tal-applikazzjoni Google Search, fil-punti 433 sa 435 tas-sentenza appellata, kif ukoll għall-evalwazzjoni tal-bejgħ marbut tal-browser Chrome, fil-punti 442 sa 457 ta’ din is-sentenza. Il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ liġi sa fejn ma wrietx li l-effetti ta’ esklużjoni allegati kienu imputabbli għall-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM.

150    Google u Alphabet jiżviluppaw ħames argumenti f’dan is-sens. L-ewwel nett, peress li l-FDAM u l-FTD huma ftehimiet distinti, il-firmatarji tal-FDAM ma kinux obbligati jikkonkludu FTD, b’tali mod li l-legalità tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM ma setgħetx tiġi evalwata fid-dawl tal-effetti kkombinati tal-FDAM u tal-FTD. It-tieni nett, kemm il-FTD abbażi ta’ apparat kif ukoll il-FTD abbażi ta’ portfolio huma leġittimi. L-effetti tagħhom huma għalhekk neċessarjament ir-riżultat ta’ kompetizzjoni fuq il-mertu. It-tielet nett, skont ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, kull xenarju kontrofattwali għandu jifhem il-FTD bħala mezzi leġittimi sabiex tiġi żgurata preinstallazzjoni esklużiva u għażla prestabbilita tal-applikazzjoni Google Search. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM ma setax ikollhom effetti ta’ esklużjoni proprji, peress li l-FTD setgħu, waħedhom, jipproduċu effetti analogi. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex, fil-punti 451 u 452 tas-sentenza appellata, tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti kkombinati tal-FDAM u tal-FTD abbażi ta’ apparat peress li dawn tal-aħħar ma kinux koperti mid-deċiżjoni kontenzjuża. Google u Alphabet ma setgħux jiddefendu ruħhom fuq dan il-punt quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-ħames nett, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali naqset milli tispjega kif l-effetti kkombinati tal-FDAM u tal-FTD kienu jipproduċu esklużjoni antikompetittiva, fid-dawl tal-kopertura baxxa tal-FTD.

151    Gigaset issostni li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat il-FTD, li huma legali, bħala elementi rilevanti fl-analiżi tal-legalità tal-kundizzjonijiet previsti mill-FDAM. Mhux biss l-effetti tal-FTD ma jistgħux jiġu imputati lil dawk tal-FDAM, iżda għandu jiġi osservat ukoll li l-FTO kollha li kkonkludew FDAM ma kinux neċessarjament ikkonkludew FTD, b’tali mod li ma huwiex possibbli li ssir tali ġeneralizzazzjoni. Fil-fatt, dan huwa l-każ ta’ Gigaset.

152    HMD hija wkoll tal-fehma, għal raġunijiet analogi għal dawk invokati minn Google u Alphabet, li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-FTD għall-evalwazzjoni tal-legalità tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM.

153    Opera tqis li, b’mod ġenerali, huwa sorprendenti li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni mhux esklużivi kienu abbużivi filwaqt li l-mekkaniżmi li jwasslu għal preinstallazzjoni esklużiva ma kinux abbużivi. Tali approċċ ikollu l-konsegwenza li jnaqqas l-opportunitajiet ta’ kompetituri ta’ Google bħal Opera. Fil-fatt, billi jattribwixxi l-effetti restrittivi tal-FTD għall-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM, huwa finalment mudell iktar restrittiv u bbażat fuq l-esklużività li jiġi promoss, bħal dawk ta’ Apple Inc. u ta’ Microsoft Corp.

154    Il-Kummissjoni, il-BEUC, FairSearch u Seznam isostnu li din l-ewwel parti hija infondata.

b)      Fuq it-tieni parti

155    It-tieni parti hija bbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 546 sa 558 tas-sentenza appellata, ċaħdet b’mod żbaljat l-argument ta’ Google u ta’ Alphabet li l-għażla tal-utenti li ma jniżżlux applikazzjonijiet kompetituri b’mod iktar frekwenti kienet imputabbli għall-preferenzi ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-aġir ta’ Google, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-punt dwar jekk l-utenti setgħux faċilment jaċċedu għal applikazzjonijiet kompetituri, iżda biss il-frekwenza li biha dawn l-utenti kienu jagħżlu realment li jwettqu tali tniżżil. B’dan il-mod, hija naqset milli teżamina r-raġunijiet veri tan-numru żgħir ta’ tniżżil ta’ applikazzjonijiet kompetituri.

156    Skont Google u Alphabet, erba’ raġunijiet addizzjonali għandhom iwasslu għall-konstatazzjoni ta’ tali żball. L-ewwel nett, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza, tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li meta l-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni billi tibbaża ruħha fuq is-suppożizzjoni li l-fatti stabbiliti ma jistgħux jiġu spjegati għajr mill-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, il-Qorti jkollha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni jekk l-kumpannija kkonċernata tressaq argument li jixħet dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermetti għalhekk li titqies spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti. It-tieni nett, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li dan l-approċċ ma jippermettix li jiġi ddeterminat il-perċentwali ta’ tniżżil ta’ applikazzjonijiet kompetituri suffiċjenti sabiex tiġi kkumpensata preinstallazzjoni. It-tielet nett, l-imsemmi approċċ iwassal għal riżultati irrazzjonali peress li, skont din, il-preinstallazzjoni ta’ servizz ta’ kwalità baxxa ma tikkostitwixxix abbuż, għall-kuntrarju tal-preinstallazzjoni ta’ servizz ta’ kwalità għolja. Ir-raba’ nett, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-allegata superjorità tal-applikazzjonijiet ta’ Google ma hijiex determinanti peress li s-servizzi kompetituri jistgħu wkoll jissodisfaw il-bżonnijiet tal-utenti u jikkompetu fuq varjabbli oħra, hija żbaljata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tikkontradixxi ruħha, fil-punti 551 u 577 tas-sentenza appellata, peress li tafferma wkoll li t-tniżżil sinjifikattiv ta’ applikazzjonijiet kompetituri, f’ċerti żoni ġeografiċi, huwa spjegat minn karatteristiċi lingwistiċi speċifiċi.

157    HMD issostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonferma d-deċiżjoni kontenzjuża billi tonqos milli teżamina jekk l-għażla tal-utenti li ma jniżżlux l-applikazzjonijiet kompetituri b’mod iktar frekwenti kinitx dovuta għal preinstallazzjoni abbużiva iktar milli għall-preferenzi ta’ dawn l-utenti. Għall-kuntrarju, hija kellha tapplika l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il‑Kummissjoni (T‑79/12, EU:T:2013:635, punt 79), li tipprovdi li, fl-assenza ta’ restrizzjonijiet tekniċi jew ekonomiċi li jipprekludu lill-utenti milli jniżżlu applikazzjoni kompetitriċi oħra, applikazzjoni ta’ impriża dominanti ma tistax titqies li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

158    Opera ssostni li, mingħajr analiżi tar-rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM u l-effetti allegati tagħhom fuq it-tniżżil ta’ applikazzjonijiet kompetituri, ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li livell baxx ta’ tali tniżżil juri l-eżistenza ta’ esklużjoni antikompetittiva.

159    Il-Kummissjoni, il-BEUC u FairSearch jitolbu li din il-parti tiġi miċħuda bħala infondata. Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, il-BEUC, FairSearch u Seznam, l-imsemmija parti hija infondata.

c)      Fuq it-tielet parti

160    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, Google u Alphabet isostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-provi dwar l-għażla prestabbilita kienu rilevanti għall-analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM.

161    B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali vvalidat b’mod żbaljat l-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni, bħala kuntest rilevanti, għall-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni, tal-għażliet prestabbiliti, minkejja li din l-għażla prestabbilita ma kinitx inkwistjoni u li kellha għan kif ukoll effetti proprji. Dan wassal lill-Qorti Ġenerali, fil-punt 349 tas-sentenza appellata, sabiex taċċetta li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi mhux rilevanti u sabiex ma tagħmilx distinzjoni bejn il-preinstallazzjoni u l-għażla prestabbilita. Tali approċċ jiżnatura d-deċiżjoni kontenzjuża u ppermetta lill-Kummissjoni tevita l-obbligu tagħha li tevalwa r-rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u l-effetti antikompetittivi.

162    Google u Alphabet jikkritikaw, b’mod partikolari, ħames motivi li l-Qorti Ġenerali esponiet insostenn ta’ dan l-approċċ. L-ewwel nett, din tal-aħħar iddeċidiet, fil-punti 329 u 330 tas-sentenza appellata, li ma huwiex faċli li ssir distinzjoni bejn l-effetti tal-preinstallazzjoni u dawk tal-għażliet prestabbiliti. Madankollu, tali evalwazzjoni tqiegħed f’dubju r-regola li tgħid li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kummissjoni. It-tieni nett, din is-sentenza tislet, f’dawn il-punti 329 u 330, argument mill-fatt li persuna responsabbli ta’ Google kienet hija stess amalgamat il-kunċetti ta’ “għażla prestabbilita” u ta’ “preinstallazzjoni”. Madankollu, żball imwettaq minn tali persuna responsabbli ma jistax jiġġustifika l-istess żball meta dan jitwettaq mill-Kummissjoni jew mill-Qorti Ġenerali. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ma ppreċiżatx, fil-punt 332 tal-imsemmija sentenza, liema tqegħid ipprivileġġjat jew liema għażliet prestabbiliti kienu fis-seħħ jew kienu allegatament problematiċi minkejja li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma kkontestatx l-għażliet prestabbiliti previsti fil-FDAM. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod żbaljat, fil-punt 334 tal-istess sentenza, li dak li seta’ jiġi dedott fil-każ ta’ preinstallazzjoni kien japplika wkoll, mutatis mutandis u a fortiori, fil-każ ta’ għażla prestabbilita, fatt li jikkontradixxi lill-Kummissjoni stess. Il-ħames nett, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova, li jmur kontra l-prinċipji ġurisprudenzjali esposti fil-punt 80 tas-sentenza appellata.

163    Iċ-CCIA ssostni li l-Qorti Ġenerali rrifjutat b’mod żbaljat li tiddistingwi bejn il-preinstallazzjoni u l-għażla prestabbilita. B’dan il-mod, hija eżentat lill-Kummissjoni mill-oneru tal-prova impost fuqha, billi vvalidat il-possibbiltà għal din tal-aħħar li tirreferi għal sempliċi preżunzjonijiet.

164    HMD hija tal-fehma wkoll li huwa kruċjali li ssir distinzjoni bejn l-effetti tal-preinstallazzjoni u dawk tal-għażliet prestabbiliti. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien hemm lok li jiġi aċċettat li argumenti mressqa fil-kuntest ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ kunċetti setgħu jiġu invokati wkoll fil-kuntest tal-ieħor. Madankollu, il-Kummissjoni qatt ma ressqet tali argument. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni fuq dan il-punt, li jikkostitwixxi, fih innifsu, żball ta’ liġi. Barra minn hekk, hija wettqet ukoll żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina jekk il-provi invokati mill-Kummissjoni kinux imputabbli għall-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM, u mhux għall-għażla prestabbilita.

165    Opera ssostni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 334 tas-sentenza appellata, li l-preinstallazzjoni u l-għażla prestabbilita huma simili għaliex “dak li jista’ jiġi dedott fil-każ tal-preinstallazzjoni japplika wkoll mutatis mutandis u a fortiori fil-każ tal-għażliet prestabbiliti”, hija kemm illoġika kif ukoll żbaljata fil-mertu. Minn naħa, din il-konklużjoni hija illoġika peress li l-għażla prestabbilita għandha valur kummerċjali ferm ogħla minn dak ta’ sempliċi preinstallazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija żbaljata fil-mertu peress li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali, billi ma eżaminawx din id-differenza, ma stabbilixxewx rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni inkwistjoni u l-effetti ta’ esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effikaċi.

166    Il-Kummissjoni, il-BEUC, FairSearch u Seznam isostnu li din il-parti hija inammissibbli, ineffettiva u, fi kwalunkwe każ, infondata. B’mod partikolari, l-imsemmija parti hija inammissibbli għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, Google u Alphabet jikkontestaw elementi fattwali. It-tieni nett, jissemmew il-punti 337 sa 418 tas-sentenza appellata, filwaqt li dawn il-punti ma jikkonċernawx il-kritika li huma jifformulaw. L-istess parti hija wkoll ineffettiva, peress li Google u Alphabet ammettew waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali li l-preinstallazzjoni ta’ applikazzjoni tagħti vantaġġ meta mqabbla mal-applikazzjonijiet kompetituri.

d)      Fuq ir-raba’ parti

167    Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, Google u Alphabet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball fl-analiżi tagħha tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni xenarju kontrofattwali u effetti favur il-kompetizzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

168    L-imsemmija kundizzjonijiet jikkostitwixxu l-korrispettiv mhux monetarju li Google tirċievi mill-FTO inkambju għall-gratwità ta’ software li jinkludi b’mod partikolari l-OS Android u l-Play Store. Dan il-mudell ekonomiku wassal għal effetti favur il-kompetizzjoni li l-Kummissjoni injorat billi ma eżaminatx jekk alternattivi realistiċi kinux taw lok għal opportunitajiet ta’ distribuzzjoni identiċi jew aħjar għall-kompetituri. Il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, fil-punti 590, 592 u 594 tas-sentenza appellata, ivvalidat dan l-approċċ billi kkonfermat li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat xenarju kontrofattwali.

169    Iċ-CCIA ssostni li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk, f’xenarju alternattiv realistiku mingħajr il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM, il-muturi ta’ tfittxija u l-browsers kompetituri kinux jibbenefikaw minn opportunitajiet kompetittivi aħjar. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni kienet obbligata twettaq analiżi kontrofattwali. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, b’mod żbaljat, li l-vantaġġi favur il-kompetizzjoni tal-OS Android kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fl-istadju tal-ġustifikazzjoni oġġettiva u li kienu Google u Alphabet li kellhom jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM kienu l-uniku mezz leġittimu sabiex jintlaħqu l-għanijiet favur il-kompetizzjoni ta’ dan l-OS.

170    L-ewwel nett, iċ-CCIA ssostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kellha l-oneru li turi li l-aġir inkwistjoni huwa antikompetittiv billi twettaq analiżi kontrofattwali. Dan huwa l-mezz kif tiġi stabbilita rabta kawżali bejn l-allegata restrizzjoni tal-kompetizzjoni u l-effetti tagħha sabiex jiġi ddeterminat jekk l-effetti antikompetittivi allegati humiex effettivament imputabbli għall-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti.

171    It-tieni nett, iċ-CCIA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tinjora l-istat tal-kompetizzjoni permess mill-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM. Dan huwa partikolarment il-każ fil-kuntest ta’ ekosistema li tinkludi swieq multidimensjonali differenti. Għalhekk, l-interazzjonijiet bejn dawn is-swieq kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, l-istess bħall-effetti favur il-kompetizzjoni li kellhom jiġu eżaminati fl-istadju tal-prova tar-restrizzjoni kkonstatata u mhux biss fl-istadju tal-ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ din ir-restrizzjoni. L-approċċ tal-Kummissjoni, ivvalidat mill-Qorti Ġenerali, kien jippermetti li jiġi evitat l-obbligu li jiġi eżaminat jekk alternattivi realistiċi għall-iskambju mhux monetarju tal-FDAM setgħux jagħtu lok għal opportunitajiet kompetittivi identiċi jew ogħla.

172    Gigaset tqis li l-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM b’mod iżolat u li hija injorat b’mod żbaljat li dawn il-kundizzjonijiet kienu jagħmlu parti integrali mill-mudell ta’ liċenzja żviluppat għall-OS Android, li kienu jippermettu lil Google żżomm dan il-mudell miftuħ u mingħajr ħlas. Id-dħul ta’ Gigaset fis-suq tal-apparati portabbli intelliġenti juri effetti favur il-kompetizzjoni ta’ dan il-mudell, fatt li barra minn hekk ma ġiex ikkontestat mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, dan tal-aħħar ivvalida l-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti fl-iżolament artifiċjali tal-imsemmija kundizzjonijiet mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-mudell kollu kemm hu. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk Google setgħetx toffri lill-FTO alternattiva realistika għall-iskambju mhux monetarju previst mill-FDAM.

173    HMD issostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx jekk is-sistema ta’ liċenzja miftuħa u mingħajr ħlas proposta minn Google kinitx tkun possibbli mingħajr il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM.

174    Opera ssostni li l-FDAM kienu jikkostitwixxu l-pedament tal-mudell ekonomiku ta’ Google, li kien jikkonsisti fl-għoti ta’ liċenzja miftuħa u mingħajr ħlas għall-OS Android bl-għan li jiżdiedu l-opportunitajiet għad-distribuzzjoni tas-servizzi tagħha li jiġġeneraw dħul, b’mod partikolari l-applikazzjoni Google Search. Dan il-mudell kien favur il-kompetizzjoni għall-kompetituri ta’ Google, b’mod partikolari fis-suq tal-browsers tal-internet mobbli. Madankollu, billi astjenew milli jeżaminaw liema kienet tkun is-sitwazzjoni kompetittiva f’xenarju kontrofattwali realistiku mingħajr il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali injoraw dawn l-effetti favur il-kompetizzjoni u ppreżumew b’mod żbaljat li Google setgħet iżżomm tali mudell ekonomiku anki fin-nuqqas ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma weġbitx għal din il-kritika fformulata minn Google u Alphabet kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u evitat il-problema billi żnaturat din id-deċiżjoni.

175    Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta aċċettat li l-Kummissjoni tista’ tevalwa l-effetti favur il-kompetizzjoni speċifiċi tal-imsemmija kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni biss fl-istadju tal-ġustifikazzjoni oġġettiva tar-restrizzjoni.

176    Il-Kummissjoni, il-BEUC u FairSearch isostnu li din il-parti hija infondata.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)      Fuq l-ammissibbiltà u n-natura effettiva tal-ewwel aggravju

177    Fl-ewwel lok, FairSearch issostni li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli kollu kemm hu peress li jikkostitwixxi motiv ġdid.

178    Skont ġurisprudenza stabbilita, aggravju invokat għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-motivi indirizzati quddiemha. Li parti tiġi awtorizzata tinvoka f’dan il-kuntest motiv li din ma kinitx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali jfisser li din il-parti tkun qegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha f’appell hija limitata, kawża iktar wiesgħa minn dik li kienet tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il‑Kummissjoni, C‑700/19 P, EU:C:2022:484, punt 158, kif ukoll tat‑3 ta’ Settembru 2024, Illumina u Grail vs Il‑Kummissjoni, C‑611/22 P u C‑625/22 P, EU:C:2024:677, punt 133).

179    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, Google u Alphabet għandhom preċiżament l-intenzjoni li jikkritikaw is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tagħhom li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM u l-effetti ta’ esklużjoni li kienu assoċjati magħhom.

180    Għaldaqstant, dan l-aggravju ma huwiex intiż li jestendi s-suġġett tal-kawża lil hinn minn dak li ħadet konjizzjoni tiegħu l-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, l-imsemmi aggravju huwa ammissibbli.

181    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju huwa ineffettiv. Dan huwa bbażat, fl-intier tiegħu, fuq il-premessa żbaljata li analiżi kontrofattwali hija l-uniku mod sabiex jiġi stabbilit jekk aġir jistax jirrestrinġi l-kompetizzjoni filwaqt li tali analiżi hija biss mod fost oħrajn sabiex tiġi stabbilita tali restrizzjoni.

182    Madankollu, għandu jiġi osservat li, permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, Google u Alphabet ma jibbażawx l-argumenti kollha tagħhom fuq tali premessa. In-natura allegatament obbligatorja tal-analiżi kontrofattwali fil-kuntest tal-Artikolu 102 TFUE hija s-suġġett biss tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju. Għalhekk, l-eventwali natura żbaljata tal-imsemmija premessa ma tistax taffettwa l-ewwel aggravju kollu kemm hu li l-argumenti tiegħu jistgħu, barra minn hekk, jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jsostnu d-dispożittiv tas-sentenza appellata.

183    Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-ineffettività tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq l-ewwel parti

184    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Google u Alphabet jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-effetti tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM, l-effetti tal-FTD abbażi ta’ apparat u tal-FTD abbażi ta’ portfolio filwaqt li l-ewwel minn dawn il-ftehimiet ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni u li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-tieni ma kinux abbużivi. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-Kummissjoni kinitx uriet li l-allegati effetti ta’ esklużjoni kienu kkawżati mill-FDAM.

185    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, sa fejn il-kummerċ bejn Stati Membri jkun jista’ jiġi affettwat, il-fatt li impriża waħda jew iktar jabbużaw minn pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. Dan l-Αrtikolu 102 huwa intiż li jevita li tiġi ristretta l-kompetizzjoni bi ħsara għall-interess ġenerali, għall-impriżi individwali u għall-konsumaturi, billi jiġi ssanzjonat l-aġir ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu u jkun jista’ għalhekk jikkawża dannu dirett lil dawn tal-aħħar, jew li jxekkel jew joħloq distorsjoni ta’ din il-kompetizzjoni u jkun jista’ għalhekk jikkawżalhom dannu indirett (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Għandu jiġi ppreċiżat li, filwaqt li jpoġġi l-piż fuq l-impriżi f’pożizzjoni dominanti tar-responsabbiltà partikolari li ma jikkawżawx preġudizzju, bl-aġir tagħhom, lil kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern, l-Artikolu 102 TFUE ma jinkriminax l-eżistenza stess ta’ pożizzjoni dominanti, iżda biss l-abbuż tagħha (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

187    Sabiex ikun jista’ jitqies, f’każ partikolari, li aġir għandu jiġi kklassifikat bħala “abbuż minn pożizzjoni dominanti” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, huwa neċessarju, bħala regola ġenerali, li jintwera li, permezz tal-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu bejn l-impriżi, dan l-aġir għandu l-effett attwali jew potenzjali li jirrestrinġi din il-kompetizzjoni billi jeskludi impriżi kompetituri daqstant effikaċi mis-suq jew mis-swieq ikkonċernati jew billi jipprekludi l-iżvilupp tagħhom f’dawn is-swieq, minkejja li jista’ jiġi osservat li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu kemm dawk fejn il-pożizzjoni dominanti tinżamm kif ukoll dawk, konnessi jew relatati, fejn l-imsemmi aġir jista’ jipproduċi l-effetti attwali jew potenzjali tiegħu (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 165 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

188    Din il-prova għandha tkun intiża sabiex tistabbilixxi, billi tibbaża ruħha fuq elementi ta’ analiżi u provi preċiżi u konkreti, li l-imsemmi aġir għandu, tal-inqas, il-kapaċità li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 166 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

189    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-imsemmija prova, li tista’ timplika l-użu ta’ skali ta’ analiżi differenti skont it-tip ta’ aġir li huwa inkwistjoni f’każ partikolari, għandha titwettaq, fil-każijiet kollha, billi jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha, kemm jekk dawn jikkonċernaw dan l-aġir stess, is-suq jew is-swieq inkwistjoni jew il-funzjonament tal-kompetizzjoni fih jew fihom (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 166). Għalhekk, iċ-ċirkustanzi relatati mal-kuntest li fih l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti huwa implimentat, bħal karatteristiċi tas-settur ikkonċernat, għandhom jitqiesu bħala rilevanti (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 168).

190    Fil-fatt, l-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ aġir ma tistax issir b’mod astratt. Aġir jista’ jirriżulta li jkollu l-kapaċità li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi filwaqt li dan ma jistax ikun il-każ jekk dan ikun seħħ f’kuntest differenti. Huwa f’dan is-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li awtorità tal-kompetizzjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-effetti li aġir seta’ jipproduċi li kieku seħħew ċerti ċirkustanzi partikolari, li ma kinux dawk prevalenti fis-suq fil-mument tal-implimentazzjoni tiegħu (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt.Operations, C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 43).

191    Kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element fattwali bħala element tal-kuntest rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ aġir fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE ma jiddependix mill-punt dwar jekk dan l-element jaqax taħt aġir li huwa fih innifsu abbużiv. Fil-fatt, dan jirrigwarda b’mod partikolari l-possibbiltà li jiġi evalwat b’mod konkret jekk l-effetti ta’ aġir humiex amplifikati jew, għall-kuntrarju, imnaqqsa mill-kuntest li fih dan l-aġir huwa implimentat.

192    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet tikklassifika l-FTD abbażi ta’ portfolio bħala abbużivi, skont l-Artikolu 102 TFUE. Hija ddeċidiet, fil-punt 800 tas-sentenza appellata, li n-natura abbużiva ta’ dawn il-ftehimiet ma kinitx ġiet ipprovata b’mod suffiċjenti fid-dritt. Google u Alphabet jibbażaw argument fuq dan l-annullament u jikkritikaw, essenzjalment, il-fatt li l-Qorti Ġenerali madankollu ħadet inkunsiderazzjoni, għall-evalwazzjoni tal-ewwel parti tat-tieni motiv fl-ewwel istanza, FTD bħala elementi kuntestwali rilevanti sabiex jiġu evalwati l-effetti tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM.

193    Fil-kuntest ta’ din il-parti, Google u Alphabet argumentaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-FDAM ma pprekludewx lill-FTO milli jippreinstallaw muturi ta’ tfittxija jew browsers kompetituri b’mod parallel mal-applikazzjoni Google Search u l-browser Chrome.

194    Sabiex tiċħad l-imsemmija parti, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet preliminari, ikkonstatat, fil-punti 425 sa 427 tas-sentenza appellata, li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma kkontestatx il-possibbiltà teoretika ta’ installazzjoni konġunta iżda li din l-ipoteżi kienet tinjora l-kuntest partikolari tal-FDAM, u b’mod partikolari tal-FTD li kienu jimponu, għal numru sinjifikattiv ta’ apparati, il-preinstallazzjoni esklużiva tal-applikazzjoni Google Search.

195    Il-Qorti Ġenerali kompliet l-evalwazzjoni tagħha billi analizzat, minn naħa, fil-punti 431 sa 436 ta’ din is-sentenza, l-effetti tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM fuq il-fornituri ta’ muturi ta’ tiftix kompetituri u, min-naħa l-oħra, fil-punti 437 sa 465 tal-imsemmija sentenza, l-effetti ta’ dawn il-kundizzjonijiet fuq il-fornituri ta’ browsers kompetituri.

196    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għal dak li jsostnu Google u Alphabet, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni b’mod korrett il-fatt li l-FDAM u l-FTD kienu ftehimiet distinti u li l-firmatarji tal-FDAM ma kinux obbligati jikkonkludu FTD. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni dawn il-ftehimiet tal-aħħar biss bħala elementi tal-kuntest rilevanti fost oħrajn u ħadet debitament inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari fil-punti 426, 447 u 449 tas-sentenza appellata, il-fatt li dawn il-FTD ma kinux ikopru l-apparati kollha koperti mill-FDAM.

197    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma marritx kontra l-ġurisprudenza stabbilita fil-punti 188 u 189 ta’ din is-sentenza meta qieset li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni b’mod korrett il-FTD bħala elementi tal-kuntest rilevanti, indipendentement mil-legalità tagħhom jew mill-illegalità tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, sabiex tevalwa l-effetti tal-FDAM. Dan l-approċċ jirriżulta b’mod ċar mill-punti 426 u 443 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni mingħajr distinzjoni l-FTD abbażi ta’ portfolio u l-FTD abbażi ta’ apparat, mingħajr ma tat ebda rilevanza għal-legalità eventwali tagħhom. Huwa għalhekk ġustament li dawn il-ftehimiet ittieħdu inkunsiderazzjoni bħala elementi kuntestwali li mingħajrhom l-effetti tal-FDAM ma setgħux jiġu evalwati fid-dawl tal-komplementarjetà tagħhom, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 451 u 452 ta’ din is-sentenza, sa fejn dawn żiedu l-effetti ta’ esklużjoni tal-FDAM.

198    It-tielet nett, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni ta’ Google u ta’ Alphabet li l-effetti antikompetittivi tal-FDAM ma humiex stabbiliti peress li, f’xenarju kontrofattwali li ma jintegrax dawn il-ftehimiet, il-FTD kellhom l-istess effetti ta’ esklużjoni, għad-detriment tas-servizzi ta’ tiftix kompetituri.

199    Fil-fatt, din l-allegazzjoni għandha t-tendenza li tikkontesta l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li tgħid li, minn naħa, il-FDAM u l-FTD kienu komplementari u, min-naħa l-oħra, l-effetti tagħhom ma setgħux jiġu sseparati. Barra minn hekk, distinzjoni artifiċjali bejn l-effetti ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ ftehimiet trendi impossibbli l-prova tan-natura abbużiva ta’ aġir billi tibbaża ruħha fuq elementi ta’ analiżi u ta’ provi preċiżi u konkreti, kif jirriżulta mill-punt 451 tas-sentenza appellata, u dan b’mod partikolari meta l-aġir inkwistjoni jseħħ fil-kuntest ta’ swieq li huma kkaratterizzati minn effetti ta’ network. Fil-fatt, dan iwassal sabiex jiġi injorat il-kuntest li fih seħħ l-aġir kontenzjuż.

200    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

c)      Fuq it-tieni parti

201    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, Google u Alphabet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali sa fejn ċaħdet b’mod żbaljat, fil-punti 546 sa 558 u 570 sa 584 tas-sentenza appellata, l-argument tagħhom li l-għażla tal-utenti li ma jniżżlux applikazzjonijiet kompetituri b’mod iktar frekwenti kienet imputabbli mhux għall-vantaġġ tal-istatus quo, iżda għall-preferenzi ta’ dawn l-utenti. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni kellha turi li r-raġunijiet veri għan-numru żgħir ta’ tniżżil ta’ applikazzjonijiet kompetituri kienu dovuti għall-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM, iktar milli sempliċement tippreżumi dan.

202    F’dan ir-rigward, fir-rigward, minn naħa, tar-regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, hija l-kumpannija li tqajjem motiv ta’ difiża kontra l-konstatazzjoni ta’ tali ksur li għandha tipproduċi l-prova li dan il-motiv ta’ difiża għandu jintlaqa’. Madankollu, anki jekk huma l-Kummissjoni jew il-kumpannija kkonċernata li għandhom l-oneru tal-prova, skont dawn il-prinċipji, l-elementi fattwali li parti tinvoka jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, li jekk ma tingħatax jista’ jiġi konkluż li l-oneru tal-prova ġie ssodisfatt (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

203    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-livell ta’ prova meħtieġ sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ aġir partikolari fuq l-utenti finali, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punti 137 sa 139 tal-konklużjonijiet tagħha, li jeżistu sitwazzjonijiet li fihom ma huwiex possibbli li jiġi analizzat jekk l-aġir tal-utenti huwiex dovut għall-karatteristiċi kwalitattivi tas-servizzi jew tal-prodotti tal-impriża dominanti. Fil-fatt, f’każ li fih jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-mod li bih il-konsumaturi jew l-utenti għamlu l-għażla tagħhom kien distort minn aġir partikolari sabiex jiffavorixxi l-impriża dominanti għad-detriment tal-kompetituri tagħha, l-eżistenza ta’ tali preġudizzju teskludi li jista’ jiġi kkunsidrat li din l-għażla kienet, bħala prinċipju, dovuta għall-prestazzjoni superjuri tal-impriża dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 99 u 102). F’tali konfigurazzjoni, jista’ jkun impossibbli fil-prattika għall-Kummissjoni li tiddistingwi dak li jaqa’ taħt l-effetti ta’ tali preġudizzju minn dak li jaqa’ taħt il-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni.

204    F’dan il-każ, Google u Alphabet jikkritikaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-argumenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħhom fl-ewwel istanza, li jgħidu li, minn naħa, il-Kummissjoni injorat li l-kompetituri ta’ Google kellhom mezzi oħra daqstant effikaċi sabiex jilħqu lill-konsumaturi, b’mod partikolari permezz tat-tniżżil u tal-browser għas-servizzi ta’ tiftix ġenerali. L-utenti finali kienu liberi li jniżżlu applikazzjonijiet kompetituri u li jużaw, fuq l-internet, mutur ta’ tfittxija differenti mill-applikazzjoni Google Search. Min-naħa l-oħra, Google u Alphabet sostnew li l-Kummissjoni ma kinitx uriet ir-rabta bejn l-ishma ta’ użu u l-preinstallazzjoni.

205    Fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti tat-tieni motiv fl-ewwel istanza, Google u Alphabet ikkritikaw il-provi użati mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura antikompetittiva tal-bejgħ marbut tal-applikazzjoni Google Search u tal-Play Store, sabiex jikkorroboraw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-preinstallazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet kienet toħloq vantaġġ tal-istatus quo li kien jiskoraġġixxi lill-utenti milli jniżżlu applikazzjonijiet kompetituri jew jużaw mutur ta’ tfittxija ieħor disponibbli online. L-argumenti ta’ Google u ta’ Alphabet quddiem il-Qorti Ġenerali għalhekk ma kinux intiżi li jikkontestaw l-eżistenza ta’ vantaġġ tal-istatus quo, li, barra minn hekk, kien is-suġġett ta’ lment speċifiku li l-Qorti Ġenerali ċaħdet fil-punti 326 sa 418 tas-sentenza appellata.

206    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, ippreċiżat, fil-punt 546 ta’ din is-sentenza, li Google u Alphabet ma kkontestawx li l-utenti setgħu faċilment jniżżlu applikazzjonijiet kompetituri tal-applikazzjoni Google Search jew tal-browser Chrome. B’dan, hija kellha l-intenzjoni li tistabbilixxi l-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, billi tippreċiża li l-possibbiltà teoretika tat-tniżżil ma kinitx ikkontestata, iżda li kienet pjuttost kwistjoni li jiġu evalwati l-provi li kellha l-Kummissjoni sabiex tikkaratterizza l-effetti konkreti u reali tal-aġir kontenzjuż u li tikkorrobora l-vantaġġ tal-istatus quo. Huwa f’din l-istess perspettiva li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 557 tal-imsemmija sentenza, li ma kienx ikkontestat fid-deċiżjoni kontenzjuża li t-tniżżil mill-internet jista’, bħala prinċipju, jikkumpensa l-vantaġġ li jingħata mill-preinstallazzjoni.

207    B’hekk, f’dan il-punt 557, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, għar-raġunijiet esposti f’din id-deċiżjoni, jirriżulta li, anki jekk huwa faċli u mingħajr ħlas li titniżżel applikazzjoni ta’ tiftix ġenerali jew ta’ navigazzjoni, dan it-tniżżil ma jsirx fil-prattika, jew isir għal parti insuffiċjenti tal-apparat ikkonċernat, sabiex iwassal għall-esklużjoni ta’ dawn il-provi użati sabiex jikkorroboraw il-vantaġġ tal-istatus quo. Dan wassal lill-Qorti Ġenerali, fil-punt 558 tal-istess sentenza, sabiex tiċħad l-ilment ta’ Google u ta’ Alphabet dwar din il-possibbiltà ta’ tniżżil.

208    Sussegwentement, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-ilment ta’ Google u ta’ Alphabet dwar l-allegat nuqqas ta’ dimostrazzjoni tar-rabta bejn l-ishma ta’ użu u l-preinstallazzjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 570 sa 584 tas-sentenza appellata, ikkonfermat li l-elementi prodotti mill-Kummissjoni kienu jsostnu d-dimostrazzjoni ta’ din dwar il-fatt li l-preinstallazzjoni kienet tikkostitwixxi vantaġġ li ma setax jiġi kkumpensat mill-kompetituri. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 574 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ħadet bħala punt ta’ tluq il-vantaġġ tal-istatus quo li hija kienet barra minn hekk stabbilixxiet. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-argument ta’ Google u ta’ Alphabet dwar il-kwalità superjuri tal-prodotti tagħhom, li jispjega l-iżviluppi fl-ishma tas-suq, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 575 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, fil-kuntest preċiż tal-evalwazzjoni ta’ elementi li jikkonfermaw vantaġġ tal-istatus quo stabbilit, tiddetermina preċiżament jekk dan l-iżvilupp kienx dovut għal din il-kwalità ogħla.

209    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 583 tal-istess sentenza, fid-dawl tat-tendenza li tiġi ffriżata s-sitwazzjoni assoċjata mal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM u fl-assenza ta’ prova tal-impatt preċiż tal-kwalità superjuri allegata minn Google u Alphabet fir-rigward tal-applikazzjonijiet ta’ tiftix ġenerali u l-browser tagħhom, il-Kummissjoni kellha raġun tqis li l-ishma tal-użu ta’ Google jikkorroboraw il-“vantaġġ tal-istatus quo” marbut mal-preinstallazzjoni.

210    Għalhekk, mis-sentenza appellata jirriżulta li Google u Alphabet ma jistgħux jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-legalità ta’ aġir tiddependi biss minn analiżi tal-għażliet reali tal-konsumaturi. Din il-kritika tirriżulta minn qari żbaljat ta’ din is-sentenza sa fejn tinjora l-kuntest li fih taqa’ l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, il-fatt li hija tanalizza l-provi li jikkorroboraw il-prova ta’ vantaġġ tal-istatus quo, li ma huwiex preżunt.

211    Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ddeċidiet, fil-punt 575 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tistabbilixxi jekk l-użu iktar dgħajjef ta’ applikazzjonijiet kompetituri kienx imputabbli għall-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni jew għall-preferenzi tal-utenti għall-kwalità superjuri tal-applikazzjonijiet ta’ Google. Fil-fatt, l-ewwel nett, din il-kritika tinjora l-fatt li l-Qorti Ġenerali evalwat provi kkritikati minn Google u minn Alphabet li jikkorroboraw il-vantaġġ tal-istatus quo marbut mal-preinstallazzjoni. It-tieni nett, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 202 ta’ din is-sentenza, Google u Alphabet ma jistgħux jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet l-argument tagħhom, ibbażat fuq l-allegazzjoni mhux ipprovata tas-superjorità tal-prodotti tagħhom, minkejja li qieset li l-provi prodotti mill-Kummissjoni kienu suffiċjenti sabiex jiġu stabbiliti l-effetti ta’ esklużjoni tal-bejgħ marbut ikkunsidrat. Fil-fatt, kienu Google u Alphabet, konformement mar-regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova, li kellhom juru li l-prodotti tagħhom kienu ta’ kwalità superjuri u li din il-kwalità kienet, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, fl-oriġini tat-tniżżil.

212    Dan il-qari żbaljat tas-sentenza appellata jwassal lil Google u lil Alphabet sabiex jikkunsidraw li l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali jew jagħti lok għal riżultati irrazzjonali. Fil-fatt, dawn jallegaw li l-Qorti Ġenerali sempliċement evalwat l-iżvilupp tal-għażliet tal-utenti sabiex tikkonkludi li l-preinstallazzjoni kienet abbużiva minkejja li din sempliċement ikkonfermat li dan l-iżvilupp seta’ jikkorrobora dak li l-Kummissjoni kienet barra minn hekk stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt.

213    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 203 ta’ din is-sentenza, peress li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-aġir tal-utenti kien ġie distort mill-preinstallazzjoni li tiffavorixxi l-applikazzjonijiet ta’ Google għad-detriment ta’ dawk tal-kompetituri tagħha, l-eżistenza ta’ tali preġudizzju teskludi li jista’ jitqies li din l-għażla kienet, bħala prinċipju, dovuta għall-prestazzjoni superjuri tal-impriża dominanti.

214    Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà tat-tieni parti tal-ewwel aggravju allegat mill-Kummissjoni, mill-BEUC u minn FairSearch, għandu jiġi kkonstatat li din il-parti hija infondata.

d)      Fuq it-tielet parti

215    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, Google u Alphabet isostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-provi dwar l-għażla prestabbilita kienu rilevanti għall-analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM, li kienu jirregolaw din il-preinstallazzjoni.

216    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, konformement mal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali biss għandha ġuriżdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi ma tikkostitwixxix għalhekk, mingħajr ħsara għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell Tali żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punti 121 u 122, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

217    F’dan il-każ, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 72 sa 76 tal-konklużjonijiet tagħha, il-punti tas-sentenza appellata kkontestati minn Google u Alphabet jaqgħu fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-argumenti li permezz tagħhom dawn tal-aħħar jikkritikaw ir-rilevanza ta’ provi kkunsidrati mill-Kummissjoni li jirrigwardaw l-għażla prestabbilita u mhux il-preinstallazzjoni tal-applikazzjonijiet ikkonċernati. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, qabel ma eżaminat l-ilmenti ta’ Google u ta’ Alphabet, ifformulat, fil-punti 326 sa 339 tas-sentenza appellata, osservazzjonijiet preliminari li jirrigwardaw b’mod partikolari n-nuqqas ta’ interess prattiku tad-distinzjoni proposta minnhom bejn il-preinstallazzjoni u l-għażla prestabbilita. Mingħajr ma kkontestat id-distinzjoni stess bejn dawn iż-żewġ kunċetti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dawn iż-żewġ aġiri, u fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi invokati mill-Kummissjoni sabiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ tal-istatus quo, ma kienx hemm lok li ssir tali distinzjoni. Fi kliem ieħor, ma kienx hemm lok, skont il-Qorti Ġenerali, li ssir distinzjoni bejn l-effetti tal-preinstallazzjoni u dawk tal-għażliet prestabbiliti.

218    Fil-punti 331 u 332 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġġustifikat din il-konklużjoni billi qieset li ma kienx possibbli, fil-prattika, li ssir distinzjoni bejn l-effetti tal-preinstallazzjoni u dawk tal-għażliet prestabbiliti fl-analiżi tal-provi adottati mill-Kummissjoni peress li, b’mod partikolari Google, hija stess, ma kinitx tuża, internament, id-distinzjoni stretta li hija għamlet fil-kuntest tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza u li għalhekk kienet artifiċjali. Din id-distinzjoni kienet, skont il-Qorti Ġenerali, inqas u inqas rilevanti peress li, minn naħa, Google kienet irrikonoxxiet li l-preinstallazzjoni kienet tabilħaqq iżżid il-probabbiltà li l-utenti jużaw l-applikazzjonijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, li l-FDAM ma kinux jipprevedu sempliċi preinstallazzjoni iżda wkoll tqegħid ipprivileġġjat jew għażla prestabbilita.

219    Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li l-Qorti Ġenerali sussegwentement evalwat il-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ tal-istatus quo kkawżat mill-preinstallazzjoni u kkritikati minn Google u minn Alphabet. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kellha d-dritt tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-provi dwar l-effetti tal-preinstallazzjoni, meħuda fil-kuntest ġenerali tal-implimentazzjoni tagħha, jiġifieri kuntest li jintegra l-għażliet prestabbiliti u t-tqegħid ipprivileġġjat.

220    Issa, il-kritika li Google u Alphabet jiżviluppaw fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

221    Fil-fatt, minn naħa, kif tosserva l-Avukata Ġenerali fil-punti 79 u 80 tal-konklużjonijiet tagħha, parti mill-argumenti ta’ Google u ta’ Alphabet huma intiżi, fir-realtà, sabiex jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, dawn jikkontestaw it-tifsira tal-kliem “għażliet prestabbiliti” u “preinstallazzjoni” kif jirriżulta mill-provi eżaminati jew ukoll ir-rilevanza u l-portata tal-provi relatati ma’ dawn iż-żewġ aġiri. Għalhekk, peress li Google u Alphabet ma jsostnux li l-Qorti Ġenerali żnaturat dawn il-provi u li tali żnaturament lanqas ma jirriżulta b’mod manifest mill-proċess, l-ilmenti tagħhom għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

222    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argumenti ta’ Google u ta’ Alphabet li huma intiżi li jikkontestaw ir-rilevanza tal-kuntest li taqa’ fih il-preinstallazzjoni tal-applikazzjonijiet ikkonċernati sabiex jiġu evalwati l-effetti tagħha, għandu jitqies li, sabiex jintwerew l-eventwali effetti antikompetittivi ta’ aġir, dan għandu jiġi analizzat fil-kuntest tiegħu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta aġir differenti jkun interkonness b’tali mod li jipproduċi l-effetti tiegħu flimkien u li jkun artifiċjali li ssir distinzjoni bejn l-effetti ta’ wieħed mill-effetti tal-ieħor. Issa, wara evalwazzjoni fattwali mhux ikkontestata u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta, il-Qorti Ġenerali qieset li dan kien il-każ għall-preinstallazzjoni u l-għażla prestabbilita tal-applikazzjonijiet ikkonċernati.

223    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

e)      Fuq ir-raba’ parti

224    Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħhom, Google u Alphabet isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tistabbilixxi r-rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM u l-effetti antikompetittivi allegati bl-użu ta’ xenarju kontrofattwali realistiku sabiex jiġi eżaminat jekk mudell ta’ liċenzja miftuħ bħal dak tal-OS Android kienx ikun possibbli mingħajr dawn il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni. Issa, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx suġġetta għal tali obbligu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

225    F’dan ir-rigward, fir-rigward, l-ewwel nett, tan-neċessità li jintuża xenarju kontrofattwali, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punti 93 u 94 tal-konklużjonijiet tagħha, li, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi r-rabta kawżali bejn l-aġir abbużiv ikkontestat u l-effetti antikompetittivi tiegħu, hija tista’ madankollu, f’dan il-kuntest, tibbaża ruħha fuq numru ta’ elementi probatorji, mingħajr ma hija obbligata tirrikorri sistematikament għal metodoloġija unika, b’mod partikolari analiżi kontrofattwali, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ tali rabta kawżali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punti 228 u 229).

226    Sabiex jiġi stabbilit abbuż minn pożizzjoni dominanti, huwa biżżejjed li jiġi pprovat li l-aġir inkwistjoni huwa kapaċi jipproduċi effetti ta’ esklużjoni. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li jiġu pprovati l-effetti konkreti tiegħu. Minn dan isegwi li l-fatt li, kuntrarjament għall-kompetituri tagħha, hija biss l-impriża dominanti li setgħet tinfluwenza l-aġir tal-klijenti jew tal-utenti b’mod diskriminatorju għad-detriment tal-kompetituri tagħha jista’ jkun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-aġir inkwistjoni seta’ jippreġudika kompetizzjoni effettiva u mhux distorta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punti 223 sa 229).

227    F’dan il-każ, quddiem il-Qorti Ġenerali, Google u Alphabet ikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma wettqitx analiżi kompleta tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-FDAM, billi naqset milli teżamina l-opportunitajiet ġodda maħluqa għall-kompetituri u l-fatt li l-FDAM kienu jikkostitwixxu kundizzjoni sine qua non sabiex il-mudell ta’ liċenzja mingħajr ħlas żviluppat għall-OS Android ikun vijabbli.

228    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 590 sa 594 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tiffoka fuq il-prova tal-effetti antikompetittivi tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM mingħajr ma tieħu bħala suġġett il-mudell kollu ta’ liċenzja mingħajr ħlas tal-OS Android. Filwaqt li fakkret li l-Kummissjoni kienet ħadet debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tivverifika jekk din l-istituzzjoni kinitx wettqet analiżi kontrofattwali, li ma hijiex obbligatorja, konformement mal-punti 225 u 226 ta’ din is-sentenza.

229    Fir-rigward, it-tieni nett, tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti favur il-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li, meta jiġi stabbilit, minn awtorità tal-kompetizzjoni, li aġir imwettaq minn impriża f’pożizzjoni dominanti jista’ jippreġudika kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern, jibqa’ possibbli għal din l-impriża, sabiex l-aġir inkwistjoni ma jitqiesx bħala l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti, li turi li dan huwa jew kien oġġettivament iġġustifikat jew minn ċerti ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, li għandhom b’mod partikolari jkunu esterni għall-impriża kkonċernata, jew, fid-dawl tal-għan mfittex mill-Artikolu 102 TFUE, mill-interess tal-konsumaturi (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 84).

230    Issa, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, Google u Alphabet ma jistgħux jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti favur il-kompetizzjoni li huma allegaw quddiemha. Fil-fatt, għalkemm, fl-istadju tal-prova tan-natura antikompetittiva ta’ aġir, l-awtorità tal-kompetizzjoni għandha, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 190 ta’ din is-sentenza, tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jaqa’ dan l-aġir, hija l-impriża li għandha turi li l-imsemmi aġir kien oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 599 sa 619 tas-sentenza appellata, l-argumenti dwar eventwali effetti favur il-kompetizzjoni li Google u Alphabet kienu semmew quddiemha, mingħajr ma din l-evalwazzjoni ġiet ikkritikata fl-istadju tal-appell.

231    Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

232    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel aggravju huwa miċħud kollu kemm hu.

B.      Fuq it-tieni aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

233    Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, maqsum f’żewġ partijiet, Google u Alphabet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kkonfermat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kontenzjuża, minkejja l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi, f’din id-deċiżjoni, li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM kienu kapaċi jeskludu kompetituri daqstant effikaċi.

234    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li aġir li ma huwiex kapaċi jeskludi kompetituri daqstant effikaċi ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Issa, il-Kummissjoni tbiegħdet minn din il-ġurisprudenza, mingħajr ma ġiet ikkritikata mill-Qorti Ġenerali.

235    Google u Alphabet, flimkien ma’ HMD, jippreċiżaw li l-Qorti Ġenerali naqset, bħall-Kummissjoni, milli tistabbilixxi l-kapaċità tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM li jeskludu kompetituri daqstant effikaċi, minkejja li wettqet din l-analiżi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-FTD abbażi ta’ portfolio.

236    Il-Qorti Ġenerali segwiet approċċ li wassalha, minn naħa, sabiex tinjora l-kunċett ta’ “esklużjoni”, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-opportunitajiet eżistenti għall-kompetituri u, min-naħa l-oħra, sabiex tiddeċiedi b’mod żbaljat li t-test AEC japplika biss għall-aġir tariffarju. Għalhekk, kien b’mod żbaljat li hija ddeċidiet li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM kienu illegali għas-sempliċi raġuni li l-kompetituri ma setgħux jilħqu l-istess kundizzjonijiet, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn kinux inqas effikaċi. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk l-effetti osservati kinux jirriżultaw minn kompetizzjoni abbażi tal-mertu jew jekk kinux il-konsegwenza ta’ esklużjoni antikompetittiva.

237    Iċ-CCIA ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta fixklet il-kunċetti ta’ “vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv” u ta’ “esklużjoni”. B’dan il-mod, hija eżentat lill-Kummissjoni mill-oneru li twettaq analiżi tal-effetti tal-aġir allegat. Issa, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jintwera kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur kif ukoll l-effetti tiegħu. Dawn iż-żewġ aspetti ma jistgħux jiġu konfużi. L-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jikser iċ-ċertezza legali li tirriżulta minn din il-ġurisprudenza, peress li fil-prattika ma jagħmilx il-legalità tal-preinstallazzjoni ta’ applikazzjonijiet dipendenti fuq il-kwistjoni dwar jekk l-utenti jibqgħux liberi li jniżżlu servizzi kompetituri, iżda fuq dik dwar jekk effettivament jagħmlux dan. Fl-aħħar nett, dan iwassal sabiex jiġu konfużi, b’mod żbaljat, il-kunċetti ta’ “korrelazzjoni” u ta’ “kawżalità”.

238    Opera tirrileva li l-Kummissjoni ma wrietx, fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-eżistenza ta’ riskju ta’ esklużjoni tal-kompetituri. Fil-fatt, din l-istituzzjoni sostniet, quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija ma kinitx obbligata tressaq tali prova. Issa, il-Qorti Ġenerali, f’dan ir-rigward, issostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni billi qieset li din kienet effettivament ikkonstatat riskju ta’ esklużjoni. Għalkemm, ċertament, il-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM kienu għenew lil Google tiddistribwixxi b’mod wiesa’ s-servizzi tagħha b’mod effikaċi, dawn il-kundizzjonijiet ma wasslu għal ebda esklużjoni ta’ kompetituri. Madankollu, il-Qorti Ġenerali waslet għal tali konklużjoni billi għamlet approssimazzjonijiet fattwali, b’mod partikolari fl-analiżi tagħha tal-effetti tad-DDK, u billi adottat l-approċċ formalistiku adottat mill-Kummissjoni.

239    Skont il-Kummissjoni, FairSearch u Seznam, it-tieni aggravju huwa parzjalment inammissibbli, parzjalment ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat.

a)      Fuq l-ewwel parti

240    L-ewwel parti tat-tieni aggravju hija bbażata fuq li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-fatt li l-bejgħ tal-applikazzjoni Google Search jintrabat ma’ dak tal-Play Store kienx kapaċi jeskludi s-servizzi ta’ tiftix ġenerali ta’ kompetituri daqstant effikaċi.

241    Din il-parti tinkludi tliet ilmenti, ibbażati fuq li l-Kummissjoni kellha, l-ewwel nett, teżamina l-impatt tal-aġir kontenzjuż fir-rigward tal-kopertura, tat-tul u tal-funzjonament tiegħu, it-tieni nett, tipproċedi għal din l-analiżi b’riferiment għal kompetituri ipotetiċi daqstant effikaċi, u, it-tielet nett, tiddetermina jekk dan l-aġir iċaħħadx lil tali kompetituri mill-possibbiltà li jikkompetu effettivament.

1)      Fuq l-ewwel ilment

242    Google u Alphabet jallegaw li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kopertura tas-suq rilevanti mill-aġir inkwistjoni sabiex jiġi ddeterminat l-impatt tiegħu fuq il-kompetizzjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali analizzat din ir-rata ta’ kopertura għall-FTD abbażi ta’ portfolio, iżda rrifjutat b’mod żbaljat li teħodha inkunsiderazzjoni għall-FDAM fil-punt 544 tas-sentenza appellata.

243    Il-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji addizzjonali meta rrilevat li l-kopertura tal-FDAM kienet, fi kwalunkwe każ, suffiċjentement sinjifikattiva sabiex issostni l-konstatazzjoni ta’ abbuż. L-ewwel nett, abbażi ta’ rati ta’ kopertura kkonstatati simili għall-FDAM u l-FTD għas-snin 2013 u 2014, il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjonijiet opposti, li huwa illoġiku. It-tieni nett, għas-snin 2015 u 2016, ir-rata ta’ kopertura adottata hija ħafna inqas minn dik normalment ikkonstatata meta abbuż ikun ikkaratterizzat.

244    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat. FairSearch tqis li l-imsemmi lment huwa inammissibbli sa fejn jikkonsisti f’talba lill-Qorti tal-Ġustizzja għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti.

2)      Fuq it-tieni lment

245    Google u Alphabet isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża filwaqt li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni evitat ir-rekwiżiti tat-test AEC, jiġifieri l-obbligu tagħha li turi li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM kellhom il-kapaċità li jeskludu applikazzjonijiet ta’ tiftix ġenerali u browsers kompetituri daqstant effikaċi.

246    Filwaqt li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett dan it-test għall-FTD, hija ma għamlitx dan għall-FDAM. Madankollu, l-imsemmi test għandu portata ġenerali u ma japplikax biss għall-prattiki tariffarji. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 577 u 578 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni inkwistjoni kienu abbużivi peress li kienu kapaċi jeskludu servizzi teknikament f’pożizzjoni li jissodisfaw lill-konsumatur, skont diversi varjabbli, bħall-protezzjoni tal-ħajja privata, l-ispeċifiċitajiet lingwistiċi jew il-kwalità teknika.

247    Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk kompetituri daqstant effikaċi setgħux jiksbu preinstallazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom, b’mod parallel mal-applikazzjoni Google Search. Hija adottat test alternattiv, kuntrarjament għat-test li hija applikat għall-FTD abbażi ta’ portfolio. Hija fasslet il-motivazzjoni tagħha b’riferiment għall-kompetituri attwali mingħajr ma wriet li dawn kienu daqstant effikaċi.

248    Gigaset iżżid li l-Qorti Ġenerali aċċettat b’mod żbaljat li kien biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM kienu kapaċi jeskludu servizzi li kienu teknikament f’pożizzjoni li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-konsumaturi, indipendentement mill-effikaċja u mill-attrattività tagħhom. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tikkonferma approċċ li jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

249    Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq l-aġir tal-utenti sabiex tikkonkludi li dawn il-kundizzjonijiet kienu effettivament jipproduċu effetti ta’ esklużjoni. Fil-fatt, l-għażla reali tal-utent favur il-prodott ta’ kumpannija li tokkupa pożizzjoni dominanti ma tistax, fiha nnifisha, tkun il-bażi tal-eżistenza ta’ aġir abbużiv, peress li din l-għażla tista’ sempliċement tirrifletti l-preferenza reali tal-utent, li ma hijiex relatata mal-effetti ta’ esklużjoni illegali allegati prodotti mill-aġir ta’ din il-kumpannija. Għaldaqstant, dan l-approċċ jikser il-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ ċertezza legali.

250    HMD issostni li n-nuqqas ta’ twettiq tat-test AEC, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, joħloq inċertezza legali. Barra minn hekk, dan il-kriterju għandu portata ġenerali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza.

251    Il-Kummissjoni, il-BEUC, FairSearch u Seznam iqisu li dan l-ilment huwa infondat.

3)      Fuq it-tielet ilment

252    Skont Google u Alphabet, il-Qorti Ġenerali naqset, bi ksur tal-ġurisprudenza, milli teżamina jekk l-opportunitajiet li kien fadal għall-kompetituri kinux suffiċjenti sabiex jippermettu lil dawn tal-aħħar jikkompetu b’mod affidabbli. B’dan il-mod, hija ħawdet il-kunċetti ta’ “vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv” u ta’ “esklużjoni”, bi ksur tal-kriterju ġuridiku rilevanti. F’dan ir-rigward, ma huwiex suffiċjenti li jintwera li aġir partikolari jrendi l-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat iktar diffiċli.

253    Il-Kummissjoni kif ukoll il-BEUC isostnu li dan l-ilment huwa infondat. Skont FairSearch, l-imsemmi lment huwa inammissibbli.

b)      Fuq it-tieni parti

254    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, li tinkludi żewġ ilmenti, Google u Alphabet isostnu li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, naqset milli teżamina jekk il-fatt li l-bejgħ tal-browser Chrome jintrabat mal-Play Store u mal-applikazzjoni Google Search kienx kapaċi jeskludi browsers kompetituri daqstant effikaċi.

255    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkonkludiet li hija kellha raġun meta kkonkludiet li l-bejgħ marbut tal-browser Chrome mal-Play Store u tal-applikazzjoni Google Search seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

1)      Fuq l-ewwel ilment

256    Skont Google u Alphabet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat il-legalità tal-bejgħ marbut tal-browser Chrome b’riferiment għal suq ġeografiku differenti minn dak iddefinit fid-deċiżjoni kontenzjuża. Filwaqt li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat għal dan l-aġir l-eżistenza ta’ suq ġeografiku dinji (li jinkludi ċ-Ċina), il-Qorti Ġenerali kkonċentrat biss fuq iż-ŻEE u saħansitra kkontestat ir-rilevanza tal-eżistenza ta’ suq dinji. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma esponietx ir-raġunijiet għalfejn l-apparati kkummerċjalizzati fiċ-Ċina ma kinux ġew ikkontabilizzati.

257    Skont il-Kummissjoni, il-BEUC u FairSearch, dan l-ilment huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

2)      Fuq it-tieni lment

258    Il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ittrasponiet ukoll b’analoġija l-konstatazzjonijiet dwar il-bejgħ marbut tal-applikazzjoni Google Search mal-bejgħ marbut tal-browser Chrome, bi ksur ta’ differenzi sinjifikattivi bejn dawn iż-żewġ każijiet ta’ bejgħ marbut. L-ewwel nett, il-browser Chrome kien inqas viżibbli jew aċċessibbli mill-applikazzjoni Google Search. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx korrettament il-kapaċità tal-kompetituri li jiksbu preinstallazzjoni parallela. F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-FTD ma humiex rilevanti. It-tielet nett, hija, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, qieset bħala insuffiċjenti r-rata ta’ tniżżil ta’ browsers kompetituri. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx korrettament il-kundizzjonijiet kompetittivi fis-swieq rilevanti. Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża.

259    Dan it-tieni lment huwa, skont il-Kummissjoni, il-BEUC u FairSearch, inammissibbli peress li essenzjalment iwassal sabiex jiġu kkontestati konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa infondat.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

260    Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, Google u Alphabet isostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM setgħu jeskludu kompetituri daqstant effikaċi minkejja li hija kienet wettqet tali prova fir-rigward tal-FTD abbażi ta’ portfolio.

a)      Kunsiderazzjonijiet ġenerali

261    Preliminarjament, għandhom isiru preċiżazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ aġir li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

262    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan speċifiku mogħti lil dan l-Artikolu 102 huwa li jiġi evitat li l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jkollu l-effett, bi ħsara għall-konsumaturi, li jostakola, permezz tal-użu ta’ mezzi jew ta’ riżorsi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

263    Fuq suq fejn il-grad ta’ kompetizzjoni huwa diġà dgħajjef, preċiżament wara l-preżenza ta’ impriża jew impriżi dominanti, jikkostitwixxi aġir bħal dan dak li, permezz tal-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu bejn l-impriżi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 88).

264    Sabiex tistabbilixxi n-natura abbużiva ta’ prattika ta’ esklużjoni, awtorità tal-kompetizzjoni għandha turi, minn naħa, li din il-prattika kienet ibbażata fuq l-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni fuq il-mertu. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità għandha turi li din il-prattika kellha l-kapaċità, meta ġiet implimentata, li tipproduċi tali effett ta’ esklużjoni, fis-sens li setgħet trendi iktar diffiċli l-penetrazzjoni jew iż-żamma tal-kompetituri fis-suq inkwistjoni, u, b’dan il-mod, li l-imsemmija prattika seta’ jkollha effett fuq l-istruttura tas-suq. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et (C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 61 u 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

265    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni li l-aġir ikkonċernat għandu jitbiegħed mill-kompetizzjoni fuq il-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-kunċett ta’ “kompetizzjoni abbażi tal-mertu” jirreferi, bħala prinċipju, għal sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni li l-konsumaturi jibbenefikaw minnha permezz ta’ prezzijiet inqas għoljin, kwalità aħjar u għażla iktar wiesgħa ta’ oġġetti u ta’ servizzi ġodda jew iktar effiċjenti. B’mod partikolari għandhom jitqiesu li jaqa’ taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu l-aġir li għandu l-effett li jwessa’ l-għażla tal-konsumaturi billi jqiegħed fuq is-suq prodotti ġodda jew billi jżid il-kwantità jew il-kwalità ta’ dawk diġà offruti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 85).

266    F’dan is-sens, impriża li għandha pożizzjoni dominanti ma tista’ iċċaħħad lil din l-impriża la mid-dritt li tippreżerva l-interessi kummerċjali tagħha, meta dawn jiġu kkontestati, u lanqas mill-possibbiltà, f’miżura raġonevoli, li twettaq atti li hija tqis xierqa sabiex tipproteġi tali interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 148 u 149 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

267    Għaldaqstant, l-Artikolu 102 TFUE la huwa intiż li jipprekludi lill-impriżi milli jiksbu, abbażi tal-mertu tagħhom stess, pożizzjoni dominanti f’suq wieħed jew iktar u lanqas li jiżgura li impriżi kompetituri li huma inqas effikaċi minn dawk li jżommu tali pożizzjoni jibqgħu fis-suq. Għall-kuntrarju, il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu tista’, mid-definizzjoni tagħha stess, twassal għall-għajbien jew għall-marġinalizzazzjoni ta’ impriżi kompetituri li huma inqas effikaċi u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi f’termini, b’mod partikolari, ta’ prezz, ta’ produzzjoni, ta’ għażla, ta’ kwalità jew ta’ innovazzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 164 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

268    Meta awtorità tal-kompetizzjoni jkollha l-intenzjoni turi li aġir partikolari jiddistingwi ruħu mill-kompetizzjoni minħabba l-merti, hija tista’ tirrikorri għall-analiżi tal-kapaċità ta’ kompetitur ipotetiku daqstant effikaċi iżda mhux dominanti li jirriproduċi dan l-aġir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 82).

269    Madankollu, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 106 u 127 tal-konklużjonijiet tagħha, ċertu aġir jaqa’ bħala prinċipju, mingħajr ma jkun neċessarju li tintuża tali analiżi, taħt motivi li jitbiegħdu mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-bejgħ marbut li jikkonsisti fl-offerta ta’ ċertu prodott (il-“prodott li jorbot”) biss ma’ prodott ieħor (il-“prodott marbut”). Fil-fatt, tali analiżi ma hijiex neċessarja sabiex jiġi ddeterminat jekk il-klijent għandux l-għażla li jikseb il-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut. Kumpannija li tokkupa pożizzjoni dominanti f’suq ta’ prodotti jew iktar minn wieħed (is-“suq tal-prodott li jorbot”) tista’ tippreġudika lill-konsumaturi permezz ta’ din il-prattika ta’ bejgħ marbut, sa fejn hija teskludi s-suq ta’ prodotti oħra li huma s-suġġett ta’ bejgħ marbut (is-“suq tal-prodott marbut”) u, indirettament, is-suq li jorbot.

270    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar il-kapaċità li jiġu prodotti effetti ta’ esklużjoni, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 187 ta’ din is-sentenza, l-awtorità tal-kompetizzjoni għandha turi li l-aġir ikkonċernat għandu l-effett attwali jew potenzjali li jirrestrinġi din il-kompetizzjoni billi jeskludi impriżi kompetituri ipotetiċi daqstant effikaċi mis-suq jew mis-swieq ikkonċernati jew billi jipprekludi l-iżvilupp tagħhom f’dawn is-swieq, filwaqt li jiġi osservat li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu kemm dawk fejn il-pożizzjoni dominanti hija miżmuma kif ukoll dawk, konnessi jew ġirien, fejn l-imsemmi aġir huwa intiż li jipproduċi l-effetti konkreti jew potenzjali tiegħu.

271    Lil hinn mis-sempliċi aġir li għandu bħala effett attwali jew potenzjali li jirrestrinġi l-kompetizzjoni abbażi tal-mertu billi jeskludi impriżi kompetituri daqstant effikaċi mis-suq jew mis-swieq ikkonċernati, jista’ wkoll jiġi kklassifikat bħala “abbuż minn pożizzjoni dominanti” aġir li jintwera li għandu kemm bħala effett attwali jew potenzjali, kif ukoll bħala għan, li jipprekludi fi stadju preliminari, permezz tal-istabbiliment ta’ barrieri għad-dħul jew permezz tal-użu ta’ miżuri oħra ta’ esklużjoni jew ta’ mezzi oħra differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu, impriżi potenzjalment kompetituri anki jekk sempliċement sabiex ikollhom aċċess għal dan is-suq jew għal dawn is-swieq u, b’dan il-mod, li jimpedixxi l-iżvilupp tal-kompetizzjoni f’dawn is-swieq għad-detriment tal-konsumaturi, billi jillimita fihom il-produzzjoni, l-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi alternattivi jew anki l-innovazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

272    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 102 TFUE jimplikax obbligu sistematiku fuq il-Kummissjoni li teżamina l-effiċjenza tal-kompetituri reali jew ipotetiċi tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, ċertament, l-għan ta’ dan l-Artikolu 102 ma huwiex li jiżgura li kompetituri inqas effikaċi mill-impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti jibqgħu fis-suq. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li kull konstatazzjoni ta’ ksur fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-prova li l-aġir ikkonċernat jista’ jeskludi kompetitur daqstant effikaċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punti 263 u 264).

273    Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-analiżi tista’ tkun rilevanti kemm għall-prattiki tariffarji kif ukoll għall-prattiki mhux tariffarji, skont iċ-ċirkustanzi. Madankollu, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 131 u 132 tal-konklużjonijiet tagħha, u konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 271 ta’ din is-sentenza, jeżistu sitwazzjonijiet li fihom ma huwiex possibbli jew utli li l-analiżi tal-effetti ta’ esklużjoni ta’ aġir partikolari tiġi bbażata fuq il-kwistjoni dwar jekk kompetitur daqstant effikaċi jistax jirriproduċi dan l-aġir. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-istruttura tas-suq, li tirrigwarda pereżempju ekosistema kkaratterizzata minn ostakoli u effetti sinjifikattivi ta’ network, u l-aġir inkwistjoni jagħmlu d-dħul, iż-żamma jew anki l-ħolqien ta’ kompetitur daqstant effikaċi impossibbli fil-prattika.

274    Barra minn hekk, hija l-awtorità tal-kompetizzjoni li għandha turi, billi tibbaża ruħha fuq elementi ta’ analiżi u ta’ provi preċiżi u konkreti, li l-aġir ikkonċernat jista’ jkollu effetti ta’ esklużjoni. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 189 ta’ din is-sentenza, din il-prova, li tista’ timplika l-użu ta’ tabelli ta’ analiżi differenti skont it-tip ta’ aġir li huwa inkwistjoni f’każ partikolari, għandha madankollu tiġi prodotta, fil-każijiet kollha, billi jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha, irrispettivament minn jekk dawn jikkonċernawx dan l-aġir innifsu, is-suq jew is-swieq inkwistjoni jew il-funzjonament tal-kompetizzjoni fih jew fihom.

275    F’dan il-każ, fil-kuntest tar-risposta tagħha għat-tieni motiv fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali fakkret il-kuntest ġurisprudenzjali li hija kellha l-intenzjoni tapplika, fil-punti 276 sa 299 tas-sentenza appellata. F’dan il-kuntest, hija kkonstatat, fil-punt 291 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet segwiet l-istadji li l-Qorti Ġenerali kienet spjegat, sabiex turi n-natura abbużiva ta’ aġir, fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289), u li hija ma kinitx sempliċement ikkonstatat li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM kienu bejgħ marbut li jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni, iżda li hija kienet, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, ħadet ħsieb li tesponi konkretament, fid-deċiżjoni kontenzjuża, id-diversi elementi li, fil-fehma tagħha, kienu jippermettu li tiġi stabbilita r-realtà tal-effetti ta’ esklużjoni allegati.

276    F’dan ir-rigward, fil-punt 294 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-aġir inkwistjoni kellu b’mod partikolari l-effett li jrendi iktar diffiċli għas-servizzi ta’ tiftix kompetituri, il-kisba ta’ talbiet ta’ tiftix kif ukoll id-dħul u l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jtejbu s-servizzi tagħhom, li żied l-ostakoli għad-dħul billi pproteġa lil Google mill-kompetizzjoni minn servizzi ta’ tiftix oħra u li naqqas l-inċentivi għall-innovazzjonijiet li xtaqu joffru l-kompetituri li jikkummerċjalizzaw servizz ta’ tiftix speċjalizzat f’lingwa partikolari jew immirat lejn grupp speċifiku ta’ utenti.

277    Kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 112 sa 124 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ta’ Google u ta’ Alphabet li jikkritikaw lill-Kummissjoni sa fejn hija ma stabbilixxietx li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni. B’hekk, hija ċaħdet tali argumenti dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ tal-istatus quo kkawżat mill-preinstallazzjonijiet (punti 320 sa 418 tas-sentenza appellata), dwar il-possibbiltà għall-FTO li jippreinstallaw jew li jagħżlu b’mod prestabbilit servizzi ta’ tiftix ġenerali kompetituri (punti 419 sa 538 ta’ din is-sentenza), dwar il-mezzi l-oħra li kellhom il-kompetituri sabiex jilħqu lill-utenti (punti 539 sa 567 tal-imsemmija sentenza), dwar ir-rabta kawżali bejn l-ishma tal-użu ta’ Google u l-preinstallazzjoni (punti 568 sa 584 tal-istess sentenza) u, fl-aħħar nett, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku (punti 585 sa 596 tas-sentenza appellata).

278    Issa, fil-motivi tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddevjatx mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 261 sa 274 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Google u ta’ Alphabet, il-Qorti Ġenerali ma kinitx ivverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx effettivament uriet l-effetti ta’ esklużjoni tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM b’riferiment għal kompetituri ipotetiċi daqstant effikaċi. Fil-fatt, kif esponiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 115, 116 u 294 tas-sentenza appellata, is-swieq rilevanti f’dan il-każ jaqgħu taħt l-ekonomija diġitali, fejn varjabbli bħall-innovazzjoni, l-aċċess għad-data, l-aspetti multidimensjonali, l-aġir tal-utenti jew l-effetti tan-network għandhom rwol determinanti sa fejn dawn is-swieq hekk strutturati huma kkaratterizzati minn ostakoli sinjifikattivi għad-dħul u interazzjonijiet kumplessi li jinfluwenzaw u jiddeterminaw lil xulxin b’mod reċiproku. Huwa preċiżament f’tali sitwazzjonijiet, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 271 ta’ din is-sentenza, li ma huwiex possibbli jew utli li l-analiżi tal-effetti ta’ esklużjoni ta’ aġir partikolari tiġi bbażata fuq il-kwistjoni dwar jekk kompetitur daqstant effikaċi jistax jirriproduċi dan l-aġir. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, aġir li ma jaqax taħt il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu jista’ jirrendi d-dħul, iż-żamma jew anki l-ħolqien ta’ kompetitur daqstant effikaċi impossibbli fil-prattika. Dan huwa iktar u iktar iġġustifikat meta l-aġir inkwistjoni ma jwassalx għal analiżi kwantitattiva bbażata fuq il-prezzijiet.

279    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali u tal-konklużjonijiet intermedji li jirriżultaw minnhom, li t-tieni motiv għandu jiġi evalwat.

b)      Fuq l-ewwel parti

280    L-ewwel parti tat-tieni aggravju hija bbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-fatt li l-bejgħ tal-applikazzjoni Google Search jintrabat ma’ dak tal-Play Store kienx kapaċi jeskludi s-servizzi ta’ tiftix ġenerali ta’ kompetituri daqstant effikaċi.

281    Din il-parti tinkludi tliet ilmenti, ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha, l-ewwel nett, teżamina l-impatt tal-aġir kontenzjuż fir-rigward tal-kopertura, tat-tul u tal-funzjonament tiegħu, it-tieni nett, tipproċedi għal din l-analiżi b’riferiment għal kompetituri ipotetiċi daqstant effikaċi, u, it-tielet nett, tiddetermina jekk dan l-aġir iċaħħadx lil tali kompetituri mill-possibbiltà li jikkompetu effettivament ma’ Google fuq is-suq tas-servizzi ta’ riċerka ġenerali.

282    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li Google u Alphabet jibbażaw ruħhom fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika test identiku għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-kundizzjonijiet previsti mill-FDAM u għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-FTD abbażi ta’ portfolio. Fil-fatt, fil-kuntest tat-tliet ilmenti tagħhom, Google u Alphabet jirreferu impliċitament għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv fl-ewwel istanza, li permezz tiegħu huma kkontestaw in-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio. B’mod iktar partikolari, huma jirriproduċu l-ilmenti differenti li huma sostnew, essenzjalment, fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan it-tielet motiv fl-ewwel istanza u li huma miġbura fil-qosor fil-punt 664 tas-sentenza appellata.

283    Fl-eżami ta’ dawn l-ilmenti, il-Qorti Ġenerali evalwat id-deċiżjoni kontenzjuża fid-dawl ta’ ġurisprudenza speċifika, miġbura fil-qosor fil-punti 637 sa 647 tas-sentenza appellata, dwar il-kapaċità ta’ ħlas ta’ esklużività, bħall-FTD abbażi ta’ portfolio, li jeskludu kompetituri tal-inqas daqstant effikaċi, peress li din il-kapaċità ta’ esklużjoni hija evalwata permezz tat-test AEC.

284    Issa, mill-punt 272 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-test AEC jew anki, b’mod iktar ġenerali, il-kapaċità li jeskludi kompetitur daqstant effikaċi, ma huwiex l-uniku kriterju li jippermetti li jiġi kkaratterizzat aġir li jmur kontra l-Artikolu 102 TFUE. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma invalidatx id-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li l-Kummissjoni ma applikatx dan il-kriterju għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM.

285    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ilmenti kollha tal-ewwel parti tat-tieni aggravju huma bbażati fuq premessa żbaljata, li jrendihom ineffettivi.

c)      Fuq it-tieni parti

286    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, Google u Alphabet isostnu li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, naqset milli teżamina jekk il-fatt li l-bejgħ tal-browser Chrome jintrabat mal-Play Store u mal-applikazzjoni Google Search kienx kapaċi jeskludi browsers kompetituri daqstant effikaċi.

287    Għal raġunijiet identiċi għal dawk esposti fil-punti 282 sa 285 ta’ din is-sentenza, l-ilmenti kollha ta’ din it-tieni parti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi sa fejn huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-Qorti Ġenerali kellha tevalwa l-kapaċità tal-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni previsti mill-FDAM b’riferiment għal kompetitur ipotetiku daqstant effikaċi.

288    Fi kwalunkwe każ, dawn l-ilmenti huma inammissibbli.

289    Fir-rigward tal-ewwel ilment, Google u Alphabet isostnu li l-Qorti Ġenerali, bħall-Kummissjoni, ħadet inkunsiderazzjoni biss sottosegment wieħed tas-suq ġeografiku rilevanti sabiex tevalwa l-kapaċità tal-bejgħ marbut ikkonċernat li jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’dan is-suq. Issa, sa fejn l-appellanti ma ressqux dan l-ilment quddiem il-Qorti Ġenerali meta huma setgħu jagħmlu dan, dan għandu jitqies li huwa ġdid u huwa, għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 178 ta’ din is-sentenza, inammissibbli fil-kuntest ta’ appell.

290    Fir-rigward tat-tieni lment, Google u Alphabet isostnu li l-Qorti Ġenerali ttrasponiet b’mod żbaljat “b’analoġija” il-konstatazzjonijiet dwar il-bejgħ marbut tal-applikazzjoni Google Search mal-bejgħ marbut tal-browser Chrome minkejja d-differenzi sinjifikattivi li għandu kull wieħed minn dan il-bejgħ. B’mod iktar preċiż, l-appellanti jikkontestaw ħames konstatazzjonijiet fattwali fformulati mill-Qorti Ġenerali, dwar, l-ewwel nett, l-intensità tal-vantaġġ tal-istatus quo li l-browser Chrome bbenefika minnu meta mqabbel mal-applikazzjoni Google Search, it-tieni nett, problemi marbuta mal-ispazju ta’ ħażna, it-tielet nett, l-importanza relattiva tat-tniżżil tal-browsers kompetituri, ir-raba’ nett, l-evalwazzjoni tal-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-browsers meta mqabbel ma’ dak tal-magni ta’ tfittxija, u l-ħames nett, l-impatt tar-rati ta’ tniżżil parallel ta’ applikazzjonijiet kompetituri.

291    Issa, kif tfakkar fil-punt 216 ta’ din is-sentenza, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali biss għandha ġuriżdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi ma tikkostitwixxix għalhekk, mingħajr ħsara għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

292    Barra minn hekk, sa fejn Google u Alphabet ma jallegawx żnaturament tal-provi li jsostnu l-evalwazzjonijiet fattwali li huma jikkontestaw, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud u, konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni aggravju fl-intier tagħha, bħala inammissibbli.

293    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

C.      Fuq it-tielet aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

294    Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, Google u Alphabet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha dwar il-konstatazzjoni ta’ abbuż ma’ dik li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-OAF u billi imputat l-effetti ta’ esklużjoni allegati lil aġir li l-Kummissjoni ma kkonstatatx in-natura abbużiva tiegħu.

a)      Fuq l-ewwel parti

295    Skont Google u Alphabet, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1(1)(c) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li huma kienu kisru l-Artikolu 102 TFUE billi ssuġġettaw l-għoti tal-liċenzji għall-Play Store u għall-applikazzjoni Google Search għall-OAF.

296    Issa, l-ewwel nett, filwaqt li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 828 tas-sentenza appellata, li l-unika dispożizzjoni meqjusa bħala abbużiva fid-deċiżjoni kontenzjuża kienet dik li tissuġġetta l-għoti ta’ liċenzji għall-Play Store u għall-applikazzjoni Google Search għall-qbil mill-FTO li ma jikkummerċjalizzawx apparati li jaħdmu b’fork ta’ Android mhux kompatibbli, il-Qorti Ġenerali wettqet, sussegwentement, l-evalwazzjoni tagħha b’riferiment għal prattika ħafna iktar wiesgħa, jiġifieri l-“prattika ta’ Google intiża li tostakola l-iżvilupp u l-preżenza fis-suq ta’ apparati li jaħdmu b’fork ta’ Android mhux kompatibbli”.

297    Billi “kitbet mill-ġdid” b’dan il-mod id-deċiżjoni kontenzjuża, hija kkonfermat b’mod żbaljat il-konstatazzjoni ta’ abbuż li tinsab f’din id-deċiżjoni billi rreferiet għal aġir li jmur lil hinn mill-obbligu li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat in-natura abbużiva tiegħu.

298    Issa, ma kienx ikun xieraq għall-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors ta’ Google u ta’ Alphabet minħabba l-politika kummerċjali ta’ Google li tikkonsisti fl-għoti ta’ liċenzji għal API proprjetarji biss jekk dawn jintużaw fuq apparati tal-Google Android kompatibbli meta l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, u l-Qorti Ġenerali, fil-punti 810 u 811 tas-sentenza appellata, qiesu li din il-politika kienet iġġustifikata. Wara li qieset li Google setgħet teżiġi kompatibbiltà tal-apparati li fuqhom kienu installati l-applikazzjonijiet u s-servizzi proprjetarji tagħha (inklużi l-API proprjetarji ta’ Google), il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tittratta l-għażla leġittima ta’ Google li ma toħroġx liċenzji għall-API proprjetarji tagħha għal forks ta’ Android mhux kompatibbli bħala parti mill-imġiba kkontestata.

299    It-tieni nett, Google u Alphabet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli qieset li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tidentifika l-klawżoli speċifiċi li kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni fost l-istandards ta’ referenza ta’ kompatibbiltà bażika għall-Android li l-firmatarji tal-FAF huma obbligati jikkonformaw ruħhom magħhom.

300    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali injorat l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni, meta affermat, fil-punt 864 tas-sentenza appellata, li l-kritiki indirizzati lil Google fid-deċiżjoni kontenzjuża ma kinux jikkonċernaw il-kontenut tal-obbligi ta’ kompatibbiltà ddefiniti minnha, iżda l-prattika ta’ din tal-aħħar intiża sabiex tipprekludi lill-forks ta’ Android mhux kompatibbli milli jsibu opportunitajiet kummerċjali. Din l-affermazzjoni ma tikkostitwixxix risposta adegwata, peress li l-Artikolu 1(1)(c) tad-deċiżjoni kontenzjuża jikkonċerna preċiżament l-OAF.

301    Insostenn tal-argument żviluppat minn Google u Alphabet, l-ADA u HMD jenfasizzaw li, billi wettqet konstatazzjoni ta’ abbuż iktar wiesgħa minn dik imwettqa fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, billi ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni.

302    L-ADA tirreferi f’dan ir-rigward għal tliet aspetti fundamentali tal-abbuż li ġew ikkonstatati fid-deċiżjoni kontenzjuża. L-ewwel nett, l-analiżi legali u fattwali li tinsab f’din id-deċiżjoni hija bbażata kompletament fuq l-Artikolu 102(d) TFUE u fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289). It-tieni nett, il-Kummissjoni rrikonoxxiet hemmhekk li Google setgħet timponi legalment l-OAF fuq l-apparati mgħammra bis-SGM kollha. It-tielet nett, hija ammettiet ukoll li Google ma kinitx obbligata tqiegħed l-applikazzjonijiet u s-servizzi proprjetarji tagħha għad-dispożizzjoni tal-iżviluppaturi tal-forks ta’ Android mhux kompatibbli.

303    Issa, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif tirriżulta mis-sentenzi tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il‑Kummissjoni (C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punti 49 u 50), kif ukoll tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 39), ir-rifjut li tingħata liċenzja għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jista’ jikser l-Artikolu 102 TFUE biss meta jkunu jeżistu ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, li ma ġewx ikkonstatati f’dan il-każ. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 864 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni ta’ Google li ma tagħtix liċenzja lill-API proprjetarji tagħha għal forks mhux kompatibbli kienet tagħmel parti minn prattika intiża li tipprekludi lil dawn il-forks milli jsibu opportunitajiet kummerċjali.

304    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji addizzjonali meta ddeċidiet, fil-punt 854 tas-sentenza appellata, li l-eżerċizzju ta’ dritt esklużiv marbut ma’ dritt ta’ proprjetà intellettwali ma jistax jiġi aċċettat meta dan għandu preċiżament l-għan li jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-awtur tagħhom u li jabbuża minnha. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali b’hekk naqset milli tirrikonoxxi li l-iżvilupp tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, b’mod partikolari fis-swieq teknoloġiċi, jirrifletti l-innovazzjoni u l-investimenti u jikkostitwixxi, konsegwentement, kompetizzjoni fuq il-mertu. Min-naħa l-oħra, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod xieraq il-kuntest ġuridiku rilevanti, jiġifieri li, fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, l-inċentivi għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp għandhom jittaffew permezz ta’ intervent amministrattiv jew ġudizzjarju biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

305    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat.

306    Dan l-aggravju huwa ineffettiv peress li huwa bbażat fuq l-ipoteżi żbaljata li l-Qorti Ġenerali “kitbet mill-ġdid” il-kwalifika, magħmula fid-deċiżjoni kontenzjuża, tal-aġir abbużiv ta’ Google. Issa, din il-“kitba mill-ġdid” hija l-bażi tal-allegazzjoni ta’ Google u ta’ Alphabet, li tikkostitwixxi t-tieni parti tat-tielet aggravju, li tgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tar-rabta kawżali bejn l-aġir “miktub mill-ġdid” u l-kapaċità ta’ dan l-aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

307    Madankollu, skont il-Kummissjoni, minn naħa, mill-punt 855 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-għażla ta’ Google li ma tagħtix liċenzji għall-API proprjetarji tagħha lil żviluppaturi ta’ forks ta’ Android mhux kompatibbli ttieħdet inkunsiderazzjoni biss, waqt l-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-OAF li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, bħala element kuntestwali. Min-naħa l-oħra, kemm id-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll is-sentenza appellata jindikaw li l-istess aġir, jiġifieri “l-issuġġettar tal-għoti ta’ liċenzja għall-Play Store u l-applikazzjoni Google Search għall-kundizzjoni li jiġi konkluż FAF”, huwa abbużiv.

308    L-allegazzjoni ta’ Google u ta’ Alphabet, li tgħid li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li prattika iktar wiesgħa minn dik meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża hija abbużiva, hija bbażata fuq żewġ siltiet iżolati tas-sentenza appellata, jiġifieri l-aħħar sentenza tal-punt 828 u l-punt 864 ta’ din is-sentenza. Issa, b’dan il-mod, dawn mhux biss imorru kontra t-tmiem ta’ dan il-punt 828, iżda wkoll il-kunsiderazzjonijiet l-oħra tal-imsemmija sentenza, b’mod partikolari l-punti 232, 247, 805, 809, 811 u 1083 tagħha. Min-naħa l-oħra, qari globali tas-sentenza appellata jikkonferma li d-deċiżjoni kontenzjuża u din is-sentenza jikkonkludu li l-istess aġir huwa abbużiv.

309    Insostenn tal-argument tal-Kummissjoni, FairSearch iżżid, billi tirreferi għas-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il‑Kummissjoni (C‑164/98 P, EU:C:2000:48, punt 42), li l-Qorti Ġenerali hija, fi kwalunkwe każ, awtorizzata tinterpreta deċiżjoni tal-Kummissjoni sakemm din l-interpretazzjoni ma tmurx kontra l-loġika ta’ din id-deċiżjoni. Issa, Google u Alphabet ma jipprovdu ebda prova li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni.

310    Seznam tenfasizza wkoll li l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 828 tas-sentenza appellata ma hijiex “konstatazzjoni” magħmula mill-Qorti Ġenerali, iżda riferiment għal dak li l-Kummissjoni kienet diġà stabbilixxiet fid-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri li l-obbligu li jostakola l-iżvilupp u l-preżenza fis-suq ta’ apparati li jaħdmu b’fork tal-Android mhux kompatibbli, li jagħmel parti mill-OAF, kien abbużiv. Ir-riferiment tal-Qorti Ġenerali għal din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni għalhekk ma huwiex usa’ minn din tal-aħħar.

b)      Fuq it-tieni parti

311    Google u Alphabet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 893 tas-sentenza appellata, li analiżi kontrofattwali kienet inutli.

312    Fil-fehma tagħhom, ikun impossibbli, fin-nuqqas ta’ tali analiżi, li jiġi konkluż li l-effetti potenzjali allegati għall-forks mhux kompatibbli kienu imputabbli għall-aġir inkwistjoni, jiġifieri l-fatt li l-għoti ta’ liċenzja għall-Play Store u l-applikazzjoni Google Search huwa suġġett għall-iffirmar ta’ FAF minn FTO.

313    Il-kwistjoni rilevanti hija dwar liema kienet tkun is-sitwazzjoni ta’ forks mhux kompatibbli li kieku Google ma kinitx issuġġettat l-għoti ta’ liċenzja għall-Play Store u l-applikazzjoni Google Search għall-iffirmar ta’ FAF minn FTO. Issa, mill-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 856 tas-sentenza appellata, jirriżulta li, f’dan il-każ, Google kompliet tagħti liċenzji għall-API proprjetarji tagħha biss lil apparati ta’ Google Android kompatibbli li l-applikazzjonijiet ta’ Google kienu preinstallati fuqhom, ħaġa li Google setgħet tagħmel b’mod leġittimu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif tikkonferma l-Qorti Ġenerali fil-punti 855 u 856 tas-sentenza appellata, il-politika ta’ Google dwar l-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-API proprjetarji tagħha kienet għadha tikkostitwixxi inċentiv għall-FTO sabiex jiddistribwixxu biss apparati ta’ Google Android kompatibbli, peress li l-FTO iqisu li dawn l-API proprjetarji għandhom “interess strateġiku”. Minn dan isegwi li, f’xenarju kontrofattwali, l-iżvilupp ta’ forks mhux kompatibbli ltaqa’ mal-istess ostakolu bħal dak effettivament ikkonstatat, jiġifieri r-riluttanza tal-FTO li jiddistribwixxu forks mhux kompatibbli.

314    It-tieni nett, filwaqt li Google u Alphabet spjegaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-forks mhux kompatibbli, bħal Fire OS, naqsu milli jiżviluppaw għal raġunijiet differenti mill-iffirmar tal-FAF mill-FTO, il-Qorti Ġenerali ma analizzatx jekk il-falliment ta’ Fire OS kienx imputabbli lill-FTO.

315    Il-Qorti Ġenerali b’hekk naqset, għal darba oħra, milli twettaq kwalunkwe analiżi tar-rabta kawżali billi affermat b’mod espliċitu fil-punt 850 tas-sentenza appellata, li hija għażlet li ma teżaminax jekk “raġunijiet oħra” minbarra r-rekwiżit impost minn Google fuq l-FTO li jiffirmaw FAF sabiex jiksbu liċenzja għall-Play Store jew għall-applikazzjoni Google Search setgħux jispjegaw il-falliment kummerċjali ta’ Fire OS. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet l-iżball li l-Qorti tal-Ġustizzja kkritikat fis-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770), jiġifieri li tippreżumi l-eżistenza ta’ rabta kawżali, bi ksur tal-prinċipju li “d-dubju għandu jibbenefika lid-destinatarju tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur”.

316    Google u Alphabet isostnu, barra minn hekk, li f’dan il-każ, id-dubju lanqas biss kien permess peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li aċċess għall-API proprjetarji ta’ Google kien kummerċjalment importanti u, fil-fehma tagħha, suffiċjenti sabiex ikun jista’ jitqies li varjant ta’ Android mhux kompatibbli ma kienx ikun kapaċi jikkumpensa l-allegata pożizzjoni dominanti tal-OS Android. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi simili għal dak li wassal għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Ġunju 2022, Qualcomm vs Il‑Kummissjoni (Qualcomm — Pagamenti ta’ esklużività) (T‑235/18, EU:T:2022:358).

317    L-ADA u HMD iqisu wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq analiżi kontrofattwali, li kienet tippermettilha tevalwa l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-assenza tal-aġir kontenzjuż.

318    Il‑Kummissjoni tirribatti li Google u Alphabet żbaljaw meta sostnew li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonfermat il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-OAF setgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

319    Skont FairSearch, it-tieni parti tat-tielet aggravju hija inammissibbli peress li Google u Alphabet ifittxu li jiddiskutu l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali dwar ir-raġunijiet li għalihom il-forks mhux kompatibbli naqsu milli jiżviluppaw.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)      Fuq l-ewwel parti

320    Google u Alphabet isostnu li, fl-eżami tar-raba’ motiv tagħhom fl-ewwel istanza, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-fatti li l-għoti tal-liċenzji tal-Play Store u tal-applikazzjoni Google Search ikun suġġett għall-kundizzjoni li jiġu osservati l-OAF, il-Qorti Ġenerali qieset neċessarju, fil-punt 828 tas-sentenza appellata, li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni rnexxilhiex tistabbilixxi, kif hija tqis fid-deċiżjoni kontenzjuża, li Google kienet implimentat prattika intiża sabiex teskludi l-forks ta’ Android mhux kompatibbli u jekk din il-prattika setgħetx tiġi kkwalifikata bħala antikompetittiva fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

321    B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali “kitbet mill-ġdid” id-deċiżjoni kontenzjuża billi rreferiet għal aġir li jmur lil hinn minn dak li l-Kummissjoni kkonstatat in-natura abbużiva tiegħu fl-Artikolu 1(1)(c) ta’ dik id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, ma jkunx xieraq li Google tiġi ssanzjonata minħabba l-politika kummerċjali tagħha li tikkonsisti fl-għoti ta’ liċenzji għall-API proprjetarji biss jekk dawn jintużaw għal apparati Google Android kompatibbli meta l-Kummissjoni, fl-imsemmija deċiżjoni, u l-Qorti Ġenerali, fil-punti 810 u 811 tas-sentenza appellata, qiesu li din il-politika kienet iġġustifikata. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi li l-fatt li Google ma tagħtix liċenzji lill-API proprjetarji tagħha għal forks ta’ Android mhux kompatibbli jagħmel parti mill-aġir ikkontestat.

322    Il-premessa ta’ dan ir-raġunament ta’ Google u ta’ Alphabet hija għalhekk ir-riformulazzjoni, ikkwalifikata bħala estensiva, ta’ wieħed mill-abbużi kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, peress li tali riformulazzjoni tikkostitwixxi żball ta’ liġi.

323    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għandhom il-ġuriżdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi dwar nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, dwar ksur tat-Trattat jew ta’ kull regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu, jew dwar abbuż ta’ poter. L-Artikolu 264 TFUE jipprevedi li, jekk ir-rikors ikun fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il‑Kummissjoni, C‑164/98 P, EU:C:2000:48, punt 38, kif ukoll tas‑6 ta’ Ġunju 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑51/19 P, EU:C:2021:793, punt 70).

324    Min-naħa l-oħra, ħlief fil-każ fejn ebda element materjali ma jiġġustifikah, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, tista’ tasal sabiex tinterpreta l-motivazzjoni tal-att ikkontestat b’mod differenti mill-awtur tiegħu, jew, f’ċerti ċirkustanzi, sabiex tiċħad il-motivazzjoni formali adottata minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il‑Kummissjoni, C‑164/98 P, EU:C:2000:48, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 71).

325    Minn dan isegwi li, għalkemm it-terminoloġija użata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hija differenti minn dik użata fid-deċiżjoni kontenzjuża, minn dan ma jirriżultax neċessarjament li l-Qorti Ġenerali identifikat aġir abbużiv materjalment differenti minn dak adottat mill-Kummissjoni, jew li hija bbażat ruħha fuq motivazzjoni differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 73, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 104).

326    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li s-sentenza tal-punt 828 tas-sentenza appellata kkritikata minn Google u Alphabet hija konklużiva. Għaldaqstant, hija ma tistax tinqara indipendentement mill-bqija ta’ dan il-punt.

327    Dan jibda, qabelxejn, permezz ta’ formulazzjoni tal-kritika indirizzata mill-Kummissjoni, li hija li l-għoti tal-liċenzji tal-Play Store u tal-applikazzjoni Google Search huwa suġġett għal numru ta’ obbligi li jirrestrinġu l-libertà tal-FTO li jixtiequ jiksbu dawn il-liċenzji, preċiżament sa fejn dawn jipprojbixxuhom milli jikkummerċjalizzaw barra minn hekk kull apparat ieħor li jwettaq fork ta’ Android mhux kompatibbli.

328    Sussegwentement, huwa ppreċiżat li “[d]in ir-restrizzjoni tirriżulta mill-FAF, u tikkostitwixxi, sa fejn tapplika għall-apparati portabbli intelliġenti li fuqhom ma humiex preinstallati l-applikazzjonijiet ta’ Google, l-uniku obbligu meqjus bħala abbużiv fid-deċiżjoni [kontenzjuża]. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tikkontestax id-dritt ta’ Google illi timponi rekwiżiti ta’ kompatibbiltà fir-rigward tal-apparati li fuqhom huma installati l-applikazzjonijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tqis bħala abbużiva l-prattika ta’ Google intiża biex ixxekkel l-iżvilupp u l-preżenza fis-suq ta’ apparati li jaħdmu b’fork ta’ Android mhux kompatibbli”.

329    Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li hija kellha, konsegwentement, teżamina jekk il-Kummissjoni kienx irnexxilha tistabbilixxi, kif ikkunsidrat fid-deċiżjoni kontenzjuża, li Google kienet implimentat prattika intiża li teskludi l-forks ta’ Android mhux kompatibbli u jekk din il-prattika setgħetx tiġi kklassifikata bħala antikompetittiva fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

330    It-tieni nett, il-punt 828 tas-sentenza appellata jibda bl-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar l-ewwel parti tar-raba’ motiv fl-ewwel istanza, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tan-natura abbużiva tal-fatt li l-għoti tal-liċenzji għall-Play Store u l-applikazzjoni Google Search ikun suġġett għall-kundizzjoni li jiġu osservati l-OAF. Din l-analiżi hija ppreċeduta, fil-punt 816 tas-sentenza appellata, minn sunt tal-premessa 1036 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tipprovdi li l-Kummissjoni żviluppat sitt sensiliet ta’ argumenti sabiex tistabbilixxi li l-OAF jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

331    Minn dawn l-osservazzjonijiet preliminari jirriżulta li huwa fid-dawl tal-punt 828 kollu tas-sentenza appellata u ta’ dan is-sunt li għandha tiġi eżaminata l-allegazzjoni ta’ Google u ta’ Alphabet ibbażata fuq l-allegata riformulazzjoni tal-abbuż invokat.

332    Issa, fost il-motivi esposti mill-Kummissjoni fil-premessa 1036 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali identifikat, fil-punt 816 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-OAF jostakolaw l-iżvilupp tal-forks ta’ Android mhux kompatibbli, il-fatt li l-forks ta’ Android kompatibbli ma jirrappreżentawx theddida kompetittiva kredibbli għal Google u l-fatt li l-kapaċità ta’ dawn l-OAF li jirrestrinġu l-kompetizzjoni hija msaħħa min-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-API proprjetarji ta’ Google għall-iżviluppaturi ta’ forks ta’ Android mhux kompatibbli, li jnaqqas l-interess tal-iżviluppaturi li jfasslu applikazzjonijiet intiżi għal tali OS.

333    Kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 175 u 176 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-punt 816 tas-sentenza appellata, mhux ikkontestat minn Google u Alphabet fil-kuntest tal-appell tagħhom, jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament ikkritikat lil Google talli adottat prattika intiża li teskludi forks ta’ Android mhux kompatibbli għaliex dawn kienu jikkostitwixxu theddida għal din il-kumpannija, fejn ir-realtà ta’ din it-theddida hija spjegata mill-Kummissjoni fit-Taqsima 12.6.1 tad-deċiżjoni kontenzjuża. B’hekk, skont din tal-aħħar, jekk l-iżvilupp ta’ dawn il-forks kien ġie limitat, kien għaliex il-FTO ma kinux jikkummerċjalizzawhom iktar taħt il-piena li ma jiksbux iżjed liċenzja għall-applikazzjonijiet ta’ Google.

334    Billi analizzat jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet dan l-istat ta’ fatt b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-Qorti Ġenerali għalhekk ma ssostitwixxietx il-motivazzjoni tagħha għal dik li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża.

335    Minn dan isegwi li għalkemm, ċertament, it-terminoloġija użata fl-aħħar sentenza tal-punt 828 tas-sentenza appellata hija differenti minn dik użata fl-Artikolu 1(1)(c) tad-deċiżjoni kontenzjuża, madankollu ma jistax jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali, b’dan il-mod, identifikat aġir abbużiv differenti minn dak adottat mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni.

336    Barra minn hekk, minkejja li l-kliem tal-Artikolu 1(1)(c) tal-imsemmija deċiżjoni jirrigwarda biss l-aġir ta’ Google li kienet tissuġġetta l-għoti tal-liċenzji għall-Play Store u l-applikazzjoni Google Search għall-OAF, mill-istess deċiżjoni u mis-sentenza appellata jirriżulta li r-rekwiżiti ta’ kompatibbiltà li jirrigwardaw l-apparati li fuqhom kienu installati l-applikazzjonijiet ta’ Google, li n-natura leġittima tagħhom ma hijiex ikkontestata mill-Qorti Ġenerali, jikkostitwixxu element rilevanti tal-kuntest li fih seħħ dan l-aġir.

337    L-importanza ta’ dan l-element kuntestwali fl-analiżi tat-tieni abbuż identifikat fid-deċiżjoni kontenzjuża tista’, fl-ewwel lok, tiġi dedotta mill-punti 855 u 856 tas-sentenza appellata. Minn naħa, l-ewwel wieħed minn dawn il-punti jikkonferma li l-aċċess għall-API proprjetarji ta’ Google kien ta’ interess strateġiku għall-iżviluppaturi u għall-FTO. Min-naħa naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali sostniet, fit-tieni wieħed minn dawn il-punti, “li mill-eżami tat-tieni motiv [għal annullament kien jirriżulta li] l-[FTO] li xtaqu jkollhom aċċess għall-[API] proprjetarji ta’ Google kellhom jikkonkludu FDAM, li kien jippreżupponi, minn qabel, li jiġu aċċettati l-kundizzjonijiet tal-FAF”. Issa, huwa abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 856 tas-sentenza appellata, li kellu “jiġi kkonstatat li l-politika tal-iżvilupp u tad-distribuzzjoni tal-API [proprjetarji] tagħha minn Google kkostitwixxiet inċentiv sabiex jiġu konklużi FAF, li [...] illimitaw l-opportunitajiet għall-forks tal-Android mhux kompatibbli”.

338    Fit-tieni lok, l-“osservazzjonijiet preliminari dwar il-portata tat-tieni abbuż identifikat fid-deċiżjoni [kontenzjuża]”, imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 803 sa 814 tas-sentenza appellata, jikkonfermaw l-importanza tal-imsemmi element kuntestwali u, konsegwentement, l-assenza ta’ żball ta’ liġi fil-parafrażi konklużiva użata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 828 ta’ din is-sentenza.

339    Qabel kollox, huwa espressament ikkonfermat, fil-punt 809 tal-imsemmija sentenza, li, “[s]kont id-deċiżjoni [kontenzjuża], Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha [...] billi ssuġġettat l-għoti tal-liċenzja għall-Play Store u għal Google Search għall-aċċettazzjoni tal-OAF”. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 810 tal-istess sentenza, li, “kif ikkonfermaw [Google u Alphabet] waqt is-seduta, il-FAF jitqiesu bħala abbużivi fid-deċiżjoni [kontenzjuża] biss sa fejn jimponu fuq l-[FTO] li jiżguraw il-kompatibbiltà mad-DDK tal-apparati kollha tagħhom li jikkummerċjalizzaw u li l-OS tagħhom hija Android jew fork tal-Android, inklużi dawk li fuqhom ma jiġux preinstallati l-applikazzjonijiet ta’ Google. Fi kliem ieħor, il-FAF jitqiesu bħala abbużivi biss sa fejn jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ apparati portabbli intelliġenti li għandhom OS li hija fork tal-Android mhux kompatibbli anki fin-nuqqas ta’ preinstallazzjoni fuq dawn l-apparati tal-applikazzjonijiet ta’ Google”. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 812 tas-sentenza appellata, li dak li l-Kummissjoni kkritikat lil Google dwaru kien, essenzjalment, li “implimentat prattika antikompetittiva intiża biex ċċaħħad il-kummerċjalizzazzjoni ta’ forks tal-Android mhux kompatibbli”.

340    Dawn l-elementi kuntestwali juru wkoll li dak li l-Kummissjoni tfisser permezz tat-tieni abbuż identifikat fid-deċiżjoni kontenzjuża jikkonsisti fil-fatt stess li imponiet l-applikazzjoni tal-istandards tekniċi kollha, iddefiniti f’dan il-każ fid-DDK, inkluż għall-apparati li fuqhom l-applikazzjonijiet u s-servizzi proprjetarji, fosthom l-API proprjetarji ta’ Google, ma humiex preinstallati. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 864 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tidentifika bi preċiżjoni l-istandards tad-DDK li kienu taw lok għal dawn l-effetti.

341    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)      Fuq it-tieni parti

342    Google u Alphabet isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 893 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq analiżi kontrofattwali intiża sabiex tevalwa l-konsegwenzi ipotetiċi li setgħu jiġu osservati, fl-assenza tat-tieni abbuż, peress li l-eżistenza tar-restrizzjonijiet kontenzjużi u tal-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni kienet ġiet suffiċjentement ipprovata.

343    F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 225 ta’ din is-sentenza, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi r-rabta kawżali bejn l-aġir abbużiv ikkontestat u l-effetti antikompetittivi tiegħu, hija tista’ madankollu, f’dan il-kuntest, tibbaża ruħha fuq numru ta’ elementi probatorji mingħajr ma tkun obbligata tirrikorri sistematikament għal metodoloġija unika, b’mod partikolari analiżi kontrofattwali.

344    F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, l-ewwel nett, fil-punt 834 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza materjali tal-prattika kkunsidrata mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, bħala li tikkostitwixxi t-tieni abbuż ma kinitx biss ammessa minn Google u Alphabet, iżda wkoll stabbilita. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 841 ta’ din is-sentenza, abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar, ikkorroborati mill-atti tal-proċess, li din il-prattika kienet ġiet intenzjonalment implimentata bl-għan li jiġi limitat l-aċċess għas-suq tal-forks ta’ Android mhux kompatibbli. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni, fil-punt 847 tal-imsemmija sentenza, li Google u Alphabet ma kinux urew li dawn il-forks fl-ebda każ ma setgħu jikkostitwixxu għalihom theddida għall-kompetizzjoni. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 863 tal-istess sentenza, li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li l-FAF kienu jipprojbixxu lill-firmatarji tagħhom milli jipprovdu opportunitajiet għall-forks ta’ Android mhux kompatibbli u li dan l-ostakolu kien ikkontribwixxa sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali, filwaqt li rriżulta li kien ta’ preġudizzju għall-utenti finali.

345    Sabiex tiġi ġġustifikata n-neċessità ta’ analiżi kontrofattwali, Google u Alphabet isostnu li l-politika ta’ Google dwar l-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-API proprjetarji tagħha kienet tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, inċentiv għall-FTO sabiex jiddistribwixxu biss apparati ta’ Google Android kompatibbli. Barra minn hekk, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma analizzatx jekk il-falliment ta’ Fire OS kienx imputabbli lill-OAF billi sempliċement affermat, fil-punt 850 tas-sentenza appellata, li, anki jekk raġunijiet oħra setgħu jispjegaw il-falliment kummerċjali ta’ din l-OS, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet li l-FAF kienu ċaħħdu lill-imsemmija OS mill-opportunitajiet li setgħu jikkostitwixxu għaliha l-FTO li kienu kkonkludew FAF ma’ Google.

346    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li Google u Alphabet ma jikkritikawx il-konstatazzjonijiet l-oħra tal-Qorti Ġenerali, bħal dawk relatati mal-falliment tal-OS Aliyun żviluppat minn Alibaba, li jwasslu għall-konstatazzjonijiet imfakkra fil-punt 344 ta’ din is-sentenza u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-konferma tal-prova ta’ esklużjoni effettiva tal-forks tal-Android mhux kompatibbli u għall-effetti antikompetittivi ta’ din l-esklużjoni.

347    Barra minn hekk, permezz tal-argumenti tagħhom dwar l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-politika ta’ Google dwar l-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-API proprjetarji kif ukoll dwar il-falliment ta’ Fire OS, Google u Alphabet ifittxu, fir-realtà, li jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, li diġà saret mill-Qorti Ġenerali.

348    Issa, kif tfakkar fil-punt 216 ta’ din is-sentenza, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Fin-nuqqas ta’ invokazzjoni ta’ kwalunkwe żnaturament, l-argumenti ta’ Google u ta’ Alphabet invokati insostenn tal-allegata neċessità ta’ analiżi kontrofattwali huma għalhekk inammissibbli.

349    Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli. Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

D.      Fuq ir-raba’ aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

350    Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, Google u Alphabet jilmentaw li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni u milli teżamina b’mod konkret l-argumenti li huma ressqu, kif ukoll il-provi li huma pproduċew, sabiex turi li l-OAF kienu oġġettivament iġġustifikati.

351    B’mod partikolari, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet erba’ żbalji.

352    L-ewwel nett, din ma eżaminatx in-neċessità tal-OAF. Fil-punt 880 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement invokat l-elementi li jipprovaw it-tkabbir reali tal-OS Android sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha li l-frammentazzjoni ta’ din il-pjattaforma ma kinitx toħloq riskju għas-sopravivenza tagħha matul il-perijodu tal-ksur filwaqt li kellha tistaqsi jekk l-imsemmija pjattaforma kinitx tgawdi mill-istess tkabbir rapidu bħal dak ikkonstatat li kieku Google ma kinitx imponiet l-obbligi kkontestati. Għal dan l-għan, hija kellha tirreferi, pereżempju, għall-esperjenza tas-sistemi operattivi miftuħa li ħadu inqas miżuri sabiex jipproteġu lilhom innifishom kontra l-frammentazzjoni.

353    It-tieni nett, hija naqset milli teżamina l-interess leġittimu ta’ Google li tipproteġi l-ekosistema kollha ta’ Android, inklużi l-apparati li ma jintegrawx l-applikazzjonijiet proprjetarji ta’ Google. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 878 ta’ dik is-sentenza, li l-ġustifikazzjoni mressqa minn Google u Alphabet kienet estranja għall-abbuż allegat, li kien jikkonċerna biss l-applikazzjoni tal-OAF għall-apparati mhux mgħammra bis-SGM kollha. B’dan il-mod, hija ma weġbitx għall-argument tagħhom li l-interess leġittimu ta’ Google, bħala żviluppatur tal-OS Android u amministratur tal-ekosistema ta’ Android, kien jeħtieġ miżuri sabiex tiġi ppreżervata din l-ekosistema kollha.

354    It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kontenzjuża filwaqt li l-Kummissjoni ma evalwatx b’mod korrett il-kundizzjonijiet li fihom Google adottat liċenzja ta’ sors miftuħ għall-OS Android. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 886 tal-imsemmija sentenza, li Google kienet għamlet l-“għażla” li taċċetta r-riskji marbuta mat-tnedija ta’ din l-OS fuq bażi miftuħa meta hija għamlet il-kuntrarju, billi ħadet intenzjonalment miżuri sabiex jiġu evitati r-riskji li kien jippreżenta mudell miftuħ mhux ġestit, ħaġa li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni.

355    Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod xieraq il-provi li jistabbilixxu n-neċessità tal-FAF, fid-dawl tan-natura inadegwata ta’ soluzzjoni li tikkonsisti fir-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jirriżervaw għalihom id-denominazzjoni “Android”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali sempliċement affermat, fil-punt 883 tal-istess sentenza, li Google u Alphabet ma kienu pproduċew ebda prova ddettaljata insostenn ta’ din l-allegazzjoni. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li jistabbilixxu n-natura inadegwata tas-soluzzjoni li tikkonsisti fir-reġistrazzjoni ta’ trade marks.

356    Gigaset tirrikonoxxi li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali l-obbligu li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha artikolati minn Google u Alphabet. Hija ssostni, madankollu, minn naħa, li l-argumenti ta’ dawn tal-aħħar dwar l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-FAF kienu jindirizzaw fatti rilevanti għal analiżi ġuridika korretta u, min-naħa l-oħra, li kieku dawn il-fatti kienu ġew evalwati b’mod oġġettiv, kien ikun jidher li r-rekwiżiti ta’ kompatibbiltà minima li jinsabu fil-FAF kienu jikkostitwixxu miżura leġittima u neċessarja intiża sabiex tipproteġi l-integrità tal-ekosistema kollha ta’ Android.

357    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta rrifjutat li teżamina l-argument ta’ Google u ta’ Alphabet li soluzzjoni li tikkonsisti fir-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jirriżervaw għalihom id-denominazzjoni “Android” ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi evitata konfużjoni bejn l-apparati kompatibbli mad-DDK u dawk li ma humiex.

358    HMD tirriproduċi, essenzjalment, l-argumenti żviluppati minn Google u Alphabet.

359    Il-Kummissjoni u FairSearch isostnu li r-raba’ aggravju huwa inammissibbli peress li, bl-iskuża ta’ żball ta’ liġi, Google u Alphabet jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali dwar l-assenza ta’ neċessità tal-OAF. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar sempliċement jaffermaw mill-ġdid ċerti partijiet tal-argument tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma juru l-iċken żball ta’ liġi. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa infondat.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

360    Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, Google u Alphabet isostnu li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat il-ġustifikazzjonijiet oġġettivi tal-FAF.

361    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li hija l-kumpannija li għandha pożizzjoni dominanti li għandha tiġġustifika aġir li jista’ jaqa’ taħt l-ambitu tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 69, u tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

362    B’mod partikolari, tali impriża tista’ turi, għal dan il-għan, kemm li l-aġir tagħha huwa oġġettivament neċessarju, kif ukoll li l-effett ta’ esklużjoni li jwassal għalih jista’ jiġi kkumpensat, jew anki maqbuż, permezz ta’ vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effikaċja li minnhom igawdu wkoll il-konsumaturi. F’dan l-aħħar rigward, hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha turi li ż-żieda fl-effiċjenza li tista’ tirriżulta mill-aġir ikkunsidrat tinnewtralizza l-effetti dannużi probabbli fuq il-kompetizzjoni u fuq l-interessi tal-konsumaturi fis-swieq affettwati, li din iż-żieda fl-effiċjenza kienet jew tista’ titwettaq permezz ta’ dan l-aġir, li dan tal-aħħar huwa indispensabbli għat-twettiq tagħha u li ma jeliminax kompetizzjoni effettiva billi jneħħi totalment jew il-parti l-kbira tas-sorsi eżistenti tal-kompetizzjoni attwali jew potenzjali (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

363    Fuq din il-bażi, Google u Alphabet invokaw quddiem il-Qorti Ġenerali diversi argumenti sabiex juru li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni n-natura favur il-kompetizzjoni tal-OAF, li kienu neċessarji sabiex jipproteġu l-integrità u l-kwalità tal-OS Android kontra r-riskji inerenti għal eventwali inkompatibbiltajiet. Dawn l-argumenti ġew miġbura fil-qosor fil-punti 868 sa 873 tas-sentenza appellata u ġew suċċessivament miċħuda mill-Qorti Ġenerali skont l-eżami li jinsab fil-punti 877 sa 891 ta’ din is-sentenza.

364    Permezz tar-raba’ aggravju, Google u Alphabet jiżviluppaw erba’ lmenti kontra dan l-eżami.

365    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina n-neċessità tal-OAF sabiex tiffaċilita l-kompatibbiltà bejn l-apparati Google Android u sabiex tgħin tipproteġi l-kwalità u l-integrità tal-OS Android kontra r-riskji ta’ frammentazzjoni. It-tieni nett, hija llimitat b’mod mhux xieraq l-evalwazzjoni tagħha għan-neċessità li tgħin sabiex tipproteġi biss l-apparati Google Android li jintegraw l-applikazzjonijiet proprjetarji ta’ Google. It-tielet nett, hija attribwixxiet b’mod żbaljat lil Google l-għażla li taċċetta l-konsegwenzi kollha marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ Android taħt liċenzja ta’ sors miftuħ. Ir-raba’ nett, hija ma eżaminatx b’mod xieraq il-provi prodotti minn Google u Alphabet sabiex turi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li bidla fl-istrateġija fil-qasam tat-trade mark kienet toffri soluzzjoni xierqa lill-OAF.

366    Madankollu, Google u Alphabet jikkonkludu l-espożizzjoni ta’ kull wieħed minn dawn l-erba’ lmenti billi jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali bi żball ta’ liġi wieħed u uniku. Din naqset, fis-sentenza appellata, milli tieħu inkunsiderazzjoni jew milli teżamina konkretament l-elementi rilevanti kollha sabiex tistabbilixxi jekk l-OAF kinux oġġettivament iġġustifikati.

367    Issa, kif tfakkar fil-punt 348 ta’ din is-sentenza, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi, peress li hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha ġuriżdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi ma tikkostitwixxix għalhekk, mingħajr ħsara għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

368    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li Google u Alphabet ma jallegaw ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi eżaminati mill-Qorti Ġenerali, bla ħsara għal riferiment wieħed, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, għal żnaturament tal-provi dwar l-ineffettività tad-difiża tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom bħala konsegwenza tal-ommissjoni tal-eżami ta’ dawn il-provi. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova, tali allużjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni.

369    Fil-fatt, meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll skont l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 50, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni, C‑297/22 P, EU:C:2023:1027, punt 30).

370    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti żviluppati minn Google u Alphabet insostenn tal-erba’ lmenti mqajma insostenn tar-raba’ aggravju huma bbażati, billi jirreferu rispettivament għall-punti 880, 878, 886 u 883 tas-sentenza appellata, fuq qari parzjali tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Issa, billi jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni jew milli teżamina b’mod konkret l-elementi rilevanti kollha sabiex tistabbilixxi jekk l-OAF kinux oġġettivament iġġustifikati, Google u Alphabet ifittxu, fl-aħħar mill-aħħar, li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali qabel dawn il-punti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-ġustifikazzjonijiet oġġettivi tal-FAF li huma ressqu.

371    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

E.      Fuq il-ħames aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

372    Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, Google u Alphabet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli kkonfermat b’mod żbaljat il-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar il-ksur uniku u kontinwu minkejja l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tal-FTD abbażi ta’ portfolio.

373    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-annullament parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa possibbli biss jekk l-elementi annullati jkunu separabbli mill-kumplament tad-deċiżjoni. Dan ma jkunx il-każ meta l-annullament parzjali jkollu l-effett li jbiddel is-sustanza tal-att. Issa, id-deċiżjoni kontenzjuża ssanzjonat lil Google u lil Alphabet għal ksur uniku u kontinwu kkostitwit minn erba’ abbużi distinti. Fil-punt 1029 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni fir-rigward ta’ wieħed minn dawn l-erba’ abbużi, dak li jirrigwarda l-FTD abbażi ta’ portfolio, iżda kkonfermat l-imsemmija deċiżjoni dwar il-ksur uniku u kontinwu. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

374    Fil-fatt, hija kellha tevalwa jekk l-annullament ta’ waħda mill-konstatazzjonijiet ta’ ksur kienx ibiddel is-sustanza tal-konstatazzjoni tal-ksur uniku u kontinwu. Barra minn hekk, is-sentenza appellata tinkludi essenzjalment erba’ lakuni dwar dan il-punt. L-ewwel nett, ma huwiex possibbli, mingħajr l-iċken bażi, li jiġi ssostitwit ksur uniku u kontinwu kkostitwit minn erba’ abbużi distinti, komplementari u interdipendenti skont id-deċiżjoni kontenzjuża, bi ksur uniku u kontinwu kkostitwit biss minn tliet abbużi distinti. It-tieni nett, filwaqt li annullat il-konstatazzjoni dwar il-FTD abbażi ta’ portfolio, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni dawn il-ftehimiet, fil-punt 1018 tas-sentenza appellata, bħala elementi kuntestwali sabiex tikkonferma d-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 1027 ta’ din is-sentenza, il-ftehim bejn Google u Apple dwar l-għażla prestabbilita tal-applikazzjoni Google Search fuq il-browser Safari sabiex tikkonferma l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Issa, dan l-element fattwali ma huwiex rilevanti sa fejn qatt ma ġie kkonstatat matul il-proċedura amministrattiva. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali affermat, mingħajr bażi, fil-punt 1028 tal-imsemmija sentenza, li l-prattiki ta’ Google ppreġudikaw l-interess tal-konsumaturi li jkollhom iktar minn sors wieħed sabiex jiksbu l-informazzjoni minn fuq l-internet. Madankollu, ma saret l-ebda konstatazzjoni f’dan is-sens. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tbiegħdet b’mod inammissibbli mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża.

375    Iċ-CCIA ssostni l-argument żviluppat minn Google u minn Alphabet, b’mod partikolari fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ sostituzzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-motivazzjoni tagħha stess għal dik tal-Kummissjoni kif tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża.

376    Il-Kummissjoni ssostni li kellha raġun il-Qorti Ġenerali li ma tannullax id-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha. Hija ssostni li l-ħames aggravju huwa kemm inammissibbli, peress li jikkostitwixxi aggravju ġdid, kif ukoll ineffettiv, peress li jibqa’ l-ksur li jifdal, lil hinn minn dak li ġie annullat. Dan l-aggravju huwa fi kwalunkwe każ infondat.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

377    Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, Google u Alphabet jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ma siltitx il-konsegwenzi korretti tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-FTD abbażi ta’ portfolio. Fil-fatt, din id-deċiżjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, ikkostitwit minn erba’ ksur distinti, b’tali mod li l-annullament ta’ wieħed mill-elementi kostituttivi tiegħu kellu jwassal lill-Qorti Ġenerali jew sabiex tannulla l-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu jew sabiex tevalwa jekk l-assenza ta’ dan l-element kostituttiv kinitx tbiddel is-sustanza ta’ dan il-ksur.

378    Preliminarjament, fir-rigward, minn naħa, tan-natura allegatament ġdida ta’ dan l-aggravju sa fejn Google u Alphabet ma kkontestawx, fl-ewwel istanza, il-konklużjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM, l-OAF u l-FTD abbażi ta’ portfolio kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, u lanqas ma sostnew li din id-deċiżjoni kellha tiġi annullata fl-intier tagħha peress li wieħed mill-elementi ta’ dan il-ksur kien annullat mill-Qorti Ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-aggravju, Google u Alphabet iridu jsostnu, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravju mnissel mis-sentenza appellata stess u li huwa intiż li jikkritika, fid-dritt, il-fondatezza tiegħu. Għaldaqstant, dan l-aggravju ma jistax jiġi miċħud bħala inammissibbli.

379    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura allegatament ineffettiva tal-imsemmi aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, anki kieku dan kellu jitqies bħala fondat, dan jista’ jwassal biss sabiex l-abbużi distinti li jifdal, meħuda flimkien, ma jikkostitwixxux ksur uniku u kontinwu. Għalhekk, tali konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata fl-intier tagħha, peress li dawn l-abbużi ma humiex affettwati mill-istess aggravju.

380    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn il-Qorti Ġenerali bbażat il-kalkolu tal-multa fuq il-premessa tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, is-sempliċi kontestazzjoni tal-eżistenza ta’ tali ksur hija suffiċjenti sabiex tikkontesta parti mid-dispożittiv tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni dwar dan il-punt għandu jiġi miċħud.

381    Fuq il-mertu, għandu jiġi osservat, minn naħa, li ksur tal-Artikolu 102 TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att individwali, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew minn aġir kontinwu, anki fil-każ li wieħed jew iktar minn dawn l-elementi ta’ din is-sensiela ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu jikkostitwixxu, fihom innifishom u individwalment, ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, meta id-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li jxekkel il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni għandha d-dritt tikkunsidra l-pjan ġenerali bħala entità waħda, għall-finijiet, b’mod partikolari tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 258, kif ukoll tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41).

382    Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Tali rekwiżit ma huwiex sodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att għandu l-effett li jibdel il-mertu ta’ dan, li għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv u mhux ta’ kriterju suġġettiv marbut ma’ rieda politika tal-awtorità li adottat l-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

383    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn dawn jirrigwardaw ir-raba’ abbuż tal-ksur uniku u kontinwu relatat mal-FTD abbażi ta’ portfolio. Hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll dan l-annullament parzjali billi rriformat l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni sabiex tnaqqas il-multa imposta.

384    Għalkemm il-Kummissjoni ma rnexxilhiex, skont il-Qorti Ġenerali, turi n-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio, hija madankollu qieset li l-konstatazzjoni tal-ksur uniku u kontinwu kellha tinżamm.

385    Issa, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li, peress li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, kull wieħed mill-aġir kontenzjuż ġie kklassifikat bħala ksur awtonomu distint u li, meħud flimkien, dan l-aġir ġie kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu, il-kontestazzjoni tan-natura abbużiva ta’ wieħed minn dan l-aġir ma tistax tikkontesta n-natura abbużiva tal-aġir li jifdal. Barra minn hekk, fir-rigward taż-żamma tal-klassifikazzjoni bħala ksur uniku u kontinwu għal dan l-aġir abbużiv li baqa’, il-Qorti Ġenerali debitament esponiet li l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-FTD abbażi ta’ portfolio ma kienx jaffettwa l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ strateġija globali li jaqgħu taħtha t-tliet istanzi ta’ ksur li jifdal.

386    Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 212 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod partikolari, fil-punti 1021 sa 1023 u 1025 tas-sentenza appellata, li ċ-ċirkustanzi fattwali tal-ksur stabbiliti juru li l-ewwel sat-tielet restrizzjoni kontenzjuża, jiġifieri l-bejgħ marbut tal-applikazzjoni Google Search, il-bejgħ marbut tal-browser Chrome u l-FAF, li ġew ikklassifikati kull wieħed bħala abbuż distint, kienu jagħmlu parti minn strateġija globali. Din l-istrateġija kienet tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet speċjali fuq l-użu tal-OS Android, minn naħa, u l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u servizzi, min-naħa l-oħra. Din kienet intiża li tantiċipa l-iżvilupp tal-internet mobbli, filwaqt li tippreżerva l-mudell kummerċjali ta’ Google stess, li huwa bbażat fuq id-dħul li hija tikseb essenzjalment mill-użu tas-servizzi ta’ tiftix ġenerali tagħha. Fil-kuntest ta’ din l-istrateġija ġenerali segwita minn Google, iż-żamma tal-pożizzjoni dominanti li hija kellha, matul il-perijodu kollu tal-ksur, fis-swieq nazzjonali għas-servizzi ta’ tiftix ġenerali, li kkontribwixxew għaliha l-ewwel u t-tieni restrizzjoni kontenzjuża, kellha għalhekk importanza determinanti,

387    Minkejja l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tan-natura abbużiva tal-FTD abbażi ta’ portfolio, il-Qorti Ġenerali qieset, fid-dawl tal-provi disponibbli, li din l-istrateġija globali kienet għadha teżisti u li kienet tikkostitwixxi pjan ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 381 ta’ din is-sentenza.

388    In-natura separabbli tal-konstatazzjoni dwar il-FTD abbażi ta’ portfolio ma tistax għalhekk tiġi kkontestata, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża filwaqt li żżomm il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu adottata f’din id-deċiżjoni.

389    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argumenti iktar speċifiċi mressqa minn Google u Alphabet fil-kuntest tal-ħames aggravju tagħhom, għandu, minn naħa, jiġi ppreċiżat, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 197 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali kellha d-dritt tieħu inkunsiderazzjoni l-FTD, indipendentement min-natura abbużiva tagħhom, bħala elementi tal-kuntest rilevanti, sabiex tikkonferma l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Fil-fatt, mill-punt 1018 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li l-FTD, ġustament, ittieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, bħala elementi tal-kuntest fattwali, sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ esklużjoni kkawżati mill-ewwel, mit-tieni u mit-tielet abbuż distinti. Peress li l-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 1019 tas-sentenza appellata, li dawn l-elementi kuntestwali huma rilevanti wkoll sabiex jiġu evalwati l-effetti kkombinati tal-prattiki, Google u Alphabet ma jistgħux jikkritikawha talli ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-elementi.

390    Min-naħa l-oħra, Google u Alphabet ma jistgħux jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li rriproduċiet, fil-punti 1027 u 1028 tas-sentenza appellata, l-elementi kuntestwali msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża bħall-ftehim ta’ Google ma’ Apple jew inkella l-għażla limitata tal-utenti ta’ muturi ta’ tfittxija. Dawn l-elementi tal-kuntest huma, fil-fatt, invokati mhux bħala provi tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, iżda bħala elementi li juru l-kuntest iktar wiesa’ li fih kien jaqa’ l-aġir kontenzjuż ta’ Google. Għalhekk, l-imsemmija elementi sempliċement jikkorroboraw il-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali.

391    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

F.      Fuq is-sitt aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

392    Permezz tas-sitt aggravju tagħhom, Google u Alphabet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet erba’ żbalji ta’ liġi fl-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni sħiħa tagħha. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali żiedet l-ammont tal-multa minkejja l-fatt li l-konstatazzjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tal-eżistenza ta’ wieħed mill-erba’ abbużi li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu rrikonoxxut f’din id-deċiżjoni ġiet invalidata wara l-annullament parzjali, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikoli 1, 3 u 4 tal-imsemmija deċiżjoni.

393    Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li żżid l-ammont tal-multa kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Google u ta’ Alphabet u żnaturat il-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza stabbilita fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi bbażat ruħha, fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità u tat-tul tal-ksur uniku u kontinwu, fuq prattiki leġittimi ta’ Google, bħall-FTD abbażi ta’ portfolio, il-FTD abbażi ta’ apparat u r-rifjut li tqiegħed l-API proprjetarji tagħha għad-dispożizzjoni tal-iżviluppaturi tal-forks tal-Android mhux kompatibbli. Fit-tielet lok, Google u Alphabet jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipju ne ultra petita billi adottat, waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-kriterju ta’ gravità, approċċ li ebda parti ma sostniet filwaqt li bbażat ruħha fuq punti ta’ fatt estrapolati mid-deċiżjoni kontenzjuża. Fir-raba’ lok u sussidjarjament, il-multa hekk stabbilita mill-Qorti Ġenerali hija sproporzjonata u ma hijiex motivata.

394    Minn dan Google u Alphabet jikkonkludu li l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel ħames aggravji, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għalhekk, fl-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas l-ammont inizjali tal-multa imposta għal mill-inqas terz.

395    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa infondat.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

396    Permezz tas-sitt aggravju tagħhom, Google u Alphabet isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet erba’ żbalji ta’ liġi fl-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni sħiħa tagħha.

397    Il-Qorti Ġenerali allegatament kisret, l-ewwel, id-drittijiet tad-difiża ta’ Google u ta’ Alphabet, it-tieni, il-preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilita fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, it-tielet, il-prinċipju ne ultra petita. Ir-raba’, il-multa stabbilita mill-Qorti Ġenerali hija sproporzjonata u mhux motivata.

398    Għandu jitfakkar, preliminarjament, li konformement mal-Artikolu 261 TFUE u mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali għandha ġuriżdizzjoni sħiħa f’dak li jirrigwarda l-multi ffissati mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, hija awtorizzata, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità ta’ dawn il-multi, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha u, konsegwentement, li tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta, peress li l-kwistjoni tal-ammont tal-multa hija suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punti 61 u 62); tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 123 u 124, kif ukoll tat‑12 ta’ Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs Il‑Kummissjoni, C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punti 151 u 152).

399    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti Ġenerali hija marbuta, fl-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni sħiħa tagħha, b’ċerti obbligi, li fosthom hemm l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa impost fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 77 kif ukoll tat‑12 ta’ Jannar 2023, Lietuvos geležinkeliai vs Il-Kummissjoni, C‑42/21 P, EU:C:2023:12, punt 154). Dawn ir-rekwiżiti huma imposti wkoll fuq il-Qorti Ġenerali meta hija titbiegħed mir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tagħha, li ma jistgħux jorbtu lill-qrati tal-Unjoni iżda jistgħu jiggwidawhom meta huma jeżerċitaw il-ġuriżdizzjoni sħiħa tagħhom (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni, C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 146).

400    Fir-rigward tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni huma skont il-prinċipju ta’ kontradittorju, u l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni sħiħa fil-kuntest ta’ waħda minn dawn il-proċeduri ma hijiex eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Réexamen M vsEMEA, C‑197/09 RX-II, EU:C:2009:804, punt 58; tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64, kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 213).

401    Għalkemm huwa paċifiku li, fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, il-qorti tal-Unjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni iċ-ċirkustanzi fattwali kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 692, kif ukoll tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 78), il-prinċipju ta’ kontradittorju jimplika madankollu li l-partijiet setgħu jsostnu b’mod utli l-perspettiva tagħhom fir-rigward tal-iffissar tal-multa u li l-Qorti Ġenerali ma adottat ebda element, ċirkustanza jew kriterju li dawn il-partijiet ma setgħux jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punti 70 u 82).

402    Fir-rigward, barra minn hekk, tal-prinċipju ne ultra petita, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni sħiħa prevista fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti hija obbligata tqajjem ex officio, huwa għalhekk ir-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra l-att tad-dritt tal-Unjoni li huwa jikkontesta u li għandu jipproduċi provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64; tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 213, kif ukoll tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni, C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 85). Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punt 398 ta’ din is-sentenza, peress li l-kwistjoni tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament Nru 1/2003 hija suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha, il-qorti tal-Unjoni tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta.

403    F’dan il-każ, ebda wieħed mill-argumenti mressqa minn Google u Alphabet dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ne ultra petita, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, ma juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li, fil-kuntest tar-rikors tagħhom, Google u Alphabet talbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa abbażi tal-ġuriżdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali. Issa, l-ammont adottat mill-Qorti Ġenerali, inqas mill-ammont deċiż mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, ġie stabbilit minnha b’risposta għal din it-talba.

404    Fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ kontradittorju jimplika, kif tfakkar fil-punt 401 ta’ din is-sentenza, li Google u Alphabet setgħu jsostnu b’mod utli l-perspettiva tagħhom fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa u li l-Qorti Ġenerali ma adottat ebda element, ċirkustanza jew kriterju li dawn il-partijiet ma setgħux jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom.

405    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, qieset, fil-punt 1085 tas-sentenza appellata, li, b’differenza mill-Kummissjoni li kienet użat koeffiċjent multiplikatur uniku u globali sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Google u ta’ Alphabet fil-ksur, kien iktar xieraq li jittieħdu inkunsiderazzjoni parametri oħra sabiex jiġu rrappreżentati aħjar ċerti partikolaritajiet speċifiċi għall-iżvolġiment tal-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni fiż-żmien, b’mod partikolari fid-dawl tal-intensità varjabbli tiegħu.

406    Abbażi ta’ din il-premessa, hija, sussegwentement, fil-punt 1088 ta’ din is-sentenza, identifikat tliet perijodi distinti, bejn l‑1 ta’ Jannar 2011 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. It-tieni wieħed minn dawn il-perijodi ġie kklassifikat, fil-punt 1093 tal-imsemmija sentenza, bħala “kruċjali [...] għall-iżvilupp tas-servizzi ta’ tiftix online mwettqa minn apparat portabbli intelliġenti”.

407    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, fil-punt 1094 tal-istess sentenza, li kien ser jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, kemm it-tul rispettiv tad-diversi partijiet tal-ksur uniku u kontinwu kif ukoll id-differenzi li jeżistu bejn il-perijodi identifikati minnha sabiex tevalwa l-intensità varjabbli tal-effetti ta’ dan il-ksur.

408    Huwa għalhekk li, billi rreferiet għall-varjabbiltà tal-intensità tal-effetti matul il-perijodu tal-ksur, il-Qorti Ġenerali ffissat, fil-punt 1099 tas-sentenza appellata, l-ammont tal-multa għal EUR 4 125 000 000.

409    Din is-suddiviżjoni tal-perijodu tal-ksur, minħabba varjabbiltà potenzjali tal-gravità tal-aġir tal-impriża inkwistjoni, hija, kif jirriżulta mill-punti 1086 u 1088 tas-sentenza appellata, wieħed mill-parametri li jikkostitwixxu l-metodu li l-Qorti Ġenerali qieset bħala preferibbli li jintuża, meta mqabbel ma’ dak, “aritmetiku u lineari”, iddefinit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

410    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma jistax jiġi sostnut li, billi ddeċidiet, fil-punt 1088 tas-sentenza appellata, li kien neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod speċjali, fl-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa, l-intensità tal-aġir antikompetittiv matul iż-żmien, li wassal għall-identifikazzjoni ta’ tliet perijodi distinti, li t-tieni wieħed minn dawn il-perijodi ġie kklassifikat bħala kruċjali, fil-punt 1093 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Google u ta’ Alphabet.

411    Għalkemm il-Qorti Ġenerali hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma huwiex proporzjonat mal-gravità u mat-tul tal-ksur, min-naħa l-oħra ma jistax jiġi impost fuqha li tistieden lill-partijiet jiddeċiedu dwar il-bidla tal-multa li hija tipprevedi konkretament li twettaq u dwar il-parametri preċiżi li hija għandha, f’din il-perspettiva, l-intenzjoni li tadotta.

412    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li mis-sentenza appellata, b’mod partikolari mill-punti 1043, 1047 u 1099 tagħha, jirriżulta li Google u Alphabet implimentaw il-prattiki abbużivi inkwistjoni b’mod intenzjonat, jiġifieri b’għarfien sħiħ tal-effetti li dawn il-prattiki kienu ser jipproduċu fis-swieq rilevanti u li din kienet strateġija globali li l-klassifikazzjoni tagħha bħala ksur uniku u kontinwu, kif jirriżulta mill-punt 385 ta’ din is-sentenza, ma hijiex ivvizzjata mill-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-klassifikazzjoni tal-FTD abbażi ta’ portfolio.

413    Fit-tieni lok, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 1087 tas-sentenza appellata, il-prattiki abbużivi ta’ Google u ta’ Alphabet taħt l-istrateġija globali tagħha ġew imsaħħa mill-mument fejn kemm l-applikazzjoni Google Search kif ukoll il-browser Chrome kienu suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-FDAM. B’dan il-mod, Google żgurat vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv fuq iż-żewġ punti prinċipali ta’ dħul sabiex jitwettaq tiftix fuq l-internet, u tali vantaġġ kompetittiv kien diffiċli ħafna li jiġi kkumpensat mill-kompetituri ta’ Google u ta’ Alphabet.

414    Fit-tielet lok, mill-punt 1028 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-prattiki abbużivi ta’ Google u ta’ Alphabet ippreġudikaw l-interess tal-konsumaturi li jkollhom iktar minn sors wieħed sabiex jiksbu informazzjoni fuq l-internet, billi llimitaw, b’mod partikolari, l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ tiftix immirati lejn is-segmenti tal-konsumaturi li kienu jagħtu importanza partikolari, fost oħrajn, lill-protezzjoni tal-ħajja privata jew lill-partikolaritajiet lingwistiċi fi ħdan iż-ŻEE.

415    Mill-motivi tas-sentenza appellata msemmija fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ammont tal-multa ffissat mill-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq elementi li, minn naħa, kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju u, min-naħa l-oħra, huma ġġustifikati, indipendentement minn kull varjazzjoni eventwali tal-gravità tal-aġir ta’ Google u ta’ Alphabet matul il-perijodu tal-ksur, fid-dawl tan-neċessità li tiġi imposta multa suffiċjentement dissważiva fid-dawl tal-gravità tal-abbużi ssanzjonati u tal-kuntest li dawn seħħew fih.

416    Fir-rigward tan-natura proporzjonata ta’ dan l-ammont, Google u Alphabet isostnu li dan jikkostitwixxi, fir-realtà, żieda fl-ammont adottat fid-deċiżjoni kontenzjuża filwaqt li dan kellu jitnaqqas b’mill-inqas terz.

417    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa mingħajr ebda ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni li Google u Alphabet jitolbu tnaqqis minimu ta’ terz minn dan l-ammont. Issa, kif ġie indikat fil-punt 402 ta’ din is-sentenza, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi provi insostenn tal-motivi li huwa jqajjem.

418    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali spjegat perfettament għaliex il-ksur uniku u kontinwu kellu jiġi kkonstatat minkejja l-annullament tal-abbuż relatat mal-FTD, li jikkostitwixxi, fih innifsu, ġustifikazzjoni għat-tnaqqis limitat tal-ammont tal-multa.

419    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

420    Billi l-ebda wieħed mill-aggravji ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

VI.    Fuq l-ispejjeż

421    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Konformement mal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

422    Konformement mal-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

423    Konformement mal-Artikolu 184(4) tal-istess Regoli, meta ma tkunx hija stess ippreżentat l-appell, intervenjenti fl-ewwel istanza ma tistax tiġi kkundannata għall-ispejjeż fil-proċedura ta’ appell ħlief jekk tkun ipparteċipat fil-fażi il-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali parti tipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li hija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

424    F’dan il-każ, peress li Google u Alphabet tilfu, hemm lok li Google u Alphabet jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub mill-Kummissjoni.

425    L-ADA, iċ-CCIA, Gigaset, HMD, Opera, il-BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger, il-BEUC, FairSearch, Seznam, u l-Verband Deutscher Zeitschriftenverleger għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Google LLC u lil Alphabet Inc., huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      L-Application Developers Alliance, il-Computer & Communications Industry Association, Gigaset Communications GmbH, HMD global Oy, Opera Norway AS, il-BDZV – Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV, il-Bureau européen des unions des consommateurs (BEUC), FairSearch AISBL, Seznam.cz, a.s. u l-Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.