European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2547

16.11.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2547

tat-13 ta’ Novembru 2026

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar illaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja, mill-Ġappun, mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fit-18 ta’ Settembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar illaminati ċatti fil-kiesaħ (“CRF”, cold-rolled flat) li joriġinaw mill-Indja, mill-Ġappun, mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam (“il-pajjiżi kkonċernati”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment imressaq fl-4 ta’ Awwissu 2025 minn EUROFER (“l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni tas-CRF fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2432 (3) (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”).

1.3.   Partijiet interessati

(4)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni informat speċifikament lill-ilmentatur, lil produtturi magħrufa oħrajn tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-Indja, tal-Ġappun, tat-Tajwan, tat-Turkija u tal-Vjetnam, kif ukoll lil importaturi, fornituri, utenti, negozjanti u assoċjazzjonijiet magħrufa li huma kkonċernati, dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

(5)

Il-partijiet interessati kollha kellhom l-opportunità li jikkumentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċeduri kummerċjali.

(6)

Fit-18 ta’ Settembru 2025, Daido Steel Co., Ltd (“Daido”), kumpanija Ġappuniża li tipproduċi diversi prodotti tal-azzar ta’ speċjalità, inkluż is-CRF, talbet li ssir parti interessata fl-investigazzjoni, fejn affermat li kienet affettwata mill-eżitu tal-investigazzjoni, bħala produttur tal-prodott taħt investigazzjoni li kien esporta kwantitajiet żgħar fil-passat u li kellu l-ħsieb li jerġa’ jibda jesporta lejn l-UE fil-futur qrib. Fit-2 ta’ Ottubru 2025, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ Daido minħabba li, skont it-tweġiba għall-formola tal-kampjunar għall-produtturi esportaturi, Daido ma esportatx il-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fid-9 ta’ Ottubru 2025, Daido talbet lill-Uffiċjal tas-Seduta biex jintervjeni sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jirrikonoxxu l-istatus ta’ Daido bħala parti interessata, li għandha interess ċar fl-eżitu tal-investigazzjoni, u li tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tagħmel talba għall-esklużjoni tal-prodott. Fl-4 ta’ Diċembru 2025, wara li esplorat il-kwistjoni bir-reqqa mas-servizzi tal-Kummissjoni, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ rakkomandazzjoni rigward it-talba ta’ Daido għall-istatus ta’ parti interessata. Madankollu, ir-rakkomandazzjoni ma kellhiex għalfejn tiġi kkunsidrata minħabba li, fit-18 ta’ Frar 2026, is-servizzi tal-Kummissjoni infurmaw lil Daido li nstab li kienet relatata mal-produttur esportatur inkluż fil-kampjun f’Japan Nippon Steel Corporation (“Nippon Steel”) u, b’hekk, Daido setgħet tagħmel ir-rappreżentazzjonijiet tagħha magħrufa fil-kuntest tal-investigazzjoni bħala parti mill-grupp ta’ Nippon Steel. Fl-4 ta’ Marzu 2026, Daido ressqet it-talba tagħha għall-esklużjoni tal-prodott, li hija indirizzata hawn taħt fit-taqsima 2.4. Fl-24 ta’ Awwissu 2026, Daido ressqet kummenti dwar id-Dokument ta’ Divulgazzjoni Ġenerali, u għalhekk ingħatat l-opportunità sħiħa li teżerċita d-drittijiet tagħha bħala parti interessata.

(7)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur Tork, Tezcan Galvanizli Yapı Elemanları Sanayi ve Tic. A.Ş. (“Tezcan”) talab li jitqies bħala produttur esportatur li kkoopera iżda li ma kienx inkluż fil-kampjun. Il-kumpanija affermat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ċirkostanzi partikolari, jiġifieri l-fatt li Tezcan esportat kwantitajiet limitati lejn l-Unjoni u li, matul l-investigazzjoni inkwistjoni, kienet impenjata ħafna f’rieżami ta’ skadenza.

(8)

Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba. Il-kumpanija ġiet infurmata kif xieraq dwar l-investigazzjoni fil-jum tal-bidu tagħha. Madankollu, il-kumpanija ma pprovdietx tweġiba għall-kampjunar u lanqas ma rreġistrat bħala parti interessata. Minbarra l-informazzjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, il-kumpanija ġiet mgħarrfa bil-proċediment mill-Gvern tat-Turkija (“GTT”), li ġabar data mill-produtturi tas-CRF għall-fini tat-tweġiba tal-GTT għall-kwestjonarju dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq fit-Turkija.

1.4.   Kummenti dwar il-bidu

1.4.1.   Affermazzjonijiet rigward is-sitwazzjoni partikolari tas-suq

(9)

Mill-bidu nett, il-Kummissjoni nnotat li l-ilment ipprovda biżżejjed evidenza, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, ta’ dumping mingħajr l-ebda aġġustament tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq (“PMS”) biex jiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni. Tabilħaqq, kif iddikjarat fit-taqsima 3 tan-Notifika tal-Bidu, l-ilment ipprovda biżżejjed evidenza ta’ dumping ikkalkolat abbażi ta’ tqabbil tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt investigazzjoni meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, mingħajr ebda aġġustament minħabba l-PMS allegata mill-ilmentatur. Il-marġnijiet tad-dumping li rriżultaw minn dan it-tqabbil kienu sinifikanti għall-pajjiżi kollha kkonċernati u, bħala tali, kienu jikkostitwixxu evidenza suffiċjenti ta’ dumping li tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni għall-pajjiżi kollha kkonċernati. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku rigward il-PMS, bħad-dispożizzjonijiet l-oħrajn kollha ta’ dak l-Artikolu, japplikaw għad-determinazzjoni tal-valur normali, irrispettivament mill-evidenza pprovduta fl-ilment. Konsegwentement, l-ebda waħda mill-affermazzjonijiet rigward l-evidenza u l-allegazzjonijiet tal-PMS fl-ilment ma tista’ tqajjem dubji dwar il-konklużjoni fir-rigward tas-suffiċjenza tal-evidenza li fuqha huwa bbażat il-bidu tal-investigazzjoni jew id-dritt tal-Kummissjoni li tinvestiga jekk hemmx sitwazzjoni partikolari tas-suq fil-pajjiżi fil-mira.

1.4.1.1.   Affermazzjonijiet rigward l-“effett ta’ espulsjoni”

(10)

L-hekk imsejjaħ “effett ta’ espulsjoni” huwa spjegat fit-taqsima 3.1.

(11)

POSCO VIETNAM Co., Ltd, Ho Chi Minh City (“POSVIET”) u Tatmetal Çelik Sanayi ve Ticaret A. Ş., Istanbul (“Tatmetal”) allegat li l-evidenza tal-PMS inkluża fl-ilment fir-rigward tal-Vjetnam u t-Turkija ma kinitx biżżejjed biex tikkostitwixxi evidenza prima facie skont it-tifsira tal-Artikolu 5.2 tal-Ftehim Anti-dumping (“ADA”) tad-WTO. POSVIET u Tatmetal irreferew għall-konklużjonijiet tal-Bord tad-WTO f’Australia – Anti-Dumping Measures on Paper (4), li sostnew li “[jirriżulta] mill-kwalifikatur “partikolari” li s-sitwazzjoni tas-suq trid tkun “distinta, individwali, unika, speċifika””. POSVIET allegat ukoll li l-Bord tad-WTO f’L-UE - Metodoloġiji ta’ Aġġustament tal-Kostijiet II (ir-Russja) (5) iddikjara li t-terminu “partikolari” pprekluda “sitwazzjoni ġenerali” milli tikkwalifika bħala sitwazzjoni partikolari tas-suq. POSVIET sostniet li filwaqt li sitwazzjoni partikolari tas-suq ma kellhiex bżonn li tkun esklużiva għas-suq domestiku ta’ pajjiż partikolari, xorta waħda kellha tkun fenomenu lokalizzat, jiġifieri wieħed li mmanifesta ruħu f’dak is-suq speċifiku aktar milli rrifletta ċirkostanza wiesgħa jew globali. POSVIET u Tatmetal ikkonkludew li billi l-Ilmentatur sostna li l-kapaċitajiet żejda Ċiniżi malajr infirxu għall-bqija tad-dinja, ma kinitx għadha sitwazzjoni partikolari għas-swieq domestiċi tal-ħames pajjiżi fil-mira, iżda xejra mifruxa u globali, li kienet it-tip ta’ “sitwazzjoni ġenerali” li l-Bordijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) eskludew.

(12)

POSVIET sostniet ukoll li l-ilment kien ġenerali wisq fir-rigward tas-suq tal-prodott affettwat mill-allegat effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża, minħabba li rrefera għal “kapaċitajiet żejda tal-azzar (inkluż għas-CRF) madwar id-dinja”. POSVIET sostniet li din is-sitwazzjoni allegata kienet waħda globali u lil hinn mis-swieq tas-CRF, evidenzjata mid-dikjarazzjoni tal-ilment li “l-kapaċitajiet żejda globali naqqsu b’mod artifiċjali l-prezzijiet internazzjonali tal-azzar madwar id-dinja”. POSVIET sostniet li kundizzjoni tas-suq li taffettwa tali firxa ta’ prodotti fil-biċċa l-kbira tas-swieq internazzjonali kienet proprju l-oppost ta’ “partikolari”.

(13)

Tatmetal sostniet ukoll li fil-globalità tal-esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ prodotti tal-azzar illaminati ċatti fil-kiesaħ, it-Turkija kienet fost l-aqwa għaxar pajjiżi tal-esportazzjonijiet, iżda l-importazzjonijiet lejn it-Turkija kienu jammontaw biss għal 3,5 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott taħt investigazzjoni. Tatmetal sostniet li t-Turkija ma kinitx vulnerabbli għall-importazzjonijiet Ċiniżi ta’ prodotti ċatti tal-azzar illaminati fil-kiesaħ, minħabba li r-RPĊ kienet biss it-tielet l-akbar sors ta’ importazzjoni. Tatmetal allegat ukoll li l-ilment ma pprovdiex rabta kawżali bejn il-kapaċitajiet żejda Ċiniżi u l-imġiba tal-ipprezzar Tork tal-kumpaniji li jimmanifatturaw il-prodott taħt investigazzjoni u li r-riżultati finanzjarji ta’ Tatmetal jimminaw il-premessa tal-allegazzjonijiet dwar l-effett ta’ espulsjoni.

(14)

L-ilment inkluda informazzjoni dwar iż-żieda qawwija fl-importazzjonijiet Ċiniżi tas-CRF fil-Vjetnam u fit-Turkija mill-2019 sal-2024 (6). Barra minn hekk, l-ilment inkluda informazzjoni dwar is-sehem tal-importazzjoni Ċiniża fl-importazzjonijiet ġenerali tas-CRF tal-Vjetnam u tat-Turkija (7) u dwar it-tqabbil bejn il-prezz tal-importazzjonijiet Ċiniżi fil-Vjetnam u fit-Turkija, il-prezzijiet domestiċi tal-Vjetnam u tat-Turkija bejn l-2019 u l-2024 (8) u l-effetti tiegħu fuq il-prezzijiet domestiċi tal-Vjetnam u tat-Turkija. Barra minn hekk, dawn l-elementi rreferew ukoll għall-perjodu ta’ investigazzjoni analizzat fl-ilment (jiġifieri l-2024), li għalih irreferew ukoll ir-riżultati finanzjarji tal-kumpaniji. L-ilment inkluda biżżejjed evidenza ta’ PMS fis-suq domestiku tal-Vjetnam u tat-Turkija. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(15)

L-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li l-evidenza tal-PMS inkluża fl-ilment fir-rigward tat-Tajwan ma kinitx biżżejjed biex tikkostitwixxi evidenza prima facie skont it-tifsira tal-Artikolu 5.2 tal-ADA tad-WTO. Skont l-awtoritajiet tat-Tajwan, il-biċċa l-kbira tal-evidenza sottomessa biex tiġġustifika l-eżistenza ta’ PMS ma kinitx tikkonċerna s-suq domestiku fit-Tajwan, billi l-ilmentatur ressaq, fir-rigward tat-Tajwan biss, ir-riżultati finanzjarji ta’ żewġ produtturi tal-azzar fit-Tajwan. Dawn ir-riżultati finanzjarji rreferew għall-kumpanija kollha u/jew għall-grupp kollu u ma kinux jikkonċernaw speċifikament is-CRF. Barra minn hekk, huma rreferew għall-2024, filwaqt li l-ilmentatur analizza l-perjodu 2015-2020 biex jiddetermina l-aġġustament għall-profittabbiltà meħtieġa minħabba l-PMS.

(16)

L-ilment kien jinkludi informazzjoni dwar iż-żieda qawwija fl-importazzjonijiet Ċiniżi ta’ CRF fit-Tajwan mill-2019 sal-2024 (9). Barra minn hekk, l-ilment inkluda informazzjoni dwar is-sehem tal-importazzjoni Ċiniża fl-importazzjonijiet ġenerali tat-Tajwan ta’ CRF (10) u dwar it-tqabbil bejn il-prezz tal-importazzjonijiet Ċiniżi fit-Tajwan u l-prezzijiet domestiċi tat-Tajwan bejn l-2019 u l-2024 (11) u l-effetti tiegħu fuq il-prezzijiet domestiċi tat-Tajwan. Barra minn hekk, dawn l-elementi rreferew ukoll għall-perjodu ta’ investigazzjoni analizzat fl-ilment (jiġifieri l-2024), li għalih irreferew ukoll ir-riżultati finanzjarji tal-kumpaniji. Għalhekk, l-ilment inkluda biżżejjed evidenza ta’ PMS fis-suq domestiku tat-Tajwan. Il-parametru referenzjarju użat fl-ilment biex tiġi stabbilita l-profittabbiltà tal-kumpaniji tal-azzar, kieku l-kapaċità żejda Ċiniża ma żdiditx bil-mod kif żdiedet, irrefera għall-kumpaniji tal-azzar fid-dinja, minbarra r-RPĊ. B’hekk, il-parametru referenzjarju rrefera wkoll għall-kumpaniji tat-Tajwan. L-ilmentatur ibbaża ruħu fuq is-snin 2015, 2017 u 2020, iżda d-data pprovduta inkludiet serje storika mill-2005 sal-2020 (12). Din id-data dwar il-profittabbiltà ntużat biss bħala parametru referenzjarju biex jiġu ddeterminati l-profitti li setgħu jinkisbu mill-kumpaniji tal-azzar barra mir-RPĊ f’xenarju fejn il-kapaċità żejda tar-RPĊ ma żdiditx kif żdiedet. B’hekk, dawn kienu maħsuba biss biex juru aġġustament possibbli tal-profitt u biex iwettqu simulazzjoni tal-kalkolu ta’ profitt f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(17)

L-awtoritajiet tat-Tajwan sostnew ukoll li l-varjazzjonijiet fil-profittabbiltà ta’ kumpaniji individwali kienu irrilevanti għad-determinazzjoni li kienet teżisti PMS.

(18)

L-ilmentatur ibbaża ruħu fuq il-profittabbiltà ta’ żewġ produtturi esportaturi fit-Tajwan għall-kalkolu tad-dumping, u mhux bħala evidenza ta’ PMS. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni qieset li l-varjazzjoni maż-żmien fil-profittabbiltà ta’ kumpanija individwali tista’ tabilħaqq tikkostitwixxi evidenza suffiċjenti ta’ PMS għall-fini tal-ilment. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(19)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li l-PMS allegata fl-ilment ma sabet l-ebda bażi legali skont il-liġi tad-WTO, hekk kif il-Bord f’Australia - Anti-Dumping Measures on Paper enfasizza li PMS “hija ffokata fuq is-suq domestiku” tal-pajjiż ikkonċernat, u mhux f’pajjiż differenti (13). Skont l-awtoritajiet tat-Tajwan, l-ilment ma spjegax għaliex il-PMS li tirriżulta mill-effett ta’ espulsjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi fil-pajjiżi kkonċernati tinqala’ biss fil-pajjiżi kkonċernati u mhux f’pajjiżi terzi oħrajn, inkluża l-Unjoni.

(20)

Il-PMS allegata fl-ilment fir-rigward tat-Tajwan ma hijiex kapaċità żejda globali, u lanqas kapaċità żejda Ċiniża b’mod ġenerali, iżda pjuttost l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża li baxxiet b’mod artifiċjali l-prezzijiet domestiċi fit-Tajwan. B’hekk, l-ilment ipprovda biżżejjed evidenza ta’ PMS speċifika għat-Tajwan, kif speċifikat fil-premessa (16), kif għamel għall-erba’ pajjiżi l-oħrajn ikkonċernati. Is-sitwazzjoni f’pajjiżi terzi oħrajn, inkluża l-Unjoni, kienet irrilevanti għall-bidu. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(21)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li l-metodoloġija tal-ilment li l-profitt tal-produtturi domestiċi fit-Tajwan jiġi aġġustat b’informazzjoni minn barra l-pajjiż mingħand produtturi tal-azzar globali kienet manifestament inkonsistenti mal-Artikolu 2.2.2 tal-ADA tad-WTO.

(22)

Il-metodoloġija tal-ilment kienet ibbażata fuq il-fatt li l-profitt miksub mill-produtturi domestiċi fit-Tajwan kien affettwat mill-PMS, bħala d-data tal-bejgħ domestiku kollha kemm hi. Barra minn hekk, l-informazzjoni użata biex isir aġġustament ma kinitx data minn barra l-pajjiż, iżda pjuttost irriflettiet il-profitt reali u ipotetiku tal-kumpaniji dinjija, li potenzjalment tinkludi wkoll profittabbiltà mnaqqsa u ipotetika tal-produtturi tat-Tajwan. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(23)

Il-Gvern tal-Ġappun (“GTĠ”) sostna li l-affermazzjoni li kien hemm PMS fis-suq Ġappuniż minħabba l-impatt tal-kapaċità żejda taċ-Ċina ma kellha l-ebda evidenza.

(24)

L-ilment inkluda informazzjoni dwar ix-xejra tal-importazzjonijiet Ċiniżi tas-CRF fil-Ġappun mill-2019 sal-2024 (14). Barra minn hekk, l-ilment inkluda informazzjoni dwar is-sehem tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-importazzjonijiet totali tas-CRF fil-Ġappun (15) u dwar it-tqabbil bejn il-prezz tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Ġappun u l-prezzijiet domestiċi tal-Ġappun bejn l-2019 u l-2024 (16) u l-effetti tiegħu fuq il-prezzijiet domestiċi tal-Ġappun. Għalhekk, l-ilment inkluda biżżejjed evidenza ta’ PMS fis-suq domestiku tal-Ġappun. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(25)

Il-GTĠ, Nippon Steel, JFE Steel Corporation (“JFE”) u Kobe Steel, Ltd. (“Kobe”) affermaw li ma kien hemm l-ebda PMS fil-Ġappun bħala riżultat tal-effett ta’ espulsjoni taċ-Ċina. B’mod partikolari, Nippon Steel, JFE u Kobe affermaw li, billi l-ilmentatur allega li l-kapaċitajiet żejda Ċiniżi affettwaw lill-ħames pajjiżi kollha kkonċernati u rrikonoxxa li l-kapaċità żejda tal-azzar Ċiniża wasslet għal esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi oħrajn, il-kapaċità globali ma tistax tkun PMS li hija “distinta, individwali, unika, speċifika” kif mitlub mill-Bord f’Australia – Anti-Dumping Measures on Paper (17). Il-fatt li l-kapaċità żejda tas-CRF ma hijiex limitata għas-suq Ġappuniż jintwera mill-fatt li l-Ġappun ma kienx fost l-aqwa għaxar destinazzjonijiet ta’ esportazzjoni tas-CRF Ċiniżi fl-2024, li jammontaw għal 2,3 % biss tal-esportazzjonijiet Ċiniżi, skont id-data ta’ Comtrade. Huma żiedu jgħidu li l-impatt ġie distribwit kważi b’mod ugwali fl-ekonomija globali u ma huwiex partikolari għal xi pajjiż wieħed jew grupp ta’ pajjiżi.

(26)

Il-PMS allegata fl-ilment fir-rigward tal-Ġappun ma kinitx il-kapaċità żejda Ċiniża b’mod ġenerali, iżda pjuttost l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża li baxxiet b’mod artifiċjali l-prezzijiet domestiċi fil-Ġappun. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-ilment ipprovda biżżejjed evidenza ta’ PMS speċifika għall-Ġappun, kif speċifikat fil-premessa (24). Is-sitwazzjoni f’pajjiżi terzi oħrajn kienet irrilevanti għall-bidu. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(27)

Il-GTĠ u POSVIET sostnew li s-swieq Ġappuniżi u Vjetnamiżi ma kellhomx prezzijiet artifiċjalment baxxi, u Nippon Steel, JFE, Kobe u POSVIET affermaw li l-ilmentatur ma pprovda l-ebda evidenza li l-prezzijiet domestiċi tnaqqsu b’mod artifiċjali sabiex id-ditti jkunu inċentivati jbigħu f’pajjiżi terzi aktar milli domestikament. F’dan ir-rigward, Nippon Steel, JFE u Kobe rrapportaw li l-prezz medju tal-importazzjoni tas-CRF fil-Ġappun u fil-Vjetnam kien konformi, u fil-fatt ogħla mill-medja dinjija fl-2024, abbażi tad-data ta’ Comtrade. POSVIET allegat ukoll li l-ilment ma indirizzax il-materjali tal-input, iżda pjuttost il-prodott downstream u li ma kienx ekonomikament jagħmel sens li jitqies li l-prezzijiet tas-CRF fil-pajjiżi fil-mira kienu jkunu artifiċjalment baxxi sempliċiment minħabba li l-prezzijiet tal-importazzjoni tas-CRF miċ-Ċina kienu allegatament artifiċjalment baxxi. POSVIET enfasizzat ukoll li s-sehem tal-importazzjoni tas-CRF Ċiniżi fil-pajjiżi fil-mira kien pjuttost baxx għal xi pajjiżi, bejn 12 % fl-Indja u 78 % fit-Tajwan. POSVIET sostniet li l-ishma tal-importazzjoni ma kinux biżżejjed sabiex il-“prezzijiet artifiċjalment baxxi” jiġu trażmessi miċ-Ċina għal suq tal-importazzjoni.

(28)

L-ilmentatur ipprovda tqabbil bejn il-prezz tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Ġappun u l-Vjetnam, u l-prezzijiet domestiċi tal-Ġappun u tal-Vjetnam bejn l-2019 u l-2024 (18), kif ukoll informazzjoni dwar is-sehem tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-importazzjonijiet globali tas-CRF tal-Ġappun u tal-Vjetnam (19), li ssuġġeriet li l-importazzjonijiet Ċiniżi eżerċitaw pressjoni fuq is-suq. Barra minn hekk, l-ilmentatur irrapporta li l-esportazzjonijiet tal-azzar tal-Ġappun u tal-Vjetnam lejn l-Unjoni żdiedu, minkejja l-fatt li l-esportazzjonijiet globali tal-azzar naqsu (20). Għalhekk, l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza biex juri li l-kapaċitajiet żejda Ċiniżi naqqsu b’mod artifiċjali l-prezzijiet domestiċi. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(29)

Nippon Steel, JFE u Kobe kkontestaw l-analiżi tal-ilmentatur li kellha l-għan li turi żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi fil-Ġappun mill-2020, minkejja ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ dik is-sena. Skont huma, jenħtieġ li l-analiżi tax-xejra tibda fl-2019 u turi li fl-2024 kienu għadhom aktar baxxi milli kienu fl-2019, abbażi tal-istatistika tal-Ġappun.

(30)

Nippon Steel, JFE u Kobe bbażaw ruħhom fuq estrazzjoni li tinkludi l-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”, immarkata bil-kodiċi 103 fl-istatistika tal-Ġappun) fil-Ġappun, aktar milli mir-RPĊ (immarkata bil-kodiċi 105 fl-istatistika tal-Ġappun) fil-Ġappun. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

1.4.1.2.   Affermazzjonijiet rigward il-PMS relatata mal-kostijiet fil-Vjetnam

(31)

L-Awtorità tar-Rimedji Kummerċjali tal-Vjetnam (“TRAV”) allegat li l-evidenza fl-ilment ma kinitx akkurata u kienet skaduta fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-industrija tas-CRF fil-Vjetnam. It-TRAV iċċarat li l-gvern Vjetnamiż ma pparteċipax fit-Taqsima 20 tar-rapport Kanadiż, li d-determinazzjonijiet kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli u li dawn id-determinazzjonijiet treġġgħu lura permezz ta’ żewġ rieżamijiet sussegwenti, dwar pajpijiet iwweldjati tal-azzar bil-karbonju (21) u azzar inossidabbli (22).

(32)

L-ilment ipprovda evidenza ta’ diversi miżuri fil-Vjetnam li affettwaw il-kost tal-produzzjoni fis-CRF (23). Għalhekk, kien fih biżżejjed evidenza li kien hemm miżuri fis-seħħ li jistgħu joħolqu PMS fil-Vjetnam u l-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni. L-investigazzjoni se tiddetermina jekk tali miżuri għadhomx fis-seħħ u l-impatt tagħhom fuq il-kost tal-produzzjoni fis-CRF, fejn xieraq.

1.4.1.3.   Affermazzjonijiet rigward it-tqabbil xieraq

(33)

POSVIET u Tatmetal fakkru l-konklużjonijiet tal-Bord tad-WTO f’Australia – Anti-Dumping Measures on Paper, li sostnew li l-lingwaġġ ta’ “‘tqabbil xieraq’ jitlob valutazzjoni fir-rigward tat-tqabbil tal-prezzijiet domestiċi u tal-esportazzjoni” u li tali valutazzjoni tal-komparabbiltà kienet distinta mill-kwistjoni ta’ jekk kinitx teżisti sitwazzjoni partikolari tas-suq. Għalhekk, anke jekk kienet teżisti sitwazzjoni partikolari tas-suq (quod non), ma setax jiġi preżunt li l-bejgħ domestiku ma jippermettix li jsir tqabbil xieraq. Fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Bord tad-WTO, POSVIET u Tatmetal sostnew li l-ilment ma pprovdiex evidenza li tissuġġerixxi li l-prezzijiet domestiċi fil-pajjiżi fil-mira ma ppermettewx li jsir tqabbil xieraq.

(34)

Il-Kummissjoni nnotat li l-ilment ipprovda biżżejjed evidenza li l-profitti tal-produtturi domestiċi fil-ħames pajjiżi kkonċernati tnaqqsu minħabba l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża, li baxxiet b’mod artifiċjali l-prezzijiet domestiċi f’dawk is-swieq domestiċi rispettivi. Għalhekk, l-allegata PMS affettwat biss il-prezzijiet domestiċi u, b’hekk, ma tippermettix li jsir tqabbil xieraq bejn il-prezzijiet domestiċi u l-bejgħ għall-esportazzjoni. L-argument ġie miċħud.

(35)

L-awtoritajiet tat-Tajwan ifakkru wkoll li, għall-iskop li tiġi invokata l-eżistenza ta’ PMS, irid jintwera li tali sitwazzjoni kellha l-effett li tagħmel il-bejgħ domestiku mhux adattat biex jippermetti tqabbil xieraq mal-prezz tal-esportazzjoni. B’hekk, huma affermaw li l-ebda evidenza pprovduta fl-ilment ma ssuġġeriet li l-PMS ipprevjeniet tqabbil xieraq. Fil-fatt, skont l-awtoritajiet tat-Tajwan, abbażi tal-evidenza tal-ilment, il-profitti kollha li jsiru mill-produtturi tal-azzar madwar id-dinja kienu affettwati mill-PMS ikkawżata minn kapaċità żejda globali, bil-konsegwenza li l-PMS ma tipprevjenix tqabbil xieraq.

(36)

Il-Kummissjoni nnotat li l-ilment ipprovda biżżejjed evidenza li l-profitti tal-produtturi domestiċi tat-Tajwan tnaqqsu minħabba l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża, li baxxiet b’mod artifiċjali l-prezzijiet domestiċi fit-Tajwan, mhux bħala konsegwenza tal-kapaċità żejda globali. Għalhekk, l-allegata PMS affettwat biss il-prezzijiet domestiċi u, b’hekk, ma tippermettix li jsir tqabbil xieraq bejn il-prezzijiet domestiċi u l-bejgħ għall-esportazzjoni. Għalhekk, l-argument ġie miċħud.

(37)

Nippon Steel. JFE u Kobe affermaw li r-rekwiżit li l-PMS, jekk tiġi stabbilita, trid tagħmel il-bejgħ domestiku mhux xieraq għal tqabbil mal-prezz tal-esportazzjoni, ma ġiex diskuss fl-ilment.

(38)

Il-Kummissjoni nnotat li r-rekwiżit għal tqabbil xieraq huwa mfakkar fl-ilment (24) u tappoġġa l-kostruzzjoni tal-valur normali permezz ta’ aġġustament tal-profitt. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

1.4.1.4.   Affermazzjonijiet oħrajn rigward is- sitwazzjoni partikolari tas-suq

(39)

L-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li l-produtturi tal-azzar fit-Tajwan spiss kienu integrati vertikalment u, b’hekk, ma kinux jiddependu fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-materja prima. Din l-istruttura ppermettiet lill-industrija tat-Tajwan tibqa’ kompetittiva meta ffaċċjat importazzjonijiet minn pajjiżi terzi.

(40)

L-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw ukoll li t-Tajwan huwa ekonomija tas-suq fejn il-prezzijiet jiġu stabbiliti skont il-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni, mingħajr intervent tal-gvern. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-prezzijiet domestiċi tas-CRF, kif għamlet fl-aħħar investigazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti folji u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati fis-sħana li joriġinaw, fost l-oħrajn, mit-Tajwan (25). L-awtoritajiet tat-Tajwan qajmu l-fatt li t-talba u l-avviż ta’ bidu tar-rieżami ta’ skadenza ta’ dawn il-miżuri anti-dumping, li kienu għaddejjin fiż-żmien tal-investigazzjoni kurrenti, ma rreferew għall-ebda PMS fit-Tajwan, nuqqas ta’ rappreżentattività tal-bejgħ domestiku jew distorsjonijiet tal-profitt.

(41)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li sejba ta’ PMS ma tistax tkun ibbażata fuq fenomeni tal-prezzijiet globali xprunati minn pajjiż terz mhux fil-mira tal-investigazzjoni. L-awtoritajiet tat-Tajwan qajmu tħassib dwar il-konformità mar-regoli tad-WTO ta’ tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ PMS, b’mod partikolari jekk tali interpretazzjoni kinitx appoġġata minn evidenza ċara ta’ intervent mill-Istat u distorsjonijiet tas-suq konsegwenzjali speċifiċi għas-suq tat-Tajwan. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet tat-Tajwan irreferew għal preċedent fejn PMS kienet assoċjata ma’ forom identifikabbli ta’ influwenza tal-gvern (26), kif ukoll każ fejn il-Kummissjoni ċaħdet affermazzjoni tal-eżistenza ta’ PMS fir-rigward ta’ prodott tal-azzar (27).

(42)

F’dan ir-rigward, EUROFER sostniet li l-fattur deċiżiv ma jinsabx fin-natura tas-sitwazzjoni nnifisha, iżda fl-effett u l-impatt li tipproduċi fuq is-suq. B’mod konkret, ma hijiex il-kapaċità żejda Ċiniża nnifisha li toħloq sitwazzjoni partikolari, iżda pjuttost l-effett tagħha fuq kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati.

(43)

Nippon Steel, JFE u Kobe affermaw li l-Ġappun ma kienx partikolarment vulnerabbli għall-importazzjonijiet Ċiniżi tas-CRF, minħabba li s-sehem irrapportat fl-ilment kien aktar baxx meta mqabbel ma’ dak fit-Tajwan jew fil-Vjetnam.

(44)

Nippon Steel, JFE u Kobe żiedu li l-industrija Ġappuniża hija sistematikament protetta mill-effetti tal-kapaċità żejda Ċiniża permezz tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali imposti mill-GTĠ u rreferew għal għadd ta’ miżuri u l-monitoraġġ kontinwu tal-GTĠ.

(45)

EUROFER ikkontestat din l-interpretazzjoni, fejn iddikjarat li tali protezzjoni ma kinitx biżżejjed biex ittaffi t-tħassib tal-industrija tal-Ġappun billi rreferiet għal għadd ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ rappreżentanti ta’ kumpaniji tal-azzar Ġappuniżi u stabbilimenti ta’ skambji kummerċjali.

(46)

Nippon Steel, JFE u Kobe affermaw ukoll li s-suq tal-azzar tal-Ġappun kien strutturalment reżistenti għall-penetrazzjoni minn importazzjonijiet Ċiniżi bħala riżultat tar-rekwiżiti tal-konsumaturi għal prodott ta’ kwalità għolja, li l-industrija Ċiniża tipikament ma toffrix, b’mod partikolari fis-settur awtomobilistiku Ġappuniż, u tal-mod speċifiku ħafna li bih isir in-negozju fis-suq Ġappuniż, ikkaratterizzat mill-involviment ta’ kumpaniji kummerċjali, li żviluppaw relazzjonijiet fit-tul u definiti ħafna mal-produtturi Ġappuniżi.

(47)

Nippon Steel sostniet ukoll fil-verżjoni sensittiva tal-kummenti tagħha li, minħabba l-karatteristiċi tas-suq Ġappuniż deskritti fil-premessi (44) u (46), il-prezzijiet domestiċi fil-Ġappun kienu artifiċjalment ogħla.

(48)

Nippon Steel, JFE u Kobe qajmu wkoll il-fatt li l-industrija tal-Ġappun ma kkontribwietx għal kapaċitajiet żejda globali fis-settur tal-azzar, minħabba li l-kapaċità domestika tal-azzar fil-Ġappun naqset bejn l-2019 u l-2024, abbażi tad-data tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD”), b’kuntrast mal-Vjetnam, fejn il-kapaċità żdiedet. Barra minn hekk, fil-livell internazzjonali, il-GTĠ ipparteċipa f’diskussjonijiet trilaterali mal-Unjoni u mal-Istati Uniti tal-Amerka biex jindirizza l-kapaċità żejda globali tal-azzar u huwa membru għal bosta snin u proattiv tal-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar (“GFSEC”).

(49)

It-TRAV sostniet li l-allegazzjoni fl-ilment li l-preżenza ta’ prodotti ċatti llaminati fil-kiesaħ Ċiniżi fil-Vjetnam bi prezzijiet baxxi ġiegħlu lill-produtturi domestiċi ta’ prodotti ċatti llaminati fil-kiesaħ jnaqqsu l-prezzijiet tal-bejgħ domestiċi tagħhom għal livelli insostenibbli sabiex jikkompetu mal-prezzijiet tal-prodotti ċatti llaminati fil-kiesaħ Ċiniżi kienet fattwalment skorretta, billi l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar ċatti llaminati fil-kiesaħ miċ-Ċina lejn il-Vjetnam huma soġġetti għal dazji anti-dumping mill-2020 u li l-miżuri ġew estiżi f’Diċembru 2025.

(50)

Il-GTĠ talab li l-bejgħ domestiku u l-prezz tal-esportazzjoni jitqabblu b’mod xieraq. F’dan ir-rigward, Nippon Steel, JFE u Kobe sostnew ukoll li, anke jekk il-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ PMS fis-suq tal-Ġappun, dan ma jżommx awtomatikament milli jsir tqabbil xieraq tal-prezz domestiku u tal-prezz tal-esportazzjoni minħabba li l-imbuttar ’il barra tal-kapaċità żejda Ċiniża fis-settur tal-azzar affettwa kemm is-suq Ġappuniż kif ukoll dak tal-Unjoni bl-istess mod. Skont huma, dan jirriżulta min-natura tal-allegata PMS, minħabba li l-kapaċità żejda fis-settur tal-azzar u, b’mod partikolari, fiċ-Ċina, għandha effetti madwar id-dinja u taffettwa l-ekonomija globali, kif rikonoxxut mill-ilmentatur. Sabiex jappoġġaw dan, huma qabblu l-volum totali ta’ importazzjonijiet tas-CRF fil-Ġappun u fl-Unjoni, u ddikjaraw li kienu simili. Skont huma, anke l-protezzjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi hija simili. Il-Ġappun ikun protett mill-fatturi indikati fil-premessi (44) u (46), filwaqt li l-Unjoni tkun protetta bid-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ CRF li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-RPĊ (28) u bil-miżuri ta’ salvagwardja fuq ċerti prodotti tal-azzar (29). Madankollu, skont huma, dawn il-miżuri wrew li ma kinux effettivi biex jindirizzaw il-kapaċità żejda minħabba li l-konsum tal-Unjoni naqas, filwaqt li l-volumi tal-kwoti tar-rati tariffarji żdiedu permezz tal-liberalizzazzjoni annwali. Dan ikun ikkonfermat mill-proposta tal-Kummissjoni biex tindirizza l-effetti negattivi relatati mal-kummerċ tal-kapaċità żejda globali fuq is-suq tal-azzar tal-Unjoni (30).

(51)

Għall-kuntrarju, EUROFER qieset li analiżi ta’ tqabbil xieraq ma kinitx meħtieġa fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, minħabba li ma hijiex l-istess sitwazzjoni partikolari tas-suq li taffettwa l-prezzijiet tal-esportazzjoni, iżda fenomenu ekonomiku differenti (jiġifieri, l-effett tal-kapaċitajiet żejda Ċiniżi fuq is-suq tal-Unjoni). Fil-fehma ta’ EUROFER, id-dumping kien jikkonsisti eżattament fl-għażla li l-prezzijiet tal-esportazzjoni jiġu stabbiliti f’livell aktar baxx mill-prezzijiet tal-valur normali, minkejja d-dinamika ekonomika fis-swieq tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, tali analiżi parallela ma titwettaqx mill-Kummissjoni għal raġunijiet oħrajn biex tibni l-valur normali. Pereżempju, jekk il-Kummissjoni tqis li l-bejgħ domestiku kollu jinbiegħ b’telf u bħala tali mhux fil-perkors normali tal-kummerċ, hija ma tistax tiddeċiedi li tuża data tal-bejgħ reali minħabba li l-bejgħ kollu fis-suq tal-Unjoni jinbiegħ ukoll b’telf. Fl-opinjoni ta’ EUROFER, dan l-element tal-aħħar huwa irrilevanti.

(52)

Barra minn hekk, Nippon Steel, JFE, Kobe u Tatmetal affermaw li anke jekk il-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku kienu ssodisfati, il-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-profitti reali ta’ Nippon Steel u Tatmetal fuq il-bejgħ domestiku tagħhom fil-perkors normali tal-kummerċ, kif previst fil-parti introduttorja (“chapeau”) tal-Artikolu 2(6), billi l-Artikolu 2(3) ippermetta biss lill-Kummissjoni li tibni l-valur normali. Tabilħaqq, skont huma, jekk ikun hemm data reali dwar il-produzzjoni u l-bejgħ fil-perkors normali tal-kummerċ, il-Kummissjoni trid tuża din id-data biex tistabbilixxi l-ammont ta’ profitt, kif spjegat mill-Qorti f’Goldstar vs il-Kunsill (31) u minn diversi deċiżjonijiet tad-WTO (32). Skont huma, il-profitt fuq il-bejgħ domestiku reali fil-perkors normali tal-kummerċ jista’ jiġi injorat meta jinbena l-valur normali skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku biss fin-nuqqas ta’ bejgħ domestiku fil-perkors normali tal-kummerċ. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkombina l-perkors normali tal-kummerċ ma’ PMS biex tinjora l-profitt magħmul fuq il-bejgħ domestiku fil-perkors normali tal-kummerċ, minħabba li t-tnejn ikunu kunċetti distinti kif muri mill-użu tat-terminu “jew” bejniethom fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Abbażi ta’ NutraSweet vs il-Kunsill (33), Nippon Steel, JFE u Kobe sostnew li t-test tal-perkors normali tal-kummerċ kien relatat mal-karattru tal-bejgħ innifsu u mhux ma’ dak tas-suq li fih kienet topera kumpanija. Nippon Steel, JFE, Kobe u Tatmetal irreferew ukoll għal Il-Kunsill vs Alumina (34). Il-fatt li dan jista’ jwassal għal valur normali maħdum ugwali għall-prezzijiet tal-bejgħ domestiku injorati minħabba l-PMS ikun irrilevanti skont Nippon Steel, JFE u Kobe, li rreferew għal Hansol (35).

(53)

EUROFER ma qablitx u qieset li l-bejgħ domestiku f’suq affettwat minn sitwazzjoni partikolari tas-suq ma jkunx fil-perkors normali tal-kummerċ, u dan jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiddependi fuq il-prezzijiet reali. EUROFER sostniet ukoll li la Il-Kunsill vs Alumina u lanqas NutraSweet vs Il-Kunsill ma appoġġaw il-konklużjoni li t-test tal-perkors normali tal-kummerċ kien relatat mal-karattru tal-bejgħ innifsu u mhux ma’ dak tas-suq li fih topera kumpanija.

(54)

Nippon Steel tenniet li EUROFER ħalltet il-kunċetti ta’ perkors normali tal-kummerċ u PMS, li kienu distinti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, u li l-punt li t-test tal-perkors normali tal-kummerċ kien relatat mal-karattru tal-bejgħ innifsu kien ċar f’NutraSweet vs Il-Kunsill (36). B’kuntrast għal dan, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1972/2002 (37), li introduċa għall-ewwel darba l-kunċett ta’ PMS fir-Regolament bażiku, indika li l-motiv ta’ politika wara l-introduzzjoni tal-PMS kien enfasi fuq kundizzjonijiet usa’ u strutturali fi ħdan suq, aktar milli bejgħ minn kumpanija speċifika (38). Barra minn hekk, Nippon Steel qajmet il-fatt li ma hemm l-ebda referenza għall-PMS fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, li minflok juża t-terminu “perkors normali tal-kummerċ”. Nippon Steel affermat ukoll li kellhom jintużaw il-profitti tal-bejgħ li sar fil-perkors normali tal-kummerċ, abbażi tar-Rapport tal-Bord f’KE - Salamun (in-Norveġja) (39). Nippon Steel sostniet li, anke f’każijiet fejn il-bejgħ ta’ prodott partikolari ma jkunx ta’ volum suffiċjenti biex jiġġustifika l-użu ta’ bejgħ domestiku, il-Kummissjoni xorta tuża l-profittabbiltà ta’ dak il-bejgħ li jkun fil-perkors normali tal-kummerċ, f’konformità mal-Artikolu 2(6) uPT Musim Mas vs il-Kummissjoni (40). Fil-fehma ta’ Nippon Steel, jenħtieġ li dan japplika wkoll meta jiġu injorati l-prezzijiet domestiċi minħabba PMS u l-ilmentatur ma jkunx wera li l-bejgħ domestiku tal-produtturi Ġappuniżi ma kienx fil-perkors normali tal-kummerċ.

(55)

Barra minn hekk, Nippon Steel, JFE u Kobe affermaw li, jekk il-Kummissjoni xorta waħda tiddeċiedi li tirrikorri għall-Artikolu 2(6), is-subparagrafu (c), hija tkun obbligata li tikkalkula l-limitu massimu tal-profitt biex jiġi żgurat li dan ma jinqabiżx, kif imfakkar mill-Bord fUE - Xedd is-saqajn (iċ-Ċina) (41) u UE – Bijodiżil (l-Indoneżja) (42). B’hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi lill-partijiet interessati b’indikazzjoni ta’ x’inhu l-limitu massimu u kif stabbilietu. Fl-aħħar nett, huma fakkru li “l-profitt normalment realizzat” kien jirreferi għal profitti li jiġu realizzati regolarment jew normalment.

(56)

F’dan ir-rigward, EUROFER sostniet li jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrikorri għas-subparagrafu (c) minħabba li s-subparagrafu (a) ma setax jintuża minħabba li l-PMS affettwat il-bejgħ kollu, is-subparagrafu (b) ma setax jintuża minħabba li l-effetti distortivi tal-kapaċitajiet żejda Ċiniżi fuq il-prodotti tal-azzar setgħu japplikaw għal firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-azzar u l-ebda prodott ieħor ma kien jixbah biżżejjed l-ispeċifiċitajiet tas-CRF.

(57)

Nippon Steel wieġbet b’kummenti pprovduti biss fil-verżjoni sensittiva relatata mal-profitti possibbli li għandhom jiġu applikati.

(58)

JSW Steel Limited u l-kumpaniji relatati tagħha (“JSW”) ma qablux mal-ilmentatur li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku pprovda bażi legali għall-aġġustament tal-kostijiet sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali, anke jekk il-Kummissjoni stabbiliet PMS fl-Indja. JSW affermat li, skont ir-Regolament bażiku, l-eżistenza ta’ PMS skont l-Artikolu 2(3) tiegħu tippermetti biss l-użu tal-valur normali kkostruwit, ikkalkolat abbażi tal-kost tal-produzzjoni, minflok il-prezzijiet tal-bejgħ reali.

(59)

JSW affermat li l-istabbiliment ta’ PMS fis-suq Indjan b’mod ġenerali ma jkunx biżżejjed u li l-Kummissjoni jkollha bżonn turi li JSW kienet fil-fatt affettwata mill-allegata PMS. Barra minn hekk, JSW affermat li hija ma kienet affettwata mill-ebda waħda mill-allegati PMS.

(60)

Fir-rigward tal-mineral tal-ħadid, JSW affermat li ma kien hemm l-ebda restrizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid b’kontenut ta’ ħadid taħt it-58 % u li l-ilmentatur ma kienx wera kif xi miżuri fl-Indja kienu naqqsu l-prezz domestiku tal-mineral tal-ħadid meta mqabbel mal-prezz tal-esportazzjoni. JSW affermat ukoll li fir-rigward tal-mineral tal-ħadid b’kontenut ta’ ħadid ogħla minn 58 %, il-kwantitajiet li JSW kienet importat ma kinux affettwati minn PMS eventwali. Barra minn hekk, JSW affermat ukoll li l-prezz li bih JSW xtrat il-ħadid domestiku b’kontenut ta’ ħadid ’il fuq minn 58 % kien konformi mal-prezz tal-importazzjoni. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-użu kaptiv tal-mineral tal-ħadid, JSW affermat li l-prezz li ħallset kien ogħla mill-prezz tas-suq u li l-uniku benefiċċju għal JSW tal-użu kaptiv kien is-sigurtà tal-provvista.

(61)

Fir-rigward tal-faħam, JSW sostniet li l-ilment ma għamilx distinzjoni bejn il-faħam tal-kokk li huwa input dirett fil-proċess tal-produzzjoni tal-azzar u l-faħam mhux tal-kokk li jintuża fil-produzzjoni tal-enerġija. JSW affermat li billi dawn iż-żewġ prodotti ma kinux interkambjabbli u s-swieq għal dawn iż-żewġ prodotti kienu distinti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinjora l-affermazzjoni li kien hemm PMS għall-faħam fl-Indja. JSW affermat ukoll li hija importat il-biċċa l-kbira tal-faħam tal-kokk li kellha bżonn, billi ma kienx hemm biżżejjed disponibbiltà tal-faħam tal-kokk domestiku u l-kwalità tiegħu ma kinitx biżżejjed għall-produzzjoni tal-azzar. Fl-aħħar nett, JSW affermat li l-prezzijiet tax-xiri tal-faħam tal-kokk ta’ JSW kienu komparabbli mal-prezzijiet internazzjonali li wrew li ma kien hemm l-ebda effett ’l isfel fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni Indjani bħala riżultat tal-politika domestika.

(62)

Fir-rigward tar-ruttam, JSW sostniet li l-allegazzjoni ta’ PMS fuq il-faħam kienet tmur kontra PMS fuq ir-ruttam, minħabba li PMS fuq il-faħam kienet tnaqqas id-domanda għar-ruttam. JSW affermat li l-ilmentatur ma weriex kif il-miżuri Indjani relatati mar-ruttam, bħad-dazju tal-esportazzjoni ta’ 15 %, ikkontribwew għal prezzijiet aktar baxxi tar-ruttam. JSW affermat ukoll li diversi pajjiżi oħrajn, inkluża l-Unjoni, kienu wkoll daħħlu fis-seħħ miżuri biex jappoġġaw l-aġġornament tar-ruttam u li l-ilmentatur ma kienx stabbilixxa kif il-miżuri Indjani kienu partikolari jew distintivi, li JSW affermat li dan kien neċessarju biex tiġi stabbilita PMS.

(63)

JSW affermat li anke jekk kien hemm PMS, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-PMS tippermettix tqabbil xieraq bejn il-bejgħ domestiku u dak għall-esportazzjoni. JSW affermat ukoll li JSW kellha l-istess kost ta’ produzzjoni, irrispettivament minn jekk il-prodott ikkonċernat inbiegħx domestikament jew ġiex esportat. JSW affermat ukoll li l-inputs rilevanti ddaħħlu fil-forn mingħajr ma ssir distinzjoni bejn is-sors tagħhom, li huwa kkonfermat ulterjorment mill-fatt li meta kienu qed jipproduċu prodotti upstream bħal kojls illaminati fis-sħana, il-linji tal-produzzjoni ma kinux jafu jekk il-kojl kinitx se tiġi kkonvertita ulterjorment f’CRF jew mibjugħa bħala tali.

(64)

JSW ma qablitx mal-allegazzjonijiet tal-ilmentatur li volumi kbar ta’ importazzjonijiet Ċiniżi tal-PUI kienu naqqsu l-prezzijiet fis-suq domestiku Indjan, u b’hekk dgħajfu l-kapaċità tal-produtturi Indjani li jbigħu bi profitt u li, b’riżultat ta’ dan, il-produtturi Indjani kienu rridirezzjonaw l-output lejn is-suq tal-Unjoni. JSW affermat li dan l-effett ta’ espulsjoni allegat mill-ilmentatur ma kienx partikolari għall-Indja u ma kellux effetti dimostrabbli fuq il-prezzijiet, fuq ix-xejriet kummerċjali jew fuq il-profittabbiltà tal-produtturi Indjani. JSW affermat ukoll li l-profitt tagħha fis-suq domestiku ma kienx affettwat mill-kapaċità żejda Ċiniża u li l-volum tal-bejgħ tagħha baqa’ għoli kemm fis-swieq domestiċi kif ukoll f’dawk tal-esportazzjoni. Fir-rigward tal-prezzijiet, JSW affermat li x-xejra fis-suq domestiku kienet simili għas-swieq tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, JSW sostniet li l-importazzjonijiet Ċiniżi huma baxxi ħafna meta mqabbla ma’ pajjiżi importaturi oħrajn (3-12 % tal-importazzjonijiet totali), li l-importazzjonijiet Ċiniżi jirrappreżentaw biss 0,2-0,3 % tal-konsum domestiku u li x-xejriet tal-importazzjonijiet Ċiniżi għadhom lura mix-xejriet tal-konsum domestiku. Fl-aħħar nett, JSW affermat li l-Indja kellha fis-seħħ miżuri ta’ difiża kummerċjali kontra l-PUI.

(65)

JSW affermat li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku kien jirrikjedi li l-allegata PMS kellha tagħmel il-prezz domestiku mhux xieraq għal tqabbil mal-prezz tal-esportazzjoni. JSW affermat ukoll li dawn iż-żewġ prezzijiet kienu komparabbli, minħabba li l-Indja kellha miżuri effettivi ta’ difiża kummerċjali kontra l-PUI u li, kuntrarju għal ħafna pajjiżi oħrajn, kienet qed tesperjenza żieda fid-domanda domestika.

(66)

JSW ma qablitx mal-ilment li jekk tiġi stabbilita PMS, il-Kummissjoni tista’ taġġusta l-profitt meta tiddetermina l-valur normali. JSW affermat li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda bażi legali biex tinjora l-profitt reali li JSW għamlet fuq il-bejgħ domestiku tagħha biex taħdem il-valur normali. Fl-aħħar nett, JSW żiedet li anke kieku l-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni trid tindika lill-partijiet interessati x’inhu l-limitu massimu u tistabbilih biex tiżgura li l-ammont ta’ profitt użat ma jaqbiżx il-profitt normalment realizzat minn esportaturi jew produtturi oħrajn fuq il-bejgħ ta’ prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini.

(67)

It-TRAV sostniet li, f’investigazzjoni anti-dumping reċenti tal-Unjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti ċatti tal-azzar illaminati fis-sħana mill-Vjetnam, l-Unjoni ma setgħetx tistabbilixxi l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-materja prima. It-TRAV allegat li l-istess konklużjoni kienet tapplika għall-azzar ċatt illaminat fil-kiesaħ, minħabba li l-azzar ċatt illaminat fil-kiesaħ huwa prodott minn azzar illaminat fis-sħana. It-TRAV sostniet li l-ilment kien fih żbalji legali u fattwali. It-TRAV allegat ukoll li l-politiki tal-Vjetnam dwar l-esportazzjonijiet tal-minerali huma mfassla biex jiżguraw ġestjoni sostenibbli u użu effiċjenti tar-riżorsi naturali tal-pajjiż, f’konformità sħiħa mal-liġijiet nazzjonali u mal-impenji internazzjonali, bħall-Artikolu XX tal-GATT 1994.

(68)

POSVIET sostniet ukoll li l-Kummissjoni kkonkludiet fl-investigazzjoni anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar ċatti llaminati fis-sħana (“HRF”) li joriġinaw mill-Vjetnam, mill-Ġappun, mill-Indja u mill-Eġittu (“investigazzjoni tal-HRF”) (43) li ma setgħetx tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq fil-Vjetnam. It-TRAV sostniet li l-maġġoranza tal-prodotti tal-azzar ċatti llaminati fis-sħana użati mill-industrija domestika Vjetnamiża jiġu akkwistati mingħand produtturi domestiċi, bħal Hoa Phat Dung Quat Steel Corporation ta’ Formosa Ha Tinh Steel Corporation. POSVIET allegat ukoll li, billi l-ilment f’din l-investigazzjoni kien ibbażat fuq l-istess bażi evidenzjarja, fost l-oħrajn fir-rigward tal-prezzijiet domestiċi tal-faħam tal-kokk, tal-mineral tal-ħadid u tar-ruttam tal-azzar, jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni ssibha insuffiċjenti biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq fil-Vjetnam. POSVIET irreferiet ukoll għas-sejbiet tal-Qorti Ġenerali f’Bijodiżil (44), li indirizzaw il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-impatt tas-sistema tat-Taxxa Differenzjali fuq l-Esportazzjoni (DET) tal-Indoneżja fuq il-prezzijiet domestiċi taż-żejt tal-palm mhux raffinat (CPO) u l-kundizzjonijiet relatati li għandhom jintwerew għall-prezzijiet distorti tal-materja prima fis-suq domestiku.

(69)

Fir-rigward tal-miżuri relatati mal-mineral tal-ħadid, ir-ruttam tal-azzar u l-faħam tal-kokk, it-TRAV u POSVIET allegaw li l-ilmentatur ma pprovda l-ebda evidenza li dawn il-miżuri effettivament irriżultaw f’distorsjonijiet fis-suq domestiku għall-materja prima u li s-sempliċi eżistenza ta’ taxxi fuq l-esportazzjoni jew inizjattivi ta’ politika oħrajn ma jistgħux awtomatikament jiġġustifikaw sejba li l-prezzijiet huma artifiċjalment baxxi. It-TRAV u POSVIET ma qablux ukoll li l-kumpaniji integrati vertikalment u l-kampanja “In-nies Vjetnamiżi jagħtu prijorità lill-użu ta’ prodotti Vjetnamiżi” kienu jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari tas-suq. It-TRAV irrifjutat ukoll kwalunkwe involviment fil-ġestjoni u fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ intrapriżi involuti fil-produzzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti tal-azzar ċatti llaminati fil-kiesaħ u ċċarat li “L-Istrateġija għall-Iżvilupp tal-Industrija tal-Azzar sal-2030 b’viżjoni sal-2050” ġiet itterminata fl-2018. U fl-aħħar nett, POSVIET ma qablitx li l-fatt li l-prezzijiet tal-HRF kienu artifiċjalment baxxi fiċ-Ċina, quod non, ma kienx ifisser li l-prezzijiet tal-HRF fil-Vjetnam kienu artifiċjalment baxxi sempliċiment minħabba l-kummerċ.

(70)

Il-kummenti mill-partijiet interessati fil-premessi minn (39) sa (69) kienu irrilevanti għall-bidu tal-investigazzjoni. Tabilħaqq, dawk il-kummenti kollha kienu dwar kwistjonijiet li setgħu jiġu ddeterminati biss matul l-investigazzjoni u mhux dwar l-evidenza fl-ilment. Konsegwentement, il-Kummissjoni ħadet nota tagħhom. Is-sejbiet tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni dwar dawk il-kwistjonijiet kollha fl-investigazzjoni huma pprovduti, fejn rilevanti, taħt it-taqsimiet korrispondenti ta’ dan ir-Regolament.

1.4.2.   Affermazzjonijiet rigward il-volum tal-importazzjonijiet u l-akkumulazzjoni

(71)

Diversi partijiet interessati, jiġifieri l-Gvern tat-Turkija (“GTT”), POSVIET, Nippon Steel & JP, u l-korporazzjonijiet Tajwaniżi, ikkontestaw is-suffiċjenza u l-komparabbiltà tal-volumi tal-importazzjoni għall-akkumulazzjoni.

(72)

Il-GTT u Nippon Steel & JP sostnew li l-importazzjonijiet ma kinux sinifikanti skont l-Artikolu 5(7) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku, billi semmew ishma tas-suq baxxi jew li jvarjaw. POSVIET affermat b’mod simili li l-importazzjonijiet kienu negliġibbli. Huma sostnew ukoll li l-livelli tal-esportazzjoni kienu strutturalment ristretti u li l-akkumulazzjoni ma kinitx xierqa minħabba differenzi fil-kundizzjonijiet tal-importazzjoni, fil-karatteristiċi tal-prodotti u f’sitwazzjonijiet kompetittivi.

(73)

Il-Kummissjoni qieset li, fl-istadju tal-bidu, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku jirrikjedi biżżejjed evidenza tal-importazzjonijiet, mhux valutazzjoni konklużiva tal-impatt preċiż tagħhom.

(74)

L-ilment jipprovdi biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati daħlu fis-suq tal-Unjoni f’volumi sinifikanti u jikkompetu mal-prodott tal-Unjoni f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni simili, minħabba li kemm il-prodotti importati kif ukoll dawk tal-Unjoni jimmiraw lejn l-istess utenti finali li jiffokaw fuq segmenti simili tas-suq, u b’hekk jiżguraw sostitwibbiltà diretta.

(75)

Barra minn hekk, f’dan l-istadju ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-akkumulazzjoni tfixkel l-analiżi tad-dannu. Għall-kuntrarju, l-evidenza prima facie tissuġġerixxi li l-importazzjonijiet ikkonċernati huma preżenti fl-istess ħin fis-suq tal-Unjoni u jeżerċitaw pressjoni konkorrenti fuq il-prezzijiet.

(76)

Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-akkumulazzjoni jiġu ssodisfati fl-istadju tal-bidu. Għalhekk, l-argumenti ġew miċħuda.

(77)

Wara d-divulgazzjoni, Nippon Steel Corporation, JFE Steel Corporation u Kobe Steel, Ltd. (il-“produtturi Ġappuniżi”) tennew l-argumenti tagħhom dwar is-suffiċjenza u l-komparabbiltà tal-volumi tal-importazzjoni għall-fini tal-akkumulazzjoni. Huma qiesu li dawn l-argumenti ma kinux ġew indirizzati biżżejjed mill-Kummissjoni u talbu li jiġu indirizzati fis-sejbiet definittivi. F’dan ir-rigward, diversi partijiet interessati minn pajjiżi li għalihom ma nstabet l-ebda PMS li taffettwa l-affidabbiltà tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku affermaw li kien jenħtieġ li l-importazzjonijiet tagħhom ma jiġux ivvalutati b’mod kumulattiv mal-importazzjonijiet mill-pajjiżi l-oħrajn ikkonċernati. Huma argumentaw li, peress li nstabet PMS f’ċerti pajjiżi oħrajn, il-Kummissjoni ma kellhiex tivvaluta b’mod kumulattiv l-importazzjonijiet mill-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom mal-importazzjonijiet mill-pajjiżi affettwati mill-PMS mingħajr ma tqis kif xieraq din id-differenza fil-valutazzjoni tal-akkumulazzjoni.

(78)

Il-Kummissjoni nnotat li sitwazzjoni partikolari tas-suq tiġi vvalutata biex jiġi stabbilit il-valur normali. Din il-valutazzjoni ma hijiex relatata mal-evalwazzjoni separata skont l-Artikolu 3(4), li tikkonċerna l-kundizzjonijiet kompetittivi bejn il-prodotti importati fis-suq tal-Unjoni u bejn dawk l-importazzjonijiet u l-industrija tal-Unjoni. L-Artikolu 2(3) jiffoka fuq is-sitwazzjoni fis-suq domestiku tal-pajjiżi esportaturi; L-Artikolu 3(4) jiffoka fuq il-kompetizzjoni fl-Unjoni. Għalhekk, is-sejbiet tal-PMS għal xi pajjiżi esportaturi ma jurux, waħedhom, imġiba differenti fis-suq tal-Unjoni.

(79)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-akkumulazzjoni tirrikjedi li jiġi ddeterminat jekk il-prodotti importati għandhomx karatteristiċi fiżiċi simili u użi finali interkambjabbli, u jekk l-esportaturi jurux imġiba simili tas-suq u relazzjoni kompetittiva komparabbli mal-industrija tal-Unjoni. Din il-valutazzjoni tibbaża ruħha fuq elementi bħall-preżenza simultanja fis-suq, l-ipprezzar komparabbli, it-trikkib tal-kanali tal-bejgħ u tal-klijenti, u xejriet simili fil-volumi tal-importazzjoni u fl-ishma tas-suq. L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet mill-Ġappun u mill-pajjiżi l-oħrajn ikkonċernati kienu preżenti fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kellhom fil-mira l-istess utenti finali u segmenti tas-suq, kienu direttament sostitwibbli mal-prodott tal-Unjoni, u eżerċitaw pressjoni konkurrenti fuq il-prezzijiet.

(80)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat l-inklużjoni tagħhom fl-analiżi kumulattiva tad-dannu u ċaħdet l-affermazzjoni.

1.4.3.   Affermazzjonijiet rigward in-nuqqas ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni

(81)

Il-partijiet interessati sostnew li l-evidenza dwar id-dannu ma kinitx biżżejjed jew ma kinitx rappreżentattiva tad-dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Il-GTT, Nippon Steel & JP u l-korporazzjonijiet Tajwaniżi sostnew li, fl-ilment, l-industrija tal-Unjoni żammet pożizzjoni b’saħħitha fis-suq, b’ishma tas-suq stabbli jew għoljin, u li indikaturi bħall-kapaċità, il-produzzjoni u l-investiment ma wrewx deterjorament materjali. POSVIET sostniet li l-industrija tal-Unjoni baqgħet reżiljenti minkejja l-kundizzjonijiet avversi tas-suq, inklużi n-normalizzazzjoni ta’ wara l-pandemija u ż-żieda fil-kostijiet. Huma sostnew ukoll li l-ilment ma kienx fih biżżejjed evidenza prima facie rigward diversi indikaturi tad-dannu, inklużi l-produttività, ir-redditu fuq l-investiment, il-fluss tal-flus, il-pagi, it-tkabbir u l-kapaċità li jinġabar il-kapital, u li għalhekk il-bidu ma kellux ikun ġustifikat.

(82)

Il-Kummissjoni fakkret li l-Artikoli 5(2) u 5(3) tar-Regolament bażiku jirrikjedu biss biżżejjed evidenza li tkun raġonevolment disponibbli biex tiġġustifika l-bidu. L-ilment kien fih evidenza rilevanti dwar il-fatturi ewlenin ta’ dannu li jaffettwaw l-industrija tal-Unjoni, inklużi t-tnaqqis fil-profittabbiltà, il-pressjoni fuq il-prezzijiet u indikaturi tal-prestazzjoni li qed jiddgħajfu. L-eżistenza ta’ ċerti indikaturi reżiljenti, bħall-ishma tas-suq stabbli, ma tipprekludix sejba ta’ dannu materjali fejn indikaturi oħrajn juru żviluppi negattivi. Għalhekk, in-nuqqas ta’ data dwar l-indikaturi kollha ċċitati minn POSVIET ma invalidax il-bidu. Għaldaqstant, l-argumenti ġew miċħuda.

1.4.4.   Affermazzjonijiet dwar il-kawżalità

(83)

Il-GTT, Nippon Steel & JP, il-korporazzjonijiet Tajwaniżi u POSVIET ikkontestaw l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegati importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Huma sostnew li d-deterjorament tal-prestazzjoni kien xprunat primarjament minn fatturi oħrajn bħal tnaqqis fil-konsum, żieda fil-kostijiet tal-enerġija u tal-materja prima, aġġustamenti wara l-pandemija u deċiżjonijiet strateġiċi mill-produtturi tal-Unjoni.

(84)

Il-Kummissjoni fakkret li, fl-istadju tal-bidu, l-Artikolu 5(3) jirrikjedi biss evidenza suffiċjenti ta’ rabta kawżali potenzjali, mhux determinazzjoni definittiva skont l-Artikolu 3(6) u (7). L-ilment ipprovda evidenza ta’ importazzjonijiet fl-istess ħin mill-pajjiżi kkonċernati u deterjorament fil-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, inklużi indikaturi tal-pressjoni fuq il-prezzijiet. Spjegazzjonijiet alternattivi sottomessi minn dawn il-partijiet huma rilevanti għall-fażi ta’ investigazzjoni, iżda ma jinnegawx rabta kawżali prima facie. Għalhekk, l-argumenti ġew miċħuda.

1.4.5.   Affermazzjonijiet dwar il-livell tal-miżuri u l-metodoloġija (profitt fil-mira, aġġustamenti)

(85)

Diversi partijiet interessati kkontestaw aspetti tal-kalkolu tal-marġni tad-dannu u tal-kostruzzjoni tal-valur normali pprovduti fl-ilment. Huma argumentaw li l-profitt fil-mira kien eċċessiv u mhux rappreżentattiv tal-kundizzjonijiet normali tas-suq, u li l-inklużjoni tal-kostijiet relatati mal-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (“ETS”) tista’ tirriżulta f’għadd doppju. Il-GTĠ u Nippon Steel & JP ikkontestaw ukoll l-aġġustamenti relatati mal-investiment u l-metodoloġiji tal-allokazzjoni tal-kostijiet.

(86)

Il-Kummissjoni qieset li, fl-istadju tal-bidu, l-ilmentatur huwa meħtieġ li jipprovdi stimi raġonevoli bbażati fuq l-evidenza disponibbli. Id-determinazzjonijiet metodoloġiċi, inklużi l-għażla tal-profitt fil-mira, it-trattament tal-kostijiet tal-ETS u l-metodoloġiji ta’ aġġustament, huma kwistjonijiet tekniċi kumplessi soġġetti għal verifika matul l-investigazzjoni. Għalhekk, l-argumenti mqajma mill-GTT, minn Nippon Steel & JP, mill-korporazzjonijiet Tajwaniżi u minn POSVIET kienu jikkonċernaw kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu vvalutati b’mod konklużiv fl-istadju tal-bidu u, għaldaqstant, ġew miċħuda.

1.4.6.   Affermazzjonijiet dwar id-distorsjonijiet tal-materja prima

(87)

POSVIET sostniet li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati, u sostniet li l-Vjetnam iddependa fuq il-materja prima importata mixtrija bil-prezzijiet tas-suq internazzjonali u li ma ntweriet l-ebda distorsjoni sinifikanti. It-TRAV informat ukoll li l-materja prima estratta domestikament meħtieġa fil-produzzjoni tal-kojls illaminati fis-sħana ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-industrija tal-azzar u, b’mod ġenerali, ma setgħetx tintuża fil-proċess tal-manifattura tal-kojls illaminati fis-sħana.

(88)

Il-Kummissjoni fakkret li fl-istadju tal-bidu hija meħtieġa biss evidenza suffiċjenti li tindika l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti tal-materja prima li jaffettwaw il-kostijiet tal-produzzjoni fil-pajjiż esportatur u potenzjalment l-effettività tar-regola tad-dazju inferjuri. Hija nnotat li l-ilment kien fih tali evidenza suffiċjenti, inkluża informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tas-suq rilevanti u l-fatturi li potenzjalment jaffettwaw l-ipprezzar tal-materja prima u l-istrutturi tal-kostijiet fil-pajjiżi esportaturi.

(89)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-valutazzjoni ta’ tali distorsjonijiet teħtieġ analiżi komprensiva tal-istruttura tas-suq, tal-kundizzjonijiet tal-ipprezzar u tal-influwenza possibbli mill-Istat, li ma tistax titwettaq b’mod konklużiv fl-istadju tal-bidu. Għalhekk, l-argumenti minn POSVIET ġew miċħuda.

1.4.7.   Affermazzjonijiet dwar l-interess tal-Unjoni

(90)

Ċerti partijiet, jiġifieri l-GTT, Nippon Steel & JP, il-korporazzjonijiet Tajwaniżi u BSH Hausgeräte GmbH, sostnew li l-impożizzjoni ta’ miżuri ma tkunx fl-interess tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Huma sostnew li l-miżuri jżidu l-kostijiet tal-input għall-industriji downstream, inklużi s-setturi tal-karozzi, tal-makkinarju u tal-apparat domestiku, u jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetittività, l-impjiegi u l-istabbiltà tal-katina tal-provvista.

(91)

Il-Kummissjoni fakkret li l-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 ma ssirx fl-istadju tal-bidu, iżda biss fl-istadju ta’ miżuri provviżorji jew definittivi. Konsegwentement, l-argumenti sottomessi mill-GTT, minn Nippon Steel & JP, mill-korporazzjonijiet Tajwaniżi u minn BSH Hausgeräte GmbH ġew miċħuda.

1.5.   Kampjunar

(92)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista’ tieħu kampjun tal-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(93)

Fin-Notifika tal-Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet għażlet b’mod proviżorju kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tal-ogħla volumi rappreżentattivi ta’ produzzjoni u bejgħ, filwaqt li żgurat firxa ġeografika. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju, iżda ma rċeviet l-ebda kumment.

(94)

B’riżultat ta’ dan, il-kampjun finali kien jikkonsisti fi tliet produtturi tal-Unjoni li kienu jinsabu fi tliet Stati Membri differenti. Dan jammonta għal aktar minn 24 % tal-volum totali stmat tal-produzzjoni u 17 % tal-bejgħ stmat tal-prodott simili fis-suq ħieles fl-Unjoni. Il-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

Kampjunar ta’ importaturi mhux relatati

(95)

Biex tiddeċiedi jekk kienx meħtieġ li jittieħed kampjun u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lil importaturi mhux relatati sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu.

(96)

L-ebda importatur mhux relatat ma pprovda l-informazzjoni mitluba u qabel li jiġi inkluż fil-kampjun.

Kampjunar tal-produtturi esportaturi

(97)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex neċessarju u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fl-Indja, fil-Ġappun, fit-Tajwan, fit-Turkija u fil-Vjetnam jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Indja għall-Unjoni, lill-Missjoni tal-Ġappun għall-Unjoni, lill-Uffiċċju Rappreżentattiv ta’ Taipei fl-Unjoni, lill-Missjoni tar-Repubblika tat-Turkija għall-Unjoni u lill-Missjoni tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam għall-Unjoni biex jidentifikaw u/jew jikkuntattjaw lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(98)

Erba’ produtturi esportaturi fl-Indja pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ produttur esportatur wieħed abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun kien jirrappreżenta [90 %-100 %] tal-kwantità totali stmata esportata lejn l-Unjoni mill-Indja fil-perjodu ta’ investigazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi kollha magħrufa u l-awtoritajiet tal-Indja ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma ġie sottomess l-ebda kumment.

(99)

Ħames kumpaniji fil-Ġappun ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Waħda minnhom, Daido, ma rrapportat l-ebda bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, aktar tard matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni qieset li din il-kumpanija kienet relatata mal-produttur esportatur inkluż fil-kampjun, kif indikat fil-premessi (271) sa (273). Barra minn hekk, kumpanija oħra rrapportat “0” għall-produzzjoni, għall-kapaċità tal-produzzjoni, għall-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u għas-snin l-oħrajn mitluba fil-formola tal-kampjunar, u b’hekk ma setgħetx titqies bħala produttur fil-Ġappun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ produttur esportatur wieħed abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun kien jirrappreżenta [80 %-90 %] tal-kwantità totali stmata esportata lejn l-Unjoni mill-Ġappun fil-perjodu ta’ investigazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi kollha magħrufa u l-awtoritajiet tal-Ġappun ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma ġie sottomess l-ebda kumment.

(100)

Tliet produtturi esportaturi fit-Tajwan, li jappartjenu għal żewġ gruppi, ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ żewġ produtturi esportaturi, li jappartjenu għal grupp wieħed, abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun irrappreżentaw [60 %-70 %] tal-kwantità totali stmata esportata lejn l-Unjoni mit-Tajwan fil-perjodu ta’ investigazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi kollha magħrufa u l-awtoritajiet tat-Tajwan ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma ġie sottomess l-ebda kumment.

(101)

Sitt produtturi esportaturi fit-Turkija pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ żewġ produtturi esportaturi abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun irrappreżentaw [50-60] % tal-kwantità totali stmata esportata lejn l-Unjoni mit-Turkija fil-perjodu ta’ investigazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi kollha magħrufa u l-awtoritajiet tat-Turkija ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma ġie sottomess l-ebda kumment.

(102)

Tliet produtturi esportaturi fil-Vjetnam ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ produttur esportatur wieħed abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun kien jirrappreżenta [80-90] % tal-kwantità totali stmata esportata lejn l-Unjoni mill-Vjetnam fil-perjodu ta’ investigazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi kollha magħrufa u l-awtoritajiet tal-Vjetnam ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma ġie sottomess l-ebda kumment.

1.6.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika

(103)

Kif imħabbar fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji speċifiċi biex tinvestiga l-allegazzjonijiet tal-PMS minħabba l-effett ta’ espulsjoni maħluq mill-importazzjonijiet Ċiniżi lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kollha kkonċernati. Dawn il-kwestjonarji talbu informazzjoni li l-Kummissjoni qieset meħtieġa biex tinvestiga l-allegat effett ta’ espulsjoni, bħal pereżempju l-volumi, il-prezzijiet u l-ishma mis-swieq tal-importazzjonijiet u l-bejgħ domestiku fil-pajjiżi kkonċernati. Tali informazzjoni ntalbet għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2025, l-istess perjodu użat għad-determinazzjoni tad-dumping u tad-dannu fl-investigazzjoni (ara l-premessa (107)). Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarji speċifiċi biex tinvestiga l-allegazzjonijiet tal-PMS minħabba miżuri dwar inputs speċifiċi għas-CRF lill-Gvernijiet tal-Indja u tal-Vjetnam.

(104)

Barra minn hekk, l-ilmentatur ipprovda fl-ilment biżżejjed evidenza ta’ distorsjonijiet potenzjali tal-materja prima fl-Indja u fil-Vjetnam rigward il-prodott ikkonċernat. Għalhekk, kif imħabbar fin-Notifika tal-Bidu, l-investigazzjoni kopriet dawk l-allegati distorsjonijiet fil-materja prima biex tiddetermina jekk għandhomx jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) u 7(2b) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-Indja u l-Vjetnam. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji addizzjonali f’dan ir-rigward lill-Gvernijiet tal-Indja u tal-Vjetnam.

(105)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji wkoll lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, lill-importaturi u l-utenti mhux relatati magħrufa. L-istess kwestjonarji saru disponibbli online (45) fil-jum tal-bidu.

(106)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għad-determinazzjoni tad-dumping, tad-dannu li jirriżulta, tal-interess tal-Unjoni, tal-eżistenza ta’ PMS u ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku twettqu fil-bini tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kollha kkonċernati u tal-kumpaniji li ġejjin:

Produtturi tal-Unjoni:

—

ArcelorMittal, Gent, il-Belġju

—

ArcelorMittal, Asturias, Spanja

—

Thyssenkrupp Steel Europe AG, Duisburg, il-Ġermanja

Produtturi esporaturi fl-Indja:

—

JSW Steel Limited, Mumbai

—

JSW Steel Coated Products Limited, Mumbai

Produttur esportatur fil-Ġappun:

—

Nippon Steel Corporation, Tokyo

Kummerċjanti relatati:

—

Marubeni-Itochu Steel Inc., Tokyo, il-Ġappun

—

Metal One Corporation, Tokyo, il-Ġappun

—

Nippon Steel Trading Corporation, Tokyo, il-Ġappun

—

Sumitomo Corporation Global Metals Co., Ltd., Tokyo, il-Ġappun

—

Steel Center Co., Ltd., Tokyo, il-Ġappun

—

NST Coil Center Co., Ltd., Tokyo, il-Ġappun

Importaturi relatati fl-Unjoni:

—

Marubeni-Itochu Steel Europe GmbH, Düsseldorf, il-Ġermanja

—

Nippon Steel Trading Austria GmbH, Vjenna, l-Awstrija

Produtturi esportaturi fit-Tajwan:

—

China Steel Corporation, Kaohsiung

—

Chung Hung Steel Corporation, Kaohsiung

Kummerċjant relatat:

—

China Steel Structure Co., Ltd., Kaohsiung, it-Tajwan

Produtturi esportaturi fit-Turkija:

—

Borçelik Çelik Sanayi Ticaret A.Ş., Bursa

—

Tatmetal Çelik Sanayi ve Ticaret A. Ş., Istanbul

Kummerċjant relatat:

—

ArcelorMittal Çelik Ticaret A.Ş., Istanbul, it-Turkija

Importaturi relatati fl-Unjoni u/jew fornituri ta’ materja prima (twettqu kontroverifiki remoti online)

—

ArcelorMittal Flat Carbon Europe S.A., il-Lussemburgu, il-Lussemburgu

—

Bamesa Oţel, S.A., Topoloveni, ir-Rumanija

Produttur esportatur fil-Vjetnam:

—

POSCO VIETNAM Co., Ltd, Ho Chi Minh City

Ċentru tal-ipproċessar u kummerċjant relatat

—

POSCO Vietnam Processing Center Joint Stock Company, Phuoc An, il-Vjetnam

Kummerċjant relatatv:

—

POSCO International Corporation, Seoul, ir-Repubblika tal-Korea

Fornitur relatat ta’ materja prima:

—

POSCO Co. Ltd., Seoul, ir-Repubblika tal-Korea

Importatur relatat fl-Unjoni:

—

POSCO INTERNATIONAL Deutschland GmbH, Eschborn, il-Ġermanja

1.7.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(107)

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

(108)

Wara d-divulgazzjoni, il-produtturi Ġappuniżi argumentaw li l-2022 ma kinitx sena tal-bidu xierqa għall-valutazzjoni tad-dannu, minħabba li l-irkupru ekonomiku qawwi ta’ wara l-COVID kompla fl-ewwel nofs ta’ dik is-sena. Fil-fehma tagħhom, il-kundizzjonijiet favorevoli tas-suq prevalenti fl-2022 ħolqu parametru referenzjarju distort, li wassal għal deterjorament esaġerat meta l-perjodu ta’ investigazzjoni tqabbel ma’ dik is-sena. Għalhekk talbu li l-Kummissjoni tuża perjodu ta’ referenza itwal jew, alternattivament, tqis il-kundizzjonijiet prevalenti fl-2022 meta tivvaluta l-iżvilupp tal-indikaturi tad-dannu.

(109)

Huwa importanti li jiġi nnotat li d-determinazzjoni tad-dannu tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu kkunsidrat u mhux biss fuq it-tqabbil bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni nnotat li l-iskop tal-eżami ta’ perjodu ta’ diversi snin, aktar milli sena waħda tittieħed bħala bażi, huwa li jittaffa l-effett ta’ fluttwazzjonijiet ċikliċi jew fuq perjodu qasir u li jiġi vvalutat jekk ix-xejriet rilevanti jibqgħux konsistenti matul perjodu ta’ żmien rappreżentattiv biżżejjed. Il-valutazzjoni kopriet il-fatturi u l-indikaturi ekonomiċi rilevanti kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni, inklużi l-bejgħ, il-produzzjoni, is-sehem mis-suq, il-profittabbiltà, l-impjiegi, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investiment.

(110)

Il-produtturi Ġappuniżi argumentaw li l-kundizzjonijiet prevalenti fl-2022 kienu eċċezzjonalment favorevoli minħabba l-irkupru ta’ wara l-COVID u li t-tqabbil mal-perjodu ta’ investigazzjoni għalhekk kien qed jesaġera d-deterjorament tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet tas-suq favorevoli fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat, fiha nnifisha, ma turix li d-deterjorament sussegwenti ma kienx ikkawżat mill-fatturi eżaminati fl-investigazzjoni.

(111)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni lanqas ma tibbaża ruħha fuq indikatur uniku jew fuq sena waħda iżda hija bbażata fuq analiżi dinamika. Id-deterjorament ġie rifless f’diversi indikaturi u kien jikkonċerna kemm il-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll il-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-Unjoni. L-indikaturi ġew ivvalutati wkoll għall-konsistenza u għad-direzzjoni tal-moviment tagħhom matul il-perjodu kollu kkunsidrat, inklużi s-snin bejn il-punt tat-tluq u l-perjodu ta’ investigazzjoni. L-iżvilupp simultanju ta’ dawn l-indikaturi jipprovdi stampa aktar kompluta tal-istat tal-industrija tal-Unjoni mill-kundizzjonijiet prevalenti fi kwalunkwe sena individwali partikolari.

(112)

Barra minn hekk, il-produtturi Ġappuniżi ma wrewx li d-deterjorament osservat wara l-2022 kien jirrappreżenta biss ritorn għall-kundizzjonijiet normali li kienu jeżistu qabel l-irkupru ta’ wara l-COVID. B’mod partikolari, ma pprovdewx evidenza li tistabbilixxi liema livell ta’ prestazzjoni jenħtieġ li jitqies normali għall-industrija tal-Unjoni jew li turi li l-livelli milħuqa matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienu konsistenti ma’ tali kundizzjonijiet normali.

(113)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li perjodu ta’ referenza itwal, fih innifsu, ma jipprovdix valutazzjoni aktar xierqa tad-dannu. L-estensjoni tal-perjodu ma tneħħix il-ħtieġa li jiġi vvalutat l-iżvilupp reali tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat u lanqas ma turi li d-deterjorament osservat ma kienx relatat mal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(114)

Il-produtturi Ġappuniżi lanqas ma identifikaw xi indikatur speċifiku tad-dannu li għalih id-deterjorament seta’ jiġi attribwit esklużivament għat-tmiem tal-irkupru ta’ wara l-COVID. Għalhekk, l-argument ma jispjegax id-deterjorament ġenerali osservat fl-indikaturi tad-dannu.

(115)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-argumenti dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi prevalenti fl-2022 ma qajmux dubji dwar il-valutazzjoni tad-dannu. Il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu kkunsidrat u fuq l-iżvilupp ikkombinat tal-indikaturi tad-dannu rilevanti. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

1.8.   Nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji u proċedura sussegwenti

(116)

Fis-17 ta’ April 2026, f’konformità mal-Artikolu 19a(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati bl-intenzjoni tagħha li ma timponix miżuri provviżorji u tathom l-opportunità li jissottomettu informazzjoni addizzjonali.

(117)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li hija qieset neċessarja għas-sejbiet finali tagħha.

(118)

Fis-6 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar illaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja, mill-Ġappun, mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam (“id-divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(119)

Xi wħud mill-kummenti riċevuti dwar id-divulgazzjoni finali rriżultaw f’reviżjoni tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali msemmija fil-premessa (118). Fis-6 ta’ Ottubru 2026, il-Kummissjoni għamlet divulgazzjoni finali addizzjonali lill-partijiet interessati kollha. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu kummenti limitati għall-informazzjoni riveduta pprovduta fid-divulgazzjoni finali addizzjonali. Fis-16 ta’ Ottubru 2026, wara l-kummenti li waslu wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-Kummissjoni għamlet it-tieni divulgazzjoni finali addizzjonali lill-partijiet interessati kollha. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu kummenti, limitati wkoll għall-informazzjoni pprovduta f’dik it-tieni divulgazzjoni addizzjonali.

(120)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ mal-produtturi esportaturi kollha inklużi fil-kampjun, mal-awtoritajiet tat-Tajwan u tat-Turkija, u ma’ Czech Blades s.r.o., utent tal-prodott ikkonċernat.

(121)

Fit-8 ta’ Ottubru 2026, POSVIET talbet lill-Uffiċjal tas-Seduta jorganizza seduta ta’ smigħ mas-servizzi sabiex jiżgura li, qabel ma tiġi adottata d-determinazzjoni finali, il-Kummissjoni tindirizza tliet affermazzjonijiet li POSVIET kienet diġà għamlet fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali tas-17 ta’ Awwissu 2026, u sabiex jagħti lil POSVIET opportunità effettiva biex twieġeb għall-kunsiderazzjonijiet fattwali ġodda li jinsabu fid-divulgazzjoni finali addizzjonali, li dwarha POSVIET kellha jumejn biex tikkummenta. Is-seduta ta’ smigħ saret fit-12 ta’ Ottubru 2026. Fis-seduta ta’ smigħ, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonfermaw li kienu fehmu l-allegazzjonijiet u l-kummenti u li kienu se jindirizzawhom fir-regolament definittiv. L-Uffiċjal tas-Seduta kkonkluda li POSVIET ingħatat l-opportunitajiet legali kollha biex tgħarraf lis-servizzi tal-Kummissjoni bil-fehmiet tagħha, tissottometti l-kummenti u l-argumenti tagħha kemm bil-miktub kif ukoll waqt is-seduti ta’ smigħ orali, u li d-drittijiet tad-difiża ta’ POSVIET ġew irrispettati f’din l-investigazzjoni.

2.   PRODOTT TAĦT INVESTIGAZZJONI, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt investigazzjoni

(122)

Il-prodott taħt investigazzjoni (jew “CRF”) huwa prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew azzar mhux illigat, jew azzar illigat ieħor iżda eskluż l-azzar inossidabbli, ta’ kull wisa’, irrumblati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ), mhux miksija, b’liga jew mgħottija u mhux maħduma aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ) iżda ma jinkludix:

—

prodotti llaminati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, ta’ kull wisa’, illaminati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ), mhux miksijin, b’liga jew mgħottijin, mhux maħdumin aktar ħlief illaminati fil-kiesaħ, f’koljaturi jew le, ta’ kull ħxuna, tal-elettriku,

—

prodotti llaminati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, ta’ kull wisa’, illaminati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ), mhux miksijin, b’liga jew mgħottijin, f’koljaturi, ta’ ħxuna ta’ inqas minn 0,35 mm, ittemprati (magħrufa bħala “pjanċi suwed”),

—

prodotti llaminati ċatti ta’ azzar illigat ieħor, ta’ kull wisa’, ta’ azzar elettriku bis-siliċju, u

—

prodotti llaminati ċatti ta’ azzar illigat, mhux maħdumin aktar ħlief illaminati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ), tal-azzar b’veloċità għolja,

(123)

Il-prodotti tas-CRF jintużaw f’varjetà wiesgħa ta’ applikazzjonijiet, inklużi l-industrija awtomobilistika, l-apparat domestiku, il-materjali tal-kostruzzjoni, il-makkinarju industrijali, it-tagħmir elettriku, l-għamara tal-metall, is-sistemi ta’ ħżin, tubi u pajpijiet, u applikazzjonijiet oħrajn ta’ manifattura downstream li jeħtieġu finitura tal-wiċċ ta’ kwalità għolja u preċiżjoni dimensjonali.

2.2.   Prodott ikkonċernat

(124)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-prodott taħt investigazzjoni, li joriġina mill-Indja, mill-Ġappun, mit-Tajwan, mit-Turkija jew mill-Vjetnam, li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċijiet NM ex 7209 15 00 , 7209 16 90 , 7209 17 90 , 7209 18 91 , ex 7209 18 99 , ex 7209 25 00 , 7209 26 90 , 7209 27 90 , 7209 28 90 , 7211 23 30 , ex 7211 23 80 , ex 7211 29 00 , 7225 50 80 , 7226 92 00 (il-kodiċijiet TARIC 7209 15 00 90, 7209 18 99 90, 7209 25 00 90, 7211 23 80 19, 7211 23 80 95, 7211 23 80 99, 7211 29 00 19, 7211 29 00 99).

2.3.   Prodott simili

(125)

L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi, kif ukoll l-istess użi bażiċi:

—

il-prodott ikkonċernat meta jiġi esportat lejn l-Unjoni;

—

il-prodott taħt investigazzjoni manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiżi kkonċernati; u

—

il-prodott taħt investigazzjoni prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(126)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li dawk il-prodotti huma, għalhekk, prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.4.   Dikjarazzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott

(127)

Daido ressqet talba għall-esklużjoni ta’ prodott għal DF42N, MENPD u MAS1C (b’mod kollettiv, “Daido Functional Alloys”). Daido affermat li jenħtieġ li dawk il-ligi jiġu esklużi minħabba li kellhom użi finali, proċessi ta’ manifattura, kanali ta’ distribuzzjoni u prezzijiet differenti minn “CRF ġenerali”. Hija sostniet ukoll li l-esklużjoni tkun iġġustifikata minħabba li Daido Functional Alloys taqa’ fi ħdan il-kategorija 09 tan-numru ta’ kontroll tal-prodott (“PCN”). Skont Daido, il-Kategoriji 01–08 jikkorrispondu għal familji tas-CRF rikonoxxuti definiti mill-istandards EN u użati fil-ktajjen tal-provvista ġenerali tal-karozzi, tal-apparat u tal-kostruzzjoni, filwaqt li l-kategorija 09 tiffunzjona bħala klassi residwa għal materjali li ma jissodisfawx il-kriterji mekkaniċi jew tal-wiċċ speċifiċi għas-CRF.

(128)

Daido ma pprovdiet l-ebda evidenza li turi li l-ligi funzjonali ta’ Daido ma għandhomx l-istess karatteristiċi tekniċi, kimiċi u fiżiċi bażiċi tas-CRF. Tabilħaqq, il-ligi tagħhom xorta kienu manifatturati mill-istess materja prima u essenzjalment isegwu l-istess proċess. Il-prodott li jirriżulta xorta jkun CRF. L-użu finali speċifiku, il-kanal ta’ distribuzzjoni jew il-prezz finali kienu irrilevanti biex jiġġustifikaw esklużjoni tal-prodott.

(129)

Il-fatt li l-prodott kien jappartjeni għall-kategorija 09 tal-PCN, kif sostniet Daido, lanqas ma kien jiġġustifika esklużjoni. Għall-kuntrarju, tali fatt ikkonferma li kien tabilħaqq il-prodott li kien qed jiġi investigat, bl-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bħas-CRF li kien se jiġi kklassifikat f’kategoriji oħrajn tal-PCN, kif ukoll li l-investigazzjoni tkopri tipi differenti ta’ prodotti għal applikazzjonijiet differenti.

(130)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-esklużjoni tal-prodott.

(131)

Wara d-divulgazzjoni, Daido tenniet l-affermazzjoni tagħha li Daido Functional Alloys jenħtieġ li jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott, b’mod partikolari abbażi tal-allegati differenzi fil-karatteristiċi, fl-użi u fil-kundizzjonijiet kompetittivi tagħhom u tal-klassifikazzjoni tagħhom taħt il-kategorija tal-PCN 09.

(132)

Daido ma ressqet l-ebda informazzjoni jew evidenza ġdida li setgħet tbiddel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-esklużjoni tal-prodott.

(133)

Czech Blades s.r.o., utenta tas-CRF, talbet li ċerti strixxi tal-azzar illaminati fil-kiesaħ b’karatteristiċi tekniċi speċifiċi ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri. L-utenta sostniet li dawn il-prodotti huma manifatturati skont speċifikazzjonijiet tekniċi speċjalizzati ħafna għal applikazzjoni downstream niċċa, li ma humiex disponibbli mingħand produtturi tal-Unjoni, u li, għalhekk, l-importazzjonijiet huma xprunati minn neċessità teknika aktar milli minn kunsiderazzjonijiet tal-prezz. L-utenta sostniet ukoll li l-prodotti ma humiex interkambjabbli ma’ prodotti oħrajn tal-azzar illaminati fil-kiesaħ u li l-impożizzjoni ta’ miżuri taffettwa b’mod negattiv l-operazzjonijiet downstream tagħha.

(134)

Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba. L-evidenza sottomessa ma kinitx biżżejjed biex turi li l-prodotti kkonċernati għandhom karatteristiċi tekniċi, kimiċi u fiżiċi differenti li jiġġustifikaw l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri jew li l-prodotti li jissodisfaw il-karatteristiċi tekniċi meħtieġa, jew prodotti teknikament interkambjabbli, ma humiex disponibbli mingħand il-produtturi tal-Unjoni. L-informazzjoni pprovduta ma kienx fiha evidenza kompluta, konsistenti u verifikabbli biżżejjed biex tissostanzja dawn l-affermazzjonijiet.

(135)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni stabbiliet li l-prodotti li jissodisfaw il-karatteristiċi tekniċi affermati, jew il-prodotti teknikament interkambjabbli, huma manifatturati mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, l-investigazzjoni ma kkonfermatx l-affermazzjoni tal-utenta li l-prodotti kkonċernati ma setgħux jinxtraw mingħand produtturi tal-Unjoni.

(136)

Fl-aħħar nett, l-informazzjoni ta’ sostenn li fuqha hija bbażata t-talba ġiet sottomessa biss fi stadju tard ħafna tal-investigazzjoni. F’dak l-istadju, il-Kummissjoni ma kinitx għadha f’pożizzjoni li twettaq il-verifika meħtieġa jew li tkompli tinvestiga l-asserzjonijiet li saru. Konsegwentement, l-informazzjoni ma setgħetx titqies għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet għall-esklużjoni tal-prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ġewx issodisfati.

(137)

Wara d-divulgazzjoni, Czech Blades affermat li x-xfafar tal-leħja tas-sikurezza u x-xfafar industrijali li timmanifattura huma prodotti niċċa speċjalizzati ħafna li huma uniċi fis-suq tal-Unjoni. Czech Blades issottomettiet informazzjoni addizzjonali b’appoġġ għat-talba tagħha għal esklużjoni. Din is-sottomissjoni ġiet ipprovduta bi tweġiba għall-istruzzjoni tal-Kummissjoni li kwalunkwe talba oħra tiġi ddokumentata kif xieraq u tindirizza, b’mod partikolari, (i) il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi tal-prodotti importati u tal-Unjoni, (ii) l-użu finali u l-interkambjabbiltà tagħhom, (iii) sorsi alternattivi ta’ provvista, (iv) l-impatt ta’ eżenzjoni fuq id-dazji u (v) l-impatt tad-dazji fuq l-utent. Czech Blades innotat li l-evidenza preċedenti tagħha kienet ġiet sottomessa b’mod kunfidenzjali, u b’hekk partijiet interessati oħrajn ma setgħux jikkummentaw dwarha. Għalhekk ipprovdiet speċifikazzjoni tal-materjal għall-fajl mhux kunfidenzjali.

(138)

Fir-rigward tal-karatteristiċi u l-interkambjabbiltà, Czech Blades affermat li l-azzar għax-xfafar huwa kategorija speċjalizzata ħafna, li l-ispeċifikazzjonijiet stretti tagħha jagħmlu gradi oħrajn tal-azzar sostituti mhux xierqa. Fir-rigward tal-provvista alternattiva, Czech Blades affermat li l-ebda fornitur tal-Unjoni ma seta’ jipprovdi l-prodott. Hija affermat li t-tentattivi biex takkwista azzar għax-xfafar mill-fabbriki tal-azzar tal-Unjoni ma rnexxewx: il-fornituri jew ma setgħux jissodisfaw il-kwalità, it-tolleranzi jew il-volumi meħtieġa, jew ma weġbux. Hija sostniet ukoll li, minħabba l-proċess ta’ produzzjoni intensiv fl-enerġija u fix-xogħol u d-domanda annwali limitata, il-produtturi tal-Unjoni qiesu l-prodott kummerċjalment mhux attraenti. Fir-rigward tal-impatt tad-dazji, Czech Blades affermat li x-xfafar magħmula mill-materjal inkwistjoni jammontaw għal sehem kbir mill-produzzjoni tagħha skont il-valur.

(139)

Wara d-divulgazzjoni, l-industrija tal-Unjoni appoġġat ir-rifjut tat-talba. Hija argumentat li l-Kummissjoni kienet diġà sabet li tali prodotti jiġu prodotti fl-Unjoni, li l-produtturi tal-Unjoni jipprovdu materja prima llaminata fil-kiesaħ li l-impriżi tal-Unjoni li jirrilaminaw jipproċessaw fi strixxi dojoq użati għax-xfafar tal-leħja, li l-miżuri ma jipprojbux l-importazzjonijiet iżda jirrestawraw kundizzjonijiet ekwi, u li l-impatt fuq il-kostijiet huwa negliġibbli.

(140)

Il-Kummissjoni l-ewwel nett innotat li huwa f’idejn il-parti li titlob l-esklużjoni li turi, abbażi ta’ evidenza sħiħa, konsistenti u verifikabbli sottomessa fil-ħin, li l-kundizzjonijiet rilevanti kollha għall-esklużjoni huma ssodisfati b’mod kumulattiv. Ma huwiex biżżejjed li parti tistabbilixxi element wieħed waħdu; it-talba trid tiġi vvalutata kollha kemm hi kontra kull wieħed mill-ħames elementi identifikati fil-premessa (137).

(141)

Fir-rigward tal-karatteristiċi u l-interkambjabbiltà, il-Kummissjoni nnotat li, filwaqt li l-informazzjoni addizzjonali tipprovdi deskrizzjoni aktar dettaljata tal-materjal importat minn Czech Blades, fiha nnifisha ma tistabbilix li l-industrija tal-Unjoni ma timmanifatturax prodotti li għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi, kimiċi u fiżiċi jew karatteristiċi ekwivalenti. L-ispeċifikazzjoni tal-materjal tirrifletti r-rekwiżiti applikabbli għax-xiri ta’ Czech Blades stess u ma tikkostitwix evidenza li l-produtturi tal-Unjoni ma jistgħux jissodisfaw dawk l-ispeċifikazzjonijiet. Il-fatt li l-azzar inossidabbli jista’ ma jikkostitwix alternattiva xierqa ma jistabbilix li prodotti oħrajn tal-azzar bil-karbonju li jissodisfaw rekwiżiti tekniċi ekwivalenti ma humiex disponibbli. Czech Blades ma pprovdiet l-ebda evidenza li tindirizza speċifikament jekk il-prodotti manifatturati mill-produtturi tal-Unjoni jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi identifikati fl-ispeċifikazzjoni tagħha.

(142)

Fir-rigward ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista, il-Kummissjoni nnotat li l-evidenza sottomessa minn Czech Blades ma kinitx eżawrjenti u kienet ibbażata fuq dikjarazzjonijiet aktar milli fuq data verifikabbli. Il-Kummissjoni nnotat ukoll, kif affermat mill-industrija tal-Unjoni (ara l-premessa (139)), li l-istrixxa dejqa użata għax-xfafar tal-leħja tinkiseb mill-impriżi tal-Unjoni li jirrilaminaw materja prima illaminata fil-kiesaħ ipprovduta mill-produtturi tal-Unjoni, u dan jikkonferma li l-katina tal-produzzjoni rilevanti teżisti fl-Unjoni. Għalhekk, Czech Blades naqset milli turi li l-prodott ma jistax jinkiseb mill-produtturi tal-Unjoni.

(143)

Fir-rigward tal-impatt ta’ eżenzjoni fuq id-dazji, is-sottomissjoni addizzjonali ma tipprovdix kwantifikazzjoni speċifika tad-dazji li jiġu evitati kieku tingħata l-esklużjoni mitluba. L-informazzjoni sottomessa tiffoka fuq iż-żieda mistennija fil-kostijiet tal-input tal-utent u ma tikkwantifikax l-impatt korrispondenti tal-eżenzjoni fuq id-dazji.

(144)

B’mod ġenerali, l-informazzjoni addizzjonali sottomessa wara d-divulgazzjoni tipprovdi evidenza aktar dettaljata u speċifika milli kienet disponibbli meta l-Kummissjoni kienet ivvalutat it-talba qabel. Madankollu, din l-informazzjoni addizzjonali ma teħlisx lil Czech Blades mill-oneru tal-provi deskritt fil-premessa (137), li jirrikjedi evidenza pożittiva, mhux biss affermazzjonijiet, li kull kundizzjoni għall-esklużjoni tkun issodisfata. L-informazzjoni addizzjonali, waħedha, ma tistabbilix li l-prodotti kkonċernati għandhom karatteristiċi li jiddistingwuhom minn prodotti llaminati fil-kiesaħ manifatturati mill-industrija tal-Unjoni, jew li l-prodotti li jissodisfaw il-karatteristiċi meħtieġa, jew prodotti teknikament interkambjabbli, ma jistgħux jinkisbu mill-produtturi tal-Unjoni. Għalhekk, l-informazzjoni dwar il-produtturi tal-azzar li ġew ikkuntattjati trid tiġi vvalutata flimkien mal-ispeċifikazzjoni teknika sabiex jiġi ddeterminat jekk l-allegat nuqqas ta’ provvista alternattiva huwiex ibbażat fuq limitazzjonijiet tekniċi jew fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali. Barra minn hekk, is-sottomissjoni addizzjonali ma tikkwantifikax l-impatt tal-eżenzjoni mitluba fuq id-dazji, filwaqt li l-istimi dwar l-impatt tal-miżuri fuq Czech Blades jeħtieġ li jiġu ssostanzjati fir-rigward tas-suppożizzjonijiet sottostanti u tar-rabta kawżali bejn id-dazji u t-telf affermat ta’ bejgħ u ta’ impjiegi. Dawn huma elementi meħtieġa ta’ talba għal esklużjoni sostanzjata kif xieraq, u n-nuqqas tagħhom fih innifsu jiġġustifika r-rifjut tat-talba, irrispettivament mill-valutazzjoni tal-evidenza teknika u relatata mal-provvista.

(145)

Għalhekk, abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li Czech Blades naqset milli turi li l-kundizzjonijiet għall-esklużjoni tal-prodotti kkonċernati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri kienu ssodisfati. Għalhekk, it-talba għall-esklużjoni ġiet miċħuda.

(146)

Wara d-divulgazzjoni, Proterial Ltd., produttur esportatur Ġappuniż li kkoopera iżda li ma kienx inkluż fil-kampjun, talbet lill-Kummissjoni taġġusta l-applikazzjoni tad-dazju anti-dumping definittiv għall-esportazzjonijiet tagħha fid-dawl tan-natura allegatament unika tal-prodott tagħha u tar-rwol tiegħu fl-applikazzjonijiet tal-karozzi.

(147)

Il-Kummissjoni nnotat li l-prodott deskritt mill-parti jibqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni. L-argumenti ppreżentati ma kinux appoġġati minn evidenza u għalhekk ma setgħu jiġġustifikaw l-ebda kunsiderazzjoni speċifika għall-prodott. L-interess tal-Unjoni diġà ġie vvalutat fid-dokument ta’ divulgazzjoni, u ma ġiet ipprovduta l-ebda data ulterjuri li tbiddel il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

3.   DUMPING

3.1.   Sitwazzjoni partikolari tas-suq: effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża

3.1.1.   L-effett ta’ espulsjoni bħala sitwazzjoni partikolari tas-suq skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku

(148)

Għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni straħet fuq id-definizzjoni ta’ kapaċità żejda użata mill-Forum Globali dwar il-Kapaċità Żejda tal-Azzar (46) (“GFSEC”): il-kapaċità żejda hija d-diskrepanza bejn il-kapaċità tal-produzzjoni u d-domanda. L-ilmentatur segwa wkoll tali definizzjoni.

(149)

L-ilmentatur sostna li l-kapaċità żejda tas-CRF fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) imbuttat l-esportazzjonijiet Ċiniżi tas-CRF bi prezzijiet baxxi fis-swieq tal-pajjiżi kollha kkonċernati. Il-pressjoni ta’ tali esportazzjonijiet tnaqqas il-prezzijiet tal-produtturi domestiċi fil-pajjiżi kkonċernati għal livelli mhux sostenibbli. Għalhekk, il-prezzijiet tal-bejgħ tas-CRF fil-pajjiżi kkonċernati jkunu artifiċjalment baxxi. Min-naħa l-oħra, tali prezzijiet iwasslu għal profitti artifiċjalment baxxi għall-produtturi domestiċi tas-CRF fil-pajjiżi kkonċernati meta jbigħu fis-swieq domestiċi tagħhom.

(150)

B’konsegwenza ta’ dan, l-ilmentatur sostna li jenħtieġ li l-valur normali jinħadem f’konformità mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku u jenħtieġ li d-data dwar il-profitt reali tiġi sostitwita biex jitneħħa l-effett tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq.

3.1.2.   Il-kapaċità żejda tal-azzar fir-RPĊ b’mod ġenerali

(151)

Skont l-ilment, filwaqt li l-kapaċità żejda tal-azzar hija kwistjoni globali, ir-RPĊ hija s-sors oriġinali u l-aktar importanti ta’ kapaċità żejda. Fl-2024, ir-RPĊ kellha 47 % tal-kapaċità tal-azzar mhux maħdum tad-dinja, li tikkorrispondi għal 1 173 miljun tunnellata metrika (47).

(152)

L-ilmentatur spjega li l-kapaċità żejda tal-azzar fir-RPĊ ma hijiex ta’ natura għal żmien qasir minħabba tnaqqis fid-domanda, iżda pjuttost ta’ natura strutturali fejn, wara l-politiki governattivi, il-ħolqien ta’ kapaċità ta’ produzzjoni ġdida fir-RPĊ huwa skonnettjat mid-domanda mistennija. Skont l-OECD, filwaqt li tal-ewwel jirriżulta minn varjazzjonijiet normali fiċ-ċiklu tan-negozju, tal-aħħar jirreferi għal kapaċità żejda li hija dovuta għal sussidji u forom oħrajn ta’ appoġġ mill-gvern (48).

(153)

B’mod aktar ġenerali, il-GFSEC innotat li l-kapaċità żejda twassal għal provvista żejda tal-azzar fis-swieq internazzjonali u prezzijiet tal-azzar imnaqqsin, kif ukoll ishma mis-suq u rati ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità aktar baxxi għall-produtturi domestiċi tal-azzar f’pajjiżi terzi li joperaw taħt il-kundizzjonijiet tas-suq (49).

(154)

F’dan l-isfond, l-analiżi tal-Kummissjoni stess tal-industrija tal-azzar Ċiniża kkonfermat l-eżistenza ta’ kapaċità żejda sinifikanti fis-settur tal-azzar fir-RPĊ mill-inqas mill-2014, u b’hekk ikkonfermat in-natura strutturali tagħha (50). Barra minn hekk, l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-passat urew li l-intervent tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“GTĊ”) fis-settur tal-azzar ħoloq distorsjonijiet sinifikanti fis-suq (51). Barra minn hekk, ir-riċerka disponibbli għall-pubbliku turi wkoll li l-appoġġ mogħti f’diversi livelli mill-GTĊ lill-kumpaniji tal-azzar jindika li s-suq tal-azzar fiċ-Ċina ma joperax taħt forzi normali tas-suq (52).

3.1.3.   Il-kapaċità żejda tas-CRF fir-RPĊ b’mod partikolari

(155)

Fir-rigward speċifiku tas-CRF, l-ilmentatur wera li l-kapaċità Ċiniża tas-CRF ma kinitx konformi mad-domanda domestika. Tabilħaqq, hekk kif id-domanda Ċiniża għas-CRF bejn l-2022 u l-2024 baqgħet stabbli u b’mod kostanti taħt il-kapaċità, il-kapaċità tal-imtieħen tar-rombli f’serje żdiedet b’mod konsistenti (53).

(156)

Il-Kummissjoni, fl-investigazzjoni anti-dumping tagħha dwar l-importazzjonijiet tas-CRF li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-RPĊ (54), kienet diġà sabet li fl-2020 il-kapaċità Ċiniża totali tas-CRF kienet ta’ aktar minn 120 miljun tunnellata, filwaqt li l-produzzjoni u l-konsum Ċiniż fl-2020 kienu t-tnejn stmati għal 100 miljun tunnellata, u dan irriżulta f’kapaċità ta’ riżerva stmata għal 20 miljun tunnellata fl-2020. Abbażi tad-data fl-ilment, fl-2024 il-kapaċità Ċiniża kompliet tiżdied bi 12 % meta mqabbla mal-2019 u b’9 % meta mqabbla mal-2021 (55). Fl-istess ħin, id-domanda domestika żdiedet bi 3 % biss meta mqabbla mal-2019 u saħansitra naqset bi 2 % meta mqabbla mal-2021 (56). L-ebda parti interessata ma kkontestat tali data.

(157)

Din iż-żieda fil-kapaċità żejda kienet fil-biċċa l-kbira dovuta għall-pjanijiet ta’ finanzjament tal-GTĊ b’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja globali tal-2008-2009 (57). Billi l-kapaċità żejda Ċiniża hija appoġġata b’mod estensiv mill-interventi tal-GTĊ, meta d-domanda domestika tieqaf, bħal pereżempju wara l-pandemija tal-COVID-19 minħabba l-kriżi tas-settur tal-kostruzzjoni, is-suq Ċiniż jiġi affettwat minn provvista żejda (58).

3.1.4.   Il-konsegwenza tal-kapaċità żejda Ċiniża fuq il-prezzijiet

(158)

L-ilmentatur wera li r-riżultat ikkombinat taż-żieda fil-kapaċità tas-CRF u t-tnaqqis fid-domanda għas-CRF kien tnaqqis fil-prezzijiet tas-CRF fir-RPĊ. Fis-CNY, il-prezz tal-azzar tal-karbonju llaminat fil-kiesaħ fir-RPĊ naqas bejn l-2022 u l-2024 (59).

(159)

Għalhekk, il-produtturi Ċiniżi tal-azzar ġew imġiegħla jesportaw il-produzzjoni żejda tagħhom bil-prezzijiet baxxi li jirriżultaw mill-kapaċità żejda (60).

(160)

Tabilħaqq, il-kapaċità żejda fiċ-Ċina kkawżat żieda fl-esportazzjonijiet u tnaqqis fil-prezzijiet tal-azzar madwar id-dinja, u b’hekk iddestabbilizzat is-swieq globali tal-azzar. B’konsegwenza ta’ dan, il-miżuri, inklużi l-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ, kontra l-importazzjonijiet tal-azzar Ċiniżi, komplew jiżdiedu f’dawn l-aħħar snin (61).

(161)

Il-Kummissjoni ġabret evidenza f’dan ir-rigward matul l-investigazzjoni, b’mod partikolari permezz tat-tweġiba għall-kwestjonarju u l-verifika tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati. Tali evidenza wriet li anke l-pajjiżi kkonċernati kienu konxji tal-effetti dannużi tal-kapaċità żejda Ċiniża u ħafna minnhom ħadu miżuri biex jikkontrobattuha, kif spjegat fit-taqsimiet rilevanti.

(162)

Filwaqt li analiżi tal-volum u l-prezzijiet tal-importazzjoni f’kull pajjiż ikkonċernat hija inkluża fit-taqsimiet rilevanti, f’dan l-istadju l-Kummissjoni nnotat li, billi l-prezzijiet domestiċi Ċiniżi kienu affettwati mill-kapaċità żejda, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi fil-pajjiż ikkonċernat kienu jirrappreżentaw l-esternalizzazzjoni ta’ tali kapaċità żejda Ċiniża.

(163)

B’mod aktar speċifiku, fl-investigazzjoni anti-dumping tagħha dwar l-importazzjonijiet tas-CRF li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-RPĊ (62), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezzijiet tal-bejgħ domestiċi tas-CRF fir-RPĊ kienu affettwati minn distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku (63).

(164)

Din il-konklużjoni ntlaħqet ukoll abbażi tal-fatt li “[is-]suq tas-CRF [fir-RPĊ] huwa moqdi, sa ċertu punt sinifikanti, minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni jew il-gwida tal-politika tal-awtoritajiet tar-RPĊ” (64).

(165)

Fir-rigward tal-prezzijiet fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati, li jkunu baxxi minħabba l-pressjoni tal-prezzijiet Ċiniżi affettwati minn kapaċità żejda, l-ilmentatur spjega li dawn ikunu artifiċjalment baxxi minħabba li l-livell tal-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi ma jkunx ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet tas-suq. Skont l-ilmentatur, billi l-kumpaniji huma tant issussidjati b’mod profond, huma jistgħu jakkumulaw snin ta’ telf u ma jnaqqsux il-kapaċità.

(166)

Il-Kummissjoni, fit-taqsimiet rilevanti ta’ hawn taħt, waslet għal konklużjoni f’dan ir-rigward għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati, fid-dawl tal-importazzjonijiet rispettivi mir-RPĊ u l-livell tal-prezzijiet tagħhom.

3.1.5.   Il-konsegwenza tal-kapaċità żejda Ċiniża fuq il-profitti

(167)

L-ilmentatur spjega li l-prezzijiet artifiċjalment baxxi jimplikaw profitti aktar baxxi. F’dan ir-rigward, huwa rrapporta evidenza tad-deterjorament tal-profittabbiltà tal-produtturi Ċiniżi tal-azzar fl-2024 (65) u tal-fatt li l-prezzijiet domestiċi tal-azzar u l-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi kienu aktar baxxi mill-kost tal-produzzjoni (66).

(168)

Bħala konsegwenza tad-dħul tal-importazzjonijiet Ċiniżi affettwati mill-kapaċità żejda, skont l-ilmentatur, il-prezzijiet fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati jitbaxxew u l-produtturi domestiċi tal-azzar ma setgħux ikomplu jbigħu l-istess volumi, u b’hekk inaqqsu l-użu tal-kapaċità. B’riżultat ta’ dan, il-kostijiet fissi żdiedu ħafna, u dan kompla jnaqqas il-profitti. Fl-aħħar mill-aħħar, il-produtturi domestiċi ma jkunux jistgħu jinvestu aktar, u b’hekk isiru inqas innovattivi u inqas effiċjenti (67)..

(169)

Bħala konklużjoni, l-ilmentatur sostna li l-produtturi domestiċi tal-azzar barra mir-RPĊ kisbu profitti aktar baxxi mill-profitti li kienu jiksbu kieku l-kapaċità żejda Ċiniża ma żdiditx bil-mod kif żdiedet (68). L-ilmentatur ipprovda wkoll data dwar il-profittabbiltà tal-produtturi tas-CRF fil-pajjiżi kkonċernati. Is-sejbiet tal-investigazzjoni f’dan ir-rigward huma ppreżentati fit-taqsimiet rilevanti ta’ hawn taħt.

(170)

Il-Kummissjoni, fit-taqsimiet rilevanti ta’ hawn taħt, waslet għal konklużjoni f’dan ir-rigward għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati, fid-dawl tal-importazzjonijiet rispettivi mir-RPĊ u l-livell tal-prezzijiet tagħhom.

3.2.   L-Indja

3.2.1.   Sitwazzjoni partikolari tas-suq minħabba l-effett ta’ espulsjoni kkawżat mill-importazzjonijiet Ċiniżi

(171)

Sabiex tivvaluta l-eżistenza ta’ PMS fis-suq Indjan minħabba l-effett ta’ espulsjoni kkawżat mill-importazzjonijiet Ċiniżi tas-CRF, il-Kummissjoni l-ewwel analizzat il-grad ta’ penetrazzjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi fis-suq domestiku Indjan għas-CRF f’termini ta’ volum.

(172)

Il-Kummissjoni qabblet il-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi tas-CRF mal-konsum tal-Indja. Il-Kummissjoni straħet fuq id-data tal-produzzjoni, id-data tal-importazzjoni u d-data tal-esportazzjoni sottomessi mill-GTI bħala parti mit-tweġiba għall-kwestjonarju u li l-Kummissjoni kienet ivverifikat fuq il-post. Il-Kummissjoni stmat il-konsum tas-CRF fl-Indja bħala produzzjoni totali flimkien mal-importazzjonijiet u bit-tnaqqis tal-esportazzjonijiet.

Tabella 1

Il-konsum fl-Indja

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-konsum fl-Indja (stmat) (tunnellati)

18 322 098

19 390 835

21 708 857

21 178 934

L-importazzjonijiet kollha (tunnellati)

537 448

509 192

525 511

440 782

Importazzjonijiet miċ-Ċina (tunnellati)

17 681

23 269

63 775

52 992

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet kollha (%)

2,93

2,63

2,42

2,08

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina (%)

0,10

0,12

0,29

0,25

Sors:

Il-gvern tal-Indja, kalkoli proprji.

(173)

Bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied minn 0,10 % għal 0,25 %. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qieset li l-volumi tal-importazzjoni Ċiniżi fl-Indja kienu insinifikanti fir-rigward tal-konsum u baxxi wisq biex ikkawżaw effett ta’ espulsjoni.

(174)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq domestiku Indjan ma kienx affettwat minn sitwazzjoni partikolari tas-suq li tirriżulta mill-importazzjonijiet Ċiniżi minħabba l-kapaċità żejda fis-settur tal-azzar fir-RPĊ.

(175)

Wara d-divulgazzjoni finali, EUROFER talbet lill-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra s-sejbiet tagħha miġbura fil-qosor fil-premessi (171) sa (174). Il-Kummissjoni nnotat li l-EUROFER ma ppreżentat l-ebda informazzjoni jew evidenza ġdida li tbiddel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni u kkonfermat is-sejbiet u l-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (171) sa (174).

3.2.2.   Sitwazzjoni partikolari tas-suq minħabba miżuri dwar l-inputs

3.2.2.1.   Introduzzjoni

(176)

L-ilmentatur allega li kien hemm PMS skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku fis-suq tal-azzar Indjan. L-allegazzjonijiet saru fir-rigward ta’:

—

mineral tal-ħadid, inkluża estrazzjoni kaptiva;

—

faħam, inkluża estrazzjoni kaptiva;

—

ruttam tal-azzar;

—

integrazzjoni vertikali tal-produtturi tal-azzar Indjani.

(177)

Il-Kummissjoni investigat l-allegazzjonijiet fl-ilment u l-kummenti li waslu dwar il-bidu minn JSW, l-uniku produttur esportatur Indjan inkluż fil-kampjun, li ġew miġbura fil-qosor fil-premessi minn (58) sa (66). Il-Kummissjoni vvalutat ukoll it-tweġibiet għall-kwestjonarji sottomessi mill-GTI u minn JSW, li kienu ġew ivverifikati fuq il-post, kif indikat fil-premessa (103).

(178)

Abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarji, iż-żjarat ta’ verifika u s-sottomissjonijiet li waslu, il-Kummissjoni ċaħdet l-allegazzjonijiet fl-ilment dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq rigward il-faħam, ir-ruttam tal-azzar u l-integrazzjoni vertikali tal-produtturi tal-azzar Indjani minħabba li ma kienx hemm biżżejjed elementi fil-fajl li jikkonfermaw dawn l-allegazzjonijiet fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni. B’kuntrast ma’ dan, il-Kummissjoni investigat jekk l-allegazzjonijiet fl-ilment dwar il-mineral tal-ħadid, inkluża l-estrazzjoni kaptiva, kinux fondati sew u jekk kienx hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq li taffettwa l-prezzijiet domestiċi tas-CRF b’riżultat ta’ dan.

3.2.2.2.   L-eżistenza ta’ distorsjonijiet fis-suq tal-minerali tal-ħadid

3.2.2.2.1.   Introduzzjoni

(179)

Il-Kummissjoni stabbiliet f’din l-investigazzjoni li l-HRF kien l-input ewlieni għall-produzzjoni tas-CRF li kien jeħtieġ mineral tal-ħadid għall-produzzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li, billi JSW kellha proċess ta’ manifattura integrat vertikalment, is-CRF manifatturati mill-HRF kienu ġew manifatturati bl-użu tal-mineral tal-ħadid. Il-mineral tal-ħadid użat fil-produzzjoni tal-HRF oriġina minn wieħed jew aktar mit-tliet sorsi li ġejjin: i) ix-xiri domestiku tal-mineral tal-ħadid; (ii) mineral tal-ħadid estratt direttament mill-produttur esportatur u (iii) mineral tal-ħadid importat.

(180)

Il-Kummissjoni stabbiliet li l-miżuri li ġejjin implimentati mill-GTI kienu qed ibaxxu b’mod artifiċjali l-prezz tal-mineral tal-ħadid akkwistat domestikament għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat:

—

L-interferenza tal-GTI fis-suq domestiku tal-minerali tal-ħadid;

—

Il-GTI induċa distorsjonijiet fl-estrazzjoni kaptiva tal-mineral tal-ħadid għall-produzzjoni tal-azzar;

—

Taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid b’kontenut ta’ ħadid ogħla minn 58 %;

—

Restrizzjonijiet fuq it-trasport ferrovjarju domestiku tal-mineral tal-ħadid immirati lejn l-esportazzjonijiet.

(181)

Il-Kummissjoni analizzat kull waħda minn dawn il-miżuri u l-impatt tagħhom fuq il-prezz tal-mineral tal-ħadid użat għall-produzzjoni tas-CRF.

3.2.2.2.2.   Interferenza tal-GTI fis-suq domestiku Indjan tal-mineral tal-ħadid

(182)

Il-Kummissjoni investigat ir-rwol tal-GTI fis-suq domestiku tal-mineral tal-ħadid u l-effetti tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-GTI fuq il-provvista u l-prezz tal-mineral tal-ħadid. Il-Kummissjoni nnotat li wieħed mill-objettivi tal-Politika Nazzjonali tal-Azzar tal-2017 (69), kif ikkomunikat uffiċjalment mill-Gvern tal-Indja wara l-approvazzjoni tagħha (70), kien li tiġi żgurata provvista abbundanti ta’ mineral tal-ħadid domestikament għall-benefiċċju tal-produzzjoni downstream tal-azzar, li għalhekk kienet tinkludi s-CRF. Il-Kummissjoni analizzat kif dawn il-politiki tal-GTI affettwaw il-formazzjoni tal-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid għall-bejgħ domestiku fis-suq Indjan u kif affettwaw l-istruttura tas-suq domestiku u l-provvista tal-mineral tal-ħadid għall-produtturi tal-azzar.

(183)

Il-GTI spjega, kif ikkonfermat mir-Regoli tal-2016 dwar il-Konċessjonijiet tal-Minerali (71), li l-Uffiċċju Indjan tal-Minjieri (IBM, Indian Bureau of Mines), li kien uffiċċju subordinat taħt il-Ministeru tal-Minjieri, ippubblika prezzijiet referenzjarji ta’ kull xahar għal diversi minerali, inkluż il-bejgħ kollu tal-minerali tal-ħadid, li kien jinkludi dawk użati għall-produzzjoni tas-CRF. Il-GTI żied li l-kumpaniji li jbigħu l-mineral tal-ħadid iridu jirrapportaw kull xahar lill-IBM il-volum u l-valur tal-mineral tal-ħadid mibjugħ lill-klijenti kollha tagħhom. L-IBM ġabar id-data kollha u ppubblika prezz referenzjarju li jirriżulta mill-medja ponderata tar-rapporti kollha tal-bejgħ għal kull tip u grad ta’ mineral tal-ħadid għal kull reġjun rilevanti fl-Indja.

(184)

Fir-rigward tal-istruttura tas-suq, żewġ Intrapriżi tal-Istat (“SOEs”), jiġifieri l-Korporazzjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp tal-Minerali (“NMDC”, National Mineral Development Corporation) u l-Korporazzjoni tal-Estrazzjoni ta’ Odisha (“OMC”, Odisha Mining Corporation), kienu jifformaw sehem sostanzjali mill-mineral tal-ħadid kollu mibjugħ fis-suq Indjan. Il-minjieri tal-minerali tal-ħadid fl-Indja huma proprjetà tal-Istat, li min-naħa tiegħu jista’ jagħti konċessjoni lill-operaturi biex jisfruttawhom. Il-Kummissjoni investigat kif ħadem l-ipprezzar ta’ dawn id-drittijiet tal-estrazzjoni għall-kumpaniji differenti, u jekk il-mekkaniżmu tal-ġbir tal-prezzijiet għall-bejgħ kollu permezz tal-Uffiċċju Indjan tal-Minjieri (“IBM”) (72) affettwax il-prezz domestiku tal-mineral tal-ħadid. Il-GTI spjega li riforma fl-2015 tal-Liġi dwar l-Iżvilupp u r-Regolamentazzjoni tal-Minjieri u tal-Minerali (73) kienet teħtieġ li l-Istat jagħti d-drittijiet għall-isfruttament tal-minjieri tal-minerali tal-ħadid permezz ta’ rkantar. Il-GTI indika wkoll li l-NMDC u l-OMC kienu qed jisfruttaw minjieri li ma kinux soġġetti għal irkantar minħabba li kienu kisbu d-drittijiet tal-estrazzjoni tagħhom ħafna qabel ma ġiet implimentata r-riforma tal-2015, u b’hekk kienu jissejħu “minjieri pre-eżistenti”.

(185)

Il-Kummissjoni fittxet li tiġbor l-informazzjoni rilevanti l-oħra kollha dwar il-minjieri pre-eżistenti, inklużi s-sjieda u l-ġestjoni tagħhom, l-ipprezzar u l-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-estrazzjoni tagħhom. Il-GTI ssottometta biss informazzjoni limitata ħafna u pprovda ftit kjarifika dwar l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-GTI ma ssottomettiex ir-rapporti tal-kostijiet għall-NMDC u għall-OMC minkejja talbiet ripetuti mill-Kummissjoni, kif ukoll informazzjoni dettaljata rigward ir-remunerazzjoni, id-durata u l-kundizzjonijiet għall-minjieri pre-eżistenti u, b’hekk, l-impatt tad-dominanza tagħhom fis-suq fuq il-formazzjoni tal-prezzijiet domestiċi. Il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-GTI bbażata fuq l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku fil-15 ta’ Ġunju 2026 li fiha tat dettalji tal-informazzjoni kollha nieqsa u l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-fatti disponibbli.

(186)

Il-GTI wieġeb fil-25 ta’ Ġunju 2026 u afferma li kien ikkoopera bis-sħiħ fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-GTI allega li jekk il-Kummissjoni qieset l-informazzjoni bħala insuffiċjenti, hija kellha tindirizzaha matul iż-żjara ta’ verifika. Fl-aħħar nett, il-GTI ssottometta informazzjoni addizzjonali dwar il-kwistjonijiet imqajma fl-ittra tal-Kummissjoni.

(187)

Il-Kummissjoni ma qablitx u qieset li l-informazzjoni li l-GTI kien issottometta qabel l-ittra tal-Artikolu 18(4) ma kinitx biżżejjed biex hija twettaq il-valutazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-iskop taż-żjara ta’ verifika ma kienx li tinkiseb l-informazzjoni mitluba li ma ġietx sottomessa, iżda minflok li tiġi vverifikata l-informazzjoni li fil-fatt kienet ġiet sottomessa (74). Fir-rigward tal-informazzjoni sostantiva addizzjonali sottomessa mill-GTI, li kollha kienet ġiet immarkata mill-GTI bħala sensittiva, il-Kummissjoni ma qisitx li biddlet il-valutazzjoni tagħha u kkonkludiet li jenħtieġ li l-GTI jivvaluta s-sejbiet tal-Kummissjoni wara d-divulgazzjoni biex jiġi stabbilit jekk il-kummenti tiegħu kinux rilevanti u applikabbli.

(188)

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-GTI, il-Kummissjoni kellha tirrikorri għall-fatti disponibbli biex tasal għal konklużjonijiet dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid domestiku, jiġifieri fir-rigward tal-ipprezzar u l-kundizzjonijiet għad-drittijiet tal-estrazzjoni taħt is-sistema qabel l-2015, il-kostijiet u l-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid tagħhom ukoll meta mqabbla mal-bqija tal-atturi tas-suq minbarra l-minjieri pre-eżistenti, inkluża l-produzzjoni tal-mineral tal-ħadid ta’ JSW stess.

(189)

Fil-31 ta’ Lulju 2023, l-Istitut għall-Istudji fl-Iżvilupp Industrijali (“ISID”, Institute for Studies in Industrial Development), bħala parti mill-inizjattiva ta’ promozzjoni tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni tal-Indja, ippubblika studju dwar il-kompetizzjoni fis-settur tal-estrazzjoni b’enfasi fuq il-minerali tal-ħadid (75). Ir-rapport ikkonferma li l-akbar żewġ atturi (NMDC u OMC) kienu fil-biċċa l-kbira dawk li jagħmlu l-prezzijiet tal-IBM u li l-bqija tal-atturi tas-suq kienu l-prendituri tal-prezzijiet. L-informazzjoni sottomessa mill-GTI indikat li l-biċċa l-kbira tal-minjieri operati minn dawn iż-żewġ atturi kienu minjieri pre-eżistenti. Barra minn hekk, il-minjieri pre-eżistenti operati minn kumpaniji tal-Istat, bħal NMDC u OMC, kellhom iħallsu 150 % tar-royalty pagabbli, jiġifieri 22,5 % tal-prezz tal-IBM (150 % ta’ 15 %). Il-Kummissjoni nnotat li din ir-rata kienet ferm aktar baxxa mir-rati mħallsin minn JSW għall-minjieri li kienu allokati lilha wara s-sena 2015 permezz ta’ rkantar. Il-Kummissjoni stabbiliet, abbażi ta’ dawn is-sorsi, li filwaqt li qieset is-sehem sinifikanti mis-suq u l-prezzijiet baxxi offruti mill-minjieri pre-eżistenti, prinċipalment minħabba l-għoti ta’ drittijiet tal-estrazzjoni mill-GTI li ma humiex soġġetti għal irkantar u l-fatt li dawn il-kumpaniji huma proprjetà tal-GTI u ġestiti minnu, NMDC u OMC kienu dawk li ffissaw il-prezz tal-IBM u l-kumpaniji l-oħrajn kellhom isegwu dan il-prezz. Il-Kummissjoni kkonkludiet li, kieku NMDC u OMC kellhom jikkompetu ma’ operaturi oħrajn permezz ta’ rkantar għad-dritt li jisfruttaw il-minjieri pre-eżistenti tagħhom, dawn iż-żewġ kumpaniji kien ikollhom kostijiet ferm ogħla u, għalhekk, kien ikollhom ibigħu bi prezzijiet ferm ogħla biex jibqgħu profittabbli.

(190)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTI afferma li l-evidenza użata mill-Kummissjoni biex tiddikjara li l-NMDC u l-OMC kienu l-fornituri predominanti u għalhekk dawk li jiffissaw il-prezz tal-IBM, kienet difettuża. L-ewwel nett, il-GTI afferma li d-data użata fir-rapport tal-ISID kienet minn sentejn qabel il-PI u għalhekk is-sehem mis-suq ta’ 65 % attribwit lill-NMDC u lill-OMC ma setax jintuża. It-tieni, il-GTI ssottometta data mmarkata bħala sensittiva li, skontu, kienet tagħti prova li s-sehem mis-suq tal-NMDC u tal-OMC kien sostanzjalment inqas minn 65 %. It-tielet, il-GTI nnota li r-rapport tal-ISID iddikjara li l-mineral tal-ħadid kien settur deregolat u li l-gvern ma kellux rwol dirett fl-iffissar tal-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid.

(191)

Il-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika parti mid-data sensittiva sottomessa mill-GTI, peress li ma kienx fiha informazzjoni granulari biżżejjed, b’mod partikolari d-diżaggregazzjoni li turi liema kumpaniji kienu ġew raggruppati bħala kaptivi u liema bħala mhux kaptivi. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni xorta tqis sehem kombinat ta’ madwar 45-50 % bħala sinifikanti. Aktar importanti minn hekk, il-Kummissjoni qieset li s-sehem mis-suq ma kienx l-uniku parametru biex jiġi stabbilit li l-NMDC u l-OMC kienu dawk li jiffissaw il-prezzijiet. F’din l-investigazzjoni, il-vantaġġ fil-kost li bbenefikaw minnu l-NMDC u l-OMC, kif spjegat fil-premessa (193), kien ukoll element ewlieni li ppermetta lil dawn il-kumpaniji jistabbilixxu l-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat fil-premessa (193) li ċerti fornituri domestiċi kellhom inċentiv biex iżommu l-prezzijiet tal-IBM baxxi biex inaqqsu l-ammont ta’ taxxi mħallsa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li d-dikjarazzjoni fir-rapport tal-ISID ikkwotata mill-GTI indikat li l-gvern ma kellux rwol “dirett” fl-iffissar tal-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid u dan ma kienx ifisser li l-gvern ma kellux rwol indirett permezz tal-mekkaniżmu li kien stabbilixxa għall-minjieri pre-eżistenti u għall-minjieri rkantati. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-paragrafu (198), wara l-analiżi stabbilita fil-premessi (182) sa (197), li l-gvern kien tabilħaqq jinterferixxi fil-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(192)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTI ssottometta informazzjoni mmarkata bħala sensittiva biex jafferma li t-termini tal-lokazzjonijiet pre-eżistenti ma rriżultawx fi prezzijiet tal-bejgħ aktar baxxi minn dawk tas-suq.

(193)

Il-Kummissjoni nnotat li l-informazzjoni disponibbli fil-fajl, li kienet ta’ natura sensittiva, uriet, kif iddikjarat fil-premessa (189), li l-minjieri pre-eżistenti ħallsu royalties ferm aktar baxxi minn dawk li ħallset JSW għall-minjieri li kienu ġew allokati lilha wara l-2015 permezz ta’ rkantar. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni. Il-Kummissjoni kkonfermat dawn is-sejbiet abbażi ta’ elementi addizzjonali li jinsabu fil-fajl. L-ewwel nett, id-data pprovduta minn JSW u vverifikata mill-Kummissjoni tikkonferma s-sejba li l-prezzijiet tal-IBM kienu artifiċjalment baxxi. Minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, ir-raġunament tal-Kummissjoni ġie divulgat speċifikament lil JSW. It-tieni, billi l-imposti bħad-drittijiet ta’ konċessjoni u r-royalties kienu marbuta mal-prezz tal-IBM, il-mekkaniżmu tal-ipprezzar kien fih inċentiv inerenti għall-fornituri domestiċi kollha tal-minerali tal-ħadid biex jallinjaw il-prezzijiet tagħhom mal-prezz tal-IBM (u, għalhekk, dak tal-minjieri pre-eżistenti) biex jimminimizzaw l-ammont imħallas f’imposti bħal royalties u drittijiet ta’ konċessjoni, u b’hekk iżommu l-prezz tal-mineral tal-ħadid domestiku artifiċjalment baxx.

(194)

Barra minn hekk, il-Kontrollur u l-Awditur Ġenerali tal-Indja tal-Gvern ta’ Odisha, li huwa korp pubbliku Indjan, irrakkomanda fl-2024 lill-GTI, wara awditu (76), biex jinvestiga r-rapportar ta’ prezzijiet baxxi tal-mineral fil-minjiera (“ex-mine prices”) mill-konċessjonarji, sabiex jiġi aċċertat jekk dan kienx qed isir deliberatament sabiex jitnaqqas il-prezz medju tal-bejgħ u, konsegwentement, ir-royalty u l-primjum pagabbli.

(195)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTI afferma li r-rapport tal-2024 imsemmi fil-premessa (194) ma stabbilix ipprezzar inferjuri. L-ewwel nett, ir-rapport kien limitat għal sitt lokatarji awditjati. It-tieni, anke kieku l-lokatarji kienu rrapportaw prezzijiet aktar baxxi minn dawk reali, dan ma kienx jagħti prova li l-prezz tal-IBM kien aktar baxx milli suppost. It-tielet, ir-rapport kopra l-perjodu mill-2020 sal-2022 u għalhekk ma kienx rilevanti għall-PI. Ir-raba’, il-GTI afferma li l-gvern minn dak iż-żmien ħa miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni ta’ rapportar ħażin.

(196)

Il-Kummissjoni nnotat li kellha aktar evidenza sensittiva fil-fajl fir-rigward tal-interess tal-atturi tas-suq li jżommu prezz baxx tal-IBM. Fir-rigward tar-rapport, l-ewwel nett, dan ikkonferma r-raġuni għaliex il-kumpaniji kellhom interess li jżommu l-prezzijiet tal-IBM baxxi u, it-tieni, ipprovda eżempji reali ta’ din il-prattika. Peress li l-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-prezz tal-IBM u r-rwol tiegħu li jservi bħala indiċi għall-ħlas tat-taxxi ma nbidlux, il-Kummissjoni ma qisitx li huwa rilevanti li l-eżempji kienu seħħew qabel il-PI. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-GTI ma ssottomettiex evidenza dwar il-bidliet li fil-fatt kien introduċa biex inaqqas il-prattika ta’ sottorapportar jew evalwazzjoni li turi li dawk il-bidliet kienu effettivi. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(197)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat żewġ indikaturi addizzjonali li juru li l-politiki tal-GTI kienu qed jilħqu l-objettiv tiegħu li jagħmel il-mineral tal-ħadid disponibbli domestikament għall-produzzjoni tal-azzar, inkluż is-CRF. L-ewwel nett, il-kwantitajiet importati kienu negliġibbli. It-tieni, minkejja li l-Indja hija r-raba’ l-akbar produttur tal-minerali tal-ħadid fid-dinja, il-kwantitajiet esportati kienu żgħar ħafna meta mqabbla mal-kwantitajiet prodotti.

(198)

Abbażi ta’ din l-informazzjoni kollha, kif ukoll meta jitqiesu l-miżuri l-oħrajn tal-GTI fir-rigward tal-minerali tal-ħadid spjegati fid-dettall f’din it-taqsima, il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li: (i) l-interferenza tal-GTI fis-suq domestiku tal-minerali tal-ħadid ħolqot struttura fejn il-minjieri pre-eżistenti tal-Istat kienu l-fornituri predominanti u, b’hekk, kienu huma li jiffissaw il-prezzijiet; (ii) dawn il-minjieri pre-eżistenti kisbu d-drittijiet tal-estrazzjoni tagħhom qabel ir-riforma tal-2015, u fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-GTI, ġie dedott li, minħabba s-sjieda tal-Istat tagħhom u l-fatt li ma kien hemm l-ebda rkantar f’dak iż-żmien, id-drittijiet tal-estrazzjoni tagħhom ingħataw f’kundizzjonijiet mhux tas-suq favorevoli ħafna, li jippermettulhom jiffissaw il-prezz tal-mineral tal-ħadid f’livell ferm aktar baxx minn dak tal-kompetituri tagħhom, minflok f’valur ġust tas-suq; (iii) il-mekkaniżmu tal-prezz tal-IBM implimentat mill-GTI, li jintuża bħala indiċi għal ċerti tariffi u taxxi, wassal għal prezz artifiċjalment baxx għat-tipi u l-gradi kollha ta’ mineral tal-ħadid, inkluż għall-mineral tal-ħadid fornut lil JSW għall-produzzjoni tas-CRF.

3.2.2.2.3.   Is-suq kaptiv tal-mineral tal-ħadid fil-produzzjoni tal-azzar

(199)

JSW kellha d-drittijiet mogħtija mill-GTI biex tisfrutta xi minjieri tal-mineral tal-ħadid. Minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, ġew divulgati dettalji addizzjonali speċifikament lil JSW.

(200)

Il-Kummissjoni investigat jekk il-kundizzjonijiet u l-ipprezzar għall-minjieri użati minn JSW b’mod kaptiv għall-produzzjoni tas-CRF kinux distorti bħala riżultat tal-politiki tal-GTI. Il-Kummissjoni stabbiliet li r-riforma tal-2015 tal-Liġi dwar il-Minjieri msemmija fil-premessa (184) introduċiet ir-rekwiżit li l-gvernijiet tal-Istati jirkantaw l-allokazzjoni tad-drittijiet tal-estrazzjoni tal-minerali, inkluż tal-mineral tal-ħadid. Skont ir-regola 6 tar-regoli dwar (l-Irkant) tal-Minerali mill-2015 (77), l-applikanti jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti fit-Taqsima 5 tal-Liġi dwar il-Minjieri u l-Minerali (78), li ddikjarat li Gvern ta’ Stat ma setax jagħti konċessjoni minerali, sakemm il-persuna ma kinitx ċittadina jew kumpanija Indjana. Għalhekk, billi eskludiet kumpaniji barranin mill-proċess tal-offerti, il-Kummissjoni ma qisitx il-proċess tal-offerti bħala ġenwinament miftuħ, minħabba li kien ristrett għal għadd limitat ta’ atturi potenzjali fis-suq domestiku, u eskludiet l-operaturi barranin kollha tal-minerali tal-ħadid li potenzjalment setgħu jissottomettu offerti aktar kompetittivi mill-operaturi domestiċi.

(201)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTI afferma li l-Kummissjoni kienet naqset milli turi li l-esklużjoni tal-offerenti mhux Indjani mill-konċessjonijiet irriżultat fid-distorsjoni tal-mineral tal-ħadid mibjugħ b’mod kaptiv.

(202)

Il-Kummissjoni qieset li t-tnaqqis fl-għadd ta’ offerenti eliġibbli effettivament naqqas il-kompetizzjoni u għalhekk neħħa l-possibbiltà li jiġu riċevuti offerti ogħla minn parteċipanti mhux Indjani, punt li l-GTI ma kkontestax. Il-Kummissjoni qieset dan bħala distorsjoni u qieset li kien irrilevanti li tispekula dwar kif kienu jkunu l-prezzijiet kieku l-offerenti mhux Indjani tħallew jipparteċipaw. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(203)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat il-kundizzjonijiet tal-ipprezzar tad-drittijiet tal-estrazzjoni mogħtija lil JSW. Billi r-rata tal-offerti għad-drittijiet tal-estrazzjoni u, konsegwentement, il-prezz effettiv għad-drittijiet tal-estrazzjoni huma marbuta mal-prezz tal-IBM, ir-royalties li jirriżultaw imħallsin fuq il-mineral tal-ħadid estratt huma affettwati direttament mil-livell tal-prezz tal-IBM. B’riżultat ta’ dan, id-distorsjonijiet li jirriżultaw mill-interventi tal-GTI fis-suq domestiku tal-mineral tal-ħadid spjegati fid-dettall fit-taqsima 3.2.2.2.2 affettwaw ukoll direttament l-ipprezzar tad-drittijiet tal-estrazzjoni tal-minerali tal-ħadid ta’ JSW. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezz għall-mineral tal-ħadid estratt minn JSW kien ukoll distort.

(204)

Abbażi tar-restrizzjonijiet leġiżlattivi biex jingħataw drittijiet tal-estrazzjoni skont il-Liġi dwar il-Minjieri u l-Minerali msemmija fil-premessa (200), kif ukoll tar-rabta tar-royalties u tad-drittijiet ta’ konċessjoni mogħtija lil JSW mal-formazzjoni distorta tal-prezzijiet tal-IBM, il-Kummissjoni kkonkludiet li anke l-mineral tal-ħadid akkwistat b’mod kaptiv minn JSW kien affettwat minn distorsjonijiet fis-suq Indjan.

3.2.2.2.4.   Taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid b’kontenut ta’ ħadid ogħla minn 58 %

(205)

Minbarra d-distorsjonijiet li jikkonċernaw il-formazzjoni tal-prezzijiet u l-estrazzjoni kaptiva applikabbli għall-gradi kollha ta’ minerali tal-ħadid użati minn JSW, il-GTI kellu fis-seħħ mill-inqas mill-2012 u inkluż il-PI, taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid b’kontenut ta’ ħadid ogħla minn 58 %. Minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, dettalji addizzjonali dwar l-użu ta’ dak il-grad mill-produttur esportatur li kkoopera ġew divulgati speċifikament lil JSW.

(206)

Matul il-PI, il-miżura kienet fis-seħħ skont in-Notifika Nru. 58/2022-Dwana (79) għall-mineral tal-ħadid b’kontenut ta’ ħadid ogħla minn 58 %. Il-Kummissjoni kienet diġà vvalutat din il-miżura fl-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza tal-2022 dwar l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili mill-Indja (80) (“pajpijiet duttili”) fejn kienet ikkonkludiet fil-premessa (147) li l-miżura fdat jew ordnat lill-kumpaniji domestiċi tal-estrazzjoni tal-minerali tal-ħadid biex ibigħu l-mineral tal-ħadid lokalment bi prezz irħis. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-miżura kienet kisbet l-effett ta’ politika mixtieq biex tnaqqas il-prezz domestiku tal-mineral tal-ħadid għal livell artifiċjalment baxx għall-vantaġġ tal-industrija downstream, inklużi l-produtturi tal-prodott ikkonċernat, u b’hekk toħloq distorsjoni fis-suq domestiku tal-mineral tal-ħadid fl-Indja. F’dawk id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni qieset ammont kbir ħafna ta’ evidenza, inklużi x-xogħlijiet preparatorji tal-leġiżlazzjoni u r-regolamentazzjoni rilevanti, il-monitoraġġ proattiv tal-implimentazzjoni tal-miżura mill-GTI sabiex jiġi żgurat li jkun intlaħaq l-objettiv ta’ politika maħsub, kif ukoll l-effetti ekonomiċi ċari maħluqa minn din ir-restrizzjoni, li wasslu għal tnaqqis ċar fil-prezz domestiku fiż-żmien tal-introduzzjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni, li jirrifletti wkoll il-livell tagħha.

(207)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTI afferma li t-taxxa fuq l-esportazzjoni kienet applikabbli biss għall-mineral tal-ħadid b’kontenut ta’ ħadid ogħla minn 58 %, li huwa wieħed mis-seba’ gradi li ġew traċċati skont is-sistema tal-ipprezzar tal-IBM u li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni dwar il-gradi tal-mineral tal-ħadid miksuba minn JSW. Barra minn hekk, il-GTI afferma li s-sejba tal-Kummissjoni li l-miżura kisbet l-effett ta’ politika mixtieq kienet tikkorrispondi għal investigazzjoni preċedenti relatata ma’ prodott differenti u PI differenti u għalhekk ma setgħetx tintuża. Il-GTI afferma ulterjorment li l-volumi sostanzjali ta’ esportazzjoni rreġistrati fil-PI jikkontradixxu s-sejbiet tal-Kummissjoni.

(208)

Il-Kummissjoni nnotat li l-informazzjoni sensittiva fil-fajl kienet tinkludi data granulari biżżejjed dwar il-gradi tal-mineral tal-ħadid akkwistati minn JSW biex twettaq l-analiżi. Il-Kummissjoni qieset ukoll li peress li s-sejba kienet relatata mal-istess taxxa fuq l-esportazzjoni relatata mal-istess grad ta’ mineral tal-ħadid u li ma nbidlitx mill-investigazzjoni preċedenti, tali sejba baqgħet valida. Fir-rigward tal-volumi tal-esportazzjonijiet, il-Kummissjoni sabet li din l-affermazzjoni hija irrilevanti peress li taxxa fuq l-esportazzjoni hija min-natura tagħha restrizzjoni fuq l-esportazzjoni. Fi kwalunkwe każ, kif innotat fil-premessa (197), il-volum ġenerali tal-esportazzjonijiet ta’ mineral tal-ħadid kien żgħir ħafna meta mqabbel mal-livell ta’ produzzjoni, filwaqt li ġie nnotat li, kif indikat fil-paġna xi tar-rapport tal-ISID, l-Indja kienet fost l-akbar produtturi tad-dinja ta’ mineral tal-ħadid. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

3.2.2.2.5.   Restrizzjonijiet għat-trasport tal-minerali tal-ħadid immirati lejn l-esportazzjonijiet

(209)

Fl-2021, il-GTI adotta l-hekk imsejħa “Politika dwar il-Mineral tal-Ħadid mill-2021” (81). L-għan iddikjarat tal-miżura kien li tippromwovi l-manifattura domestika tal-azzar kif iddikjarat fl-ewwel paragrafu tal-introduzzjoni tagħha. Għal dak il-għan, il-politika stabbiliet erba’ kategoriji ta’ klijenti kklassifikati skont il-prijorità biex jiksbu vaguni allokati għat-trasport tal-mineral tal-ħadid. Il-klijenti, li kienu jinkludu esportazzjonijiet ta’ mineral tal-ħadid, tqiegħdu fir-raba’ kategorija ta’ klijenti, jiġifieri, il-kategorija bl-inqas prijorità. Din il-miżura ħolqot preġudizzju ċar favur il-provvista domestika tal-mineral tal-ħadid, f’konformità mal-politiki ġenerali tal-GTI biex tiġi pprovduta provvista abbundanti ta’ minerali tal-ħadid bi prezzijiet irħas għall-produtturi domestiċi downstream. Il-produtturi tal-mineral tal-ħadid li huma lesti li jesportaw il-mineral tal-ħadid jiffaċċjaw ostaklu addizzjonali minn din il-miżura jekk jikkunsidraw li jesportaw minflok ma jfornu l-mineral tal-ħadid domestikament. Dan huwa kkonfermat ukoll mil-livell baxx ħafna ta’ esportazzjonijiet ta’ minerali tal-ħadid mill-Indja. Rapport ippubblikat f’Jannar 2026 mill-Ministeru Indjan tal-Portijiet, it-Tbaħħir u l-Passaġġi fuq l-Ilma (82) indika din ir-restrizzjoni bħala l-ewwel kwistjoni li kellha tiġi indirizzata sabiex jiżdied it-trasport bil-baħar tal-minerali tal-ħadid. Ir-rapport, fit-Tabella 18 tiegħu, appella biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ rakes għall-evakwazzjoni tal-mineral tal-ħadid mill-minjieri lejn il-Portijiet taħt l-allokazzjoni tal-Kategorija D mill-Ministeru tal-Ferroviji. Ir-rapport ikkonkluda li din ir-restrizzjoni tirriżulta f’allokazzjoni residwa u inċerta ta’ rakes, b’mod partikolari matul perjodi ta’ domanda għolja minn komoditajiet ta’ prijorità ogħla, li twassal għal dewmien sistemiku fit-tqegħid ta’ rakes għall-evakwazzjoni tal-minerali tal-ħadid lejn il-portijiet. Ir-rapport jagħti bħala eżempju l-Port ta’ Paradip, li għandu kapaċità ta’ mmaniġġar ta’ 18-il rake kuljum għall-mineral tal-ħadid, iżda l-provvista ta’ rakes kellha medja ta’ 3,83 rakes/jum fis-sena finanzjarja 2022-2023 u 4,09 rakes/jum fis-sena finanzjarja 2023-2024.

(210)

Il-Kummissjoni kienet ivvalutat ukoll din il-miżura fl-investigazzjoni dwar il-pajpijiet duttili u kienet innotat fil-premessa (151) li hija tat prijorità lit-trasport domestiku tal-mineral tal-ħadid fuq it-trasport tal-mineral tal-ħadid għall-esportazzjoni. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-iskop tal-politika kien li tippromwovi l-manifattura domestika tal-azzar. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-politika kienet tikkostitwixxi miżura favur l-industrija domestika tal-azzar li turi l-objettiv tagħha li tbaxxi l-prezz tal-mineral tal-ħadid.

(211)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTI afferma li l-miżura ma kinitx tirregola l-prezzijiet u li l-għoti ta’ prijorità aktar baxxa lill-merkanzija għall-esportazzjoni ma kienx juri li l-prezzijiet domestiċi tal-mineral tal-ħadid kienu distorti. Il-GTI żied li l-Kummissjoni naqset milli turi rabta kawżali bejn il-miżuri u l-produtturi investigati. Barra minn hekk, il-GTI afferma li l-istatistika msemmija mill-Kummissjoni ssuġġeriet restrizzjoni limitata għal port speċifiku u li ma kinitx isservi biex tiġi stabbilita rabta kawżali mal-produttur esportatur investigat.

(212)

Il-Kummissjoni qieset l-affermazzjoni li l-miżura ma rregolatx il-prezzijiet direttament bħala irrilevanti. Il-Kummissjoni qieset li miżura li tat prijorità lit-trasport tal-mineral tal-ħadid domestiku fuq l-esportazzjonijiet tal-mineral tal-ħadid kienet restrizzjoni fuq l-esportazzjoni mmirata b’mod effettiv biex tiffavorixxi l-industrija domestika tal-azzar, inkluż il-produttur esportatur investigat. Barra minn hekk, fil-premessi (216) sa (219), il-Kummissjoni kkwantifikat il-benefiċċju għall-produttur esportatur investigat li jirriżulta mill-miżuri kollha elenkati fil-premessa (180). Il-Kummissjoni nnotat li l-objettiv tal-istatistika rrapportata kien li tipprovdi eżempju reali ta’ kif il-miżura kienet tabilħaqq qed tfixkel l-esportazzjonijiet tal-mineral tal-ħadid u għalhekk li l-miżura kkontribwiet għad-distorsjoni tal-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid kif konkluż fil-premessa (213). Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

3.2.2.2.6.   Konklużjoni

(213)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri kollha ta’ hawn fuq implimentati mill-GTI rriżultaw fi provvista stabbli ta’ minerali tal-ħadid bi prezzijiet distorti għall-benefiċċju tal-produtturi domestiċi tal-azzar fl-Indja.

3.2.2.3.   L-eżistenza ta’ Sitwazzjoni Partikolari tas-Suq li taffettwa l-Prezzijiet domestiċi tas-CRF

(214)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk il-miżuri identifikati fit-Taqsima 3.2.2.2 ippromulgati mill-GTI u li rriżultaw f’kostijiet ta’ input artifiċjalment baxxi tal-mineral tal-ħadid għall-produtturi domestiċi tal-azzar kinux jikkostitwixxu PMS li taffettwa l-prezzijiet domestiċi tas-CRF skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni qieset kif dawn il-miżuri kellhom impatt fuq il-kostijiet tal-produzzjoni tas-CRF fl-Indja.

(215)

Il-Kummissjoni analizzat jekk il-prezzijiet domestiċi tal-mineral tal-ħadid fis-suq Indjan kinux tabilħaqq aktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq mingħajr distorsjoni mhux affettwati minn dawn id-distorsjonijiet. Il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuq id-data miġbura minn JSW, minħabba li din kienet de facto l-uniku produttur esportatur tal-prodott taħt investigazzjoni u kienet tirrappreżenta wkoll sehem sostanzjali mill-produzzjoni u l-bejgħ domestiċi tas-CRF. Il-Kummissjoni vverifikat li l-prezzijiet domestiċi ta’ JSW imħallsin għax-xiri tal-mineral tal-ħadid użat fil-produzzjoni tas-CRF kienu konformi mal-prezzijiet rilevanti ppubblikati mill-IBM. Billi l-mekkaniżmu tal-prezzijiet tal-IBM żgura li l-prezzijiet kollha tal-bejgħ domestiku tal-mineral tal-ħadid kienu sostanzjalment allinjati ma’ dan il-prezz, inkluż ix-xiri minn JSW, il-Kummissjoni ffokat l-analiżi dettaljata tagħha tal-prezzijiet fuq id-data ta’ JSW.

(216)

Sabiex jiġi vverifikat l-impatt tad-distorsjonijiet li jġibu magħhom il-miżuri tal-GTI fuq il-prezzijiet domestiċi tal-mineral tal-ħadid, il-Kummissjoni kkunsidrat parametru referenzjarju li jista’ jintuża biex jirrappreżenta l-prezzijiet mingħajr distorsjoni tal-mineral tal-ħadid f’kundizzjonijiet normali tas-suq fis-suq domestiku. Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni għal JSW.

(217)

Il-kost tal-mineral tal-ħadid għal JSW huwa l-kost ponderat tat-tliet sorsi rilevanti għall-mineral tal-ħadid indikati fil-premessa (179). Għar-raġunijiet ipprovduti fil-premessi (182) sa (198), il-Kummissjoni qieset li l-prezzijiet domestiċi kollha tal-mineral tal-ħadid kienu affettwati mill-imsemmija distorsjonijiet u, b’hekk, ma kien jeżisti l-ebda prezz domestiku mhux distort xieraq sabiex jitqabbel l-effett tal-politiki tal-GTI, hekk kif l-erba’ sorsi ewlenin ta’ distorsjonijiet affettwaw il-mineral tal-ħadid kollu mibjugħ domestikament. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tqabbel il-prezzijiet domestiċi tal-mineral tal-ħadid imħallsin minn JSW u l-prezzijiet tal-IBM ma’ parametru referenzjarju li kien rappreżentattiv u qrib kemm jista’ jkun ta’ prezz domestiku altrimenti mingħajr distorsjoni. Minħabba li, kif spjegat fil-premessi (199) sa (204), il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet ukoll li l-mineral tal-ħadid akkwistat b’mod kaptiv kien distort, il-Kummissjoni kellha tqabbel il-kostijiet tal-mineral tal-ħadid akkwistat b’mod kaptiv mal-istess parametru referenzjarju rappreżentattiv.

(218)

F’dan id-dawl, il-Kummissjoni kkunsidrat, bħala parametru referenzjarju xieraq, il-prezz tal-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid Indjan lejn id-destinazzjonijiet kollha. Minħabba l-esportazzjonijiet limitati tal-mineral tal-ħadid bħala riżultat tal-politiki kollha ppromulgati mill-GTI, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid b’żewġ gruppi differenti ta’ kontenut rappreżentattiv tal-ħadid u ħadmet il-prezz referenzjarju għall-gradi l-oħrajn kollha tal-mineral tal-ħadid abbażi tad-differenzi fil-prezz domestiku ta’ kull grad. Dan it-tqabbil wera li l-prezzijiet domestiċi tal-mineral tal-ħadid u l-kostijiet tal-mineral tal-ħadid akkwistat b’mod kaptiv għall-gradi korrispondenti fl-Indja kienu ferm aktar baxxi. Il-prezz aġġustat tal-mineral tal-ħadid, magħmul mill-medji ponderati tal-prezzijiet jew tal-kostijiet tal-ħadid mis-sorsi domestiċi, kien ukoll ferm ogħla mill-prezz mhux aġġustat tal-mineral tal-ħadid.

(219)

Minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, dettalji addizzjonali dwar is-sehem ta’ sorsi ta’ mineral tal-ħadid fil-produzzjoni tas-CRF ġew divulgati speċifikament lil JSW. Bl-użu tal-kost aġġustat tal-mineral tal-ħadid u filwaqt li jitqies is-sehem tal-kostijiet tal-mineral tal-ħadid fil-kost totali tal-produzzjoni tas-CRF, il-Kummissjoni stmat li l-kost tas-CRF kien ikun ogħla fin-nuqqas tal-kostijiet artifiċjalment baxxi tal-mineral tal-ħadid u, għalhekk, li hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq li taffettwa l-prezzijiet tas-CRF fis-suq domestiku u li taffettwa lil JSW. Din il-konklużjoni qieset ukoll l-istruttura domestika tas-suq tas-CRF, fejn hemm ftit produtturi dominanti tas-CRF u ftit li xejn importazzjonijiet. Għalhekk, il-prezzijiet baxxi tal-mineral tal-ħadid kellu jkollhom effett dirett immedjat fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet domestiċi tas-CRF għal dawn il-ftit fornituri predominanti tas-CRF fis-suq, u dan jikkonferma l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

(220)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTI afferma li l-Kummissjoni ma kinitx uriet għaliex il-prezz tal-IBM ma kienx affidabbli u għaliex ma setax ikun parametru referenzjarju tajjeb għall-prezz. Il-GTI żied li l-Kummissjoni ma wrietx għaliex id-differenzi bejn il-prezz tal-IBM u l-parametru referenzjarju magħżul mill-Kummissjoni kienu minħabba distorsjoni domestika peress li l-GTI afferma li d-differenzi jistgħu jkunu minħabba differenzi bejn is-swieq domestiċi u tal-esportazzjoni bħall-fatt li dawn kienu jinvolvu swieq, punti ta’ bejgħ u kundizzjonijiet kompetittivi differenti. Barra minn hekk, il-GTI afferma li, peress li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-miżuri elenkati fil-premessa (180) kienu kkawżaw distorsjonijiet fil-prezzijiet, ma kinitx uriet li dawn kellhom effett kumulattiv li joħloq distorsjoni fil-prezz domestiku tal-mineral tal-ħadid. Il-GTI allega wkoll li l-Kummissjoni ma tatx prova li struttura kkonċentrata tas-suq tas-CRF u importazzjonijiet baxxi kienu kkawżati mill-imsemmija miżuri dwar il-mineral tal-ħadid jew li dawk il-miżuri rriżultaw fi prezzijiet aktar baxxi tas-CRF. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-GTI kkonkluda billi afferma li l-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed evidenza biex tikkonstata l-eżistenza ta’ PMS.

(221)

Il-Kummissjoni nnotat li kienet uriet fil-premessi (182) sa (198) għaliex il-prezz tal-IBM kien distort, u għalhekk mhux affidabbli, u pproponiet fil-premessa (218) parametru referenzjarju mingħajr distorsjoni. Il-GTI ma spjegax kif il-fatturi allegati setgħu spjegaw id-differenza bejn il-prezz tal-IBM u l-parametru referenzjarju. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li fi swieq kompetittivi, jiġifieri swieq mingħajr distorsjoni, il-prezz domestiku u l-prezz tal-esportazzjoni jkollhom it-tendenza li jallinjaw ruħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-GTI ma ssottomettiex parametri referenzjarji alternattivi għal dak propost mill-Kummissjoni. Għar-raġunijiet ipprovduti fil-premessi (182) sa (213), il-Kummissjoni qieset li l-miżuri identifikati fil-premessa (180) kienu ħolqu distorsjoni fil-prezzijiet domestiċi tal-mineral tal-ħadid u fil-premessi (218) sa (219) il-Kummissjoni kkwantifikat ukoll id-distorsjoni billi qabblitha ma’ parametru referenzjarju mhux distort, filwaqt li nnotat li ċ-ċifra reali kienet kunfidenzjali iżda kienet ġiet divulgata lill-produttur esportatur investigat. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li hija kienet ipprovdiet biżżejjed evidenza u argumenti biex tiġġustifika l-eżistenza ta’ PMS. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(222)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTI afferma li żewġ elementi wrew li s-suq domestiku tal-mineral tal-ħadid kien ibbażat fuq is-suq. L-ewwel nett, li l-maġġoranza tal-produzzjoni oriġinat f’minjieri mhux kaptivi, kummerċjali u t-tieni, li r-rendikonti finanzjarji tal-NMDC u tal-OMC urew li kienu profittabbli. Il-GTI afferma wkoll li, f’investigazzjoni preċedenti dwar l-HRF, il-Kummissjoni ma kienet sabet l-ebda distorsjoni fil-prezz tal-mineral tal-ħadid li twassal biex tiġi stabbilita PMS u għalhekk, il-GTI afferma li ma kienx possibbli li tiġi stabbilita PMS għas-CRF, li kien prodott downstream tal-HRF. Fl-aħħar nett, il-GTI afferma li l-Kummissjoni kellha tuża l-kostijiet reali tal-akkwist tal-mineral tal-ħadid imġarrba minn JSW biex tanalizza l-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid.

(223)

Il-Kummissjoni kienet spjegat fil-premessi (182) sa (204) kif l-NMDC u l-OMC kienu dawk li jiffissaw il-prezz tal-IBM. Il-Kummissjoni ma qisitx li ż-żewġ elementi affermati mill-GTI kienu rilevanti biex juru li ma kienx hemm distorsjoni. Dwar l-ewwel element, il-Kummissjoni kienet diġà rreferiet fil-premessa (182) għall-ishma mis-suq. Dwar it-tieni element, il-Kummissjoni qieset li l-fatt li kumpanija tkun profittabbli ma jipprekludix il-kapaċità tagħha li tiffissa l-prezzijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li s-sejbiet f’din l-investigazzjoni kienu ġejjin mid-data u mill-informazzjoni sostanzjali miġbura għall-fini ta’ din l-investigazzjoni u ma qisitx rilevanti t-tqabbil tas-sejbiet minn investigazzjonijiet oħra. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kienet diġà spjegat u kkwantifikat fil-premessi (218) sa (219) id-distorsjoni fil-prezzijiet domestiċi tal-ħadid u spjegat fil-premessi (233) sa (234) għaliex kellha taġġusta l-valur normali. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

3.2.2.3.1.   Konklużjoni

(224)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li fl-Indja kienet teżisti Sitwazzjoni Partikolari tas-Suq li taffettwa l-Prezzijiet domestiċi tas-CRF.

3.2.2.4.   Tqabbil xieraq

(225)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk setax isir tqabbil xieraq skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ta’ JSW minħabba l-eżistenza tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni vvalutat l-effett relattiv tal-PMS fuq il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni.

(226)

Il-Kummissjoni sabet li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Indja u fl-Unjoni kienu differenti b’mod sinifikanti.

(227)

Kif indikat fit-Tabella 1, is-suq tas-CRF Indjan, b’konsum stmat ta’ 21 178 934 tunnellata, kien iddominat mill-produtturi Indjani b’importazzjonijiet li jammontaw għal madwar 2 % biss. Dan il-livell baxx ta’ importazzjonijiet kien osservat għal mill-inqas 3 snin skont l-informazzjoni fil-fajl. Għalhekk, il-Kummissjoni nnotat li s-suq tas-CRF Indjan huwa kkaratterizzat minn livell insinifikanti ta’ importazzjonijiet. F’dan is-suq, il-produtturi Indjani kollha jibbenefikaw mill-eżistenza tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq, li tnaqqas b’mod artifiċjali l-kostijiet tagħhom. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm impatt sinifikanti tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq fuq il-prezzijiet domestiċi tas-CRF.

(228)

B’kuntrast ma’ dan, is-suq tas-CRF tal-Unjoni huwa kkaratterizzat minn taħlita ta’ produtturi tal-Unjoni u importazzjonijiet minn diversi pajjiżi kif indikat fit-taqsimiet 4.1, 4.4 u 5.2. Għalhekk, l-impatt potenzjali tal-eżistenza tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq fuq il-prezz tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni fi kwalunkwe każ jitnaqqas b’mod sinifikanti mill-eżistenza ta’ serje ta’ fatturi oħrajn li jwasslu għall-formazzjoni ta’ tali prezzijiet tal-esportazzjoni. Dawn il-fatturi jinkludu, fost l-oħrajn, il-kompetizzjoni mill-produtturi tal-Unjoni li ma jibbenefikawx minn sitwazzjoni partikolari tas-suq simili fuq il-provvista ta’ mineral tal-ħadid, il-fatt li hemm biss produttur esportatur Indjan wieħed minflok aktar kumpaniji Indjani fis-suq tal-UE jew l-eżistenza tal-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha mill-pajjiżi investigati, kif ukoll minn pajjiżi oħrajn.

(229)

Abbażi tal-elementi kollha ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sitwazzjoni partikolari tas-suq affettwat b’mod differenti l-prezzijiet domestiċi meta mqabbla mal-prezzijiet tal-esportazzjoni. Għalhekk, il-PMS ma ppermettietx li jsir tqabbil xieraq bejn il-prezzijiet domestiċi Indjani u l-prezzijiet tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

(230)

Wara d-divulgazzjoni finali, JSW u l-GTI affermaw li l-Kummissjoni kienet naqset milli turi li l-PMS allegata kienet affettwat il-prezzijiet domestiċi u tal-esportazzjoni b’mod differenti u li, għalhekk, din ma kinitx tippermetti tqabbil xieraq. JSW affermat li kellha l-istess kost tal-produzzjoni irrispettivament minn jekk il-prodott ikkonċernat kienx inbiegħ fis-suq domestiku jew ġiex esportat. Barra minn hekk, JSW u l-GTI affermaw li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat biżżejjed kif il-fatturi elenkati fil-premessi (227) u (228) kienu interaġixxew mal-PMS biex jagħmlu t-tqabbil tal-prezzijiet domestiċi u tal-esportazzjoni impossibbli. Il-GTI afferma wkoll li s-sejba tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq tbassir “mhux sostnut minn evidenza” li l-prezzijiet tal-esportazzjoni jitbaxxew aktar milli fuq sejba fondata u li l-Kummissjoni ma kinitx identifikat id-daqs tal-allegat effett differenzjali. Il-GTI afferma ulterjorment li jekk differenza ġenerika fl-istruttura tas-suq tkun biżżejjed, it-tieni parti tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku tiġi ssodisfata awtomatikament, li l-GTI ma kkunsidrax bħala suffiċjenti. Barra minn hekk, JSW affermat li r-raġunament tal-Kummissjoni kien kontradittorju peress li inqas kompetizzjoni fis-suq Indjan kellha twassal għal prezzijiet ogħla u aktar kompetizzjoni fis-suq tal-UE kellha twassal għal prezzijiet aktar baxxi, irrispettivament minn kif kienu strutturati l-kostijiet. JSW żiedet li din is-sejba tkun konformi mal-marġni tad-dumping tal-JSW mingħajr aġġustament tal-PMS.

(231)

Il-Kummissjoni ma qablitx li naqset milli turi li l-PMS kienet affettwat b’mod differenti l-prezzijiet domestiċi u tal-esportazzjoni. Il-Kummissjoni nnotat li, irrispettivament minn jekk il-kostijiet tal-manifattura kinux l-istess għall-prodotti mibjugħa domestikament jew għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni kienet spjegat fil-premessi (227) sa (229) kif il-PMS li nstabet fl-Indja ma kinitx tippermetti tqabbil xieraq minħabba l-kundizzjonijiet relattivi differenti tal-kompetizzjoni prevalenti fl-Indja u fl-UE. F’dak ir-rigward, ir-rapport tal-Bord fid-DS529 ikkunsidra li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni kienu fattur li affettwa l-prezzijiet domestiċi u tal-importazzjoni b’mod differenti (83).

(232)

B’mod konkret, filwaqt li fl-Indja l-formazzjoni tal-prezzijiet kienet affettwata mill-PMS li nstabet minħabba li kienet ta’ benefiċċju għall-produtturi domestiċi u kważi ma hemm l-ebda kompetizzjoni minn produtturi barranin, fl-Unjoni l-PMS kellha impatt differenti ħafna (jekk kellha xi impatt), minħabba li l-kundizzjonijiet prevalenti tal-kompetizzjoni, u konsegwentement il-formazzjoni tal-prezzijiet, huma r-riżultat tal-provvista minn produtturi minn ħafna pajjiżi li ma bbenefikawx minn tali miżuri li joħolqu PMS. Tali konklużjonijiet kienu bbażati fuq iċ-ċirkostanzi fattwali stabbiliti f’din l-investigazzjoni kif spjegat fil-premessi (227) u (228) u JSW ma pprovdiet l-ebda evidenza għall-kuntrarju. Il-Kummissjoni qieset li kien biżżejjed, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, li jiġi stabbilit li l-PMS li nstabet kellha impatt fuq il-formazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku, filwaqt li, minħabba l-kundizzjonijiet differenti prevalenti tas-suq u għalhekk il-formazzjoni tal-prezzijiet fl-UE, din irriżultat f’impatt differenti (jekk kien hemm impatt) li ma ppermettiex tqabbil xieraq tal-prezzijiet domestiċi u tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma qisitx li l-affermazzjoni ta’ JSW dwar ir-relazzjoni bejn il-grad ta’ kompetizzjoni u l-livell tal-prezzijiet kienet rilevanti fil-kuntest tat-tqabbil bejn il-prezzijiet domestiċi u l-prezzijiet tal-UE, minħabba li din kienet tirreferi biss għall-prezzijiet fl-Indja minn naħa u għall-prezzijiet fl-UE min-naħa l-oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet u l-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (225) sa (229).

3.2.3.   Valur normali

(233)

Kif stabbilit fil-premessi (179) sa (229) dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq fis-suq tas-CRF fl-Indja, il-Kummissjoni nnotat li l-bejgħ domestiku kollu ta’ JSW kien affettwat minħabba li s-sett ta’ miżuri implimentati mill-GTI rriżulta f’kost artifiċjalment baxx tal-mineral tal-ħadid meħtieġ għall-produzzjoni kollha tas-CRF. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni bniet il-valur normali abbażi tal-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għall-profitti f’konformità mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

(234)

Skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, il-kostijiet kollha, kif irreġistrati minn JSW, intużaw fil-kostruzzjoni tal-valur normali, bl-eċċezzjoni tal-mineral tal-ħadid akkwistat domestikament. Għal dawn il-kostijiet tal-mineral tal-ħadid, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-prezzijiet rappreżentattivi u mhux distorti tal-mineral tal-ħadid kif deskritt fil-premessi (216) sa (219). Fir-rigward tal-ispejjeż SG & A, il-Kummissjoni użat l-ispejjeż SG & A ġenerali vverifikati kif irrapportati minn JSW dwar il-bejgħ domestiku għall-prodott ikkonċernat. Fir-rigward tal-profitti, il-Kummissjoni użat marġni ta’ profitt raġonevoli bbażat fuq il-bejgħ minn JSW tat-tipi differenti ta’ prodotti tas-CRF fis-suq domestiku tagħha.

(235)

Wara d-divulgazzjoni finali, JSW affermat li l-Bordijiet tad-WTO u l-Korp tal-Appell kienu sabu li l-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim tad-WTO ma ppermettiex aġġustamenti tal-kostijiet bħal dak magħmul mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, JSW ma qablitx mal-metodu użat mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi marġni ta’ profitt raġonevoli. B’mod partikolari, JSW affermat li, peress li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda evidenza li JSW kellha l-kapaċità li tirrifletti ż-żieda fil-kost fil-prezzijiet domestiċi tagħha, kellha tikkalkula l-profitt abbażi tal-bejgħ li jkun fil-perkors normali tal-kummerċ bl-użu tal-kost miżjud tal-manifattura li jirriżulta mill-PMS f’konformità ma’ investigazzjonijiet preċedenti fejn il-Kummissjoni injorat il-kostijiet tal-produzzjoni abbażi tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, JSW affermat li, fil-kwantifikazzjoni tal-PMS, il-Kummissjoni ma kellhiex tintroduċi korrezzjoni għat-taxxa fuq l-esportazzjoni peress li din kienet wasslet għal prezz maħdum inkonsistenti mal-prezz tas-suq internazzjonali.

(236)

Il-Kummissjoni nnotat li JSW naqset milli tispjega b’liema mod il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni ma kinitx konformi mal-liġi tad-WTO. L-interpretazzjoni li jidher li qiegħda tissuġġerixxi JSW iċċaħħad l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 2.2 tal-ADA tad-WTO minn kull tifsira. Il-Kummissjoni tfakkar li fid-DS529 (84), il-bord irrikonoxxa b’mod espliċitu li sitwazzjoni partikolari tas-suq tista’ tirriżulta minn inputs bi prezz baxx. Għalhekk, l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku (u 2.2.1.1 tal-ADA tad-WTO) ma jistax jinqara bħala li jċaħħad lil awtorità investigattiva minn kwalunkwe rimedju biex tindirizza tali sitwazzjoni partikolari tas-suq bbażata fuq il-kostijiet. Huwa evidenti minnu nnifsu li f’każijiet ta’ PMS ibbażati fuq il-kostijiet, il-kost affettwat mill-PMS jeħtieġ li jiġi sostitwit. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar ukoll li fir-rapport tal-bord f’DS529 (85), imsemmi minn JSW, il-bord iddikjara b’mod ċar li jista’ jkun hemm “raġunijiet konvinċenti” għajr dawk imsemmija speċifikament skont l-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA tad-WTO li jippermettu lil awtorità ta’ investigazzjoni ma tużax il-kost fir-rekords miżmuma mill-produttur esportatur. L-eżistenza ta’ PMS ibbażata fuq il-kostijiet tirrappreżenta b’mod ċar tali “raġuni konvinċenti”.

(237)

Fir-rigward tal-metodu biex jinkiseb profitt raġonevoli skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku minħabba l-eżistenza ta’ PMS, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali kif indikat fil-premessa (233), abbażi tal-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għall-profitti. Il-Kummissjoni qieset li l-fatt li l-profitt ġie bbażat fuq it-tranżazzjonijiet kollha magħmula fil-perkors normali tal-kummerċ bl-użu tad-data sottomessa minn JSW skont it-tip ta’ prodott, irriżulta fi profitt raġonevoli li jissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 2(6). JSW ma pprovdiet l-ebda evidenza li turi għaliex tali metodu ma jkunx raġonevoli kif meħtieġ mill-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku. Tabilħaqq, minħabba li l-miżuri analizzati fl-investigazzjoni kienu ta’ benefiċċju għall-industrija domestika kollha tas-CRF fl-Indja, kif konkluż fil-premessa (213), u minħabba l-istruttura domestika tas-suq Indjan tas-CRF, fejn hemm ftit produtturi dominanti tas-CRF u ftit ħafna importazzjonijiet, il-metodu użat mill-Kummissjoni rriżulta b’mod adegwat fi profitt li ma jaqbiżx il-profitt normalment realizzat minn esportaturi jew minn produtturi oħrajn fuq il-bejgħ ta’ prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż tal-oriġini.

(238)

Fir-rigward tal-aġġustament minħabba t-taxxa fuq l-esportazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li kienet applikat biss it-taxxa fuq l-esportazzjoni għal gradi ta’ mineral tal-ħadid ogħla minn 58 %. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li JSW ma kkontestatx li dawk il-gradi kienu tabilħaqq soġġetti għal tali taxxa fuq l-esportazzjoni. Għalhekk, anke jekk kien hemm differenza bejn il-mineral tal-ħadid Indjan ta’ gradi ogħla minn 58 % u l-mineral tal-ħadid li joriġina minn pajjiżi oħra, din bilfors kienet ikkawżata minn raġunijiet għajr it-taxxa fuq l-esportazzjoni.

3.2.4.   Prezz tal-esportazzjoni

(239)

Il-produttur esportatur fil-kampjun esporta lejn l-Unjoni direttament lil klijenti indipendenti. Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz effettivament imħallas jew li kellu jitħallas għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.2.5.   Tqabbil

(240)

L-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħmel paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fl-istess livell ta’ kummerċ u li tagħmel konċessjonijiet għad-differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni għażlet li tqabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fil-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Kif spjegat aktar hawn taħt, fejn xieraq, il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew aġġustati sabiex: (i) jiġu nnettjati lura għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika; u (ii) isiru provvedimenti għad-differenzi fil-fatturi li ġew iddikjarati, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet.

3.2.5.1.   Aġġustamenti magħmula għall-valur normali

(241)

Kif spjegat fil-premessa (234), il-valur normali ġie stabbilit fil-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika bl-użu tal-kostijiet tal-produzzjoni flimkien mal-ammonti għall-ispejjeż SG & A u għall-profitt, li tqiesu li huma raġonevoli għal dak il-livell ta’ kummerċ. Għalhekk, l-ebda aġġustament ma kien neċessarju sabiex il-valur normali jiġi nnettjat lura għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni biex tagħmel xi provvedimenti għall-valur normali, u tali provvedimenti lanqas ma ġew affermati minn xi wieħed mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

3.2.5.2.   Aġġustamenti magħmula għall-prezz tal-esportazzjoni

(242)

Sabiex il-prezz tal-esportazzjoni jiġi nnettjat lura għal-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, saru aġġustamenti fir-rigward ta’: id-dazju doganali, imposti oħrajn fuq l-importazzjoni, it-trasport tal-merkanzija, l-assigurazzjoni, l-ispejjeż tal-immaniġġar, tat-tagħbija u spejjeż anċillari.

(243)

Saru provvedimenti għall-fatturi li ġejjin li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet: l-ippakkjar, l-imposti bankarji, il-kummissjonijiet u l-kostijiet ta’ kreditu.

3.2.6.   Marġnijiet tad-dumping

(244)

Għall-produttur esportatur inkluż fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip tal-prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku. Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping definittiv, espress bћala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huwa ta’ 9,5 %.

(245)

Wara d-divulgazzjoni finali, JSW affermat li l-prezz CIF għall-bejgħ imwettaq permezz ta’ kummerċjanti mhux relatati jenħtieġ li jiżdied biex jitqiesu l-profitt u l-kostijiet SG & A ta’ dawk il-kumpaniji. JSW żiedet li l-Kummissjoni segwiet dak l-approċċ f’investigazzjonijiet preċedenti.

(246)

Il-Kummissjoni nnotat li JSW ma ppreżentat l-ebda evidenza dwar il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni applikabbli għal tranżazzjonijiet li jinvolvu kummerċjanti mhux relatati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li kull investigazzjoni hija speċifika għall-każ u li s-sejbiet u l-konklużjonijiet milħuqa f’din l-investigazzjoni kienu bbażati fuq id-data u fuq l-informazzjoni reali miġbura u vverifikata. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(247)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkolat il-marġni tad-dumping medju ponderat, f’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, dak il-marġni ġie stabbilit abbażi tal-marġni tal-produttur esportatur inkluż fil-kampjun. Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping definittiv tal-produtturi esportaturi li kkooperaw illi ma humiex fil-kampjun huwa ta’ 9,5 %.

(248)

Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fl-Indja, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dumping abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta’ kooperazzjoni huwa l-volum ta’ esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni espress bħala proporzjon tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni fil-PI, li ġew stabbiliti abbażi tal-Eurostat.

(249)

Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ huwa għoli minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu madwar 100 % tal-importazzjonijiet totali matul il-PI. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx fil-livell tal-kumpanija li kkooperat inkluża fil-kampjun.

(250)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

—

JSW Steel Limited

—

JSW Steel Coated Products Limited

9,5

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

9,5

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat

9,5

3.3.   Il-Ġappun

3.3.1.   Kumpaniji relatati u distakkament

(251)

Wara d-deċiżjoni ta’ kampjunar, billi l-Kummissjoni kienet qieset li dawn kienu relatati fl-investigazzjoni dwar l-HRF (86), Nippon Steel affermat għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni li ma kinitx relatata mal-kummerċjant Marubeni-Itochu Steel Inc. (“MISI”), kumpanija involuta fil-bejgħ kemm domestiku kif ukoll għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn Nippon Steel. F’dan ir-rigward, Nippon Steel fakkret fil-kriterji biex jiġu identifikati l-partijiet relatati inklużi fl-Artikolu 127(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (87) (“l-Att ta’ Implimentazzjoni tal-KDU”) u pprovdiet dettalji dwar ir-rabtiet korporattivi bejn iż-żewġ kumpaniji. Abbażi ta’ dan, Nippon Steel affermat li l-fatt sempliċi li Nippon Steel kellha ishma f’entità terza b’mod parallel ma’ MISI ma kienx biżżejjed biex jiġi konkluż li MISI kienet relatata ma’ Nippon Steel. B’appoġġ għal dan, Nippon Steel fakkret li fl-investigazzjoni antisussidji dwar vetturi elettriċi ġodda bil-batterija għall-passiġġieri li joriġinaw mir-RPĊ (88), il-Kummissjoni ma trattatx lil SAIC Group u lil China FAW Corporation Limited bħala li huma relatati, minkejja l-fatt li kellhom impriżi konġunti ma’ Volkswagen, kif ikun ċar mill-anness tar-Regolament definittiv f’dik l-investigazzjoni (89), u, bl-istess mod, il-Kummissjoni ma trattatx bħala relatati lill-produtturi li kellhom impriżi konġunti mal-produttur tal-batteriji CATL.

(252)

Il-Kummissjoni, abbażi tad-dettalji pprovduti, qieset li kien hemm relazzjoni bejn Nippon Steel u MISI, abbażi ta’ sjieda konġunta ta’ entità terza li l-kumpaniji kienu jikkontrollaw flimkien skont l-Artikolu 127(1)(g) tal-Att ta’ Implimentazzjoni tal-KDU, u li stabbiliet is-sħubija kummerċjali legalment rikonoxxuta tagħhom skont l-Artikolu 127(1)(b) tal-Att ta’ Implimentazzjoni tal-KDU. F’dan ir-rigward, fil-bidu nett, il-Kummissjoni nnotat li Nippon Steel innifisha, fl-investigazzjoni anti-dumping dwar ċerti prodotti tal-azzar ċatti llaminati fis-sħana mill-Ġappun, iddikjarat fuq inizjattiva tagħha stess lil MISI bħala entità relatata preċiżament minħabba l-fatt li Nippon Steel u MISI flimkien kellhom kważi 100 % tal-ishma ta’ din l-entità terza (90). Fi kwalunkwe każ, abbażi tad-dokumenti pprovduti minn Nippon Steel fl-investigazzjoni kurrenti, is-sitwazzjoni kienet l-istess matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, meta Nippon Steel u MISI kellhom is-setgħat li jaħtru kważi d-diretturi kollha, inkluż il-president. Il-Kummissjoni nnotat ukoll, fir-rigward tas-sejbiet tagħha fl-investigazzjoni antisussidji dwar il-vetturi elettriċi bil-batterija mir-RPĊ, li huwa evidenti mill-parti operattiva u mill-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2754 li SAIC Group u China FAW Corporation Limited kellhom impriżi konġunti differenti ma’ Volkswagen. Għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni f’dan il-każ tikkonċerna s-sjieda konġunta tal-istess entità terza, li MISI u Nippon Steel jikkontrollaw flimkien. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat produttur bħala relatat ma’ CATL (91). Irrispettivament, kwalunkwe determinazzjoni ta’ relazzjoni bejn il-partijiet jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ. Il-każ dwar il-vetturi elettriċi bil-batterija mir-RPĊ kien jikkonċerna investigazzjoni antisussidji, b’fatti u ċirkostanzi speċifiċi li tqiesu. L-investigazzjoni kurrenti, min-naħa l-oħra, hija investigazzjoni ani-dumping li tikkonċerna pajjiż, realtà ekonomika, prodott/settur differenti, u fatti u ċirkostanzi differenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(253)

Barra minn hekk, Nippon Steel affermat li ma kinitx is-sieħba legalment rikonoxxuta fin-negozju ta’ MISI minħabba l-parteċipazzjoni azzjonarja f’entità terza, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja f’Baltic Master (92) ħtieġet għal din il-kwalifika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw is-sħab rikonoxxuti jiġu ssodisfati, u MISI u Nippon Steel ma daħlux fi ftehim bħal dan (l-hekk imsejjaħ kumiai) skont il-liġi Ġappuniża.

(254)

Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li Nippon Steel u MISI flimkien kellhom, direttament u b’mod konġunt, kważi 100 % tal-ishma ta’ entità terza. Irrispettivament mid-definizzjoni legali ta’ kumpaniji relatati fil-Ġappun skont il-liġi Ġappuniża, skont l-imsemmi Artikolu 127 tal-Att ta’ Implimentazzjoni tal-KDU, id-dispożizzjoni normalment applikata sabiex tiġi stabbilita relazzjoni fl-investigazzjonijiet ta’ difiża kummerċjali fl-Unjoni, dawk il-partijiet jitqiesu bħala sħab fin-negozju legalment rikonoxxuti skont l-Artikolu 127(1)(b) tal-Att ta’ Implimentazzjoni tal-KDU bħala sidien konġunti ta’ negozju terz skont il-liġi Ġappuniża u, għalhekk, partijiet relatati. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(255)

Barra minn hekk, Nippon Steel affermat li ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita restrizzjoni jew direzzjoni fuq MISI, minħabba li d-daqs tal-entitajiet konġunti kien minuri meta mqabbel ma’ Nippon Steel u MISI.

(256)

Il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 127 tal-Att ta’ Implimentazzjoni tal-KDU ma jsemmi l-ebda rekwiżit fir-rigward tad-daqs relattiv tal-entità terza kkontrollata meta mqabbel ma’ dak tal-entitajiet ta’ kontroll. B’hekk, anke jekk l-entità terza tkun iżgħar f’termini ta’ dħul u persunal, ir-relazzjoni xorta tista’ tiġi stabbilita skont l-Artikolu 127(1)(g) tal-Att ta’ Implimentazzjoni tal-KDU. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(257)

Fi kwalunkwe każ, Nippon Steel affermat li, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li żżomm il-pożizzjoni tagħha li MISI hija parti relatata ta’ Nippon Steel, jenħtieġ li tirrikonoxxi li l-bejgħ bejn Nippon Steel u MISI jseħħ fuq termini distakkati u jenħtieġ li tittratta l-bejgħ lil dawn l-entitajiet b’mod simili għall-bejgħ ta’ Nippon Steel lil partijiet mhux relatati. B’appoġġ għal dan, Nippon Steel ressqet elementi sensittivi dwar il-ftehimiet qafas bejn Nippon Steel u l-kummerċjanti tagħha, il-proċess tal-bejgħ u x-xiri tal-prodott ikkonċernat minn MISI.

(258)

Mill-bidu nett, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-ftehimiet qafas ma’ entitajiet relatati li ġew ipprovduti lill-Kummissjoni kienu simili f’termini ta’ kontenut u kundizzjonijiet. Madankollu, l-ebda wieħed mill-ftehimiet qafas ma speċifika kif ġew stabbiliti l-prezzijiet finali, kif tħallsu l-kummissjonijiet jew dettalji oħrajn rilevanti għad-determinazzjoni tat-tranżazzjonijiet distakkati.

(259)

Barra minn hekk, mill-asserzjonijiet tal-kumpanija stess fis-sottomissjoni tagħha u abbażi tal-verifiki, in-negozjati tal-prezzijiet għall-bejgħ lil klijenti finali li jinvolvu kummerċjanti relatati fil-prattika saru jew permezz tal-kummerċjant jew direttament mal-klijent, jiġifieri l-influwenza tal-kummerċjant f’dawn in-negozjati kienet limitata għal li jaġixxi bħala intermedjarju. Għalhekk, il-prezz finali ġie ddeterminat prinċipalment jew mill-aċċettazzjoni tal-klijent finali tal-offerta ta’ Nippon Steel, jew mill-aċċettazzjoni ta’ Nippon Steel tal-kontro-offerta tal-klijent finali. Fid-dawl tal-influwenza limitata (jekk kien hemm) tal-kummerċjant relatat fuq l-iffissar tal-prezzijiet, il-prezz bejn l-entitajiet relatati tqies bħala mhux affidabbli.

(260)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkontestatx li MISI kienet libera li tbigħ u tixtri mingħand produtturi mhux relatati oħrajn. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li tqabbil tal-prezzijiet unitarji mill-fornitur tal-prodott taħt investigazzjoni lil MISI matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, ipprovdut minn MISI nnifisha fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, żvela li l-prezz unitarju ta’ Nippon Steel kien tabilħaqq l-aktar baxx meta mqabbel ma’ produtturi Ġappuniżi oħrajn.

(261)

Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni qabblet, fuq bażi tat-tip ta’ prodott, il-prezz frank abbord tal-bejgħ għall-esportazzjoni destinat lejn l-Unjoni bejn Nippon Steel u MISI, u bejn Nippon Steel u l-kummerċjant tal-esportazzjoni relatat l-ieħor tagħha Nippon Steel Trading Corporation (“NST”). Tali tqabbil żvela li l-prezz bejn Nippon Steel u MISI, u l-prezz bejn Nippon Steel u NST, kienu allinjati (1,5 % tad-differenza). B’hekk, MISI bbenefikat mill-istess prezzijiet li saru lill-kummerċjant relatat NST, li r-relazzjoni tiegħu ma’ Nippon Steel ma ġietx ikkontestata.

(262)

Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li l-bejgħ ta’ Nippon Steel lil MISI kien f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta.

(263)

Bħala konklużjoni, Nippon Steel iddikjarat li, sabiex jiġu appoġġati l-affermazzjonijiet miġbura fil-qosor hawn fuq f’din it-taqsima, MISI kienet se twieġeb separatament għall-partijiet rilevanti tal-kwestjonarju. Il-Kummissjoni rċeviet it-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ MISI u tal-importatur relatat tagħha fl-Unjoni Marubeni-Itochu Steel Europe GmbH (“MISEA”).

(264)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Nippon Steel għal darba oħra ma qablitx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li kienet relatata ma’ MISI. Madankollu, ma ppreżentat l-ebda argument jew evidenza ġdida. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(265)

Il-GTĠ sostna li, għalkemm kien minnu li Nippon Steel u MISI kellhom ishma b’mod konġunt f’entità terza mhux relatata mat-tranżazzjonijiet inkwistjoni f’din l-investigazzjoni, Nippon Steel ma kellha l-ebda kontroll dirett jew indirett fuq MISI. Għalhekk, skont il-GTĠ, iż-żamma ta’ ishma minoritarji f’entità terza mhux involuta fit-tranżazzjonijiet rilevanti tal-esportazzjoni ma setgħetx tkun raġuni suffiċjenti biex jiġi konkluż li Nippon Steel u MISI huma assoċjati fis-sens tal-Artikolu 2.3 tal-ADA tad-WTO.

(266)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li Nippon Steel ma kellhiex kontroll dirett fuq MISI, peress li r-relazzjoni tagħhom ġiet stabbilita minħabba s-sjieda konġunta ta’ entità terza. Madankollu, tali relazzjoni wasslet għal assoċjazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2.3 tal-ADA tad-WTO, hekk kif MISI esportat lejn l-Unjoni biss il-prodott taħt investigazzjoni manifatturat minn Nippon Steel, u mhux il-prodott taħt investigazzjoni mixtri mingħand produtturi Ġappuniżi oħrajn u manifatturat minnhom. Is-sejbiet tal-investigazzjoni wrew li tali mġiba kummerċjali ma kinitx ġejja minn ftehim bejn Nippon Steel u MISI, iżda pjuttost minn impenn volontarju minn MISI. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li tali impenn, minkejja li kien volontarju, bla dubju rrestrinġa l-libertà tal-kumpanija fl-iffissar tal-prezzijiet u fl-istrateġija. Tabilħaqq, MISI kienet tiddependi fuq fornitur wieħed għall-bejgħ tagħha fl-Unjoni tal-prodott taħt investigazzjoni. Dawn ir-restrizzjonijiet jirriżultaw f’nuqqas ta’ azzjoni indipendenti min-naħa ta’ MISI. Barra minn hekk, il-verifika wriet li MISI kienet tikkondividi ma’ Nippon Steel informazzjoni dwar klijenti possibbli li jeħtieġu l-prodotti ta’ Nippon Steel u dwar is-swieq li fihom Nippon Steel setgħet tkun lesta li tespandi. Għalhekk, MISI pprovdiet lil Nippon Steel servizz usa’ mill-attività tas-soltu ta’ xiri u bejgħ mill-ġdid ta’ kummerċjant. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li r-relazzjoni bejn Nippon Steel u MISI ma wasslitx għal assoċjazzjoni.

(267)

Barra minn hekk, il-GTĠ afferma li l-Kummissjoni ma wrietx li r-relazzjoni bejn Nippon Steel u MISI għamlet it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni mhux affidabbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping, minħabba li t-tielet entità li tistabbilixxi r-relazzjoni ma kinitx involuta fit-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni u r-rwol ta’ MISI fin-negozjati dwar il-prezzijiet kien limitat.

(268)

Il-Kummissjoni qieset li l-fatt li t-tielet entità li tistabbilixxi r-relazzjoni bejn MISI u Nippon Steel ma kinitx involuta fit-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni ma kienx rilevanti. Tabilħaqq, relazzjoni tista’ tiġi stabbilita sew ħafna permezz ta’ kumpanija mhux involuta fl-esportazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, it-tielet entità li tistabbilixxi r-relazzjoni ma kinitx involuta fit-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni iżda, skont ir-rapport kummerċjali tagħha, xorta waħda kienet tipproċessa u tbigħ l-azzar fil-Ġappun. Il-Kummissjoni qieset ukoll li r-rwol limitat ta’ MISI fin-negozjati dwar il-prezzijiet jista’ jkun indikazzjoni tal-grad ta’ kontroll li Nippon Steel żammet fuq il-prezz finali. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(269)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Nippon Steel tenniet li r-relazzjoni kummerċjali tagħha ma’ MISI u t-tranżazzjonijiet korrispondenti twettqu b’mod distakkat, filwaqt li argumentat li s-sejbiet stabbiliti fil-premessi (259) sa (261) ma kinux jikkontradixxu dik il-konklużjoni. L-ewwel nett, Nippon Steel affermat li l-proċess tal-bejgħ u l-kummissjonijiet allokati lill-kummerċjanti kienu identiċi, irrispettivament minn jekk il-kummerċjant kienx kumpanija relatata jew mhux relatata. B’mod partikolari, hija argumentat li l-prezz finali ġie nnegozjat b’mod sistematiku bejn Nippon Steel u l-klijent finali qabel ma ġie nnettjat lura biex jiġi stabbilit il-prezz bejn Nippon Steel u l-kummerċjant. It-tieni, fir-rigward tal-fatt li MISI xtrat mingħand Nippon Steel bl-inqas prezz tax-xiri meta mqabbel mal-prezz tax-xiri minn produtturi Ġappuniżi oħra, Nippon Steel affermat li wieħed mill-kummerċjanti mhux relatati tagħha wkoll xtara mingħand Nippon Steel bl-inqas prezz tax-xiri meta mqabbel mal-prezz tax-xiri minn produtturi Ġappuniżi oħra. Nippon Steel żiedet tgħid li MISI xtrat mingħand fornituri mhux Ġappuniżi bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz tax-xiri mingħand Nippon Steel. It-tielet, il-prezz tal-bejgħ ta’ Nippon Steel lil MISI kien f’firxa ta’ 0,15 % tal-prezz tal-bejgħ tagħha lil wieħed mill-kummerċjanti mhux relatati tagħha.

(270)

Il-Kummissjoni rieżaminat it-tranżazzjonijiet irrapportati minn Nippon Steel fir-rigward tal-bejgħ tagħha lil partijiet relatati (NST u MISI) u lill-kummerċjant ewlieni mhux relatat tagħha. Tabilħaqq, il-prezzijiet tal-bejgħ lil dawn il-partijiet kienu jaqgħu fl-istess firxa. Tali analiżi saret fuq bażi tat-tip ta’ prodott u żgurat li kien hemm tqabbil suffiċjenti fost it-tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-ġdid minn MISI, minn NST u mill-kummerċjant ewlieni mhux relatat. Konsegwentement, il-Kummissjoni aċċettat l-affermazzjoni ta’ Nippon Steel li dawk il-prezzijiet kienu distakkati u rrevediet il-kalkolu tad-dumping kif xieraq, għall-bejgħ għall-esportazzjoni kemm permezz ta’ MISI kif ukoll permezz ta’ NST.

3.3.2.   L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku

(271)

Fid-19 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni informat lil Nippon Steel li jista’ jkun li jkollha tirrikorri għall-użu tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku fir-rigward ta’ produttur relatat tal-prodott taħt investigazzjoni fil-Ġappun, Daido, li kien ipprovda tweġiba separata għall-kampjunar, iżda ma kienx issottometta tweġiba għall-kwestjonarju. Tabilħaqq, Nippon Steel kellha 5 % jew aktar tal-ishma ta’ tali produttur.

(272)

Fit-28 ta’ Diċembru 2025, Nippon Steel ipprovdiet il-kummenti tagħha. Fil-kummenti tagħha, Nippon Steel ma ċaħditx li kellha sehem ta’ 5 % jew aktar tal-ishma tal-produttur inkwistjoni.

(273)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-bejgħ bejn NST, wieħed mill-kummerċjanti relatati ta’ Nippon Steel (li fih Nippon Steel kellha wkoll 5 % jew aktar tal-ishma), u l-produttur inkwistjoni kien bejgħ relatat, skont l-Artikolu 127(1)(d) tal-Att ta’ Implimentazzjoni tal-KDU. Fin-nuqqas ta’ tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju minn Daido, li kienet turi l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid jew l-ipproċessar ulterjuri ta’ dan il-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni, il-Kummissjoni qieset il-prezz tal-bejgħ domestiku relatat ta’ NST lil Daido bħala l-prezz medju ta’ 5 % tal-bejgħ domestiku mhux relatat l-aktar profittabbli ta’ Nippon Steel u l-kumpaniji relatati tagħha għall-istess tip ta’ prodott mibjugħ lil Daido. Il-5 % ġie kkalkolat fir-rigward tal-volum. Barra minn hekk, għall-analiżi tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq fit-taqsima 3.3.3, il-Kummissjoni qieset id-data dwar il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni u l-prezzijiet ta’ Daido bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, disponibbli abbażi tat-tweġiba tagħha għall-kampjunar, fin-nuqqas ta’ tweġiba għall-kwestjonarju. Meta dan sar, il-Kummissjoni rreferiet id-data lil “Nippon Steel Group” għall-kuntrarju ta’ Nippon Steel biss.

(274)

Fis-26 ta’ Marzu 2026, il-Kummissjoni informat lil Nippon Steel li jista’ jkun li jkollha tirrikorri għall-użu tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku fir-rigward ta’ (i) in-nuqqas li tiġi pprovduta tweġiba għall-kwestjonarju min-naħa tal-Kumpanija A u tal-Kumpanija B, li xtraw il-prodott ikkonċernat immanifatturat minn Nippon Steel mingħand MISEA u, matul il-verifika, instabu li kienu sussidjarji tal-Kumpanija C, li fiha MISI kellha sehem ta’ aktar minn 5 %; u (ii) in-nuqqas ta’ divulgazzjoni sħiħa tal-bejgħ mill-ġdid domestiku kollu tal-prodott ikkonċernat matul il-PI min-naħa ta’ tliet kummerċjanti relatati ma’ Nippon Steel: NST, Metal One Corporation (“Metal One”) u Sumitomo Corporation Global Metals Co., Ltd. (“SCGM”).

(275)

Fis-7 ta’ April 2026, Nippon Steel ipprovdiet il-kummenti tagħha. Fir-rigward tal-punt (i), l-ewwel nett, Nippon Steel tenniet li ma qablitx li kienet relatata ma’ MISI jew li r-relazzjoni tagħha ma kinitx distakkata. Barra minn hekk, Nippon Steel iddikjarat li, anke jekk kienet relatata ma’ MISI, xorta ma kinitx tkun relatata mal-Kumpanija A u mal-Kumpanija B, minħabba li ma kellhiex ishma fihom u ma kinitx involuta f’negozju magħhom fir-rigward tal-prodott ikkonċernat. Hija żiedet ukoll li, fil-fehma tagħha, l-Artikolu 127 tal-Att ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) ma kienx jipprevedi relazzjonijiet lil hinn minn, l-aktar, katina indiretta ta’ entità waħda u li l-fatt li Nippon Steel titqies bħala relatata jmur kontra l-prattika preċedenti tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni antisussidji dwar vetturi elettriċi bil-batterija mir-RPĊ (93). Barra minn hekk, Nippon Steel affermat li, minħabba li MISI operat b’mod kompletament indipendenti u b’mod distakkat minn Nippon Steel, Nippon Steel ma kellha l-ebda aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali minn MISI, għalhekk, li tkun meħtieġa tidentifika u tikseb tweġiba għall-Anness I mingħand kumpaniji relatati jew tiffaċċja l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 timponi piż impossibbli fuq Nippon Steel. It-tieni, Nippon Steel sostniet li t-talba lill-Kumpanija A u lill-Kumpanija B biex jimlew tweġiba għall-kwestjonarju kienet tkun bla użu u sproporzjonata, minħabba li ma biegħux mill-ġdid il-prodott ikkonċernat, iżda pproċessawh. Fl-aħħar nett, Nippon Steel qajmet il-fatt li l-prezz tal-PCNs mibjugħa lill-Kumpanija A waqa’ fil-prezz medju tal-bejgħ lil klijenti mhux relatati għall-istess PCNs, u b’tali mod li l-bejgħ lill-Kumpanija A u lill-Kumpanija B kien f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta.

(276)

Il-Kummissjoni nnotat li MISEA biegħet il-prodott ikkonċernat manifatturat minn Nippon Steel lill-Kumpanija A u lill-Kumpanija B, li l-kumpanija omm tagħhom kienet il-Kumpanija C. Min-naħa tagħha, MISI kellha sehem ta’ aktar minn 5 % kemm f’MISEA kif ukoll fil-Kumpanija C. Matul il-verifika f’MISI, ġie kkonfermat li dawn ir-relazzjonijiet kienu fis-seħħ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-Kumpanija C ġiet elenkata fost is-sussidjarji barranin ta’ MISI fil-profil korporattiv ta’ MISI tal-2025 (94). Dan juri li MISEA u l-Kumpanija A fuq naħa waħda, u MISEA u l-Kumpanija B fuq in-naħa l-oħra, kienu relatati minħabba li, skont l-Artikolu 127(1)(d), parti terza (jiġifieri, MISI) kellha direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma tat-tnejn li huma. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk ir-relazzjoni hijiex mal-produttur esportatur innifsu. F’dan il-każ, ir-relazzjoni inkwistjoni kienet bejn il-bejjiegħ, MISI, u l-akkwirenti, jiġifieri l-Kumpanija A u l-Kumpanija B. Ma jistax jiġi affermat li, billi r-relazzjoni ma kinitx tinvolvi lill-produttur esportatur innifsu, tali relazzjoni ma setgħetx taffettwa l-prezz tal-bejgħ. Tabilħaqq, il-prezzijiet bejn il-partijiet relatati xorta waħda kienu affettwati mir-relazzjoni. Id-definizzjoni ta’ partijiet relatati fl-Artikolu 127 tal-Att ta’ Implimentazzjoni tal-KDU tirreferi għal “persuni” u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, li jinkludi r-referenza għall-Att ta’ Implimentazzjoni tal-KDU għall-finijiet tad-difiża tal-kummerċ, jirreferi għal “partijiet” f’dan ir-rigward, u mhux għal produtturi esportaturi. Il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li l-Artikolu 127(1)(d) ma huwiex limitat għal katina ta’ entità waħda l-aktar sabiex tiġi stabbilita relazzjoni bejn il-partijiet. Tabilħaqq, preċiżament l-ispeċifikazzjoni “indirettament” tippermetti li jiġu inklużi ishma miżmuma permezz ta’ katina ta’ sussidjarji u tipprevjeni ċ-ċirkomvenzjoni tad-dispożizzjoni permezz ta’ strutturi korporattivi ta’ diversi livelli ta’ sussidjarji, bħal f’dan il-każ fejn il-parteċipazzjoni indiretta ta’ MISI fil-Kumpanija A u fil-Kumpanija B tinżamm permezz tal-Kumpanija C. L-allegata prattika preċedenti tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni antisussidji dwar il-vetturi elettriċi bil-batterija mir-RPĊ ma ġietx issostanzjata aktar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li, fil-każ inkwistjoni, l-identifikazzjoni u l-kisba ta’ tweġiba għall-Anness I minn dawn il-kumpaniji relatati ma kinux piż impossibbli għal Nippon Steel minħabba li (a) il-Kumpanija C diġà kienet involuta f’kapaċità differenti fl-investigazzjoni preċedenti dwar l-HRF (95), fejn Nippon Steel kienet ġiet inkluża fil-kampjun, (b) l-akkwiżizzjoni minn MISI tal-Kumpanija C kienet informazzjoni pubblika, u (c) l-identifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Kumpanija A u tal-Kumpanija B bħala sussidjarji tal-Kumpanija C seħħet fil-kuntest ta’ kontrolli ta’ rutina matul il-verifika, kif spjegat fid-dettall fir-rapport tal-missjoni ta’ MISI. Imbagħad, l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) fir-rigward ta’ Nippon Steel irriżultat preċiżament mir-relazzjoni. It-tieni, il-fatt li kumpanija relatata fl-Unjoni ma tinvolvix ruħha f’bejgħ mill-ġdid, iżda pjuttost fl-ipproċessar, ma jeżentax lil kumpanija milli twieġeb għall-Anness I. Għall-kuntrarju, il-kostijiet tal-ipproċessar isiru rilevanti fl-istabbiliment tal-prezz tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni fuq kwalunkwe bażi raġonevoli meta l-prodotti ma jerġgħux jinbiegħu fil-kundizzjoni li fiha ġew importati kif previst fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq tali valutazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(277)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-distakkament tal-bejgħ ta’ MISEA lill-Kumpanija A, il-Kummissjoni nnotat li l-prezzijiet li Nippon Steel qieset bħala mill-fabbrika nkisbu billi tnaqqsu mill-valur nett tal-fattura l-allowances kollha mħallsin minn MISEA. Madankollu, meta jitqabblu l-prezzijiet tal-bejgħ, jenħtieġ li jsir tqabbil bejn il-prezzijiet tal-fattura, wara li jitnaqqsu l-kostijiet tat-trasport rilevanti (sabiex jitqiesu d-differenzi fit-termini tal-kunsinna). Tali tqabbil fil-livell tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-UE (jiġifieri, il-prezz CIF wara li jitnaqqsu l-kostijiet tat-trasport fl-UE biex jitqiesu d-differenzi fit-terminu tal-kunsinna) wera li l-prezzijiet ta’ MISEA lill-Kumpanija A kienu bħala medja 6 % aktar baxxi mill-prezzijiet ta’ MISEA lil kumpaniji mhux relatati. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-bejgħ ta’ MISEA lill-Kumpanija A ma kienx distakkat. Fir-rigward tad-distakkament tal-bejgħ ta’ MISEA lill-Kumpanija B, Nippon Steel innifisha rrikonoxxiet li ma setgħetx turi dan, minħabba li l-PCN mibjugħ lill-Kumpanija B ma nbiegħx lil xi klijent ieħor ta’ MISEA fl-Unjoni. Madankollu, billi l-Kumpanija B ma kkooperatx, abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-bejgħ ta’ MISEA lill-Kumpanija A ma kienx distakkat, ma kien hemm l-ebda element biex jiġi konkluż b’mod differenti għall-bejgħ lill-Kumpanija B. Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni ċaħdet il-kummenti u qieset il-bejgħ ta’ MISEA lill-Kumpanija A u lill-Kumpanija B bħala bejgħ relatat. B’konsegwenza ta’ dan, fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-Kumpanija A u tal-Kumpanija B u dwar il-kostijiet tal-ipproċessar possibbli tagħhom, il-Kummissjoni qieset li l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-Kumpanija A u tal-Kumpanija B huwa ugwali għall-prezz tal-bejgħ ta’ MISEA lil klijenti mhux relatati, fuq bażi tat-tip ta’ prodott. Għall-Kumpanija B, li xtrat mingħand MISEA PCN li ma nxtarax minn xi klijent ieħor, il-Kummissjoni użat il-prezz tal-bejgħ ta’ MISEA lil klijenti mhux relatati tal-aktar PCN simili.

(278)

Madankollu, minħabba l-konklużjoni fil-premessa (270) dwar id-distakkament tat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni permezz tal-kummerċjant relatat MISI, dan ma baqax rilevanti għall-prezz tal-esportazzjoni użat fil-kalkolu tad-dumping.

(279)

Fir-rigward tal-punt (ii) dwar il-bejgħ mill-ġdid domestiku nieqes ta’ tliet kummerċjanti relatati, Nippon Steel qablet mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni.

(280)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-prezz ta’ dan il-bejgħ mill-ġdid domestiku nieqes huwa l-prezz medju tal-aktar bejgħ domestiku profittabbli lil klijenti mhux relatati ta’ Nippon Steel u tal-kumpaniji relatati tagħha, li jirrappreżenta 5 % tal-volum mibjugħ domestikament fuq bażi ta’ tip ta’ prodott.

(281)

Wara d-divulgazzjoni finali, Nippon Steel affermat li l-kummerċjanti relatati tagħha aġixxew bl-aħjar mod li setgħu, filwaqt li pprovdew informazzjoni minkejja kwistjonijiet tekniċi. Konsegwentement, fil-fehma ta’ Nippon Steel, ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni legali għall-Kummissjoni li tuża l-aktar prezzijiet tal-bejgħ domestiku profittabbli bħala fatti disponibbli minħabba li l-aħjar fatti disponibbli jenħtieġ li ma jfissrux inferenzi negattivi, anke skont il-ġurisprudenza tad-WTO (96). Nippon Steel talbet li l-Kummissjoni jew tinjora l-bejgħ mhux irrapportat jew tuża l-prezz medju tal-bejgħ domestiku kollu.

(282)

Il-Kummissjoni qieset li, meta jiġu applikati l-fatti disponibbli, l-awtoritajiet investigattivi huma meħtieġa jagħżlu, b’mod imparzjali u oġġettiv, dawk il-fatti disponibbli li jikkostitwixxu sostituzzjonijiet raġonevoli għall-informazzjoni meħtieġa nieqsa fil-fatti u fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ każ partikolari. Meta jagħmlu dan, l-awtoritajiet investigattivi jridu jqisu l-fatti kollha li jkunu disponibbli għalihom kif xieraq. Fl-għażla tal-fatti ta’ sostituzzjoni, l-Artikolu 6.8 tal-ADA tad-WTO ma jirrikjedix li l-awtoritajiet investigattivi jagħżlu dawk il-fatti li jkunu l-aktar favorevoli għall-parti li ma tikkooperax (97).

(283)

L-approċċ tal-Kummissjoni segwa bis-sħiħ din ir-regola. B’mod imparzjali, hija ħadet id-data tal-prezzijiet reali u vverifikata ta’ Nippon Steel u l-kumpaniji relatati tagħha u użatha bħala mudell ta’ mġiba tal-ipprezzar għad-data li ma ġietx ipprovduta. Tali approċċ żgura li l-bejgħ mill-ġdid domestiku nieqes ma kienx sottovalutat u, konsegwentement, li l-marġni tad-dumping finali kien jirrifletti l-potenzjal magħruf ta’ dumping tal-kumpanija matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. F’ċirkostanzi fejn kumpanija ma tipprovdix lill-Kummissjoni xi bejgħ mill-ġdid, l-użu tal-imġiba reali u vverifikata tal-ipprezzar tal-kumpanija matul il-perjodu ta’ investigazzjoni bħala mudell ma jistax jitqies, fin-nuqqas ta’ informazzjoni għall-kuntrarju, bħala soġġettiv jew punittiv. Dan iwassal għal marġni tad-dumping kemm jista’ jkun akkurat fil-kuntest tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-kumpanija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-alternattiva rakkomandata minn Nippon Steel, li tikkonsisti fl-esklużjoni tal-bejgħ mhux irrapportat jew fl-użu tal-prezz medju tal-bejgħ domestiku kollu, tkun tfisser li jiġi inċentivat in-nuqqas ta’ kooperazzjoni (98). Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni u kkonfermat il-metodoloġija spjegata fil-premessa (280).

3.3.3.   Sitwazzjoni partikolari tas-suq: effett ta’ espulsjoni

3.3.3.1.   Analiżi

(284)

Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ PMS fis-suq tal-Ġappun minħabba l-effett ta’ espulsjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi tas-CRF, il-Kummissjoni wettqet l-analiżi li ġejja: l-ewwel nett, il-Kummissjoni analizzat il-grad ta’ penetrazzjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi fis-suq domestiku tal-Ġappun f’termini ta’ volum; it-tieni, il-Kummissjoni ħarset lejn l-ishma tas-suq rispettivi tal-produtturi domestiċi meta mqabbla mal-importazzjonijiet Ċiniżi u ta’ pajjiżi terzi oħrajn fis-suq domestiku tal-Ġappun; it-tielet, il-Kummissjoni ħarset lejn il-prezzijiet fis-suq domestiku tal-Ġappun. Il-Kummissjoni mbagħad analizzat kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli fil-fajl dwar l-impatt tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq is-suq domestiku tal-Ġappun, inkluż, jekk disponibbli, il-profittabbiltà tal-produtturi domestiċi fuq il-bejgħ domestiku tas-CRF.

(285)

Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq indikaturi fil-livell tal-pajjiż kollu pprovduti mill-ĠTĠ, u fil-livell tal-kumpanija pprovduti mill-produttur esportatur inkluż fil-kampjun, Nippon Steel. Iż-żewġ settijiet ta’ indikaturi ġew ivverifikati fuq il-post, kif indikat fil-premessa (106).

(286)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li Nippon Steel mhux biss tqieset bħala rappreżentattiva, abbażi tal-informazzjoni sottomessa fl-istadju tal-kampjunar, tal-volum tal-esportazzjoni, iżda wkoll, abbażi tad-data vverifikata matul l-investigazzjoni u meta jitqies ukoll il-produttur relatat tagħha msemmi fil-premessi (271) sa (273), kienet tirrappreżenta mill-inqas [50-60 %] tal-volum tal-bejgħ domestiku tas-CRF matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Tali bejgħ domestiku żgura lil Nippon Steel Group sehem mis-suq ta’ mill-inqas [40 %-50 %] fis-suq għas-CRF fil-Ġappun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni wettqet l-analiżi tagħha kemm fil-livell tal-pajjiż kif ukoll fil-livell ta’ Nippon Steel jew, fejn disponibbli, ta’ Nippon Steel Group, dawn il-metriċi juru li Nippon Steel hija rappreżentattiva tal-produtturi domestiċi fil-Ġappun u, b’hekk, tas-sitwazzjoni fis-suq domestiku fil-Ġappun.

3.3.3.1.1.   Is-suq domestiku: volum

(287)

Fil-bidu nett, il-Kummissjoni analizzat il-konsum tas-CRF fil-Ġappun kif irrapportat mill-GTĠ. Il-konsum irrapportat mill-GTĠ deher li kien kemxejn sottovalutat b’madwar 1 % meta mqabbel mas-somma tal-importazzjonijiet u tal-bejgħ domestiku rrapportat mill-GTĠ innifsu. Matul iż-żjara ta’ verifika, ġie spjegat li dan irriżulta mill-metodoloġija, minħabba li l-GTĠ kien uża metodu differenti biex jirrapporta l-importazzjonijiet waħedhom, u dawk li uża fil-kalkolu tal-konsum, li wassal għal ċifri differenti għall-istess indikatur. Billi l-Kummissjoni setgħet tivverifika fuq il-post iċ-ċifri użati biex tistabbilixxi l-importazzjonijiet waħedhom, hija bbażat ruħha fuq l-istess data wkoll għall-konsum.

(288)

Barra minn hekk, il-volum tal-bejgħ domestiku rrapportat mill-GTĠ deher li kien sottovalutat b’madwar 33 % meta mqabbel mal-volum tal-bejgħ domestiku rrapportat mill-produtturi esportaturi li kkooperaw. F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-volum tal-bejgħ domestiku rrapportat mill-produtturi esportaturi li kkooperaw. Konsegwentement, tali volum tal-bejgħ domestiku ntuża wkoll biex jiġi stabbilit il-konsum, minflok ma ntużat id-data dwar il-konsum ipprovduta mill-GTĠ.

(289)

Il-konsum fil-Ġappun żviluppa kif ġej:

Tabella 2

Il-konsum fil-Ġappun (tunnellati)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-konsum fil-Ġappun

4 221 718

4 153 970

4 189 541

4 089 303

Indiċi

100

98

99

97

Sors:

Id-data doganali tal-Ġappun flimkien mal-bejgħ domestiku rrapportat mill-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-Ġappun.

(290)

Bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, il-konsum fil-Ġappun naqas bi 3 %.

(291)

L-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni fil-Ġappun żviluppaw kif ġej:

Tabella 3

Kwantità importata fil-Ġappun (tunnellati)

Pajjiż

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Importazzjonijiet totali,li minnhom:

Kwantità ta’ importazzjonijiet

813 469

910 476

990 341

880 370

Indiċi

100

112

122

108

1.

Il-Korea

Kwantità ta’ importazzjonijiet

558 528

572 630

621 599

575 194

Indiċi

100

103

111

103

2.

It-Tajwan

Kwantità ta’ importazzjonijiet

185 704

235 907

246 812

210 795

Indiċi

100

127

133

114

3.

Ir-RPĊ

Kwantità ta’ importazzjonijiet

64 696

97 238

117 512

90 522

Indiċi

100

150

182

140

Sors:

Data doganali tal-Ġappun.

(292)

Id-data dwar l-importazzjoni turi li mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni, l-importazzjonijiet tal-prodott li kien qed jiġi investigat fil-Ġappun żdiedu bi 8 %. Din iż-żieda, jekk titqabbel mat-tnaqqis bi 3 % tal-konsum matul l-istess perjodu, turi li l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienu jikkostitwixxu sehem akbar mit-taħlita tal-konsum meta mqabbla mal-2022.

(293)

L-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b’40 % mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni, rata ogħla meta mqabbla mal-importazzjonijiet globali, l-importazzjonijiet mill-Korea u dawk mit-Tajwan. Madankollu, matul il-perjodu kollu, ir-RPĊ baqgħet b’mod konsistenti t-tielet sors biss ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni fil-Ġappun.

(294)

B’mod parallel, il-bejgħ domestiku tal-prodott taħt investigazzjoni fil-Ġappun żviluppa kif ġej:

Tabella 4

Kwantità tal-bejgħ domestiku (tunnellati)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Kwantità totali ta’ bejgħ fis-suq Ġappuniż, li minnha:

3 408 249

3 243 493

3 199 200

3 208 933

Indiċi

100

95

94

94

—

Nippon Steel Group

[2 000 000 -2 100 000 ]

[1 900 000 -2 000 000 ]

[1 900 000 -2 000 000 ]

[1 900 000 -2 000 000 ]

Indiċi

100

92

92

93

Sors:

It-tweġiba tal-produtturi esportaturi li kkooperaw għall-kampjunar u t-tweġiba ta’ Nippon Steel għall-kwestjonarju.

(295)

Il-bejgħ kaptiv huwa inkluż f’din id-data minħabba li ma setax jiġi segregat separatament abbażi tad-data disponibbli.

(296)

Mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni, il-bejgħ domestiku naqas b’6 % u l-bejgħ domestiku ta’ Nippon Steel Group wera tnaqqis simili b’7 %. Jekk dan jitqabbel mat-tnaqqis modest bi 3 % tal-konsum u maż-żieda fl-importazzjonijiet bi 8 % tal-importazzjonijiet, huwa evidenti li l-importazzjonijiet ħadu post parti mill-bejgħ domestiku fit-taħlita tal-konsum.

(297)

Din id-dinamika tista’ tiġi osservata aħjar meta l-volumi jitqabblu mal-konsum u jiġu espressi f’termini ta’ ishma mis-suq.

Tabella 5

Sehem mis-suq (%)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Importazzjonijiet, li minnhom:

19,3

21,9

23,6

21,5

1.

Il-Korea

13,2

13,8

14,8

14,1

2.

It-Tajwan

4,4

5,7

5,9

5,2

3.

Ir-RPĊ

1,5

2,3

2,8

2,2

Bejgħ domestiku, li minnu:

80,7

78,1

76,4

78,5

—

Nippon Steel Group

[45 -55 ]

[40 -50 ]

[40 -50 ]

[40 -50 ]

Sors:

Id-data doganali tal-Ġappun, il-produtturi esportaturi li kkooperaw u t-tweġiba ta’ Nippon Steel għall-kwestjonarju.

(298)

Iż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ 2,2 punti perċentwali mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni kienet tikkorrispondi għal tnaqqis fil-bejgħ domestiku ta’ 2,2 punti perċentwali wkoll, bis-sehem mis-suq ta’ Nippon Steel Group juri wkoll tnaqqis żgħir. Fi ħdan iż-żieda fl-importazzjonijiet, l-importazzjonijiet mir-RPĊ kisbu 0,7 punti perċentwali, għall-kuntrarju taż-żieda ogħla tal-Korea ta’ 0,9 punti perċentwali u tat-Tajwan ta’ 0,8 punti perċentwali. Għalhekk, anke f’termini ta’ żieda fis-sehem mis-suq, ir-RPĊ segwiet lill-Korea u lit-Tajwan.

(299)

Għalhekk, il-Kummissjoni stabbiliet li, f’termini ta’ volum, l-importazzjonijiet urew żieda limitata fis-sehem mis-suq tagħhom fil-Ġappun u l-importazzjonijiet Ċiniżi ma kellhomx rwol ewlieni f’din iż-żieda. Fil-fatt, l-importazzjonijiet Ċiniżi qatt ma kellhom sehem mis-suq ta’ aktar minn 3 % fis-suq Ġappuniż. Fl-istess ħin, is-sehem mis-suq tal-produtturi domestiċi Ġappuniżi baqa’ f’madwar 80 % tas-suq.

3.3.3.1.2.   Is-suq domestiku: prezzijiet

(300)

Il-Kummissjoni mbagħad analizzat l-effett tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-prezzijiet fis-suq domestiku tal-Ġappun. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni analizzat il-prezzijiet unitarji tal-importazzjonijiet u tal-bejgħ domestiku.

(301)

Il-prezz unitarju tal-importazzjonijiet u tal-bejgħ domestiku żviluppa kif ġej:

Tabella 6

Il-prezzijiet tal-bejgħ fil-Ġappun (JPY/tunnellata)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

1.

Importazzjonijiet mill-Korea

407 643

146 720

149 106

150 713

Indiċi

100

36

37

37

2.

Importazzjonijiet mit-Tajwan

181 823

208 711

189 087

186 855

Indiċi

100

115

104

103

3.

Importazzjonijiet mir-RPĊ

330 640

280 645

285 452

306 600

Indiċi

100

85

86

93

Il-prezz medju tal-bejgħ domestiku għal kull unità fil-Ġappun (99), li minnu:

143 000

135 000

132 000

132 083

Indiċi

100

94

92

92

—

Nippon Steel Group (100)

[155 -165 000 ]

[157 -167 000 ]

[155 -165 000 ]

[151 -161 000 ]

Indiċi

100

101

100

98

(99)  Il-prezz medju tal-bejgħ domestiku għal kull unità fil-Ġappun jeskludi l-kost tat-trasport u t-taxxa fuq il-konsum.

(100)  Nett tal-kost tat-trasport tal-merkanzija domestiku għal Nippon Steel, abbażi tat-tweġiba għall-kampjunar għall-produttur l-ieħor f’Nippon Steel Group.

Sors:

Id-data doganali tal-Ġappun, Japan Metal Daily (il-prezz baxx fi tmiem ix-xahar f’Tokyo għal 3 × 6, 0,8 mm), it-tweġiba ta’ Nippon Steel Group għall-kampjunar u t-tweġiba ta’ Nippon Steel għall-kwestjonarju.

(302)

L-analiżijiet tal-prezzijiet urew li, b’mod ġenerali, il-prezzijiet tal-importazzjoni fil-livell CIF kienu konsistentement ħafna ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ domestiku. Il-prezzijiet tal-importazzjoni minn sorsi eqreb lejn il-Ġappun huma aktar baxxi, iżda xorta għadhom konsistentement ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ domestiku.

(303)

L-importazzjonijiet Ċiniżi daħlu wkoll fil-Ġappun bi prezzijiet konsistentement ħafna ogħla minn dawk tal-prezz domestiku ta’ Nippon Steel Group fis-snin kollha tal-perjodu eżaminat. Il-prezzijiet domestiċi ta’ Nippon Steel Group baqgħu stabbli bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni.

3.3.3.2.   Konklużjoni

(304)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq domestiku tal-Ġappun għas-CRF ma kienx affettwat minn sitwazzjoni partikolari tas-suq li tirriżulta mill-importazzjonijiet Ċiniżi minħabba kapaċità żejda fis-settur tal-azzar fir-RPĊ. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li l-importazzjonijiet mir-RPĊ kellhom biss sehem mis-suq ta’ 2,2 % matul il-perjodu taħt investigazzjoni, li l-industrija tal-Ġappun żammet sehem mis-suq ta’ kważi 80 %, u li l-prezzijiet domestiċi fil-Ġappun kienu aktar baxxi mill-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Minħabba l-kwantitajiet u l-prezzijiet tagħhom, l-importazzjonijiet Ċiniżi fil-Ġappun ma setgħux kellhom xi effett sinifikanti fuq il-prezzijiet domestiċi u l-profittabbiltà.

(305)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq domestiku Ġappuniż ma kienx affettwat minn sitwazzjoni partikolari tas-suq li tirriżulta mill-importazzjonijiet Ċiniżi minħabba l-kapaċità żejda fis-settur tal-azzar fir-RPĊ.

3.3.4.   Valur normali

(306)

Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku għal kull produttur esportatur fil-kampjun kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur ikun jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tiegħu ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Abbażi ta’ dan, il-bejgħ totali minn kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun tal-prodott simili fis-suq domestiku kien rappreżentattiv.

(307)

Sussegwentement, il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta’ prodotti mibjugħa domestikament li kienu identiċi jew komparabbli mat-tipi ta’ prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni għall-produttur esportatur b’bejgħ domestiku rappreżentattiv.

(308)

Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku minn kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun fis-suq domestiku tiegħu għal kull tip ta’ prodott li huwa identiku jew komparabbli ma’ tip ta’ prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott ikun rappreżentattiv jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ dak it-tip ta’ prodott lil klijenti indipendenti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkun jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tat-tip ta’ prodott identiku jew komparabbli lejn l-Unjoni.

(309)

Il-Kummissjoni stabbiliet li l-bejgħ domestiku għall-maġġoranza tat-tipi ta’ prodotti kien rappreżentattiv. Il-Kummissjoni stabbiliet li għal żewġ tipi ta’ prodotti ma kien hemm l-ebda bejgħ domestiku. Għal dawn it-tipi ta’ prodotti, ma kien hemm l-ebda sors ieħor disponibbli għall-prezzijiet domestiċi. Il-valur normali nħadem f’konformità mal-metodu ta’ hawn taħt fil-premessa (315).

(310)

Imbagħad, il-Kummissjoni ddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ profittabbli lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta’ prodott matul il-perjodu ta’ investigazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku effettiv għall-kalkolu tal-valur normali, f’konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(311)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku effettiv għal kull tip ta’ prodott, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ huwiex profittabbli jew le, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ tat-tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew ogħla mill-kost tal-produzzjoni kkalkolat, kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dan it-tip ta’ prodott; u

(b)

l-prezz tal-bejgħ medju ponderat ta’ dak it-tip ta’ prodott ikun daqs jew ogħla mill-kost unitarju tal-produzzjoni.

(312)

Jekk iż-żewġ testijiet jiġu ssodisfati, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip ta’ prodott matul il-PI.

(313)

Il-valur normali huwa l-prezz domestiku effettiv għal kull tip ta’ prodott tal-bejgħ domestiku profittabbli biss tat-tipi ta’ prodotti matul il-PI, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ profittabbli tat-tip ta’ prodott jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dan it-tip: jew

(b)

il-prezz medju ponderat ta’ dan it-tip ta’ prodott ikun anqas mill-kost ta’ unità tal-produzzjoni.

(314)

L-analiżi tal-bejgħ domestiku wriet li l-volum tal-bejgħ profittabbli ta’ xi tipi ta’ prodotti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kien jirrappreżenta inqas minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dawn it-tipi u li l-prezz medju ponderat tal-bejgħ kien aktar baxx mill-kost tal-produzzjoni. Għaldaqstant, il-valur normali ġie kkalkolat bħala medja ponderata tal-bejgħ profittabbli biss. Għal xi tipi oħrajn ta’ prodotti, ix-xenarju deskritt fil-premessa (311) kien applikabbli u l-valur normali ġie kkalkolat bħala medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dawk it-tipi ta’ prodotti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(315)

Fejn ma kien hemm l-ebda bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott tal-prodott simili, il-Kummissjoni fittxet sorsi alternattivi għall-prezzijiet fil-perkors normali tal-kummerċ. Minħabba li ma kien hemm l-ebda produttur domestiku ieħor inkluż fil-kampjun li kkoopera jew li kien disponibbli tal-prodott simili fil-pajjiż ikkonċernat, ma kien hemm l-ebda prezz bħal dan disponibbli. Il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għat-tipi ta’ prodotti rilevanti f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku.

3.3.5.   Prezz tal-esportazzjoni

(316)

Il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun esporta lejn l-Unjoni jew direttament lil klijenti indipendenti jew permezz ta’ kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importatur.

(317)

Fil-każ li l-produttur esportatur ikun esporta l-prodott ikkonċernat direttament lil konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott ikkonċernat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(318)

Minħabba l-konklużjoni fil-premessa (270) dwar id-distakkament tat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni, il-prezz tal-esportazzjoni f’każijiet fejn il-produttur esportatur esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importaturi kien ukoll il-prezz effettivament imħallas jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.3.6.   Tqabbil

(319)

L-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħmel paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fl-istess livell ta’ kummerċ u li tagħmel konċessjonijiet għad-differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni għażlet li tqabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fil-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Kif spjegat aktar hawn taħt, fejn xieraq, il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew aġġustati sabiex: (i) jiġu nnettjati lura għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika; u (ii) isiru provvedimenti għad-differenzi fil-fatturi li ġew iddikjarati, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet.

3.3.6.1.   Aġġustamenti magħmula għall-valur normali

(320)

Kif spjegat fil-premessa (319), il-valur normali ġie stabbilit fil-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika bl-użu tal-kostijiet tal-produzzjoni flimkien mal-ammonti għall-ispejjeż SG & A u għall-profitt, li tqiesu bħala raġonevoli għal dak il-livell ta’ kummerċ.

(321)

Nippon Steel affermat, skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku, li jenħtieġ li jsir aġġustament għall-valur normali minħabba d-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi. Hija bbażat l-affermazzjoni tagħha fuq il-fatt li, fis-suq domestiku, il-klijenti ta’ settur speċifiku aċċettaw prezzijiet ogħla minħabba diversi fatturi, inkluż il-forniment ta’ prodotti speċjali b’valur miżjud għoli, it-tweġibiet għal domandi stretti ta’ kwalità, it-tressiq ta’ proposti tekniċi pendenti, u l-provvista ta’ servizz ta’ kunsinna fuq il-post u “eżatt fil-ħin” meta mqabbel ma’ klijenti f’settur ieħor, filwaqt li dawk il-fatturi ma humiex preżenti fis-suq tal-esportazzjoni. Nippon Steel żiedet tgħid li, konsegwentement, jenħtieġ li l-Kummissjoni teskludi l-bejgħ domestiku lis-settur speċifiku mill-valur normali.

(322)

Il-Kummissjoni nnotat li, abbażi tal-informazzjoni vverifikata minn Nippon Steel dwar il-prezzijiet domestiċi tagħhom lil setturi differenti, il-klijenti f’dak is-settur speċifiku ma ħallsux b’mod konsistenti prezzijiet differenti minn klijenti f’setturi oħrajn fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(323)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Nippon Steel affermat li, peress li l-Kummissjoni kienet aġġustat il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku għall-kummerċjanti relatati li jaġixxu bħala aġenti li jaħdmu fuq bażi ta’ kummissjoni, jenħtieġ li tagħmel l-istess aġġustament għall-valur normali, minħabba li l-funzjonijiet imwettqa mill-kummerċjanti relatati baqgħu identiċi irrispettivament minn jekk il-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni kienx destinat għas-suq domestiku jew għall-esportazzjoni, u xi wħud mill-kummerċjanti relatati kienu attivi kemm fis-suq domestiku kif ukoll f’dak tal-esportazzjoni.

(324)

Minħabba l-aċċettazzjoni tal-affermazzjoni ta’ Nippon Steel dwar id-distakkament fil-premessa (270), il-Kummissjoni ma aġġustatx il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, wara l-kummenti ta’ Nippon Steel dwar id-divulgazzjoni finali. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni dwar il-valur normali.

(325)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, Nippon Steel affermat li, wara li qieset il-bejgħ għall-esportazzjoni permezz ta’ NST u MISI b’distakkament, il-Kummissjoni ma adottatx l-istess approċċ għall-bejgħ domestiku permezz ta’ NST u MISI, u b’hekk ħolqot assimetrija bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, li xorta kien jinkludi l-kostijiet u l-profitti tan-negozjanti relatati. Nippon Steel argumentat li applikat l-istess mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet tagħha għal NST u għal MISI, kif ukoll għal negozjanti mhux relatati oħra, irrispettivament minn jekk l-oġġetti kinux finalment mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni jew fis-suq domestiku Ġappuniż. Nippon Steel talbet li l-assimetrija allegata tiġi kkoreġuta billi jiġi applikat aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, kif sar fl-investigazzjoni anti-dumping reċenti dwar l-importazzjonijiet tal-valina li toriġina mir-RPĊ (101) (“investigazzjoni tal-valina”). Il-kwantifikazzjoni ta’ dan l-aġġustament tikkorrispondi għall-kostijiet SG & A u għall-profitt tal-NST, tal-MISI u tan-negozjanti domestiċi relatati l-oħra għall-bejgħ domestiku tal-prodott ikkonċernat magħmul permezz tal-NST u tal-MISI.

(326)

Għall-kuntrarju tal-bejgħ għall-esportazzjoni (ara l-premessi (269) u (270)), Nippon Steel ma pprovdiet l-ebda evidenza li l-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet domestiċi permezz tal-NST u tal-MISI kienu distakkati meta mqabbla mat-tranżazzjonijiet domestiċi permezz ta’ negozjanti mhux relatati. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni qieset li d-data disponibbli ma indikatx l-eżistenza ta’ mudell konsistenti ta’ tranżazzjonijiet distakkati. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda assimetrija bejn it-trattament tal-bejgħ għall-esportazzjoni, fejn l-affermazzjoni għal distakkament kienet iġġustifikata u aċċettata, u l-bejgħ domestiku, fejn l-affermazzjoni għal distakkament kienet bla bażi. Għalhekk, is-sitwazzjoni kienet differenti mill-investigazzjoni tal-valina, fejn intwerew il-fatturi li jagħtu lok għall-aġġustament. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

3.3.6.2.   Aġġustamenti magħmula għall-prezz tal-esportazzjoni

(327)

Sabiex il-prezz tal-esportazzjoni jiġi nnettjat lura għal-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, saru aġġustamenti fir-rigward ta’: id-dazju doganali, imposti oħrajn fuq l-importazzjoni, it-trasport tal-merkanzija, l-assigurazzjoni, l-ispejjeż tal-immaniġġar, tat-tagħbija u spejjeż anċillari.

(328)

Saru provvedimenti għall-fatturi li ġejjin li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet: il-kost tal-kreditu, l-imposti bankarji u l-kummissjonijiet.

3.3.7.   Marġni tad-dumping

(329)

Għall-produttur esportatur li kkoopera inkluż fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip tal-prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(330)

Fir-rigward tal-bejgħ lill-Unjoni magħmul permezz ta’ kummerċjanti mhux relatati li jinsabu barra mill-Unjoni, Nippon Steel u NST affermaw li jenħtieġ li jiżdied ammont għall-kostijiet SG & A u l-profitt ta’ dawn il-kummerċjanti sabiex jiġi stmat il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni. Skont it-tranżazzjoni speċifika, il-fatturi maħruġa jew minn Nippon Steel jew minn NST kienu bbażati fuq l-incoterms ta’ FOB, CIF jew CFR.

(331)

Skont prattika stabbilita għal żmien twil, għat-tranżazzjonijiet konklużi skont l-incoterms ta’ FOB, il-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar u dawk anċillari (bħall-assigurazzjoni) jiġu stmati abbażi tal-evidenza sottomessa mill-produttur esportatur. Jenħtieġ li l-istess loġika tapplika għal kwalunkwe element addizzjonali ddikjarat minn parti interessata. Madankollu, f’dan il-każ, Nippon Steel ma setgħet tipprovdi l-ebda evidenza li turi l-ħtieġa li jiżdiedu l-kostijiet SG & A u l-profitt ta’ kummerċjanti mhux relatati fl-ewwel lok. Fi kwalunkwe każ, anke jekk Nippon Steel kienet ipprovdiet tali evidenza, quod non, il-kumpanija ma setgħet tipprovdi l-ebda evidenza verifikabbli dwar l-ammont ta’ tali kostijiet SG & A u profitt ipotetiċi.

(332)

B’mod aktar konkret, matul il-verifika fuq il-post, il-Kummissjoni pprovdiet lil Nippon Steel bl-opportunità li tippreżenta evidenza li turi li kummerċjanti mhux relatati kienu involuti b’mod attiv fil-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ Nippon Steel u NST lejn l-Unjoni u li l-valur finali tal-merkanzija bil-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni kien jinkludi kemm il-kostijiet SG & A mġarrba, kif ukoll l-allegati profitti realizzati minn dawk l-intermedjarji. B’reazzjoni għal dan, Nippon Steel u NST ippreżentaw għażla ta’ fatturi ta’ bejgħ mill-ġdid u għadd limitat ta’ dikjarazzjonijiet doganali minn ċerti kummerċjanti mhux relatati. Madankollu, il-Kummissjoni ma qisitx il-forniment ta’ għadd limitat ta’ fatturi u dikjarazzjonijiet doganali bħala evidenza suffiċjenti. Tabilħaqq, Nippon Steel qatt ma pprovdiet xi metodoloġija li tispjega kif u għaliex għażlet dawn il-fatturi u d-dikjarazzjonijiet doganali speċifiċi u għaliex huma rappreżentattivi tal-bejgħ globali li sar permezz ta’ kummerċjanti mhux relatati.

(333)

Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(334)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Nippon Steel affermat li l-Kummissjoni jenħtieġ li taġġusta l-valur CIF ikkalkolat biex tqis l-involviment ta’ kummerċjanti mhux relatati barra mill-UE, speċifikament il-kostijiet SG & A u l-profitt tagħhom. Dan l-aġġustament jiżgura li l-Kummissjoni tirrifletti l-valur CIF iddikjarat li fuqu jiġu imposti d-dazji meta l-merkanzija tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera. Skont l-Artikolu 128 tal-Att ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (102), dan il-valur huwa definit bħala l-valur tat-tranżazzjoni tal-oġġetti mibjugħa għall-esportazzjoni ddeterminat fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali abbażi tal-bejgħ li jseħħ immedjatament qabel ma l-oġġetti jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni.

(335)

B’appoġġ għall-affermazzjoni tagħha, Nippon Steel irreferiet għal investigazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni (103). Nippon Steel enfasizzat b’mod konkret li, fl-investigazzjoni dwar l-HRF, il-Kummissjoni qieset l-attivitajiet ta’ kummerċjanti mhux relatati fil-kalkolu tal-prezz CIF għal Nippon Steel. Fl-investigazzjoni dwar l-HRF, il-Kummissjoni stmat il-kostijiet SG & A tal-kummerċjanti mhux relatati abbażi tal-ispejjeż SG & A ta’ NST u ta’ MISI u użat marġni ta’ profitt nozzjonali ta’ 2 %, billi qieset li dan ikun konsistenti mal-marġni ta’ profitt użat skont l-Artikolu 2(9) għall-bejgħ fl-Unjoni permezz ta’ kumpaniji relatati.

(336)

Fl-aħħar nett, Nippon Steel sostniet li l-fatturi tal-bejgħ mill-ġdid u d-dikjarazzjonijiet doganali inklużi b’mod aleatorju fil-kampjun ġew ipprovduti bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni, li ma kellhiex speċifiċità fir-rigward tad-dokumenti eżatti meħtieġa. Biex tkompli tissostanzja l-affermazzjoni tagħha, u fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ evidenza tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni kif spjegat fil-premessa (332), Nippon Steel issottomettiet fatturi tal-bejgħ mill-ġdid lejn l-Unjoni minn tlieta mill-ħames kummerċjanti mhux relatati li Nippon Steel u NST kienu użaw matul il-PI. Ma pprovdiet l-ebda dikjarazzjoni doganali. Il-fatturi sottomessi koprew, għal tnejn mill-ħames kummerċjanti mhux relatati ta’ Nippon Steel, it-tliet tranżazzjonijiet bl-ogħla volumi minn Nippon Steel u NST u, għal wieħed minnhom, iż-żewġ tranżazzjonijiet bl-ogħla volumi minn NST. Dan it-tieni sett ta’ fatturi kopra 4,7 % tal-volum tal-bejgħ ta’ Nippon Steel tal-prodott taħt investigazzjoni lill-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(337)

Mill-bidu, il-Kummissjoni nnotat li Nippon Steel ibbażat l-affermazzjoni tagħha fuq is-suppożizzjoni li l-bejgħ mill-ġdid ta’ kummerċjant mhux relatat dejjem kien jirrifletti l-kostijiet SG & A u l-profitt tiegħu u talbet aġġustament għall-kostijiet SG & A u l-profitti tal-kummerċjanti mhux relatati stmati abbażi tar-rendikonti finanzjarji tal-kummerċjanti mhux relatati.

(338)

Tali suppożizzjoni naqset milli tqis sitwazzjonijiet fejn il-mark-up tal-kummerċjanti bejn il-prezz tax-xiri tagħhom u l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom jista’ jvarja mill-kostijiet SG & A u mill-profitt tagħhom jew fejn tali kummerċjanti jistgħu jkunu qed ibigħu bi prezz orħos. Konsegwentement, il-kostijiet SG & A u l-profitti ta’ kummerċjanti mhux relatati, fihom infushom, ma setgħux jikkostitwixxu evidenza tal-valur tat-tranżazzjoni tal-oġġetti li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni peress li dawk il-kostijiet SG & A u l-profitti jistgħu ma jkunux riflessi fil-prezz tal-bejgħ lill-Unjoni. Għall-istess raġuni, is-sempliċi fatt li bejgħ isir permezz ta’ kummerċjant indipendenti barra mill-Unjoni ma kienx biżżejjed biex jiġġustifika l-aġġustament. Tabilħaqq, kif sostniet Nippon Steel innifisha fl-affermazzjoni tagħha, dak il-valur jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-bejgħ li jseħħ immedjatament qabel ma l-merkanzija tidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni. Konsegwentement, id-dokumenti li juru tali valur, bħad-dikjarazzjonijiet doganali jew il-fattura mill-kummerċjant lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni, normalment ikunu evidenza adegwata biex jappoġġaw tali affermazzjonijiet.

(339)

L-analiżi tad-dokumentazzjoni sottomessa wara d-divulgazzjoni finali kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa preċedenti. Għal kull waħda mill-fatturi sottomessi, id-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ ta’ Nippon Steel jew ta’ NST lill-kummerċjant mhux relatat u l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-kummerċjant mhux relatat lill-klijent fl-Unjoni kienet ferm aktar baxxa mill-kostijiet SG & A u l-profitti inizjalment stmati minn Nippon Steel u NST fit-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarju.

(340)

Barra minn hekk, id-differenza fil-prezz varjat fost il-kummerċjanti mhux relatati u, f’kull kummerċjant mhux relatat, kienet differenti għal kull tranżazzjoni.

(341)

Barra minn hekk, id-dokumentazzjoni sottomessa kopriet biss 4,7 % tal-volum tal-bejgħ ta’ Nippon Steel tal-prodott taħt investigazzjoni lill-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u xorta ntgħażlet minn Nippon Steel.

(342)

Minħabba l-analiżi ta’ hawn fuq li turi li l-valur fil-fatturi ma kienx jirrifletti l-kostijiet SG & A u l-profitti kif affermat inizjalment, id-differenza bejn il-kummerċjanti u l-fatturi, u l-fatt li l-fatturi ntgħażlu minn Nippon Steel innifisha u koprew għadd limitat ħafna ta’ bejgħ mill-ġdid minn xi wħud biss, iżda mhux kollha, mill-kummerċjanti mhux relatati involuti fl-esportazzjonijiet ta’ Nippon Steel lejn l-Unjoni u konsegwentement ma kinux rappreżentattivi jew suffiċjenti, il-Kummissjoni qieset li Nippon Steel naqset milli tipprovdi evidenza li tiġġustifika aġġustament għall-bejgħ tal-esportazzjoni tagħha lejn l-Unjoni permezz ta’ kummerċjanti mhux relatati.

(343)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li għalkemm id-dokumentazzjoni tal-bejgħ mill-ġdid ġiet ipprovduta fuq talba tal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, dik it-talba kienet motivata mill-fatt li l-istimi inizjali pprovduti fit-tweġibiet għall-kwestjonarju tqiesu mhux affidabbli biex jissostanzjaw l-affermazzjoni. Din il-valutazzjoni sussegwentement ġiet ikkonfermata mill-evidenza addizzjonali pprovduta.

(344)

Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(345)

Wara d-divulgazzjoni, Nippon Steel affermat li l-Kummissjoni ħalliet barra l-assigurazzjoni tat-trasport bil-baħar meta kkalkolat il-valur CIF għal ċertu bejgħ għall-esportazzjoni. Nippon Steel talbet lill-Kummissjoni tinkludi ammont għall-assigurazzjoni biex tiddetermina b’mod korrett il-prezz u l-valur CIF.

(346)

Il-Kummissjoni sabet li l-affermazzjoni kienet iġġustifikata u inkludiet l-ammonti nieqsa tal-assigurazzjoni tat-trasport bil-baħar, filwaqt li żgurat kalkolu akkurat minn FOB għal CIF għall-bejgħ ta’ esportazzjoni ta’ Nippon Steel lejn l-Unjoni. B’dan il-mod, il-Kummissjoni nnotat li ammont għat-trasport tal-merkanzija fl-Unjoni kien tħalla fil-valur CIF ta’ ċertu bejgħ ta’ MISEA lill-Unjoni magħmul fuq termini ta’ konsenja sal-post tad-destinazzjoni (DAP). Għalhekk, il-Kummissjoni neħħiet l-ammont għat-trasport tal-merkanzija fl-Unjoni mill-kalkolu tal-valur CIF għal dan il-bejgħ.

(347)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, Nippon Steel innotat li, wara li aċċettat id-distakkament tal-bejgħ għall-esportazzjoni permezz tal-NST, il-Kummissjoni stabbiliet il-prezz CIF tal-bejgħ permezz tal-NST bl-użu tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-NST. Nippon Steel affermat li l-istess kellu jsir meta l-bejgħ sar permezz ta’ negozjanti mhux relatati billi żdied markup mal-prezz tal-esportazzjoni għall-involviment ta’ dawn in-negozjanti. Nippon Steel sostniet din l-affermazzjoni b’referenza għall-investigazzjoni tal-HRF u għas-sentenza (104) Hansol biex tiżgura li l-prezz użat bħala l-prezz tal-esportazzjoni CIF mal-wasla fl-Unjoni kien b’mod korrett il-prezz fil-fruntiera tal-Unjoni u mhux prezz fi stadju bikri tal-katina tal-bejgħ.

(348)

Il-Kummissjoni nnotat li, għall-NST, hija bbażat ruħha fuq il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-NST biex tikkalkula l-prezz CIF, minħabba li kellha evidenza vverifikata ta’ dan il-prezz. Għall-kuntrarju, u għall-istess raġunijiet bħal dawk spjegati fil-premessi (334) sa (340), Nippon Steel ma pprovdiet l-ebda evidenza li l-involviment ta’ negozjanti mhux relatati rriżulta fi prezz neċessarjament ogħla mill-prezz frank abbord minn Nippon Steel għan-negozjanti mhux relatati flimkien mal-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar u tal-assigurazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(349)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-GTĠ talab spjegazzjoni tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping u saħaq li d-divulgazzjoni limitata dwar dan l-aspett, flimkien mal-perjodu ta’ żmien qasir, żammitu milli jesprimi opinjoni dettaljata.

(350)

Il-Kummissjoni ma setgħetx tiddivulga kalkoli kunfidenzjali speċifiċi għall-kumpanija lil kwalunkwe parti għajr il-kumpanija inkwistjoni. Il-marġni tad-dumping li jirriżulta minn kalkolu bħal dan u l-ispjegazzjoni għall-bidliet ġew divulgati lill-partijiet interessati kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li n-nuqqas ta’ divulgazzjoni tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping individwali affettwa l-possibbiltà li jiġu pprovduti kummenti minn partijiet oħra.

(351)

Abbażi ta’ dan, il-marġnijiet tad-dumping medji ponderati definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

—

Nippon Steel Corporation

—

Daido Steel Co., Ltd.

54,7

(352)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkolat il-marġni tad-dumping medju ponderat, f’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni inkludiet fil-kampjun produttur esportatur wieħed biss fil-Ġappun. Għalhekk, dak il-marġni kien jikkorrespondi għall-marġni tal-produttur esportatur inkluż fil-kampjun.

(353)

Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping definittiv tal-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma kinux inklużi fil-kampjun huwa ta’ 54,7 %.

(354)

Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fil-Ġappun, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dumping abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi.

(355)

Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ huwa għoli minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu madwar 97 % tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PI, kif stabbilit abbażi taċ-ċifri tal-Eurostat u kif spjegat fil-premessi (832) u (833). Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx fil-livell tal-kumpanija inkluża fil-kampjun bl-ogħla marġni tad-dumping. Billi kumpanija waħda biss ġiet inkluża fil-kampjun, il-marġni tad-dumping għall-kumpaniji li ma kkooperawx huwa stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping għal din il-kumpanija.

(356)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

—

Nippon Steel Corporation

—

Daido Steel Co., Ltd.

54,7

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

54,7

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Ġappun

54,7

3.4.   It-Tajwan

3.4.1.   Sitwazzjoni partikolari tas-suq: l-effett ta’ espulsjoni

3.4.1.1.   Analiżi

(357)

Sabiex teżamina l-eżistenza tal-allegata PMS fis-suq tat-Tajwan minħabba l-hekk imsejjaħ “effett ta’ espulsjoni” tal-importazzjonijiet Ċiniżi tas-CRF, il-Kummissjoni wettqet l-analiżi li ġejja: l-ewwel nett, il-Kummissjoni analizzat il-grad ta’ penetrazzjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi fis-suq domestiku tat-Tajwan għas-CRF f’termini ta’ volum; it-tieni, il-Kummissjoni eżaminat l-ishma mis-suq rispettivi tal-produtturi domestiċi meta mqabbla mal-importazzjonijiet Ċiniżi u ta’ pajjiżi terzi oħrajn fis-suq domestiku tat-Tajwan; it-tielet, il-Kummissjoni eżaminat il-prezzijiet fis-suq domestiku tat-Tajwan. Il-Kummissjoni mbagħad analizzat kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli fil-fajl dwar l-impatt tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq is-suq domestiku tat-Tajwan, inkluża, jekk disponibbli, il-profittabbiltà tal-produtturi domestiċi fuq il-bejgħ domestiku tas-CRF.

(358)

Il-Kummissjoni ħarġet kwestjonarju għall-awtoritajiet tat-Tajwan. Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq indikaturi fil-livell tal-pajjiż kollu pprovduti mill-awtoritajiet tat-Tajwan u, jekk disponibbli u rilevanti, anke fuq indikaturi fil-livell tal-kumpanija pprovduti mill-grupp ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, magħmul minn China Steel Corporation (“CSC”) u Chung Hung Steel Corporation (“CHS” u, flimkien ma’ CSC, “CSC Group”). Iż-żewġ settijiet ta’ indikaturi ġew ivverifikati fuq il-post, kif indikat fil-premessa (106).

(359)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li CSC Group mhux biss tqies bħala rappreżentattiv, abbażi tal-informazzjoni sottomessa fl-istadju tal-kampjunar, tal-volum ta’ esportazzjonijiet, iżda wkoll, abbażi tad-data vverifikata matul l-investigazzjoni, li kienet tammonta għal [90-100 %] tal-volum tal-bejgħ domestiku tas-CRF matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Tali bejgħ domestiku żgura lil CSC Group sehem mis-suq ta’ [40 %-50 %] fis-suq għas-CRF fit-Tajwan matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni wettqet l-analiżi tagħha kemm fil-livell tal-pajjiż kif ukoll fil-livell tal-grupp inkluż fil-kampjun, dawn il-metriċi juru li CSC Group huwa rappreżentattiv tal-produtturi domestiċi fit-Tajwan u, b’hekk, b’mod aktar ġenerali tas-sitwazzjoni fis-suq domestiku fit-Tajwan.

3.4.1.1.1.   Is-suq domestiku: volum

(360)

Fil-bidu nett, il-Kummissjoni analizzat il-konsum tas-CRF fit-Tajwan kif irrapportat mill-awtoritajiet tat-Tajwan abbażi tal-bejgħ domestiku u tal-importazzjonijiet.

(361)

Il-konsum fit-Tajwan żviluppa kif ġej:

Tabella 7

Il-konsum fit-Tajwan (tunnellati)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-konsum fit-Tajwan

1 153 906

988 966

1 200 354

1 173 152

Indiċi

100

86

104

102

Sors:

Il-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi tat-Tajwan.

(362)

Bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, il-konsum fit-Tajwan baqa’ stabbli. Madankollu, bejn l-2022 u l-2023 kien hemm tnaqqis qawwi ta’ -14 % fil-konsum, segwit minn żieda qawwija ta’ 21 % bejn l-2023 u l-2024.

(363)

L-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni fit-Tajwan żviluppaw kif ġej:

Tabella 8

Kwantità importata fit-Tajwan (tunnellati)

Pajjiż

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Importazzjonijiet totali, li minnhom:

Kwantità ta’ importazzjonijiet

410 860

404 609

595 439

577 982

Indiċi

100

98

145

141

1.

Ir-RPĊ

Kwantità ta’ importazzjonijiet

290 308

312 976

448 773

447 631

Indiċi

100

108

155

154

2.

Il-Korea

Kwantità ta’ importazzjonijiet

57 774

54 969

102 403

89 346

Indiċi

100

95

177

155

3.

Il-Ġappun

Kwantità ta’ importazzjonijiet

61 878

34 662

43 597

40 456

Indiċi

100

56

70

65

Sors:

Data doganali tat-Tajwan.

(364)

Id-data dwar l-importazzjoni turi li bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni fit-Tajwan żdiedu b’41 %. Din iż-żieda sinifikanti, jekk imqabbla maż-żieda aktar modesta bi 2 % tal-konsum matul l-istess perjodu, diġà turi li l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienu jikkostitwixxu sehem akbar mit-taħlita tal-konsum meta mqabbla mal-2022. Mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni, ir-RPĊ baqgħet konsistentement u bil-bosta l-ewwel sors ta’ importazzjonijiet tas-CRF fit-Tajwan, li jirrappreżenta aktar minn 77 % tal-importazzjonijiet kollha matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(365)

Barra minn hekk, mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b’54 %. Filwaqt li r-rata ta’ din iż-żieda hija kemxejn aktar baxxa miż-żieda ta’ 55 % tat-tieni l-akbar sors ta’ importazzjonijiet, il-Korea, il-volumi huma differenti ħafna. Tabilħaqq, l-importazzjonijiet mir-RPĊ laħqu 477 631 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni, meta mqabbla ma’ 89 346 tunnellata biss li joriġinaw mill-Korea. Tali żieda hija aktar sinifikanti jekk titqabbel mat-tnaqqis fl-importazzjonijiet mit-tielet l-akbar sors ta’ importazzjonijiet, il-Ġappun, li ra l-importazzjonijiet tiegħu jonqsu b’35 % mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni.

(366)

Barra minn hekk, ix-xejra tal-importazzjonijiet mir-RPĊ mhux dejjem segwiet ix-xejra ġenerali tal-importazzjonijiet. Fil-fatt, meta l-importazzjonijiet ġenerali naqsu b’-2 % bejn l-2022 u l-2023, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu bi 8 %. Wara dan, meta, bejn l-2023 u l-2024, l-importazzjonijiet ġenerali u l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu t-tnejn b’aktar minn 40 %, iż-żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ akkumulat fuq iż-żieda tas-sena ta’ qabel. Imbagħad, mill-2024 sal-perjodu ta’ investigazzjoni, kemm l-importazzjonijiet ġenerali kif ukoll l-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu ftit.

(367)

Fit-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarju, l-awtoritajiet tat-Tajwan spjegaw li t-Tajwan għandu projbizzjoni fuq l-importazzjoni fis-seħħ fuq ċerti prodotti li jaqgħu taħt il-prodott taħt investigazzjoni li joriġinaw mir-RPĊ (105). Il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tikkonċerna 21 kodiċi doganali mis-57 kodiċi doganali fil-livell ta’ 10 ċifri li taħthom il-prodott taħt investigazzjoni huwa kklassifikat skont it-tariffa doganali tat-Tajwan. Madankollu, il-prodotti soġġetti għal tali projbizzjoni fuq l-importazzjoni jistgħu jiksbu permess speċjali biex jiġu importati jekk ma jkunux prodotti domestikament, jew ikunu meħtieġa għal skopijiet speċjali, jew għandhom jiġu importati fi kwantitajiet żgħar. Abbażi tad-data dwar l-importazzjonijiet mir-RPĊ, jidher li tali projbizzjoni fuq l-importazzjoni ma waqqfitx l-importazzjonijiet tas-CRF mir-RPĊ jew ma pprevenietx iż-żieda tagħhom. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li, mill-21 kodiċi li għalihom l-importazzjonijiet fit-Tajwan huma pprojbiti, l-importazzjonijiet mir-RPĊ ġew irreġistrati taħt 10 kodiċijiet mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni (106).

(368)

It-Tajwan impona wkoll miżuri ta’ difiża tal-kummerċ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar li joriġinaw mir-RPĊ, abbażi tal-ilmenti ppreżentati mill-industrija tat-Tajwan, iżda mhux fuq il-prodott ikkonċernat. Fid-determinazzjoni finali tad-dannu disponibbli għall-pubbliku ta’ investigazzjoni anti-dumping reċenti dwar ċerti prodotti tal-azzar ċatti llaminati fis-sħana - li huma prodott upstream fil-produzzjoni tas-CRF - li joriġinaw mir-RPĊ, mibdija abbażi ta’ lment ippreżentat ukoll minn CSC, l-awtoritajiet tat-Tajwan sabu li, abbażi tal-evidenza tal-każ, ir-RPĊ “ilha tiffaċċja problema ta’ kapaċità żejda. […] Is-suq domestiku tagħha qed iħabbat wiċċu ma’ diskrepanzi severi bejn il-provvista u d-domanda, li qed iwasslu lil ħafna fabbriki tal-azzar ibigħu l-produzzjoni żejda fis-swieq internazzjonali (b’mod partikolari swieq ġirien bħal […] it-Tajwan) bi prezzijiet baxxi, u b’hekk jaffettwaw b’mod serju lill-industriji tal-azzar ta’ diversi pajjiżi” (107).

(369)

B’mod parallel, il-bejgħ domestiku tal-prodott taħt investigazzjoni fit-Tajwan żviluppa kif ġej:

Tabella 9

Kwantità tal-bejgħ domestiku (tunnellati)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-kwantità totali tal-bejgħ domestiku fis-suq tat-Tajwan (minbarra l-importazzjonijiet), li minnha:

743 046

584 357

604 915

595 170

Indiċi

100

79

81

80

—

CSC Group

[600 -700 000 ]

[450 -550 000 ]

[500 -600 000 ]

[490 -590 000 ]

Indiċi

100

73

83

79

Sors:

It-tweġiba għall-kwestjonarju tal-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi tat-Tajwan u ta’ CSC Group.

(370)

Il-bejgħ kaptiv ma setax jiġi segregat fid-data domestika ġenerali u, skont l-awtoritajiet tat-Tajwan, huwa inkluż f’din id-data. Dan kien konsistenti mad-data dwar il-bejgħ domestiku rrapportata mis-CSC Group, li tinkludi l-bejgħ kaptiv.

(371)

Mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni, il-bejgħ domestiku naqas b’20 % u l-bejgħ domestiku ta’ CSC Group wera tnaqqis simili. Jekk dan jitqabbel maż-żieda modesta bi 2 % tal-konsum u maż-żieda akbar b’41 % tal-importazzjonijiet, huwa evidenti li l-importazzjonijiet ħadu post il-bejgħ domestiku.

(372)

Dan huwa aktar evidenti meta wieħed iħares lejn il-varjazzjoni fil-volum bejn iż-żewġ komponenti tal-konsum, tal-importazzjonijiet u tal-bejgħ domestiku.

Tabella 10

Varjazzjoni fil-volum tal-importazzjonijiet u tal-bejgħ domestiku (tunnellati)

 

Mill-2022 sal-2023

Mill-2023 sal-2024

Mill-2024 sal-perjodu ta’ investigazzjoni

Konsum, li minnu:

- 164 940

+ 211 388

-27 202

1.

Importazzjonijiet fit-Tajwan, li minnhom:

-6 251

+ 190 830

-17 457

—

Importazzjonijiet mir-RPĊ

+22 668

+ 135 797

-1 142

2.

Bejgħ domestiku, li minnu:

- 158 689

+20 558

-9 745

—

CSC Group

-[150 -200 000 ]

+[30 -80 000 ]

-[0 -50 000 ]

Sors:

Il-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi tat-Tajwan, id-data doganali tat-Tajwan u t-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ CSC.

(373)

Mill-2022 sal-2023, it-tnaqqis sinifikanti fil-konsum wassal għal tnaqqis kbir fil-bejgħ domestiku. Minkejja t-tnaqqis fil-konsum, u minkejja t-tnaqqis fl-importazzjonijiet globali, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu. Meta, fis-sena ta’ wara, il-konsum irkupra, l-importazzjonijiet Ċiniżi ħadu l-akbar vantaġġ minn dik iż-żieda, għad-detriment tal-produtturi tat-Tajwan, li ż-żieda fil-bejgħ tagħhom kienet limitata biss u sproporzjonata meta mqabbla maż-żieda fil-konsum. Meta wieħed iħares lejn il-qligħ u t-telf tal-importazzjonijiet Ċiniżi u tal-bejgħ domestiku bejn l-2022 u l-2024, dawn huma kważi simetriċi: + 158 465 tunnellata għall-importazzjonijiet Ċiniżi meta mqabbla ma’ - 138 131 għall-industrija tat-Tajwan.

(374)

Din id-dinamika ta’ sostituzzjoni tal-bejgħ domestiku mill-importazzjonijiet Ċiniżi tista’ tiġi osservata aħjar meta l-volumi jitqabblu mal-konsum u jiġu espressi f’termini ta’ ishma mis-suq.

Tabella 11

Sehem mis-suq (%)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Importazzjonijiet, li minnhom:

35,6

40,9

49,6

49,3

1.

Ir-RPĊ

25,2

31,6

37,4

38,2

2.

Il-Korea

5,0

5,6

8,5

7,6

3.

Il-Ġappun

5,4

3,5

3,6

3,4

Bejgħ domestiku, li minnu:

64,4

59,1

50,4

50,7

—

CSC Group

[55 -65 ]

[45 -55 ]

[40 -50 ]

[40 -50 ]

Sors:

L-awtoritajiet tat-Tajwan u t-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ CSC Group.

(375)

F’termini tas-sehem mis-suq, iż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ 13,7 punti perċentwali mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni kienet tikkorrispondi għal tnaqqis fil-volum tal-bejgħ domestiku ta’ eżattament 13,7 punti perċentwali wkoll, bil-produttur esportatur inkluż fil-kampjun CSC Group isegwi l-istess xejra b’madwar [-15-il] punt perċentwali. Iż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ 13,7 punti perċentwali kienet xprunata l-aktar miż-żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ ta’ 13,0 punt perċentwali.

(376)

Ta’ min jinnota li, bejn l-2024 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, l-importazzjonijiet Ċiniżi żiedu s-sehem mis-suq tagħhom minkejja t-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn sorsi oħrajn u l-importazzjonijiet ġenerali. Tali żieda ta’ 0,8 punti perċentwali kienet ogħla miż-żieda ta’ 0,3 punti perċentwali tas-sehem mis-suq tal-produtturi domestiċi, li magħha kien allinjat CSC Group.

(377)

Għalhekk, il-Kummissjoni stabbiliet li, f’termini ta’ volum, l-importazzjonijiet Ċiniżi żiedu s-sehem mis-suq tagħhom fit-Tajwan għad-detriment tal-bejgħ domestiku.

3.4.1.1.2.   Is-suq domestiku: prezzijiet

(378)

Il-Kummissjoni mbagħad osservat l-iżvilupp tal-prezzijiet fis-suq domestiku tat-Tajwan. B’mod partikolari, il-Kummissjoni analizzat il-prezzijiet unitarji tal-importazzjonijiet u tal-bejgħ domestiku.

(379)

Il-prezz unitarju tal-importazzjonijiet u tal-bejgħ domestiku żviluppa kif ġej:

Tabella 12

Il-prezzijiet tal-bejgħ fit-Tajwan (TWD/tunnellata)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Prezz medju tal-importazzjoni għal kull unità fit-Tajwan (CIF), li minnu:

28 921

22 831

22 178

20 539

Indiċi

100

79

77

71

1.

Importazzjonijiet mir-RPĊ

26 564

21 166

19 817

18 198

Indiċi

100

80

75

69

2.

Importazzjonijiet mill-Korea

27 866

22 305

24 493

23 713

Indiċi

100

80

88

85

3.

Importazzjonijiet mill-Ġappun

39 294

37 467

39 682

38 348

Indiċi

100

95

101

98

Prezz medju tal-bejgħ domestiku għal kull unità fit-Tajwan (108), li minnu:

28 805

24 362

24 263

23 190

Indiċi

100

85

84

81

—

CSC Group (109)

[27 -29 000 ]

[23 -25 000 ]

[23 -25 000 ]

[22 -24 000 ]

Indiċi

100

85

84

81

(108)  Il-prezz medju tal-bejgħ domestiku għal kull unità fit-Tajwan jista’ jinkludi kost tat-trasport tal-merkanzija domestiku ta’ 0,5 %-1,2 %. Madankollu, dawn jiġu rrapportati mingħajr l-ebda aġġustament għat-trasport tal-merkanzija domestiku tal-merkanzija minħabba li, fi kwalunkwe każ, l-analiżi u l-konklużjoni jibqgħu kkonfermati anke bi prezzijiet aġġustati.

(109)  Nett tal-kost tat-trasport domestiku.

Sors:

Id-data doganali tat-Tajwan, il-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi tat-Tajwan u t-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ CSC Group.

(380)

L-analiżijiet tal-prezzijiet urew li, minbarra l-2022, meta l-prezzijiet ġenerali tal-importazzjoni u dawk domestiċi kienu allinjati, il-prezzijiet ġenerali tal-importazzjoni kienu aktar baxxi mill-prezzijiet domestiċi mill-2023 sal-perjodu ta’ investigazzjoni.

(381)

B’mod aktar speċifiku, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kienu konsistentement aktar baxxi mill-prezzijiet domestiċi, inklużi l-prezzijiet ta’ CSC Group, mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, huma wkoll taħt il-prezz tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-akbar żewġ sorsi l-oħrajn, il-Korea u l-Ġappun.

(382)

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi wrew ukoll l-aktar tnaqqis sinifikanti, bi tnaqqis ta’ -31 % mill-2022 għall-perjodu ta’ investigazzjoni, meta mqabbel ma’ tnaqqis ta’ -15 % tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Koreani u tnaqqis ta’ -2 % biss tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ġappuniżi. Minħabba l-volum kbir tagħhom, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi xprunaw it-tnaqqis fil-prezzijiet ġenerali tal-importazzjoni b’-19 % bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu aktar anke meta mqabbla mal-prezzijiet domestiċi, inklużi l-prezzijiet ta’ CSC Group, li wrew tnaqqis ta’ -19 % mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni.

(383)

Il-prezzijiet tal-industrija domestika segwew il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi fix-xejra ’l isfel. Id-differenza kontinwa fil-prezz bejn il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi u l-prezzijiet domestiċi rriżultat f’importazzjonijiet Ċiniżi li żiedu b’mod progressiv u konsistenti s-sehem mis-suq tagħhom minn 25,2 % fl-2022, għal 31,6 % fl-2023, għal 37,4 % fl-2024, għal 38,2 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. B’kuntrast ma’ dan, is-sehem mis-suq tal-produtturi domestiċi tat-Tajwan, li ma setgħux inaqqsu l-prezzijiet tagħhom biżżejjed biex ikunu jaqblu mal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi, naqas minn 64,4 % fl-2022 għal 50,7 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(384)

Iż-żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi fit-Tajwan ħolqot pressjoni ’l isfel sinifikanti fuq il-prezzijiet domestiċi, li ġiegħlet lill-produtturi domestiċi jnaqqsu l-profitti tagħhom. Dan kien evidenti meta ġiet analizzata l-evoluzzjoni tal-profittabbiltà tal-produttur esportatur inkluż fil-kampjun.

Tabella 13

Profittabbiltà tal-bejgħ domestiku lil klijenti mhux relatati

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

CSC Group

+

-

-

-

Indiċi

100

-13

-24

-73

Sors:

It-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ CSC Group.

(385)

Minn livell profittabbli fl-2022, CSC Group ra r-riżultati tiegħu jiddeterjoraw f’telf dejjem akbar fuq il-bejgħ domestiku tiegħu tal-prodott taħt investigazzjoni lil klijenti mhux relatati. It-telf ta’ CSC Group fil-perjodu ta’ investigazzjoni wera tnaqqis sinifikanti fil-profittabbiltà meta mqabbel mal-marġni ta’ profitt fl-2022.

(386)

Id-deterjorament fil-profittabbiltà ta’ CSC Group jista’ jiġi assoċjat mat-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ CSC Group fit-Tabella 6. Jista’ jiġi osservat li, aktar ma jkunu baxxi l-prezzijiet domestiċi, aktar ikun sinifikanti t-telf.

(387)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-PMS fis-suq tat-Tajwan kienet tinvolvi profitti aktar baxxi minn dawk li kienu jinkisbu fin-nuqqas tagħha.

3.4.1.2.   Konklużjoni

(388)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq domestiku tat-Tajwan kien affettwat minn sitwazzjoni partikolari tas-suq li tirriżulta mill-importazzjonijiet Ċiniżi minħabba l-kapaċità żejda fis-settur tal-azzar fir-RPĊ. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li l-prezzijiet domestiċi fit-Tajwan naqsu u li l-profittabbiltà domestika ddeterjorat.

(389)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li l-analiżi tas-sehem mis-suq u l-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet tas-CRF fit-Tajwan mir-RPĊ ma kinitx biżżejjed biex tinstab sitwazzjoni partikolari tas-suq. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li t-taqsima 3.1 ta’ dan ir-Regolament kienet tibbaża ruħha fuq l-affermazzjonijiet ippreżentati mill-ilmentatur u ma stabbiliet l-ebda sejba ġdida fl-investigazzjoni. Huma allegaw ukoll li l-Kummissjoni ma stabbilitx kif l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża kkostitwixxa sitwazzjoni partikolari tas-suq. Skont l-awtoritajiet tat-Tajwan, l-ishma mis-suq u l-prezzijiet kienu konsegwenza tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq, li l-ewwel jenħtieġ li tiġi stabbilita.

(390)

Il-Kummissjoni nnotat li t-taqsima 3.1 ta’ dan ir-Regolament tabilħaqq tiddeskrivi l-allegazzjonijiet tal-ilment. Imbagħad, l-analiżi għat-Tajwan hija inkluża fit-taqsima 3.4. L-istabbiliment ta’ kif l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża kkostitwixxa sitwazzjoni partikolari tas-suq huwa inkluż fiha, b’mod partikolari fit-taqsimiet 3.4.1 u 3.4.2. L-analiżi tal-Kummissjoni inkludiet, minbarra s-sehem mis-suq u l-prezzijiet, ukoll l-importazzjonijiet, il-konsum u l-profittabbiltà. Dawn l-indikaturi kollha, li ġew mit-tweġiba tal-awtoritajiet tat-Tajwan għal kwestjonarju speċifiku mibgħut mill-Kummissjoni kif spjegat fil-premessa (103) u vverifikati fuq il-post kif spjegat fil-premessa (106), kienu l-bażi li fuqha l-Kummissjoni analizzat l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq. L-awtoritajiet tat-Tajwan ma spjegawx x’evidenza jew indikaturi oħra kellha tuża l-Kummissjoni biex tistabbilixxi s-sitwazzjoni partikolari tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(391)

Wara d-divulgazzjoni finali, CSC Group afferma li s-sitwazzjoni partikolari tas-suq inkwistjoni ma kinitx speċifika għat-Tajwan iżda kienet fenomenu globali u rrefera b’appoġġ għal diversi siltiet tad-dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali u tar-Regolament (UE) 2026/1384 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (110). L-awtoritajiet tat-Tajwan irreferew ukoll għad-dokumenti preparatorji u ta’ akkumpanjament ta’ dan tal-aħħar u għar-rapport tal-OECD-GFSEC (kif definit fil-premessa (440)). Huma żiedu li dan il-fenomenu globali kien individwalizzat biss u sar speċifiku fir-rigward tat-Tajwan iżda ma kienx iffukat fuq is-suq domestiku tat-Tajwan.

(392)

Il-Kummissjoni nnotat li s-sitwazzjoni partikolari tas-suq allegata kienet l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża, u mhux il-kapaċità żejda globali, li hija indirizzata fir-Regolament (UE) 2026/1384. L-uniku każ fejn il-kapaċità żejda globali ġiet diskussa f’dan ir-Regolament irrefera għall-kapaċità żejda globali bħala fattur ieħor possibbli li jikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni, fil-premessi (961) sa (970). Ir-rapporti tal-OECD-GFSEC kienu jikkostitwixxu l-parametru referenzjarju għall-profittabbiltà mnaqqsa tal-industrija tat-Tajwan. Barra minn hekk, wara l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fil-pajjiżi kollha kkonċernati, il-kapaċità żejda Ċiniża fit-Tajwan biss kellha effett ta’ espulsjoni. Madankollu, il-Kummissjoni investigat il-pajjiżi kollha li għalihom ġie allegat l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża. Għalhekk, fosthom, is-sitwazzjoni partikolari tas-suq kienet speċifika biss għat-Tajwan. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(393)

CSC Group afferma wkoll li d-distinzjoni bejn il-kapaċità żejda globali u l-kapaċità żejda Ċiniża kienet artifiċjali, minħabba li l-kawża tal-allegata sitwazzjoni tas-suq kienet il-kapaċità żejda nnifisha, li kienet problema globali.

(394)

Il-Kummissjoni analizzat biss l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża fis-suq tat-Tajwan, li kienet is-sitwazzjoni partikolari tas-suq allegata. L-analiżi kkonfermat li l-kapaċità żejda Ċiniża tabilħaqq kellha effett ta’ espulsjoni fis-suq tat-Tajwan. Tali effett ta’ espulsjoni ma kienx dovut għall-kapaċità żejda globali, iżda għall-kapaċità żejda Ċiniża waħedha, u kien speċifiku għat-Tajwan, kif muri mill-fatt li, abbażi tal-penetrazzjoni fis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi fil-ħames pajjiżi kkonċernati, it-Tajwan kien l-uniku wieħed fejn l-importazzjonijiet Ċiniżi kellhom impatt sinifikanti fuq is-suq domestiku. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(395)

L-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li sejba ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq kellha tkun appoġġata minn evidenza ċara u oġġettiva li turi l-eżistenza ta’ intervent mill-Istat li jirriżulta f’distorsjonijiet tas-suq li jaffettwaw il-prezzijiet jew il-kostijiet tal-produzzjoni fis-suq domestiku, kif rifless fil-prattika tal-passat tal-Kummissjoni (111).

(396)

Il-Kummissjoni qieset li l-fattur deċiżiv fis-sejba ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq ma kienx fin-natura tas-sitwazzjoni nnifisha (jiġifieri, jekk kinitx derivata minn influwenza tal-gvern jew le), iżda fl-effett u l-impatt li din ipproduċiet fuq is-suq. F’dan il-każ, is-sitwazzjoni partikolari tas-suq ma kinitx il-kapaċità żejda Ċiniża nnifisha, iżda pjuttost l-effett ta’ espulsjoni tagħha fis-suq domestiku tat-Tajwan. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(397)

L-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw ukoll li, skont il-loġika tal-Kummissjoni li teżisti sitwazzjoni partikolari tas-suq kull meta l-pressjoni mill-importazzjonijiet tkun għolja u jkun hemm impatt fuq il-prezzijiet domestiċi u l-profittabbiltà, kwalunkwe awtorità investigattiva li tistabbilixxi sejba ta’ dannu għall-industrija domestika tagħha minħabba importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tirrikonoxxi b’mod impliċitu li teżisti sitwazzjoni partikolari tas-suq fis-suq domestiku tagħha stess.

(398)

Il-Kummissjoni ma qablitx. L-ewwel nett, l-investigazzjoni kurrenti ma stabbilitx li l-importazzjonijiet Ċiniżi fit-Tajwan kienu oġġett ta’ dumping, iżda sempliċiment li saru bi prezzijiet baxxi peress li kienu affettwati minn kapaċità żejda. It-tieni, is-sitwazzjoni partikolari tas-suq ma hijiex id-dannu kkawżat lill-industrija domestika tat-Tajwan, iżda l-effett ta’ espulsjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi. L-effett ta’ espulsjoni wassal għall-ispostament tal-volumi tal-bejgħ domestiku u eżerċita pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet domestiċi, li min-naħa tagħhom wasslu biex il-bejgħ jiġi dirett lejn is-suq tal-esportazzjoni, fejn il-prodotti nbiegħu bi prezzijiet oġġett ta’ dumping fl-Unjoni, u b’hekk ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni.

(399)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li l-analiżi tal-Kummissjoni injorat żewġ kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq domestiku tat-Tajwan.

(400)

L-ewwel kundizzjoni kienet li x-xejra tal-prezzijiet domestiċi tat-Tajwan allegatament kienet taqbel max-xejra fit-Turkija u fil-Vjetnam. Dan juri li t-tnaqqis fil-prezz fis-suq domestiku tat-Tajwan ma kienx fenomenu iżolat attribwibbli għal kundizzjonijiet speċifiċi għas-suq tat-Tajwan iżda kien parti minn tnaqqis usa’ li jaffettwa l-prezzijiet tas-CRF globalment.

(401)

Il-Kummissjoni nnotat li d-data ppreżentata mill-awtoritajiet tat-Tajwan uriet li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, it-tnaqqis fil-prezzijiet domestiċi tat-Tajwan kien ta’ -16 %, tnaqqis aktar qawwi meta mqabbel mal-prezzijiet domestiċi fit-Turkija (-7 %), fil-Vjetnam (-9-11 %) u wkoll fil-Korea (-13 %), li d-data tagħha ġiet inkluża wkoll. Tabilħaqq, għat-Tajwan biss, l-analiżi tal-Kummissjoni kkonfermat l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(402)

L-awtoritajiet tat-Tajwan qabblu wkoll il-prezzijiet tal-esportazzjoni tat-Tajwan lejn l-Unjoni mal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-pajjiżi kollha (minbarra t-Tajwan) lejn l-Unjoni u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-pajjiżi kollha mhux ikkonċernati lejn l-Unjoni. L-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li segwew l-istess xejra, u fil-biċċa l-kbira kienu konformi.

(403)

Mill-bidu, il-Kummissjoni qieset li s-sitwazzjoni partikolari tas-suq affettwat is-suq domestiku tat-Tajwan, u għalhekk tqabbil bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni ma jistax jikkontradixxi sejba ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq. Fi kwalunkwe każ, għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Kummissjoni nnotat li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tat-Tajwan lejn l-Unjoni kienu konsistentement aktar baxxi miż-żewġ prezzijiet l-oħra mill-2021 sal-2024 inklużi, u laħqu livell kemxejn ogħla miż-żewġ prezzijiet l-oħra fl-2025 biss. Għalhekk, jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni juru l-impatt tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq, quod non, din id-data turi li, mill-2021 u mill-inqas għal parti mill-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tat-Tajwan lejn l-Unjoni ġew affettwati speċifikament. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(404)

It-tieni kundizzjoni li l-awtoritajiet tat-Tajwan allegaw li ġiet injorata mill-Kummissjoni kienet li l-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet Ċiniżi tas-CRF fit-Tajwan kienu jikkonsistu f’tipi ta’ prodotti mibjugħa f’volumi mnaqqsa mill-industrija domestika tat-Tajwan. Għaldaqstant, l-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li d-differenza kbira fit-taħlita tal-prodott imminat il-valutazzjoni tal-Kummissjoni u li, minħabba s-segmenti distinti tas-suq li fihom jopera kull wieħed, l-importazzjonijiet Ċiniżi tas-CRF ikkomplementaw l-offerta tal-prodott tal-produtturi tat-Tajwan, aktar milli jaġixxu bħala sors ta’ kompetizzjoni.

(405)

Fir-rigward tad-differenza affermata fit-taħlita tal-prodott, il-Kummissjoni nnotat li r-rekords tal-verifika f’CSC irrapportaw li x-xerrejja tat-Tajwan ta’ CRF Ċiniżi mhux ittemprati x’aktarx li jittemprawhom. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qieset li s-CRF mhux ittemprati x’aktarx kienu sempliċiment materja prima alternattiva orħos, meta mqabbla ma’ CRF ittemprati. Fi kwalunkwe każ, id-data rrapportata mill-awtoritajiet tat-Tajwan ma wrietx li l-importazzjonijiet Ċiniżi u l-produzzjoni domestika tat-Tajwan ma kinux f’kompetizzjoni, iżda pjuttost li l-produtturi tat-Tajwan tilfu l-kompetizzjoni. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-importazzjonijiet Ċiniżi żiedu s-sehem mis-suq tagħhom (it-Tabella 11) u l-volumi (it-Tabella 10) ħafna aktar miż-żieda fil-konsum (it-Tabella 7) mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni. Minn dan isegwi li l-importazzjonijiet Ċiniżi ma fetħux segment ġdid tas-suq li l-produtturi tat-Tajwan ma kinux qed jaqdu, iżda pjuttost ħadu post il-bejgħ domestiku li qabel kien iforni s-segment. Tabilħaqq, il-bejgħ domestiku tal-industrija tat-Tajwan naqas drastikament mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni (it-Tabella 10). Il-Kummissjoni għamlet aktar kunsiderazzjonijiet fil-konfutazzjoni fil-premessa (444). Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(406)

Barra minn hekk, CSC Group afferma li s-sitwazzjoni tas-suq ma kellhiex impatt fuq il-bejgħ ta’ ċerti produtturi biss fit-Tajwan, iżda fuq il-produtturi kollha tal-azzar fit-Tajwan. Dan jiġi kkonfermat mill-miżuri tad-difiża tal-kummerċ tat-Tajwan fuq ċerti prodotti tal-azzar miċ-Ċina, imposti minħabba l-kapaċità żejda fiċ-Ċina, u mill-premessa (412).

(407)

Il-Kummissjoni nnotat li analizzat biss il-produtturi tas-CRF fit-Tajwan u li r-referenza għall-“industrija domestika tat-Tajwan kollha kemm hi” fil-premessa (412) irreferiet għall-industrija tas-CRF tat-Tajwan, għall-kuntrarju ta’ CSC Group. Il-kapaċità żejda taċ-Ċina għal prodotti oħra tal-azzar u l-effett ta’ espulsjoni tagħha fit-Tajwan ma kinux allegati jew analizzati f’din l-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(408)

CSC tenniet l-affermazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (391), (393) u (406), u indirizzati fil-premessi (392), (394) u (407), fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, minkejja l-fatt li dawn il-kwistjonijiet ma kinux soġġetti għad-divulgazzjoni finali addizzjonali u l-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti mid-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(409)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha milħuqa fil-premessa (388).

3.4.2.   Tqabbil xieraq

(410)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk setax isir tqabbil xieraq bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ta’ CSC Group minħabba l-eżistenza tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni vvalutat l-effett relattiv tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq fuq il-bejgħ domestiku u fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni.

(411)

Il-Kummissjoni sabet li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fit-Tajwan u fl-Unjoni huma differenti b’mod sinifikanti u, għalhekk, li l-effett tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq jagħmel il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku mhux xieraq biex jitqabblu mal-prezzijiet tal-bejgħ għall-esportazzjoni minn CSC Group.

(412)

Is-suq għas-CRF fit-Tajwan, b’konsum ta’ 1 173 152 tunnellata fil-PI, ġie affettwat minn żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi li laħqet 38,2 % tas-suq fil-PI, għad-detriment tal-industrija domestika fit-Tajwan li s-sehem mis-suq tagħha naqas għal 50,7 % fil-PI. Il-grupp ta’ produtturi esportaturi fil-kampjun, CSC Group, irrappreżenta l-akbar attur domestiku fit-Tajwan u s-sehem mis-suq tiegħu naqas ukoll għal [40-50 %] matul il-PI. Din ix-xejra ġiet osservata għall-perjodu bejn l-2022 u l-PI. Għalhekk, jidher li l-PMS affettwat kemm lill-grupp ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kif ukoll lill-industrija domestika tat-Tajwan kollha kemm hi, li tagħha CSC Group huwa rappreżentant fi kwalunkwe każ. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm impatt sinifikanti tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq fuq il-prezzijiet domestiċi tas-CRF.

(413)

B’kuntrast mas-suq tat-Tajwan, fejn l-importazzjonijiet Ċiniżi għandhom preżenza sinifikanti li tisboq pajjiżi fornituri oħrajn, is-suq tal-Unjoni għas-CRF, b’konsum ferm akbar ta’ 7 274 722 fis-suq ħieles biss, huwa kkaratterizzat minn taħlita ta’ produtturi tal-Unjoni u importazzjonijiet minn diversi pajjiżi, kif indikat fit-taqsimiet 4.1, 4.4 u 5.2 hawn taħt. Tabilħaqq, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi fit-Tajwan kien ta’ 38 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni, bl-ebda pajjiż fornitur ieħor ma kien remotament qrib dan il-livell, filwaqt li fl-Unjoni l-importazzjonijiet kollha flimkien kienu jammontaw għal 34 % tas-suq, mingħajr ma kien hemm ebda pajjiż wieħed li kiseb sehem mis-suq ta’ aktar minn 8 % u b’importazzjonijiet negliġibbli mir-RPĊ. Tabilħaqq, mill-2016, l-Unjoni imponiet dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tas-CRF li joriġinaw mir-RPĊ (112). Għalhekk, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jixprunaw il-livelli tal-prezzijiet fiż-żewġ swieq huma differenti ħafna.

(414)

Tqabbil bejn il-livell medju tal-prezzijiet mitluba fl-Unjoni mill-atturi kollha u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi fit-Tajwan jikkonferma li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni huma differenti. Tabilħaqq, fl-Unjoni, l-industrija tat-Tajwan tikkompeti ma’ prezzijiet ferm ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ li magħhom tikkompeti fis-suq domestiku tagħha.

Tabella 14

Tqabbil tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet fl-Unjoni u fit-Tajwan (EUR/tunnellata)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-prezz medju tal-bejgħ għal kull unità fl-Unjoni fis-suq totali

[1 020 -1 095 ]

[825 -900 ]

[750 -825 ]

[675 -750 ]

Indiċi

100

80

73

69

Prezz medju tal-importazzjoni għal kull unità fl-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati

1 047

779

728

695

Indiċi

100

74

70

66

Prezz medju tal-importazzjoni għal kull unità fl-Unjoni mill-pajjiżi terzi kollha, minbarra l-pajjiżi kkonċernati

1 071

841

776

735

Indiċi

100

79

72

69

Prezz medju tal-importazzjoni għal kull unità fit-Tajwan mir-RPĊ

851

630

570

520

Indiċi

100

74

67

61

Sors:

It-taqsimiet 4.1, 4.4 u 5.2 u d-data doganali tat-Tajwan irrapportata fit-Tabella 12 ikkonvertita skont ir-rata tal-kambju TWD/EUR użata fl-investigazzjoni.

(415)

Abbażi tal-elementi kollha ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sitwazzjoni partikolari tas-suq affettwat b’mod differenti l-prezzijiet domestiċi fit-Tajwan meta mqabbla mal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-PMS ma ppermettietx li jsir tqabbil xieraq bejn il-prezzijiet domestiċi fit-Tajwan u l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

(416)

Wara d-divulgazzjoni finali, CSC Group afferma li s-sitwazzjoni partikolari tas-suq inkwistjoni ma xekklitx tqabbil xieraq bejn il-bejgħ domestiku u dak tal-esportazzjoni. B’mod partikolari, CSC Group afferma li l-analiżi tal-Kummissjoni ta’ tqabbil xieraq ma kinitx kompluta u ma qisitx il-fatt li l-kapaċità żejda tal-azzar kienet kwistjoni globali, li l-effetti tagħha huma esperjenzati wkoll fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, CSC Group allega li f’dan ir-Regolament il-Kummissjoni sabet li l-provvista żejda tal-azzar Ċiniż fis-swieq internazzjonali affettwat lill-produtturi tal-azzar globalment, inklużi kemm it-Tajwan kif ukoll l-Unjoni (113). CSC Group irrefera wkoll għar-Regolament (UE) 2026/1384. Bl-istess mod, l-awtoritajiet tat-Tajwan irreferew ukoll għar-Regolament (UE) 2026/1384 u għad-dokumenti preparatorji tiegħu. L-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw ukoll li r-rapport tal-OECD-GFSEC wera li l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża kellu impatt ugwali fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll fuq l-industrija tal-Unjoni.

(417)

Il-Kummissjoni nnotat li s-sitwazzjoni partikolari tas-suq inkwistjoni kienet l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża fis-suq tat-Tajwan, u mhux il-kapaċità żejda globali. CSC Group ibbaża ruħu fuq parti minn dan ir-Regolament (114) iddedikata għall-kapaċità żejda globali bħala fattur ieħor possibbli li jikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni, fil-premessi (961) sa (963), u mhux għas-sitwazzjoni partikolari tas-suq u l-analiżi tagħha. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-fenomenu inkwistjoni fir-Regolament (UE) 2026/1384 kien il-kapaċità żejda globali, aktar milli l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża. Madankollu, b’mod preċiż fis-silta kkwotata minn CSC Group hemm referenza għal “importazzjonijiet minn pajjiżi b’kapaċità żejda, jew […] l-effett ta’ espulsjoni” tal-importazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi. Din l-investigazzjoni analizzat speċifikament l-effett ta’ espulsjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi affettwati mill-kapaċità żejda u sabet li jikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari tas-suq fit-Tajwan. Fil-pajjiżi l-oħra kkonċernati, minflok, il-Kummissjoni ma sabitx li dan jikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari tas-suq. Kif muri fil-premessi (413) u (414), tali sitwazzjoni partikolari tas-suq kellha effett fis-suq domestiku tat-Tajwan differenti mill-effett fuq is-suq tal-Unjoni. Għalhekk, fixklet tqabbil xieraq. Dan huwa eżerċizzju differenti mit-tqabbil tal-effetti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tat-Tajwan u fuq l-industrija tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni wriet fil-premessa (413) li l-kundizzjonijiet fis-suq tal-Unjoni u fis-suq domestiku tat-Tajwan kienu differenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(418)

CSC Group afferma wkoll li l-Kummissjoni, fl-analiżi tagħha, ma qisitx l-effetti indiretti tal-kapaċità żejda fis-suq tal-Unjoni, bħal jekk il-pajjiżi kkonċernati tilfux sehem mis-suq f’pajjiżi terzi u rridirezzjonaw l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni, jew iż-żieda fis-sehem mis-suq ta’ pajjiżi terzi oħra (speċifikament il-Korea u l-Ukrajna) fl-Unjoni miksuba billi rridirezzjonaw lejn l-Unjoni l-bejgħ domestiku jew l-esportazzjonijiet destinati għal pajjiżi terzi oħrajn.

(419)

Il-Kummissjoni nnotat li CSC Group ma pprovda l-ebda evidenza ta’ jekk tali importazzjonijiet fl-Unjoni kinux ir-riżultat ta’ kapaċità żejda. Barra minn hekk, ir-raġuni wara tali importazzjonijiet ma tbiddilx l-analiżi u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi (410) sa (415), li kienu bbażati fuq is-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni kif stabbilit bid-data vverifikata miġbura fl-investigazzjoni, li qieset l-importazzjonijiet kollha fl-Unjoni.

(420)

Fi kwalunkwe każ, CSC Group qabbel il-prezz medju tal-importazzjoni ta’ unità fl-Unjoni minn pajjiżi mhux ikkonċernati mal-prezz medju tal-importazzjoni ta’ unità fit-Tajwan miċ-Ċina. CSC Group afferma li t-tnejn naqsu b’mod simili, u dan juri li l-prezzijiet tal-importazzjoni fl-Unjoni ġew affettwati mill-kapaċità żejda globali.

(421)

Il-Kummissjoni nnotat li CSC Group qabbel il-prezzijiet tal-importazzjoni fl-Unjoni mal-prezzijiet tal-importazzjoni fit-Tajwan, u għalhekk lejn destinazzjonijiet differenti. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-importazzjoni ta’ pajjiżi mhux ikkonċernati fl-Unjoni jinkludu l-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni, li huma affettwati minn kapaċità żejda. Barra minn hekk, CSC Group qabbel it-tnaqqis perċentwali tal-prezzijiet, aktar milli l-livell reali tagħhom. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni analizzat l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża biss fil-pajjiżi kkonċernati; ma tressqet l-ebda allegazzjoni fir-rigward ta’ pajjiżi terzi oħra. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(422)

Barra minn hekk, CSC Group qabbel il-prezz medju tal-importazzjoni ta’ unità fl-Unjoni minn pajjiżi mhux ikkonċernati mal-prezzijiet domestiċi fit-Tajwan, u afferma li l-prezz tal-importazzjoni fl-Unjoni minn pajjiżi mhux ikkonċernati naqas b’mod aktar qawwi mill-prezz domestiku fit-Tajwan. Skont CSC Group, dan juri li l-kapaċità żejda jkollha impatt negattiv kemm fuq il-prezzijiet domestiċi kif ukoll fuq dawk tal-esportazzjoni, u għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li taġġusta l-profittabbiltà kemm fuq in-naħa domestika kif ukoll fuq in-naħa tal-esportazzjoni.

(423)

Il-Kummissjoni nnotat li CSC Group qabbel il-prezzijiet tal-importazzjoni fl-Unjoni minn pajjiżi oħra mal-prezzijiet domestiċi fit-Tajwan, u għalhekk prezzijiet li joriġinaw kemm minn sorsi differenti kif ukoll jirreferu għal destinazzjonijiet differenti. Barra minn hekk, CSC Group qabbel it-tnaqqis perċentwali tal-prezzijiet, aktar milli l-livell reali tagħhom. Barra minn hekk, CSC Group assuma li l-importazzjonijiet fl-Unjoni minn pajjiżi oħra kienu affettwati minn kapaċità żejda biss minħabba li l-prezzijiet tagħhom naqsu b’mod aktar qawwi mill-prezzijiet domestiċi fit-Tajwan. Madankollu, l-importazzjoni minn pajjiżi mhux ikkonċernati fl-Unjoni tinkludi importazzjonijiet Ċiniżi u, kif muri fit-Tabella 11 u fil-premessi (412) u (413), l-importazzjonijiet Ċiniżi u l-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux ikkonċernati kellhom rilevanza u sehem mis-suq differenti ħafna fl-Unjoni u fis-suq tat-Tajwan. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(424)

L-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li, biex jiġi stabbilit li ġie evitat tqabbil xieraq, il-Kummissjoni kellha tivvaluta l-effett relattiv tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq fuq il-prezzijiet domestiċi u tal-esportazzjoni tat-Tajwan, skont Australia – Anti-Dumping Measures on Paper (115). L-awtoritajiet tat-Tajwan kienu tal-fehma li sitwazzjoni partikolari tas-suq li tikkonsisti fl-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża affettwat, min-natura tagħha stess, il-prezzijiet tal-esportazzjoni b’mod komparabbli mal-prezzijiet domestiċi u neċessarjament kellha l-istess effetti fuq it-tnejn. B’appoġġ għal dan, l-awtoritajiet tat-Tajwan indikaw li s-sejbiet tal-Kummissjoni wrew tnaqqis konsiderevoli kemm fil-prezz domestiku kif ukoll fil-prezz tal-esportazzjoni tat-Tajwan. F’dan ir-rigward, CSC Group afferma li, bħall-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku lil klijenti mhux relatati, anke l-profittabbiltà tal-bejgħ għall-esportazzjoni lil klijenti mhux relatati naqset b’mod simili mill-2022. Skont CSC Group, dan juri li l-kapaċità żejda jkollha impatt negattiv kemm fuq il-prezzijiet domestiċi kif ukoll fuq dawk tal-esportazzjoni, u għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li taġġusta l-profittabbiltà kemm fuq in-naħa domestika kif ukoll fuq in-naħa tal-esportazzjoni.

(425)

Il-Kummissjoni nnotat li t-tnaqqis fil-prezzijiet domestiċi u tal-esportazzjoni ġej minn raġunijiet differenti. Tabilħaqq, kif muri fit-Tabella 12, il-prezzijiet domestiċi fit-Tajwan segwew (mingħajr ma setgħu jilħquhom) it-tnaqqis aktar qawwi tal-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi aktar baxxi fit-Tajwan. Il-prezz aktar baxx u t-tnaqqis aktar qawwi ppermettew lill-importazzjonijiet Ċiniżi jżidu b’mod rapidu s-sehem mis-suq tagħhom fit-Tajwan mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni, kif muri fit-Tabella 11, għad-detriment tal-bejgħ domestiku tal-industrija tat-Tajwan. Li kieku l-industrija domestika tat-Tajwan ma segwietx il-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi fix-xejra ’l isfel, huwa probabbli li l-industrija domestika kienet titlef aktar ishma mis-suq. Għalhekk, l-industrija domestika tat-Tajwan kienet sfurzata tnaqqas il-prezzijiet tagħha mill-pressjoni kompetittiva (jiġifieri, l-effett ta’ espulsjoni) tal-importazzjonijiet Ċiniżi affettwati mill-kapaċità żejda. Dan jikkostitwixxi s-sitwazzjoni partikolari tas-suq li taffettwa s-suq domestiku tat-Tajwan li tagħmel il-profitti domestiċi mhux affidabbli. Għall-kuntrarju, meta esportaw il-volumi spostati lejn l-Unjoni, l-esportaturi tat-Tajwan ma kinux soġġetti għall-istess restrizzjonijiet kompetittivi tas-suq domestiku tagħhom stess, minħabba li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni kienu differenti fis-suq tal-Unjoni kif muri fil-premessi (410) sa (414), fejn l-importazzjonijiet Ċiniżi ma kellhom l-ebda impatt. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni li l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża affettwa l-prezzijiet tal-esportazzjoni tat-Tajwan b’mod komparabbli jew simili bħall-prezzijiet domestiċi tat-Tajwan u konsegwentement ma aġġustatx il-profittabbiltà min-naħa tal-esportazzjoni.

(426)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li kien ċar li s-sitwazzjoni partikolari tas-suq affettwat ukoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Unjoni mill-fatt li, minkejja li l-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni għandhom sehem mis-suq baxx, l-Unjoni fittxet li tikkumpensa l-effetti tal-kapaċità żejda tal-azzar b’att ta’ politika ġenerali bħar-Regolament (UE) 2026/1384. Għalhekk, skont l-awtoritajiet tat-Tajwan, jenħtieġ li s-sitwazzjoni partikolari tas-suq ma tiġix evalwata biss abbażi tas-sehem mis-suq miżmum mill-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni.

(427)

Il-Kummissjoni nnotat li r-Regolament (UE) 2026/1384 kien maħsub biex jindirizza l-kapaċità żejda globali, filwaqt li din l-investigazzjoni kienet ibbażata fuq l-allegazzjoni ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq li tikkonsisti fl-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża, fost l-oħrajn, fit-Tajwan. Għalhekk, fil-kuntest tal-analiżi tat-tqabbil xieraq, il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tanalizza l-effetti tal-kapaċità żejda globali fis-suq tal-Unjoni iżda, l-aktar, l-effetti tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2026/1384 ma jbiddilx il-fatti li: (i) kif innotat fil-premessi (388) u (409), kien hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq fit-Tajwan matul il-perjodu ta’ investigazzjoni; u (ii) kif innotat fil-premessa (415), dik is-sitwazzjoni partikolari tas-suq affettwat it-tqabbil xieraq bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Dan kellu jiġi indirizzat. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(428)

L-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li għadd ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-ilmentatur (116) spjegaw l-effetti tal-kapaċità żejda tal-azzar globali fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni.

(429)

Il-Kummissjoni nnotat li l-investigazzjoni analizzat biss l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża, u mhux il-kapaċità żejda globali. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(430)

CSC Group afferma li, anke jekk il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kapaċità żejda globali tal-azzar kellha impatt akbar fuq is-suq domestiku tat-Tajwan milli fuq is-suq tal-esportazzjoni tal-Unjoni, ma setgħetx tiddetermina li ma kien hemm l-ebda impatt fuq is-suq tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, kellha tivvaluta l-impatt relattiv fuq il-bejgħ domestiku meta mqabbel mal-bejgħ għall-esportazzjoni u taġġusta wkoll il-profitti fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni b’4,8 %.

(431)

Il-Kummissjoni nnotat li s-sitwazzjoni partikolari tas-suq li nstabet fis-suq domestiku tat-Tajwan ma kinitx kapaċità żejda globali tal-azzar, iżda l-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża. Kif spjegat fil-premessi (410) sa (414), il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni huma differenti. B’konsegwenza ta’ dan, ma kien iġġustifikat l-ebda aġġustament għall-prezz tal-esportazzjoni minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni u kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tat-tqabbil xieraq fil-premessa (415).

(432)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li l-Kummissjoni, fl-analiżi tat-tqabbil xieraq tagħha, naqset milli tqis id-differenzi fil-gradi bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi fit-Tajwan u l-prezz unitarju medju ta’ diversi taħlitiet ta’ prodotti, fost fatturi oħra li jistgħu jinfluwenzaw id-differenza fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Unjoni u t-Tajwan.

(433)

Il-Kummissjoni nnotat li diġà indirizzat it-tħassib tal-awtoritajiet tat-Tajwan fir-rigward tad-differenzi allegati fil-gradi bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi fit-Tajwan fil-premessa (405). Fir-rigward tal-prezz unitarju medju ta’ diversi taħlitiet ta’ prodotti, il-Kummissjoni fakkret li, fil-kuntest tal-kalkoli tad-dumping, tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz, it-tqabbil tal-bejgħ domestiku u tal-esportazzjoni, kif ukoll it-tqabbil tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni mal-bejgħ domestiku tal-industrija tal-Unjoni, seħħ għal kull PCN u wera tqabbil suffiċjenti. Għalhekk, fil-kuntest tal-analiżi tat-tqabbil xieraq, il-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tanalizza ulterjorment il-prezzijiet fl-Unjoni jew tal-importazzjonijiet fl-Unjoni fil-livell tat-tip ta’ prodott jew tikkunsidra t-tip ta’ prodott preċiż li għalih kienu jikkorrispondu l-prezzijiet. Fir-rigward tal-prezz tal-importazzjoni Ċiniż fit-Tajwan, il-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tanalizza l-prezzijiet għal kull tip ta’ prodott jew tqis it-tipi ta’ prodotti importati, sa fejn il-prodott taħt investigazzjoni importat fit-Tajwan mir-RPĊ kien jikkompeti mal-produzzjoni domestika tat-Tajwan, kif indikat fil-premessa (405). Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(434)

CSC tenniet l-affermazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (416), (420), (422), (424) u (430), u indirizzati fil-premessi (417), (421), (423), (425) u (431), fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, minkejja l-fatt li dawn il-kwistjonijiet ma kinux soġġetti għad-divulgazzjoni finali addizzjonali u l-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti mid-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(435)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha fil-premessa (415).

3.4.3.   Valur normali

(436)

Kif stabbilit fil-premessi (388) u (415), il-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq fis-suq domestiku tat-Tajwan, li ma ppermettietx li jsir tqabbil xieraq. Il-bejgħ domestiku kollu ta’ CSC Group ġie affettwat minħabba li l-importazzjonijiet Ċiniżi li jirriżultaw mill-kapaċità żejda fis-settur tal-azzar fir-RPĊ naqqsu b’mod artifiċjali l-prezz tal-bejgħ domestiku kollu tas-CRF. Għalhekk, tali bejgħ ma setax jitqies li sar f’kundizzjonijiet normali u l-profitt iġġenerat ma setax jikkostitwixxi profitt normali.

(437)

B’konsegwenza ta’ dan, f’konformità mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali abbażi tal-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-kostijiet SG & A u għall-profitti.

(438)

Kif spjegat fil-premessi (384) sa (387), l-effett tal-PMS fit-Tajwan irriżulta fi profittabbiltà artifiċjalment baxxa, iżda ma affettwax il-kostijiet tal-produzzjoni u l-kostijiet SG & A fit-Tajwan. Għalhekk, għall-kostruzzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kostijiet reali tal-produzzjoni u l-kostijiet SG & A effettivi rreġistrati minn CSC u CHS.

(439)

Fir-rigward tal-profitt, il-Kummissjoni qieset li l-profitt realizzat mill-produttur esportatur fuq il-bejgħ ta’ prodotti simili fis-suq domestiku ma kienx adattat għall-użu minħabba l-effett tal-PMS fuq il-marġni ta’ profitt effettiv, kif spjegat fil-premessa (388).

(440)

Il-Kummissjoni ddeterminat l-impatt tal-PMS fuq il-marġni ta’ profitt effettiv abbażi ta’ rapport imħejji mill-OECD u ppubblikat mill-GFSEC (117) (“ir-rapport tal-OECD-GFSEC”). Skont dan ir-rapport, il-medja tad-differenza bejn il-profitt effettivament miksub mill-kumpaniji tal-azzar madwar id-dinja, minbarra r-RPĊ, u l-profitt li seta’ jinkiseb mill-istess kumpaniji kieku l-kapaċità żejda tar-RPĊ ma żdiditx bil-mod kif żdiedet, kienet ta’ 4,8 %.

Tabella 15

Profittabbiltà effettiva meta mqabbla ma’ dik stmata (%)

 

2015

2017

2020

Profitt effettiv

9

17,75

16,5

Profitt stmat

14

22,7

21

Medja tad-differenza

4,8

Sors:

Rapport tal-OECD-GFSEC, pp. 18-19, il-Kaxxa 3 u l-Illustrazzjoni 3.

(441)

Il-Kummissjoni qieset li kwalunkwe aġġustament ta’ profitt sinifikanti għal kull tip ta’ prodott jenħtieġ li jqis il-varjazzjonijiet speċifiċi fil-kostijiet tal-produzzjoni, fil-prezzijiet tal-bejgħ domestiku u fil-livelli ta’ profitt li jirriżultaw f’dawk it-tipi ta’ prodotti billi din l-informazzjoni hija disponibbli għall-Kummissjoni.

(442)

Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit ammont raġonevoli għall-profitt skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, u f’konformità mal-Artikolu 2(6)(c) tiegħu, il-Kummissjoni, bħala punt tat-tluq u skont il-metodoloġija standard tal-kalkolu tad-dumping tagħha, l-ewwel identifikat it-tranżazzjonijiet kollha tal-bejgħ domestiku magħmula fil-perkors normali tal-kummerċ għal kull tip ta’ prodott. Billi l-profittabbiltà ta’ dawk it-tranżazzjonijiet ġiet affettwata b’mod negattiv mill-PMS li nstabet, id-dipendenza fuq il-profittabbiltà effettiva tagħhom ma tirriżultax f’ammont raġonevoli għall-profitt skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3). Sabiex tindirizza dan, il-Kummissjoni aġġustat il-profittabbiltà tat-tranżazzjonijiet li saru fil-perkors normali tal-kummerċ bit-telf medju tal-profitt attribwibbli lill-PMS.

(443)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li l-kostruzzjoni tal-valur normali permessa mill-Artikolu 2.2.2 tal-ADA tad-WTO u mill-Artikoli 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku kienet diġà biżżejjed biex jiġi żgurat li l-effett ta’ espulsjoni jkun ġie kkunsidrat. Skont dawn, ma kien hemm l-ebda bażi legali biex wieħed jitbiegħed mill-profitt reali bbażat fuq il-bejgħ domestiku fil-perkors normali tal-kummerċ favur parametru referenzjarju bejn il-pajjiżi. Dan kien speċjalment il-każ minħabba li, fil-fehma tagħhom, it-tranżazzjonijiet domestiċi profittabbli kienu fil-biċċa l-kbira tranżazzjonijiet f’kojls tas-CRF ittemprati ta’ kwalità għolja, li ma kinux jikkompetu mal-kojls tas-CRF mhux ittemprati li kienu jikkostitwixxu l-maġġoranza l-kbira tal-importazzjonijiet tas-CRF Ċiniżi fit-Tajwan u ma kinux affettwati minnhom.

(444)

Il-Kummissjoni spjegat fil-premessi (384) sa (387) l-effetti tal-PMS fuq il-profittabbiltà domestika fit-Tajwan. Minħabba l-PMS, il-profitt ma setax jitqies raġonevoli. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq parametru referenzjarju alternattiv, xorta waħda skont l-Artikoli 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma qablitx mal-fehma tal-awtoritajiet tat-Tajwan dwar il-profitt reali realizzat mill-produtturi esportaturi tat-Tajwan. Filwaqt li CRF ittemprati ta’ kwalità għolja jistgħu jkunu aktar profittabbli meta mqabbla ma’ CRF mhux ittemprati, il-profitti domestiċi ma kinux dovuti biss għal CRF ittemprati ta’ kwalità għolja. Tabilħaqq, il-Kummissjoni nnotat li l-bejgħ domestiku ta’ tipi ta’ prodotti mhux ittemprati tal-akbar produttur fil-grupp inkluż fil-kampjun, CSC, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kien kollu profittabbli għal 11 minn 12-il tip ta’ prodott mhux ittemprat, u fil-biċċa l-kbira profittabbli għat-tip ta’ prodott li jifdal. Dan il-bejgħ domestiku profittabbli kollu tqies fil-perkors normali tal-kummerċ u għalhekk ġie inkluż fil-kalkolu tad-dumping. Għalhekk, il-Kummissjoni użat ukoll profitti ta’ tipi ta’ prodotti mhux ittemprati, li l-awtoritajiet tat-Tajwan jaffermaw li huma t-tipi ta’ prodotti l-aktar esposti għall-kompetizzjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Minħabba l-effett ta’ espulsjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi, il-livell ta’ tali profitt kien għadu aktar baxx minn dak li kien ikun fin-nuqqas tal-PMS. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni kellha bżonn tirrikorri għal aġġustament biex tikkumpensa għall-effetti tal-PMS u tilħaq profitt raġonevoli. Fi kwalunkwe każ, b’kunsiderazzjoni speċifika għal CRF ittemprati u mhux ittemprati, kif spjegat fil-premessa (405), CRF ittemprati u mhux ittemprati kienu sostitwibbli bħala materja prima użata għall-produzzjoni ta’ prodotti downstream, u għalhekk kienu f’kompetizzjoni. Madankollu, is-CRF mhux ittemprati kienu orħos, u għalhekk ippreferuti mill-utenti downstream, meta mqabbla mas-CRF ittemprati. Fl-aħħar nett, l-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienu jinkludu wkoll CRF ittemprati. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(445)

L-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li l-aġġustament tal-profitt kien inkompatibbli mal-Artikolu 2.2.2 tal-ADA tad-WTO. Tabilħaqq, huma argumentaw li, meta l-ammont reali għall-profitti ma jistax ikun ibbażat fuq data reali li tappartjeni għall-produzzjoni u l-bejgħ fil-perkors normali tal-kummerċ mill-produttur esportatur ikkonċernat, il-Kummissjoni jenħtieġ li tibbaża ruħha għal kwalunkwe metodu raġonevoli ieħor fuq ammonti li ma jaqbżux il-profitti normalment realizzati mill-produtturi esportaturi fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat. Ir-rapport tal-OECD-GFSEC li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni ma jkunx adatt, skont l-awtoritajiet tat-Tajwan, għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, ir-rapport ma indikax speċifikament profitt raġonevoli applikabbli għas-suq tas-CRF fit-Tajwan fil-perjodu ta’ investigazzjoni. It-tieni, kien hemm noti metodoloġiċi li jistiednu interpretazzjoni kawta, l-istudju ma ġiex rieżaminat bejn il-pari, ġie ffinanzjat ukoll permezz tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, u deher li ma kienx jiddependi fuq rendikonti finanzjarji u rapporti annwali għall-analiżi tal-profittabbiltà. It-tielet, il-marġni ta’ profitt ikkunsidrat kien il-marġni ta’ profitt ġenerali tal-produtturi tal-azzar, mhux speċifiku bħall-marġni ta’ profitt effettiv tal-produttur tat-Tajwan. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li kienu diġà oġġezzjonaw għal din il-metodoloġija, proposta mill-ilmentatur, fil-kummenti tagħhom dwar il-bidu, miġbura fil-qosor fil-premessa (21). Fir-rigward tal-konfutazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (22), l-awtoritajiet tat-Tajwan affermaw li l-Kummissjoni ma għamlitx referenza għall-obbligi tagħha skont l-Artikolu 2.2.2 tal-ADA tad-WTO u ma wrietx li r-rapport kien jinkludi data reali dwar il-profitti mill-produtturi tat-Tajwan.

(446)

Mill-bidu, il-Kummissjoni nnotat li, kif imsemmi fil-premessa (442), hija stabbiliet il-profitt fuq “kwalunkwe metodu raġonevoli ieħor”, kif previst mill-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku, li jikkorrispondi għall-Artikolu 2.2.2(iii) tal-ADA tad-WTO. Tabilħaqq, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-ittra (a) jew il-punt (i), peress li l-Kummissjoni ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha ammonti ta’ profitt reali ta’ esportaturi jew produtturi oħra fit-Tajwan, u l-ebda esportatur jew produttur fit-Tajwan minbarra CSC Group fil-kampjun ma ppreżenta tweġiba għall-kwestjonarju. Il-Kummissjoni lanqas ma setgħet tibbaża ruħha fuq l-ittra (b) jew il-punt (ii), peress li ma kellhiex informazzjoni dwar il-profittabbiltà ta’ CSC Group speċifika għall-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti bħas-CRF, u fi kwalunkwe każ kienet tiġi affettwata wkoll mill-PMS. Għalhekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ittra (c) jew il-punt (iii). B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha profitt normalment realizzat minn esportaturi jew minn produtturi oħrajn fuq bejgħ ta’ prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tat-Tajwan. Tabilħaqq, il-profittabbiltà tal-produtturi kollha tas-CRF fit-Tajwan ġiet affettwata mill-PMS. Barra minn hekk, il-profittabbiltà tal-produtturi ta’ prodotti downstream tkun affettwata wkoll mill-eżistenza ta’ PMS għas-CRF bħala materja prima, filwaqt li, minħabba l-użi tas-CRF, l-industriji bħall-industrija tal-kostruzzjoni jew tal-karozzi ma jkunux xierqa peress li tali prodotti ma jibqgħux fl-istess kategorija ġenerali. Fl-istess ħin, il-produtturi ta’ prodotti upstream, bħall-HRF, ikunu wkoll produtturi tas-CRF, u prodotti aktar upstream, bħall-mineral tal-ħadid, ma jistgħux jitqiesu fl-istess kategorija ġenerali bħas-CRF. Madankollu, l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku rrikjeda li l-Kummissjoni tidentifika profitt normalment realizzat fit-Tajwan.

(447)

Għalhekk, il-Kummissjoni rrikorriet għall-profitt normalment realizzat minn CSC Group innifsu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarset lejn l-aktar interpretazzjoni limitata tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti, limitata għall-istess prodott eżatt, jiġifieri s-CRF. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset il-profitt normalment realizzat minn CSC Group fuq il-bejgħ tas-CRF fis-suq domestiku tat-Tajwan. Madankollu, CSC Group kien qed jagħmel telf fuq il-bejgħ domestiku tiegħu ta’ CRF lil klijenti mhux relatati. Peress li CSC Group kien qed jagħmel it-telf, il-Kummissjoni ma setgħetx tidentifika profitt normalment realizzat abbażi tal-profitt reali ta’ CSC Group, peress li ma kien hemm l-ebda profitt. Barra minn hekk, l-evidenza fil-fajl uriet li l-profittabbiltà ġenerali tal-kumpanija kienet affettwata b’mod sinifikanti minn tranżazzjonijiet li r-Regolament bażiku ma jqisx li saru fil-perkors normali tal-kummerċ. Tabilħaqq, tali tranżazzjonijiet huma esklużi mill-analiżi tal-profitt skont l-Artikolu 2(6) ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, sabiex issib profitt normalment realizzat, il-Kummissjoni qieset biss il-profitt ta’ CSC Group fil-perkors normali tal-kummerċ. Il-profitt ta’ CSC Group fil-perkors normali tal-kummerċ kien ħafna aktar akkurat u granulari minn kwalunkwe profitt reali realizzat minn produtturi oħra fuq il-bejgħ ta’ prodotti fl-istess kategorija ġenerali bħas-CRF fit-Tajwan. Meta wieħed iqis is-sejba li dan il-profitt kien imrażżan minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq, il-Kummissjoni aġġustatu għal-livell li jista’ jkun mistenni fin-nuqqas tal-effetti tal-PMS li nstabet. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni qieset li l-profitt normalment realizzat minn CSC Group fuq il-bejgħ tas-CRF fis-suq domestiku tat-Tajwan, aġġustat bil-medja tad-differenza bejn il-profittabbiltà reali u ipotetika tal-azzar mhux Ċiniż identifikata mir-rapport tal-OECD-GFSEC u rrapportata fit-Tabella 15, ikkostitwixxa profitt normalment realizzat jew, minħabba l-PMS li taffettwa l-profitt innifsu, realizzabbli wkoll minn esportaturi jew produtturi oħrajn fuq il-bejgħ ta’ prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini. Peress li l-istudju kien jinkludi kumpaniji tal-azzar, huwa rrefera għal prodotti fl-istess kategorija ġenerali bħas-CRF u saħansitra inkludihom. Għalhekk, kien omoġenju biżżejjed biex jintuża biex jiġi aġġustat il-profitt ta’ CSC Group normalment realizzat fuq il-bejgħ domestiku tas-CRF.

(448)

Sabiex tkompli tappoġġa dan, il-Kummissjoni nnotat li r-rapport tal-OECD-GFSEC issimula d-differenza bejn profitt reali u l-profitt ipotetiku fin-nuqqas ta’ kapaċità żejda. Fil-kuntest tal-każ, dan irriżulta fi profitt fin-nuqqas tal-effett ta’ espulsjoni tal-kapaċità żejda Ċiniża, li fix-xenarju ipotetiku ma żdiditx, u b’hekk ma ħaditx post il-bejgħ domestiku tat-Tajwan. Ir-rapport tal-OECD-GFSEC simula tali profitt ipotetiku bħala medja ta’ kumpaniji tal-azzar mhux Ċiniżi madwar id-dinja. Il-bażi tad-data użata mir-rapport OECD-GFSEC kienet tinkludi kumpaniji fit-Tajwan (118). Filwaqt li r-rapport tal-OECD-GFSEC ma jiksibx differenza bejn il-profitt reali u ipotetiku speċifikament għat-Tajwan, jikseb differenza medja għall-kumpaniji kollha mhux Ċiniżi, u b’hekk applikabbli għall-kumpaniji tat-Tajwan ukoll, speċifikament għall-produttur esportatur inkluż fil-kampjun, CSC Group. Għandu jiġi nnotat li, għall-finijiet tar-rapport tal-OECD-GFSEC, tqieset id-data tal-profitt reali tal-kumpaniji biex jiġi żviluppat profitt ipotetiku ħieles mill-effetti tal-kapaċità żejda. Id-differenzjali bejn il-profitt reali u ipotetiku kien jikkostitwixxi parametru referenzjarju xieraq biex jiġi lliberat il-profitt ta’ CSC Group fil-perkors normali tal-kummerċ mill-effetti tal-PMS u jiġi identifikat profitt raġonevoli. Tabilħaqq, fin-nuqqas tal-PMS, il-bejgħ profittabbli ta’ CSC Group tas-CRF kien ikun aktar profittabbli.

(449)

Fir-rigward tal-affermazzjonijiet li kien għad fadal tal-awtoritajiet tat-Tajwan, l-ewwel nett, sa fejn ir-rapport tal-OECD-GFSEC irrefera għas-settur tal-azzar mhux Ċiniż, u b’hekk għall-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti bħas-CRF, il-profitt ipotetiku li rriżulta kien applikabbli għal dan is-settur fit-Tajwan. It-tieni, in-noti metodoloġiċi kienu formulazzjoni standard fix-xogħlijiet tal-politika u akkademiċi li jipproponu analiżijiet ekonomiċi jew ekonometriċi ġodda. Il-Kummissjoni ma qisitx il-fatt li x-xogħol ma ġiex rieżaminat bejn il-pari rilevanti, peress li tħejja għall-GFSEC, li jikkostitwixxi l-aktar referenza magħrufa fil-kwistjoni tal-kapaċità żejda tal-azzar. Il-Kummissjoni naqset milli tifhem il-bażi li fuqha l-awtoritajiet tat-Tajwan argumentaw li kkontribwiet għall-finanzjament tal-istudju. Madankollu, jekk wieħed jassumi li l-awtoritajiet tat-Tajwan irreferew għall-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni lill-OECD u/jew lill-GFSEC, il-Kummissjoni ma qisitx li dan huwa rilevanti. L-istudju ma ġiex ippubblikat għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni u l-awtoritajiet tat-Tajwan ma ressqu l-ebda alternattiva. Barra minn hekk, l-analiżi fl-Illustrazzjoni 3 fil-kaxxa 3 tar-rapport OECD-GFSEC tabilħaqq ibbażat ruħha fuq rapporti annwali u rendikonti finanzjarji, peress li kienet tikkorrispondi għall-proporzjon bejn l-EBITDA u d-dħul. It-tielet, il-Kummissjoni qieset il-fatt li l-marġni ta’ profitt irrefera għas-settur tal-azzar biżżejjed biex jissodisfa l-istandard legali ta’ “prodotti tal-istess kategorija ġenerali” bħas-CRF. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li l-oġġezzjoni mressqa mill-awtoritajiet tat-Tajwan fil-kummenti tagħhom dwar il-bidu, miġbura fil-qosor fil-premessa (21), ma kinitx relatata mas-sustanza tal-metodoloġija, iżda pjuttost mar-rekwiżiti tal-istandards legali. Ladarba l-Kummissjoni indirizzat il-kumment fil-premessa (22), kienet kompletament intitolata li tibbaża ruħha fuq il-metodoloġija tar-rapport tal-OECD-GFSEC proposta mill-ilmentatur, li ma kinitx ikkontestata fis-sustanza tagħha minn kwalunkwe parti interessata. Il-Kummissjoni pprovdiet il-kjarifiki meħtieġa fir-rigward tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 2.2.2 tal-ADA tad-WTO u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament bażiku fil-premessi (442) u (446). Il-Kummissjoni qieset li dawn kienu jikkostitwixxu ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-metodoloġija proposta. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(450)

Wara d-divulgazzjoni finali, CSC Group afferma li kien hemm żball klerikali fil-kalkolu tal-kost unitarju medju tal-manifattura stabbilit għal kull PCN għal waħda mill-kumpaniji tiegħu.

(451)

Il-Kummissjoni sabet li din l-affermazzjoni kienet ġustifikata. Konsegwentement, il-kalkolu tal-valur normali għal din il-kumpanija ġie rivedut, u l-marġni tad-dumping għal CSC Group u għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun ġie aġġustat kif xieraq. Il-kalkolu mill-ġdid ma affettwax il-marġni tad-dumping residwu.

3.4.4.   Prezz tal-esportazzjoni

(452)

Il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun esportaw lejn l-Unjoni direttament lil klijenti indipendenti.

(453)

Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz effettivament imħallas jew li kellu jitħallas għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.4.5.   Tqabbil

(454)

L-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħmel paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fl-istess livell ta’ kummerċ u li tagħmel konċessjonijiet għad-differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni għażlet li tqabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fil-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Kif spjegat aktar hawn taħt, fejn xieraq, il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew aġġustati sabiex: (i) jiġu nnettjati lura għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika; u (ii) isiru provvedimenti għad-differenzi fil-fatturi li ġew iddikjarati, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet.

(455)

Fil-verżjoni sensittiva tat-tweġibiet għall-kwestjonarju tagħhom, kemm CSC kif ukoll CHS talbu ż-żieda ta’ ċifra waħda fi tmiem il-PCNs biex jitqiesu l-allegati segmenti tas-suq tal-użu finali. Skont il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fit-Tajwan, dawn is-segmenti tas-suq irriżultaw f’differenzi fil-prezzijiet li l-istruttura tal-PCN imressqa mill-Kummissjoni ma qisitx. Barra minn hekk, tali struttura tal-PCN qabblet il-bejgħ domestiku f’segment ta’ valur għoli mal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-UE kkonċentrat f’segment sensittiv għall-prezzijiet.

(456)

Il-Kummissjoni nnotat li ċ-ċifra miżjuda mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fit-Tajwan ma kinitx tikkorrispondi għal karatteristika teknika jew fiżika li setgħet tippermetti li jiġu distinti u identifikati b’mod uniku l-allegati segmenti tas-suq. Id-deskrizzjonijiet tas-segmenti tas-suq urew li ma kienx hemm varjabbli wieħed jew sett ta’ varjabbli li setgħu jippermettu li ssir distinzjoni bejn id-diversi segmenti, iżda kull wieħed minnhom kien definit abbażi ta’ fatturi differenti. Pereżempju, segment wieħed ġie definit abbażi tar-rekwiżiti tal-kwalità u l-inelastiċità tal-prezzijiet, ieħor kien ibbażat fuq il-kontenut ta’ ċertu element, u ieħor kien ibbażat fuq il-kontenut ta’ elementi oħrajn. B’konsegwenza ta’ dan, l-uniku fattur distintiv reali kien l-użu finali, skont il-klassifikazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun stess. Billi traċċaw lura l-karatteristiċi tal-prodotti mibjugħa għall-użi finali differenti, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun identifikaw b’mod artifiċjali diversi segmenti tas-suq. Madankollu, l-istruttura tal-PCN proposta mill-Kummissjoni diġà tinkludi għadd ta’ fatturi li jippermettu li l-istess prodotti jiġu kklassifikati u mqabbla bħala prodotti simili. Tali struttura tal-PCN kienet kompletament adegwata. Dan kien speċifikament il-każ minħabba li, ftit wara l-bidu tal-każ, fl-1 ta’ Ottubru 2025, il-Kummissjoni mmodifikat kemxejn l-istruttura tal-PCN biex tiżgura li l-gradi tal-karozzi bbażati fuq standards tal-karozzi proprjetarji ekwivalenti għall-istandard tan-Nomenklatura Ewropea (“EN”) 10130 2006 u l-azzar b’soluzzjonijiet solidi (l-istandard EN 10268) jiġu kklassifikati b’mod korrett fl-istruttura tal-PCN (119). Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

3.4.5.1.   Aġġustamenti magħmula għall-valur normali

(457)

Kif spjegat fil-premessi (436) sa (442), il-valur normali ġie stabbilit fil-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika bl-użu tal-kostijiet tal-produzzjoni flimkien mal-ammonti għall-ispejjeż SG & A u għall-profitt, li tqiesu li huma raġonevoli għal dak il-livell ta’ kummerċ. Għalhekk, l-ebda aġġustament ma kien neċessarju sabiex il-valur normali jiġi nnettjat lura għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

(458)

Fil-verżjoni sensittiva tat-tweġiba għall-kwestjonarju tagħhom, CSC Group afferma, f’każ li l-Kummissjoni tkun ċaħdet il-proposta tagħhom li jimmodifikaw l-istruttura tal-PCN kif spjegat fil-premessa (455), li kienu jitolbu aġġustamenti għall-valur normali jew għall-prezz tal-esportazzjoni għal (i) differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, (ii) differenzi fil-livell ta’ kummerċ; u (iii) fatturi oħrajn. Matul il-verifika, CSC Group talab tali aġġustament abbażi tal-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku dwar fatturi oħrajn u pprovda kalkolu tal-aġġustament. CSC Group spjega li r-raġunijiet għall-aġġustament kienu li (i) il-klijenti ħallsu prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenza f’dawn il-fatturi l-oħrajn, u (ii) tali differenza kienet dovuta għal taħlita ta’ differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, minħabba gradi speċifiċi tal-azzar, u tal-livell ta’ kummerċ, minħabba t-tip ta’ klijenti. Fir-rigward tat-tip ta’ klijenti, CSC Group afferma li kien hemm differenzi fil-funzjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ. Speċifikament, iċ-ċertifikazzjoni ta’ CSC bħala bejjiegħ kwalifikat lill-klijent kienet prerekwiżit għar-relazzjonijiet kummerċjali, u l-prezzijiet irriflettew tali kundizzjoni addizzjonali. B’hekk, l-aġġustament kien maħsub biex iqis id-differenza fil-prezzijiet minħabba l-użu finali. Fis-suq domestiku, il-klijenti tal-allegat segment A aċċettaw prezz ogħla, filwaqt li, fis-suq tal-esportazzjoni tal-Unjoni, il-bejgħ iffoka prinċipalment fuq l-allegat segment B, għalkemm kien hemm ukoll bejgħ fl-allegat segment A. Matul il-verifika, CSC iċċarat li, abbażi tat-tip ta’ klijenti, is-segment A jista’ jkompli jinqasam fis-segment A1 fis-suq domestiku, li kien jirrikjedi prezzijiet ogħla, u s-segment A2 fis-suq tal-esportazzjoni tal-Unjoni, li kien jirrikjedi prezzijiet aktar baxxi, iżda xorta ogħla mis-segment B.

(459)

Mill-bidu nett, il-Kummissjoni nnotat li CSC Group ma appoġġax l-affermazzjoni tiegħu għad-differenza fil-prezzijiet bejn is-setturi tal-bejgħ bi kwalunkwe evidenza f’termini ta’ kostijiet.

(460)

Fir-rigward tad-differenza affermata fil-karatteristiċi fiżiċi, il-Kummissjoni talbet lil CSC Group jipprovdi evidenza dwar kwalunkwe karatteristika fiżika jew kimika li tista’ tiddistingwi b’mod ċar l-allegati segmenti, kif diġà msemmi fil-premessa (456). CSC Group ma pprovdiex evidenza li turi li xi klijenti ħallsu aktar minn oħrajn għal prodotti simili għal kwalunkwe differenza fil-karatteristiċi fiżiċi jew kimiċi. Fir-rigward ta’ fatturi oħrajn, il-Kummissjoni talbet lil CSC Group jipprovdi evidenza ta’ sostenn bħal spejjeż addizzjonali tal-bejgħ jew kostijiet addizzjonali. CSC Group spjega li ma kien hemm l-ebda kost addizzjonali speċifiku tal-ippakkjar u li l-kostijiet tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni ma ġewx deprezzati, iżda rreġistrati bħala spiża ġenerali. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li CSC Group ma pprovdiex tali evidenza.

(461)

Fir-rigward tad-differenzi affermati bejn it-tip ta’ klijenti, il-Kummissjoni nnotat li CSC Group ma għamel l-ebda korrelazzjoni bejn il-prezzijiet għoljin u l-kostijiet tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni jew fatturi oħrajn.

(462)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni inizjalment innotat li l-prezzijiet għoljin jistgħu jiġu spjegati mill-fatt li CSC Group kien l-uniku produttur domestiku attiv fis-segment allegat A. Madankollu, wara analiżi aktar dettaljata tas-segment u tal-grad ta’ kompetizzjoni fih, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa (481), li xenarju bħal dan ikun possibbli biss jekk CSC Group ikun qed jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’dak is-segment. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza jew affermazzjoni f’dak is-sens, il-Kummissjoni ma segwietx dak ir-raġunament. Minflok, il-konfutazzjoni tagħha ffukat fuq in-nuqqas sħiħ ta’ kwalunkwe rabta kawżali murija bejn il-fatturi allegati u l-primjum allegat tal-prezz. Il-konklużjonijiet fil-premessa (481) ġew divulgati lil CSC Group fid-divulgazzjoni finali addizzjonali u ma ġewx ikkontestati minn CSC Group.

(463)

Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(464)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, CSC Group tenna t-talba tiegħu għal tqabbil ġust bejn il-prezzijiet domestiċi u tal-esportazzjoni billi jitqies l-użu finali distint tas-CRF fis-setturi tal-karozzi u mhux tal-karozzi, minħabba d-differenza sostanzjali fil-prezz skont il-klijent finali. CSC Group tenna li l-aġġustamenti mitluba kienu meħtieġa biex jiġi kkoreġut tqabbil bejn valur normali bbażat fuq bejgħ lis-settur tal-karozzi bi prezz ogħla u prezzijiet tal-esportazzjoni bbażati fuq bejgħ lil setturi oħrajn bi prezz aktar baxx. Huwa afferma mill-ġdid li s-segment tal-karozzi kien fundamentalment differenti mis-segment mhux tal-karozzi u kien soġġett għal differenzi persistenti fil-prezzijiet, li ġew eżaminati wkoll matul il-verifika tal-Kummissjoni. L-ewwel nett, il-bejgħ lill-manifatturi tat-tagħmir oriġinali tal-karozzi (“OEMs”) u lill-ktajjen tal-provvista tagħhom kien soġġett għal rekwiżiti tekniċi u ta’ kwalità stretti, kuntratti fit-tul, u proċessi ta’ ċertifikazzjoni eżiġenti. Il-verifika kkonfermat dawn ir-rekwiżiti, inklużi ċ-ċertifikazzjonijiet tal-kwalità speċifiċi għall-karozzi u l-approvazzjonijiet tal-manifatturi, b’CSC Group ikun l-uniku fornitur kwalifikat fit-Tajwan għal ċerti prodotti. It-tieni, l-affidabbiltà u l-mitigazzjoni tar-riskju kienu kunsiderazzjonijiet ewlenin għall-klijenti tal-karozzi, aktar milli l-aktar prezz baxx. It-tielet, il-prezzijiet fis-segment tal-karozzi kienu inqas elastiċi, minħabba li l-bdil tal-fornituri huwa partikolarment għali u jieħu ħafna ħin. B’riżultat ta’ dan, il-fornituri kwalifikati bħal CSC jiffaċċjaw inqas kompetizzjoni meta jbigħu lil klijenti tal-karozzi milli meta jbigħu lil klijenti mhux tal-karozzi. Fl-aħħar nett, CSC Group fakkar li l-miżuri ta’ salvagwardja dwar l-azzar iddistingwew l-azzar għall-użu tal-karozzi (120).

(465)

Fir-rigward tal-bażi legali, CSC Group iċċara fil-kummenti tiegħu għad-divulgazzjoni li l-aġġustament ikun iġġustifikat skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku għad-differenzi f’fatturi oħra minħabba li (i) il-klijenti ħallsu prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenza f’dawk il-fatturi, u (ii) tali differenza kienet dovuta għal taħlita ta’ fatturi elenkati fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, minħabba gradi speċifiċi tal-azzar, u 2(10)(d)(i) tar-Regolament bażiku għad-differenzi fil-livell tal-kummerċ, minħabba t-tip ta’ klijenti.

(466)

F’dan l-isfond, CSC Group afferma li l-Kummissjoni fil-premessi (459) sa (461) ma indirizzatx kif xieraq il-kummenti tiegħu. B’mod partikolari, CSC Group allega li l-Kummissjoni indirizzat b’mod sostanzjali biss id-differenzi affermati fil-karatteristiċi fiżiċi iżda ma indirizzatx fis-sustanza d-differenzi fil-livell tal-kummerċ u f’fatturi oħra. CSC Group ikkjarifika li d-distinzjoni bejn prodotti tal-karozzi u dawk mhux tal-karozzi ma kinitx ibbażata biss fuq differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi iżda fuq taħlita ta’ fatturi, kif rifless fil-bażijiet legali differenti. Skont CSC Group, billi ċaħdet l-affermazzjoni abbażi biss tal-karatteristiċi fiżiċi, il-Kummissjoni ma qisitx il-kwistjoni ta’ jekk il-prezzijiet tas-CRF għall-karozzi u tas-CRF mhux għall-karozzi humiex komparabbli mingħajr aġġustament, filwaqt li qieset il-fatturi li jaffettwaw dawk il-prezzijiet, inklużi d-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi. F’dan ir-rigward, CSC Group irrefera għal investigazzjoni preċedenti dwar ir-reżini tal-akrilonitril-butadien-stiren (121) (“ABS”). Fl-aħħar nett, CSC Group afferma li pprovda evidenza li turi li xi klijenti ħallsu aktar minn oħrajn għal prodotti simili minħabba differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi jew kimiċi, fil-forma ta’ rekwiżiti għal speċifikazzjonijiet tekniċi speċifiċi u ċertifikazzjonijiet marbuta ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet, inklużi standards speċifiċi tal-inġinerija u tal-materjali. Barra minn hekk, CSC seta’ jitlob prezzijiet ogħla fil-bejgħ domestiku għall-industrija tal-karozzi.

(467)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ CSC Group dwar il-fatt li ma indirizzatx kif xieraq l-affermazzjoni tiegħu. Fil-premessi (459) sa (461), il-Kummissjoni indirizzat il-fatturi separati u l-bażijiet legali mressqa minn CSC Group.

(468)

Fil-premessa (460), il-Kummissjoni indirizzat id-differenzi affermati fil-karatteristiċi fiżiċi. Il-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tindirizza l-affermazzjoni kollha permezz ta’ din il-premessa waħedha iżda analizzat f’dik l-okkażjoni wieħed mill-fatturi affermati li jaffettwaw il-prezzijiet. Il-Kummissjoni tenniet, kif diġà ġie nnotat fil-premessa (460), li CSC Group ma pprovda l-ebda karatteristika fiżika u teknika li tista’ titkejjel tal-prodott taħt investigazzjoni li tista’ tappoġġa l-affermazzjoni tiegħu. Iċ-ċertifikazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards li CSC ressaq bħala argumenti ma jiddistingwux fiżikament jew kimikament is-CRF għall-industrija tal-karozzi mis-CRF għal industriji oħrajn. Konsegwentement, CSC Group naqas milli jagħti prova li l-karatteristiċi fiżiċi kienu fattur li seta’ jiġġustifika aġġustament.

(469)

Barra minn hekk, CSC Group oġġezzjona għar-rilevanza tad-differenzi fil-kostijiet fil-kuntest ta’ aġġustament għall-karatteristiċi fiżiċi. CSC Group afferma li skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku, l-aġġustamenti għall-karatteristiċi fiżiċi jridu jiġu kkwantifikati biss fuq “stima raġonevoli tal-valur tas-suq ta’ dik id-differenza” u nnota li l-Kummissjoni ttrattat tali aġġustamenti bħala aġġustamenti tal-prezzijiet fil-folji ta’ kalkolu interni tagħha.

(470)

Il-Kummissjoni nnotat li CSC Group injora l-kundizzjoni espliċita li trid tiġi ssodisfata minn qabel, stabbilita fil-parti introduttorja tal-Artikolu 2(10), li jiddikjara li aġġustament għandu jingħata biss “jekk jintwera li [l-fatturi] jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet”. Il-frażi “stima raġonevoli tal-valur tas-suq” invokata minn CSC Group tiddetta l-metodu ta’ kwantifikazzjoni ta’ aġġustament biss wara li r-rekwiżit preliminari ta’ effett fuq il-prezzijiet ikun ġie stabbilit mir-rikorrent. F’dan il-każ, CSC Group naqas milli juri li r-rekwiżiti fiżiċi speċjalizzati tas-settur tal-karozzi wasslu sistematikament, għal tipi ta’ prodotti identiċi, għal iffissar distint tal-prezzijiet fis-suq domestiku li ma huwiex diġà rifless bis-sħiħ u b’mod adegwat fil-matriċi ta’ tqabbil tal-PCN. Il-Kummissjoni enfasizzat li l-għażla ta’ mmudellar intern tagħha li tapplika l-aġġustamenti għall-prezzijiet ma eżentatx lill-produttur esportatur mill-obbligu legali primarju tiegħu li jipprovdi evidenza verifikabbli li d-differenzi fiżiċi jfixklu tqabbil ġust. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni eżaminat il-kost tal-produzzjoni biex tanalizza jekk ir-rekwiżiti ogħla allegati li jikkonċernaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kwalità kinux riflessi fih, kif ikun loġiku, u ma setgħetx tikkonkludi li dawn affettwaw il-kost tal-produzzjoni kif spjegat fil-premessa (460). Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(471)

Barra minn hekk, CSC Group afferma li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat l-affermazzjonijiet għal aġġustament ta’ CSC Group fir-rigward tal-livell ta’ kummerċ u fatturi oħra, abbażi tan-nuqqas ta’ varjazzjonijiet fil-kostijiet bejn prodotti simili mibjugħa lis-settur tal-karozzi u lis-settur mhux tal-karozzi. Skont CSC Group, il-Kummissjoni, billi rreferiet għall-kostijiet, applikat standard legali żbaljat. CSC Group afferma li l-Artikolu 2(10)(d)(i), u (k) tar-Regolament bażiku ma kienx jirrikjedi evidenza ta’ differenzi fil-kostijiet tal-produzzjoni biex jiġġustifika aġġustament. Skont CSC Group, l-elementi rilevanti huma d-differenza fil-valur tas-suq u fil-prezzijiet imħallsa mill-klijenti.

(472)

Mill-bidu, il-Kummissjoni ċaħdet l-interpretazzjoni tar-Regolament bażiku pprovduta minn CSC Group. Il-Kummissjoni ma qisitx li analiżi tal-kostijiet hija l-istandard primarju jew l-uniku standard biex tiġi vvalutata affermazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(d)(i), u (k) tar-Regolament bażiku. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li hija intitolata bis-sħiħ li titlob u tevalwa l-istrutturi tal-kostijiet bħala għodda evidenzjarja oġġettiva biex tivverifika jekk allegata differenza fil-prezz domestiku hijiex strutturali, konsistenti u ġenwinament taffettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni tfakkar li skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, l-objettiv primarju tal-investigazzjoni huwa li jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Meta parti interessata titlob aġġustament skont l-Artikolu 2(10), ikollha l-oneru tal-provi li turi li l-affermazzjoni tagħha tissodisfa kemm il-kundizzjonijiet sostantivi kif ukoll dawk evidenzjarji stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li d-differenza fil-valur tas-suq u fil-prezzijiet imħallsa mill-klijenti trid tingħata prova tagħha b’referenza għal differenza fil-livell tal-kummerċ u differenza f’fatturi oħra rispettivament.

(473)

Fir-rigward tal-livell ta’ kummerċ, il-Kummissjoni qieset ukoll li aġġustament għal-livell ta’ kummerċ jirrikjedi prova ta’ funzjonijiet kummerċjali konsistenti u distinti fil-funzjonijiet u fil-prezzijiet tal-bejjiegħ għal-livelli differenti ta’ kummerċ (pereżempju l-bejgħ bl-ingrossa meta mqabbel mal-bejgħ bl-imnut) fis-suq domestiku u li din l-evidenza ma ġietx sottomessa. Kif jidher ċar mid-differenzjazzjoni tal-kanal tal-bejgħ li saret fil-lista għal kull tranżazzjoni tal-bejgħ domestiku u tal-Unjoni, CSC biegħ kemm lill-kummerċjanti kif ukoll lill-utenti finali kemm fis-suq domestiku kif ukoll fis-suq tal-Unjoni. Fir-rigward tal-allegat settur tal-karozzi, CSC biegħ kemm lill-manifatturi tal-karozzi kif ukoll lill-kummerċjanti fis-suq domestiku, filwaqt li biegħ biss lill-kummerċjanti fis-suq tal-Unjoni. Il-kummerċjanti ta’ prodotti tal-karozzi fis-suq domestiku u tal-Unjoni operaw fl-istess livell ta’ kummerċ. Barra minn hekk, kwalunkwe differenza allegata fil-livell tal-kummerċ bejn is-suq domestiku (kummerċjanti ta’ prodotti tal-karozzi u produtturi tal-karozzi) u s-suq tal-esportazzjoni (kummerċjanti biss ta’ prodotti tal-karozzi) ma ntweriet minn ebda differenza fil-funzjonijiet u fil-prezzijiet ta’ CSC Group għal-livelli differenti tal-kummerċ (jiġifieri, kummerċjanti jew produtturi tal-karozzi) fis-suq domestiku. Kemm jekk huma utenti finali domestiċi (fis-settur tal-karozzi jew le) jew jekk huma kummerċjanti domestiċi (fis-settur tal-karozzi jew le), ix-xerrejja fis-suq domestiku kollha ta’ CSC Group xtraw direttament mingħand CSC Group, mingħajr differenzi fil-funzjonijiet u fil-prezzijiet. Il-manifatturi tal-karozzi u x-xerrejja mhux tal-karozzi operaw fl-istess livell funzjonali: huma utenti finali industrijali li jixtru direttament mingħand CSC Group, kemm jekk fl-industrija tal-kostruzzjoni, tal-għodda jew tal-karozzi. Il-karatteristiċi tal-industrija tal-karozzi li fuqhom CSC ibbaża l-affermazzjoni tiegħu kienu jirrappreżentaw prattiki standard minn negozju għal negozju, aktar milli pass distint fil-kanal tad-distribuzzjoni. Peress li CSC Group naqas milli juri struttura tal-ipprezzar differenti bbażata fuq kanali ta’ distribuzzjoni distinti, il-kriterji tal-Artikolu 2(10)(d) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni għal aġġustament għal-livell ta’ kummerċ.

(474)

Imbagħad, il-Kummissjoni analizzat jekk ikunx iġġustifikat xi aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k).

(475)

Mill-bidu, il-Kummissjoni nnotat li CSC afferma li l-fatturi l-oħra li għandhom jitqiesu skont l-Artikolu 2(10)(k) kienu “taħlita tal-fatturi li ġejjin elenkati fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-Artikolu 2(10)(a) għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi u 2(10)(d)(i) għad-differenzi fil-livell tal-kummerċ”.

(476)

L-Artikolu 2(10)(k) jikkonċerna esklużivament aġġustamenti għal fatturi mhux previsti skont il-punti (a) sa (j). Konsegwentement, CSC naqas milli jidentifika kwalunkwe fattur li jista’ jiġi indirizzat skont din id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat bħala mekkaniżmu biex jiġu evitati l-parametri referenzjarji evidenzjarji stretti stabbiliti skont is-subparagrafi preċedenti tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(477)

Fi kwalunkwe każ, peress li l-Artikolu 2(10)(k) jirrikjedi wkoll rabta kawżali bejn il-fattur affermat u l-allegat effett fuq il-prezz, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza kollha fil-fajl u l-argumentazzjoni mressqa minn CSC.

(478)

Essenzjalment, l-affermazzjoni ta’ CSC tiddependi fuq il-fatt li l-klijenti ħallsu b’mod konsistenti prezzijiet differenti fis-suq domestiku. Madankollu, xejn fl-argumentazzjoni tiegħu ma identifika b’mod ċar kwalunkwe fattur (differenti minn dawk previsti skont il-punti (a) sa (j) tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku) li jispjega l-prezzijiet ogħla. Abbażi tal-evidenza fil-fajl, il-Kummissjoni qieset li r-rekwiżiti tekniċi u tal-kwalità stretti, il-kuntratti fit-tul, u l-proċessi ta’ ċertifikazzjoni eżiġenti msemmija ma kinux jiġġustifikaw il-prezzijiet waħedhom. Il-prezzijiet mitluba kienu wkoll dovuti għal għażla deliberata tal-klijenti tiegħu, kif spjega CSC stess (ara l-premessa (464)). Dawn kienu jikkostitwixxu kundizzjonijiet kummerċjali ordinarji, mhux fattur li jaffettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet.

(479)

Ir-referenza għall-miżuri ta’ salvagwardja ma kinitx effettiva, peress li f’dak il-kuntest il-Kummissjoni nnotat li l-azzar reżistenti għall-korrużjoni għall-industrija tal-karozzi ma kienx kopert fit-talba tal-industrija għal miżuri anti-dumping, filwaqt li f’din l-investigazzjoni dwar is-CRF huwa b’mod ċar parti mill-ambitu tal-prodott. Minflok, fl-investigazzjoni dwar l-ABS, il-kategorija ta’ ABS b’bilanċ tal-massa inkwistjoni ma ġietx koperta mill-PCN, filwaqt li f’din l-investigazzjoni d-destinazzjoni għall-industrija tal-karozzi tikkostitwixxi użu finali u ma hijiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-PCN, kif spjegat mill-Kummissjoni fil-premessa (456). Għalhekk, filwaqt li differenza li ma taqax taħt il-PCN tista’ tkun rilevanti għal aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni dwar l-ABS ma tikkostitwix eżempju utli għal aġġustament possibbli f’dan il-każ.

(480)

Fl-aħħar nett, fl-alternattiva għall-aġġustamenti għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, fil-livell tal-kummerċ u f’fatturi oħra, CSC Group afferma li, jekk il-Kummissjoni qieset li l-prezzijiet domestiċi ogħla ta’ CSC għall-prodotti tas-settur tal-karozzi irriżultaw mill-fatt li CSC huwa l-uniku produttur domestiku attiv fis-segment, dawk il-prezzijiet jiġu ffurmati skont kundizzjonijiet kompetittivi li ma jeżistux fis-suq tal-UE. Tabilħaqq, CSC ma kellux pożizzjoni komparabbli fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li teskludi l-bejgħ domestiku lis-settur tal-karozzi mit-tqabbil, minħabba li l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-UE ma kellhomx primjum tal-prezz li jikkorrispondi għas-suq tal-karozzi tat-Tajwan.

(481)

Il-Kummissjoni nnotat li kull segment ta’ kull suq ġeografiku huwa soġġett għall-kundizzjonijiet kompetittivi speċifiċi tiegħu stess. Dawk il-kundizzjonijiet huma ffurmati, fost l-oħrajn, mill-għadd ta’ fornituri u klijenti attivi fis-suq u mill-pożizzjonijiet tas-suq rispettivi tagħhom. Is-sempliċi fatt li, f’dawk il-kundizzjonijiet, klijent wieħed ikun lest iħallas aktar u ieħor inqas għall-istess tip ta’ prodott ma jiġġustifikax aġġustament ’l isfel għal dan tal-aħħar u aġġustament ’il fuq għal dak tal-ewwel jew kwalunkwe esklużjoni mill-valur normali. Tali differenzi fil-prezzijiet jistgħu sempliċiment jirriflettu l-forzi normali tas-suq u għalhekk jenħtieġ li jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tal-valur normali f’ekonomija tas-suq soġġetta għal kundizzjonijiet kompetittivi normali. Il-fatt li CSC jinzerta jkun l-uniku produttur domestiku attiv fis-segment rilevanti, fih innifsu ma jfissirx li jista’ jitlob primjum għal dik ir-raġuni. CSC jibqa’ soġġett għal restrizzjonijiet kompetittivi, peress li s-segment huwa miftuħ għall-importazzjonijiet u għad-dħul minn produtturi domestiċi oħra. Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti jekk CSC seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni, kemm jekk permezz ta’ mġiba unilaterali kif ukoll permezz ta’ ftehimiet ma’ parteċipanti oħra fis-suq. Madankollu, CSC ma affermax li dan huwa l-każ.

(482)

Għar-raġunijiet kollha ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(483)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, fir-rigward tad-differenzi fiżiċi u tal-konfutazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (468), CSC Group afferma li l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi applikabbli għall-prodotti awtomotivi ma kinux tikketti kummerċjali mwaħħla ma’ prodotti li altrimenti kienu identiċi. Minflok, CSC Group immanifattura s-CRF ikkonċernati f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa mill-manifattur individwali tal-karozzi. L-iskop tal-istandards tekniċi huwa li jiddefinixxu l-karatteristiċi li l-azzar għandu jkollu sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-manifattur.

(484)

Il-Kummissjoni nnotat li CSC Group iddeskriva s-sempliċi proċess ta’ adattament tal-prodotti fuq talba ta’ klijent. Tali adattament, preċiżament minħabba li huwa individwalizzat, ma jiddefinix karatteristika fiżika speċifika jew sett omoġenju ta’ karatteristiċi fiżiċi li jippermettu li ssir distinzjoni bejn is-CRF destinati għas-settur awtomobilistiku u CRF oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(485)

Barra minn hekk, CSC Group afferma li l-Kummissjoni, sa fejn sabet fil-premessa (470) li CSC Group naqas milli juri li r-rekwiżiti fiżiċi tas-setturi tal-karozzi rriżultaw f’iffissar distint tal-prezzijiet, irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ differenza fil-karatteristiċi fiżiċi.

(486)

Il-Kummissjoni nnotat li l-premessa (470) sempliċiment fakkret l-affermazzjoni li CSC Group naqas milli jissostanzja. Għalhekk, hija ċaħdet din l-affermazzjoni.

(487)

It-tieni, fir-rigward tad-differenzi fiżiċi, CSC Group afferma li l-Kummissjoni żbaljat meta sabet li r-rekwiżiti fiżiċi tas-setturi tal-karozzi ma kinux jirriżultaw f’iffissar distint tal-prezzijiet. CSC Group argumenta li kien ipprovda biżżejjed evidenza li turi effett fuq il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Din l-evidenza kienet tinkludi: (i) speċifikazzjonijiet u standards tekniċi stretti, (ii) il-proċess ta’ kwalifika eżiġenti li l-manifatturi tal-karozzi jirrikjedu għall-kisba tal-istatus ta’ bejjiegħ kwalifikat, u (iii) iż-żamma taċ-ċertifikazzjoni tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Kwalità ISO/TS16949 speċifika għall-karozzi. Dawn il-kwalifiki u ċ-ċertifikazzjonijiet għamlu l-bdil tal-fornituri aktar ta’ piż għall-klijenti tas-settur tal-karozzi u wasslu biex jieħu aktar ħin, u b’hekk naqqsu l-kompetizzjoni u l-elastiċità tal-prezzijiet. Dan spjega l-fatt li CSC Group kien l-uniku bejjiegħ kwalifikat ta’ ċerti prodotti tas-CRF mibjugħa lill-utenti finali fis-settur tal-karozzi fit-Tajwan. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rreġistrat fir-rapport tal-missjoni tas-CSC li s-segment awtomobilistiku kien aktar profittabbli meta mqabbel ma’ segmenti oħra tal-kojls u li l-eżistenza ta’ primjum tal-prezz għall-prodotti awtomobilistiċi kienet ikkorroborata bis-sħiħ mit-traċċar intern tal-bejgħ ta’ CSC Group u mill-katalgu uffiċjali tal-prezzijiet domestiċi.

(488)

Mill-bidu, il-Kummissjoni nnotat li CSC Group kien elenka b’mod espliċitu dawn l-elementi bħala rilevanti skont l-affermazzjoni tiegħu għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi. Għalhekk, il-Kummissjoni vvalutathom minn dan l-angolu, għalkemm dehru li ma kinux effettivi għal din l-affermazzjoni. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li CSC Group naqas milli jissostanzja l-affermazzjoni tiegħu dwar id-differenzi allegati fil-karatteristiċi fiżiċi, peress li ma ppreżenta l-ebda element ġdid b’appoġġ għall-affermazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li dan it-tip ta’ bejgħ fis-suq domestiku ma kienx l-uniku wieħed soġġett għal normi speċifiċi. Pereżempju, il-bejgħ lill-utenti fis-settur tal-karozzi fl-Unjoni kien soġġett ukoll għall-istandards tan-Nomenklatura Ewropea. Barra minn hekk, l-istatus tal-bejjiegħ kwalifikat u r-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti ma kinux jiddefinixxu l-karatteristiċi fiżiċi iżda kienu kundizzjonijiet kummerċjali ordinarji li jirriżultaw minn għażla deliberata tal-klijenti ta’ CSC Group. Għalhekk, il-Kummissjoni tenniet li l-evidenza msemmija minn CSC Group naqset milli turi l-eżistenza ta’ karatteristika fiżika speċifika waħda jew aktar li tiddistingwi l-prodotti tas-CRF maħsuba għas-settur awtomobilistiku minn tipi oħra ta’ prodotti tas-CRF. Is-CSC identifikat il-bejgħ lis-settur tal-karozzi fis-sistema interna tagħha, bħalma identifikat ukoll tipi oħra ta’ azzar bħall-azzar għall-għodod jew għall-btieti, sempliċiment abbażi tal-użu finali u tal-klijent. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li s-sistema tas-CSC ma għamlitx distinzjoni bejn is-CRF mibjugħa lil manifattur tal-karozzi, li għalih is-CSC kienet bejjiegħ kwalifikat, u s-CRF mibjugħa lil negozjant ta’ parts tal-karozzi, li għalih is-CSC ma kinitx bejjiegħ kwalifikat. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza sostanzjata li tiżola l-impatt tal-karatteristiċi fiżiċi minn fatturi kummerċjali normali oħra, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni ta’ CSC Group.

(489)

CSC Group afferma li l-Kummissjoni kienet timponi oneru tal-provi li kien impossibbli li jiġi ssodisfat, ogħla mill-istandard applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Sinopec (122). CSC Group afferma li wera li jeżistu d-differenzi rilevanti u li dawn jikkoinċidu ma’ primjum tal-prezz sostanzjali u konsistenti.

(490)

Il-Kummissjoni qieset li CSC Group naqas milli jistabbilixxi li ċ-ċirkostanzi fattwali kienu rilevanti għall-komparabbiltà tal-prezzijiet u li neċessarjament affettwawha. F’dan ir-rigward, CSC Group issottometta affermazzjoni mħallta skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku bbażata fuq taħlita ta’ fatturi li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(10)(a) u l-Artikolu 2(10)(d)(i) tiegħu. Madankollu, fl-aħħar affermazzjoni tiegħu msemmija fil-premessa (487), CSC Group naqas milli jispeċifika liema elementi individwali ġġustifikaw liema aġġustament speċifiku. Fi kliem ieħor, CSC Group identifika differenza fil-prezz fis-suq domestiku skont klijent, li, kif spjegat fil-premessa (481), hija okkorrenza normali f’suq ħieles li jenħtieġ li tiġi riflessa fil-valur normali, pjuttost milli tiġi eliminata minnu. Imbagħad, CSC Group naqas milli jispjega dik id-differenza fil-prezz f’termini ta’ fatturi konkreti li jaffettwaw il-prezzijiet kif meħtieġ mill-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Mingħajr tali konnessjoni, ma hemm l-ebda raġuni għall-aġġustament. Sempliċi differenza fil-prezz ma turix neċessarjament primjum tal-prezz; mingħajr l-ebda rabta dimostrabbli ma’ fattur konkret, hija okkorrenza ordinarja tas-suq li ssawwar il-valur normali għal tip ta’ prodott partikolari. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ distinzjoni ċara u sostanzjar xieraq tar-raġunijiet legali affermati, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(491)

CSC Group tenna wkoll l-affermazzjoni tiegħu dwar ir-rilevanza tal-kost tal-produzzjoni, diġà indirizzata fil-premessa (470).

(492)

It-tielet, fir-rigward tad-differenza allegata fil-livell tal-kummerċ, CSC Group afferma li l-bejgħ tiegħu lis-settur tal-karozzi kien ikkaratterizzat minn status ta’ bejjiegħ kwalifikat, proċeduri ta’ ċertifikazzjoni tal-prodott eżiġenti, rekwiżiti ta’ produzzjoni u ta’ kwalità speċifiċi għall-manifattur, u ċertifikazzjoni tal-ġestjoni tal-kwalità speċifika għall-karozzi. CSC Group argumenta li dawn ir-rekwiżiti ma kinux preżenti bl-istess mod fil-bejgħ tiegħu lil klijenti industrijali oħra. Barra minn hekk, CSC Group afferma li peress li l-Artikolu 2(10)(d)(i) tar-Regolament bażiku rrikonoxxa b’mod espliċitu li d-differenzi fil-livell tal-kummerċ jistgħu jinkludu “kwalunkwe differenza li tista’ tirriżulta fil-bejgħ tal-OEM (manifattur tat-tagħmir oriġinali)”, il-kunċett tal-livell tal-kummerċ kien jinkludi aktar mis-sempliċi pożizzjoni tal-klijent fil-katina tad-distribuzzjoni.

(493)

Il-Kummissjoni qieset li l-istatus ta’ bejjiegħ kwalifikat, il-proċeduri eżiġenti ta’ ċertifikazzjoni għall-prodott , il-produzzjoni speċifika għall-manifattur, ir-rekwiżiti tal-kwalità, u ċ-ċertifikazzjoni tal-ġestjoni tal-kwalità speċifika għall-karozzi ma kinux jikkostitwixxu differenzi fil-livell tal-kummerċ. Pereżempju, il-fatt li bejjiegħ kienx kwalifikat jew le ma biddilx il-funzjonijiet tiegħu bħala produttur li jbigħ. Ir-referenza għal “differenzi li jistgħu jinħolqu fil-bejgħ tal-FOT (Fabbrikant Oriġinali tat-Tagħmir)” fl-Artikolu 2(10)(d)(i) tar-Regolament bażiku tittratta aġġustamenti fejn ikun hemm differenza fil-prezzijiet bejn prodotti bil-marka proprja (bejgħ ta’ Manifattur tal-Marka Proprja jew bejgħ OBM) u bejgħ OEM, b’dan tal-aħħar ikun bejgħ lil xerrejja li normalment ibigħu mill-ġdid il-prodott taħt il-marka tagħhom stess u jwettqu l-funzjonijiet, u jġarrbu l-kostijiet korrispondenti, b’mod partikolari l-kostijiet ta’ wara l-bejgħ u ta’ reklamar. Fil-każ tas-CSC, ma hemm l-ebda differenza bħal din fil-bejgħ peress li l-bejgħ kollu tagħha kien bil-marka tagħha stess. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li CSC Group ma tax prova li, f’dan il-każ, il-bejgħ OEM kien jikkostitwixxi livell differenti ta’ kummerċ. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(494)

Ir-raba’, fir-rigward tad-differenzi f’fatturi oħra, CSC Group afferma li kien identifika diversi fatturi speċifiċi għall-bejgħ lis-settur tal-karozzi li ma kinux, jew għall-inqas mhux neċessarjament kienu, koperti mis-subparagrafi l-oħra tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Dawn il-fatturi kienu jinkludu: (i) proċeduri ta’ ċertifikazzjoni eżiġenti applikabbli għall-fornituri tas-settur tal-karozzi, (ii) kuntratti fit-tul u ftehimiet tekniċi li jirrikjedu konformità stretta mas-sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità u mal-istandards tal-proċessi tal-manifatturi tal-karozzi. Filwaqt li rrikonoxxa li ċerti rekwiżiti, bħall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi speċifiċi għall-manifattur, jistgħu jiġu riflessi fil-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott u għalhekk jaqgħu fl-Artikolu 2(10)(a), CSC Group argumenta li fatturi oħra, bħall-proċess ta’ kwalifika u ċertifikazzjoni nnifsu, ma kinux neċessarjament jikkostitwixxu differenza fiżika. Konsegwentement, sabiex jitqies l-effett ikkombinat ta’ dawn il-fatturi, li ma kinux kollha jaqgħu fil-kategoriji speċifiċi elenkati fis-subparagrafi preċedenti tal-Artikolu 2(10), huwa bbaża ruħu, alternattivament, fuq l-Artikolu 2(10)(k). Skont CSC Group, l-affermazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(k) ma kinitx tiddependi biss fuq l-eżistenza ta’ prezzijiet domestiċi differenti, iżda fuq fatturi sottostanti speċifiċi li juru li l-klijenti tal-karozzi konsistentement ħallsu prezzijiet sostanzjalment ogħla meta dawk il-fatturi kienu preżenti.

(495)

Mill-bidu, il-Kummissjoni nnotat li, kif stabbilit fil-premessa (487), CSC Group kien elenka wkoll il-proċess ta’ kwalifika u ċertifikazzjoni, kif ukoll il-konformità mar-rekwiżiti tal-manifatturi tal-karozzi, fost il-fatturi li jappoġġaw affermazzjoni għal aġġustament għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku. Fl-argument sussegwenti tiegħu, madankollu, CSC Group irrikonoxxa li l-proċess ta’ kwalifika u ċertifikazzjoni ma kienx neċessarjament jikkostitwixxi differenza fiżika. Fir-rigward tal-fatturi li jifdal, il-Kummissjoni tenniet il-fehma tagħha li l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni eżiġenti, kuntratti fit-tul u ftehimiet tekniċi li jirrikjedu konformità stretta mar-rekwiżiti tal-manifatturi tal-karozzi ma ddeterminawx il-prezzijiet waħedhom. Il-livelli tal-ipprezzar irriżultaw ukoll mill-għażliet kummerċjali tal-klijenti kkonċernati. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (490), differenza fil-prezz fiha nnifisha ma turix primjum tal-prezz. Din tista’ bl-istess mod turi tnaqqis fil-prezz għall-bejgħ mhux lis-settur tal-karozzi u għalhekk, mingħajr l-ebda rabta konkreta ma’ fattur partikolari, hija okkorrenza normali tas-suq li jenħtieġ li tiġi riflessa fil-valur normali għal tip ta’ prodott partikolari matul it-tqabbil mal-prezz tal-esportazzjoni minflok ma tiġi newtralizzata. Konsegwentement, dawn l-elementi kienu jikkostitwixxu kundizzjonijiet kummerċjali ordinarji u, mingħajr l-ebda rabta konkreta ma’ primjum tal-prezz, ma jikkwalifikawx bħala fattur li jaffettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(496)

Il-ħames, CSC Group tenna r-rilevanza tal-miżuri ta’ salvagwardja dwar l-azzar imsemmija fil-premessa (464) u tal-investigazzjoni dwar l-ABS imsemmija fil-premessa (466), li fuqha l-Kummissjoni żammet l-opinjoni espressa fil-premessa (479).

(497)

Fl-aħħar nett, CSC Group afferma kontradizzjoni bejn id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-paragrafu 356 tad-Dokument ta’ Divulgazzjoni Ġenerali (riflessa fil-premessa (462)) li skontha “il-prezzijiet għoljin jistgħu jiġu spjegati mill-fatt li CSC Group kien l-uniku produttur domestiku attiv fis-segment allegat A”, u d-dikjarazzjoni fil-premessa (481) li skontha, il-fatt li nzerta li s-CSC kienet l-uniku produttur domestiku attiv fis-segment rilevanti, fih innifsu ma kienx ifisser li setgħet titlob primjum għal dik ir-raġuni. CSC Group allega li l-mistoqsija baqgħet dwar jekk it-tqabbil tal-prezzijiet domestiċi tal-prodotti għall-karozzi ffurmati skont il-pożizzjoni kompetittiva partikolari ta’ CSC Group mal-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ CSC Group iffurmati f’kundizzjonijiet kompetittivi differenti wassalx għal tqabbil ġust.

(498)

Il-Kummissjoni nnotat li l-kontradizzjoni apparenti bejn il-paragrafu 356 fid-Dokument ta’ Divulgazzjoni Ġenerali (riflessa fil-premessa (462)) u l-premessa (481) irriflettiet l-evoluzzjoni tal-valutazzjoni tagħha tal-kundizzjonijiet tas-suq rilevanti u tal-pożizzjoni ta’ CSC Group fis-segment ikkonċernat matul l-investigazzjoni. Il-paragrafu 356 kien ibbażat fuq l-ipoteżi inizjali li CSC Group jista’ jisfrutta l-pożizzjoni tiegħu fis-suq biex jitlob prezzijiet ogħla. Madankollu, analiżi aktar dettaljata stabbiliet li s-segment kien miftuħ għall-kompetizzjoni kemm mill-fornituri domestiċi kif ukoll mill-esportaturi. F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni kkonkludiet li CSC Group jista’ jsostni l-primjum tal-prezz allegat biss jekk il-kompetizzjoni f’dak is-segment tkun ristretta, jew permezz ta’ mġiba unilaterali jew f’koordinazzjoni ma’ parteċipanti oħra fis-suq. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza jew saħansitra affermazzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali restrizzjonijiet, l-ipoteżi inizjali sottostanti għall-paragrafu 356 ma setgħetx tiġi sostnuta, kif spjegat fil-premessa (462). Fil-fatt, fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, CSC Group ma kkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (481), iżda minflok indika l-kontradizzjoni allegata. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

3.4.5.2.   Aġġustamenti magħmula għall-prezz tal-esportazzjoni

(499)

Sabiex il-prezz tal-esportazzjoni jiġi nnettjat lura għal-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, saru aġġustamenti fir-rigward ta’: id-dazju doganali, imposti oħrajn fuq l-importazzjoni, it-trasport tal-merkanzija, l-assigurazzjoni, l-ispejjeż tal-immaniġġar, tat-tagħbija u spejjeż anċillari.

(500)

Saru provvedimenti għall-fatturi li ġejjin li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet: l-imposti bankarji, il-kummissjonijiet u, għal CSC biss, il-kost tal-kreditu.

3.4.6.   Marġnijiet tad-dumping

(501)

Għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip tal-prodott simili mal-prezz medju ponderat tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(502)

Matul iż-żjara ta’ verifika, CSC Group ipprovda verżjoni simplifikata tal-kontijiet tal-profitt u t-telf ta’ wieħed mill-kummerċjanti mhux relatati tiegħu f’pajjiżi terzi, involut f’bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, sabiex tali spejjeż ikunu jistgħu jintużaw biex jiġi stabbilit il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, użat bħala denominatur sabiex il-marġni tad-dumping jiġi espress bħala dazju.

(503)

Madankollu, il-kostijiet u l-profitti rrapportati f’tali kontijiet tal-profitt u t-telf ma kinux ikopru lill-kummerċjanti kollha, filwaqt li kienu jinkludu l-operazzjonijiet ta’ dak il-kummerċjant relatati ma’ negozju ieħor u prodotti oħrajn minbarra l-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, it-tip ta’ kostijiet inklużi fl-SG & A għal dak il-kummerċjant mhux relatat ma kienx speċifiku biżżejjed biex jiġi evitat l-għadd doppju ta’, pereżempju, il-kostijiet tat-trasport jew kostijiet oħrajn. Fl-aħħar nett, l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma xeħet dawl fuq jekk il-valur finali tal-merkanzija bil-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni kienx jinkludi kemm il-kostijiet imġarrba kif ukoll l-allegati profitti realizzati minn dawk l-intermedjarji.

(504)

Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(505)

Abbażi ta’ dan, il-marġnijiet tad-dumping medji ponderati definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

—

China Steel Corporation

—

Chung Hung Steel Corporation

33,3

(506)

Għall-produttur esportatur li kkoopera li ma huwiex inkluż fil-kampjun, il-Kummissjoni ġeneralment tikkalkula l-marġni tad-dumping medju ponderat, f’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet kampjun ta’ grupp wieħed biss ta’ produtturi esportaturi fit-Tajwan. Għalhekk, dak il-marġni kien jikkorrispondi għall-marġni tal-grupp ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(507)

Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping definittiv tal-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma kinux inklużi fil-kampjun huwa ta’ 33,3 %.

(508)

Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fit-Tajwan, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dumping abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta’ kooperazzjoni huwa l-volum ta’ esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni espress bħala proporzjon tal-importazzjonijiet totali mit-Tajwan lejn l-Unjoni fil-PI, li ġew stabbiliti abbażi tal-Eurostat.

(509)

Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ huwa baxx minħabba li l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu madwar [60-70 %] tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-PI. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping residwu fil-livell tal-ogħla marġnijiet stabbiliti għat-tipi ta’ prodotti li jirrappreżentaw aktar minn 5 % tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni minn CSC Group.

(510)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

—

China Steel Corporation

—

Chung Hung Steel Corporation

33,3

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

33,3

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Tajwan

59,6

3.5.   It-Turkija

3.5.1.   Sitwazzjoni partikolari tas-suq: effett ta’ espulsjoni

3.5.1.1.   Analiżi

(511)

Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ PMS fis-suq tat-Turkija minħabba l-effett ta’espulsjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi tas-CRF, il-Kummissjoni wettqet l-analiżi li ġejja: l-ewwel nett, il-Kummissjoni analizzat il-grad ta’ penetrazzjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi fis-suq domestiku tat-Turkija f’termini ta’ volum; it-tieni, il-Kummissjoni analizzat l-impatt ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet fis-suq domestiku tat-Turkija.

(512)

Il-Kummissjoni eżaminat indikaturi għall-pajjiż kollu u indikaturi fil-livell tal-kumpaniji abbażi tad-data pprovduta mill-GTT u mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, rispettivament. Iż-żewġ settijiet ta’ data ġew ivverifikati fuq il-post, kif indikat fil-premessa (104).

3.5.1.2.   Konsum

(513)

Il-Kummissjoni ddeterminat il-konsum kaptiv abbażi tal-użu kaptiv irrapportat mill-GTT għal kull produttur Tork tas-CRF. Ma ġie rrapportat l-ebda bejgħ kaptiv. Il-konsum fis-suq ħieles ġie stabbilit bħala somma tal-bejgħ domestiku fis-suq ħieles u l-importazzjonijiet. Is-somma tal-konsum kaptiv u tal-konsum fis-suq ħieles tirrappreżenta l-konsum totali tas-CRF fit-Turkija.

(514)

Il-konsum tas-CRF fit-Turkija evolva kif ġej:

Tabella 16

Konsum (f’tunnellati)  (123)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Konsum kaptiv

[2 795 000 - 3 453 000 ]

[2 414 000 - 2 982 000 ]

[2 799 000 - 3 458 000 ]

[3 020 000 - 3 730 000 ]

Indiċi (2022=100)

100

86

100

108

Konsum fis-suq ħieles

[2 467 000 - 3 048 000 ]

[2 601 000 - 3 213 000 ]

[2 332 000 - 2 881 000 ]

[2 365 000 - 2 921 000 ]

Indiċi (2022=100)

100

105

95

96

Konsum totali

6 191 841

5 900 957

6 037 586

6 335 628

Indiċi (2022=100)

100

95

98

102

(123)  Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, id-data tiġi divulgata f’firxiet.

Sors:

Ikkalkolat abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-GTT u tat-tweġibiet għan-nuqqasijiet.

(515)

Il-prodotti tal-azzar ċatti llaminati fil-kiesaħ jistgħu jiġu pproċessati aktar f’azzar galvanizzat jew f’azzar miksi b’materjal organiku (miżbugħ minn qabel). Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-konsum tas-CRF għall-manifattura ta’ prodotti downstream naqas bejn l-2022 u l-2023. Fl-2024, dan reġa’ lura għal-livell tal-2022 u kompla jikber fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-konsum kaptiv tas-CRF fit-Turkija kien 8 % ogħla milli kien fl-2022.

(516)

Il-konsum fis-suq ħieles żdied b’5 % fl-2023. Madankollu, sussegwentement, fl-2024, dan naqas u baqa’ f’livell simili fil-perjodu ta’ investigazzjoni. B’kollox, il-konsum fis-suq ħieles naqas b’4 % bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni.

(517)

Il-konsum totali naqas temporanjament fl-2023 (-5 %), imbagħad varja qrib il-livelli tal-2022 fl-2024 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

3.5.1.3.   Evoluzzjoni tal-volumi u tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u minn pajjiżi terzi oħrajn

(518)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tal-istatistika kummerċjali pprovduta mill-GTT. L-ishma mis-suq ġew iddeterminati billi l-volumi tal-importazzjonijiet tqabblu mal-konsum fis-suq ħieles fit-Turkija.

(519)

L-importazzjonijiet tas-CRF fit-Turkija evolvew kif ġej:

Tabella 17

Volumi tal-importazzjonijiet u ishma mis-suq  (124)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-Korea

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati)

161 306

375 954

271 828

329 904

Indiċi (2022=100)

100

233

169

205

Sehem mis-suq (%)

[5,3 -6,5 ]

[11,7 -14,5 ]

[9,4 -11,7 ]

[11,3 -13,9 ]

Indiċi (2022=100)

100

221

178

213

L-Unjoni Ewropea

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati)

148 683

274 473

282 910

250 710

Indiċi (2022=100)

100

185

190

169

Sehem mis-suq (%)

[4,9 -6,0 ]

[8,5 -10,6 ]

[9,8 -12,1 ]

[8,6 -10,6 ]

Indiċi (2022=100)

100

175

201

176

Ir-Russja

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati)

323 019

205 107

153 141

230 198

Indiċi (2022=100)

100

63

47

71

Sehem mis-suq (%)

[10,6 -13,1 ]

[6,4 -7,9 ]

[5,3 -6,6 ]

[7,9 -9,7 ]

Indiċi (2022=100)

100

60

50

74

Ir-RPĊ

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati)

247 884

272 577

166 683

210 997

Indiċi (2022=100)

100

110

67

85

Sehem mis-suq (%)

[8,1 -10 ]

[8,5 -10,5 ]

[5,8 -7,1 ]

[7,2 -8,9 ]

Indiċi (2022=100)

100

104

71

89

Ir-Renju Unit

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati)

14 667

29 200

16 515

9 581

Indiċi (2022=100)

100

199

113

65

Sehem mis-suq (%)

[0,5 -0,6 ]

[0,9 -1,1 ]

[0,6 -0,7 ]

[0,3 -0,4 ]

Indiċi (2022=100)

100

189

119

68

Il-bqija tad-dinja

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati)

82 978

81 601

27 834

22 370

Indiċi (2022=100)

100

98

34

27

Sehem mis-suq (%)

[2,7 -3,4 ]

[2,5 -3,1 ]

[1 -1,2 ]

[0,8 -0,9 ]

Indiċi (2022=100)

100

93

35

28

Importazzjonijiet totali

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati)

978 538

1 238 912

918 911

1 053 760

Indiċi (2022=100)

100

127

94

108

Sehem mis-suq (%)

[32,1 -39,7 ]

[38,6 -47,6 ]

[31,9 -39,4 ]

[36,1 -44,6 ]

Indiċi (2022=100)

100

120

99

112

(124)  Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, is-sehem mis-suq jiġi divulgat f’firxiet.

Sors:

It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-GTT u t-tweġibiet għan-nuqqasijiet.

(520)

L-importazzjonijiet totali żdiedu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (+8 %), inkluża żieda sinifikanti fl-2023 (+27 %). Is-sehem mis-suq tagħhom żdied bi 12 % jew [4-4,9] p.p. Is-CRF importat oriġina prinċipalment mill-Korea, mill-Unjoni, mir-Russja u mir-RPĊ.

(521)

L-importazzjonijiet mir-RPĊ varjaw fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fl-2023, dawn żdiedu b’10 % meta mqabbla mal-2022. Fl-2024, dawn naqsu għal inqas minn 70 % tal-volum tal-2022. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, dawn irkupraw parzjalment u laħqu 85 % tal-volum tal-2022. Is-sehem mis-suq tas-CRF Ċiniżi fit-Turkija varja b’mod korrispondenti. Dan żdied bi ftit b’4 % jew [0,4-0,5] p.p. fl-ewwel sentejn tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni, imbagħad naqas bi [2,7-3,2] p.p. fl-2024. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, dan laħaq [7,2-8,9] %.

(522)

L-importazzjonijiet mill-Korea irdoppjaw fil-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda kienet partikolarment evidenti bejn l-2022 u l-2023 meta l-volumi tal-importazzjonijiet żdiedu b’133 %. Fl-2024, l-importazzjonijiet baqgħu ferm ogħla mil-livell tal-2022 (+69 %) u komplew jiżdiedu fil-perjodu ta’ investigazzjoni sabiex laħqu l-livell ta’ 205 % tal-2022.

(523)

Meta jitqies is-suq domestiku li qed jiċkien, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Koreani kiber saħansitra aktar mill-volum tagħhom. Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, dan żdied minn [5,3-6,5] % fl-2022 għal [11,3-13,9] % fil-perjodu ta’ investigazzjoni, li jirrappreżenta tkabbir ta’ 113 %.

(524)

L-importazzjonijiet mill-Unjoni żdiedu b’90 % bejn l-2022 u l-2024. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, dawn naqsu iżda baqgħu 69 % ogħla milli fl-2022. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Unjoni żdied b’76 % minn [4,9-6,0] % fl-2022 għal [8,6-10,6] % fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(525)

L-importazzjonijiet mir-Russja naqsu bi kważi 30 % fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Is-sehem mis-suq tagħhom naqas minn [10,6-13,1] % fl-2022 għal [7,9-9,7] % fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(526)

Għalkemm ir-Renju Unit kien il-ħames l-aktar sors importanti ta’ CRF importati fit-Turkija, dan kien ferm lura mill-aqwa erba’ pajjiżi ta’ oriġini b’volumi ta’ importazzjonijiet li qed jonqsu (-35 %) u ishma mis-suq negliġibbli (bejn 0,3 % u 1,1 % fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, filwaqt li l-aktar sehem baxx mis-suq ġie osservat fil-perjodu ta’ investigazzjoni).

3.5.1.4.   Il-volumi tal-bejgħ domestiku, is-sehem mis-suq, il-prezzijiet domestiċi u l-prezzijiet tal-importazzjoni

(527)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volumi tal-bejgħ domestiku abbażi tad-data miġbura mill-GTT mingħand il-produtturi Torok tas-CRF. Is-sehem mis-suq tal-bejgħ domestiku ġie ddeterminat billi l-volumi tal-bejgħ domestiku tqabblu mal-konsum fis-suq ħieles fit-Turkija.

(528)

Il-volum tal-bejgħ domestiku, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-bejgħ domestiku evolvew kif ġej:

Tabella 18

Volum tal-bejgħ domestiku u sehem mis-suq

 

2022

2023

2024

PI

Volum tal-bejgħ domestiku (tunnellati)

1 924 449

1 821 160

1 825 216

1 728 873

Indiċi (2022=100)

100

95

95

90

Sehem mis-suq (%)

66,3

59,5

66,5

62,1

Indiċi (2022=100)

100

90

100

94

Prezz tal-bejgħ domestiku (TRY/tunnellata)

16 708

20 199

25 968

26 718

Indiċi (2022=100)

100

121

155

160

Prezz tal-bejgħ domestiku bil-prezzijiet storiċi tal-2022 (TRY/tunnellata)

16 708

15 674

15 119

14 502

Indiċi (2022=100)

100

94

90

87

Sors:

Tweġiba għall-Kwestjonarju tal-GTT u tweġiba għan-nuqqasijiet.

(529)

Il-bejgħ domestiku naqas b’mod kostanti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-volum tal-bejgħ mill-produtturi Torok tas-CRF fis-suq domestiku tagħhom tnaqqas b’10 % meta mqabbel mal-2022.

(530)

Is-sehem mis-suq tal-bejgħ domestiku naqas b’mod korrispondenti. Bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, il-produtturi Torok tas-CRF tilfu 6 % tas-suq domestiku tagħhom. Fl-2023, il-volumi tal-importazzjonijiet żdiedu b’mod sinifikanti, u dan issarraf fi tnaqqis konsiderevoli fis-sehem tal-bejgħ domestiku fis-suq Tork tas-CRF (-10 %).

(531)

Il-prezz tal-bejgħ domestiku nominali żdied b’mod sinifikanti (+60 %). Meta ġie kkoreġut għall-effett tal-inflazzjoni, dan naqas kontinwament matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, dan kien 13 % inqas milli kien fl-2022.

(532)

Il-Kummissjoni qabblet ukoll il-prezzijiet domestiċi mal-prezzijiet tal-importazzjonijiet matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għall-fini ta’ dan it-tqabbil, il-Kummissjoni użat il-prezzijiet nominali fi TRY għal kull tunnellata ta’ CRF.

Tabella 19

Il-prezz tal-bejgħ domestiku u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet (TRY/tunnellata)

 

2022

2023

2024

PI

Prezz tal-bejgħ domestiku

16 708

20 199

25 968

26 718

Prezzijiet tal-importazzjonijiet

17 428

19 752

27 373

26 978

Proporzjon tal-prezz tal-importazzjoni/prezz domestiku

1,04

0,98

1,05

1,01

Il-Korea

17 188

18 085

25 063

25 559

Proporzjon tal-prezz tal-importazzjoni/prezz domestiku

1,03

0,90

0,97

0,96

L-Unjoni Ewropea

19 407

26 286

32 957

34 121

Proporzjon tal-prezz tal-importazzjoni/prezz domestiku

1,16

1,30

1,27

1,28

Il-Federazzjoni Russa

16 215

17 789

22 994

22 450

Proporzjon tal-prezz tal-importazzjoni/prezz domestiku

0,97

0,88

0,89

0,84

Ir-RPĊ

18 927

18 053

26 127

25 646

Proporzjon tal-prezz tal-importazzjoni/prezz domestiku

1,13

0,89

1,01

0,96

Ir-Renju Unit

13 282

16 300

20 766

21 606

Proporzjon tal-prezz tal-importazzjoni/prezz domestiku

0,79

0,81

0,80

0,81

Sors:

Tweġiba għall-Kwestjonarju tal-GTT u tweġiba għan-nuqqasijiet.

(533)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet baqgħu ogħla mil-livell tal-prezzijiet domestiċi matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni bl-eċċezzjoni tal-2023. Madankollu, il-medja kienet influwenzata ħafna mill-importazzjonijiet mill-Unjoni, li kienu sa 30 % ogħla mill-prezzijiet domestiċi (fl-2023). Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezzijiet tas-CRF importati mill-Unjoni qabżu l-prezzijiet domestiċi bi 28 %.

(534)

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ kien 13 % ogħla mill-prezzijiet domestiċi fl-2022, imbagħad naqas għal-livell ta’ 89 % tal-prezzijiet domestiċi fl-2023. Fil-perjodu ta’ wara (2024, il-perjodu ta’ investigazzjoni), dawn baqgħu bejn wieħed u ieħor fl-istess livell tal-prezzijiet domestiċi.

3.5.1.5.   Konklużjoni

(535)

Għalkemm il-bejgħ domestiku tal-produtturi Torok tas-CRF naqas b’rata aktar mgħaġġla mill-konsum fis-suq ħieles, dawn żammew sehem dominanti fis-suq Tork tas-CRF. Iż-żieda totali tal-importazzjonijiet kienet xprunata prinċipalment mill-importazzjonijiet mill-Korea u mill-Unjoni. L-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu u tilfu s-sehem mis-suq fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, ir-RPĊ ikklassifikat biss fir-raba’ post f’termini ta’ oriġini tas-CRF importati wara l-Korea, l-Unjoni u r-Russja.

(536)

F’termini ta’ prezzijiet, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kienu f’livelli simili għall-prezzijiet domestiċi, filwaqt li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi fornituri oħrajn, jiġifieri l-Unjoni, kienu ogħla b’mod sinifikanti.

(537)

Meta jitqiesu l-volumi, il-prezzijiet u l-ishma mis-suq tal-bejgħ domestiku mill-produtturi Torok tas-CRF, kif ukoll il-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina, mill-Korea u mill-Unjoni, il-Kummissjoni sabet li l-penetrazzjoni fis-suq minn CRF ta’ oriġini Ċiniża kienet pjuttost modesta u ma setgħetx taffettwa b’mod sinifikanti l-prezzijiet fis-suq Tork tas-CRF. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet Ċiniżi ma ħolqux PMS fis-suq Tork.

3.5.2.   L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku

3.5.2.1.   Tatmetal Çelik Sanayi ve Ticaret A. Ş. (“Tatmetal”)

(538)

Il-Kummissjoni informat fin-Notifika tal-Bidu u fl-ittra li takkumpanja l-kwestjonarju mibgħuta lil Tatmetal fit-18 ta’ Settembru 2025, li fejn instab li kwalunkwe parti interessata pprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli.

(539)

Fis-16 ta’ April 2026, il-Kummissjoni informat lil Tatmetal bl-intenzjoni tagħha li tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku minħabba għadd ta’ kwistjonijiet li ħarġu matul iż-żjara ta’ verifika.

(540)

L-ewwel nett, fir-rigward tal-azzar kompletament iebes, Tatmetal għamlet għażla deliberata biex tbiddel il-kostruzzjoni tan-Numru ta’ Kontroll tal-Prodott u informat lill-Kummissjoni biss matul il-verifika fuq il-post. Din l-irregolarità affettwat kemm it-tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku kif ukoll dawk tal-bejgħ għall-esportazzjoni.

(541)

It-tieni, il-Kummissjoni identifikat il-bejgħ, fil-perjodu ta’ investigazzjoni, tal-prodott taħt investigazzjoni lejn iż-żoni ta’ kummerċ ħieles fit-Turkija lil klijenti li pproċessaw prodotti tal-azzar ċatti llaminati fil-kiesaħ fi prodotti downstream ta’ karatteristiċi u użu differenti, eż. oġġetti tal-kċina. Dan il-bejgħ ġie kklassifikat bħala bejgħ ieħor u ma ġiex irrapportat bħala bejgħ domestiku, u lanqas bħala bejgħ lejn l-UE.

(542)

It-tielet, Tatmetal irrapportat żewġ settijiet separati ta’ rati tal-kambju: ir-rati tal-kambju applikabbli għall-bejgħ domestiku ġew estratti mis-sistema kontabilistika tal-kumpanija, filwaqt li r-rati tal-kambju applikabbli għall-bejgħ tal-UE ġew irrapportati mill-fattura doganali. Il-Kummissjoni identifikat diversi każijiet ta’ rati tal-kambju li ma jaqblux fl-istess data rrapportata mis-sistema kontabilistika tal-kumpanija. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li r-rati tal-kambju doganali użati fil-bejgħ lill-Unjoni lil klijenti mhux relatati għall-istess dati kienu aktar baxxi mir-rati tal-kambju rrapportati mis-sistema kontabilistika tal-kumpanija.

(543)

Ir-raba’, fir-rigward tal-bejgħ tal-UE rrapportat minn Tatmetal, il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ tranżazzjonijiet li fil-fatt ġew esportati lejn il-Maċedonja ta’ Fuq, mhux lejn l-Unjoni. Dawn it-tranżazzjonijiet ġew irreġistrati fil-port ta’ Tessalonika, iżda d-destinazzjoni finali kienet tinsab fil-Maċedonja ta’ Fuq, kif ikkorroborat mid-data tas-sors tal-kumpanija u t-tranżazzjonijiet miġbura inklużi fil-kampjun.

(544)

Il-ħames, l-ispejjeż tat-trasport irrapportati fit-tabella tal-bejgħ tal-UE ma kinux kompluti. Diversi tranżazzjonijiet CIF u CFR ma kellhomx fatturi korrispondenti għall-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar jew tal-immaniġġar irrapportati.

(545)

Fil-kummenti tagħha, fir-rigward tal-ewwel punt dwar il-kostruzzjoni tal-PCN, Tatmetal sostniet li l-prodotti kompletament ibsin ma kellhomx kwalità tal-wiċċ u ma ġewx deskritti min-norma Ewropea rilevanti (EN 10130) bl-istess mod bħal prodotti llaminati fil-kiesaħ ttemprati u li l-allokazzjoni ta’ kwalità tal-wiċċ kif definita fil-PCN kienet twassal biex tiġi pprovduta informazzjoni qarrieqa.

(546)

Il-Kummissjoni qieset l-aspett tal-wiċċ mhux espost bħala l-aktar addattat għall-prodotti kompletament ibsin, minħabba li l-prodotti kompletament ibsin ma humiex maħsuba biex ikunu esposti u ma humiex prodotti lesti fis-sens tal-EN 10130. Il-Kummissjoni kklassifikat mill-ġdid il-PCN affettwati fil-lista tal-bejgħ domestiku u fil-lista tal-bejgħ tal-UE.

(547)

Fir-rigward tat-tieni punt dwar il-bejgħ li sar lejn iż-żoni ta’ kummerċ ħieles fit-Turkija, Tatmetal sostniet li l-bejgħ lejn żona ta’ kummerċ ħieles ma kienx bejgħ domestiku skont ir-regoli kontabilistiċi ta’ Tatmetal, u ma setax jiġi identifikat bħala bejgħ għall-esportazzjoni speċifiku għall-UE skont il-Liġi Torka. Tatmetal allegat li l-bejgħ lejn żona ta’ kummerċ ħieles ġie definit mil-liġi Torka bħala bejgħ għall-esportazzjoni, mhux bejgħ domestiku, minħabba li, skont il-leġiżlazzjoni Torka dwar l-esportazzjoni u l-VAT (125), il-vjeġġi mit-Turkija lejn żona ħielsa jaqgħu fi ħdan ir-reġim tal-esportazzjoni. Tatmetal ikkwotat ukoll il-Liġi Nru 3218 dwar iż-Żoni Ħielsa, adottata fis-6 ta’ Ġunju 1985 (126), li skontha ż-żoni ħielsa, għalkemm jifformaw parti mit-Territorju Doganali Tork, huma ttrattati bħala barra minn dak it-territorju għall-finijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni u miżuri ta’ politika kummerċjali, u l-merkanzija mqiegħda f’żona ħielsa normalment tibbenefika mill-faċilitajiet marbuta mal-esportazzjoni. Barra minn hekk, Tatmetal issottomettiet dokumenti ta’ sostenn dwar il-kost tat-trasport tal-merkanzija għat-tranżazzjonijiet mibjugħa liż-żoni ħielsa f’każ li l-Kummissjoni ddeċidiet li tittratta l-bejgħ bħala bejgħ domestiku jew bejgħ tal-UE.

(548)

Il-Kummissjoni nnotat l-ispjegazzjoni ta’ Tatmetal li, għalkemm iż-żoni ħielsa jifformaw parti mit-Territorju Doganali Tork, huma ttrattati bħala barra minn dak it-territorju għall-finijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni u l-miżuri ta’ politika kummerċjali. F’dan il-każ, il-Kummissjoni osservat li l-prodott li taħt investigazzjoni inbiegħ lil klijenti fiż-żoni ħielsa, li huma parti mit-Territorju Doganali Tork. Tatmetal affermat li ma kellha l-ebda informazzjoni dwar x’ġara mill-merkanzija wara li ġie konkluż il-bejgħ. Il-Kummissjoni nnotat mis-siti web tal-klijenti rispettivi li l-attivitajiet kummerċjali tagħhom kienu f’industriji downstream, bħal oġġetti tal-kċina u sistemi ta’ xkafef tal-azzar. Għalhekk, trasformazzjoni sostanzjali tal-prodott taħt investigazzjoni kienet meħtieġa fiż-żoni ħielsa, taħt it-Territorju Doganali Tork, qabel l-esportazzjoni sussegwenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ttrattat dan il-bejgħ bħala bejgħ lis-suq domestiku.

(549)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li d-dokumenti ta’ sostenn addizzjonali li jikkonċernaw il-kost tat-trasport għat-tranżazzjonijiet mibjugħa liż-żoni ħielsa fit-Turkija kienu jikkonsistu fi skeda tax-xogħol għall-kost domestiku tat-trasport tal-merkanzija b’kost unitarju tal-merkanzija għal kull żona fit-Turkija. Il-Kummissjoni nnotat li Tatmetal ma pprovdiet l-ebda data kontabilistika reali li tappoġġa l-allokazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija għall-bejgħ liż-żoni ta’ kummerċ ħieles. L-argument ġie miċħud.

(550)

Fir-rigward tat-tielet punt dwar ir-rati tal-kambju, Tatmetal sostniet li għall-bejgħ għall-esportazzjoni, hija rrapportat ir-rata tal-kambju (“FX”) ibbażata fuq id-data tal-għeluq tad-dwana (“intac”), filwaqt li għall-bejgħ domestiku Tatmetal applikat ir-rata tal-kambju ta’ kuljum tal-Bank Ċentrali Tork (“TCB”). Tatmetal spjegat li r-rata tax-xiri tat-TCB applikat għal-lista tal-bejgħ tal-UE, u r-rata tal-bejgħ tat-TCB applikat għal-lista tal-bejgħ domestiku.

(551)

Il-Kummissjoni nnotat li Tatmetal għamlet għażla deliberata li tikkonverti l-valur nett tal-fattura fi TRY b’FX ibbażata fuq id-data tal-għeluq tad-dwana (intac). Baqa’ mhux ċar għaliex ir-rata FX fid-data intac kienet aktar xierqa biex tintuża minflok ir-rata FX tad-data tal-fattura, ħlief għad-dikjarazzjoni tal-kumpanija li dan l-approċċ kien allinjat mar-rekords kontabilistiċi. Il-Kummissjoni osservat li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-rata tal-kambju intac irrapportata fil-lista tal-bejgħ tal-UE kienet ogħla mir-rata FX tax-xiri jew tal-bejgħ applikabbli fl-istess data tal-fattura rrapportata fil-lista tal-bejgħ tal-UE. Dan irriżulta f’valur miżjud tal-fattura fil-munita kontabilistika meta mqabbla mar-rata FX tal-Bank Ċentrali Tork, applikata għall-bejgħ f’munita barranija fis-suq domestiku. Il-kumpanija spjegat biss lill-Kummissjoni li hija ma użatx ir-rata FX tad-data tal-fattura fil-bejgħ lejn l-Unjoni lil klijenti mhux relatati matul il-verifika fuq il-post. Tali divulgazzjoni tardiva tal-informazzjoni żammet lill-Kummissjoni milli tanalizza d-data sottomessa kif suppost, u b’hekk fixklet l-investigazzjoni b’mod sinifikanti.

(552)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li r-rata FX irrapportata fil-lista tal-bejgħ tal-UE applikabbli fid-data tal-ordni tax-xiri kienet f’xi każijiet differenti mir-rata FX irrapportata fil-lista tal-bejgħ domestiku applikabbli fid-data tal-ordni tax-xiri. F’din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni qieset li użu konsistenti tar-rati FX medji ta’ kull xahar huwa xieraq biex jiġu kkoreġuti l-inkonsistenzi u r-rati FX irrapportati b’mod skorrett. Għalhekk, il-Kummissjoni applikat il-fatti disponibbli fir-rigward tar-rati FX irrapportati. L-argumenti ta’ Tatmetal ġew miċħuda għal dawk ir-raġunijiet.

(553)

Fir-rigward tar-raba’ punt dwar il-bejgħ lejn il-Maċedonja ta’ Fuq, Tatmetal spjegat li l-lista tal-bejgħ setgħet kienet inakkurata jew qarrieqa għall-finijiet tal-allokazzjoni tad-destinazzjoni minħabba li setgħet irriflettiet informazzjoni dwar l-indirizz tal-klijent, data relatata mal-fattura, indirizzi tal-ERP assenjati awtomatikament, jew informazzjoni preliminari skorretta dwar il-vjeġġi. Għal din ir-raġuni, Tatmetal irrapportat l-informazzjoni tal-pajjiż abbażi tal-lista doganali uffiċjali. Tatmetal issottomettiet dokumenti biex turi li d-destinazzjoni finali tal-prodott li taħt investigazzjoni tat-tranżazzjonijiet immappjati mill-Kummissjoni ntbagħtet lejn il-Greċja, mhux lejn il-Maċedonja ta’ Fuq.

(554)

Il-Kummissjoni nnotat li Tatmetal iddeċidiet li tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni mid-dikjarazzjoni doganali tal-esportazzjoni. Fid-dokumenti addizzjonali sottomessi, Tatmetal irreferiet għat-terminu tal-kunsinna (CIF/CFR Tessalonika) u l-port tal-ħatt mid-dikjarazzjoni doganali tal-esportazzjoni (Tessalonika, il-Greċja). Għat-tranżazzjonijiet inklużi fil-kampjun mill-Kummissjoni, fl-erba’ każijiet kollha, id-destinazzjoni finali fuq il-konferma tal-ordni tal-bejgħ kienet il-Maċedonja ta’ Fuq, u/jew l-indirizz tax-xerrejja kien jinsab fil-Maċedonja ta’ Fuq, u/jew l-indirizz tax-xerrejja fil-fattura kien jinsab fil-Maċedonja ta’ Fuq, u d-destinazzjoni finali fl-entrati tal-ordni tal-bejgħ tal-ERP fl-erba’ każijiet kollha kienet tinsab fil-Maċedonja ta’ Fuq. Barra minn hekk, Tatmetal ma appoġġatx l-affermazzjoni tagħha billi, pereżempju, issottomettiet id-dikjarazzjoni doganali tal-importazzjoni, in-noti tal-kunsinna, jew il-polza ta’ kargu / il-lista tal-ippakkjar kompluta bid-destinazzjoni finali. Billi l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma jekk dawn it-tranżazzjonijiet intemmux fl-Unjoni, hija eskludiethom mil-lista tal-bejgħ tal-UE. L-argument ġie miċħud. F’kontrolli ulterjuri, il-Kummissjoni identifikat tranżazzjoni addizzjonali, li nbiegħet lill-Iżvizzera. Din it-tranżazzjoni tneħħiet mil-lista tal-bejgħ tal-UE.

(555)

Fir-rigward tal-ħames punt dwar l-ispejjeż tat-trasport fil-lista tal-bejgħ tal-UE, Tatmetal sostniet li ċertu kost assoċjat mal-esportazzjoni ma kienx direttament identifikabbli fil-formoli tad-dikjarazzjoni doganali. Minflok, dawk il-kostijiet ġew irrapportati fil-kost tal-bejgħ, ġenerali u amministrattiv tal-bejgħ għall-esportazzjoni, fil-kategorija “oħrajn” jew taħt “tariffi tal-kwartieri ġenerali”. Bi tweġiba għall-ittra tal-Artikolu 18, Tatmetal wettqet rieżami manwali tal-bejgħ affettwat biex tirrapporta t-trasport tal-merkanzija bil-baħar nieqes u rrapportat l-ispiża addizzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar u tal-immaniġġar.

(556)

Il-Kummissjoni rrieżaminat il-kalkoli u l-fajls tax-xogħol sottomessi għall-kost tal-immaniġġar relatat mal-esportazzjoni u t-trasport tal-merkanzija bil-baħar nieqsa u aċċettat il-kalkolu.

(557)

Fil-15 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni informat lil Tatmetal li hija identifikat kwistjonijiet ulterjuri li abbażi tagħhom kellha l-ħsieb li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku (“it-tieni ittra tal-Artikolu 18”).

(558)

Il-Kummissjoni indikat li l-kumpanija ma pprovdiet l-ebda evidenza li tappoġġa l-allokazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ domestiku. Matul il-verifika fuq il-post, il-kumpanija affermat li ma kien hemm l-ebda rabta bejn il-kost tat-trasport tal-merkanzija mġarrab fis-suq domestiku u t-tranżazzjonijiet individwali. Il-kumpanija spjegat kif użat data interna biex tirrapporta l-kost tat-trasport tal-merkanzija għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ domestiku. F’dan ir-rigward, il-kumpanija naqset milli tipprovdi aċċess għad-data użata biex jiġu stabbiliti l-valuri tal-kost tat-trasport tal-merkanzija rrapportati għal kull tranżazzjoni u pprovdiet biss il-worksheet tat-tħejjija għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ domestiku li kien fiha l-allowances irrapportati, inkluż il-kost tat-trasport tal-merkanzija, fl-aħħar jum tal-verifika fuq il-post. Barra minn hekk, l-impjegati rilevanti ma kinux disponibbli għal aktar kjarifiki matul il-verifika fuq il-post. Fl-aħħar nett, ma ġiet sottomessa l-ebda evidenza dokumentarja, eż. fatturi riċevuti minn kumpaniji tat-trasport, għalkemm intalbet espliċitament.

(559)

Fil-kummenti tagħha, Tatmetal l-ewwel sostniet li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni fir-rapport ta’ verifika li Tatmetal kienet naqset milli tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa jew li l-informazzjoni pprovduta ma setgħetx tiġi vverifikata.

(560)

It-tieni, il-kumpanija sostniet li għall-kuntrarju tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, l-impjegati tal-loġistika kienu disponibbli permezz tat-telefon u kienu jagħmlu lilhom infushom disponibbli personalment kieku l-Kummissjoni talbet dan.

(561)

It-tielet, il-kumpanija affermat li ma kien hemm l-ebda livell ogħla ta’ evidenza speċifika għajr id-data interna riflessa fil-worksheet ta’ tħejjija għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ domestiku rrapportati li setgħet tikkorrobora l-kost tat-trasport tal-merkanzija rrapportat għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ domestiku.

(562)

Ir-raba’, Tatmetal sostniet li l-aspettattiva tal-Kummissjoni li l-kumpanija kellha tipprovdi evidenza korroborattiva addizzjonali mhux mitluba u fuq inizjattiva tagħha stess ma hijiex raġonevoli u tmur kontra l-obbligi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 6.1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (“Ftehim AD tad-WTO”).

(563)

Il-ħames, il-kumpanija affermat li l-Kummissjoni ġiet ipprovduta bil-fajl ewlieni għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ domestiku fl-ewwel jum tal-verifika fuq il-post minflok fl-aħħar jum kif affermat mill-Kummissjoni. Worksheet ta’ tħejjija oħra ġiet sottomessa fl-aħħar jum tal-verifika fuq il-post, hekk kif dak kien il-mument meta l-Kummissjoni talbitha.

(564)

Fl-aħħar nett, il-kumpanija sostniet li d-data dwar il-kost unitarju tat-trasport tal-merkanzija inkluża fil-worksheet ta’ tħejjija pprovduta fl-aħħar jum tal-verifika flimkien mad-dokumenti tat-tbaħħir jenħtieġ li titqies bħala metodu raġonevoli biex tiġi pprovduta evidenza suffiċjenti li tappoġġa l-allowances irrapportati għat-trasport tal-merkanzija domestika.

(565)

Minkejja dan ta’ hawn fuq, Tatmetal issottomettiet ir-rekord intern tal-kost tat-trasport tal-merkanzija u l-fatturi maħruġa għas-servizzi tat-trasport mogħtija fil-kummenti tagħha għall-ittra tal-Artikolu 18.

(566)

Il-Kummissjoni fakkret li r-rapport ta’ verifika fih rendikont tal-proċess ta’ verifika. Hija ma tipprovdi l-ebda ġudizzju dwar il-livell ta’ kooperazzjoni mill-kumpanija vverifikata. Ir-rapport ta’ verifika rreġistra b’mod korrett l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-kumpanija fir-rigward tal-kost tat-trasport tal-merkanzija relatat mat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ domestiku mingħajr ma wasal għal xi konklużjonijiet dwar l-adegwatezza tal-evidenza pprovduta. Għalhekk, il-fatt li r-rapport ta’ verifika ma identifikax in-nuqqasijiet fl-evidenza ta’ sostenn ipprovduta ma jistax jinftiehem bħala l-aċċettazzjoni tad-data mill-Kummissjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni deskritta fil-premessa (559).

(567)

Fir-rigward tal-puntwalità tal-forniment tad-data użata għat-tħejjija tat-tweġiba għall-kwestjonarju dwar it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ domestiku u l-kost relatat, u d-disponibbiltà tal-persunal rilevanti, ta’ min jinnota li l-inkapaċità ġenerali tal-kumpanija li tipprovdi spjegazzjonijiet u li tissostanzja l-informazzjoni pprovduta f’partijiet oħrajn tat-tweġiba għall-kwestjonarju kkawżat dewmien fil-proċess ta’ verifika. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet teżamina biss it-tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku u tal-bejgħ għall-esportazzjoni fl-aħħar jum tal-verifika fuq il-post. Għalhekk, il-Kummissjoni ġiet imġiegħla tipprijoritizza u ma setgħetx tispezzjona l-informazzjoni pprovduta f’tali livell ta’ dettall bħal dak li normalment ikun meħtieġ. Għalhekk, kwalunkwe disponibbiltà potenzjali tal-persunal tal-loġistika biex jissieħeb fil-verifika personalment kienet irrilevanti, minħabba li l-Kummissjoni kienet informata biss dwar il-metodu użat għar-rapportar tat-trasport tal-merkanzija domestika fl-aħħar jum tal-verifika fuq il-post. L-affermazzjoni tal-kumpanija li fajl ewlieni għall-bejgħ domestiku ġie pprovdut fl-ewwel jum tal-verifika hija skorretta. Tabilħaqq, il-kumpanija ssottomettiet diversi hekk imsejħa fajls ewlenin. Fir-rigward tal-bejgħ, hija pprovdiet rapport tal-bejgħ li ma kien fih l-ebda informazzjoni dwar l-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija, jiġifieri ma kienx rilevanti għall-kwistjoni inkwistjoni. Konsegwentement, l-argumenti ppreżentati fil-premessi (560) u (563) ġew miċħuda.

(568)

Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-kumpanija li d-dokumenti tat-tbaħħir (dokumenti li jagħtu prova li l-merkanzija ġiet ikkonsenjata lit-trasportatur għat-trasport) u l-kost unitarju tat-trasport tal-merkanzija mhux sostnut b’evidenza huma metodu xieraq biex jiġi kkorroborat il-kost tat-trasport tal-merkanzija rrapportat għat-tranżazzjonijiet domestiċi, b’mod partikolari minħabba li allegatament ma kien hemm l-ebda evidenza aktar speċifika disponibbli fil-kumpanija, il-Kummissjoni nnotat li l-kumpanija nnifisha ppreżentat fatturi tat-trasport b’reazzjoni għat-tieni ittra tal-Artikolu 18. Dan juri b’mod ċar li l-kumpanija kellha fil-pussess tagħha evidenza li setgħet tikkorrobora l-kost tat-trasport domestiku tal-merkanzija. Għalhekk, l-affermazzjonijiet tal-kumpanija spjegati fid-dettall fil-premessi (561) u (564) ġew miċħuda.

(569)

Fir-rigward tad-dokumentazzjoni sottomessa b’reazzjoni għat-tieni ittra tal-Artikolu 18, il-Kummissjoni ċaħditha minħabba li l-veraċità tagħha ma setgħetx tiġi vverifikata f’dan l-istadju tal-proċedura.

(570)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma qablitx li kienet qed tikser l-Artikolu 6.1 tal-Ftehim AD tad-WTO meta stenniet li l-kumpanija tipprovdi evidenza li tikkorrobora l-kost tat-trasport tal-merkanzija rrapportat fuq inizjattiva tagħha stess. Il-Kummissjoni talbet dokumenti għal kampjun ta’ tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku li jappoġġaw id-data rrapportata, bħat-tip ta’ prodott, il-klijent, id-destinazzjoni, ir-relazzjoni mal-klijent, il-kwantità tal-bejgħ u l-prezz, il-kost imġarrab fuq it-tranżazzjoni tal-bejgħ. Il-Kummissjoni talbet speċifikament dokumenti li jappoġġaw il-kost tat-trasport tal-merkanzija rrapportat. Madankollu, il-kumpanija naqset milli tipprovdi tali dokumenti, minkejja li kien ċar li kellha fil-pussess tagħha fatturi tat-trasport kif spjegat fil-premessi (565) u (568). Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni deskritta fil-premessa (562).

3.5.2.2.   Borçelik Çelik Sanayi Ticaret A.Ş., Bursa (“Borcelik”)

(571)

Taħt il-punt 10 tan-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni fakkret lill-partijiet interessati li, jekk jirrifjutaw l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma jipprovdux tali informazzjoni fil-limiti ta’ żmien stabbiliti, jew jekk ifixklu b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet jistgħu jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni tenniet ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni fl-ittra mibgħuta lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fit-18 ta’ Settembru 2025 dwar l-inklużjoni tagħhom fil-kampjun.

(572)

Fis-17 ta’ Ġunju 2026, il-Kummissjoni informat lil Borcelik li matul l-investigazzjoni tqajmu għadd ta’ kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(573)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni talbet lill-kumpanija tissottometti bilanċ ta’ prova erba’ darbiet, fil-kwestjonarju, fl-ewwel u fit-tieni ittri ta’ defiċjenza, u fil-bidu tal-verifika fuq il-post, meta rriżulta li l-verżjoni mħejjija mill-kumpanija kienet nieqsa minn ċerta data. Il-bilanċ ta’ prova pprovdut mill-kumpanija wara r-raba’ talba kien f’format li kien jeħtieġ aktar ipproċessar. In-nuqqas tal-kumpanija li tissottometti l-bilanċ tal-proċess mitlub f’format xieraq wassal għal dewmien fl-investigazzjoni.

(574)

It-tieni, il-kumpanija ma pprovdietx l-informazzjoni kollha mitluba fit-tabella G - Profitt u Telf. B’mod partikolari, il-kumpanija ddeċidiet biss li tipprovdi diżaggregazzjoni tal-qligħ u t-telf mill-kambju f’dawk effettivi u dawk derivati mit-traduzzjonijiet matul il-verifika fuq il-post. Meta jitqies l-għadd kbir ta’ kontijiet, li fihom ġew irreġistrati l-qligħ u t-telf mill-kambju, il-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika b’mod sodisfaċenti l-informazzjoni sottomessa.

(575)

It-tielet, minkejja li ntalbet speċifikament tipprovdi, ferm qabel il-verifika fuq il-post, kwalunkwe korrezzjoni għal żbalji żgħar li l-kumpanija nnotat waqt it-tħejjija għall-verifika, il-kumpanija ssottomettiet tali korrezzjonijiet biss fl-ewwel jum tal-verifika. Barra minn hekk, xi wħud mill-korrezzjonijiet imwettqa fid-data dwar il-bejgħ domestiku ma setgħux jitqiesu bħala minuri. Bħala riżultat ta’ dawk il-korrezzjonijiet, l-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija marbuta ma’ tranżazzjonijiet individwali tal-bejgħ domestiku żdiedu b’250 %.

(576)

Ir-raba’, l-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija marbuta mat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku kienu appoġġati minn evidenza sottomessa mill-kumpanija (rapporti dwar il-vjeġġi u l-kost tat-tbaħħir estratt mir-rekords tal-kumpanija) għal sehem negliġibbli biss tal-bejgħ domestiku li jirrappreżenta inqas minn 3 % tat-tranżazzjonijiet rilevanti.

(577)

Il-ħames, kien biss matul il-verifika fuq il-post li l-kumpanija informat lill-Kummissjoni li ma kinitx irrapportat l-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija mġarrba għat-trasport tal-prodott li taħt investigazzjoni bejn il-fabbrika u maħżen estern. L-evidenza ta’ sostenn imsemmija fil-premessa (576) lanqas ma kien fiha l-informazzjoni meħtieġa.

(578)

Il-kumpanija talbet seduta mas-servizzi tal-Kummissjoni u ressqet kummenti dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-kwistjonijiet deskritti fil-premessi (573) sa (577).

(579)

Matul is-seduta u fil-kummenti tagħha, Borcelik ikkontestat l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tapplika l-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u sostniet li Borcelik ma fixklitx l-andament tal-investigazzjoni.

(580)

Fir-rigward tal-ewwel punt dwar il-bilanċ ta’ prova, Borcelik affermat li l-bilanċ ta’ prova li jkopri l-kontijiet tal-kostijiet u tad-dħul għall-perjodu ta’ investigazzjoni kollu diġà kien ipprovdut fit-tweġiba inizjali għall-kwestjonarju u, b’hekk, il-Kummissjoni diġà kellha l-informazzjoni rilevanti għad-determinazzjoni tal-ispejjeż SG & A fir-rekord. Borcelik żiedet li l-bilanċ ta’ prova għall-kontijiet tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ġie pprovdut b’reazzjoni għall-ewwel ittra ta’ defiċjenza. Wara t-tieni ittra ta’ defiċjenza, ġie sottomess bilanċ ta’ prova sħiħ li jkopri l-assi, l-obbligazzjonijiet, il-kostijiet u d-dħul, u l-bilanċ ta’ prova sħiħ ġie pprovdut ukoll matul il-verifiki fuq il-post.

(581)

Il-Kummissjoni nnotat li fil-kummenti tagħha dwar l-ittra skont l-Artikolu 18, Borcelik sempliċiment irrakkontat kif kien ġie sottomess il-bilanċ ta’ prova. Il-kont tal-kumpanija kkonferma li l-bilanċ ta’ prova ġie sottomess f’partijiet, u li l-Kummissjoni rċeviet verżjoni sħiħa biss matul il-verifika fuq il-post. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li t-tweġiba għat-tieni ittra ta’ defiċjenza kienet dovuta u sottomessa fil-bidu taż-żjara ta’ verifika. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-kont fattwali sottomess mill-kumpanija fil-kummenti tagħha dwar l-ittra skont l-Artikolu 18 ikkonferma l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fil-kummenti tal-kumpanija ma hemm xejn li jikkontradixxi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li l-bilanċ ta’ prova sħiħ wasal biss tard ħafna fil-proċediment, u li dan immina l-analiżi tad-data sottomessa mill-kumpanija. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha li s-sottomissjoni tardiva tal-bilanċ ta’ prova sħiħ fixklet l-investigazzjoni.

(582)

Fir-rigward tat-tieni punt dwar id-diżaggregazzjoni tal-qligħ u t-telf mill-kambju, Borcelik affermat li minbarra t-tabella rilevanti li fiha żewġ linji separati għall-qligħ u t-telf realizzati u dawk derivati mit-traduzzjoni, il-kwestjonarju nnifsu ma kienx jirrikjedi espliċitament diżaggregazzjoni ta’ dawk l-ispejjeż. Barra minn hekk, il-kumpanija sostniet li la l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, la l-Artikolu 2.2.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping, u lanqas il-ġurisprudenza tal-Unjoni ma jagħmlu distinzjoni bejn il-qligħ u t-telf realizzati mill-kambju u dawk derivati mit-traduzzjoni. Għalhekk, fil-fehma ta’ Borcelik, diżaggregazzjoni tal-qligħ u t-telf mill-kambju f’dawk realizzati u dawk derivati mit-traduzzjonijiet ma kinitx tikkostitwixxi informazzjoni meħtieġa. Borcelik sostniet ukoll li jekk il-Kummissjoni kienet tqis id-diżaggregazzjoni bħala informazzjoni meħtieġa, hija kellha titlobha fl-ittra ta’ defiċjenza. Fl-aħħar nett, il-kumpanija kkontestat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li l-għoti tardiv tad-diżaggregazzjoni u l-evidenza sottostanti (il-kotba tal-kontijiet) fixklu l-investigazzjoni, billi l-Kummissjoni kellha tkun konxja tal-għadd kbir ta’ kontijiet li fuqhom ġew irreġistrati l-qligħ u t-telf mill-kambju mit-tweġiba inizjali għall-kwestjonarju. Borcelik sostniet li r-rikors għall-fatti disponibbli ma kienx ġustifikat għal din il-kwistjoni, minħabba li l-kotba tal-kontijiet għall-qligħ u t-telf mill-kambju kienu verifikabbli matul iż-żjara ta’ verifika u miġbura bħala wirjiet ta’ verifika.

(583)

Il-Kummissjoni nnotat li Borcelik ma kkontestatx il-fatt li l-informazzjoni mitluba fit-tabella rilevanti tal-kwestjonarju, li hija parti integrali mill-kwestjonarju, ma ġietx ipprovduta. Il-fatt li l-Kummissjoni ma tiffokax fuq defiċjenza speċifika fl-ittra ta’ defiċjenza maħruġa lill-kumpanija ma jinvalidax it-talba inizjali biex tiġi pprovduta l-informazzjoni rispettiva li tirriżulta mill-kontenut tal-kwestjonarju anti-dumping. Barra minn hekk, il-fatt li l-kumpanija ssottomettiet fuq inizjattiva tagħha stess reviżjoni fejn isseparat iż-żewġ kategoriji ta’ qligħ u telf mill-kambju eżatt qabel il-verifika tal-partijiet rilevanti tat-tweġiba għall-kwestjonarju kkonferma li hija kienet konxja li d-diżaggregazzjoni kienet tikkostitwixxi l-informazzjoni meħtieġa. Il-Kummissjoni qieset ukoll li hija kellha d-diskrezzjoni li tivverifika l-qligħ u t-telf mill-kambju realizzati u dawk derivati mit-traduzzjoni sabiex tiżgura li dawn l-ammonti jkunu ġew attribwiti b’mod korrett għall-ispejjeż SG & A abbażi ta’ data reali relatata mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-produzzjoni taħt investigazzjoni. Fl-aħħar nett, tabilħaqq, il-Kummissjoni kienet konxja tan-numru ta’ kontijiet li fuqhom ġew irreġistrati l-qligħ u t-telf mill-kambju. Madankollu, id-diżaggregazzjoni pprovduta mill-kumpanija matul il-verifika fuq il-post ma kinitx taqbel mat-titoli tal-kontijiet rilevanti. Dan ifisser li kwalunkwe suppożizzjoni meħuda mill-informazzjoni pprovduta fit-tweġiba għall-kwestjonarju kienet tkun bla sens kieku l-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq it-titoli tal-kontijiet fl-analiżi tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha li l-fatt li Borcelik qasmet il-qligħ u t-telf mill-kambju f’dawk realizzati u dawk derivati mit-traduzzjonijiet biss matul il-verifika fuq il-post ikkawża dewmien fl-iskeda tal-verifika.

(584)

Fir-rigward tat-tielet u r-raba’ punti dwar l-ispejjeż relatati mat-trasport, Borcelik allegat li l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iskadenzi kienu konfliġġenti, minħabba li l-ittra ta’ qabel il-verifika ssuġġeriet li l-bidliet sottomessi fil-bidu tal-verifika ma jiskattawx awtomatikament l-użu tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Borcelik affermat ukoll li l-impatt ta’ dawn il-korrezzjonijiet ma kienx daqstant sostanzjali u li l-Kummissjoni fehmet ħażin l-informazzjoni li kien hemm fid-data miġbura matul il-verifika fuq il-post, li skont il-kumpanija kien fiha biss eżempji tal-kalkolu tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija għall-bejgħ domestiku. Fl-aħħar nett, il-kumpanija sostniet li korrezzjonijiet oħrajn ta’ żbalji li ġew irrapportati fl-istess ħin ġew aċċettati mill-Kummissjoni.

(585)

Il-Kummissjoni nnotat li Borcelik ma kkontestatx il-fatt li verżjoni riveduta tal-ispejjeż tat-trasport domestiku tal-merkanzija ġiet ipprovduta biss fil-bidu tal-verifika. L-iskadenzi kkomunikati lill-kumpanija kienu ċari. L-ewwel nett, il-Kummissjoni stabbiliet skadenza għall-korrezzjonijiet ta’ żbalji minuri skoperti waqt it-tħejjija għall-verifika fuq il-post. L-iskadenza għal dawk il-korrezzjonijiet ġiet stabbilita għal data qabel il-bidu tal-verifika. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li kwalunkwe korrezzjoni pprovduta wara l-bidu tal-verifika tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. It-tieni, il-Kummissjoni tabilħaqq talbet aktar informazzjoni dwar il-bejgħ domestiku li kellha tiġi pprovduta fil-bidu tal-verifika. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li din it-talba addizzjonali ma kinitx tikkostitwixxi opportunità ġdida biex jiġu pprovduti aktar korrezzjonijiet. Il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha dwar is-severità tal-korrezzjonijiet ipprovduti. Dawn kienu jikkonċernaw madwar 60 % tal-bejgħ domestiku u l-ispejjeż irrapportati relatati mal-bejgħ domestiku żdiedu b’250 %. Tabilħaqq, korrezzjonijiet oħrajn ġew aċċettati minħabba li kienu minuri u ma biddlux b’mod sinifikanti l-istampa tal-informazzjoni sottomessa. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li ma kien hemm l-ebda evidenza fil-fajl li tappoġġa l-affermazzjoni li d-data pprovduta dwar l-ispejjeż tat-trasport domestiku tal-merkanzija kienet sempliċi eżempju. L-ewwel nett, il-kumpanija ma ppreżentathiex bħala eżempju matul il-verifika fuq il-post. It-tieni, l-estratt miġbur mir-rekords tal-kumpanija kien fih informazzjoni għax-xhur kollha tal-perjodu ta’ investigazzjoni u kopra diversi kumpaniji tat-trasport. Għalhekk, ma huwiex ċar kif tali sett ta’ data jista’ jirrappreżenta sempliċi kampjun tal-informazzjoni sħiħa dwar l-ispejjeż tat-trasport domestiku tal-merkanzija. Għalhekk, l-affermazzjoni tal-kumpanija li l-kwistjoni inkwistjoni ma kinitx tiġġustifika l-użu tal-fatti disponibbli ġiet miċħuda.

(586)

Il-kumpanija ma kkontestatx is-sejbiet tal-Kummissjoni dwar il-ħames punt dwar ir-rapportar tal-ispejjeż tat-trasport għall-kanali tal-bejgħ fejn kienu involuti mħażen esterni.

3.5.3.   Valur normali

(587)

Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ kull produttur esportatur li kkoopera inkluż fil-kampjun kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur ikun jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tiegħu ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Abbażi ta’ dan, il-bejgħ totali minn kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun tal-prodott simili fis-suq domestiku kien rappreżentattiv.

(588)

Il-Kummissjoni sussegwentement identifikat it-tipi ta’ prodotti mibjugħa domestikament li kienu identiċi jew komparabbli mat-tipi ta’ prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni għall-produtturi esportaturi b’bejgħ domestiku rappreżentattiv.

(589)

Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku minn kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun fis-suq domestiku tiegħu għal kull tip ta’ prodott li huwa identiku jew komparabbli ma’ tip ta’ prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott ikun rappreżentattiv jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ dak it-tip ta’ prodott lil klijenti indipendenti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkun jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tat-tip ta’ prodott identiku jew komparabbli lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet li għal numru żgħir ta’ tipi ta’ prodotti li ġew esportati lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, jew ma kien hemm l-ebda bejgħ domestiku, jew inkella l-bejgħ domestiku ta’ dak it-tip ta’ prodott kien taħt il-5 % fil-volum u, b’hekk, ma kienx rappreżentattiv.

(590)

Imbagħad, il-Kummissjoni ddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ profittabbli lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta’ prodott matul il-perjodu ta’ investigazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku effettiv għall-kalkolu tal-valur normali, f’konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(591)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku effettiv għal kull tip ta’ prodott, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ huwiex profittabbli jew le, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ tat-tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew ogħla mill-kost tal-produzzjoni kkalkolat, kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dan it-tip ta’ prodott; u

(b)

l-prezz tal-bejgħ medju ponderat ta’ dak it-tip ta’ prodott ikun daqs jew ogħla mill-kost unitarju tal-produzzjoni.

(592)

F’dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip ta’ prodott matul il-PI.

(593)

Il-valur normali huwa l-prezz domestiku effettiv għal kull tip ta’ prodott tal-bejgħ domestiku profittabbli biss tat-tipi ta’ prodotti matul il-PI, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ profittabbli tat-tip ta’ prodott jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dan it-tip: jew

(b)

il-prezz medju ponderat ta’ dan it-tip ta’ prodott ikun anqas mill-kost ta’ unità tal-produzzjoni.

(594)

L-analiżi tal-bejgħ domestiku wriet li inqas minn 30 % tal-bejgħ domestiku kollu ta’ Tatmetal u inqas minn 50 % tal-bejgħ domestiku kollu ta’ Borcelik kienu profittabbli u li l-prezz tal-bejgħ medju ponderat kien ogħla mill-kost tal-produzzjoni. Għaldaqstant, il-valur normali ġie kkalkolat bħala medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jew medja ponderata tal-bejgħ profittabbli biss.

(595)

Għat-tipi ta’ prodotti li għalihom il-bejgħ kien b’mod ġenerali profittabbli, il-valur normali ġie kkalkolat jew bħala medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jew bħala medja ponderata tal-bejgħ profittabbli biss skont il-volum tal-bejgħ profittabbli.

(596)

Fejn ma kienx hemm biżżejjed bejgħ ta’ tip ta’ prodott tal-prodott simili fil-perkors normali tal-kummerċ, jew fejn tip ta’ prodott ma nbiegħx fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku. Għat-tipi ta’ prodotti li għalihom ma kien hemm l-ebda bejgħ fis-suq domestiku u fejn ma kien hemm l-ebda informazzjoni speċifika dwar il-prezzijiet tas-suq għal dawk it-tipi ta’ prodotti mhux mibjugħa mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fis-suq domestiku, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku.

(597)

Il-valur normali nħadem billi żdied dan li ġej mal-kost medju tal-produzzjoni tal-prodott simili tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw matul il-perjodu ta’ investigazzjoni:

(a)

l-ispejjeż SG & A medji ponderati mġarrba mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-perkors normali tal-kummerċ, matul il-PI; u

(b)

il-profitt medju ponderat li jsir mill-prodotturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-perkors normali tal-kummerċ, matul il-PI.

(598)

Għat-tipi ta’ prodotti mhux mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, żdiedu l-ispejjeż tal-SG & A medji u l-profitt tat-tranżazzjonijiet magħmula fil-kors ordinarju tal-kummerċ fis-suq domestiku għal dawk it-tipi. Billi ma kien hemm l-ebda sors ieħor ta’ prezz tal-bejgħ domestiku għat-tipi ta’ prodotti li ma nbiegħux fis-suq domestiku, il-valur normali nħadem billi żdiedu l-ispejjeż SG & A medji ponderati u l-profitt tat-tranżazzjonijiet kollha li saru fil-perkors normali tal-kummerċ fis-suq domestiku mal-kost tal-produzzjoni ta’ dawk it-tipi ta’ prodotti.

(599)

Filwaqt li qieset il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas parzjali ta’ kooperazzjoni minn Borcelik, il-Kummissjoni użat il-fatti disponibbli biex tistma l-elementi li ġejjin tal-ispejjeż SG & A:

—

L-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija mġarrba mill-kumpanija għat-trasport tal-prodott taħt investigazzjoni bejn il-fabbrika u maħżen estern;

—

Il-valur totali tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija li ma setgħux jiġu allokati għal tranżazzjonijiet individwali ta’ bejgħ domestiku minħabba n-nuqqas ta’ evidenza ta’ sostenn.

(600)

Fir-rigward tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija, il-Kummissjoni ċaħdet l-allokazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija għal kull tranżazzjoni. Minflok, il-Kummissjoni inkludiet il-valur totali rrapportat fl-ispejjeż SG & A użati biex tiġi ddeterminata l-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku.

(601)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Borcelik ikkummentat dwar it-trattament mill-Kummissjoni tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija. Peress li dawk il-kummenti jikkonċernaw ukoll it-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, dawn ġew indirizzati fit-taqsima 3.5.5.

(602)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Borcelik affermat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi l-allokazzjoni tagħha tal-ispejjeż tal-imgħax għal self orjentat lejn l-esportazzjoni kemm għall-bejgħ domestiku kif ukoll għall-bejgħ għall-esportazzjoni. Skont Borcelik, ir-rifjut tal-Kummissjoni tad-differenzjazzjoni tagħha bejn self orjentat lejn l-esportazzjoni u self ieħor, abbażi tal-użu tas-self u n-nuqqas ta’ mekkaniżmu li jorbothom mal-esportazzjonijiet, jenħtieġ li jitreġġa’ lura. Borcelik argumentat li, peress li s-sempliċi eżistenza ta’ impenn ta’ esportazzjoni kienet biżżejjed biex il-Kummissjoni tikkunsidra self orjentat lejn l-esportazzjoni bħala sussidji għall-esportazzjoni f’investigazzjonijiet dwar is-sussidji (127), il-Kummissjoni jenħtieġ li tapplika l-istess prinċipju f’dan il-każ biex tiddetermina jekk l-ispejjeż tal-imgħax imġarrba għal tali self jenħtiġux li jiġu allokati għall-bejgħ għall-esportazzjoni biss jew għall-bejgħ kollu. Il-kumpanija tenniet l-affermazzjoni tagħha fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, minkejja l-fatt li l-kwistjoni ma kinitx soġġetta għad-divulgazzjoni finali addizzjonali u l-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti mid-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(603)

Il-Kummissjoni eżaminat l-affermazzjoni. Il-Kummissjoni enfasizzat li d-deċiżjoni tagħha li talloka l-ispejjeż tal-imgħax marbuta ma’ self orjentat lejn l-esportazzjoni kienet ibbażata fuq il-fatti tal-każ. F’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni vvalutat jekk l-ispejjeż imġarrba mis-self orjentat lejn l-esportazzjoni jenħtiġux li jiġu allokati biss għall-bejgħ għall-esportazzjoni. Il-verifika fuq il-post uriet li biex tingħata self orjentat lejn l-esportazzjoni, il-kumpanija trid tieħu impenn ta’ esportazzjoni u li hemm sistema fis-seħħ li permezz tagħha l-bank isegwi t-twettiq tal-impenn. Madankollu, ma kien hemm l-ebda evidenza fil-fajl li turi li l-fondi miksuba permezz ta’ self orjentat lejn l-esportazzjoni kellhom jintużaw jew intużaw purament biex ikopru l-kost assoċjat mal-bejgħ għall-esportazzjoni, eż. billi l-użu tas-self jiġi marbut direttament mal-akkwist ta’ materja prima li jkollha tintuża biss fil-produzzjoni ta’ oġġetti lesti għall-esportazzjonijiet. Il-kumpanija lanqas ma ppreżentat tali evidenza fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali. Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(604)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Borcelik affermat li l-Kummissjoni għaddet darbtejn l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp. F’dan ir-rigward, il-kumpanija tenniet it-trattament kontabilistiku tal-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp. Hija affermat ukoll li l-introjtu riċevut minn sussidji b’rabta ma’ dawn l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp jenħtieġ li jitqies.

(605)

Il-Kummissjoni eżaminat l-affermazzjoni u b’mod partikolari vverifikat jekk l-ispjegazzjonijiet li jikkonċernaw it-trattament kontabilistiku tal-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp kinux konformi mal-bilanċ ta’ prova tal-kumpanija. Il-Kummissjoni sabet li tabilħaqq, l-amortizzament tal-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp ġie inkluż fil-kost tal-bejgħ u fl-ispejjeż SG & A. Għalhekk, l-inklużjoni tal-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp imġarrba matul l-investigazzjoni fid-determinazzjoni tal-perċentwal SG & A tkun tfisser li l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp tqiesu darbtejn. Il-Kummissjoni kkoreġiet il-kalkolu tagħha u użat il-perċentwal SG & A rivedut fil-kalkolu tal-marġni tad-dumping.

(606)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Borcelik indikat li l-Kummissjoni neħħiet l-introjtu mill-bejgħ tar-ruttam u l-introjtu mill-ħlasijiet tard mill-ispejjeż SG & A u inkludiet iż-żewġ entrati taħt il-bejgħ totali. Madankollu, meta kkalkolat il-perċentwal SG & A, il-Kummissjoni użat biss il-fatturat iġġenerat mill-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni u naqset milli tinkludi l-fatturat iġġenerat miż-żewġ entrati ta’ introjtu msemmija hawn fuq. Borcelik talbet lill-Kummissjoni biex tikkoreġi dan l-iżball fil-kalkolu. Il-kumpanija tenniet l-affermazzjoni tagħha fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali u għal darb’oħra dwar it-tieni divulgazzjoni finali addizzjonali, minkejja l-fatt li l-kwistjoni ma kienet soġġetta għal ebda waħda miż-żewġ divulgazzjonijiet finali addizzjonali u l-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti minn dawk id-divulgazzjonijiet finali addizzjonali.

(607)

Il-metodoloġija tal-Kummissjoni ntgħażlet deliberatament u ma kinitx riżultat ta’ żball. Il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi direttament fil-kwestjonarju biex jirrapportaw diversi tipi ta’ introjtu taħt il-kategorija tal-fatturat minflok fost is-subkategoriji tal-ispejjeż SG & A. Barra minn hekk, l-istruzzjonijiet urew li l-introjtu għajr mill-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni (jew, bl-istess mod, prodotti lesti oħrajn) ma kellux jiġi allokat għall-bejgħ totali ta’ kull kategorija ta’ prodotti. Għalhekk, l-introjtu mill-bejgħ tar-ruttam u mill-pagamenti tard ma kienx suppost li jintuża bħala d-denominatur meta l-ispejjeż SG & A ddeterminati jiġu espressi bħala perċentwal. Madankollu, il-kumpanija injorat l-istruzzjonijiet imsemmija hawn fuq u rrapportat il-kategoriji ta’ introjtu rispettivi taħt l-ispejjeż SG & A. Għalhekk, il-Kummissjoni neħħiet iż-żewġ entrati ta’ introjtu mill-ispejjeż SG & A u ma qisitx dawn meta stabbiliet il-valur tal-fatturat użat biex tiddetermina l-perċentwal SG & A. Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(608)

Fir-rigward tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija bejn il-fabbrika u l-maħżen, il-Kummissjoni użat l-informazzjoni dwar il-post ta’ dawk l-imħażen u stmat il-kost unitarju medju tat-trasport tal-merkanzija abbażi tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija rrapportati mill-kumpanija fuq bażi ta’ tranżazzjoni bi tranżazzjoni. Tali spejjeż kienu l-aħjar informazzjoni disponibbli fil-fajl għall-istima tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija neqsin, minkejja li l-Kummissjoni kienet ċaħdet l-allokazzjoni. Għalkemm id-data sottostanti kienet difettuża u b’mod ġenerali, mhux affidabbli għalkollox, mingħajr ma jiġi stmat il-kost tat-trasport bejn il-fabbrika u l-imħażen esterni, l-ispejjeż SG & A kienu jkunu sottovalutati.

(609)

Kif spjegat fid-dettall fil-premessi (574) u (581), il-Kummissjoni identifikat kwistjonijiet bl-informazzjoni dwar il-qligħ u t-telf mill-kambju pprovduta mill-kumpanija. Għalkemm id-data ġiet ipprovduta b’dewmien sinifikanti, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet dettaljata biżżejjed biex tistabbilixxi valur affidabbli tal-qligħ u t-telf mill-kambju realizzat li għandu jiġi inkluż fl-ispejjeż SG & A.

(610)

Borcelik akkwistat kojls illaminati fis-sħana, il-materja prima ewlenija fil-manifattura tas-CRF, parzjalment mingħand fornitur relatat, AMFCE. Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat jekk dak ix-xiri sarx bi prezzijiet ta’ distakkament. Il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ AMFCE lil klijenti mhux relatati għall-gradi tal-azzar rilevanti mal-prezzijiet tal-bejgħ lil Borcelik fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Il-Kummissjoni sabet li AMFCE biegħet kojls illaminati fis-sħana ta’ gradi tal-azzar rilevanti lil klijenti mhux relatati għal prezzijiet ogħla mill-prezzijiet mitluba lil Borcelik għal gradi tal-azzar komparabbli. Konsegwentement, il-Kummissjoni aġġustat il-kost tal-kojls illaminati fis-sħana rrapportat minn Borcelik għal livell ta’ distakkament. Dan irriżulta f’żieda fil-kost tal-produzzjoni ta’ 1,8 %.

(611)

Il-kost aġġustat tal-produzzjoni ntuża għall-analiżi tal-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku deskritta fil-premessa (590), kif ukoll għall-kostruzzjoni tal-valur normali deskritta fil-premessi (597) u (598).

(612)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Borcelik affermat li ma setgħetx tivverifika l-korrettezza tal-kalkolu peress li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar kif waslet għal din iċ-ċifra, għajr iċ-ċifra nnifisha u spjegazzjoni għaliex AMFCE allegatament ċaħdet id-divulgazzjoni ta’ din l-informazzjoni. Skont Borcelik, dan ifixkilha milli teżerċita d-drittijiet ta’ difiża tagħha u jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku.

(613)

Borcelik affermat ukoll li, minkejja li ma għandha l-ebda mezz biex tivverifika, informazzjoni oħra rreġistrata dwar il-prezzijiet medji tax-xiri mill-Grupp Arcelor Mittal tidher li tikkontradixxi l-konklużjoni tal-Kummissjoni rigward l-analiżi tad-distakkament tagħha.

(614)

Fl-aħħar nett, Borcelik affermat li tqabbil medju fuq perjodu ta’ sena (jew itwal) jista’ ma jkunx xieraq biex jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjonijiet humiex skont kundizzjonijiet ta’ distakkament minħabba varjazzjonijiet sinifikanti fis-swieq tal-materja prima, u li t-tqabbil xieraq tal-prezzijiet jenħtieġ li jsir meta jitqabblu l-prezzijiet fl-istess suq, jiġifieri, it-Turkija. F’dan ir-rigward, Borcelik talbet lill-Kummissjoni tiċċara jekk it-tqabbil tal-prezzijiet użat għall-analiżi tad-distakkament kienx medja għall-perjodu ta’ investigazzjoni kollu jew le; (2) il-post tal-klijenti tal-AMFCE; u (3) il-volum tal-bejgħ ta’ dawn il-klijenti.

(615)

Il-kumpanija tenniet l-affermazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (612) sa (614) fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, minkejja l-fatt li dawn il-kwistjonijiet ma kinux soġġetti għad-divulgazzjoni finali addizzjonali u l-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti mid-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(616)

Il-Kummissjoni spjegat fid-divulgazzjoni finali speċifika għall-kumpanija l-metodoloġija użata biex jiġi vvalutat jekk Borcelik xtratx l-HRC mill-AMFCE bil-prezz tas-suq. Il-Kummissjoni ġabret il-lista sħiħa tat-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-bejgħ tal-HRC mill-AMFCE lill-klijenti kollha tagħha matul il-kontroverifika remota. Imbagħad, il-Kummissjoni identifikat gradi tal-azzar li nbiegħu kemm lil Borcelik kif ukoll lil klijenti mhux relatati, fi kwantitajiet mhux negliġibbli. Il-Kummissjoni qabblet il-prezz medju ponderat ta’ dawk il-gradi tal-azzar meta jinbiegħu lil klijenti mhux relatati u lil Borcelik. Tabilħaqq, il-Kummissjoni ma pprovdietx lil Borcelik id-data sottostanti u l-kalkoli li jirriżultaw. Kif diġà ġie spjegat, dan kien dovut għar-riżervi tal-AMFCE dwar il-kunfidenzjalità. Il-kooperazzjoni limitata tal-grupp dwar dan is-suġġett, billi Borcelik hija relatata mal-AMFCE permezz ta’ azzjonist komuni, illimitat il-kapaċità tal-Kummissjoni li tiddivulga d-data sottostanti sħiħa u l-kalkoli li jirriżultaw. Il-grupp ma jistax minn naħa jipprevjeni l-aċċess ta’ entità waħda għad-data ta’ entità oħra u mbagħad juża l-imġiba tiegħu stess biex jafferma li l-Kummissjoni fixklet id-drittijiet tad-difiża tiegħu.

(617)

Fir-rigward tal-affermazzjoni stabbilita fil-premessa (613), il-Kummissjoni nnotat li l-kumpanija użat sett ta’ data kompletament irrilevanti għall-analiżi tagħha. L-ewwel ikklassifikat l-HRC mixtri fi tliet kategoriji. Imbagħad Borcelik qabblet il-prezzijiet imħallsa lil fornituri mhux relatati u lill-AMFCE. L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li l-klassifikazzjoni li ħolqot il-kumpanija ma ppermettietx li jintlaħqu konklużjonijiet raġonevoli. Il-kumpanija tabilħaqq ġabret flimkien 50 % tal-gradi tal-HRC mixtrija mingħand l-AMFCE taħt il-kategorija “oħrajn”, li ma tippermettix analiżi dettaljata fuq bażi ta’ paragun bejn elementi simili. It-tieni, biex jiġi eżaminat jekk il-prezzijiet imħallsa lil fornitur relatat kinux f’kundizzjonijiet ta’ distakkament, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-fornitur iridu jiġu eżaminati, jiġifieri tqabbil tal-prezzijiet tax-xiri mħallsa minn Borcelik lil fornituri mhux relatati u lil AMFCE kien għal dan il-għan irrilevanti.

(618)

Fir-rigward tal-affermazzjonijiet ta’ Borcelik stabbiliti fil-premessa (614), il-Kummissjoni nnotat li l-kumpanija ma pprovdiet l-ebda evidenza tal-fluttwazzjonijiet allegati fil-prezzijiet tal-materja prima. Barra minn hekk, id-data miġbura minn Borcelik u AMFCE turi li x-xiri/il-bejgħ rilevanti ma kinux ikkonċentrati f’ċerti xhur jew trimestri iżda kienu mifruxa b’mod ugwali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kollu. Tabilħaqq, il-Kummissjoni wettqet l-analiżi abbażi ta’ medji ponderati għall-perjodu ta’ investigazzjoni kollu, meta qieset klijenti mhux relatati tal-AMFCE irrispettivament mill-post tagħhom. Il-grupp ta’ klijenti mhux relatati kien jinkludi klijenti li lilhom AMFCE biegħet volumi aktar baxxi milli lil Borcelik kif ukoll klijenti li lilhom biegħet volumi komparabbli jew ogħla. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-analiżi ma kinitx ivvizzjata mill-kwantitajiet mibjugħa mill-AMFCE lil klijenti individwali.

(619)

Konsegwentement, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (616) sa (618), l-affermazzjonijiet ta’ Borcelik dettaljati fil-premessi (612) sa (614) ġew miċħuda.

(620)

Meta jitqiesu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas parzjali ta’ kooperazzjoni minn Tatmetal, il-Kummissjoni użat il-fatti disponibbli biex tistma l-valur totali tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija inklużi fil-kostijiet SG & A, li ma setgħux jiġu allokati għal tranżazzjonijiet individwali ta’ bejgħ domestiku minħabba n-nuqqas ta’ evidenza ta’ sostenn.

(621)

Wara l-fatti stabbiliti fil-premessa (558), il-Kummissjoni ċaħdet l-allokazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija għal kull tranżazzjoni fil-lista tal-bejgħ domestiku. Minflok, il-Kummissjoni inkludiet il-valur totali rrapportat fl-ispejjeż SG & A użati biex tiġi ddeterminata l-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku.

(622)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Tatmetal talbet lill-Kummissjoni żżid, mal-ammont ta’ bejgħ totali tal-prodott taħt investigazzjoni fis-suq domestiku lil klijenti indipendenti, il-bejgħ iddestinat għaż-żoni ta’ kummerċ ħieles fit-Turkija sabiex tiddetermina l-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku inkluż il-bejgħ lil żoni ta’ kummerċ ħieles.

(623)

Il-Kummissjoni analizzat l-affermazzjoni u qablet li tinkludi l-ammont rispettiv ta’ bejgħ liż-żoni ta’ kummerċ ħieles biex tistabbilixxi l-profittabbiltà fis-suq domestiku. L-affermazzjoni ġiet aċċettata.

(624)

Barra minn hekk, fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Tatmetal issottomettiet diversi kummenti dwar id-determinazzjoni tal-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku. Minħabba s-sensittività tan-natura tal-kummenti, li jikkontestaw l-aġġustamenti fil-livell ta’ kontijiet individwali, il-Kummissjoni wieġbet għall-kummenti f’divulgazzjoni individwali lill-kumpanija. Il-kummenti dwar il-profitti mill-kambju u t-telf mill-kambju ġew aċċettati parzjalment. Il-kummenti dwar l-introjtu u t-telf straordinarju u l-aġġustament rivedut tal-kumpens għar-ruttam ġew miċħuda. Il-kumment dwar l-aġġustament tal-inflazzjoni ġie miċħud u l-valur sottostanti ġie rivedut mill-Kummissjoni.

(625)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, Tatmetal opponiet l-użu mill-Kummissjoni tad-data tal-ewwel nofs tal-2024 relatata mal-aġġustament tal-inflazzjoni mill-bilanċ ta’ prova bħala indikatur għall-ewwel nofs tal-2025. Tatmetal sostniet li ċ-Ċirkolari Ġenerali tat-Turkija dwar il-Komunikat Nru 582 tal-Liġi dwar il-Proċedura tat-Taxxa (128) stipulat li ma kellu jsir l-ebda aġġustament tal-inflazzjoni fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet perjodi tat-taxxa provviżorja tal-perjodu kontabilistiku tal-2025. Tatmetal issottomettiet ulterjorment il-Liġi Nru 7571 (129) li tikkonferma d-dispożizzjonijiet taċ-Ċirkolari msemmija qabel. Tatmetal talbet lill-Kummissjoni teskludi l-aġġustament tal-inflazzjoni ta’ H1 2024.

(626)

Il-Kummissjoni sabet l-affermazzjoni ġġustifikata u rrevediet il-marġni tad-dumping ta’ Tatmetal kif xieraq.

(627)

Barra minn hekk, Tatmetal tenniet l-affermazzjoni tagħha dwar id-dħul l-ieħor u l-valwazzjonijiet tar-rata tal-kambju ta’ tmiem ix-xahar, għalkemm is-sustanza ma kinitx soġġetta għad-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-formuli tal-kalkolu biss. Il-kumpanija għamlet ukoll kumment ġdid, dwar id-dħul finanzjarju fit-Tabella G-PL, għalkemm il-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti mid-divulgazzjoni finali addizzjonali.

3.5.4.   Prezz tal-esportazzjoni

(628)

It-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun esportaw lejn l-Unjoni jew direttament lil klijenti indipendenti jew permezz ta’ kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importaturi.

(629)

Għall-produtturi esportaturi li esportaw il-prodott ikkonċernat direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz li effettivament tħallas jew dak pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(630)

Għall-produtturi esportaturi li esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importatur, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa’ nbiegħ għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ, saru aġġustamenti fil-prezz għall-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inklużi l-ispejjeż SG & A, u għall-profitti akkumulati. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kostijiet SG & A effettivi rrapportati mill-importaturi relatati. Fir-rigward tal-profitt, minħabba li l-ebda importatur mhux relatat ma kkoopera f’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-profitt stabbilit għal importatur mhux relatat f’investigazzjoni anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ CRF li joriġinaw mir-RPĊ u mill-Federazzjoni Russa, jiġifieri 2 % (130), li ntuża wkoll fl-investigazzjoni reċenti dwar l-HRF (131).

(631)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Tatmetal sostniet li n-noti ta’ kreditu fl-elenkar tal-bejgħ tal-UE diġà ġew ikkonvertiti fi TRY qabel ma l-Kummissjoni wettqet kalkolu tal-kambju u b’hekk ikkonvertiet darbtejn il-valuri tan-noti ta’ kreditu.

(632)

Il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ta’ sostenn sottomessa minn Tatmetal u nnotat li, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni ta’ hawn fuq, Tatmetal ikkonvertiet biss nota ta’ kreditu waħda fi TRY fl-elenkar tal-bejgħ tal-UE. Il-munita tan-noti ta’ kreditu li jifdal kienet tabilħaqq EUR, u l-Kummissjoni applikat il-formula tal-kambju biex tikkalkula l-valuri netti tal-fattura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat inkonsistenzi fil-valuri tan-noti ta’ kreditu rrapportati f’EUR fl-evidenza addizzjonali sottomessa u, b’konsegwenza ta’ dan, ikkoreġiet il-valur tan-noti ta’ kreditu fl-elenkar tal-bejgħ tal-UE. L-argument ġie aċċettat parzjalment.

(633)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, Tatmetal ma qablitx mat-trattament min-naħa tal-Kummissjoni tan-noti ta’ kreditu fl-elenkar tal-bejgħ tal-UE u rreferiet għal dokument ta’ aġġustament tal-kontijiet sottomess bħala parti mit-tweġiba għall-kwestjonarju. Tatmetal talbet li n-noti ta’ kreditu kollha rrapportati jiġu ttrattati fi TRY.

(634)

Il-Kummissjoni qabblet in-numri tan-noti ta’ kreditu mill-aġġustament tal-kontijiet. Il-Kummissjoni qabblet il-fatturi tal-bejgħ relatati mid-dokument imsemmi mal-lista tal-bejgħ kollha, li nġabret matul iż-żjara ta’ verifika, u kkonkludiet li l-valuri tan-noti ta’ kreditu ġew irrapportati f’EUR, mhux fi TRY. L-argument ġie miċħud.

(635)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Tatmetal sostniet li l-Kummissjoni għamlet żball fil-kalkolu tal-valur CIF għat-tranżazzjonijiet skont l-incoterms FCA, FOB u CFR. Tatmetal talbet lill-Kummissjoni taġġorna l-formula ta’ kalkolu.

(636)

Il-Kummissjoni analizzat l-affermazzjoni u żiedet l-ammonti rilevanti biex tistabbilixxi l-valur CIF fl-elenkar tal-bejgħ tal-UE. L-ammonti unitarji tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar u tal-immaniġġar u tat-tagħbija ġew stabbiliti wara t-tweġiba għall-ittra tal-Artikolu 18. L-affermazzjoni ġiet aċċettata.

(637)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, Tatmetal indikat żball klerikali fil-valuri CIF ta’ għadd limitat ta’ tranżazzjonijiet tal-FCA.

(638)

Il-Kummissjoni kkoreġiet il-valuri CIF u l-valuri tal-aġġustamenti tat-tranżazzjonijiet affettwati. Il-bidla kienet negliġibbli. L-argument ġie aċċettat.

3.5.5.   Tqabbil

(639)

L-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħmel paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fl-istess livell ta’ kummerċ u li tagħmel konċessjonijiet għad-differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni għażlet li tqabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fil-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Kif spjegat aktar hawn taħt, fejn xieraq, il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew aġġustati sabiex: (i) jiġu nnettjati lura għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika; u (ii) isiru provvedimenti għad-differenzi fil-fatturi li ġew iddikjarati, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet.

3.5.5.1.   Aġġustamenti magħmula għall-valur normali

(640)

Kif spjegat fil-premessa (639), il-valur normali ġie stabbilit fil-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika bl-użu tal-kostijiet tal-produzzjoni flimkien mal-ammonti għall-ispejjeż SG & A u għall-profitt, li tqiesu li huma raġonevoli għal dak il-livell ta’ kummerċ. Saru aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10) għar-rati tal-kambju, it-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-kostijiet anċillari, il-kostijiet tal-ippakkjar, l-iskontijiet u r-rifużjonijiet, il-kost tal-kreditu u l-garanziji pprovduti lil klijenti domestiċi indipendenti.

(641)

Iż-żewġ produtturi esportaturi Torok talbu aġġustament għar-rifużjoni tad-dazju skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku għad-dazju fuq l-importazzjoni tal-kojls tal-azzar ċatti llaminati fis-sħana (HRC). Borcelik u Tatmetal affermaw li d-dazji fuq l-importazzjoni jeħtieġ li jitħallsu għall-materjali importati u li l-kost tal-produzzjoni għall-bejgħ domestiku huwa ogħla milli għall-bejgħ għall-esportazzjoni, li ma jġarrabx dan il-kost addizzjonali tad-dazji fuq l-importazzjoni.

(642)

Fit-Turkija, japplika dazju fuq l-importazzjoni tal-HCR, li huma inputs fil-manifattura ta’ prodotti tal-azzar ċatti llaminati fil-kiesaħ. Madankollu, taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv (“IPR”, inward processing regime), il-produtturi domestiċi huma eżentati mill-ħlas ta’ tali dazju jekk l-HRC importati jintużaw biex jipproduċu prodotti lesti li finalment jiġu esportati. Iż-żewġ esportaturi inklużi fil-kampjun ma pprovdewx evidenza tal-ħlas tad-dazju fuq l-importazzjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li tiggarantixxi aġġustament għall-fini ta’ tqabbil ġust. Għall-kuntrarju, l-informazzjoni pprovduta wriet li ssodisfaw l-impenn ta’ esportazzjoni marbut ma’ kull permess tal-IPR. Għal din ir-raġuni, l-affermazzjoni tqieset bla bażi u, għalhekk, ġiet miċħuda.

(643)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Borcelik indikat li l-Kummissjoni neħħiet il-kummissjoni mħallsa lil kummerċjant relatat fis-suq domestiku mill-aġġustamenti rrapportati fir-rigward tal-bejgħ domestiku lil klijenti relatati u mhux relatati. Madankollu, il-Kummissjoni naqset milli tneħħi l-istess kummissjoni rrapportata bħala introjtu mill-bejgħ mill-ġdid tal-kummerċjant relatat lil klijenti domestiċi mhux relatati.

(644)

Il-Kummissjoni eżaminat l-affermazzjoni u sabet li tabilħaqq, bħala riżultat ta’ żball klerikali, il-kummissjoni li rċieva l-kummerċjant relatat ma tneħħietx mill-aġġustamenti rrapportati fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid tal-kummerċjant domestiku lil klijenti mhux relatati fis-suq domestiku. Il-Kummissjoni kkoreġiet l-iżball.

(645)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Borcelik affermat li l-Kummissjoni kienet applikat approċċ inkonsistenti meta neħħiet il-kostijiet ta’ kreditu rrapportati mill-bejgħ domestiku filwaqt li, għall-bejgħ tal-Unjoni, injorat il-kostijiet ta’ kreditu rrapportati iżda xorta inkludiet ammont ikkalkolat mill-ġdid ibbażat fuq it-termini ta’ pagament irrapportati. Skont Borcelik, l-istess approċċ jenħtieġ li jintuża għall-bejgħ kollu peress li l-modalitajiet tal-ħlas kienu l-istess fiż-żewġ swieq.

(646)

Il-Kummissjoni ma qablitx. Il-kumpanija affermat li kienet tuża l-istess modalitajiet ta’ pagament għall-bejgħ fis-suq domestiku u fis-suq tal-Unjoni. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-metodi ta’ pagament użati għall-bejgħ lejn l-Unjoni fil-biċċa l-kbira ma ppermettewx li jinġabru pagamenti bl-istess mod bħal fis-suq domestiku. Madankollu, il-Kummissjoni sabet li għall-bejgħ għall-esportazzjoni permezz ta’ kummerċjant domestiku speċifiku, il-metodi ta’ pagament kienu simili għal dawk użati fis-suq domestiku. Għalhekk, għat-tranżazzjonijiet korrispondenti, il-Kummissjoni neħħiet l-aġġustament għall-kost tal-kreditu wkoll mill-bejgħ lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni. Id-dettalji kunfidenzjali tal-analiżi ta’ hawn fuq ġew żvelati lill-kumpanija fid-divulgazzjoni speċifika għall-kumpanija.

(647)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, Borcelik tenniet li l-Kummissjoni użat approċċ inkonsistenti meta ċaħdet il-kost tal-kreditu għall-bejgħ domestiku u aċċettatu għall-bejgħ lejn l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-bejgħ permezz ta’ negozjant domestiku mhux relatat. Filwaqt li l-kumpanija qablet li t-termini tal-ħlas kuntrattati jinfluwenzaw l-iffissar tal-prezzijiet, hija kkontestat it-trattament tal-Kummissjoni tal-kost tal-kreditu rrapportat abbażi tal-modalitajiet tal-ħlas, il-mod li bih fl-aħħar mill-aħħar jitħallsu l-fatturi.

(648)

Il-Kummissjoni ċċarat li tabilħaqq ċerti modalitajiet ta’ pagament, b’mod partikolari jekk jiġu applikati b’mod konsistenti u magħrufa meta t-terminu ta’ pagament jiġi miftiehem kuntrattwalment, jistgħu jxejnu l-effett tal-kreditu kummerċjali pprovdut fuq il-livell tal-prezz tal-bejgħ. Pereżempju, il-Kummissjoni qieset li, meta l-klijenti rikorrenti jżommu kont miftuħ ma’ fornitur u jħallsu d-djun pendenti tagħhom permezz ta’ pagamenti ta’ somma f’daqqa okkażjonali minflok ma jħallsu kompletament kull fattura sad-data dovuta individwali tagħha, it-terminu ta’ pagament miftiehem kuntrattwalment ma jservix ta’ bażi għall-iffissar tal-prezzijiet mill-fornitur. Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(649)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Borçelik ikkontestat it-trattament tal-Kummissjoni tal-ispejjeż relatati mat-trasport li jkopru l-ispejjeż tat-trasport dirett u l-ispejjeż tat-trasport bejn il-fabbrika ta’ Borçelik u l-imħażen (mhux relatati). B’mod konkret, Borçelik affermat li l-ispejjeż diretti tat-trasport jenħtieġ li jitnaqqsu bħala aġġustament mill-prezz tal-bejgħ domestiku u jenħtieġ li jitneħħew mill-kostijiet SG & A użati għat-test tal-perkors normali tal-kummerċ.

(650)

Borcelik affermat ukoll li l-inklużjoni tal-Kummissjoni, fil-bejgħ domestiku, tal-kost tat-trasport tal-merkanzija mill-impjant għall-imħażen esterni kienet inkonsistenti mal-prattika tal-passat tagħha, fejn, mill-inqas għall-bejgħ domestiku, il-kostijiet tat-trasport lejn maħżen (irrispettivament minn jekk huwiex proprjetà ta’ parti relatata jew mhux relatata) ma setgħux jitnaqqsu bħala aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(e) tar-Regolament bażiku (132). Skont Borcelik, dan ikun ifisser ukoll li l-Kummissjoni ma setgħetx tapplika l-fatti disponibbli dwar dawn l-ispejjeż, peress li ma kellhomx għalfejn jiġu rrapportati mill-bidu nett.

(651)

Borcelik affermat ukoll li jenħtieġ li t-trasport tal-merkanzija lejn imħażen mikrija ma jiżdiedx mal-ispejjeż SG & A bħala spiża relatata mat-trasport.

(652)

Il-kumpanija tenniet l-affermazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (649) sa (651) fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, minkejja l-fatt li dawn il-kwistjonijiet ma kinux soġġetti għad-divulgazzjoni finali addizzjonali u l-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti mid-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(653)

Fir-rigward tat-trattament kontabilistiku tal-ispejjeż imġarrba għat-trasport tal-merkanzija bejn il-fabbrika u l-imħażen mikrija, il-Kummissjoni l-ewwel innotat li l-kodiċi tal-kont li taħtu allegatament ġew irreġistrati l-ispejjeż ma ġiex irrapportat mill-kumpanija la fiċ-ċart tal-kontijiet sottomessa u lanqas fil-bilanċ ta’ prova. Kif diskuss fil-premessi (573), (580) u (581), il-kumpanija naqset milli tipprovdi bilanċ ta’ prova sħiħ anke wara diversi talbiet. Wara l-kummenti mill-kumpanija dwar id-divulgazzjoni finali, jidher li l-verżjoni li waslet finalment matul il-verifika fuq il-post xorta kienet ħalliet barra xi kontijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat ir-rapport mill-kontabbiltà tal-kostijiet tal-kumpanija u sabet li anke jekk l-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija ma kinux ittrattati bħala spejjeż SG & A mill-kumpanija, lanqas ma ġew irreġistrati fil-kost tal-produzzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li biex tkopri l-kostijiet kollha li kkontribwew għall-kost sħiħ relatat mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni, l-inklużjoni tal-kost tat-trasport tal-merkanzija taħt l-ispejjeż SG & A kienet approċċ xieraq biex tirrifletti l-kost għat-test tal-perkors normali tal-kummerċ. Filwaqt li l-kostijiet tat-trasport intern (bejn diversi imħażen tal-produttur) ma jistgħux jiġu dedotti meta jiġi nnettjat lura jew il-prezz tal-esportazzjoni jew il-valur normali għal-livell tal-kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika (peress li jappartjenu għal dak il-livell ta’ kummerċ), sakemm ikunu relatati mal-bejgħ domestiku, xorta jkunu kostijiet “li jappartjenu għall-produzzjoni u għall-bejgħ, fil-perkors normali tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew mill-produttur taħt investigazzjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, l-affermazzjonijiet deskritti fil-premessi (649) sa (651) ġew miċħuda.

(654)

Fl-aħħar nett, Borcelik u Tatmetal affermaw li l-Kummissjoni kisret l-obbligu skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku li twettaq tqabbil ġust fl-istess livell ta’ kummerċ minħabba li ż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport fil-kostijiet SG & A u għalhekk fil-valur normali wasslet għal valur normali mhux fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, filwaqt li l-prezz tal-esportazzjoni ma kienx jinkludi tali spejjeż u konsegwentement kien fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Tatmetal issuġġeriet li l-Kummissjoni tintroduċi mill-ġdid il-kost tat-trasport domestiku tal-merkanzija fl-elenkar tal-bejgħ domestiku u żżomm il-kost SG & A fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

(655)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Tatmetal affermat ukoll li jekk il-Kummissjoni sostniet li l-valuri tat-trasport domestiku tal-merkanzija kkalkolati minn Tatmetal ma kinux xierqa biex jintużaw, jenħtieġ li ma tallokax is-somma ta’ dawk il-valuri għall-kost tat-trasport tal-merkanzija domestiku fil-kostruzzjoni SG & A. Tatmetal talbet lill-Kummissjoni biex tinjora kompletament il-kalkoli tat-trasport domestiku tal-merkanzija ta’ Tatmetal u talloka ċ-ċifra totali tat-trasport domestiku, li ġiet iddeterminata mill-bilanċ ta’ prova ta’ Tatmetal, fuq bażi tal-fatturat fit-Tabella G-profitt u telf.

(656)

Il-Kummissjoni eżaminat l-affermazzjoni ta’ Borcelik stabbilita fil-premessa (654). Tabilħaqq, għal għadd żgħir ta’ tranżazzjonijiet, il-kost tat-trasport tal-merkanzija kien appoġġat b’mod suffiċjenti minn evidenza. It-termini ta’ konsenja applikabbli għal tranżazzjonijiet individwali ġew ivverifikati wkoll kif xieraq. Għalhekk, il-Kummissjoni identifikat l-aktar kost tat-trasport tal-merkanzija unitarju reali baxx ibbażat fuq l-informazzjoni vverifikata u applikat dan il-kost tat-trasport tal-merkanzija għat-tranżazzjonijiet kollha fejn il-kost tat-trasport tal-merkanzija ġiet ikkonsenjata lill-klijent. Il-Kummissjoni qieset li peress li dan l-aġġustament twettaq skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, l-użu tal-inqas kost unitarju tat-trasport tal-merkanzija żgura li l-imġiba tad-dumping tal-kumpanija ma kinitx sottovalutata bħala riżultat tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħha dwar din il-kwistjoni. Id-dettalji ta’ din ir-reviżjoni ġew żvelati lill-kumpanija f’divulgazzjoni speċifika għall-kumpanija.

(657)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, Borcelik irreferiet għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku u argumentat li peress li l-Kummissjoni kienet diġà użat l-informazzjoni sottomessa f’anness għat-tweġiba għall-kwestjonarju u f’dokument ta’ verifika, kellha tużaha b’tali mod biex tistabbilixxi kost unitarju tat-trasport tal-merkanzija aktar akkurat. F’dan ir-rigward, Borcelik sostniet li l-kost unitarju tat-trasport tal-merkanzija użat mill-Kummissjoni kien baxx wisq. Il-kumpanija indikat li l-kost unitarju medju sempliċi tat-trasport tal-merkanzija disponibbli fl-anness għat-tweġiba għall-kwestjonarju jew fid-dokument ta’ verifika kien ħafna ogħla. Il-kumpanija enfasizzat ulterjorment il-firxa tal-kost unitarju tat-trasport tal-merkanzija sottomessa fl-anness għat-tweġiba għall-kwestjonarju.

(658)

Barra minn hekk, il-kumpanija indikat li bl-allokazzjoni ta’ porzjon biss tal-ispejjeż tat-trasport imġarrba u bl-inklużjoni tal-valur residwu fl-ispejjeż SG & A użati fit-test tal-perkors normali tal-kummerċ, il-valur normali li jirriżulta ma huwiex fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

(659)

Il-Kummissjoni nnotat li l-kumpanija naqset milli tispjega għaliex medja sempliċi stabbilita abbażi tal-informazzjoni minn dokument ta’ verifika li kien diġà nstab li kellu nuqqasijiet sinifikanti, jiġifieri li kien jipprovdi spejjeż tat-trasport għal sehem negliġibbli tat-tranżazzjonijiet kollha tal-bejgħ domestiku, kellha tkun aktar xierqa mill-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni. L-ewwel nett, kif spjegat fil-premessa (656), il-Kummissjoni għażlet l-inqas kost unitarju tat-trasport tal-merkanzija biex tiżgura li l-imġiba tad-dumping tal-kumpanija ma kinitx sottovalutata f’sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħha dwar din il-kwistjoni. It-tieni, meta jitqies kemm ma kienx komplut ir-rapport dwar il-vjeġġi sottomess fid-dokument ta’ verifika (li kien ikopri biss inqas minn 3 % tat-tranżazzjonijiet rilevanti tal-bejgħ domestiku, ara wkoll il-premessa (576)), kost unitarju medju sempliċi ma setax jitqies aktar xieraq jew rappreżentattiv tal-kost reali tat-trasport tal-merkanzija mill-metodoloġija użata mill-Kummissjoni. L-anness tat-tweġiba għall-kwestjonarju kien fih lista tal-prezzijiet tas-servizzi tat-trasport u tabilħaqq intuża biex jiġi stmat il-kost tat-trasport tal-merkanzija bejn il-fabbrika u maħżen (għad-dettalji, ara l-premessi (577), (599), (608), u (649) sa (653)) bħala l-aħjar indikatur disponibbli. Madankollu, dan l-anness ma ġiex ivverifikat direttament peress li matul il-verifika fuq il-post, il-kumpanija spjegat li użat ir-rapport dwar il-vjeġġ miġbur bħala d-dokument ta’ verifika msemmi hawn fuq. Il-prezzijiet unitarji tat-trasport tal-merkanzija rrapportati fil-lista tal-prezzijiet bdew bi prezz ogħla mill-inqas kost unitarju tat-trasport tal-merkanzija identifikat mill-Kummissjoni fir-rapport dwar il-vjeġġ. Dan jindika li l-anness innifsu seta’ ma kienx komplut jew seta’ ma kienx jirrifletti l-prezzijiet effettivament imħallsin għas-servizzi tat-trasport. Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(660)

Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-valur normali ma kienx fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, il-Kummissjoni sabet li din kienet iġġustifikata u rrevediet il-marġni tad-dumping kif xieraq.

(661)

Fir-rigward ta’ Tatmetal, il-Kummissjoni tenniet li ma ġiet sottomessa l-ebda evidenza biex tikkonferma l-ispejjeż tat-trasport domestiku tal-merkanzija fuq bażi ta’ tranżazzjoni bi tranżazzjoni. Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-indirizz tal-konsenja/ġbir ma ġiex irreġistrat fis-sistema kontabilistika biex tiġi traċċata d-destinazzjoni tal-bejgħ domestiku rrapportat bħala li qed jiġi kkonsenjat lill-klijent. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li peress li dan l-aġġustament twettaq skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, l-użu tal-inqas kost unitarju raġonevoli tat-trasport tal-merkanzija, f’dan il-każ dak għaż-żona ta’ Kocaeli, kien indikatur adegwat għall-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija biex jiġi stabbilit il-valur normali fil-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. L-argument ġie aċċettat parzjalment.

(662)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, Tatmetal sostniet li bl-allokazzjoni ta’ porzjon biss tal-ispejjeż tat-trasport imġarrba u bl-inklużjoni tal-valur residwu fl-ispejjeż SG & A użati fit-test tal-perkors normali tal-kummerċ, il-valur normali li jirriżulta ma huwiex fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

(663)

Il-Kummissjoni sabet l-affermazzjoni ġġustifikata u rrevediet il-marġni tad-dumping kif xieraq.

(664)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, Tatmetal sostniet li seħħ żball fl-allokazzjoni tal-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija relatati mal-bejgħ domestiku kkonsenjat lill-klijenti. Tatmetal talbet li l-Kummissjoni tirrettifika l-iżball.

(665)

Wara analiżi tal-affermazzjoni ta’ Tatmetal, il-Kummissjoni rrevediet id-data relatata mal-bejgħ domestiku u aġġornat it-Tabella G-PL kif xieraq.

3.5.5.2.   Aġġustamenti magħmula għall-prezz tal-esportazzjoni

(666)

Sabiex il-prezz tal-esportazzjoni jiġi nnettjat lura għal-livell tal-kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, saru aġġustamenti fir-rigward tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija, tal-assigurazzjoni, tal-immaniġġar, tat-tagħbija u spejjeż anċillari.

(667)

Saru provvedimenti għall-fatturi li ġejjin li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet: il-kost tal-ippakkjar, il-kost tal-kreditu u l-imposti bankarji.

(668)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Borcelik sostniet li l-Kummissjoni rrevediet b’mod żbaljat ir-rata tal-imgħax użata biex tiddetermina l-kost tal-kreditu għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodott taħt investigazzjoni minn Bamesa Otel lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni.

(669)

Il-Kummissjoni eżaminat l-affermazzjoni. Tabilħaqq, meta rrevediet ir-rata tal-imgħax kif miftiehem mal-kumpanija, il-Kummissjoni għamlet żball klerikali. Il-Kummissjoni kkoreġiet l-iżball u rrevediet il-livell tal-kost tal-kreditu fil-kalkolu tal-marġni tad-dumping.

(670)

Fir-rigward ta’ Tatmetal, minħabba l-inkonsistenzi sinifikanti fl-FX irrapportat fil-lista tal-bejgħ domestiku u fil-lista tal-bejgħ tal-UE, kif deskritt fil-premessi (551) sa (553), il-Kummissjoni applikat il-fatti disponibbli. Il-Kummissjoni ssostitwiet ir-rati tal-kambju ta’ kuljum irrapportati bir-rati tal-kambju ta’ kull xahar previsti fil-kwestjonarju anti-dumping għall-produtturi esportaturi.

(671)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Tatmetal sostniet li meta applikat korrezzjonijiet għall-elenkar tal-bejgħ tal-UE, il-Kummissjoni b’mod żbaljat attribwiet spejjeż tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar lil ċerti tranżazzjonijiet FOB u tal-FCA.

(672)

Il-Kummissjoni analizzat l-attribuzzjoni tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar fuq bażi ta’ tranżazzjoni b’tranżazzjoni u kkoreġiet l-iżball tal-allokazzjoni ta’ spejjeż tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar lil ċerti tranżazzjonijiet FOB u tal-FCA. L-argument ġie aċċettat.

3.5.5.3.   Kambju tal-munita

(673)

Il-bejgħ domestiku twettaq f’diversi muniti, inklużi TRY, EUR, USD. L-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni saru f’EUR jew USD. Għalhekk, kien meħtieġ kambju tal-munita sabiex il-valur normali jitqabbel mal-prezz tal-esportazzjoni. Il-Kummissjoni kkonvertiet il-prezzijiet tal-bejgħ għal TRY, il-munita tal-kontabilità tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(674)

Sabiex tiddetermina liema data jenħtieġ li titqies bħala d-data tal-bejgħ skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk it-termini materjali tal-bejgħ ġewx stabbiliti abbażi tal-fattura jew tal-ordni tax-xiri/kuntratt tal-bejgħ. Il-Kummissjoni sabet li l-maġġoranza kbira tal-bejgħ kienet ibbażata fuq ordnijiet ta’ xiri individwali aktar milli fuq kuntratti ta’ bejgħ fit-tul. L-ordni tax-xiri ddefiniet it-termini materjali tal-bejgħ, bħall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, il-kwantità, il-ħin tal-kunsinna, il-prezz unitarju (normalment denominat f’munita barranija, prinċipalment USD), it-terminu tal-ħlas. L-ordni tax-xiri ppermettiet tolleranza fil-kwantità kkunsinnata, madankollu, il-prezz ġie stabbilit definittivament fl-ordni tax-xiri. L-evidenza miġbura mingħand il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ikkonfermat li l-prezzijiet mitluba fil-fattura ma ġewx aġġustati biex jirriflettu l-varjazzjonijiet tal-prezzijiet tas-CRF jew il-varjazzjonijiet tar-rati tal-kambju bejn il-munita tal-ordni tax-xiri u l-munita tal-kontabbiltà tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li l-ordni tax-xiri stabbiliet b’mod aktar xieraq it-termini materjali tal-bejgħ u, b’hekk, jenħtieġ li d-data tagħha tintuża għall-kambji tal-muniti skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku.

(675)

Fil-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali, kemm Borcelik kif ukoll Tatmetal affermaw li t-termini materjali tal-bejgħ ma ġewx stabbiliti fiż-żmien tal-ordni tax-xiri. Skont dawn, l-elementi f’tali ordnijiet ma kinux definittivi fiż-żmien meta ġew stabbiliti l-ordnijiet u kienu stabbiliti b’mod definittiv biss fiż-żmien tal-fatturazzjoni. Iż-żewġ kumpaniji appoġġaw l-affermazzjoni billi rreferew għall-evidenza fil-fajl, fejn il-bejgħ ivverifikat mill-Kummissjoni kkonferma l-eżistenza ta’ differenzi bejn l-ordni tax-xiri u l-fatturi, differenzi li f’xi każijiet marru lil hinn mit-tolleranzi miftiehma fl-ordni tax-xiri.

(676)

Il-Kummissjoni nnotat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’Özkan Demir (133) li huwa f’idejn il-Kummissjoni li tistabbilixxi għaliex id-data tal-ordni tax-xiri tistabbilixxi b’mod aktar xieraq it-termini materjali tal-bejgħ. Il-Kummissjoni nnotat li jidher mill-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-parti introduttorja tal-Artikolu 2(10) tiegħu li tirreferi għat-tqabbil ġust fl-istess livell ta’ kummerċ bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, li t-terminu “materjali” jirreferi għat-termini kummerċjali tal-bejgħ għall-kuntrarju tat-termini legali. Tali termini kummerċjali huma, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità, il-metodi ta’ pagament u konsenja, jew karatteristiċi kummerċjali oħra ta’ tranżazzjoni speċifika għal attività ekonomika partikolari jew tip ta’ produzzjoni.

(677)

Il-Kummissjoni osservat li l-lira Torka deprezzat b’mod ġenerali meta mqabbla mal-euro b’madwar 33 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u li d-dewmien bejn id-data tal-ordni tax-xiri u d-data tal-fattura ta’ Borçelik u Tatmetal kien varjat ħafna u laħaq tulijiet sinifikanti: bejn 0 jum u 130 jum għall-bejgħ domestiku u bejn 0 jum u 182 jum għall-bejgħ għall-esportazzjoni filwaqt li ż-żewġ kumpaniji esprimew il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni tagħhom f’muniti barranin, u b’hekk antiċipaw varjazzjonijiet qawwija fil-valutazzjoni tal-lira Torka meta mqabbla ma’ muniti barranin.

(678)

Fir-rigward tal-evidenza pprovduta minn Borcelik, jiġifieri d-dokumenti ta’ sostenn għal tranżazzjonijiet addizzjonali bi prezzijiet differenti fiż-żmien tal-ordni tax-xiri u fiż-żmien tal-fattura, il-Kummissjoni sabet li fil-fatt ma appoġġatx l-affermazzjonijiet tal-kumpanija. Il-Kummissjoni ġabret dokumenti ta’ sostenn għal 47 fattura li jkopru l-bejgħ tas-CRF lil klijenti mhux relatati fis-suq domestiku u kemm lil klijenti relatati kif ukoll lil klijenti mhux relatati, fl-Unjoni. Dawn il-fatturi normalment koprew għadd ta’ tranżazzjonijiet individwali (f’din l-investigazzjoni, normalment kull kojl kien jirrappreżenta tranżazzjoni separata). F’dawk id-dokumenti, il-kumpanija sabet biss każ wieħed fejn il-kwantità fornuta kienet lil hinn mit-tolleranza miftiehma. Il-Kummissjoni qieset li dan ma jistax jikser ix-xejra osservata tat-termini materjali tal-bejgħ li qed jiġu stabbiliti fl-ordni tax-xiri, b’mod partikolari peress li seta’ kien hemm raġunijiet oħra għall-bidla fil-kwantità, bħal kunsinni parzjali jew ordni pendenti. Il-kumpanija affermat ukoll li fir-rigward ta’ erba’ fatturi li jikkonċernaw il-bejgħ lejn l-Unjoni, il-prezz inbidel bejn l-ordni tax-xiri u l-fattura u, għalhekk, it-termini materjali tal-bejgħ inbidlu wkoll. Il-Kummissjoni osservat li fl-erba’ każijiet kollha, l-oġġetti nbiegħu lill-Unjoni permezz ta’ kummerċjant domestiku mhux relatat. Il-kumpanija ssottomettiet bħala evidenza offerti ta’ prezzijiet iżda mhux l-ordnijiet ta’ xiri reali. Dan ġie kkonfermat mid-data fuq l-offerti tal-prezzijiet u d-data tal-ordnijiet tax-xiri rreġistrati fir-rekords kontabilistiċi tal-kumpanija. Fl-erba’ każijiet kollha, il-prezz offrut kien fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, iżda t-tranżazzjoni tal-bejgħ twettqet skont it-terminu ta’ konsenja FOB. Għalhekk huwa probabbli li d-differenza fil-prezz, li dejjem kienet l-istess għall-erba’ fatturi kollha, kienet tirrappreżenta l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport tal-merkanzija, tal-immaniġġar u tat-tagħbija mġarrba minn Borcelik.

(679)

Konsegwentement, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet dettaljati fil-premessi (676) sa (678), l-affermazzjoni ta’ Borcelik stabbilita fil-premessa (675) ġiet miċħuda.

(680)

Fir-rigward tal-evidenza sottomessa minn Tatmetal, din kienet tikkonsisti f’żewġ tranżazzjonijiet, inklużi fil-kampjun mill-Kummissjoni matul il-verifika, li skont il-kumpanija jinvalidaw ir-raġunament tal-Kummissjoni. Dan minħabba li kien hemm bidla osservata fil-kwantitajiet, fil-prezzijiet tal-bejgħ u, f’każ wieħed, bidla fit-termini tal-pagament bejn l-ordni tax-xiri/il-kuntratt tal-bejgħ u l-fattura.

(681)

Fil-verifika, il-Kummissjoni kkampjunat 10 tranżazzjonijiet ta’ bejgħ domestiku u 14-il tranżazzjoni ta’ bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-UE. Il-Kummissjoni osservat li d-differenza fil-kwantità kkwotata minn Tatmetal għaż-żewġ tranżazzjonijiet inklużi fil-kampjun kienet fi ħdan it-tolleranzi tal-kwantità u tal-piż miftiehma fl-ordni tax-xiri u b’hekk stabbiliti minnha. Il-Kummissjoni osservat ukoll li f’waħda miż-żewġ tranżazzjonijiet ikkwotati, id-differenza fil-prezz kienet minima (inqas minn 0,1 %), li ma tistax titqies bħala ksur tat-termini tal-bejgħ inklużi fl-ordni tax-xiri. L-eżistenza ta’ devjazzjoni mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ordni tax-xiri ġiet stabbilita biss f’ordni waħda ta’ xiri mill-24 eżaminata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qieset li d-daqs tad-devjazzjoni mit-termini tal-bejgħ stabbiliti fl-ordnijiet tax-xiri kien minimu u dan il-każ ta’ nuqqas ta’ konformità kien eċċezzjoni, li ma setgħetx tinvalida l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni li t-termini materjali tal-bejgħ ġew stabbiliti fiż-żmien tal-ordni tax-xiri. L-argument ġie miċħud.

(682)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Tatmetal allegat li, li kieku l-Kummissjoni applikat ir-rata tal-kambju fiż-żmien tal-ordni tax-xiri biex tikkonverti l-valur tal-fattura, l-istess rata tal-kambju kellha tiġi applikata biex tikkonverti l-ispejjeż tal-bejgħ dirett, bħat-trasport tal-merkanzija, id-demurrage, il-kummissjoni u l-ispejjeż tal-immaniġġar u tat-tagħbija fl-elenkar tal-bejgħ tal-UE. Tatmetal iddikjarat li l-prezz tal-ispejjeż tal-bejgħ dirett f’muniti oħra ġie stabbilit minn qabel u jenħtieġ li l-Kummissjoni tapplika d-dewmien medju bejn iż-żmien tal-ordni tax-xiri/tal-kuntratt tal-bejgħ u l-fattura, ikkalkolat minn Tatmetal. Tatmetal issottomettiet evidenza ta’ sostenn biex tappoġġa l-affermazzjoni tagħha.

(683)

Il-Kummissjoni ċċarat li, fil-kalkoli tagħha, hija applikat ir-rata tal-kambju użata fid-data tal-fattura għal dawk l-ispejjeż. Il-Kummissjoni fakkret li l-ispejjeż tal-bejgħ dirett, bħall-ispejjeż tat-trasport domestiku tal-merkanzija jew għall-esportazzjoni, ġew irreġistrati fil-kontabbiltà tal-kumpanija fil-ħin tal-fattura u ġew irrapportati fit-tabella tal-bejgħ domestiku u fit-tabella tal-bejgħ tal-UE abbażi tar-rata tal-kambju tal-fattura. Għalhekk, il-Kummissjoni aċċettat il-valuri kkonvertiti fi TRY irrapportati minn Tatmetal. Il-Kummissjoni nnotat li l-użu tad-data tal-ordni tax-xiri kien relatat ma’ aġġustament għall-kambju tal-munita skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, filwaqt li l-aġġustamenti li għandhom x’jaqsmu mal-kostijiet tat-trasport, tal-assigurazzjoni, tal-immaniġġar, tat-tagħbija u dawk anċillari huma regolati mill-Artikolu 2(10)(e) tar-Regolament bażiku, li bih għandu jintuża l-kost imġarrab, kif għamlet il-Kummissjoni.

(684)

Minkejja dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza li fuqha Tatmetal stabbiliet id-dewmien medju bejn ir-rata tal-kambju fid-data tal-ordni tax-xiri u r-rata tal-kambju fid-data tal-fattura u nnotat li fost it-tliet fajls ta’ evidenza sottomessi għall-aġġustament tar-rata tal-kambju għall-aġġustamenti fl-elenkar tal-bejgħ tal-UE, fajl ta’ evidenza wieħed kien skambju tal-posta elettronika bejn Tatmetal u l-fornitur tat-trasport li seħħ f’jum partikolari. Tatmetal illinkjat dan l-iskambju tal-posta elettronika ma’ tranżazzjoni ta’ bejgħ għall-esportazzjoni, iżda ma kienx possibbli li ssir kontroreferenza għall-prodotti diskussi fl-iskambju tal-posta elettronika għal kwalunkwe tranżazzjoni ta’ bejgħ għall-esportazzjoni. Barra minn hekk, il-korrispondenza bl-email fiha offerti ta’ prezzijiet, iżda ma tiddivulgax il-karatteristiċi tal-ordni ta’ xiri jew tat-termini tal-kuntratt ta’ bejgħ. Pereżempju, ma kien hemm l-ebda referenza ċara dwar jekk il-prodott kienx CRF, l-ebda terminu ta’ bejgħ, l-ebda kwantità nnegozjata, eċċ. It-tieni evidenza kien fiha skambju tal-posta elettronika dwar l-offerti tal-prezzijiet ma’ fornitur ieħor tat-trasport u fattura relatata għas-servizz tat-trasport. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-fattura nħarġet għall-kojls tal-azzar galvanizzati u ma tidhirx li hija relatata mas-CRF. It-tielet evidenza kienet skambju tal-posta elettronika fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar u filwaqt li xi termini ta’ bejgħ ġew elenkati fl-email, ma kien hemm l-ebda dettall li jista’ jorbot l-email mat-tranżazzjonijiet fl-elenkar tal-bejgħ tal-UE. L-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(685)

Kemm Borcelik kif ukoll Tatmetal affermaw ukoll li, f’każ li l-Kummissjoni xorta waħda qieset li t-termini materjali tal-bejgħ ġew stabbiliti fiż-żmien tal-ordni tax-xiri, jenħtieġ li l-istess prinċipju japplika għax-xiri tagħhom ta’ materja prima. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq il-kambji tal-munita għal dak ix-xiri abbażi tad-data tal-ordni tax-xiri, u mhux abbażi tad-data tal-fattura. F’dan ir-rigward, Borcelik indikat li l-Qorti Ġenerali kkonfermat f’Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları TAŞ et vs Il-Kummissjoni Ewropea li l-obbligi/il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku rigward il-kambji tal-muniti japplikaw bl-istess mod għall-bejgħ tal-esportazzjoni, għall-bejgħ domestiku u għall-kost tal-produzzjoni (134).

(686)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku huwa applikabbli f’sitwazzjonijiet [f]ejn it-tqabbil jeħtieġ kambju ta’ muniti. Il-kostijiet ta’ Borcelik u Tatmetal ġew irreġistrati fil-kontijiet tagħhom, irrapportati lill-Kummissjoni u vverifikati fi TRY. Peress li l-kalkolu tad-dumping sar fi TRY għaż-żewġ produtturi esportaturi, it-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ma kienx jeħtieġ kambju tal-munita ta’ dawn il-kostijiet u għalhekk l-Artikolu 2(10)(j) ma kienx japplika. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(687)

Barra minn hekk, Borcelik irreferiet għad-dokumenti ta’ sostenn rigward ix-xiri ta’ materja prima sottomessi matul il-verifika fuq il-post. Abbażi ta’ dawk id-dokumenti, il-kumpanija kkalkolat medja ta’ żmien bejn ordni ta’ xiri u l-fattura u talbet li dak iż-żmien medju jintuża biex tiġi stmata d-data tal-ordni tax-xiri għall-akkwist l-ieħor ta’ materja prima.

(688)

Kif spjegat fil-premessa (686), it-tqabbil f’dan il-każ ma kienx jeħtieġ kambji tal-munita fir-rigward tal-kost tal-materja prima. Madankollu, għal raġunijiet ta’ kompletezza, il-Kummissjoni analizzat id-dokumenti ta’ sostenn u osservat li d-dokumenti miġbura kienu jkopru biss inqas minn 0,1 % tal-materja prima mixtrija. Barra minn hekk, id-dati tal-ordni tax-xiri u d-dati tal-fattura użati fil-kalkolu ma kinux jikkorrispondu għad-dokumenti sottomessi. Il-kumpanija użat id-“data tal-aħħar bidla” rreġistrata fis-sistema kontabilistika tagħha bħala d-data tal-ordni tax-xiri għalkemm l-ordnijiet tax-xiri sottomessi mad-dokumenti ta’ sostenn urew dati differenti. Fl-istess ħin, il-kumpanija ma użatx id-data tal-fattura kummerċjali biex tiddetermina l-intervall ta’ żmien. Minflok, hija użat dik li tidher li hija d-data tal-iżdoganar. Fil-qosor, anke jekk kien hemm ħtieġa għal kambju tal-munita fir-rigward tal-kost tal-produzzjoni quod non, il-kumpanija ma pprovdietx informazzjoni konsistenti u affidabbli li tippermetti li jsiru dawn il-kambji. Konsegwentement, it-talba tal-kumpanija biex tirrevedi l-valur tal-materja prima bl-użu tar-rata tal-kambju barrani fid-data tal-ordni tax-xiri abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-kumpanija ġiet miċħuda.

(689)

Bl-istess mod, bi tweġiba għad-divulgazzjoni finali, Tatmetal ipprovdiet informazzjoni li għandha tintuża għall-kambju mitlub tal-prezzijiet tal-materja prima bl-użu tar-rata tal-kambju fid-data tal-ordni tax-xiri. F’dan ir-rigward, il-kumpanija ppreżentat l-elenkar tax-xiri tal-HRC b’dati ta’ ordnijiet tax-xiri mdaħħla manwalment.

(690)

Kif spjegat qabel (ara l-premessa (686)), il-Kummissjoni sabet li t-tqabbil ma kienx jeħtieġ kambji tal-munita li jikkonċernaw il-kost tal-materja prima f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, Tatmetal ma ppreżentat l-ebda evidenza biex turi l-korrettezza tad-dati tal-ordni tax-xiri, u lanqas tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ordnijiet tax-xiri/fil-kuntratti tal-bejgħ tax-xiri ta’ materja prima. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li Tatmetal ma pprovdiet l-ebda referenza għal bażi legali, li abbażi tagħha jenħtieġ li tali aġġustament ikun iġġustifikat. L-argument ġie miċħud.

(691)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Borcelik affermat li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-provi tagħha għall-aġġustament tal-kambju tal-munita li għamlet skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku minħabba li ma spjegatx kif il-kambji tal-munita affettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet.

(692)

Il-Kummissjoni qieset li l-iskop tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku jikkombina elementi ta’ ħtieġa prattika ta’ kambji tal-muniti fejn it-tranżazzjonijiet ikunu denominati f’diversi muniti u ekwità tat-tqabbil, pereżempju meta dan jindika liema rata tal-kambju għandha tintuża f’każijiet fejn ikun hemm forwards tal-muniti direttament marbuta mal-bejgħ għall-esportazzjoni. Fir-rigward tal-ħtieġa prattika tal-kambji tal-muniti, l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku jipprovdi gwida dwar liema data jenħtieġ li tintuża biex tiġi ddeterminata r-rata tal-kambju: din għandha tkun id-data tal-bejgħ, li normalment tkun id-data tal-fattura sakemm it-termini materjali tal-bejgħ ma jkunux stabbiliti f’data oħra. F’dan il-każ, il-Kummissjoni sabet li t-termini materjali tal-bejgħ ġew stabbiliti fl-ordni tax-xiri kif spjegat fil-premessa (674). Għalhekk, iddeċidiet li kien aktar xieraq li tintuża r-rata tal-kambju tad-data tal-ordni tax-xiri biex il-valur tal-fattura denominat f’munita barranija jinqeleb fi TRY.

(693)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Borcelik affermat li l-Kummissjoni adottat approċċ diskriminatorju billi applikat kambji tal-munita bbażati fuq id-data tal-ordni għat-Turkija biss, mingħajr ma spjegat għaliex is-sitwazzjoni tal-produtturi esportaturi Torok hija differenti minn dik tal-produtturi esportaturi f’pajjiżi oħra. L-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, il-kwantitajiet, il-kundizzjonijiet tal-konsenja, il-prezzijiet unitarji u t-termini tal-pagament jistgħu jkunu diġà ġew miftiehma sa ċertu punt sinifikanti fuq l-ordni fil-pajjiżi kollha kkonċernati. Hija affermat ukoll li din kienet il-pożizzjoni tal-Kummissjoni stess fir-rigward tal-bejgħ fl-industrija tal-azzar (135).

(694)

It-Turkija esperjenzat perjodu twil ta’ inflazzjoni għolja kontinwa (f’xi snin saħansitra iperinflazzjoni) li rriżulta fid-deprezzament tal-lira Torka kif imsemmi fil-premessa (677). Tali sitwazzjoni ma ġiet osservata f’ebda wieħed mill-pajjiżi l-oħra soġġetti għal din l-investigazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn it-Turkija minn naħa u l-pajjiżi l-oħra kkonċernati min-naħa l-oħra.

(695)

Borcelik tenniet l-affermazzjonijiet tagħha dwar il-kambju tal-munita fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, minkejja l-fatt li l-kwistjoni ma kinitx soġġetta għad-divulgazzjoni finali addizzjonali u l-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti mid-divulgazzjoni finali addizzjonali.

3.5.6.   Marġnijiet tad-dumping

(696)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip tal-prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(697)

Abbażi ta’ dan, il-marġnijiet tad-dumping medji ponderati definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

Borçelik Çelik Sanayi Ticaret A.Ş.

7,8

Tatmetal Çelik Sanayi ve Ticaret A. Ş.

3,0

(698)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkolat il-marġni tad-dumping medju ponderat, f’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, dan il-marġni ġie stabbilit abbażi tal-marġnijiet tal-produtturi esportaturi fil-kampjun, filwaqt li ġew injorati l-marġnijiet tal-produtturi esportaturi b’marġnijiet ta’ dumping żero u de minimis, kif ukoll il-marġnijiet stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(699)

Minħabba ċ-ċirkostanzi fattwali tal-każ, b’mod partikolari li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni ġie stabbilit biss fi stadju tard tal-proċedura u l-Kummissjoni bbażat ruħha biss parzjalment fuq il-fatti disponibbli biex tistabbilixxi ż-żewġ marġnijiet, il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 9(6) xorta kien japplika minkejja li stabbiliet il-marġnijiet taż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, il-Kummissjoni sabet li huwa xieraq li tibbaża ruħha fuq dawk il-marġnijiet biex tistabbilixxi l-marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw. Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping definittiv tal-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma kinux inklużi fil-kampjun huwa ta’ 4,9 %.

(700)

Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fit-Turkija, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dumping abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta’ kooperazzjoni huwa l-volum ta’ esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni espress bħala proporzjon tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni fil-PI, li ġew stabbiliti abbażi tal-Eurostat.

(701)

Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ huwa għoli minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu 100 % tal-importazzjonijiet totali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx fil-livell tal-kumpanija inkluża fil-kampjun bl-ogħla marġni tad-dumping.

(702)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

Borçelik Çelik Sanayi Ticaret A.Ş.

7,8

Tatmetal Çelik Sanayi ve Ticaret A. Ş.

3,0

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

4,9

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat

7,8

3.6.   Il-Vjetnam

3.6.1.   Sitwazzjoni partikolari tas-suq: effett ta’ espulsjoni

3.6.1.1.   Analiżi

(703)

Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ PMS fis-suq tal-Vjetnam minħabba l-effett ta’ espulsjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi tas-CRF, il-Kummissjoni wettqet l-analiżi li ġejja: l-ewwel nett, il-Kummissjoni analizzat il-grad ta’ penetrazzjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi fis-suq domestiku tal-Vjetnam f’termini ta’ volum; it-tieni, il-Kummissjoni eżaminat l-impatt ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet fis-suq domestiku tal-Vjetnam.

(704)

Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq indikaturi fil-livell tal-pajjiż kollu pprovduti mill-awtoritajiet tal-Vjetnam, u fil-livell tal-kumpanija pprovduti mill-grupp ta’ produtturi esportaturi fil-kampjun, POSVIET. Iż-żewġ settijiet ta’ indikaturi ġew ivverifikati fuq il-post, kif indikat fil-premessa (106).

3.6.1.1.1.   Is-suq domestiku: effett fuq il-volum

(705)

Fil-bidu nett, il-Kummissjoni analizzat il-konsum tas-CRF fil-Vjetnam kif irrapportat mill-awtoritajiet tal-Vjetnam abbażi tal-bejgħ domestiku u l-importazzjonijiet.

(706)

Il-konsum fil-Vjetnam żviluppa kif ġej:

Tabella 20

Il-konsum fil-Vjetnam (tunnellati)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Konsum fil-Vjetnam

[2 250 000 - 2 350 000 ] (136)

[2 150 000 - 2 250 000 ]

[2 800 000 - 2 900 000 ]

[3 100 000 - 3 200 000 ]

Indiċi

100

94

124

138

(136)  Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, id-data tiġi divulgata f’firxiet.

Sors:

TRAV.

(707)

Bejn l-2022 u l-2024, l-aktar sena reċenti bid-data disponibbli, il-konsum fil-Vjetnam żdied bi 23 punt perċentwali. Iż-żieda fil-konsum tal-prodott taħt investigazzjoni kienet xprunata minn diversi liġijiet, riżoluzzjonijiet u miżuri ta’ politika adottati mill-GTV li għandhom l-għan li jippromwovu l-investiment pubbliku, b’mod partikolari fl-infrastruttura u fil-kostruzzjoni, matul il-perjodu 2024-2025 (137).

(708)

L-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni fil-Vjetnam żviluppaw kif ġej:

Tabella 21

Kwantità importata fil-Vjetnam (tunnellati)

Pajjiż

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Importazzjonijiet totali, li minnhom:

Kwantità ta’ importazzjonijiet

266 580

203 390

286 455

314 187

Indiċi

100

76

107

154

Ir-RPĊ

Kwantità ta’ importazzjonijiet

136 484

108 229

156 655

144 106

Indiċi

100

79

115

106

Il-Ġappun

Kwantità ta’ importazzjonijiet

67 681

53 610

86 382

124 213

Indiċi

100

79

128

184

It-Tajwan

Kwantità ta’ importazzjonijiet

28 305

21 043

19 197

17 753

Indiċi

100

74

68

63

Il-Korea

Kwantità ta’ importazzjonijiet

18 691

10 758

13 080

15 208

Indiċi

100

58

70

81

L-Awstralja

Kwantità ta’ importazzjonijiet

3 858

4 387

7 764

9 664

Indiċi

100

114

201

250

Sors:

L-Awtorità Doganali tal-Vjetnam.

(709)

Id-data dwar l-importazzjoni turi li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni fil-Vjetnam żdiedu b’54 % bejn l-2022 u l-PI. Din iż-żieda fl-importazzjonijiet irriflettiet iż-żieda fil-konsum domestiku, stimulata mill-pjanijiet tal-gvern Vjetnamiż li jżid l-investimenti fl-infrastruttura fl-2024 u fl-2025.

(710)

Minn dawn l-importazzjonijiet, il-volumi tal-importazzjonijiet tas-CRF mir-RPĊ żdiedu b’6 % bejn l-2022 u l-PI. Fil-volumi totali tal-importazzjonijiet, is-sehem tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqas minn 51 % fl-2022 għal 46 % fil-PI. Madankollu, ir-RPĊ baqgħet l-ewwel sors ta’ importazzjonijiet tas-CRF fil-Vjetnam matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(711)

B’mod parallel, il-bejgħ domestiku tal-prodott taħt investigazzjoni fil-Vjetnam żviluppa kif ġej:

Tabella 22

Kwantità tal-bejgħ domestiku (tunnellati)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Kwantità totali tal-bejgħ fis-suq tal-Vjetnam, li minnha:

[2 000 000 - 2 100 000 ]

[1 900 000 – 2 000 000 ]

[2 500 000 - 2 600 000 ]

[2 700 000 - 2 800 000 ]

Indiċi

100

97

126

140

Sors:

TRAV (mill-2022 sal-2024); għall-PI, billi l-awtoritajiet Vjetnamiżi ma pprovdewx bejgħ domestiku, il-Kummissjoni kkalkolatu abbażi tat-tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju mill-produttur esportatur inkluż fil-kampjun POSVIET.

(712)

Il-bejgħ domestiku kien jinkludi l-bejgħ fis-suq ħieles u l-bejgħ kaptiv. Il-kwantitajiet tal-bejgħ żdiedu b’26 % bejn l-2022 u l-2024, f’konformità maż-żieda fil-konsum domestiku deskritta fil-premessa (707).

(713)

Abbażi tad-data ta’ hawn fuq dwar il-konsum, l-importazzjonijiet u l-bejgħ domestiku, l-ishma mis-suq fil-Vjetnam żviluppaw kif ġej:

Tabella 23

Sehem mis-suq (%)  (138)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

L-industrija domestika

[85 - 90 ]

[87 - 92 ]

[86 - 91 ]

[85 - 90 ]

Importazzjonijiet, li minnhom:

[10 - 12 ]

[9 - 11 ]

[10 - 12 ]

[10 - 12 ]

1.

Ir-RPĊ

[5 - 7 ]

[4 - 6 ]

[4 - 6 ]

[4 - 6 ]

2.

Il-Ġappun

[2 - 4 ]

[2 - 4 ]

[2 - 4 ]

[3 - 5 ]

3.

It-Tajwan

[0 - 2 ]

[0 - 2 ]

[0 - 2 ]

[0 - 2 ]

4.

Il-Korea

[0 - 2 ]

[0 - 2 ]

[0 - 2 ]

[0 - 2 ]

5.

L-Awstralja

[0 - 2 ]

[0 - 2 ]

[0 - 2 ]

[0 - 2 ]

(138)  Ingħataw firxiet għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

Sors:

L-Awtorità tar-Rimedji Kummerċjali tal-Vjetnam.

(714)

F’termini tas-sehem mis-suq, is-sehem mis-suq tal-industrija domestika baqa’ ogħla minn 85 % fis-snin kollha bejn l-2022 u l-PI. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet baqa’ wkoll stabbli għal [10-12 %] bejn l-2022 u l-PI. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqas bi ftit, minn [5-7 %] fl-2022 għal [4-6 %] fl-2024.

(715)

Kemm iż-żieda fil-volumi totali tal-importazzjonijiet deskritta fil-premessa (708) kif ukoll iż-żieda fil-bejgħ domestiku deskritta fil-premessa (711) kienu riflessi fiż-żieda fil-konsum domestiku deskritta fil-premessa (706) u, bħala konsegwenza, l-ishma mis-suq tat-tnejn baqgħu bejn wieħed u ieħor fl-istess livelli. Minħabba l-volumi, minn dan isegwi li kienet prinċipalment l-industrija Vjetnamiża li bbenefikat miż-żieda fil-konsum.

(716)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija domestika Vjetnamiża kellha pożizzjoni dominanti fis-suq Vjetnamiż mill-2022 sal-PI, bl-ebda pajjiż ieħor ma kellu sehem mis-suq ta’ aktar minn 6 %.

3.6.1.1.2.   Is-suq domestiku: effett fuq il-prezz

(717)

Il-Kummissjoni sussegwentement analizzat l-effett tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-prezzijiet fis-suq domestiku tal-Vjetnam. Sabiex tagħmel dan u minħabba li s-sehem mis-suq ta’ pajjiżi oħrajn għajr iċ-Ċina kien żgħir, il-Kummissjoni analizzat il-prezzijiet unitarji tal-importazzjonijiet miċ-Ċina u tal-bejgħ domestiku.

(718)

Il-prezz unitarju tal-importazzjonijiet u tal-bejgħ domestiku żviluppa kif ġej:

Tabella 24

Il-prezzijiet tal-bejgħ fil-Vjetnam (EUR  (139) /tunnellata)  (140)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Prezz medju tal-importazzjoni għal kull unità fil-Vjetnam (CIF) mir-RPĊ

[900 - 1 000 ]

[700 - 800 ]

[650 - 750 ]

[650 - 750 ]

Indiċi

100

78

73

72

Prezz medju tal-bejgħ domestiku għal kull unità fil-Vjetnam

[650 - 750 ]

[500 - 600 ]

[450 - 550 ]

[500 - 600 ] (141)

Indiċi

100

77

74

84

(139)  L-Awtorità Doganali tirreġistra l-prezzijiet f’USD u f’VND. Il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku huma rreġistrati f’VND. Il-Kummissjoni applikat ir-rata tal-kambju uffiċjali biex tikkonverti l-prezzijiet f’EUR.

(140)  Ingħataw firxiet għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

(141)  Għall-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezz tal-bejgħ domestiku huwa bbażat fuq id-data ta’ POSVIET.

Sors tal-prezzijiet tal-importazzjoni:

L-Awtorità Doganali tal-Vjetnam.

Sors tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku:

TRAV.

(719)

L-analiżi tal-prezzijiet uriet li matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-prezz medju tal-importazzjonijiet miċ-Ċina kien b’mod kostanti u sinifikanti ogħla mill-prezz domestiku medju fil-Vjetnam, bit-tnejn li huma jsegwu xejra ta’ tnaqqis simili.

3.6.1.2.   Konklużjoni dwar l-effett ta’ espulsjoni

(720)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-penetrazzjoni limitata tal-importazzjonijiet Ċiniżi fil-Vjetnam fil-perjodu eżaminat ma kellha l-ebda effett ’l isfel fuq il-prezzijiet domestiċi. Tabilħaqq, l-industrija Vjetnamiża kellha l-biċċa l-kbira tas-sehem mis-suq Vjetnamiż mill-2022 sal-PI, filwaqt li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien insinifikanti meta mqabbel. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina kienu konsistentement ogħla mill-prezzijiet domestiċi Vjetnamiżi. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet miċ-Ċina ma ħolqux PMS fis-suq Vjetnamiż.

3.6.2.   Sitwazzjoni partikolari tas-suq: affermazzjonijiet oħrajn

(721)

Il-Kummissjoni investigat ukoll jekk il-miżuri identifikati fl-ilment u li allegatament ħolqu distorsjoni fil-kost tal-produzzjoni tas-CRF fil-Vjetnam wasslux għal sitwazzjoni partikolari tas-suq fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Dawn il-miżuri kienu:

(a)

Restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni applikabbli għall-mineral tal-ħadid, għar-ruttam tal-azzar u għall-faħam;

(b)

Il-preżenza ta’ produtturi integrati vertikalment fis-suq;

(c)

Il-produzzjoni sinifikanti tas-CRF minn prodotti llaminati fis-sħana li joriġinaw mir-RPĊ; u

(d)

Inizjattivi regolatorji oħrajn.

(722)

Fir-rigward tal-punti (a) dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni applikabbli għall-mineral tal-ħadid, għar-ruttam tal-azzar u għall-faħam, (b) dwar l-integrazzjoni vertikali tal-produtturi, u (c) dwar il-produzzjoni sinifikanti tas-CRF minn HRC li joriġinaw mir-RPĊ, l-investigazzjoni stabbiliet li POSVIET ipproduċiet il-prodott taħt investigazzjoni esklussivament minn kojls illaminati fis-sħana u li l-maġġoranza ta’ dawk il-kojls (142) ġew akkwistati mill-Korea. Għalhekk, POSVIET la kienet integrata, u la użat mineral tal-ħadid, ruttam tal-azzar u faħam mill-Vjetnam, u lanqas użat prodotti llaminati fis-sħana li joriġinaw mir-RPĊ.

(723)

Fir-rigward tal-punt d) Inizjattivi regolatorji oħrajn, il-Kummissjoni nnotat li l-Istrateġija għall-Iżvilupp tal-Industrija tal-Azzar sal-2030 b’viżjoni sal-2050 ġiet itterminata mill-gvern Vjetnamiż u li d-Direttiva 494/CT-TTg datata l-20 ta’ April 2010, imsemmija fl-Ilment dwar l-użu ta’ provvisti u komoditajiet manifatturati domestikament kienet fil-fatt vinkolanti għal entitajiet pubbliċi, bħal ministeri, aġenziji fil-livell ministerjali u aġenziji affiljati mal-gvern. Id-Direttiva ma applikatx għal entitajiet privati u, fi kwalunkwe każ, dawk l-inizjattivi regolatorji ma setgħux jaffettwaw lil POSVIET kif spjegat fil-premessa (722).

(724)

Konsegwentement, l-ebda waħda minn dawn il-miżuri ma affettwat lil POSVIET u, billi għamlet [80 % - 100 %] tal-esportazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni lejn l-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) dwar il-PMS ma setgħux jiġu applikati la għal POSVIET u lanqas għall-Vjetnam.

3.6.3.   Valur normali

(725)

Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku tal-produttur esportatur inkluż fil-kampjun li kkoopera kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur ikun jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tiegħu ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Abbażi ta’ dan, il-bejgħ totali mill-produttur esportatur inkluż fil-kampjun tal-prodott simili fis-suq domestiku kien rappreżentattiv.

(726)

Il-Kummissjoni sussegwentement identifikat it-tipi ta’ prodotti mibjugħa domestikament li kienu identiċi jew komparabbli mat-tipi ta’ prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(727)

Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku mill-produttur esportatur inkluż fil-kampjun fis-suq domestiku tiegħu għal kull tip ta’ prodott li huwa identiku jew komparabbli ma’ tip ta’ prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott ikun rappreżentattiv jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ dak it-tip ta’ prodott lil klijenti indipendenti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkun jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tat-tip ta’ prodott identiku jew komparabbli lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet li għal diversi tipi ta’ prodotti li jirrappreżentaw inqas minn 0,5 % tal-volum totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ma kien hemm l-ebda bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott identiku jew komparabbli.

(728)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda bejgħ ta’ ċerti tipi ta’ prodotti tal-prodott simili fil-perkors normali tal-kummerċ fis-suq domestiku, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku.

(729)

Imbagħad, il-Kummissjoni ddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ profittabbli lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta’ prodott matul il-perjodu ta’ investigazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku effettiv għall-kalkolu tal-valur normali, f’konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(730)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku effettiv għal kull tip ta’ prodott, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ huwiex profittabbli jew le, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ tat-tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew ogħla mill-kost tal-produzzjoni kkalkolat, kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dan it-tip ta’ prodott; u

(b)

l-prezz tal-bejgħ medju ponderat ta’ dak it-tip ta’ prodott ikun daqs jew ogħla mill-kost unitarju tal-produzzjoni.

(731)

Jekk iż-żewġ testijiet jiġu ssodisfati, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip ta’ prodott matul il-PI.

(732)

Il-valur normali huwa l-prezz domestiku effettiv għal kull tip ta’ prodott tal-bejgħ domestiku profittabbli biss tat-tipi ta’ prodotti matul il-PI, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ profittabbli tat-tip ta’ prodott jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dan it-tip: jew

(b)

il-prezz medju ponderat ta’ dan it-tip ta’ prodott ikun anqas mill-kost ta’ unità tal-produzzjoni.

(733)

L-analiżi tal-bejgħ domestiku wriet li madwar 27 % tal-bejgħ domestiku kollu kien profittabbli u li l-prezz tal-bejgħ medju ponderat kien ogħla mill-kost tal-produzzjoni. Minn dawk, it-tipi ta’ prodotti li għalihom il-bejgħ profittabbli qabeż it-80 % irrappreżentaw madwar 7 % tal-bejgħ domestiku kollu. Għaldaqstant, il-valur normali ġie kkalkolat bħala medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għal dawk it-tipi ta’ prodotti. Barra minn hekk, it-tipi ta’ prodotti li għalihom il-bejgħ profittabbli kien daqs jew inqas minn 80 % tal-bejgħ domestiku totali ta’ dawk it-tipi ta’ prodotti rrappreżentaw 20 % tal-bejgħ domestiku kollu. Konsegwentement, il-valur normali ġie kkalkolat bħala medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ profittabbli biss matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għal dawk it-tipi ta’ prodotti.

(734)

Il-valur normali nħadem billi żdiedu dawn li ġejjin mal-kost medju tal-produzzjoni tal-prodott simili tal-produttur esportatur inkluż fil-kampjun li kkoopera matul il-perjodu ta’ investigazzjoni:

(a)

l-ispejjeż SG & A medji ponderati mġarrba mill-produttur esportatur inkluż fil-kampjun li kkoopera fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-perkors normali tal-kummerċ, matul il-PI; u

(b)

il-profitt medju ponderat li jsir mill-prodotturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-perkors normali tal-kummerċ, matul il-PI.

(735)

Fejn ma kien hemm l-ebda bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott tal-prodott simili, il-Kummissjoni fittxet sorsi alternattivi għall-prezzijiet fil-perkors normali tal-kummerċ. Minħabba li ma kien hemm l-ebda produttur domestiku ieħor inkluż fil-kampjun li kkoopera jew li kien disponibbli tal-prodott simili fil-pajjiż ikkonċernat, ma kien hemm l-ebda prezz bħal dan disponibbli. Il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għat-tipi ta’ prodotti rilevanti f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku.

(736)

POSVIET kisbet sehem sinifikanti ta’ kojls illaminati fis-sħana (“HRC”), il-materja prima ewlenija fil-manifattura tas-CRF, minn diversi fornituri relatati. Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat jekk dak ix-xiri sarx bi prezzijiet ta’ distakkament. Il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ POSCO Co. Ltd. (“POSCO HQ”) lil klijenti mhux relatati għall-gradi tal-azzar rilevanti mal-prezzijiet tal-bejgħ lil POSVIET fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Il-Kummissjoni qieset li l-bejgħ ta’ POSCO HQ kien indikatur xieraq biex jiġu eżaminati l-prezzijiet tax-xiri tal-HRC minn kwalunkwe wieħed mill-fornituri relatati. Il-Kummissjoni sabet li POSCO HQ biegħet kojls illaminati fis-sħana tal-gradi tal-azzar rilevanti lil klijenti mhux relatati bi prezzijiet ogħla mill-prezzijiet mitluba lil POSVIET għall-istess gradi tal-azzar. Konsegwentement, il-Kummissjoni aġġustat il-kost tal-kojls illaminati fis-sħana rrapportat minn POSVIET għal livell ta’ distakkament. Dan irriżulta f’żieda fil-kost tal-produzzjoni ta’ 3,7 %.

(737)

Il-kost aġġustat tal-produzzjoni ntuża għall-analiżi tal-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku deskritta fil-premessa (733), kif ukoll għall-kostruzzjoni tal-valur normali deskritta fil-premessi (734) u (735).

(738)

Wara d-divulgazzjoni finali, POSVIET affermat li l-aġġustament għal-livell ta’ distakkament ma twettaqx b’mod korrett. B’mod partikolari, hija indikat li fornitur relatat ieħor issottometta l-informazzjoni mitluba u l-evidenza ta’ sostenn. Din l-informazzjoni kien fiha data dwar il-prezzijiet tax-xiri u l-prezzijiet tal-bejgħ (mitluba lil POSVIET u lil diversi klijenti mhux relatati). POSVIET argumentat li għax-xiri tal-HRC minn dan il-fornitur relatat, l-aġġustament ma kellux jitwettaq, peress li l-bejgħ lil POSVIET iġġenera marġni, u argumentat li dawn il-prezzijiet kienu distakkati. Il-kumpanija tenniet l-affermazzjoni tagħha fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, minkejja l-fatt li l-kwistjoni ma kinitx soġġetta għad-divulgazzjoni finali addizzjonali u l-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti mid-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(739)

Il-Kummissjoni eżaminat id-data miġbura. L-ewwel nett, il-Kummissjoni sabet li mill-informazzjoni pprovduta mill-fornitur relatat, ma huwiex ċar jekk il-prezz tax-xiri rrapportat kienx jinkludi l-kost kollu tal-akkwist jew il-prezz biss mitlub mill-kumpanija fornitriċi. It-tieni, il-marġni (id-differenza bejn il-prezz tax-xiri u tal-bejgħ irrapportat) tant kien baxx li bilkemm seta’ jitqies bħala profitt raġonevoli, b’mod partikolari peress li l-bejgħ ta’ dan il-fornitur relatat lill-klijenti mhux relatati tiegħu ġġenera marġni konsiderevolment ogħla, li jindika li l-bejgħ lil POSVIET ma kienx bi prezz ta’ distakkament. Din l-analiżi hija limitata mill-fatt li l-elenkar tal-bejgħ ipprovdut mill-fornitur relatat ma kienx fih informazzjoni dwar it-tip tal-HRC, eż. abbażi tal-grad tal-azzar jew attributi oħra. Ġiet ipprovduta analiżi dettaljata lil POSVIET separatament peress li kien fiha data kunfidenzjali u speċifika għall-kumpanija. Konsegwentement, l-affermazzjoni deskritta fil-premessa (738) ġiet miċħuda.

3.6.4.   Prezz tal-esportazzjoni

(740)

Il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun esporta lejn l-Unjoni jew (a) direttament lil klijenti indipendenti, (b) permezz ta’ kumpanija relatata li tinsab f’pajjiż terz li taġixxi bħala kummerċjant, POSCO International Corporation (“PIC Korea”), li tesporta direttament lejn l-Unjoni, jew (c) permezz ta’ PIC Korea li tesporta permezz ta’ kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importaturi fl-Unjoni, POSCO INTERNATIONAL Deutschland GmbH (“PI Germany”) u POSCO INTERNATIONAL Italia S.r.l (“PI Italy”).

(741)

Għall-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat imwettaq direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz effetivament imħallas jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(742)

Għall-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni mwettaq permezz ta’ kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importatur, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat inbiegħ mill-ġdid għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ, saru aġġustamenti fil-prezz għall-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inklużi l-ispejjeż SG & A, u għall-profitti akkumulati. Il-marġni ta’ profitt użat għall-aġġustamenti kien ta’ 2 %, kif spjegat fil-premessa (630).

(743)

Saru aġġustamenti li jirriflettu l-kost kollu mġarrab bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid għall-immaniġġar, it-tagħbija u t-trasport fl-Unjoni, u l-kost tal-kreditu mġarrab.

3.6.5.   Tqabbil

(744)

L-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħmel paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fl-istess livell ta’ kummerċ u li tagħmel konċessjonijiet għad-differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni għażlet li tqabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fil-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Kif spjegat aktar hawn taħt, fejn xieraq, il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew aġġustati sabiex: (i) jiġu nnettjati lura għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika; u (ii) isiru provvedimenti għad-differenzi fil-fatturi li ġew iddikjarati, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet.

3.6.5.1.   Aġġustamenti magħmula għall-valur normali

(745)

Kif spjegat fit-taqsima 3.6.3, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezz tal-bejgħ domestiku jew maħdum bl-użu tal-kostijiet tal-produzzjoni flimkien mal-ammonti għall-ispejjeż SG & A u għall-profitt, li tqiesu bħala raġonevoli għal dak il-livell ta’ kummerċ.

(746)

Il-Kummissjoni għamlet aġġustament għall-kost tat-trasport, tal-immaniġġar u tat-tagħbija mġarrab għall-bejgħ fis-suq domestiku skont l-Artikolu 2(10)(e) tar-Regolament bażiku sabiex il-prezz tal-bejgħ domestiku jiġi nnettjat lura għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, għall-kreditu mogħti lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku skont l-Artikolu 2(10)(g) tar-Regolament bażiku, għall-ispejjeż tal-ippakkjar imġarrba għall-bejgħ domestiku tal-prodott simili skont l-Artikolu 2(10)(f) tar-Regolament bażiku, u għall-garanziji pprovduti lil klijenti domestiċi indipendenti skont l-Artikolu 2(10)(h) tar-Regolament bażiku.

(747)

Wara d-divulgazzjoni finali, POSVIET tenniet l-affermazzjoni tagħha li l-Kummissjoni kellha taġġusta l-valur normali f’każ ta’ bejgħ ta’ CRF tal-karozzi.

(748)

Skont il-kumpanija, fit-taqsima 3.4.5 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni nnifisha kkonfermat li l-klassifikazzjoni tat-tipi ta’ prodotti bl-użu tan-numru ta’ kontroll tal-prodott (“PCN”) u l-komparabbiltà tal-prezzijiet ma humiex l-istess kwistjoni peress li eżaminat it-talba magħmula mill-produtturi esportaturi Tajwaniżi għal aġġustament skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku għad-differenzi fiżiċi, il-livell ta’ kummerċ, u fatturi oħra individwalment. Il-kumpanija argumentat li s-sitwazzjoni tal-kumpaniji Tajwaniżi hija materjalment differenti minn dik ta’ POSVIET. POSVIET sostniet li għall-kuntrarju tal-kumpaniji Tajwaniżi, hija pprovdiet evidenza dwar raġunijiet kemm ta’ kost ogħla kif ukoll tekniċi u kummerċjali għad-differenza fil-prezz.

(749)

F’dan ir-rigward, POSVIET sostniet li s-similarità tal-prodott ma kinitx l-istess bħall-komparabbiltà tal-prezzijiet. Skont il-kumpanija, fid-divulgazzjoni finali speċifika għall-kumpanija, ir-raġunament tal-Kummissjoni wieġeb għall-mistoqsija dwar jekk il-prodotti tal-karozzi u mhux tal-karozzi humiex simili biżżejjed biex jaqgħu taħt l-istess PCN iżda mhux jekk humiex komparabbli f’termini ta’ prezz mingħajr aġġustament. Il-kumpanija rreferiet għal aġġustament fil-prezz li l-Kummissjoni applikat fil-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tar-reżini tal-akrilonitril-butadien-stiren (“ABS”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mit-Tajwan (143).

(750)

Barra minn hekk, POSVIET affermat li l-affermazzjoni inizjali tagħha ma kinitx li kost ogħla kien wassal għal prezz ogħla. Il-kumpanija argumentat li kienet ippreżentat evidenza li l-gradi tal-karozzi kellhom kost ogħla. Madankollu, il-prezzijiet ogħla ma kinux ikkawżati biss mill-kost ogħla. Il-kumpanija affermat li kien hemm karatteristiċi ekonomiċi uniċi addizzjonali tal-bejgħ lis-settur tal-karozzi, jiġifieri:

(a)

Speċifikazzjonijiet u ċertifikazzjoni stretti;

(b)

Il-valur li l-klijenti tal-karozzi jagħtu lill-affidabbiltà u lis-sigurtà tal-provvista;

(c)

Sensittività mnaqqsa għall-prezzijiet minħabba li l-kwalifiki u ċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid jirrestrinġu s-sostituzzjoni tal-fornitur.

(751)

F’dan ir-rigward, il-kumpanija fakkret fis-sejbiet tal-Kummissjoni fil-qafas tal-investigazzjoni dwar is-salvagwardja tal-azzar (144) fejn il-Kummissjoni sseparat is-CRF tal-karozzi minn tipi oħra ta’ CRF. Fid-divulgazzjoni finali speċifika għall-kumpanija, il-Kummissjoni qieset li l-eżempju tas-salvagwardja tal-azzar ma huwiex applikabbli f’dan il-każ peress li fl-investigazzjoni ta’ salvagwardja, il-prodotti ġew identifikati biss abbażi tal-klassifikazzjoni tat-tariffi filwaqt li fil-proċediment inkwistjoni l-istabbiliment tal-PCN jippermetti tqabbil ta’ tipi ta’ prodotti simili. Madankollu, il-kumpanija ma qablitx u sostniet li l-Kummissjoni kienet diġà rrikonoxxiet li l-azzar awtomobilistiku kien kummerċjalment distintiv minħabba li jiġi prodott għal speċifikazzjonijiet preċiżi, jeħtieġ ċertifikazzjoni tal-fornitur, jiġi pprovdut taħt arranġamenti fit-tul u jenħtieġ li, fiċ-ċirkostanzi eżaminati hemmhekk, jitqies separatament mill-prodotti standard (145).

(752)

POSVIET fakkret fl-evidenza allegata sottomessa biex tappoġġa l-allegazzjonijiet ta’ hawn fuq. Hija enfasizzat li l-prezzijiet għoljin osservati tal-gradi tal-karozzi ma kinux l-unika raġuni għall-aġġustament mitlub. Il-kumpanija affermat li l-prezzijiet ogħla osservati kienu riżultat tal-karatteristiċi msemmija hawn fuq tal-bejgħ lis-settur tal-karozzi.

(753)

Barra minn hekk, POSVIET allegat li l-analiżi tal-Kummissjoni tal-kost tal-produzzjoni ta’ gradi tal-karozzi u mhux tal-karozzi li jaqgħu taħt l-istess PCN kellha difetti. Il-Kummissjoni ddeterminat il-firxiet tal-kost unitarju tal-produzzjoni għal kull PCN li taħtu nbiegħu gradi tal-karozzi u sabet li l-kost unitarju tal-produzzjoni għall-bejgħ lis-settur tal-karozzi kien sew fi ħdan dawk il-firxiet. Il-kumpanija argumentat li minflok, kellhom jiġu ddeterminati l-medji ponderati. Il-medji ponderati juru li l-kost unitarju medju tal-produzzjoni tal-gradi tal-karozzi kien b’mod ġenerali u wkoll fuq bażi għal kull PCN ogħla mill-kost unitarju medju tal-produzzjoni ta’ gradi mhux tal-karozzi. Il-kumpanija nnotat ukoll li dan joħloq asimetrija meta jitqies li ma biegħet l-ebda CRF lil klijenti tal-karozzi fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-kumpanija reġgħet irreferiet għall-investigazzjoni tal-ABS imsemmija fil-premessa (749).

(754)

Fl-aħħar nett, POSVIET ilmentat li l-Kummissjoni ma indirizzatx it-talba tagħha għal aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(d) tar-Regolament bażiku (livell ta’ kummerċ) u l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku (fatturi oħra) individwalment. Il-kumpanija sostniet ukoll li pprovdiet biżżejjed evidenza biex tappoġġa t-talba tagħha għal aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku (differenzi fiżiċi). F’dan il-kuntest, il-kumpanija tenniet ukoll l-argument tagħha li d-diviżjoni ta’ prodotti tal-azzar illaminati ċatti fil-kiesaħ f’żewġ subkategoriji (tal-karozzi u mhux tal-karozzi) taħt is-salvagwardja tal-azzar appoġġat l-affermazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ differenzi fiżiċi.

(755)

Il-Kummissjoni eżaminat l-elementi individwali tal-affermazzjoni tal-kumpanija dwar aġġustament għall-valur normali abbażi tal-Artikolu 2(10)(a), jew tal-Artikolu 2(10)(d) jew tal-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni elaborat dwar ir-raġunijiet tagħha f’divulgazzjoni speċifika għall-kumpanija peress li xi informazzjoni u evidenza pprovduta kienu ta’ natura kunfidenzjali.

(756)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni qablet li jista’ jkun hemm raġunijiet għal aġġustament minkejja l-klassifikazzjoni stabbilita tal-PCN, jekk l-impatt fuq il-komparabbiltà tal-prezzijiet jintwera mill-parti li titlob l-aġġustament. Madankollu, ma qablitx li kwalunkwe parti ta’ dan ir-Regolament ikkonfermat li kien il-każ f’din l-investigazzjoni. L-analiżi tat-talba tal-produtturi esportaturi Tajwaniżi għal aġġustament uriet biss li l-Kummissjoni analizzat u indirizzat l-affermazzjonijiet kollha li waslu mingħand il-partijiet rispettivi.

(757)

Il-ħtieġa għal aġġustament trid tiġi eżaminata fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi tal-fatti tal-każ. Għalhekk, is-sejbiet li saru fl-investigazzjoni dwar l-ABS imsemmija mill-kumpanija ma humiex applikabbli f’dan il-każ. Fl-investigazzjoni tal-ABS, l-analiżi dettaljata tat-tipi ta’ prodotti b’bilanċ tal-massa wriet li differenzjazzjoni sempliċi bejn it-tipi ta’ prodotti b’bilanċ tal-massa u dawk konvenzjonali ma kinitx tkopri d-differenzi li jirriżultaw fil-kostijiet u fil-prezzijiet skont it-tip ta’ materja prima b’bilanċ tal-massa (146). Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet f’dak il-każ li t-tipi ta’ prodotti li għalihom ġie applikat aġġustament ġew żviluppati speċifikament għal klijent uniku u l-produttur esportatur kien kuntrattwalment obbligat li ma jbigħx dawk it-tipi ta’ prodotti lil klijenti oħra.

(758)

Fir-rigward tas-sejbiet tal-investigazzjoni tas-salvagwardja tal-azzar, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha. Ir-raġunament użat fis-salvagwardja ma jservix ta’ bażi għad-deċiżjoni li kellha tittieħed f’din l-investigazzjoni. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħloq subkategorija separata għall-prodotti tal-karozzi ma kinitx ibbażata fuq in-nuqqas ta’ komparabbiltà tagħhom f’termini ta’ kostijiet u prezzijiet. Il-Kummissjoni ħadet din id-deċiżjoni abbażi tal-interess tal-utenti. F’dan ir-rigward, intwera li l-prodotti tal-karozzi normalment kienu jiġu fornuti fil-ħin eżatt, u dan żied ir-riskju li xi tipi ta’ prodotti speċifiċi jiġu spostati barra mill-kwota ħielsa mid-dazju minn prodotti standard (mhux tal-karozzi) li jistgħu jiġu fornuti b’mod massiv u maħżuna fil-bidu tal-perjodu li għalih ġiet iddefinita l-kwota tar-rata tariffarja.

(759)

Fir-rigward tat-talba ta’ POSVIET għal aġġustament, il-Kummissjoni kkonfermat li, fid-divulgazzjoni finali, hija ffukat fuq l-analiżi tal-kost tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni qieset li n-natura speċifika tal-bejgħ lis-settur tal-karozzi, b’mod partikolari r-rekwiżiti ogħla allegati li jikkonċernaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kwalità, tkun riflessa fil-kost tal-produzzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma qablitx li kellha tuża l-medja ponderata biex tqabbel jekk il-kost tal-produzzjoni tal-gradi tal-karozzi kienx allinjat mal-kost tal-produzzjoni ta’ gradi mhux tal-karozzi. F’dan il-każ, il-kalkolu ta’ kost unitarju medju ponderat jiġi vvizzjat mill-kwantitajiet li fihom ġew prodotti t-tipi ta’ prodotti individwali li jaqgħu taħt l-istess PCN. Firxa bbażata fuq il-valur minimu u massimu pprovdiet stampa aktar xierqa tal-kost tal-produzzjoni applikabbli għal tipi ta’ prodotti mhux tal-karozzi li jaqgħu taħt PCN wieħed. Il-Kummissjoni sabet li t-tipi ta’ prodotti tal-karozzi li jaqgħu taħt l-istess PCN kellhom kost unitarju tal-produzzjoni sew fi ħdan il-firxa stabbilita għal tipi ta’ prodotti mhux tal-karozzi.

(760)

Biex tindirizza kif xieraq l-affermazzjonijiet tal-kumpanija skont l-Artikoli 2(10)(a), 2(10)(d) jew 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni rrapportat l-affermazzjonijiet li saru, u r-raġunament u l-evidenza pprovduti li jappoġġaw dawk l-affermazzjonijiet. Din l-analiżi indirizzat ukoll l-affermazzjoni li s-sitwazzjoni ta’ POSVIET hija fundamentalment differenti minn dik tal-produtturi esportaturi Tajwaniżi (ara l-premessa (748)).

(761)

Fit-tweġiba inizjali għall-kwestjonarju, POSVIET talbet reviżjoni tal-istruttura tal-PCN abbażi tal-preċedent mis-salvagwardja tal-azzar u t-tliet elementi elenkati fil-premessa (750) u nnotat li jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tirrevedix il-PCN, hija tagħmel talba għal aġġustament għad-differenzi fiżiċi, il-livell ta’ kummerċ u/jew fatturi oħra.

(762)

Il-kumpanija għamlet it-talba biss matul il-verifika fuq il-post. POSVIET ipprovdiet sottomissjoni fejn elaborat fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-bejgħ lill-industrija tal-karozzi għall-kuntrarju tal-bejgħ lil klijenti mhux tal-karozzi, ittra mingħand il-fornitur tal-karozzi tagħha dwar il-politika tal-akkwist tiegħu, rapporti maħruġa mill-klijent tal-karozzi li japprovaw gradi magħżula tal-azzar manifatturati minn POSVIET, kwotazzjoni tal-prezz għal perjodu li jaqa’ taħt il-perjodu ta’ investigazzjoni, u l-kalkolu biex jiġi stabbilit il-livell tal-aġġustament.

(763)

Il-Kummissjoni eżaminat din l-informazzjoni u l-evidenza biex tiddetermina jekk ikunx xieraq aġġustament għad-differenzi fiżiċi skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni sabet li l-kumpanija biegħet żewġ kategoriji ta’ tipi ta’ prodotti lill-klijent tal-karozzi tagħha: (i) it-tipi ta’ prodotti manifatturati f’konformità ma’ standard industrijali applikabbli għall-azzar għal, fost l-oħrajn, l-industrija tal-karozzi; u (ii) tipi ta’ prodotti manifatturati f’konformità ma’ standard industrijali applikabbli għall-prodotti illaminati fil-kiesaħ b’mod ġenerali. Il-maġġoranza tal-bejgħ lill-klijent awtomobilistiku (75–85 %) kienet taqa’ taħt it-tieni kategorija. Fl-istess ħin, dawn it-tipi ta’ prodotti mhux tal-karozzi mibjugħa lill-klijent tal-karozzi nbiegħu lil klijenti oħra mhux tal-karozzi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sabet li l-kumpanija pprovdiet rapporti ta’ approvazzjoni biss għat-tipi ta’ prodotti manifatturati f’konformità mal-istandard industrijali tal-karozzi filwaqt li talbet aġġustament għall-bejgħ kollu tagħha lill-klijent tal-karozzi. Barra minn hekk, l-evidenza pprovduta wriet li tabilħaqq għat-tipi ta’ prodotti, prodotti skont l-istandard industrijali tal-karozzi, il-klijent tal-karozzi analizza l-konformità tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mitluba. L-ispeċifikazzjonijiet u l-metodi ta’ eżami kienu t-tnejn ibbażati fuq l-istandard industrijali tal-karozzi. Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-kumpanija biegħet it-tipi ta’ prodotti approvati mill-klijent tal-karozzi skont l-istandard industrijali tal-karozzi lil klijenti oħra għalkemm fi kwantitajiet żgħar biss. Il-Kummissjoni kkonkludiet li għall-maġġoranza tat-tipi ta’ prodotti mibjugħa lill-klijent tal-karozzi, ma kien hemm l-ebda differenza fil-karatteristiċi fiżiċi peress li l-istess gradi tal-azzar inbiegħu lil klijenti mhux tal-karozzi fis-suq domestiku. Sehem iżgħar ta’ tipi ta’ prodotti mibjugħa lill-klijent tal-karozzi (15–25 %) tabilħaqq ġie manifatturat f’konformità ma’ standard industrijali speċifiku applikabbli fost l-oħrajn għall-industrija awtomobilistika (iżda wkoll għal prodotti tal-azzar illaminati ċatti fil-kiesaħ użati għat-tagħmir elettriku jew fil-kostruzzjoni). Il-Kummissjoni qieset li d-differenzi fiżiċi bejn dawn it-tipi ta’ prodotti u t-tipi ta’ prodotti mibjugħa lil klijenti mhux tal-karozzi ma ntwerewx. Anke jekk kien hemm xi differenzi fiżiċi, l-effett fuq il-valur normali jkun negliġibbli peress li l-bejgħ totali lill-klijent tal-karozzi kien jirrappreżenta inqas minn 2 % tal-bejgħ domestiku totali ta’ POSVIET. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal aġġustament tal-valur normali għad-differenzi fiżiċi. Aktar dettalji ġew ipprovduti lill-kumpanija f’divulgazzjoni speċifika għall-kumpanija.

(764)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-informazzjoni u l-evidenza msemmija fil-premessa (762) biex tiddetermina jekk ikunx xieraq aġġustament għal-livell ta’ kummerċ skont l-Artikolu 2(10)(d) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni fakkret li biex dan l-aġġustament ikun iġġustifikat, il-kumpanija trid turi li, fir-rigward tal-katina tad-distribuzzjoni, il-prezz tal-esportazzjoni huwa f’livell differenti ta’ kummerċ mill-valur normali u d-differenza affettwat il-komparabbiltà tal-prezzijiet, li tintwera minn differenzi konsistenti u distinti fil-funzjonijiet u fil-prezzijiet tal-bejjiegħ għal-livelli differenti ta’ kummerċ fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur. Il-Kummissjoni sabet li l-kumpanija sempliċiment identifikat li kienet titlob prezzijiet ogħla lil klijent wieħed, il-klijent tal-karozzi, fis-suq domestiku. Madankollu naqset milli tispjega u turi d-differenzi fil-funzjonijiet li jispjegaw il-prezzijiet ogħla. Barra minn hekk, POSVIET kellha biss klijent tal-karozzi wieħed. Għalhekk, kwalunkwe mġiba fl-ipprezzar lejn klijent uniku bilkemm tista’ titqies bħala prova ta’ differenzi konsistenti u distinti bejn il-bejgħ lis-settur tal-karozzi u l-bejgħ lil setturi oħrajn. Għar-raġunijiet kollha ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(765)

Fir-rigward tat-talba għal aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni pprovdiet analiżi dettaljata lill-kumpanija f’divulgazzjoni speċifika għall-kumpanija. F’termini ġenerali, il-Kummissjoni sabet li l-kumpanija ma wrietx korrelazzjoni bejn il-fatturi elenkati mill-kumpanija bħala karatteristiċi speċifiċi tal-bejgħ lis-settur tal-karozzi u l-prezzijiet mitluba lill-klijent tal-karozzi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sabet li l-bejgħ lis-settur tal-karozzi li jaqa’ taħt xi wħud mill-PCNs li jkopru kemm il-bejgħ lis-settur tal-karozzi kif ukoll il-bejgħ lil setturi oħrajn, kien qed jagħmel it-telf, jiġifieri dawn il-karatteristiċi allegatament speċjali tal-bejgħ lis-settur tal-karozzi ma setgħux jiġġeneraw prezz li jkopri l-kost tal-produzzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(766)

Fl-aħħar nett, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (755) sa (765), il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjonijiet ippreżentati minn POSVIET kif elaborati fil-premessi (747) sa (754).

(767)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, POSVIET tenniet li l-użu tal-medja ponderata għat-tqabbil ta’ gradi awtomotivi u mhux awtomotivi fir-rigward tal-kost tal-produzzjoni tagħhom kien aktar xieraq mill-użu ta’ firxiet. Il-kumpanija sostniet li l-medja ponderata tirrifletti l-importanza kummerċjali reali tal-osservazzjonijiet filwaqt li firxa tagħti importanza deċiżiva liż-żewġ estremi irrispettivament minn jekk wieħed minnhom huwiex rappreżentattiv.

(768)

Fir-rigward tal-analiżi tal-Kummissjoni tat-talba tal-kumpanija għal aġġustament għad-differenzi fiżiċi skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku, POSVIET introduċiet żewġ argumenti.

(769)

L-ewwel nett, il-kumpanija affermat li l-analiżi tal-Kummissjoni bbażata fuq standards tal-industrija li skonthom ġew prodotti t-tipi ta’ prodotti mibjugħa lill-klijent tal-karozzi ma kinitx rilevanti biex jinstiltu konklużjonijiet dwar jekk aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku kienx iġġustifikat. Il-kumpanija argumentat li prodott jista’ jaqa’ taħt l-istess PCN jew standard wiesa’ tal-industrija u xorta jkun soġġett għal rekwiżiti addizzjonali speċifiċi għall-klijent.

(770)

It-tieni, POSVIET argumentat li r-rekwiżiti speċifiċi tal-klijent tal-karozzi tagħha kellhom valur tas-suq muri. F’dan ir-rigward, il-kumpanija rreferiet għall-fatt li l-prodotti jiġu ttestjati skont ir-rekwiżiti tekniċi speċifiċi tal-klijent tal-karozzi, il-kost unitarju medju ponderat tal-produzzjoni huwa ogħla mill-kost tal-gradi mhux tal-karozzi skont l-istess PCN, u l-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ tal-gradi tal-karozzi fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika huma wkoll ogħla minn dawk tal-bejgħ mhux lis-settur tal-karozzi għall-istess PCN.

(771)

Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-talba tal-kumpanija għal aġġustament għad-differenzi fil-livell tal-kummerċ (il-bejgħ OEM) skont l-Artikolu 2(10)(d) tar-Regolament bażiku, il-kumpanija pprovdiet ħarsa ġenerali lejn id-differenzi bejn il-funzjonijiet imwettqa għall-klijenti tal-karozzi u dawk mhux tal-karozzi fil-kategoriji li ġejjin: (a) il-kwalifika u l-ittestjar, (b) it-tbassir u l-ippjanar, (c) l-inventarju u l-loġistika, (d) l-awtorità tal-ipprezzar, (e) it-trattament tal-pretensjonijiet u l-appoġġ tekniku. Il-kumpanija affermat ukoll li l-effett ta’ dawk id-differenzi fil-funzjonijiet intwera permezz tal-prezzijiet ogħla mitluba lill-klijent tal-karozzi u l-konsistenza ta’ dawk id-differenzi ntweriet fit-tranżazzjonijiet, fil-prodotti u fil-perjodi. Fl-aħħar nett, il-kumpanija żiedet li anke jekk il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(10)(d)(i) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati bis-sħiħ, jenħtieġ li tagħti aġġustament speċjali skont l-Artikolu 2(10)(d)(ii) tar-Regolament bażiku.

(772)

Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-talba tal-kumpanija għal aġġustament għal fatturi oħra skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, il-kumpanija argumentat li:

(a)

Għamlet l-affermazzjoni matul il-verifika fuq il-post, mhux biss wara d-divulgazzjoni finali;

(b)

Sostenibbiltà ristretta kienet appoġġata minn evidenza ta’ proċess ta’ ċertifikazzjoni;

(c)

Għalkemm il-prezzijiet għal kull pajjiż huma differenzjati, l-ipprezzar reġjonali jiġi nnegozjat b’mod ċentrali;

(d)

Il-medji ponderati tal-kost tal-produzzjoni u tal-prezzijiet tal-bejgħ jipprovdu evidenza diretta tal-effett konsistenti fuq il-prezz;

(e)

Il-PCNs li jagħmlu t-telf ma jikkonfutawx l-effett fuq il-prezz;

(f)

In-nuqqas ta’ bejgħ lis-settur tal-karozzi lill-Unjoni jirrikjedi l-aġġustament peress li l-effett ta’ fatturi oħra fuq il-prezzijiet allegatament ġie stabbilit.

(773)

Il-Kummissjoni sostniet li l-użu tal-medja ponderata għal tqabbil tal-kost tal-produzzjoni ma kienx xieraq għall-fini li jiġi stabbilit jekk il-kost tal-produzzjoni tal-gradi tal-karozzi kienx konsistentement ogħla mill-kost tal-produzzjoni tal-gradi mhux tal-karozzi (komodità). Fil-fatt, meta għadd ta’ valuri differenti jinqasmu f’żewġ gruppi u tiġi kkalkolata medja għal kull grupp, medja kważi dejjem tkun ogħla mill-oħra. Madankollu, dik id-differenza, fiha nnifisha, ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni ta’ jekk il-valuri individwali fi grupp wieħed humiex konsistentement ogħla minn dawk fil-grupp l-ieħor. Barra minn hekk, diġà fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, il-kumpanija argumentat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet eżami xieraq tat-talbiet tagħha għal aġġustamenti skont l-Artikoli 2(10)(a), 2(10)(d) u 2(10)(k) tar-Regolament bażiku. Din l-analiżi twettqet, u l-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet tal-kumpanija fuq bażi differenti mill-analiżi tal-kost medju tal-produzzjoni.

(774)

Fir-rigward tal-affermazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni nnotat li ma bbażatx il-konklużjoni tagħha fuq is-sempliċi fatt li t-tipi ta’ prodotti mibjugħa lill-klijent tal-karozzi kienu prodotti taħt ċertu standard tal-industrija. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-prodotti manifatturati f’konformità ma’ diversi standards tal-industrija jistgħu jaqgħu taħt l-istess PCN. Il-qalba tal-argument tal-Kummissjoni kienet li ma kien hemm l-ebda evidenza tal-eżistenza ta’ differenzi fiżiċi bejn il-gradi individwali prodotti skont l-istandard tal-industrija tal-komoditajiet, li rrappreżentaw maġġoranza kbira tal-bejgħ tal-kumpanija lill-klijent tal-karozzi filwaqt li l-istess gradi speċifiċi nbiegħu wkoll lil klijenti mhux tal-karozzi. Ir-rapporti ta’ approvazzjoni sottomessi mill-kumpanija kienu jikkonċernaw biss it-tipi ta’ prodotti manifatturati f’konformità mal-istandard tal-industrija awtomobilistika, li rrappreżentaw minoranza tal-bejgħ tal-kumpanija lill-klijent tal-karozzi. Fi kwalunkwe każ, il-kumpanija ma spjegatx id-differenzi fiżiċi bejn it-tipi ta’ prodotti mibjugħa lill-klijent tal-karozzi u lil klijenti mhux tal-karozzi. Is-sempliċi eżistenza ta’ differenza fil-prezz ma tistax tiġi aċċettata bħala evidenza ta’ differenzi fiżiċi.

(775)

Fir-rigward tal-affermazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(d) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni analizzat il-funzjonijiet iddikjarati minn POSVIET fir-rigward tal-bejgħ lis-settur tal-karozzi u mhux lis-settur tal-karozzi. Għal xi funzjonijiet allegati, jiġifieri l-kwalifika u l-ittestjar, it-tbassir u l-ippjanar, l-inventarju u l-loġistika, l-appoġġ tekniku, ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ sostenn fil-fajl, jew l-evidenza kienet biss parzjali (l-eżistenza ta’ rapporti ta’ approvazzjoni/ittestjar għal għadd limitat ta’ tipi ta’ prodotti). Fir-rigward tat-trattament tal-pretensjonijiet, jidher li hemm trikkib tal-funzjonijiet u tas-servizzi pprovduti. Filwaqt li l-proċedura tal-pretensjonijiet tidher li hija stabbilita b’mod ċar għall-klijent tal-karozzi, tista’ tiġi applikata proċedura simili għal klijenti mhux tal-karozzi skont in-natura tal-pretensjoni. Fir-rigward tal-awtorità tal-ipprezzar, ma huwiex ċar kif il-fatt li l-prezzijiet jiġu nnegozjati ċentralment jirrappreżenta funzjoni relatata mal-livell tal-kummerċ/mal-bejgħ OEM.

(776)

Fir-rigward tal-affermazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni nnotat li:

(a)

Għalkemm il-kumpanija għamlet l-affermazzjoni matul il-verifika fuq il-post, kien biss fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali li identifikat b’mod ċar il-fatturi li jenħtieġ li jitqiesu skont dawn id-dispożizzjonijiet;

(b)

Il-kumpanija ma pprovdiet l-ebda evidenza ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni komprensiva iżda sempliċiment rapporti ta’ approvazzjoni/ittestjar għal għadd limitat ta’ tipi ta’ prodotti mibjugħa lill-klijent tal-karozzi. Il-Kummissjoni sabet li l-ittestjar regolari tal-konformità tal-prodotti fornuti mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-klijent tal-karozzi ma setax jirriżulta f’sostenibbiltà ristretta tal-fornituri;

(c)

Fir-rigward tan-negozjar ċentralizzat tal-prezzijiet, il-Kummissjoni nnotat li l-kumpanija qabel affermat li l-prezzijiet mitluba lill-klijent tal-karozzi ma kinux rappreżentattivi tas-suq Vjetnamiż minħabba li ma kinux stabbiliti speċifikament għall-Vjetnam iżda pjuttost fuq livell reġjonali. Dan ġie kkonfutat mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kwotazzjoni tal-prezz sottomessa mill-kumpanija;

(d)

Ir-rilevanza tal-kost medju ponderat tal-produzzjoni (u, bl-istess mod, tal-prezzijiet) kienet diġà ġiet indirizzata diversi drabi;

(e)

Ma kienx ċar kif il-fatt li l-bejgħ lis-settur tal-karozzi li jaqa’ taħt tnejn minn tmien PCNs rilevanti kien qed jagħmel it-telf ma jikkonfutax l-affermazzjoni tal-kumpanija li aġġustament kien iġġustifikat. B’mod partikolari, meta jitqies li l-kumpanija pproponiet żewġ metodi biex twettaq l-aġġustament u t-tnejn li huma kienu bbażati fuq l-aġġustament tal-prezzijiet għal tali livell li l-bejgħ ta’ gradi tal-karozzi taħt kull PCN rilevanti jiġġenera l-istess livell ta’ profittabbiltà bħall-bejgħ mhux lis-settur tal-karozzi taħt dak il-PCN.

(777)

Fi kwalunkwe każ, POSVIET kontinwament ibbażat l-affermazzjonijiet tagħha għal aġġustament skont l-Artikoli 2(10)(a), 2(10)(d) jew 2(10)(k) tar-Regolament bażiku sempliċiment fuq l-eżistenza ta’ prezzijiet ogħla imposti fuq il-klijent tal-karozzi tagħha. Il-kumpanija mbagħad allegat l-eżistenza ta’ differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, fil-funzjonijiet relatati mal-livell tal-kummerċ/mal-bejgħ OEM jew f’fatturi oħra. Minflok ma pprovdiet evidenza ta’ sostenn għall-eżistenza ta’ dawk id-differenzi, il-kumpanija affermat li s-sempliċi eżistenza ta’ prezzijiet ogħla kienet tikkostitwixxi evidenza ta’ dawk id-differenzi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li d-differenza identifikata fil-prezz fis-suq domestiku skont klijent hija okkorrenza normali f’suq ħieles li jenħtieġ li tiġi riflessa fil-valur normali aktar milli eliminata minnu. Madankollu, POSVIET naqset milli tispjega dik id-differenza fil-prezz f’termini ta’ fatturi konkreti li jaffettwaw il-prezzijiet kif meħtieġ mill-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Mingħajr tali konnessjoni ma hemm l-ebda raġuni għall-aġġustament. Sempliċi differenza fil-prezz ma turix neċessarjament primjum tal-prezz; din tista’ bl-istess mod turi tnaqqis fil-prezz għall-klijenti mhux tal-karozzi, u, mingħajr l-ebda rabta dimostrabbli ma’ fattur konkret, hija okkorrenza ordinarja tas-suq li ssawwar il-valur normali għal tip ta’ prodott partikolari.

(778)

Wara l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (773) sa (777), il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjonijiet deskritti fil-premessi (767) sa (772).

3.6.5.2.   Aġġustamenti magħmula għall-prezz tal-esportazzjoni

(779)

Sabiex il-prezz tal-esportazzjoni jiġi nnettjat lura għal-livell tal-kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, saru aġġustamenti fir-rigward tal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija, tal-assigurazzjoni, tal-immaniġġar tat-tagħbija u spejjeż anċillari skont l-Artikolu 2(10)(e) tar-Regolament bażiku.

(780)

Saru provvedimenti għall-fatturi li ġejjin li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet: kreditu mogħti lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku skont l-Artikolu 2(10)(g) tar-Regolament bażiku, l-ispejjeż tal-ippakkjar imġarrba għall-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni skont l-Artikolu 2(10)(f) tar-Regolament bażiku, l-imposti bankarji skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, u għall-kummissjonijiet skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Il-kummissjonijiet tħallsu minn PIC Korea lil kumpanija relatata fil-Vjetnam għall-immaniġġar ta’ dokumenti, komunikazzjoni u servizzi oħrajn ipprovduti fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn POSVIET lejn l-Unjoni.

(781)

Għall-bejgħ kollu għall-esportazzjoni mwettaq permezz ta’ PIC Korea, kummerċjant, sar aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qieset li l-ispejjeż SG & A mġarrba mill-kummerċjant u l-profitt ta’ importatur mhux relatat ta’ 2 %, kif spjegat fil-premessa (630) hawn fuq, irriflettew b’mod affidabbli l-kummissjoni li aġent mhux relatat jitlob għas-servizzi tiegħu.

(782)

Wara d-divulgazzjoni finali, POSVIET tenniet l-affermazzjoni tagħha li t-tliet kumpaniji kummerċjali – PIC Korea, PI Germany, u PI Italy (“Grupp PI”) – kienu entità ekonomika waħda (“SEE”). Il-kumpanija rrikonoxxiet li fi proċedimenti anti-dumping, il-kunċett SEE kien ġie applikat għal kummerċjant relatat mal-produttur esportatur fejn ir-realtà ekonomika tar-relazzjoni wriet li l-kummerċjant aġixxa bħala dipartiment intern tal-esportazzjoni tal-produttur. Il-kumpanija tenniet l-affermazzjoni tagħha fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, minkejja l-fatt li l-kwistjoni ma kinitx soġġetta għad-divulgazzjoni finali addizzjonali u l-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti mid-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(783)

Madankollu, il-kumpanija affermat li l-fatt li POSVIET ma hijiex parti mill-allegata SEE ma huwiex rilevanti f’dan il-każ u rreferiet għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li jirrikonoxxi li impriża hija unità ekonomika li tista’ tikkonsisti minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi distinti. F’dan il-każ, it-test jiffoka fuq l-unità ekonomika u l-kontroll, u mhux fuq jekk waħda mill-entitajiet hijiex produttur. F’dan ir-rigward, POSVIET argumentat li l-Grupp PI huwa SEE għaliex

(a)

Il-kontijiet tal-grupp ġew konsolidati;

(b)

Il-funzjonijiet tal-bejgħ tat-tliet kumpaniji kienu kkoordinati ċentralment;

(c)

Iż-żewġ importaturi relatati fl-Unjoni ma stabbilewx il-prezzijiet b’mod indipendenti;

(d)

Iż-żewġ importaturi relatati fl-Unjoni ġew stabbiliti biex iwettqu funzjonijiet li ma setgħux jitwettqu minn PIC Korea.

(784)

POSVIET sostniet li ma oġġezzjonatx għat-tnaqqis tal-ispejjeż SG & A kemm skont l-Artikolu 2(9) kif ukoll skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, madankollu oġġezzjonat għat-tnaqqis doppju tal-profitt.

(785)

Hija ssuġġeriet ukoll li jkun xieraq tnaqqis uniku tal-ispejjeż SG & A konsolidati skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(786)

Fl-aħħar nett, il-kumpanija fakkret li skont is-sentenza ta’ PT Musim Mas vs Il-Kummissjoni (147), meta SEE tiġi rikonoxxuta bejn produttur u kummerċjant relatat, il-kummerċjant ma jistax jitqies li jwettaq funzjonijiet ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku.

(787)

Il-Kummissjoni eżaminat l-affermazzjoni. Fil-fatt, fi proċedimenti anti-dumping, il-kunċett ta’ SEE jintuża biex jiddeskrivi sitwazzjonijiet fejn kummerċjant huwa relatat mal-produttur esportatur, u r-realtà ekonomika tar-relazzjoni turi li l-kummerċjant jaġixxi bħala dipartiment intern tal-esportazzjoni tal-produttur. Bħala definizzjoni, din iċ-ċirkostanza ma tmurx kontra l-fehim ta’ impriża skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għalkemm irid jiġi nnotat li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma huwiex applikabbli fl-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ.

(788)

Il-Kummissjoni nnotat li l-affermazzjoni ta’ POSVIET dwar l-eżistenza ta’ SEE fost PIC Korea, PI Germany u PI Italy kellha l-għan li tikseb modifika dwar kif ġew applikati l-aġġustamenti għall-prezz tal-esportazzjoni. Essenzjalment, il-kumpanija oġġezzjonat għal tnaqqis doppju allegat tal-profitt nozzjonali skont l-Artikoli 2(9) u 2(10)(i) tar-Regolament bażiku jew inkella pproponiet li tnaqqas l-ispejjeż SG & A konsolidati tal-Grupp PI skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(789)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li t-tnaqqis tal-ispejjeż SG & A u tal-profitt nozzjonali skont l-Artikoli 2(9) u 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, filwaqt li t-tnejn jiddependu fuq l-istess tip ta’ informazzjoni, jiġifieri l-ispejjeż SG & A effettivament imġarrba mill-kumpaniji relatati u profitt ta’ importatur mhux relatat, jirrappreżenta żewġ eżerċizzji separati.

(790)

Skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bniet il-prezz tal-esportazzjoni fuq il-bażi tal-prezz li bih is-CRF inbiegħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti peress li l-importaturi PI Germany u PI Italy kienu relatati mal-produttur esportatur. Skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku saru aġġustamenti għall-kostijiet kollha li saru bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid u għall-profitti akkumulati. Il-kostijiet imġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid inkludew f’dan il-każ dawk irrapportati mill-importaturi fuq bażi ta’ tranżazzjoni u l-ispejjeż SG & A li ma setgħux ikunu direttament marbuta ma’ tranżazzjonijiet individwali.

(791)

Ladarba ġew stabbiliti kemm il-prezz tal-esportazzjoni kif ukoll il-valur normali, il-Kummissjoni mbagħad għamlet aġġustament għall-prezz tal-esportazzjoni għall-fini ta’ tqabbil ġust skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni sabet li PIC Korea wettqet funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni u ġiet remunerata għal dawn il-funzjonijiet permezz ta’ mark-up. Peress li l-mark-up tħallas bejn entitajiet relatati, dan ġie affettwat mir-relazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni użat l-ispejjeż SG & A mġarrba minn PIC Korea u l-profitt nozzjonali bħala indikatur għall-kummissjoni li kienet titħallas lil aġent indipendenti li jwettaq funzjonijiet ta’ PIC Korea.

(792)

F’dan ir-rigward, POSVIET ma tatx prova li l-approċċ tal-Kummissjoni kien qed jikser ir-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni kienet legalment meħtieġa tnaqqas l-ispejjeż SG & A u profitt biex jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, il-kumpanija ma kkontestatx is-sejbiet tal-Kummissjoni li PIC Korea wettqet funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Il-kumpanija lanqas ma affermat u lanqas ma pprovdiet evidenza li PIC Korea aġixxiet bħala dipartiment intern tal-esportazzjoni ta’ POSVIET, f’liema każ aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku tabilħaqq ma jkunx xieraq.

(793)

Wara d-divulgazzjoni finali, POSVIET sostniet li l-livell tal-profitt imnaqqas skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku għall-PIC KR meta tbigħ direttament lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni jenħtieġ li jiġi rivedut biex jirrifletti l-funzjonijiet limitati tal-kumpanija. F’dan ir-rigward, il-kumpanija rreferiet għas-sentenza f’PT Musim Mas vs Il-Kummissjoni (148), fejn il-Qorti ċċarat li l-użu tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku ma huwiex ibbażat fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn il-kummerċjant u l-produttur esportatur, iżda fuq il-funzjonijiet imwettqa mill-kummerċjant. Il-kumpanija argumentat li l-livell tal-profitt irid jitfassal apposta għall-funzjonijiet imwettqa mill-kummerċjant, aktar milli dawk imwettqa minn importatur.

(794)

Barra minn hekk, POSVIET irreferiet għal-Linji Gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar tat-trasferiment (149) li skont dawn “[i]l-marġni tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid se jiġi influwenzat mil-livell ta’ attivitajiet imwettqa mill-bejjiegħ mill-ġdid. Dan il-livell ta’ attivitajiet jista’ jvarja b’mod wiesa’ mill-każ fejn il-bejjiegħ mill-ġdid iwettaq biss servizzi minimi bħala aġent tal-ispedizzjoni sal-każ fejn il-bejjiegħ mill-ġdid jieħu r-riskju sħiħ tas-sjieda flimkien mar-responsabbiltà sħiħa għar-reklamar, għall-kummerċjalizzazzjoni, għad-distribuzzjoni u għall-garanzija tal-oġġetti, għall-finanzjament tal-istokks u għal servizzi konnessi oħrajn, kif ukoll mar-riskji involuti f’dawn l-attivitajiet. Jekk il-bejjiegħ mill-ġdid fit-tranżazzjoni kkontrollata ma jwettaqx attività kummerċjali sostanzjali iżda jittrasferixxi biss l-oġġetti lil parti terza, il-marġni tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid jista’, fid-dawl tal-funzjonijiet imwettqa, ikun wieħed żgħir.”

(795)

F’dan ir-rigward, il-kumpanija indikat li PIC Korea ma tipprovdix arranġamenti ta’ ħżin jew żdoganar, u lanqas ma hija involuta fil-ġestjoni ta’ kuljum tar-relazzjoni mal-klijent fil-kanal tal-bejgħ fejn tbigħ direttament lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni.

(796)

Il-kumpanija tenniet l-affermazzjoni stabbilita fil-premessi (793) sa (795) fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, minkejja l-fatt li l-kwistjoni ma kinitx soġġetta għad-divulgazzjoni finali addizzjonali u l-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti mid-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(797)

Mill-bidu, il-Kummissjoni nnotat li, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni magħmula minn POSVIET, is-sentenza PT Musim Mas vs Il-Kummissjoni (150) ma torbotx il-profitt użat biex jiġi kkwantifikat l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku mal-funzjonijiet imwettqa mill-kummerċjant li jaġixxi bħala aġent. Pjuttost, huwa l-aġġustament innifsu li huwa marbut ma’ dawk il-funzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li l-aġġustament għall-kummissjoni skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku jinkludi żewġ komponenti distinti: (i) il-kostijiet SG & A reali tal-kummerċjant relatat, u (ii) profitt nozzjonali ta’ kummerċjant mhux relatat attiv fl-istess settur. Filwaqt li l-komponent tal-profitt iservi bħala indikatur għall-marġni li kummerċjant indipendenti komparabbli jikseb fis-suq ħieles, il-komponent tal-kostijiet SG & A jirrifletti l-ispejjeż reali mġarrba minħabba l-funzjonijiet imwettqa mill-kummerċjanti relatati. Huwa preċiżament dan l-aħħar element, il-kostijiet SG & A reali, li jiżgura li l-aġġustament jirrifletti b’mod akkurat il-kostijiet tal-funzjonijiet imwettqa.

(798)

Il-Kummissjoni kkonfermat li l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku applikat għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni permezz ta’ PIC Korea ma kienx ibbażat fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn POSVIET u PIC Korea iżda fuq l-involviment ta’ negozjant f’diversi mezzi ta’ bejgħ li fihom in-negozjant wettaq funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Madankollu, l-eżistenza tar-relazzjoni serviet ta’ bażi għad-determinazzjoni tal-livell tal-aġġustament. Filwaqt li l-ispejjeż SG & A reali ta’ PIC Korea ġew aċċettati bħala parti mill-aġġustament, il-profitt iġġenerat mill-bejgħ ma setax jitqies peress li l-prezz tax-xiri ġie affettwat mir-relazzjoni bejn POSVIET u PIC Korea. Għalhekk, il-profitt ta’ importatur mhux relatat fl-Unjoni ntuża bħala indikatur xieraq.

(799)

Barra minn hekk, il-kumpanija affermat li l-livell tal-profitt kellu jiġi aġġustat ’l isfel peress li l-kumpanija wettqet funzjonijiet limitati meta mqabbla mal-importaturi relatati fl-Unjoni u bbażat ruħha fuq il-Linji Gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar tat-trasferiment f’dan ir-rigward.

(800)

Fir-rigward tal-Linji Gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment, il-Kummissjoni fakkret li huma bbażati fuq “standard internazzjonali tal-ipprezzar ta’ trasferiment li l-pajjiżi membri tal-OECD qablu li jenħtieġ li jintuża għal finijiet ta’ taxxa minn gruppi [ta’ intrapriżi multinazzjonali] u amministrazzjonijiet tat-taxxa” (151). Il-Linji Gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar tat-trasferiment ma humiex maħsuba biex jipprevedu liema profitt fuq il-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti partikolari jista’ jinkiseb jew huwa raġonevoli f’suq partikolari bbażat fuq il-funzjonijiet imwettqa minn kummerċjant. L-allokazzjoni tal-profitt ibbażata fuq il-funzjonijiet imwettqa minn entitajiet relatati f’dan il-kuntest isservi essenzjalment bħala salvagwardja kontra l-attribuzzjoni tal-profitti lil kumpaniji li jwettqu ftit funzjonijiet iżda li jinsabu f’ġuriżdizzjonijiet b’taxxa baxxa.

(801)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma qablitx li l-funzjonijiet imwettqa minn PIC Korea kienu limitati meta mqabbla mal-funzjonijiet taż-żewġ importaturi relatati fl-Unjoni. Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, ġiet żvelata analiżi dettaljata lill-kumpanija separatament. F’dan il-kuntest, il-Linji Gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar tat-trasferiment, li fuqhom ibbażat ruħha l-kumpanija fl-argumentazzjoni tagħha, jipprovdu eżempji ta’ sitwazzjonijiet fejn il-funzjonijiet tal-kummerċjant jitqiesu limitati (servizzi minimi bħala aġent tal-ispedizzjoni) u fejn ikunu sostanzjali, jiġifieri jista’ jkun mistenni marġni ogħla (bħal, pereżempju, riskju sħiħ ta’ sjieda, responsabbiltà sħiħa għall-attivitajiet u r-riskji involuti fir-reklamar, il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni u l-garanzija tal-oġġetti). PIC Korea ħadet f’idejha b’mod ċar is-sjieda tal-oġġetti matul it-trasport bil-baħar u kienet responsabbli għall-organizzazzjoni tan-network ta’ distribuzzjoni. Għalhekk, il-funzjonijiet tagħha ma jistgħux jitqiesu limitati. Konsegwentement, l-affermazzjoni deskritta fil-premessa (797) ġiet miċħuda.

3.6.6.   Marġnijiet tad-dumping

(802)

Għall-produttur esportatur inkluż fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip tal-prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(803)

Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping medju ponderat definittiv espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huwa ta’ 16,0 %.

(804)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma humiex inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni tikkalkula l-marġni tad-dumping medju ponderat, f’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ, il-marġni tad-dumping definittiv tal-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma humiex inklużi fil-kampjun huwa l-istess bħal dak tal-produttur esportatur inkluż fil-kampjun li kkoopera, jiġifieri 16,0 %.

(805)

Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fil-Vjetnam, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dumping abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta’ kooperazzjoni huwa l-volum ta’ esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni espress bħala proporzjon tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni fil-PI, li ġew stabbiliti abbażi tal-Eurostat.

(806)

Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ huwa għoli għaliex l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu aktar minn 80 % tal-importazzjonijiet totali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx fil-livell tal-kumpanija inkluża fil-kampjun li kkooperat li ġiet eżaminata individwalment.

(807)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

POSCO VIETNAM CO., LTD

16,0

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

16,0

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Vjetnam

16,0

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(808)

Il-prodott simili kien immanifatturat minn 22 produttur fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(809)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ġiet stabbilita għal madwar 31,5 miljun tunnellata, inkluża l-produzzjoni għas-suq kaptiv. Il-Kummissjoni stabbiliet din iċ-ċifra abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-industrija tal-Unjoni, jiġifieri t-tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju li waslet mingħand Eurofer, fejn possibbli kontroverifikata mat-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(810)

Kif innotat fil-premessa (94), intgħażel kampjun ta’ tliet produtturi tal-Unjoni. Il-kampjun definittiv kien jammonta għal aktar minn 24 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni u 17 % tal-bejgħ stmat tal-prodott simili fis-suq ħieles fl-Unjoni u żgura firxa ġeografika tajba.

(811)

B’mod ġenerali, l-industrija tal-Unjoni hija kkaratterizzata minn grad sinifikanti ta’ integrazzjoni vertikali. Sehem sostanzjali mill-produzzjoni jintuża b’mod kaptiv għal aktar ipproċessar downstream, filwaqt li l-bqija jinbiegħ fis-suq ħieles f’kompetizzjoni diretta mal-importazzjonijiet.

4.2.   Determinazzjoni tas-suq rilevanti tal-Unjoni

(812)

Sabiex tistabbilixxi jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx dannu u sabiex tiddetermina l-konsum u d-diversi indikaturi ekonomiċi relatati mas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni eżaminat sa liema punt l-użu tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni minnha stess, b’mod partikolari għall-ipproċessar ulterjuri, jenħtieġ li jitqies f’dik l-analiżi.

(813)

Kif indikat hawn fuq, l-industrija tal-Unjoni hija fil-biċċa l-kbira integrata vertikalment, u l-prodott taħt investigazzjoni jikkostitwixxi input primarju għall-manifattura ta’ diversi prodotti downstream ta’ valur ogħla, bħal prodotti galvanizzati u miksija b’materjal organiku. Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li sehem sinifikanti mill-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kien destinat għal użu kaptiv. Fid-dawl ta’ dan, il-konsum kaptiv u l-konsum tas-suq ħieles ġew analizzati separatament.

(814)

Id-distinzjoni bejn suq kaptiv u suq ħieles hija rilevanti għall-analiżi tad-dannu minħabba li l-prodotti destinati għal użu kaptiv ma jiġux esposti għal kompetizzjoni diretta mill-importazzjonijiet, u l-prezzijiet tat-trasferiment jiġu stabbiliti fi ħdan il-gruppi skont diversi politiki tal-prezzijiet. B’kuntrast ma’ dan, il-produzzjoni destinata għas-suq ħieles hija f’kompetizzjoni diretta mal-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni, u l-prezzijiet huma prezzijiet tas-suq ħieles.

(815)

Sabiex tipprovdi stampa kemm jista’ jkun kompluta tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kisbet data għall-attività kollha tat-CRF u ddeterminat jekk il-produzzjoni kinitx destinata għall-użu kaptiv jew għas-suq ħieles.

(816)

Il-Kummissjoni eżaminat ċerti indikaturi ekonomiċi relatati mal-industrija tal-Unjoni abbażi tad-data għas-suq ħieles. Dawn l-indikaturi huma: il-volum tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni; is-sehem mis-suq; it-tkabbir; il-volum u l-prezzijiet tal-esportazzjoni; il-profittabbiltà; ir-redditu fuq l-investiment; u l-fluss tal-flus. Fejn kien possibbli u ġustifikat, is-sejbiet tal-eżami tqabblu mad-data għas-suq kaptiv sabiex tiġi pprovduta stampa sħiħa tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(817)

Madankollu, indikaturi ekonomiċi oħrajn jistgħu jiġu eżaminati b’mod sinifikanti biss billi ssir referenza għall-attività kollha, inkluż l-użu kaptiv tal-industrija tal-Unjoni. Dawn huma: il-produzzjoni; il-kapaċità, l-użu tal-kapaċità; l-investimenti; l-istokks; l-impjiegi; il-produttività; il-pagi; u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital. Huma jiddependu mill-attività kollha, kemm jekk il-produzzjoni tkun kaptiva kif ukoll jekk tinbiegħ fis-suq ħieles.

4.3.   Konsum tal-Unjoni

4.3.1.   Konsum kaptiv fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

(818)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum kaptiv tal-Unjoni abbażi tal-użu kaptiv u tal-bejgħ kaptiv fis-suq tal-Unjoni tal-produtturi kollha magħrufa fl-Unjoni. Abbażi ta’ dan, il-konsum kaptiv tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 25

Konsum kaptiv fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Konsum kaptiv

24 019 465

24 266 863

24 913 310

24 037 814

Indiċi (2022=100)

100

101

104

100

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju tal-Eurofer.

(819)

Ġie stabbilit li madwar 76 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tas-CRF hija ddedikata għas-suq kaptiv, filwaqt li l-24 % li jifdal tinbiegħ f’kundizzjonijiet tas-suq ħieles.

(820)

Il-konsum kaptiv tal-UE żdied b’madwar 4 % bejn l-2022 u l-2024, u dan jirrifletti espansjoni gradwali fid-domanda kaptiva. Madankollu, din ix-xejra ma ġietx sostnuta, minħabba li l-konsum sussegwentement naqas b’madwar 3,5 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni meta mqabbel mal-2024, u b’mod ġenerali reġa’ lura għal-livell tiegħu tal-2022. B’mod ġenerali, il-konsum kaptiv wera biss varjazzjoni limitata matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, li tindika domanda downstream relattivament stabbli fi ħdan operazzjonijiet integrati vertikalment.

4.3.2.   Konsum tas-suq ħieles fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

(821)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni abbażi ta’ (a) id-data tal-Eurofer dwar il-bejgħ fis-suq tal-Unjoni tal-produtturi magħrufa kollha fl-Unjoni, kif kontroverifikata mal-informazzjoni rrapportata mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun; u (b) l-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiżi terzi kollha kif irrapportat mill-Eurostat. Abbażi ta’ dan, il-konsum fis-suq ħieles tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 26

Konsum fis-suq ħieles tal-Unjoni (tunnellati)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Konsum fis-suq ħieles

8 089 250

7 372 012

7 543 690

7 274 722

Indiċi (2022=100)

100

91

93

90

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju tal-Eurofer, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, l-Eurostat.

(822)

Il-konsum fis-suq ħieles naqas b’mod sinifikanti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Huwa naqas b’9 % fl-ewwel sena. Dan kien segwit minn żieda moderata ta’ 2 % fis-sena ta’ wara. Madankollu, dan l-irkupru kien temporanju, hekk kif il-konsum reġa’ naqas bi 3 punti perċentwali fil-PI.

(823)

B’mod ġenerali, il-konsum fis-suq ħieles irreġistra tnaqqis totali ta’ 10 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan it-tnaqqis kien prinċipalment xprunat minn tnaqqis fil-konsum downstream, b’mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni u f’ċerti applikazzjonijiet industrijali, li huma swieq ewlenin tal-użu finali għall-prodotti tal-azzar.

(824)

Barra minn hekk, l-inċertezza makroekonomika u t-tkabbir ekonomiku aktar dgħajjef f’diversi Stati Membri kkontribwew għal imġiba aktar kawta fix-xiri fost il-klijenti, li ttardjaw jew naqqsu l-ordnijiet u taw prijorità lit-tnaqqis tal-inventarju. Dan irriżulta f’attività aktar baxxa fis-suq spot u f’volumi tranżazzjonali mnaqqsin fis-segment tas-suq ħieles.

4.3.3.   Konsum ġenerali

(825)

Il-konsum ġenerali, is-somma tal-konsum tas-suq kaptiv u tas-suq ħieles, evolva kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 27

Konsum ġenerali tal-Unjoni (suq kaptiv u ħieles) (tunnellati)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-konsum ġenerali tal-Unjoni

32 108 714

31 638 874

32 456 525

31 312 536

Indiċi (2022=100)

100

99

101

98

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju tal-Eurofer, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, l-Eurostat.

(826)

Il-konsum ġenerali tal-Unjoni baqa’ ġeneralment stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, b’varjazzjonijiet limitati biss. Dan naqas bi ftit b’1 % fl-ewwel sena. Dan kien segwit minn żieda modesta ta’ 3 punti perċentwali fis-sena sussegwenti. Madankollu, din iż-żieda ma kinitx sostnuta, minħabba li l-konsum naqas b’4 punti perċentwali fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(827)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-konsum globali baqa’ ġeneralment stabbli, bi tnaqqis żgħir ta’ madwar 2 % bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Din l-istabbiltà relattiva kienet prinċipalment dovuta għall-fatt li l-konsum kaptiv baqa’ ġeneralment stabbli, li parzjalment taffa x-xejra ta’ tnaqqis osservata fil-konsum fis-suq ħieles, u b’hekk naqqas l-impatt tat-tnaqqis ġenerali fid-domanda.

4.4.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

4.4.1.   Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u l-volumi tal-importazzjoni u l-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati

(828)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet ta’ prodott li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati jenħtieġx li jiġu vvalutati b’mod kumulattiv, f’konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku.

(829)

Il-marġni tad-dumping stabbilit fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kien ogħla mil-limitu de minimis stipulat fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku. Il-volum tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż ikkonċernat ma kienx negliġibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku. L-ishma mis-suq fil-perjodu ta’ investigazzjoni varjaw bejn 3 % u 7 %.

(830)

Il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u l-prodott simili kienu simili. Kif innotat fil-premessa (125), l-investigazzjoni wriet li s-CRF mibjugħa mill-produtturi esportaturi u mill-industrija tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi, kif ukoll l-istess użi bażiċi. Barra minn hekk, il-prodotti importati kkompetew ma’ xulxin u mal-industrija tal-Unjoni, kif ukoll mas-CRF prodotti fl-Unjoni minħabba li jinbiegħu permezz tal-istess mezzi ta’ bejgħ u lil kategoriji simili ta’ klijenti.

(831)

Għalhekk, il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku ġew issodisfati u l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ġew eżaminati b’mod kumulattiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dannu.

4.4.2.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(832)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat. L-ishma mis-suq ġew stabbiliti billi l-volumi tal-importazzjonijiet tqabblu mal-konsum fis-suq ħieles tal-Unjoni kif irrapportat fit-Tabella 26.

(833)

L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati żviluppaw kif ġej:

Tabella 28

Kwantità importata u sehem mis-suq

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

L-INDJA

 

 

 

 

Volum tal-importazzjonijiet mill-Indja (tunnellati)

405 319

387 521

435 297

414 530

Indiċi

100

96

107

102

Sehem mis-suq tal-Indja (%)

5

5

6

6

IL-ĠAPPUN

 

 

 

 

Volum tal-importazzjonijiet mill-Ġappun (tunnellati)

126 021

223 217

246 354

250 001

Indiċi

100

177

195

198

Sehem mis-suq tal-Ġappun (%)

2

3

3

3

IT-TAJWAN

 

 

 

 

Volum tal-importazzjonijiet mit-Tajwan (tunnellati)

293 280

440 907

574 505

499 836

Indiċi

100

150

196

170

Sehem mis-suq tat-Tajwan (%)

4

6

8

7

IT-TURKIJA

 

 

 

 

Volum tal-importazzjonijiet mit-Turkija (tunnellati)

448 012

228 046

417 253

334 885

Indiċi

100

51

93

75

Sehem mis-suq tat-Turkija (%)

6

3

6

5

IL-VJETNAM

 

 

 

 

Volum tal-importazzjonijiet mill-Vjetnam (tunnellati)

48 282

115 405

157 386

187 767

Indiċi

100

239

326

389

Sehem mis-suq tal-Vjetnam (%)

1

2

2

3

PAJJIŻI KKONĊERNATI

 

 

 

 

Kwantità ta’ importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati (tunnellati)

1 320 914

1 395 097

1 830 796

1 687 020

Indiċi

100

106

139

128

Sehem mis-suq (%)

16

19

24

23

Sors:

Eurostat. L-ishma mis-suq ġew stabbiliti billi l-volumi tal-importazzjonijiet tqabblu mal-konsum fis-suq ħieles tal-Unjoni kif irrapportat fit-tabella 24.

(834)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod ġenerali, kemm fil-volum, bi 28 %, kif ukoll fis-sehem mis-suq, li laħaq 23 % fil-PI. Filwaqt li l-iżviluppi varjaw b’mod sinifikanti fost il-pajjiżi kkonċernati, ix-xejra ġenerali tindika preżenza dejjem aktar b’saħħitha ta’ dawn l-importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni.

(835)

Fl-2023, il-volumi tal-importazzjoni wrew żviluppi mħalltin. L-importazzjonijiet mill-Indja naqsu kemxejn (-4 %), filwaqt li l-importazzjonijiet mit-Turkija naqsu drastikament (-49 %). B’kuntrast ma’ dan, l-importazzjonijiet mill-Ġappun (+77 %), mit-Tajwan (+50 %) u mill-Vjetnam (+139 %) żdiedu b’mod sinifikanti. B’riżultat ta’ dan, il-volum globali tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdied, akkumpanjat minn żieda fis-sehem mis-suq minn 16 % għal 19 % (+3 punti perċentwali).

(836)

Fl-2024, ix-xejra ’l fuq saret aktar evidenti. L-importazzjonijiet mill-Indja (+12 %), mill-Ġappun (+10 %) u mit-Tajwan (+30 %) komplew jiżdiedu, filwaqt li l-importazzjonijiet mit-Turkija rkupraw b’mod qawwi (+83 %) mil-livell baxx irreġistrat fl-2023. L-importazzjonijiet mill-Vjetnam komplew jiżdiedu wkoll (+36 %). Dan wassal għal espansjoni sinifikanti tal-volum globali tal-importazzjonijiet u żieda notevoli fis-sehem mis-suq għal 24 % (+5 punti perċentwali).

(837)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-volumi tal-importazzjonijiet naqsu meta mqabbla mal-2024, iżda baqgħu ferm ogħla mil-livelli tal-2022. L-importazzjonijiet mill-Indja naqsu b’mod moderat (-5 %), filwaqt li l-importazzjonijiet mit-Tajwan (-13 %) u mit-Turkija (-20 %) naqsu wkoll. B’kuntrast ma’ dan, l-importazzjonijiet mill-Ġappun (+1 %) u mill-Vjetnam (+19 %) komplew jiżdiedu. B’mod ġenerali, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati baqgħu għoljin, bis-sehem mis-suq naqas biss bi ftit għal 23 % (-1 punt perċentwali).

(838)

Matul il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod sinifikanti, kemm fil-volum kif ukoll fis-sehem mis-suq. Il-volumi tal-importazzjonijiet żdiedu b’6 % fl-2023 u komplew jiżdiedu b’mod notevoli b’31 % fl-2024. Għalkemm naqsu bi 8 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni meta mqabbla mal-2024, dawn baqgħu 28 % ogħla mil-livelli tal-2022. B’mod parallel, is-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet żdied b’mod kostanti minn 16 % fl-2022 għal 19 % fl-2023 u laħaq 24 % fl-2024, qabel ma naqas kemxejn għal 23 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni. B’mod ġenerali, minkejja tnaqqis żgħir fil-perjodu ta’ investigazzjoni, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati wrew xejra qawwija ’l fuq u saħħew b’mod sinifikanti l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tal-Unjoni.

4.4.3.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u twaqqigħ tal-prezz u tnaqqis fil-prezzijiet

(839)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tad-data tal-Eurostat.

(840)

Il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 29

Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/unità tal-kejl)

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

L-INDJA

 

 

 

 

Prezz medju tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

1 051

772

725

680

Indiċi

100

73

69

65

IL-ĠAPPUN

 

 

 

 

Prezz medju tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

1 021

802

777

718

Indiċi

100

79

76

70

IT-TAJWAN

 

 

 

 

Prezz medju tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

1 042

752

703

690

Indiċi

100

72

67

66

IT-TURKIJA

 

 

 

 

Prezz medju tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

1 041

834

744

716

Indiċi

100

80

71

69

IL-VJETNAM

 

 

 

 

Prezz medju tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

1 166

757

708

667

Indiċi

100

65

61

57

PAJJIŻI KKONĊERNATI

 

 

 

 

Prezz medju tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

1 047

779

728

695

Indiċi

100

74

70

66

Sors:

Eurostat.

(841)

B’mod ġenerali, il-prezz medju tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati naqas b’34 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Din ix-xejra ’l isfel ġiet osservata għall-pajjiżi kollha kkonċernati individwalment, bi tnaqqis fil-prezzijiet li jvarja minn 30 % sa 43 %, bl-aktar tnaqqis notevoli rreġistrat għall-Vjetnam bi 43 %.

(842)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni billi qabblet:

(1)

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun mitluba mingħand klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika; u

(2)

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjonijiet mill-produtturi tal-pajjiż ikkonċernat li kkooperaw inklużi fil-kampjun lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi ta’ kost, assigurazzjoni u nol (CIF), b’aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali u għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

(843)

It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi ta’ tip b’tip għat-tranżazzjonijiet fl-istess livell ta’ kummerċ, bl-aġġustament dovut meta neċessarju, u wara tnaqqis tar-ribassi u tal-iskontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil kien espress bħala persentaġġ tal-fatturat teoretiku tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(844)

Wara l-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali li wasslu għal bidliet fil-prezzijiet tal-esportazzjoni fil-Ġappun u fit-Turkija kif spjegat fil-premessi (270) u (278), u (632) u (636) rispettivament, il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz.

(845)

Fir-rigward speċifikament ta’ Nippon Steel, wara l-aċċettazzjoni tal-affermazzjoni li l-prezzijiet tagħha lil MISI u lil NST kienu distakkati, il-Kummissjoni ma stabbilitx il-prezz tal-esportazzjoni tagħha skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Madankollu, biex jiġi stabbilit il-prezz tal-importazzjoni użat fil-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-marġni tad-dannu, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 2(9) b’analoġija peress li l-prezz iddikjarat lid-dwana ma kienx affidabbli minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni intragrupp. (152)

(846)

F’dan il-każ, sabiex il-prezz tas-suq lil klijent mhux relatat jiġi nnettjat lura għal-livell ta’ kummerċ tat-tqabbil (jiġifieri l-prezz tal-importazzjoni immedjatament wara ż-żdoganar ta’ dak il-prodott fil-fruntiera tal-UE), saru aġġustamenti għall-prezz għall-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inklużi l-ispejjeż SG & A, u għall-profitti akkumulati.

(847)

Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kostijiet SG & A effettivi rrapportati mill-importaturi relatati. Il-marġni ta’ profitt użat għall-aġġustamenti kien ta’ 2 %, kif spjegat fil-premessa (630). Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni għamlet aġġustament għall-profitt miksub minn kull entità relatata fl-Unjoni involuta fil-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-evidenza fil-fajl uriet li l-Kumpanija B, fil-kuntest ta’ xiri mingħand MISEA fuq termini tal-konsenja fid-destinazzjoni tal-ħatt (DPU, delivered at place unloaded), kopriet il-kostijiet tar-rilaxx fil-port tal-Unjoni mal-kunsinna tal-prodott taħt investigazzjoni. Abbażi ta’ dan, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-Kumpanija B, il-Kummissjoni qieset li, minbarra MISEA, il-Kumpanija B kienet involuta wkoll fil-proċess tal-importazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni applikat b’analoġija l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku kemm għal MISEA kif ukoll għall-Kumpanija B.

(848)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, il-Gvern tal-Ġappun afferma li l-Kummissjoni ma pprovdietx ġustifikazzjoni għat-tnaqqis ta’ marġni ta’ profitt eċċessiv ta’ 2 % għal kull entità involuta fil-katina tal-bejgħ meta ħadmet il-prezz tal-esportazzjoni. Għalkemm saret l-affermazzjoni fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni għall-kalkolu tad-dumping, fejn il-Kummissjoni ma aġġustatx il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(i) wara li aċċettat l-affermazzjoni ta’ Nippon Steel rigward il-kundizzjonijiet ta’ distakkament fil-premessa (270), l-affermazzjoni baqgħet rilevanti għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-marġni tad-dannu.

(849)

Il-Kummissjoni nnotat li għamlet l-aġġustament billi applikat b’analoġija l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, kif spjegat fil-premessa (845) hawn fuq. Il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-profitti miksuba mill-importaturi relatati peress li nkisbu abbażi ta’ bejgħ u prezzijiet relatati. Il-profitt ta’ importatur mhux relatat ma setax jiġi identifikat bħala indikatur fl-investigazzjoni kurrenti, peress li l-ebda importatur mhux relatat ma kkoopera. Għalhekk, kif spjegat fil-premessa (847), il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-profitt stabbilit għal importatur mhux relatat f’investigazzjoni preċedenti dwar l-istess prodott. Dan il-profitt ta’ 2 % kien jirrappreżenta l-indikatur għall-profitt ta’ importatur fl-Unjoni fin-nuqqas ta’ alternattivi. Inċidentalment, profitt ta’ 2 % huwa konformi mal-mark-up li tħalla għall-kummerċjanti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, u għalhekk profitt nozzjonali ta’ 2 % ma jistax jitqies eċċessiv. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

Tabella 30

Marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz

Pajjiż

Kumpanija

Marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz (%)

L-Indja

JSW Steel Limited

11

Il-Ġappun

Nippon Steel Corporation

12,5

It-Tajwan

CSC Group

9,2

It-Turkija

Borçelik Çelik Sanayi Ticaret A.Ş.

13,4

Tatmetal Çelik Sanayi ve Ticaret A. Ş.

5,3

Il-Vjetnam

POSCO VIETNAM CO., LTD

10,7

(850)

Il-prodott ikkonċernat huwa fil-biċċa l-kbira xprunat mill-prezzijiet u l-kompetizzjoni fis-suq isseħħ primarjament permezz tal-ipprezzar. Barra minn hekk, il-prezzijiet tas-suq huma trasparenti u faċilment aċċessibbli. L-investigazzjoni wriet li sehem limitat biss mill-bejgħ jitwettaq taħt kuntratti fit-tul, filwaqt li l-klijenti jżommu l-possibbiltà li jibdlu l-fornituri f’suq dinamiku ħafna.

(851)

F’dan l-isfond, il-marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezz stabbiliti għall-importazzjonijiet ikkonċernati nstabu li huma sinifikanti, fejn jammontaw għal 11 % għall-Indja, 12,5 % għall-Ġappun, 9,2 % għat-Tajwan, 5,3 % u 13,4 % għat-Turkija u 10,7 % għall-Vjetnam.

(852)

L-investigazzjoni wriet ukoll li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kienu mrażżna mill-importazzjonijiet bi prezz baxx li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati, li segwew xejriet u mudelli kummerċjali simili.

(853)

Il-Grupp NSC argumenta wkoll li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis iż-żmien itwal ta’ konsenja għall-importazzjonijiet Ġappuniżi meta jiġi kkalkolat il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz u tad-dannu. Huwa sostna li s-CRF Ġappuniż ħa ferm aktar żmien biex jilħaq l-Unjoni milli s-CRF prodott fl-Unjoni u ppropona aġġustament tal-valur taż-żmien tal-flus għall-prezz tal-esportazzjoni komparabbli mal-kost miżjud għat-termini ta’ pagament.

(854)

Il-marġni tad-dannu huwa stabbilit billi l-prezz tal-esportazzjoni jitqabbel mal-prezz mhux dannuż tal-industrija tal-Unjoni f’livelli komparabbli ta’ kummerċ. Kif innotat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Hansol, “minn qari flimkien tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku jirriżulta li d-dannu għandu jiġi evalwat waqt ir-‘rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni’ tal-prodott li huwa s-suġġett ta’ dumping. Konsegwentement, il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz irid, fil-prinċipju, isir fil-livell tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping” (153). Fi kliem ieħor, il-prezz fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika impost mill-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jenħtieġ li jitqabbel mal-“prezz tal-importazzjoni immedjatament wara l-iżdoganar ta’ dak il-prodott fil-fruntiera tal-UE” (154). Id-differenza fil-ħinijiet tal-konsenja ma taffettwax il-livell tal-kummerċ jew il-karatteristiċi tal-prodotti li qed jitqabblu u għalhekk ma teħtieġx aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni.

(855)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-analoġija mfassla minn NSC mal-kostijiet ta’ kreditu relatati mat-termini ta’ pagament ta’ fattura ma kinitx xierqa. Il-kostijiet tal-kreditu jirriflettu kundizzjoni ta’ pagament kuntrattwali miftiehma bejn il-partijiet u huma direttament marbuta mat-termini tat-tranżazzjoni. B’kuntrast għal dan, iż-żmien meħtieġ biex il-prodott importat jilħaq l-Unjoni jirriżulta minn arranġamenti ta’ trasport u loġistiċi u ma jikkostitwix terminu ta’ pagament. Għalhekk, iż-żmien itwal ta’ konsenja ma jikkostitwix kundizzjoni ta’ finanzjament komparabbli mal-perjodu ta’ kreditu mogħti skont it-termini ta’ fattura.

(856)

Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(857)

Il-Grupp NSC afferma wkoll li xi wħud mill-esportazzjonijiet tad-DC01 tiegħu ntużaw fil-kostruzzjoni, filwaqt li l-maġġoranza tad-DC01 mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni kienet destinata għal klijenti tas-settur tal-karozzi. Fuq dik il-bażi, NSC sostna li t-twaqqigħ tal-prezz u l-bejgħ taħt il-prezz jenħtieġ li jiġu vvalutati biss kontra l-bejgħ tal-Unjoni lis-setturi mhux tal-karozzi.

(858)

Il-Kummissjoni nnotat li t-twaqqigħ tal-prezz u l-bejgħ taħt il-prezz huma ddeterminati billi jitqabblu l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, definit b’karatteristiċi oġġettivi, u mhux b’referenza għas-settur li fih jopera x-xerrej. Dan it-tqabbil jitwettaq għal kull PCN. NSC innifisha rrikonoxxiet li l-prodott speċifiku huwa fornut kemm lill-klijenti tal-kostruzzjoni kif ukoll lill-klijenti tal-karozzi; għalhekk jikkostitwixxi prodott simili uniku fi ħdan PCN uniku. Il-PCNs jiġu stabbiliti fil-bidu abbażi ta’ karatteristiċi fiżiċi u tekniċi verifikabbli li jkollhom effetti fuq il-prezz. L-użu finali ma huwiex karatteristika bħal din. NSC ma seta’ jidentifika l-ebda kriterju tekniku li jista’ jitkejjel li jippermetti li l-prodotti tal-karozzi jiġu segregati minn oħrajn. NSC lanqas ma identifikat xi karatteristika li tista’ titkejjel li tiddifferenzja l-esportazzjonijiet tagħha mill-bejgħ korrispondenti tal-Unjoni. Id-differenzi allegati fir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà, ċertifikazzjoni jew kwalifika jikkonċernaw kundizzjonijiet kummerċjali, mhux karatteristiċi tal-prodott. Il-klijenti tal-karozzi u mhux tal-karozzi it-tnejn huma utenti finali industrijali li joperaw fl-istess livell ta’ kummerċ.

(859)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li anke jekk id-deskrizzjoni tas-suq ta’ NSC kienet akkurata aktar milli bbażata fuq is-suppożizzjoni, id-dannu xorta kien iseħħ. L-industrija tal-Unjoni ġġarrab dannu fuq il-bejgħ fejn tikkompeti mal-importazzjonijiet bi prezz baxx. Prezzijiet ogħla miksuba mingħand klijent ieħor ma jeliminawx dak id-dannu. Meta NSC ibigħ bi prezz aktar baxx mill-prezz tal-produtturi tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni jew jitilfu l-bejgħ jew inaqqsu l-prezz tiegħu, u dak it-telf jew it-tnaqqis fil-prezzijiet jikkostitwixxi d-dannu. Bl-istess mod, il-bejgħ taħt il-prezz jiġi kkalkolat abbażi tal-kost għal kull PCN, mhux għal kull tip ta’ klijent. Għalhekk, is-settur tax-xerrej ma għandu l-ebda impatt fuq l-analiżi tal-bejgħ taħt il-prezz.

(860)

Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

4.5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.5.1.   Kummenti ġenerali

(861)

F’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi valutazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(862)

Kif imsemmi fil-premessa (92), intuża l-kampjunar għad-determinazzjoni tad-dannu possibbli mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(863)

Sabiex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. L-indikaturi makroekonomiċi ġew ivvalutati fil-livell tal-industrija kollha tal-Unjoni. Il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq l-informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur, li mbagħad ġiet kontroverifikata mad-data pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni u mal-istatistika uffiċjali disponibbli (Eurostat). L-analiżi tal-indikaturi mikroekonomiċi twettqet fil-livell tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq l-informazzjoni tagħhom, ivverifikata kif suppost. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li jirrappreżentaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(a)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat.

(b)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji tal-bejgħ, il-kost ta’ unità, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

(864)

Sabiex tipprovdi stampa kemm jista’ jkun kompluta tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kisbet data għall-produzzjoni kollha tal-prodott simili taħt investigazzjoni u ddeterminat jekk il-produzzjoni kinitx maħsuba għall-użu kaptiv jew għas-suq ħieles. Għal xi indikaturi tad-dannu relatati mal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni analizzat separatament id-data relatata mas-suq ħieles u mas-suq kaptiv, u għamlet analiżi komparattiva.

(865)

L-indikaturi li ġew ivvalutati billi tqies speċifikament is-segment tas-suq ħieles huma: il-bejgħ, is-sehem mis-suq, il-prezzijiet unitarji, il-kost unitarju, il-profittabbiltà u l-fluss tal-flus. Madankollu, indikaturi ekonomiċi oħrajn setgħu jiġu eżaminati b’mod sinifikanti biss billi ssir referenza għall-attività kollha, inkluż l-użu kaptiv tal-industrija tal-Unjoni.

(866)

Dawn l-indikaturi usa’ jinkludu l-produzzjoni, il-kapaċità, l-użu tal-kapaċità, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, l-impjiegi, il-produttività, l-istokks u l-kostijiet lavorattivi. Għal dawn il-fatturi, il-Kummissjoni tista’ twettaq valutazzjoni sinifikanti biss billi tirreferi għall-attività kollha tal-industrija tal-Unjoni. Din l-analiżi hija f’konformità mal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni u tad-WTO (155).

4.5.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.5.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(867)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 31

Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Kwantità tal-produzzjoni (tunnellati)

31 694 255

31 701 294

32 392 557

31 508 803

Indiċi (2022=100)

100

100

102

99

Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

46 387 539

45 690 871

45 465 152

43 790 478

Indiċi (2022=100)

100

98

98

94

Użu tal-kapaċità (%)

68

69

71

72

Indiċi (2022=100)

100

102

104

105

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju tal-Eurofer.

(868)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-kwantità tal-produzzjoni tal-Unjoni baqgħet relattivament stabbli. Din żdiedet kemxejn bi 2 % bejn l-2022 u l-2024 qabel ma naqset fil-perjodu ta’ investigazzjoni, u dan irriżulta fi tnaqqis marġinali globali ta’ 1 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(869)

Il-kapaċità tal-produzzjoni wriet xejra ta’ tnaqqis kontinwu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u naqset b’6 % b’mod ġenerali. Il-kapaċità naqset bi 2 % bejn l-2022 u l-2023, baqgħet stabbli fl-2024, u mbagħad naqset b’4 % oħra matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. It-tnaqqis ta’ 6 % fil-kapaċità tal-produzzjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni jista’ jiġi spjegat minn aspettattivi aktar baxxi tad-domanda, f’kuntest fejn il-konsum tal-Unjoni naqas b’10 %, tant li wassal għal tnaqqis fid-daqs tas-suq. B’reazzjoni għal dan, il-produtturi tal-Unjoni aġġustaw il-bażi tal-produzzjoni tagħhom biex jallinjaw mat-tnaqqis fid-domanda, inkluż l-irtirar ta’ kapaċità inqas effiċjenti jew mhux essenzjali, sabiex jevitaw kapaċità eċċessiva u jiżguraw użu aktar effiċjenti tar-riżorsi.

(870)

Bħala riżultat tat-tnaqqis żgħir fil-kapaċità tal-produzzjoni flimkien ma’ volumi ta’ produzzjoni relattivament stabbli, l-użu tal-kapaċità żdied b’mod kostanti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn 68 % fl-2022 għal 72 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni, li jikkorrispondi għal żieda ta’ 5 %.

4.5.2.2.   Kwantità ta’ bejgħ u sehem mis-suq

(871)

Il-kwantità ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 32

Kwantità ta’ bejgħ u sehem mis-suq

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Volum ta’ bejgħ fis-suq ħieles tal-Unjoni (tunnellati)

5 633 739

5 007 333

4 855 388

4 767 237

Indiċi (2022=100)

100

89

86

85

Sehem mis-suq (%)

70

68

64

66

Indiċi (2022=100)

100

98

92

94

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju tal-Eurofer u l-Eurostat.

(872)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles naqas kontinwament bi 15 %, bi tnaqqis qawwi ta’ 11 % bejn l-2022 u l-2023, segwit minn tnaqqis ulterjuri ta’ 3 punti perċentwali u punt perċentwali wieħed fil-perjodi sussegwenti.

(873)

Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’mod ġenerali b’4 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat. Dan naqas b’2 punti perċentwali bejn l-2022 u l-2023 u b’4 punti perċentwali oħra bejn l-2023 u l-2024, qabel ma żdied b’2 punti perċentwali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(874)

B’mod ġenerali, it-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ (-15 %) qabeż it-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni (-10 %), u dan jindika telf ta’ sehem mis-suq tal-produtturi tas-CRF tal-Unjoni fil-konsum ħieles tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

4.5.2.3.   Impjiegi u produttività

(875)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 33

Impjiegi u produttività

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Numru ta’ impjegati (FTE)

9 298

9 006

9 013

8 598

Indiċi

100

97

97

92

Produttività (MT/FTE)

3 409

3 520

3 594

3 665

Indiċi

100

103

105

108

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju tal-Eurofer.

(876)

L-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni naqsu bi 8 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. L-impjiegi naqsu bi 3 % bejn l-2022 u l-2023, baqgħu stabbli fl-2024, u mbagħad naqsu b’5 punti perċentwali oħra matul il-PI. Dan it-tnaqqis irrifletta aġġustamenti għat-tnaqqis fil-bejgħ u kundizzjonijiet tas-suq aktar dgħajfa. L-industrija rrazzjonalizzat b’mod progressiv il-forza tax-xogħol tagħha permezz ta’ miżuri ta’ effiċjenza, inkluż in-nuqqas ta’ sostituzzjoni ta’ dawk li jitilqu u r-ristrutturar tal-attivitajiet ta’ produzzjoni, sabiex tallinja l-kostijiet mad-domanda mnaqqsa.

(877)

Il-produttività żdiedet bi 8 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan l-iżvilupp irriżulta primarjament mit-tnaqqis fl-impjiegi flimkien ma’ livelli ta’ produzzjoni ġeneralment stabbli, li wasslu għal output ogħla għal kull impjegat. Għalhekk, iż-żieda fil-produttività tirrifletti t-titjib fl-effiċjenza miksub permezz tar-ristrutturar u r-razzjonalizzazzjoni tax-xogħol.

4.5.2.4.   Id-daqs tal-marġni tad-dumping

(878)

Il-marġnijiet kollha tad-dumping kienu ferm ogħla mil-livell de minimis. L-impatt tal-kobor tal-marġnijiet effettivi tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, minħabba l-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati.

4.5.2.5.   Tkabbir

(879)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni naqas b’10 %. Dan it-tnaqqis kien xprunat min-natura matura tas-suq u minn tnaqqis fl-attività f’setturi downstream ewlenin, li kellu piż fuq id-domanda ġenerali. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ tkabbir fil-kostruzzjoni u f’ċerti applikazzjonijiet industrijali rriżulta f’konsum aktar baxx tal-prodott ikkonċernat.

(880)

Madankollu, l-indikaturi tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni juru li din sabitha diffiċli biex tippreserva l-pożizzjoni tagħha fis-suq. Filwaqt li l-produzzjoni baqgħet ġeneralment stabbli (-1 %), il-bejgħ fis-suq tal-Unjoni naqas b’mod sinifikanti bi 15 %, u dan irriżulta f’telf tas-sehem mis-suq ta’ 6 % (4 punti perċentwali). Dan jindika li l-industrija tal-Unjoni mhux biss segwiet, iżda ssuperat, it-tnaqqis fil-konsum f’termini ta’ tnaqqis fil-bejgħ, u b’hekk kellha prestazzjoni agħar meta mqabbla mal-iżviluppi ġenerali tas-suq.

(881)

Id-deterjorament fil-bejgħ u fis-sehem mis-suq, f’kuntest ta’ tnaqqis fil-konsum, juri li l-industrija tal-Unjoni ma kisbitx tkabbir, la f’termini assoluti u lanqas relattivi. Minflok, hija esperjenzat tnaqqis tal-preżenza tagħha fis-suq li qabeż it-tnaqqis ġenerali fid-domanda.

(882)

Dan in-nuqqas ta’ tkabbir huwa rifless ukoll fit-tnaqqis tal-impjiegi bi 8 %, li jindika tnaqqis fid-daqs tal-kapaċità operazzjonali b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq li sejrin għall-agħar. Għalkemm il-produttività żdiedet bi 8 % u l-użu tal-kapaċità żdied b’5 % (4 punti perċentwali), dawn il-kisbiet jirriflettu titjib fl-effiċjenza miksub permezz ta’ tnaqqis fil-forza tax-xogħol, tnaqqis fil-kapaċità u ristrutturar aktar milli espansjoni jew tkabbir sostenibbli.

(883)

Abbażi ta’ dan, huwa konkluż li l-industrija tal-Unjoni ma esperjenzatx tkabbir matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Minkejja li topera f’suq ħieles li qed jiċkien ikkaratterizzat minn tnaqqis ta’ 10 % fil-konsum, id-deterjorament tal-industrija tal-Unjoni fil-bejgħ u fis-sehem mis-suq juri telf ta’ saħħa kompetittiva u inkapaċità li t-titjib fl-effiċjenza jissarraf fi tkabbir tas-suq.

4.5.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.5.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(884)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 34

Il-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Prezz medju unitarju tal-bejgħ fl-Unjoni fis-suq ħieles (EUR/unità tal-kejl)

[1 020 -1 095 ]

[815 -875 ]

[745 -800 ]

[700 -755 ]

Indiċi

100

80

73

69

Kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/unità tal-kejl)

[900 -975 ]

[820 -890 ]

[720 -780 ]

[690 -750 ]

Indiċi

100

91

80

77

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(885)

It-tabella ta’ hawn fuq turi l-evoluzzjoni tal-prezz unitarju tal-bejgħ fis-suq ħieles tal-Unjoni meta mqabbel mal-kost unitarju korrispondenti tal-produzzjoni.

(886)

Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni wera xejra ta’ tnaqqis b’mod ġenerali, li tirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq li qed jiddeterjoraw fil-kuntest ta’ wara l-COVID-19, b’domanda dgħajfa li teżerċita pressjoni persistenti ’l isfel fuq il-prezzijiet li intensifikat mill-2023 ’il quddiem f’konformità mad-domanda tal-azzar li qed tiddgħajjef. F’dan l-isfond, il-prezz medju unitarju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b’mod sinifikanti b’20 % bejn l-2022 u l-2023, segwit minn tnaqqis ulterjuri ta’ 8 % bejn l-2023 u l-2024, u 6 % addizzjonali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni meta mqabbel mal-2024. B’mod ġenerali, dan jirrappreżenta tnaqqis kumulattiv ta’ 31 % bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni.

(887)

Matul l-istess snin, il-kost unitarju tal-produzzjoni segwa wkoll xejra ’l isfel, għalkemm b’xejra differenti. Il-kostijiet naqsu b’9 % bejn l-2022 u l-2023 u b’mod aktar qawwi bi 12 % bejn l-2023 u l-2024. Matul il-PI, il-kostijiet naqsu b’4 % oħra meta mqabbla mal-2024. B’kollox, dan jikkorrispondi għal tnaqqis globali ta’ 23 % bejn l-2022 u l-PI.

(888)

Tqabbil sena wara sena juri li fl-ewwel perjodu (2022-2023), it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ (-20 %) kien sostanzjalment akbar mit-tnaqqis fil-kostijiet (-9 %), li rriżulta f’kompressjoni sinifikanti tal-marġnijiet. Fis-sena ta’ wara (2023-2024), għalkemm il-kostijiet naqsu b’mod aktar qawwi mill-prezzijiet, dan ma kienx biżżejjed biex jikkumpensa għad-deterjorament tal-marġni preċedenti. Fil-perjodu finali (2024-PI), kemm il-prezzijiet (-6 %) kif ukoll il-kostijiet (-4 %) komplew jonqsu b’pass simili, u dan jindika li l-industrija tal-Unjoni baqgħet taħt pressjoni sostnuta u ma setgħetx tirkupra l-marġnijiet tagħha. Minħabba li s-CRF huwa prodott ta’ komodità, il-produtturi tal-Unjoni kellhom possibbiltajiet limitati biex jiddifferenzjaw l-offerta tagħhom u, sabiex jillimitaw aktar telf tas-sehem mis-suq, kellhom isegwu l-iżviluppi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet u naqqsu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom kif xieraq.

(889)

B’mod ġenerali, minkejja t-tnaqqis fil-kostijiet, it-tnaqqis kumulattiv aktar qawwi fil-prezzijiet tal-bejgħ meta mqabbla mal-kostijiet wassal għal deterjorament strutturali fil-profittabbiltà matul il-perjodu eżaminat, hekk kif il-prezzijiet resqu eqreb lejn il-livelli tal-kostijiet u baqgħu insuffiċjenti biex jiżguraw redditi sostenibbli.

4.5.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(890)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 35

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

[35 500 - 36 500 ]

[38 000 - 39 100 ]

[35 500 - 36 500 ]

[38 000 - 39 100 ]

Indiċi (2022=100)

100

107

100

107

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(891)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat urew żvilupp li jvarja, li żdied b’7 % bejn l-2022 u l-2023 qabel ma reġa’ lura fl-2024 għal livell komparabbli ma’ dak tal-2022 u reġa’ żdied b’7 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

4.5.3.3.   Inventarji

(892)

Il-livelli tal-istokks tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 36

Stokks

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Stokk tal-għeluq (tunnellati)

[390 000 -400 000 ]

[410 000 -420 000 ]

[385 000 -395 000 ]

[370 000 -380 000 ]

Indiċi (2022=100)

100

105

99

95

Stokk tal-għeluq bħala persentaġġ tal-produzzjoni

[1 - 2 ]

[1 - 2 ]

[1 - 2 ]

[1 - 2 ]

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(893)

L-inventarji żdiedu fl-2023 qabel ma naqsu fl-2024 u komplew jonqsu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, u dan irriżulta fi tnaqqis ġenerali ta’ 5 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan l-iżvilupp jenħtieġ li jitqies fil-kuntest ta’ livelli ta’ produzzjoni relattivament stabbli u tnaqqis sinifikanti fil-bejgħ.

(894)

Iż-żieda temporanja fl-inventarji fl-2023 irriflettiet il-fatt li l-bejgħ iddgħajjef, filwaqt li l-produzzjoni baqgħet stabbli. Hekk kif id-domanda tas-suq kompliet tiddeterjora, l-industrija tal-Unjoni sussegwentement naqqset l-inventarji permezz ta’ aġġustamenti fl-ippjanar tal-produzzjoni u l-ġestjoni tal-istokks.

4.5.3.4.   Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(895)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 37

Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

[10 - 15 ]

[0 - 3 ]

[2 - 8 ]

[0 - 5 ]

Indiċi

100

3

37

18

Fluss tal-flus (EUR)

[400 -450 miljun]

[50 -100 miljun]

[100 -150 miljun]

[150 -200 miljun]

Indiċi

100

19

32

39

Investimenti (EUR)

[300 -350 miljun]

[400 -450 miljun]

[400 -450 miljun]

[400 -450 miljun]

Indiċi

100

141

136

133

Redditu fuq l-investimenti (%)

[70 -90 ]

[0 -5 ]

[10 -20 ]

[5 -10 ]

Indiċi

100

1

19

9

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(896)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala persentaġġ tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ.

(897)

Il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni wriet deterjorament notevoli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fl-2022, l-industrija tal-Unjoni kisbet livell ta’ profitt solidu ta’ [10 %-15 %]. Madankollu, il-profittabbiltà naqset drastikament għal madwar il-punt ta’ ekwilibriju anke fl-2023, u dan jirrifletti kompressjoni sinifikanti bejn it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ u l-kostijiet tal-produzzjoni li għadhom relattivament għoljin.

(898)

Fl-2024, il-profittabbiltà rkuprat parzjalment għal livelli ta’ ċifra waħda, prinċipalment minħabba tnaqqis fil-kostijiet unitarji, li naqsu aktar malajr mill-prezzijiet tal-bejgħ. Minkejja dan it-titjib, il-livelli tal-profitt baqgħu ferm taħt dawk osservati fil-bidu tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(899)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-profittabbiltà reġgħet naqset għal [0 %-5 %]. Għalkemm kemm il-prezzijiet tal-bejgħ kif ukoll il-kostijiet komplew jonqsu, l-erożjoni tal-prezzijiet qabżet it-tnaqqis fil-kostijiet, u b’hekk affettwat b’mod negattiv il-marġnijiet.

(900)

B’mod ġenerali, il-profittabbiltà segwiet xejra negattiva qawwija matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u naqset b’aktar minn 10 punti perċentwali minn [10 %-15 %] fl-2022 għal [0 %-5 %] fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan l-iżvilupp jindika li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżomm livelli ta’ profitt sostenibbli, u li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha baqgħet fraġli minkejja xi titjib temporanju.

(901)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-abbiltà tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom huma stess. Il-fluss tal-flus nett tal-Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun wera xejra volatili ħafna, iżda li b’mod ġenerali qed tiddeterjora, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan naqas b’mod qawwi ħafna b’81 % bejn l-2022 u l-2023. Dan kien segwit minn irkupru parzjali fl-2024 (+71 %) u żieda ulterjuri matul il-PI (+20 %), li jindikaw xi titjib wara l-kollass inizjali. Madankollu, b’mod ġenerali, minkejja din ir-rikorrenza, il-fluss tal-flus baqa’ 61 % taħt il-livelli tal-2022. Dan id-deterjorament huwa marbut mill-qrib mad-deterjorament qawwi fil-profittabbiltà, li naqqas il-ġenerazzjoni interna tal-likwidità.

(902)

Fir-rigward tal-investimenti, in-nefqa kapitali tal-industrija tal-Unjoni żdiedet b’madwar 41 % fl-2023 meta mqabbla mal-2022. L-investimenti sussegwentement naqsu b’madwar 4 % fl-2024 u bi 2 % oħra matul il-PI. Il-livelli ta’ investiment fil-PI baqgħu madwar 33 % ogħla milli kienu fl-2022 b’mod ġenerali, u dan jindika espansjoni inizjali fl-attività ta’ investiment segwita minn moderazzjoni progressiva. Dawn l-investimenti kienu primarjament marbuta ma’ proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni u ekoloġizzazzjoni.

(903)

F’dan ir-rigward, huwa nnotat li l-investimenti jistgħu jibqgħu relattivament għoljin minkejja profittabbiltà dgħajfa minħabba n-natura fit-tul tagħhom u l-ħtieġa li jinżammu jew jittejbu l-assi tal-produzzjoni. Madankollu, il-moderazzjoni fit-tkabbir tal-investiment fl-aħħar parti tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni tirrifletti kawtela dejjem akbar u fiduċja mnaqqsa fil-kundizzjonijiet futuri tas-suq.

(904)

Fir-rigward tar-redditu fuq l-investimenti (ROI), l-investigazzjoni eżaminat il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni billi qabblet il-profitt nett mal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan l-indikatur huwa rilevanti għall-valutazzjoni tal-kapaċità tal-industrija li tiġġenera redditu adegwat fuq il-kapital użat fil-produzzjoni tal-prodott simili. Għalhekk, l-iżvilupp tal-ROI jipprovdi għarfien dwar l-attraenza finanzjarja u s-sostenibbiltà tal-investimenti fl-industrija tal-Unjoni.

(905)

L-analiżi wriet li l-ROI varja b’mod sinifikanti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, fejn naqas drastikament b’99 % fl-2023, qabel ma rkupra kemxejn fl-2024 u sussegwentement reġa’ naqas fil-PI. B’mod ġenerali, minkejja l-irkupru limitat ħafna osservat f’nofs il-perjodu, l-ROI baqa’ volatili u spiċċa f’livell konsiderevolment aktar baxx milli fil-bidu tal-perjodu kkonċernat. Din l-evoluzzjoni tindika deterjorament fl-istabbiltà tar-redditi fuq l-investiment, li jirrifletti pressjoni kontinwa fuq il-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

(906)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun esperjenzaw deterjorament notevoli fil-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw il-kapital. Dan it-tnaqqis kien primarjament dovut għad-deterjorament tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni finanzjarja, b’mod partikolari t-tnaqqis sinifikanti fil-profittabbiltà u l-erożjoni sostanzjali tal-kapaċità li jiġġeneraw likwidità.

(907)

It-tnaqqis fil-profittabbiltà dgħajjef il-fiduċja tal-investituri u naqqas ir-riżervi interni meħtieġa sabiex jiġi sfruttat il-finanzjament estern. Barra minn hekk, il-volatilità u d-deterjorament ġenerali tal-fluss ta’ flus irrestrinġew il-kapaċità tal-industrija li tiffinanzja l-investimenti tagħha hija stess, u b’hekk illimitaw il-flessibbiltà finanzjarja tagħha. Konsegwentement, il-prestazzjoni finanzjarja ġenerali tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni affettwat b’mod negattiv l-affidabbiltà kreditizja tagħha u fixklet il-kapaċità tagħha li tiġġenera l-kapital b’termini favorevoli.

4.6.   Konklużjoni dwar id-dannu

(908)

L-investigazzjoni wriet li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ddeterjorat b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. Matul dak iż-żmien, il-konsum fis-suq ħieles naqas b’10 %, filwaqt li l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles naqas bi 15 %, tnaqqis li qabeż it-tnaqqis fid-domanda. B’konsegwenza ta’ dan, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles naqas minn 70 % fl-2022 għal 66 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(909)

L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżomm il-livelli tal-prezzijiet tagħha matul il-perjodu kkunsidrat. Għalkemm l-industrija tal-Unjoni naqqset il-kost unitarju tal-produzzjoni tagħha bi 23 %, il-prezzijiet medji tal-bejgħ tagħha naqsu b’mod aktar drastiku, b’31 %. B’riżultat ta’ dan, il-profittabbiltà naqset minn [10 %-15 %] fl-2022 għal [0 %-5 %] fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(910)

Id-dannu ġie rifless aktar fid-deterjorament ta’ ċerti indikaturi finanzjarji. Il-fluss ta’ flus naqas b’61 % u r-redditu fuq l-investimenti naqas b’91 % bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Minkejja dawn l-iżviluppi avversi, l-investimenti netti baqgħu f’livell għoli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u kienu 33 % ogħla fil-perjodu ta’ investigazzjoni milli fl-2022. Madankollu, id-deterjorament qawwi fil-profittabbiltà, fir-redditu fuq l-investimenti u fil-fluss ta’ flus affettwa ħażin is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija u l-kapaċità tagħha li tiġġenera fondi interni għal investimenti futuri.

(911)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Dan id-dannu kien ikkaratterizzat minn telf sinifikanti ta’ bejgħ u sehem mis-suq fis-suq ħieles, tnaqqis fil-prezzijiet, u deterjorament sostanzjali tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija, b’mod partikolari fir-rigward tal-profittabbiltà, il-fluss ta’ flus, u r-redditu fuq l-investimenti.

(912)

Wara d-divulgazzjoni, il-produtturi Ġappuniżi affermaw li t-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni minn 70 % għal 66 % kien limitat wisq, fih innifsu, biex jappoġġa sejba ta’ dannu materjali, b’mod partikolari peress li l-industrija tal-Unjoni żammet sehem sinifikanti mis-suq. Huma argumentaw li l-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-iżvilupp tas-sehem mis-suq flimkien maċ-ċirkostanzi rilevanti l-oħra, inkluża ż-żieda fil-volum tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(913)

Il-Kummissjoni qieset li dawn l-argumenti ma qajmux dubji dwar is-sejba ta’ dannu materjali. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni jirrikjedi valutazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha li jaffettwaw is-sitwazzjoni tagħha, u li l-ebda fattur uniku ma huwa, minnu nnifsu, deċiżiv. Għalhekk, it-test xieraq ma huwiex jekk xi indikatur wieħed, meta jitqies waħdu, jistabbilix dannu, iżda jekk l-evoluzzjoni kkombinata tal-indikaturi turix deterjorament fis-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ġie vvalutat flimkien mal-indikaturi rilevanti l-oħra tad-dannu u ma ġiex ikkunsidrat waħdu. Il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq it-tnaqqis fis-sehem mis-suq waħdu iżda vvalutatu flimkien mal-iżvilupp tal-indikaturi rilevanti l-oħra (bħall-volum tal-bejgħ, il-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-prezzijiet, il-kostijiet unitarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, ir-redditu fuq l-investiment, l-impjiegi u l-produttività) u maċ-ċirkostanzi msemmija mill-produtturi Ġappuniżi, inkluż l-iżvilupp tal-bejgħ għall-esportazzjoni. Il-fatt li l-industrija tal-Unjoni żammet sehem sinifikanti mis-suq, fih innifsu, ma eskludiex sejba ta’ dannu materjali, b’mod partikolari fid-dawl tad-deterjorament fil-pożizzjoni tas-suq tagħha u f’indikaturi oħra tas-sitwazzjoni ekonomika tagħha. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tad-dannu, il-kriterju rilevanti ma huwiex il-livell assolut tas-sehem mis-suq miżmum, iżda l-firxa tat-tnaqqis tiegħu matul il-perjodu kkunsidrat, b’mod partikolari f’kuntest ta’ penetrazzjoni dejjem akbar tal-importazzjoni. Barra minn hekk, tnaqqis minn 70 % għal 66 %, minħabba d-daqs tas-suq tal-Unjoni, jirrappreżenta volum sostanzjali ta’ bejgħ mitluf għall-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u ma jistax jiġi miċħud bħala immaterjali.

(914)

Fir-rigward taż-żieda fil-bejgħ għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni rreferiet għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni stabbilita fit-taqsima 5.3.1. tal-analiżi tal-kawżalità. Iż-żieda fil-bejgħ għall-esportazzjoni ma kkumpensatx għad-deterjorament tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u għalhekk ma biddlitx is-sejba ta’ dannu materjali.

(915)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-livell tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, it-tnaqqis tiegħu matul il-perjodu kkunsidrat u l-iżvilupp tal-bejgħ għall-esportazzjoni ma biddlux, individwalment jew flimkien, is-sejba ġenerali ta’ dannu materjali.

(916)

Għalhekk, l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

5.   KAWŻALITÀ

(917)

F’konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati kkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

(918)

F’konformità mal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufin oħra setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Dawn il-fatturi huma:

—

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

—

Prestazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

—

Użu kaptiv

—

Tnaqqis makroekonomiku u tnaqqis fid-domanda settorjali

—

Żviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija

—

Il-Qafas Regolatorju tal-UE

—

Il-volatilità tal-prezzijiet tal-materja prima

—

Kapaċità żejda globali fis-settur tal-azzar

—

Il-konsegwenzi tal-COVID-19 u l-instabbiltà ġeopolitika

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(919)

Id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kkoinċida ma’ penetrazzjoni sinifikanti u dejjem tikber fis-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati, li konsistentement waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u wasslu għal tnaqqis fil-prezzijiet. F’dan ir-rigward, l-evoluzzjoni tal-volumi u tal-prezzijiet tal-importazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati, kif riflessa fit-Tabelli 27 u 28, naqqset il-livelli tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u b’hekk stabbiliet rabta kawżali bejn it-tnejn.

(920)

L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod sinifikanti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni bi 28 %, minn madwar 1,3 miljun tunnellata fl-2022 għal aktar minn 1,6 miljun tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni. B’mod parallel, is-sehem mis-suq tagħhom żdied minn 16 % għal 23 %, li jikkorrispondi għal żieda ta’ 7 punti perċentwali. Din iż-żieda fil-volumi tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ikkoinċidiet ma’ tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni minn 70 % għal 66 %, li jindika li t-tkabbir tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ssostitwixxa l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

(921)

L-iżvilupp tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni huwa konsistenti mal-effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Il-profittabbiltà naqset drastikament fl-2023 minħabba li l-prezzijiet tal-bejgħ naqsu aktar mill-kostijiet tal-produzzjoni. Għalkemm il-profittabbiltà tjiebet fl-2024 hekk kif il-kostijiet tal-produzzjoni naqsu aktar malajr mill-prezzijiet tal-bejgħ, dan it-titjib kien biss temporanju, u l-profittabbiltà baqgħet ferm taħt il-livell tal-2022. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-profittabbiltà reġgħet naqset hekk kif il-prezzijiet tal-bejgħ komplew jonqsu aktar malajr mill-kostijiet tal-produzzjoni.

(922)

Barra minn hekk, dawn l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati eżerċitaw pressjoni ’l isfel sostnuta fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni. Il-prezzijiet medji tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati naqsu b’madwar 34 %, minn EUR 1 047 għal kull tunnellata fl-2022 għal EUR 694 għal kull tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, dawn il-prezzijiet baqgħu konsistentement taħt dawk tal-industrija tal-Unjoni, li l-prezzijiet medji tal-bejgħ tagħha naqsu b’madwar 31 %, minn EUR [1 020-1 095] għal kull tunnellata għal EUR [700-755] għal kull tunnellata. Id-differenza persistenti fil-prezzijiet bejn il-prodotti importati u l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni tindika twaqqigħ kontinwu tal-prezz u trażżin tal-prezzijiet. Din il-pressjoni fuq il-prezzijiet illimitat il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li żżomm il-livelli tal-prezzijiet f’konformità mal-kostijiet, u b’hekk ikkontribwiet għad-deterjorament osservat fil-profittabbiltà.

(923)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati, permezz taż-żieda sinifikanti tagħhom fil-volum, iż-żieda fis-sehem mis-suq, u l-prezzijiet konsistentement baxxi ferm taħt dawk tal-industrija tal-Unjoni, ikkontribwew b’mod materjali għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Il-kombinament ta’ żieda fil-penetrazzjoni tal-importazzjonijiet u twaqqigħ sostnut tal-prezzijiet tistabbilixxi rabta kawżali ċara bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

5.2.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

(924)

Il-kwantità tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppat kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 38

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

Pajjiż

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Il-Korea

Kwantità (tunnellati)

382 473

388 999

381 372

408 920

 

Indiċi

100

102

100

107

 

Sehem mis-suq (%)

5

5

5

6

 

Prezz medju (EUR)

1 026

817

765

734

 

Indiċi

100

80

75

72

Ir-Renju Unit

Kwantità (tunnellati)

273 165

261 541

220 848

138 745

 

Indiċi

100

96

81

51

 

Sehem mis-suq (%)

3

4

3

2

 

Prezz medju (EUR)

1 118

852

801

751

 

Indiċi

100

76

72

67

L-Ukrajna

Kwantità (tunnellati)

99 827

149 989

154 603

171 095

 

Indiċi

100

150

155

171

 

Sehem mis-suq (EUR)

1

2

2

2

 

Prezz medju (EUR)

942

722

678

637

 

Indiċi

100

77

72

68

Il-bqija tad-Dinja

Kwantità (tunnellati)

379 132

169 053

100 207

101 705

 

Indiċi

100

45

26

27

 

Sehem mis-suq (%)

5

2

1

1

 

Prezz medju (EUR)

1 118

986

914

884

 

Indiċi

100

88

82

79

Total tal-pajjiżi terzi kollha għajr il-pajjiżi kkonċernati

Kwantità (tunnellati)

1 134 596

969 582

857 031

820 465

 

Indiċi

100

85

76

72

 

Sehem mis-suq (%)

14

13

11

11

 

Prezz medju (EUR)

1 071

841

776

735

 

Indiċi

100

79

72

69

Sors:

Comext.

(925)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-importazzjonijiet mill-Korea t’Isfel żiedu s-sehem mis-suq tagħhom minn 5 % għal 6 %, filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Ukrajna żdiedu minn 1 % għal 2 %. B’kuntrast ma’ dan, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-Renju Unit naqas minn 3 % għal 2 %, u dak tal-importazzjonijiet mill-bqija tad-dinja naqas minn 5 % għal 1 %. L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn soġġetti għal miżuri anti-dumping, bħaċ-Ċina, naqsu wkoll b’mod sinifikanti, bis-sehem mis-suq tagħhom jonqos minn 2 % għal xejn. B’mod ġenerali, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha għajr il-pajjiżi kkonċernati naqas minn 14 % għal 11 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(926)

Il-Kummissjoni vvalutat ulterjorment l-evoluzzjoni ġenerali tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr il-pajjiżi kkonċernati. Din l-analiżi wriet li tali importazzjonijiet naqsu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, kemm f’termini assoluti kif ukoll f’termini ta’ sehem mis-suq. Is-sehem mis-suq ikkombinat tagħhom naqas minn 14 % fl-2022 għal 11 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-prezzijiet medji tal-importazzjoni naqsu wkoll, minn EUR 1 071 għal kull tunnellata fl-2022 għal EUR 735 għal kull tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, u dan jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ madwar 31 %. Minkejja dan it-tnaqqis, il-prezz medju tal-importazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi baqa’ ogħla mill-prezz medju tal-importazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, it-tnaqqis osservat fil-prezzijiet irrifletta x-xejra ġenerali ’l isfel fil-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, aktar milli effett speċifiku fuq il-prezzijiet attribwibbli għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr il-pajjiżi kkonċernati.

(927)

Il-preżenza dejjem tonqos tagħhom fis-suq tal-Unjoni tkompli tikkonferma li ma kellhomx rwol sinifikanti fl-effetti osservati fuq il-prezzijiet jew fit-telf tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Fid-dawl tax-xejra parallela ’l isfel fil-prezzijiet kemm tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn kif ukoll tal-industrija tal-Unjoni, flimkien mal-fatt li l-prezzijiet ta’ pajjiżi terzi fil-perjodu ta’ investigazzjoni baqgħu ogħla minn dawk tal-pajjiżi kkonċernati, u bit-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-importazzjoni, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn jidhru li ma eżerċitawx effett speċifiku jew addizzjonali ta’ tnaqqis fil-prezzijiet fuq is-suq tal-Unjoni lil hinn mix-xejra ġenerali tas-suq. Għalhekk, dan il-fattur ma naqqasx ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(928)

Wara d-divulgazzjoni, il-Gvern tal-Ġappun argumenta li ż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati setgħet irriżultat minn bidla fl-akkwist minn pajjiżi terzi oħra, aktar milli minn żieda fil-pressjoni ġenerali tal-importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, huwa talab li l-Kummissjoni tqis l-iżvilupp tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha meta tivvaluta l-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u r-rabta kawżali mad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(929)

Il-Kummissjoni qieset li l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra ma appoġġax l-affermazzjoni li ż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati sempliċiment irrappreżentat sostituzzjoni tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra. Kif spjegat hawn fuq, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr il-pajjiżi kkonċernati naqas matul il-perjodu kkunsidrat, minn 14 % għal 11 %. Fl-istess ħin, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdied minn 16 % għal 23 %, filwaqt li dak tal-industrija tal-Unjoni naqas minn 70 % għal 66 %.

(930)

Għalhekk, iż-żieda simultanja fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u t-tnaqqis fis-sehem mis-suq kemm tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra ma jindikawx sempliċi bidla fis-sors tal-importazzjonijiet. Pjuttost, l-iżvilupp juri li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żiedu l-preżenza tagħhom fis-suq tal-Unjoni filwaqt li sorsi oħra ta’ provvista tilfu s-sehem mis-suq.

5.3.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

5.3.1.   Prestazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

(931)

Il-volum tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 39

Bejgħ għall-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

 

2022

2023

2024

Perjodu ta’ investigazzjoni

Total tal-bejgħ għall-esportazzjoni (MT)

1 046 797

1 153 564

1 313 619

1 169 942

Indiċi (2022=100)

100

110

125

112

Prezz unitarju medju (EUR/tunnellati)

[1 108 -1 148 ]

[941 -972 ]

[821 -846 ]

[761 -788 ]

Indiċi (2022=100)

100

84

74

69

Sors:

Kwestjonarju makro u tweġibiet għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(932)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volumi totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni żdiedu b’10 % bejn l-2022 u l-2023 u b’14 % oħra bejn l-2023 u l-2024. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-volumi tal-esportazzjoni naqsu bi 11 % meta mqabbla mal-2024. B’mod ġenerali, il-volumi tal-bejgħ għall-esportazzjoni kienu 12 % ogħla fil-perjodu ta’ investigazzjoni milli fl-2022.

(933)

L-investigazzjoni wriet li ż-żieda fil-volumi tal-esportazzjoni kienet prinċipalment xprunata minn esportazzjonijiet ogħla lejn il-Messiku, it-Turkija u l-Istati Uniti. Dawn iż-żidiet irriżultaw minn ċirkostanzi speċifiċi, inkluż l-irkupru tal-bejgħ wara r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet tekniċi fil-faċilitajiet ta’ produttur tal-Unjoni u kundizzjonijiet tas-suq favorevoli f’ċerti destinazzjonijiet tal-esportazzjoni. Iż-żieda fl-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti ma kinitx sostnuta. Għaldaqstant, l-iżvilupp ma kienx jirrifletti titjib ġenerali fil-kundizzjonijiet tas-suq tal-esportazzjoni.

(934)

Fl-istess ħin, il-prezzijiet medji tal-esportazzjoni naqsu kontinwament matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u naqsu b’madwar 31 % bejn l-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan jindika li l-produtturi tal-Unjoni setgħu jżidu l-volumi tal-esportazzjoni biss billi aċċettaw prezzijiet ferm aktar baxxi, u dan jirrifletti pressjoni kompetittiva qawwija fis-swieq tal-esportazzjoni.

(935)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żieda fil-volumi tal-esportazzjoni kienet xprunata minn fatturi speċifiċi relatati mas-suq u mal-kumpaniji u ma kinitx tirrifletti titjib ġenerali fil-kundizzjonijiet tas-suq tal-esportazzjoni. Iż-żieda fil-bejgħ għall-esportazzjoni kienet konsistenti wkoll mal-isforzi tal-industrija tal-Unjoni biex tutilizza l-kapaċità sostanzjali ta’ produzzjoni żejda tagħha billi tfittex opportunitajiet addizzjonali ta’ bejgħ barra mis-suq tal-Unjoni. Madankollu, il-bejgħ għall-esportazzjoni ma pprovdiex sors suffiċjenti ta’ profittabbiltà biex jikkumpensa għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u, għalhekk, ma naqqasx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.3.2.   Konsum kaptiv

(936)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-konsum kaptiv tal-UE żdied b’madwar 4 % bejn l-2022 u l-2024, qabel ma naqas fil-perjodu ta’ investigazzjoni lura għal-livell tal-2022. B’mod ġenerali, il-konsum kaptiv baqa’ ġeneralment stabbli matul il-perjodu kkunsidrat, u wera biss varjazzjoni limitata.

(937)

Dan l-iżvilupp relattivament stabbli tal-konsum kaptiv jindika li d-domanda interna downstream fi ħdan il-produtturi integrati vertikalment ma naqsitx b’mod materjali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Minħabba li l-konsum kaptiv jammonta għall-maġġoranza tal-produzzjoni tal-Unjoni (madwar 76 %), l-istabbiltà tiegħu tikkonferma li d-dannu osservat fis-segment tas-suq ħieles ma jistax jiġi attribwit għal tnaqqis sinifikanti fid-domanda kaptiva. Għalhekk, l-iżviluppi fil-konsum kaptiv ma naqqsux ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.3.3.   Tnaqqis makroekonomiku u tnaqqis fid-domanda settorjali

(938)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk l-iżviluppi makroekonomiċi u kontrazzjoni fid-domanda minn industriji downstream ewlenin ikkontribwewx għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Id-domanda għall-prodott ikkonċernat hija marbuta mill-qrib mal-kundizzjonijiet ekonomiċi ġenerali u mal-attività f’setturi bħall-kostruzzjoni, il-karozzi, l-inġinerija mekkanika u l-apparat domestiku, li flimkien jirrappreżentaw sehem sostanzjali mill-konsum.

(939)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-kundizzjonijiet ekonomiċi fl-Unjoni kienu kkaratterizzati minn tnaqqis fl-attività industrijali u domanda aktar dgħajfa f’diversi minn dawn is-setturi downstream. B’mod partikolari, is-settur tal-kostruzzjoni kien affettwat minn tnaqqis fl-investiment u kostijiet ta’ finanzjament ogħla, filwaqt li s-setturi tal-karozzi u tal-makkinarju wrew sinjali ta’ deċellerazzjoni marbuta ma’ aġġustamenti strutturali u produzzjoni industrijali aktar baxxa. Dawn l-iżviluppi x’aktarx li eżerċitaw pressjoni ’l isfel fuq il-konsum u kkontribwew għal ambjent tas-suq aktar kompetittiv u sensittiv għall-prezzijiet.

(940)

Tnaqqis ekonomiku ġenerali normalment jaffettwa lill-operaturi kollha tas-suq. Madankollu, filwaqt li l-kundizzjonijiet tad-domanda ddgħajfu, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu sostanzjalment fil-volum u l-penetrazzjoni tas-suq, filwaqt li l-industrija tal-Unjoni esperjenzat telf fis-sehem mis-suq. Din id-diverġenza turi li l-fatturi makroekonomiċi u dawk relatati mad-domanda settorjali ma jistgħux jispjegaw id-dannu osservat.

(941)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, għalkemm l-iżviluppi makroekonomiċi u l-kontrazzjoni tad-domanda fis-setturi downstream setgħu influwenzaw l-ambjent ġenerali tas-suq, dawn ma naqqsux ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.3.4.   Żviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija

(942)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija, b’mod partikolari l-prezzijiet għoljin sostnuti tal-elettriku u tal-gass, setgħux ikkontribwew għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Il-kostijiet tal-enerġija jikkostitwixxu komponent sinifikanti tal-kostijiet tal-produzzjoni għall-prodott ikkonċernat, u l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass jistgħu jaffettwaw materjalment l-istruttura tal-kostijiet tal-industriji intensivi fl-enerġija.

(943)

Matul il-perjodu kkunsidrat, is-swieq tal-enerġija baqgħu kkaratterizzati minn prezzijiet persistentement għoljin u volatili meta mqabbla mal-livelli storiċi.

(944)

Madankollu, l-investigazzjoni żvelat li fl-2022, meta l-prezzijiet tal-enerġija kienu ferm ogħla milli fil-bqija tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-produtturi tal-Unjoni xorta setgħu jiġġeneraw livell sostenibbli ta’ profittabbiltà. Dan kien possibbli minħabba li l-produtturi tal-Unjoni setgħu jgħaddu kostijiet ogħla tal-enerġija lill-utenti, filwaqt li żammew il-prezzijiet tal-bejgħ f’livelli konsistenti mal-istruttura tal-kostijiet tagħhom.

(945)

B’kuntrast ma’ dan, fl-2023 u matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezzijiet tal-enerġija kienu niżlu għal livelli ferm aktar baxxi minn dawk osservati fl-2022. Madankollu, il-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping żammet lill-industrija tal-Unjoni milli żżomm il-prezzijiet tal-bejgħ f’livelli suffiċjenti biex tkopri l-kostijiet tagħha, u dan irriżulta f’deterjorament qawwi fil-profittabbiltà. Filwaqt li l-kost tal-produzzjoni naqas bi 23 %, il-prezzijiet medji tal-bejgħ naqsu b’31 %, tnaqqis li jaqbeż dak li seta’ jiġi ġġustifikat mill-kostijiet relatati mal-enerġija biss. Din l-iskonnessjoni tindika li d-deterjorament fil-profittabbiltà ma rriżultax mis-swieq tal-enerġija. Din id-diverġenza turi li, għalkemm il-prezzijiet tal-enerġija jinfluwenzaw il-kostijiet tal-produzzjoni, il-fattur deċiżiv wara l-kollass fil-profittabbiltà kien l-inkapaċità tal-industrija tal-Unjoni li żżomm il-prezzijiet tagħha f’livell proporzjonat mal-kost. Dan it-tnaqqis fil-prezzijiet ikkoinċida maż-żieda sinifikanti fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, li waqqgħu b’mod konsistenti l-prezzijiet tal-Unjoni. Il-preżenza ta’ dawn l-importazzjonijiet bi prezz baxx żammet lill-industrija tal-Unjoni milli tgħaddi l-kostijiet tal-produzzjoni lill-klijenti, u b’hekk ikkontribwiet direttament għad-deterjorament tal-profittabbiltà, li waqgħet għal livelli mhux sostenibbli.

(946)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, għalkemm l-iżviluppi fil-kostijiet tal-enerġija u l-isforzi fl-effiċjenza influwenzaw l-istruttura tal-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni, dawn ma jnaqqsux ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(947)

Wara d-divulgazzjoni, il-produtturi Ġappuniżi argumentaw li ż-żieda u l-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija, b’mod partikolari għall-gass u għall-elettriku, kienu kkontribwew b’mod sinifikanti għad-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Huma rreferew għall-kostijiet ogħla tal-enerġija li jiffaċċjaw il-produtturi tal-Unjoni meta mqabbla ma’ produtturi f’reġjuni oħra u affermaw li l-Kummissjoni kienet issottovalutat l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni. Fil-fehma tagħhom, iż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija, aktar milli l-importazzjonijiet mill-Ġappun, spjegat parti importanti mid-deterjorament osservat.

(948)

Il-Kummissjoni qieset li dawn l-argumenti ma biddlux il-valutazzjoni stabbilita hawn fuq. Il-Kummissjoni qieset l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-enerġija u l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, kif spjegat hawn fuq fil-premessi (942) sa (945), il-prezzijiet tal-enerġija kienu ogħla b’mod sinifikanti fl-2022, meta l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi żżomm livell sostenibbli ta’ profittabbiltà, filwaqt li l-prezzijiet tal-enerġija sussegwentement naqsu filwaqt li l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ddeterjorat drastikament. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-kostijiet tal-produzzjoni kien ogħla b’mod sinifikanti minn dak li seta’ jiġi spjegat mill-iżvilupp tal-kostijiet tal-enerġija, filwaqt li l-prezzijiet tal-bejgħ komplew jonqsu.

(949)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija msemmija mill-produtturi Ġappuniżi ma setgħux jispjegaw id-deterjorament fis-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni osservata matul il-perjodu kkunsidrat u ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

5.3.5.   Il-Qafas Regolatorju tal-UE

(950)

Xi partijiet affermaw li l-qafas regolatorju tal-UE kien is-sors tad-dannu.

(951)

L-industrija tal-Unjoni topera f’ambjent strutturali li jinvolvi obbligi ta’ konformità regolatorja sinifikanti u rekwiżiti ta’ investiment sostanzjali marbuta mat-tranżizzjoni tad-dekarbonizzazzjoni li għaddejja bħalissa. Dawn il-fatturi jifformaw parti mill-ambjent operattiv fit-tul tal-Unjoni u jvarjaw mill-kundizzjonijiet li jiffaċċjaw il-produtturi f’pajjiżi terzi b’oqfsa regolatorji inqas stretti u piżijiet aktar baxxi ta’ konformità. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet strutturali huma ta’ natura permanenti u kienu preżenti matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Bħala tali, ma jistgħux jispjegaw id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni osservat matul il-perjodu kkunsidrat.

(952)

L-investigazzjoni wriet li d-deterjorament fil-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kkoinċida maż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezzijiet baxxi, li eżerċitaw pressjoni ’l isfel sostnuta fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni u ġiegħlu l-allinjament tal-prezzijiet sabiex jittaffa aktar telf tas-sehem mis-suq. Dan it-tnaqqis fil-prezzijiet irriżulta f’deterjorament ta’ ħafna indikaturi tad-dannu, inklużi l-profittabbiltà, il-volumi tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, l-impjiegi, il-kapaċità tal-produzzjoni, u l-fluss tal-flus.

(953)

Filwaqt li l-qafas tal-kostijiet strutturali huwa parti mil-livell ġenerali tal-kostijiet imġarrba mill-industrija tal-Unjoni, dan ma kisirx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali stabbilit. Minflok, iż-żmien u l-kobor tad-dannu huma konsistenti mal-iżvilupp tal-volumi ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-imġiba tal-ipprezzar, aktar milli ma’ kundizzjonijiet tal-kostijiet stabbli u li ilhom jeżistu.

(954)

Abbażi ta’ dan, huwa konkluż li d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati, u li l-qafas tal-kostijiet strutturali, ikkunsidrat b’mod iżolat jew flimkien ma’ fatturi oħrajn, ma naqqasx ir-rabta kawżali stabbilita.

5.3.6.   Il-volatilità tal-prezzijiet tal-materja prima

(955)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima, inklużi l-minerali tal-ħadid, il-faħam tal-kokk, ir-ruttam u l-elementi ta’ lligar, setgħux ikkontribwew għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Dawn l-inputs jikkostitwixxu sehem sinifikanti mill-istruttura tal-kostijiet fil-produzzjoni tal-azzar, u l-prezzijiet tagħhom huma soġġetti għal volatilità xprunata mill-kundizzjonijiet globali tal-provvista u tad-domanda, mill-kostijiet tal-enerġija, u mill-iżviluppi ġeopolitiċi.

(956)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, is-swieq tal-materja prima kienu kkaratterizzati minn varjazzjonijiet sinifikanti fil-prezzijiet aktar milli minn xejra uniformi. Il-prezzijiet tal-minerali tal-ħadid u tal-faħam tal-kokk esperjenzaw perjodi ta’ volatilità, filwaqt li l-prezzijiet tar-ruttam u tal-ligi kienu soġġetti wkoll għal movimenti ċikliċi marbuta mad-domanda globali tal-azzar u r-restrizzjonijiet tal-provvista reġjonali. Tali volatilità tista’ twassal għal żidiet għal żmien qasir fil-kostijiet tal-produzzjoni u inċertezza fl-ippjanar tal-kostijiet għall-produtturi.

(957)

Dawn l-iżviluppi setgħu kkontribwew għal varjazzjonijiet fil-kostijiet tal-produzzjoni unitarja għall-industrija tal-Unjoni u affettwaw il-prevedibbiltà tal-kostijiet. Madankollu, tali movimenti fil-kostijiet tipikament jaffettwaw lill-produtturi kollha tal-azzar globalment u, fihom infushom, ma jispjegawx id-deterjorament speċifiku fil-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni fis-suq.

(958)

B’mod partikolari, minkejja l-volatilità fil-kostijiet tal-input tal-materja prima, l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tnaqqas il-kost unitarju globali tal-produzzjoni tagħha bi 23 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u b’hekk uriet l-isforzi tagħha biex ittaffi l-pressjonijiet fuq il-kostijiet tal-input permezz ta’ titjib fl-effiċjenza u aġġustamenti operazzjonali.

(959)

Madankollu, din id-dinamika tal-kostijiet ma ssarfitx fi prestazzjoni finanzjarja mtejba, hekk kif il-prezzijiet medji tal-bejgħ naqsu b’madwar 31 %, xprunati minn pressjoni sostnuta fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati. Din id-diverġenza tindika li l-volatilità tal-prezzijiet tal-materja prima ma xprunatx l-ipprezzar fis-suq tal-Unjoni.

(960)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, filwaqt li l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima setgħu affettwaw l-istabbiltà tal-kostijiet tal-produzzjoni, dawn ma naqqsux ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.3.7.   Kapaċità żejda globali fis-settur tal-azzar

(961)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk il-kapaċità żejda globali fis-settur tal-azzar setgħetx ikkontribwiet għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. L-industrija tal-azzar hija kkaratterizzata minn kapaċità żejda strutturali persistenti fil-livell globali, li għandha t-tendenza li teżerċita pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet permezz ta’ kompetizzjoni internazzjonali intensifikata u disponibbiltà akbar ta’ volumi għall-esportazzjoni.

(962)

B’mod partikolari, il-kapaċità żejda sinifikanti fiċ-Ċina kkontribwiet għal pressjoni kompetittiva akbar fis-swieq globali tal-azzar. Din affettwat il-flussi tal-kummerċ internazzjonali u l-kundizzjonijiet tas-suq, inkluż fl-Unjoni.

(963)

F’kuntest bħal dan, il-kapaċità żejda globali tista’ tinfluwenza d-dinamika tas-suq permezz ta’ disponibbiltà akbar ta’ esportazzjonijiet bi prezz baxx, li jistgħu jintensifikaw il-kompetizzjoni fil-prezzijiet u jaffettwaw il-livelli prevalenti tal-prezzijiet fis-swieq tal-importazzjoni. Għalhekk, dawn il-kundizzjonijiet strutturali huma rilevanti bħala fattur ta’ sfond sabiex jinftiehmu l-flussi tal-kummerċ globali fil-prodotti tal-azzar.

(964)

Madankollu, l-eżistenza ta’ kapaċità żejda globali ma tbiddilx il-konklużjonijiet dwar il-kawżalità. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żiedu b’mod sinifikanti l-preżenza tagħhom fis-suq tal-Unjoni, bis-sehem mis-suq ikkombinat tagħhom jiżdied minn 16 % għal 23 %, filwaqt li baqgħu f’livelli ta’ prezzijiet konsistentement baxxi. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-kapaċità żejda globali kienet tikkostitwixxi parti mill-ambjent tas-suq globali, iżda ma kisritx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(965)

L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kienu sistematikament ipprezzati taħt dawk tal-industrija tal-Unjoni u eżerċitaw pressjoni sostnuta ’l isfel fuq il-prezzijiet tal-Unjoni, bil-prezzijiet medji tal-importazzjoni jonqsu b’madwar 34 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan jindika li kwalunkwe effett li jirriżulta mill-kapaċità żejda globali, inkluż l-effett ta’ espulsjoni lejn is-swieq tal-esportazzjoni Ċiniżi, ġie trażmess permezz tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u amplifikat minnhom.

(966)

Barra minn hekk, il-prestazzjoni diverġenti ta’ fornituri oħrajn minn pajjiżi terzi, li s-sehem mis-suq tagħhom naqas minn 14 % għal 11 %, tikkonferma li d-dannu ma jistax jiġi spjegat mill-kundizzjonijiet tal-kapaċità globali biss, iżda huwa marbut mal-imġiba speċifika, f’termini ta’ volum u prezz, tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(967)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, filwaqt li l-kapaċità żejda globali kienet tikkostitwixxi fatturi ta’ sfond strutturali rilevanti, dawn ma naqqsux ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(968)

Wara d-divulgazzjoni, il-produtturi Ġappuniżi argumentaw ukoll li d-diffikultajiet tal-industrija tal-Unjoni jenħtieġ li jitqiesu fil-kuntest tal-kapaċità żejda tal-azzar globali u tal-produzzjoni ssussidjata f’pajjiżi terzi. Huma ddikjaraw li dawn il-fatturi ma setgħux jiġu attribwiti lill-Ġappun, li kien naqqas il-kapaċità tiegħu tal-produzzjoni tal-azzar u kkoopera mal-Unjoni fl-indirizzar tal-kapaċità żejda globali. Għalhekk, huma talbu li l-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra l-valutazzjoni tagħha tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet mill-Ġappun u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(969)

Il-Kummissjoni qieset li dawn l-argumenti ma biddlux il-konklużjonijiet stabbiliti hawn fuq. Kif spjegat fil-premessi (961) sa (966), il-Kummissjoni eżaminat l-impatt potenzjali tal-kapaċità żejda globali fuq l-industrija tal-Unjoni u kkonkludiet li, filwaqt li kkostitwiet fattur ta’ sfond strutturali rilevanti, ma mmitigatx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(970)

Il-fatt li l-Ġappun kien naqqas il-kapaċità tiegħu tal-produzzjoni tal-azzar jew ikkoopera mal-Unjoni fl-indirizzar tal-kapaċità żejda globali ma biddilx dik il-valutazzjoni b’mod partikolari fid-dawl tas-sejba tal-Kummissjoni li l-importazzjonijiet mill-Ġappun kienu oġġett ta’ dumping u kkontribwew għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

5.3.8.   Il-konsegwenzi tal-COVID-19 u l-instabbiltà ġeopolitika

(971)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-effetti konsegwenzjali relatati mal-pandemija u t-tfixkil ġeopolitiku, inklużi l-konsegwenzi tal-COVID-19, il-kunflitti armati, is-sanzjonijiet u l-instabbiltà reġjonali, setgħux ikkontribwew għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(972)

Filwaqt li tali avvenimenti setgħu affettwaw il-ktajjen tal-provvista globali u kkawżaw tfixkil temporanju fid-domanda u fil-loġistika, dawn l-effetti kienu ta’ natura ġenerali u affettwaw lill-parteċipanti kollha tas-suq.

(973)

Fi kwalunkwe każ, dawn ma jispjegawx il-prestazzjoni diverġenti tas-suq osservata matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, b’mod partikolari ż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, flimkien ma’ tnaqqis fl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn.

(974)

Barra minn hekk, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati baqgħu konsistentement ipprezzati taħt dawk tal-industrija tal-Unjoni, u b’hekk eżerċitaw pressjoni ’l isfel kontinwa fuq il-prezzijiet tal-Unjoni indipendentement minn kwalunkwe żvilupp relatat mal-pandemija jew żvilupp ġeopolitiku.

(975)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li tali fatturi ma naqqsux ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.4.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(976)

Ġiet stabbilita rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati, minn naħa waħda, u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. Kien hemm koinċidenza ċara fiż-żmien bejn iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping bi prezzijiet tal-bejgħ imnaqqsin u li qed jonqsu u d-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, li saret partikolarment evidenti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(977)

Meta ffaċċjata bi pressjoni qawwija fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, l-industrija tal-Unjoni kienet imġiegħla tbaxxi l-prezzijiet tagħha sabiex ittaffi aktar it-telf tas-sehem mis-suq, li affettwa b’mod negattiv il-prestazzjoni finanzjarja tagħha. Dan l-aġġustament ’l isfel fil-prezzijiet irriżulta f’deterjorament ta’ ħafna indikaturi tad-dannu bħall-profittabbiltà, il-volumi tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, l-impjiegi, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-fluss tal-flus.

(978)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk fatturi magħrufa oħrajn setgħux ikkontribwew għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Dawn inkludew, fost l-oħrajn, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni, l-iżviluppi fid-domanda, il-varjazzjonijiet fil-kostijiet tal-input, u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux soġġetti għal miżuri.

(979)

Filwaqt li xi wħud minn dawn il-fatturi setgħu kellhom impatt limitat fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, l-ebda wieħed minnhom ma nstab li kiser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali. Meħuda individwalment jew kollettivament, dawn ma naqqsux l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(980)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni u li l-ebda fattur ieħor ma kien tali li jnaqqas ir-rabta kawżali stabbilita.

(981)

Fil-kumment ta’ wara d-divulgazzjoni tagħhom, il-produtturi Ġappuniżi argumentaw ukoll li l-industrija tal-Unjoni jenħtieġ li tindirizza kwistjonijiet ta’ kompetittività strutturali, inklużi l-effiċjenza tal-produzzjoni u l-kapaċità żejda, aktar milli tibbaża ruħha fuq il-protezzjoni kontinwa tat-tariffi.

(982)

Il-Kummissjoni qieset li l-argumenti mqajma mill-produtturi Ġappuniżi ma kinux appoġġati mis-sejbiet tal-investigazzjoni. Kif indikat fil-premessa (869), il-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqset b’6 % matul il-perjodu kkunsidrat. Dan it-tnaqqis irrifletta l-aġġustament tal-bażi tal-produzzjoni għat-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni, inkluż l-irtirar ta’ kapaċità inqas effiċjenti jew mhux essenzjali, bil-għan li tiġi evitata l-kapaċità żejda u jiġi żgurat użu aktar effiċjenti tar-riżorsi.

(983)

Il-Kummissjoni qieset ukoll l-investimenti magħmula mill-industrija tal-Unjoni biex iżżomm u timmodernizza l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħha, inklużi investimenti mmirati lejn it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali u l-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn produzzjoni aktar ekoloġika. Dawn l-investimenti huma meħtieġa biex tinżamm il-bażi tal-produzzjoni u biex tiġi adattata għar-rekwiżiti regolatorji u teknoloġiċi li qed jevolvu tas-settur tal-azzar tal-Unjoni. Għalhekk, ma jistgħux jitqiesu bħala evidenza ta’ nuqqas mill-industrija tal-Unjoni li tindirizza l-kompetittività strutturali tagħha.

(984)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma sabitx li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni rriżulta minn nuqqas ta’ indirizzar tal-kapaċità jew tal-effiċjenza tal-produzzjoni tagħha. Għalhekk, l-argumenti li jikkonċernaw il-kompetittività strutturali ma qajmux dubji dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tad-dannu u l-kawżalità. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

(985)

Sabiex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni eżaminat jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping lill-industrija tal-Unjoni.

6.1.   Marġni tad-dannu

(986)

Id-dannu jitneħħa jekk l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tikseb profitt fil-mira billi tbigħ bi prezz fil-mira skont it-tifsira tal-Artikoli 7(2c) u 7(2d) tar-Regolament bażiku.

(987)

F’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku, sabiex tistabbilixxi l-profitt fil-mira, il-Kummissjoni qieset il-fatturi li ġejjin: il-livell ta’ profittabbiltà qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ biex ikopri l-kostijiet u l-investimenti kollha, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni, u l-livell ta’ profittabbiltà li għandu jkun mistenni f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Jenħtieġ li tali marġni ta’ profitt ma jkunx aktar baxx minn 6 %.

(988)

Il-Kummissjoni qieset li l-profittabbiltà miksuba mill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni ma kinitx rappreżentattiva minħabba l-pressjoni qawwija fuq il-prezzijiet ikkawżata minn importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi mill-pajjiżi kkonċernati. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-industrija tal-azzar topera f’ambjent strutturalment volatili matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kkaratterizzat minn varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima u tal-enerġija u kapaċità żejda globali persistenti.

(989)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit profitt fil-mira rappreżentattiv abbażi tas-snin immedjatament qabel il-perjodu ta’ investigazzjoni, minħabba li dawk is-snin jew kienu affettwati minn importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi oħrajn, b’mod partikolari ċ-Ċina, jew inkella minn ċirkostanzi eċċezzjonali tas-suq. Pereżempju, is-snin 2020 u 2021 kienu affettwati ħafna mill-pandemija tal-COVID-19 u mill-irkupru ekonomiku sussegwenti, li rriżultaw f’kundizzjonijiet tas-suq eċċezzjonali li ma setgħux jitqiesu bħala rappreżentattivi tal-kompetizzjoni normali. Il-Kummissjoni qieset ukoll li s-snin li fihom l-industrija operat b’telf sostnut ma setgħux iservu bħala punt ta’ riferiment xieraq għad-determinazzjoni ta’ profitt fil-mira raġonevoli.

(990)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-profittabbiltà miksuba mill-industrija tas-CRF tal-Unjoni fl-2018, kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2068. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li s-sena 2018 kienet ikkaratterizzata minn ċirkostanzi eċċezzjonali, inkluża l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja u l-effetti tal-miżuri tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti, li wasslu għal distorsjonijiet sinifikanti tas-suq u devjazzjoni tal-kummerċ. Għalhekk, il-profittabbiltà miksuba fl-2018 ma setgħetx titqies bħala rappreżentattiva biżżejjed sabiex jiġi stabbilit il-profitt fil-mira fl-investigazzjoni preżenti.

(991)

Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat perjodi rappreżentattivi preċedenti. B’mod partikolari, fl-investigazzjoni oriġinali dwar is-CRF, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sena 2008 kienet tirrappreżenta l-aktar sena reċenti li tirrifletti l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni u stabbiliet profitt fil-mira ta’ 9,9 % abbażi tal-profittabbiltà medja ponderata miksuba mill-industrija tal-Unjoni matul dik is-sena.

(992)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li marġni ta’ profitt ta’ 9,9 % kien jirrappreżenta livell raġonevoli u sostanzjat biżżejjed ta’ profittabbiltà li l-industrija tal-Unjoni setgħet tikseb f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Għalhekk, il-profitt bażiku ġie stabbilit għal 9,9 %.

(993)

L-industrija tal-Unjoni sostniet li l-livell ta’ investimenti, riċerka u żvilupp (“R&Ż”) u innovazzjoni (“IRI”) tagħha matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kienu jkunu kemxejn ogħla f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni pprovduta matul iż-żjarat ta’ verifika, inklużi l-pjanijiet ta’ investiment interni, id-dokumenti ta’ ġestjoni u r-rekords finanzjarji. L-investigazzjoni kkonfermat li ċerti nefqiet relatati mal-IRI kienu ġew affettwati mis-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni. Abbażi tal-informazzjoni vverifikata, il-Kummissjoni għalhekk aġġustat il-profitt fil-mira kif xieraq. L-aġġustament li rriżulta kien jammonta sa 0,07 % skont il-produttur inkluż fil-kampjun.

(994)

Konsegwentement, il-profitt fil-mira stabbilit f’din l-investigazzjoni u f’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku kien jammonta sa 9,97 % skont is-sitwazzjoni ta’ kull produttur inkluż fil-kampjun.

(995)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkalkolat prezz mhux dannuż tal-prodott simili għall-industrija tal-Unjoni billi applikat il-marġnijiet ta’ profitt fil-mira rispettivi għall-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(996)

F’konformità mal-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku, bħala l-aħħar pass, il-Kummissjoni vvalutat il-kostijiet futuri li jirriżultaw minn Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, u l-protokolli taħthom, li għalihom l-Unjoni hija parti, li l-industrija tal-Unjoni se ġġarrab matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 11(2). Abbażi tal-informazzjoni sottomessa, li kienet appoġġata mill-għodod ta’ rapportar u t-tbassir tal-kumpaniji, il-Kummissjoni stabbiliet kost addizzjonali li kien jirrappreżenta sa EUR 7,78/tunnellata, skont is-sitwazzjoni ta’ kull produttur inkluż fil-kampjun, meta mqabbel mal-kost tal-konformità ma’ tali konvenzjonijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan il-kost addizzjonali żdied mal-prezz mhux dannuż.

(997)

Il-Kummissjoni mbagħad iddeterminat il-livell tal-marġni tad-dannu abbażi ta’ tqabbil tal-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun fil-pajjiżi kkonċernati, fuq bażi ta’ tip b’tip (prezz żbarkat) mal-prezz medju ponderat mhux dannuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fis-suq ħieles tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala persentaġġ tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni. Ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu jidher fit-tabella ta’ hawn taħt.

(998)

Il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu għal “kumpaniji oħra li kkooperaw” u għal “l-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat” huwa definit bl-istess mod bħall-marġni tad-dumping għal dawn il-kumpaniji u l-importazzjonijiet.

(999)

Wara l-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali deskritti fil-premessi (844) sa (849), il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dannu għall-Ġappun u għat-Turkija.

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz (%)

L-Indja

—

JSW Steel Limited

—

JSW Steel Coated Products Limited

9,5

25,5

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

9,5

25,5

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Indja

9,5

25,5

Il-Ġappun

—

Nippon Steel Corporation

—

Daido Steel Co., Ltd.

54,7

27,9

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

54,7

27,9

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Ġappun

54,7

27,9

It-Tajwan

—

China Steel Corporation

—

Chung Hung Steel Corporation

33,3

20,7

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

33,3

20,7

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Tajwan

59,6

27,0

It-Turkija

Borçelik Çelik Sanayi Ticaret A.Ş..

7,8

12,9

Tatmetal Çelik Sanayi ve Ticaret A. Ş..

3,0

17,8

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

4,9

16,4

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Turkija

7,8

17,8

Il-Vjetnam

POSCO VIETNAM CO., LTD

16,0

25,8

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

16,0

25,8

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Vjetnam

16,0

25,8

6.2.   Kummenti dwar id-divulgazzjoni rigward il-profitt fil-mira

(1000)

Wara d-divulgazzjoni, Nippon Steel Corporation (“NSC”) u China Steel Corporation (“CSC”) sfidaw il-profitt fil-mira ta’ 9,9 % użat għall-kalkolu tal-prezz mhux dannuż. Huma argumentaw li r-referenza għall-2008 ma kinitx tirrifletti l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni prevalenti matul l-investigazzjoni u talbu li tintuża sena aktar reċenti, b’mod partikolari l-2017. Alternattivament, huma talbu li jiġi applikat profitt fil-mira aktar baxx. B’appoġġ għall-argumenti tagħhom, huma rreferew għal bidliet fis-suq tal-azzar tal-Unjoni, inklużi kostijiet ogħla tal-enerġija u domanda aktar dgħajfa, kif ukoll għal prattika aktar reċenti tal-Kummissjoni f’investigazzjonijiet oħra tal-azzar. Is-CSC tenniet din l-affermazzjoni fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, minkejja l-fatt li l-kwistjoni ma kinitx soġġetta għad-divulgazzjoni finali addizzjonali u l-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti mid-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(1001)

Il-Kummissjoni qieset bir-reqqa l-kummenti li jikkonċernaw il-profitt fil-mira ta’ 9,9 %.

(1002)

Il-Kummissjoni l-ewwel fakkret li l-profitt fil-mira jrid jirrifletti l-profittabbiltà li l-industrija tal-Unjoni li tipproduċi l-prodott ikkonċernat, jiġifieri s-CRF, tista’ tikseb b’mod raġonevoli f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Għalhekk, il-profitt fil-mira jeħtieġ li jiġi appoġġat minn evidenza relatata mas-CRF. Il-livelli ta’ profittabbiltà stabbiliti għal prodotti oħra tal-azzar jew f’investigazzjonijiet oħra ma jistgħux, fihom infushom, jiddeterminaw il-profitt fil-mira xieraq għas-CRF.

(1003)

F’dan ir-rigward, l-investigazzjoni oriġinali tas-CRF tipprovdi evidenza direttament rilevanti. Il-Kummissjoni kienet ivverifikat id-data dwar il-profittabbiltà għall-industrija tas-CRF tal-Unjoni għas-snin 2005 sa 2008, li wriet livelli ta’ profittabbiltà bejn 9 % u 15 %. Fuq dik il-bażi, l-2008 tqieset bħala l-aktar sena reċenti li tirrifletti l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni, u ġie stabbilit profitt fil-mira ta’ 9,9 % abbażi tal-profittabbiltà medja ponderata miksuba mill-industrija tal-Unjoni f’dik is-sena.

(1004)

L-informazzjoni sottomessa minn CSC dwar l-2017 ma pprovdietx evidenza ekwivalenti. B’mod partikolari, id-data fl-Anness 1 tagħha kienet tikkonċerna produtturi tal-azzar tal-Unjoni jew segmenti tal-azzar magħżula u ma stabbilitx speċifikament il-profittabbiltà tas-CRF. Għalhekk, l-informazzjoni ma kinitx komparabbli mad-data dwar il-profittabbiltà speċifika għall-prodott u vverifikata li fuqha kien ibbażat il-profitt fil-mira ta’ 9,9 %.

(1005)

Evidenza speċifika għas-CRF turi li l-profittabbiltà żdiedet sostanzjalment wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali, u laħqet 12 % fl-2017 (156) , 16,1 % fl-2018, qabel ma naqset għal -2,8 % fl-2019 u -14,7 % fl-2020 (157). Dan l-iżvilupp jikkonferma kemm li l-profittabbiltà ogħla minn 9,9 % setgħet tinkiseb mill-industrija tas-CRF tal-Unjoni f’kundizzjonijiet normali tas-suq kif ukoll li l-profittabbiltà tas-CRF kienet soġġetta għal varjazzjonijiet sinifikanti skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

(1006)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-livelli ta’ profitt fil-mira msemmija mill-partijiet f’investigazzjonijiet oħra tal-azzar ma setgħux ibiddlu din il-konklużjoni. Dawk l-investigazzjonijiet kienu jikkonċernaw prodotti differenti u ċirkostanzi fattwali differenti. Id-data dwar il-profittabbiltà vverifikata speċifika għall-prodott hija bażi aktar xierqa minn ċifri meħuda minn proċedimenti oħra, anke meta dawn tal-aħħar ikunu aktar reċenti. Il-profitt fil-mira stabbilit għall-HRF, b’mod partikolari, ma jistax jitqies bħala parametru referenzjarju applikabbli għas-CRF sempliċiment minħabba li l-HRF u s-CRF jistgħu jiġu prodotti f’fabbriki integrati. L-evidenza rilevanti għal din il-valutazzjoni tibqa’ l-evidenza dwar il-profittabbiltà tas-CRF.

(1007)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni sottomessa wara d-divulgazzjoni ma wrietx li l-profitt fil-mira ta’ 9,9 % ma kienx raġonevoli jew ma kienx sostanzjat biżżejjed. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat il-profitt fil-mira stabbilit hawn fuq fil-premessa (992).

(1008)

NSC ikkontestat ukoll l-inklużjoni ta’ kostijiet ambjentali pproġettati relatati mal-ETS fil-prezz mhux dannuż. Hija argumentat li, wara d-dħul fis-seħħ tas-CBAM u żviluppi reċenti oħra fil-qafas ambjentali tal-UE, l-inklużjoni ta’ tali kostijiet tista’ tirriżulta f’għadd doppju. Għalhekk, NSC talbet li l-kostijiet jitneħħew jew, alternattivament, li l-ammont jiġi rivedut biex jirrifletti l-aħħar żviluppi fl-EU ETS.

(1009)

Il-Kummissjoni qieset li l-introduzzjoni tas-CBAM, fiha nnifisha, ma għamlitx il-kostijiet futuri li jirriżultaw mir-rekwiżiti ambjentali applikabbli irrilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku. L-EU ETS u s-CBAM japplikaw għal operaturi ekonomiċi differenti u jaqdu funzjonijiet komplementari: l-EU ETS tapplika għall-emissjonijiet mill-installazzjonijiet tal-Unjoni, filwaqt li s-CBAM japplika għall-emissjonijiet inkorporati ta’ prodotti importati rilevanti. Għalhekk, is-CBAM la jnaqqas u lanqas jissostitwixxi l-kostijiet ta’ konformità mġarrba direttament mill-produtturi tal-Unjoni skont l-EU ETS; dawk il-kostijiet għadhom jiġġarrbu mill-industrija tal-Unjoni irrispettivament mill-kostijiet tal-karbonju imposti fuq l-importazzjonijiet skont is-CBAM. Għalhekk, l-introduzzjoni tas-CBAM ma turix, fiha nnifisha, li l-kostijiet futuri li għandhom jiġġarrbu mill-industrija tal-Unjoni skont il-qafas ambjentali applikabbli jenħtieġ li ma jibqgħux jitqiesu.

(1010)

F’konformità mal-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni vvalutat il-kostijiet futuri li l-industrija tal-Unjoni hija mistennija ġġarrab matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri. Kif spjegat hawn fuq, il-kostijiet addizzjonali stabbiliti mill-Kummissjoni kienu bbażati fuq informazzjoni sottomessa mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u appoġġati mill-għodod ta’ rapportar u t-tbassir tagħhom. NSC ma wrietx li l-kostijiet speċifiċi stabbiliti fuq din il-bażi diġà ġew ikkunsidrati permezz tas-CBAM jew li l-inklużjoni tagħhom tirriżulta f’għadd doppju.

(1011)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li la l-introduzzjoni tas-CBAM u lanqas l-iżviluppi l-oħra msemmija minn NSC ma pprovdew bażi għat-tneħħija jew għar-reviżjoni tal-kostijiet ambjentali pproġettati. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(1012)

Barra minn hekk, NSC argumentat li l-ammont inkluż għall-investiment, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-IRI jenħtieġ li jkopri biss l-investimenti direttament relatati mal-produzzjoni tas-CRF fl-istadju tal-illaminar fil-kiesaħ. Hija qieset li l-investimenti upstream jenħtieġ li jiġu esklużi biex jiġi evitat għadd doppju mal-investigazzjoni separata dwar il-prodotti illaminati fis-sħana.

(1013)

Kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa u vverifikat l-informazzjoni sottomessa mill-industrija tal-Unjoni, inklużi l-pjanijiet interni ta’ investiment, id-dokumenti tal-ġestjoni u r-rekords finanzjarji. Meta stabbiliet l-aġġustament, il-Kummissjoni ħadet ħsieb li tinkludi investimenti u nfiq relatat mal-IRI li kienu rilevanti għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(1014)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-aġġustament kien ibbażat fuq informazzjoni vverifikata u kien jirrifletti b’mod xieraq l-investimenti u l-infiq relatat mal-IRI rilevanti għall-produzzjoni tas-CRF. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

6.3.   Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni

(1015)

Kif spjegat fin-Notifika tal-Bidu, l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li fl-Indja u fil-Vjetnam hemm distorsjonijiet fil-materja prima rigward il-prodott taħt investigazzjoni. Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, din l-investigazzjoni eżaminat id-distorsjonijiet allegati biex tivvaluta, jekk rilevanti, jekk dazju inferjuri għall-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jelimina d-dannu.

(1016)

Madankollu, billi l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu huma ogħla mill-marġnijiet tad-dumping, ma kienx neċessarju li jiġi indirizzat dan l-aspett.

(1017)

Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa xieraq li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ dazji definittivi f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku.

6.4.   Konklużjoni dwar il-livell ta’ miżuri

(1018)

Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, jenħtieġ li d-dazji anti-dumping definittivi jiġu stabbiliti kif ġej f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

L-Indja

—

JSW Steel Limited

—

JSW Steel Coated Products Limited

9,5

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

9,5

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Indja

9,5

Il-Ġappun

—

Nippon Steel Corporation

—

Daido Steel Co., Ltd.

27,9

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

27,9

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Ġappun

27,9

It-Tajwan

—

China Steel Corporation

—

Chung Hung Steel Corporation

20,7

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

20,7

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Tajwan

27,0

It-Turkija

Borçelik Çelik Sanayi Ticaret A.Ş.

7,8

Tatmetal Çelik Sanayi ve Ticaret A. Ş.

3,0

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

4,9

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Turkija

7,8

Il-Vjetnam

POSCO VIETNAM CO., LTD

16,0

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

16,0

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Vjetnam

16,0

7.   INTERESS TAL-UNJONI

(1019)

Wara li ddeċidiet li tapplika l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx tikkonkludi b’mod ċar li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f’dan il-każ, minkejja d-determinazzjoni ta’ dumping dannuż, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

7.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(1020)

L-industrija tal-Unjoni tinsab f’diversi Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja) u timpjega direttament 8 598 FTE fir-rigward tal-prodott taħt investigazzjoni.

(1021)

Ħdax-il produttur ikkooperaw matul l-investigazzjoni. L-ebda wieħed mill-produtturi magħrufa ma oppona l-bidu tal-investigazzjoni. Kif konkluż fit-Taqsima 4.5, is-sitwazzjoni tal-industrija kollha tal-Unjoni ddeterjorat b’riżultat tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati. Id-dannu materjali ntwera kemm fil-mikroindikaturi kif ukoll fil-makroindikaturi, u kien partikolarment materjali fir-rigward tal-profittabbiltà, tal-volumi tal-bejgħ u tal-ishma mis-suq tal-industrija tal-Unjoni.

(1022)

Huwa mistenni li l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping se terġa’ tistabbilixxi kundizzjonijiet kummerċjali ġusti fis-suq tal-Unjoni, ittemm it-tnaqqis fil-prezzijiet u tippermetti lill-industrija tal-Unjoni tirkupra. Dan jirriżulta f’titjib fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni lejn livelli meqjusa neċessarji għal din l-industrija intensiva fil-kapital. L-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali kkawżat minn importazzjonijiet bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati. Huwa mfakkar li ħafna indikaturi tad-dannu wrew xejra negattiva matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. B’mod partikolari, is-sehem mis-suq u l-volum tal-bejgħ, kif ukoll l-indikaturi relatati mal-prestazzjoni finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, bħall-profittabbiltà u r-redditu fuq l-investiment, ġew affettwati serjament. Għalhekk, huwa importanti li jerġgħu jiġu stabbiliti prezzijiet ġusti sabiex il-produtturi kollha jkunu jistgħu joperaw fis-suq tal-Unjoni b’kundizzjonijiet ekwi.

(1023)

Fin-nuqqas ta’ miżuri, huwa probabbli ħafna li jkun hemm deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Prestazzjoni ħażina fis-CRF ikollha impatt fuq l-attivitajiet downstream tal-produtturi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-produzzjoni kaptiva tagħhom. Il-produtturi tal-Unjoni jiddependu fuq il-mudell ta’ negozju li jikkombina l-bejgħ fis-suq ħieles mal-produzzjoni kaptiva. Deterjorament tas-segment tas-suq ħieles jista’ bl-istess mod iqiegħed f’riskju s-segment tal-produzzjoni kaptiva, li jirrappreżenta volumi ta’ produzzjoni u ċifri ta’ impjiegi akbar minn dawk tal-ewwel segment.

(1024)

Għalhekk, qiegħed jiġi konkluż li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping hija fl-interess tal-industrija tal-Unjoni, minħabba li tippermetti l-irkupru mill-effetti tad-dumping dannuż stabbilit u tappoġġa s-sostenibbiltà fit-tul tal-produzzjoni tal-Unjoni.

7.2.   Interess ta’ importaturi mhux relatati

(1025)

Kif imsemmi fil-premessa (96), l-ebda importatur mhux relatat ma mela kwestjonarju jew ipprovda lill-Kummissjoni elementi individwali li juru sa liema punt l-importaturi jistgħu jkunu danneġġati mill-impożizzjoni ta’ miżuri.

(1026)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni u data speċifika, l-effetti probabbli tal-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importaturi jridu jiġu vvalutati abbażi tal-fatti disponibbli.

(1027)

Jista’ jkun preżunt b’mod raġonevoli li l-importaturi jistgħu jiffaċċjaw xi żidiet fil-kostijiet bħala riżultat tal-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping. Madankollu, kif żviluppat aktar fit-Taqsima 7.4.1 hawn taħt, l-investigazzjoni kkonfermat l-eżistenza ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista, inkluż minn produtturi tal-Unjoni, u l-possibbiltà ta’ importazzjonijiet kontinwi bi prezzijiet ġusti. Dawn il-fatturi jimmitigaw l-impatt potenzjali tal-miżuri; b’hekk, kwalunkwe impatt negattiv huwa mistenni li jkun limitat.

(1028)

Filwaqt li l-importaturi jistgħu jesperjenzaw tnaqqis fl-għażliet tal-provvista jew żieda fil-kostijiet fi żmien qasir, dawn l-effetti x’aktarx li jkunu moderati. Iż-żamma tal-istatus quo, min-naħa l-oħra, fl-aħħar mill-aħħar thedded il-vijabbiltà tal-provvista domestika u potenzjalment twassal għal dipendenza akbar fuq l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fil-futur. Kollox ma’ kollox, il-benefiċċji għall-industrija tal-Unjoni jegħlbu l-iżvantaġġi potenzjali limitati u mhux sostanzjati għall-importaturi.

7.3.   Interess tal-utenti, tal-konsumaturi jew tal-fornituri

(1029)

L-ebda utent, konsumatur jew fornitur ma kkoopera fl-investigazzjoni billi pprovda tweġiba għall-kwestjonarju li kienet f’waqtha, kompluta u fil-forma meħtieġa. Konsegwentement, ma ġiet sottomessa l-ebda evidenza li tindika li l-impożizzjoni ta’ miżuri jkollha effett negattiv sinifikanti fuq l-utenti jew l-industriji downstream.

(1030)

Wara l-bidu tal-investigazzjoni, BSH issottomettiet kummenti (ara l-premessa (90)), fejn sostniet li l-miżuri jżidu l-kostijiet tal-input għall-industriji downstream, u jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetittività, l-impjiegi u l-istabbiltà tal-katina tal-provvista. Madankollu, BSH ma kkooperatx aktar fl-investigazzjoni billi ssottomettiet tweġiba għall-kwestjonarju, u lanqas ma ssostanzjat l-affermazzjonijiet tagħha b’data verifikabbli dwar is-sehem tal-prodott ikkonċernat fil-kostijiet totali tal-produzzjoni tagħha, il-kapaċità li takkwista l-prodott mingħand fornituri alternattivi, jew il-kapaċità li tgħaddi kwalunkwe żieda fil-kostijiet lill-klijenti tagħha. Fin-nuqqas ta’ tali sostanzjar, l-affermazzjoni ma setgħetx tiġi vverifikata u, għalhekk, ġiet miċħuda.

(1031)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-utenti, il-Kummissjoni vvalutat l-effetti probabbli tal-miżuri abbażi tal-informazzjoni disponibbli. L-investigazzjoni wriet li l-prodotti tas-CRF ġeneralment jirrappreżentaw biss sehem limitat mill-kostijiet ġenerali tal-produzzjoni mġarrba mill-utenti downstream, inklużi s-setturi tal-karozzi, tal-kostruzzjoni, tal-apparat domestiku u tal-manifattura industrijali. Għalhekk, kwalunkwe żieda potenzjali fil-prezz li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri x’aktarx ikollha biss impatt limitat fuq l-istruttura ġenerali tal-kostijiet tal-utenti downstream.

(1032)

Fl-istess ħin, l-impożizzjoni ta’ miżuri tikkontribwixxi għar-restawr ta’ kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni u għall-preservazzjoni ta’ industrija tal-Unjoni vijabbli li kapaċi tiżgura provvista affidabbli ta’ prodotti tas-CRF lill-industriji downstream fl-Unjoni, u b’hekk tnaqqas ir-riskju ta’ tfixkil fil-provvista u d-dipendenza eċċessiva fuq importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(1033)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex jitqies li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping tmur kontra l-interess tal-utenti.

(1034)

Wara d-divulgazzjoni, il-produtturi Ġappuniżi u l-Gvern tal-Ġappun argumentaw li jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni akbar lill-impatt tal-miżuri fuq l-utenti downstream tal-Unjoni. Huma sostnew li l-kostijiet għoljin tal-enerġija diġà kienu qed jiġu mgħoddija lill-utenti u li d-dazji anti-dumping addizzjonali, flimkien mar-restrizzjonijiet kummerċjali eżistenti, jistgħu jkomplu jżidu l-prezzijiet tas-CRF u jirrestrinġu d-disponibbiltà tiegħu. Għalhekk talbu li l-interessi tal-utenti downstream jitqiesu fil-valutazzjoni tal-miżuri.

(1035)

Il-Kummissjoni qieset li l-argumenti mqajma ma biddlux il-konklużjonijiet stabbiliti hawn fuq li fihom il-Kummissjoni vvalutat l-effetti probabbli tal-miżuri fuq l-utenti downstream abbażi tal-informazzjoni disponibbli u ma sabet l-ebda evidenza li tindika li l-impożizzjoni ta’ miżuri jkollha effett negattiv sinifikanti fuq l-utenti jew l-industriji downstream.

(1036)

B’mod partikolari, kif spjegat hawn fuq, is-CRF ġeneralment jammonta biss għal sehem limitat tal-kostijiet ġenerali tal-produzzjoni tal-utenti downstream. Għalhekk, l-argumenti dwar iż-żieda possibbli fil-prezzijiet tas-CRF ma wrewx li l-impożizzjoni ta’ miżuri jkollha impatt sinifikanti fuq l-istruttura ġenerali tal-kostijiet jew fuq il-kompetittività tal-utenti downstream. Il-partijiet lanqas ma pprovdew evidenza li tistabbilixxi li l-miżuri jirriżultaw f’diffikultajiet sinifikanti fil-provvista.

(1037)

Fl-istess ħin, kif spjegat hawn fuq, l-impożizzjoni ta’ miżuri tikkontribwixxi għar-restawr ta’ kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni u għall-preservazzjoni ta’ industrija vijabbli tal-Unjoni li kapaċi tiżgura provvista affidabbli ta’ CRF lill-industriji downstream. Għalhekk, l-effetti possibbli fuq l-utenti downstream kellhom jitqiesu fil-kuntest kemm tal-kostijiet potenzjali tal-miżuri kif ukoll tal-benefiċċji taż-żamma ta’ provvista affidabbli tal-Unjoni.

(1038)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex jitqies li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping tmur kontra l-interess tal-Unjoni. Għalhekk, l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

7.4.   Fatturi oħrajn

7.4.1.   Disponibbiltà tal-Provvista

(1039)

Xi partijiet interessati affermaw li l-limitazzjonijiet strutturali tal-industrija tal-Unjoni jżommuha milli tipprovdi lis-suq tal-Unjoni bil-volumi u bil-kwalitajiet meħtieġa ta’ azzar illaminat fil-kiesaħ. Skont dawn il-partijiet, l-impożizzjoni ta’ miżuri kummerċjali addizzjonali tkompli tagħmel il-kundizzjonijiet tal-provvista aktar stretti, taggrava n-nuqqasijiet eżistenti, u twassal għal prezzijiet ogħla fl-Unjoni.

(1040)

Il-Kummissjoni nnotat li l-investigazzjoni kkonfermat l-eżistenza ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista, inklużi l-produtturi tal-Unjoni, kif ukoll il-possibbiltà li jkomplu jsiru importazzjonijiet bi prezzijiet ġusti. B’mod speċifiku, kif deskritt fit-Tabella 31, l-industrija tal-Unjoni qed topera bi 72 % tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħha, u b’hekk tħalli kapaċità disponibbli ta’ madwar 12-il miljun tunnellata li tista’ tiġi mobilizzata sabiex tissodisfa d-domanda addizzjonali. L-importazzjonijiet ikkombinati mill-pajjiżi kkonċernati jirrappreżentaw volum ferm aktar baxx minn din il-kapaċità disponibbli. Barra minn hekk, l-investigazzjoni identifikat ukoll il-possibbiltà ta’ importazzjonijiet addizzjonali minn oriġini oħrajn, li jistgħu jikkontribwixxu biex tiġi żgurata provvista suffiċjenti lis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

7.4.2.   Miżuri oħrajn li jirrigwardjaw l-azzar

(1041)

Xi partijiet interessati affermaw li l-applikazzjoni simultanja tal-miżuri anti-dumping u tal-miżura l-ġdida li tirrigwardja l-azzar, fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2026, tista’ tirrestrinġi indebitament l-aċċess għas-suq tal-Unjoni. Huma sostnew li l-effett ikkombinat ta’ dawn il-miżuri jista’ joħloq restrizzjonijiet sproporzjonati fuq il-provvista tal-azzar u jqajjem tħassib rigward il-konsistenza mal-objettivi usa’ tal-politika kummerċjali esterna tal-Unjoni.

(1042)

Il-Kummissjoni nnotat li l-miżuri anti-dumping u kwalunkwe miżura orizzontali prospettiva ta’ politika kummerċjali li tikkonċerna l-azzar servew skopijiet legali distinti u segwew objettivi differenti; waħda tindirizza prattiki kummerċjali inġusti li jikkawżaw dannu lill-industrija domestika, filwaqt li l-oħra tfittex li tindirizza l-effetti negattivi relatati mal-kummerċ tal-kapaċità żejda globali fis-suq tal-azzar tal-Unjoni. Dawn l-istrumenti huma bbażati fuq bażijiet legali differenti u kienu jeħtieġu standards evidenzjarji differenti. Għalhekk, dawn ma kinux interkambjabbli, u l-eżistenza, jew l-adozzjoni futura possibbli, ta’ waħda minnhom ma setgħetx tkun sostitut għall-oħra.

(1043)

Il-Kummissjoni nnotat li miżura bbażata fuq kwota jew restrizzjoni simili fuq il-volum ma tindirizzax l-element ta’ dannu fil-prezzijiet stabbilit fl-investigazzjoni. Kif muri fit-Taqsima 4 u fit-Taqsima 5, l-investigazzjoni stabbiliet it-twaqqigħ tal-prezz, il-bejgħ taħt il-prezz u t-tnaqqis fil-prezzijiet ikkawżati mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Dawn l-effetti mmaterjalizzaw irrispettivament mill-volumi tal-importazzjoni. B’kuntrast ma’ dan, id-dazji anti-dumping jikkontrobilanċjaw il-komponent tal-ipprezzar inġust tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(1044)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-impożizzjoni ta’ dazji hija kompletament konsistenti mal-objettivi usa’ tal-Unjoni fir-rigward tal-politika tal-azzar u tal-kummerċ. B’kuntrast ma’ dan, kieku d-dumping dannuż tħalla jkompli mingħajr ma jiġi indirizzat, kien jimmina l-motiv tal-politika kummerċjali tal-Unjoni.

(1045)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex jitqies li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping tmur kontra l-interess tal-Unjoni. Għalhekk, l-argumenti mqajma mill-partijiet interessati ġew miċħuda.

(1046)

Il-Gvern tal-Ġappun argumenta wara d-divulgazzjoni li l-issikkar tal-miżuri ta’ salvagwardja f’April 2025 jenħtieġ li jitqies meta jiġi vvalutat l-iżvilupp tal-importazzjonijiet Ġappuniżi. Huwa rrefera għal tnaqqis fl-importazzjonijiet Ġappuniżi wara l-issikkar u qies li dan l-iżvilupp kien inkonsistenti mas-sejba li ż-żieda fl-importazzjonijiet Ġappuniżi kkontribwiet għad-dannu.

(1047)

Il-Kummissjoni qieset li l-argumenti tal-Gvern tal-Ġappun ma biddlux il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (833) sa (838). F’dan il-każ, is-sejbiet dwar id-dannu u l-kawżalità kienu bbażati fuq id-data vverifikata għall-perjodu kkunsidrat. Dik id-data turi li l-importazzjonijiet mill-Ġappun żdiedu minn 126 021 tunnellata fl-2022 għal 250 001 tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, li jikkorrispondi għal żieda ta’ 98 %. Is-sehem mis-suq tagħhom żdied ukoll, minn 2 % għal 3 %.

(1048)

Iż-żieda fl-importazzjonijiet Ġappuniżi matul il-perjodu kkunsidrat u ż-żieda fis-sehem mis-suq tagħhom ma humiex konsistenti mal-affermazzjoni li l-importazzjonijiet Ġappuniżi ma żidux il-preżenza tagħhom fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-iżvilupp tal-importazzjonijiet Ġappuniżi matul il-perjodu kkunsidrat appoġġa, aktar milli kkontradixxa, is-sejba li dawk l-importazzjonijiet ikkontribwew għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(1049)

Barra minn hekk, il-produtturi Ġappuniżi u CSC argumentaw li l-miżura l-ġdida tal-azzar applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2026 diġà tipprovdi protezzjoni sostanzjali lill-industrija tal-Unjoni. Huma ssottomettew li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-interazzjoni bejn dik il-miżura u l-miżuri anti-dumping meta tivvaluta l-ħtieġa u l-livell tad-dazji anti-dumping. CSC argumenta wkoll li ż-żamma ta’ profitt fil-mira ta’ 9,9 % minbarra l-protezzjoni pprovduta mill-miżura l-ġdida tista’ tirriżulta fi protezzjoni żejda. Is-CSC tenniet din l-affermazzjoni fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, minkejja l-fatt li l-kwistjoni ma kinitx soġġetta għad-divulgazzjoni finali addizzjonali u l-kumpanija ngħatat struzzjonijiet biex tikkummenta biss dwar il-kwistjonijiet koperti mid-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(1050)

L-argumenti mqajma ma biddlux il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (1045). L-eżistenza tal-miżura l-ġdida tal-azzar applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2026, fiha nnifisha, ma taffettwax il-valutazzjoni tal-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jew il-livell tal-miżuri anti-dumping meħtieġa biex jitneħħa tali dannu. Iż-żewġ strumenti jaqdu skopijiet legali distinti u jsegwu objettivi ta’ politika differenti. Id-dazji anti-dumping jindirizzaw prattiki inġusti ta’ pprezzar li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni, filwaqt li l-miżura tal-azzar tirrispondi għall-effetti negattivi tal-kapaċità żejda globali fis-suq tal-Unjoni. Dawn l-istrumenti jiddependu fuq bażijiet legali differenti u standards evidenzjarji differenti u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala li huma interkambjabbli.

(1051)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-profitt fil-mira ta’ 9,9 % ġie stabbilit abbażi tal-evidenza speċifika għas-CRF deskritta hawn fuq u jirrifletti l-livell ta’ profittabbiltà li l-industrija tal-Unjoni setgħet tikseb b’mod raġonevoli f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Għalhekk, ma huwiex livell ta’ protezzjoni li jirriżulta mill-miżura l-ġdida tal-azzar jew li jiġi ddeterminat minnha. Is-sempliċi koeżistenza taż-żewġ miżuri ma turix li l-profitt fil-mira jew il-miżuri anti-dumping li jirriżultaw jipprovdu protezzjoni żejda.

(1052)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-argumenti li jikkonċernaw l-interazzjoni bejn il-miżura l-ġdida tal-azzar u l-miżuri anti-dumping ma pprovdewx bażi biex jinbidel il-profitt fil-mira jew il-livell tal-miżuri anti-dumping. Għalhekk, l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

(1053)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-Gvern tal-Ġappun tenna li l-issikkar tal-miżuri ta’ salvagwardja f’April 2025 u t-tnaqqis sussegwenti fl-importazzjonijiet Ġappuniżi dgħajfu s-sejba li l-importazzjonijiet mill-Ġappun ikkontribwew għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Huwa sostna wkoll li ż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati tista’ tirrifletti bidla fl-akkwist minn pajjiżi terzi oħra aktar milli żieda fil-pressjoni mill-importazzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-Ġappun argumenta li r-Regolament dwar il-kapaċità żejda tal-azzar, li jnaqqas il-kwota tal-importazzjoni u jintroduċi dazju ta’ 50 % barra mill-kwota, ikompli jnaqqas l-importazzjonijiet u għalhekk qajjem dubji dwar il-ħtieġa għal miżuri anti-dumping addizzjonali.

(1054)

Tali kwistjonijiet ma kinux soġġetti għad-divulgazzjoni finali addizzjonali. Fi kwalunkwe każ, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn l-argumenti diġà hija stabbilita fil-premessi (1046) sa (1048) u (1050) sa (1052) rispettivament. F’dawn il-premessi, il-Kummissjoni spjegat għaliex l-argumenti mqajma ma dgħajfux il-valutazzjoni tagħha tad-dannu u tal-kawżalità jew il-konklużjonijiet tagħha dwar il-profitt fil-mira u l-ħtieġa għal miżuri anti-dumping. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha u ċaħdet l-affermazzjonijiet.

7.5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(1055)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex jiġi konkluż li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-CRF li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

(1056)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(1057)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tad-dannu (%)

Dazju anti-dumping definittiv (%)

L-Indja

—

JSW Steel Limited

—

JSW Steel Coated Products Limited

9,5

25,5

9,5

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

9,5

25,5

9,5

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Indja

9,5

25,5

9,5

Il-Ġappun

—

Nippon Steel Corporation

—

Daido Steel Co., Ltd.

54,7

27,9

27,9

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

54,7

27,9

27,9

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Ġappun

54,7

27,9

27,9

It-Tajwan

—

China Steel Corporation

—

Chung Hung Steel Corporation

33,3

20,7

20,7

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

33,3

20,7

20,7

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Tajwan

59,6

27,0

27,0

It-Turkija

Borçelik Çelik Sanayi Ticaret A.Ş.

7,8

12,9

7,8

Tatmetal Çelik Sanayi ve Ticaret A. Ş.

3,0

17,8

3,0

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

4,9

16,4

4,9

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Turkija

7,8

17,8

7,8

Il-Vjetnam

POSCO VIETNAM CO., LTD

16,0

25,8

16,0

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

16,0

25,8

16,0

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Vjetnam

16,0

25,8

16,0

(1058)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. B’hekk, dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklussivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għal “l-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati”.

(1059)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (158). It-talba trid tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jintwera li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(1060)

Sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. L-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali hija applikabbli biss mal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, jenħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għal “l-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati”.

(1061)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati flimkien ma’ fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-tbaħħir, eċċ.) bil-għan li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(1062)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet sabiex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata/i tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju applikabbli għall-pajjiż kollu.

(1063)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(1064)

Għall-pajjiżi kkonċernati fejn ir-rata tad-dazju għall-kumpaniji li kkooperaw iżda li ma kinux inklużi fil-kampjun hija aktar baxxa mir-rata tad-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw minn dak il-pajjiż, il-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu (159) lill-Kummissjoni sabiex ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw iżda li ma kinux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PI; (ii) mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali.

9.   ĠBIR RETROATTIV

(1065)

Kif imsemmi fil-premessa (3), il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni soġġetti għal reġistrazzjoni.

(1066)

Eurofer affermat li jenħtieġ li l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji anti-dumping definittivi tibqa’ legalment disponibbli meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku jiġu ssodisfati u l-importazzjonijiet ikunu ġew irreġistrati skont l-Artikolu 14(5), anke fin-nuqqas ta’ miżuri provviżorji. B’appoġġ għall-affermazzjoni tagħha, Eurofer sostniet li l-Artikolu 10(4) ma jirrikjedix b’mod espliċitu l-impożizzjoni minn qabel ta’ miżuri proviżorji u rreferiet għal ġurisprudenza dwar l-objettiv li tiġi evitata l-kumulazzjoni ta’ riżervi u li tiġi ppreservata l-effettività ta’ miżuri definittivi.

(1067)

Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat b’mod iżolat, iżda jrid jinqara flimkien mal-Artikolu 10 fl-intier tiegħu, li jirregola r-relazzjoni bejn id-dazji proviżorji u definittivi. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni retroattiva prevista fl-Artikolu 10(4) tikkostitwixxi estensjoni eċċezzjonali tas-sistema ta’ miżuri proviżorji, li tippermetti li jinġabru dazji definittivi fuq l-importazzjonijiet irreġistrati li jkunu saru qabel l-impożizzjoni tad-dazji proviżorji. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-mekkaniżmu ta’ applikazzjoni retroattiva skont l-Artikolu 10(4) huwa intrinsikament marbut mal-impożizzjoni minn qabel ta’ miżuri proviżorji. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, billi ma ġewx imposti miżuri provviżorji f’din l-investigazzjoni, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni retroattiva ta’ dazji anti-dumping definittivi skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati.

(1068)

Wara d-divulgazzjoni, l-EUROFER iddikjarat li ma qablitx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji hija prerekwiżit għall-ġbir retroattiv tad-dazji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. L-EUROFER argumentat li l-Artikolu 10(4) jipprevedi mekkaniżmu distint għall-ġbir retroattiv tad-dazji wara r-reġistrazzjoni u li l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ma hijiex kundizzjonali fuq l-impożizzjoni minn qabel ta’ miżuri provviżorji. L-EUROFER argumentat ukoll li r-reġistrazzjoni u l-ġbir retroattiv huma mekkaniżmi separati u li jenħtieġ li ma jitqisux bħala parti minn mekkaniżmu uniku marbut mal-miżuri provviżorji. Għalhekk, l-EUROFER talbet li l-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku.

(1069)

Il-Kummissjoni nnotat li r-reġistrazzjoni u l-ġbir retroattiv huma passi differenti iżda waslet għal konklużjoni differenti. Ir-reġistrazzjoni tippreserva l-possibbiltà ta’ ġbir retroattiv jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet legali. Ir-reġistrazzjoni fiha nnifisha ma tagħtix dritt għall-ġbir retroattiv tad-dazji; dak id-dritt jibqa’ kkundizzjonat għar-rekwiżiti tal-Artikolu 10(4), li jillimita l-ġbir retroattiv għall-prodotti mdaħħla għall-konsum mhux aktar minn 90 jum qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji. Peress li l-miżuri provviżorji huma l-punt ta’ referenza espliċitu għall-kalkolu ta’ dak il-perjodu, il-ġbir retroattiv skont l-Artikolu 10(4) ma jistax jiġi applikat meta ma tkun ġiet imposta l-ebda miżura provviżorja. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konsistenti wkoll mal-prattika reċenti tal-Kummissjoni (160).

(1070)

Għalhekk, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni retroattiva tad-dazji anti-dumping definittivi skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku ma kinux issodisfati. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

10.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(1071)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (161), meta ammont ikun irid jiġi rrimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jrid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(1072)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti llaminati ċatti tal-ħadid jew azzar mhux illigat, jew azzar illigat ieħor, iżda eskluż l-azzar inossidabbli, ta’ kull wisa’, illaminati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ), mhux miksijin, b’liga jew mgħottijin u mhux maħdumin aktar ħlief illaminati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ), iżda mhux inklużi:

—

prodotti llaminati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, ta’ kull wisa’, illaminati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ), mhux miksijin, b’liga jew mgħottijin, mhux maħdumin aktar ħlief illaminati fil-kiesaħ, f’koljaturi jew le, ta’ kull ħxuna, tal-elettriku,

—

prodotti llaminati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, ta’ kull wisa’, illaminati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ), mhux miksijin, b’liga jew mgħottijin, f’koljaturi, ta’ ħxuna ta’ inqas minn 0,35 mm, ittemprati (magħrufa bħala “pjanċi suwed”),

—

prodotti llaminati ċatti ta’ azzar illigat ieħor, ta’ kull wisa’, ta’ azzar silikon-elettriku, u

—

prodotti llaminati ċatti ta’ azzar illigat, mhux maħdumin aktar ħlief illaminati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ), tal-azzar b’veloċità għolja,

li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7209 15 00 , 7209 16 90 , 7209 17 90 , 7209 18 91 , ex 7209 18 99 , ex 7209 25 00 , 7209 26 90 , 7209 27 90 , 7209 28 90 , 7211 23 30 , ex 7211 23 80 , ex 7211 29 00 , 7225 50 80 , 7226 92 00 (il-kodiċijiet TARIC 7209 15 00 90, 7209 18 99 90, 7209 25 00 90, 7211 23 80 19, 7211 23 80 95, 7211 23 80 99, 7211 29 00 19, 7211 29 00 99), u li joriġinaw mill-Indja, mill-Ġappun, mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam.

2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u prodott mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandhom ikunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

L-Indja

—

JSW Steel Limited

—

JSW Steel Coated Products Limited

9,5

88GB

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

9,5

Ara l-Anness

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Indja

9,5

8999

Il-Ġappun

—

Nippon Steel Corporation

—

Daido Steel Co., Ltd.

27,9

88GD

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

27,9

Ara l-Anness

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Ġappun

27,9

8999

It-Tajwan

—

China Steel Corporation

—

Chung Hung Steel Corporation

20,7

88GG

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

20,7

Ara l-Anness

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Tajwan

27,0

8999

It-Turkija

Borçelik Çelik Sanayi Ticaret A.Ş.

7,8

88GI

Tatmetal Çelik Sanayi ve Ticaret A. Ş.

3,0

88GJ

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

4,9

Ara l-Anness

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Turkija

7,8

8999

Il-Vjetnam

POSCO VIETNAM CO., LTD

16,0

88GO

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

16,0

Ara l-Anness

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Vjetnam

16,0

8999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jiena, is-sottoskritt, niċċertifika li (l-volum f’tunnellati) ta’ azzar ċatt illaminat fil-kiesaħ mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea, kopert minn din il-fattura, kien manifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fil-(pajjiż ikkonċernat). Jiena niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta.” Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-pajjiż applikabbli kkonċernat, jiġifieri l-Indja, il-Ġappun, it-Tajwan, it-Turkija jew il-Vjetnam.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1. L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat sabiex jiżdiedu produtturi esportaturi ġodda mit-Tajwan u mit-Turkija u dawn isiru soġġetti għar-rata medja ponderata xierqa tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

huwa ma esportax il-merkanzija deskritta fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025);

(b)

mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u

(c)

effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar illaminati ċatti fil-kiesaħ (CRF) li joriġinaw mill-Indja, mill-Ġappun, mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam (ĠU C, C/2025/5025, 18.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5025/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2432 tat-3 ta’ Diċembru 2025 li jissottometti l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja, mill-Ġappun, mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam soġġetti għar-reġistrazzjoni bil-ħsieb li jippermetti l-imposta ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 2025/2432, 4.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2432/oj).

(4)  Ir-Rapport tal-Bord, Australia – Anti-Dumping Measures on A4 Copy Paper, WT/DS529/R u l-Add.1, adottat fit-28 ta’ Jannar 2020, DSR 2020:I, p. 261., il-paragrafu 7.21.

(5)  Ir-Rapport tal-Bord, L-Unjoni Ewropea - Metodoloġiji ta’ Aġġustament tal-Kostijiet u Ċerti Miżuri Anti-Dumping fuq l-Importazzjonijiet mir-Russja (it-Tieni Lment), WT/DS494/R u Add.1, iċċirkolat lill-Membri tad-WTO fl-24 ta’ Lulju 2020, appellat fit-28 ta’ Awwissu 2020, il-paragrafu 7.180.

(6)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, it-tabella wara l-paragrafu (234) u l-paragrafu (237).

(7)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, it-tabella wara l-paragrafu (239).

(8)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, it-tabella wara l-paragrafu (241).

(9)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, it-tabella wara l-paragrafu (234) u l-paragrafu (237).

(10)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, it-tabella wara l-paragrafu (239).

(11)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, it-tabella wara l-paragrafu (241).

(12)  Ara l-annessi għall-verżjoni miftuħa tal-ilment “OPEN_Annex_CRF_Profit adjustment dumping_16.09.25” u ‘OECD_GFSEC_Impacts of global excess capacity..._2024’.

(13)  Ir-Rapport tal-Bord, Australia – Anti-Dumping Measures on Paper, il-paragrafu 7.36.

(14)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, it-tabella wara l-paragrafu (234) u l-paragrafu (237).

(15)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, it-tabella wara l-paragrafu (239).

(16)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, it-tabella wara l-paragrafu (241).

(17)  Ir-Rapport tal-Bord, Australia –Anti-Dumping Measures on Paper, il-paragrafu 7.22.

(18)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, it-tabella wara l-paragrafu (241).

(19)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, it-tabella wara l-paragrafu (239).

(20)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, il-paragrafi (398)-(399).

(21)  CSWP3 2018 IN FD SOR, il-31 ta’ Jannar 2019.

(22)  COR2 2019 IN FD SOR, it-30 ta’ Ottubru 2020.

(23)  Ara t-Taqsima 4.4.1. tal-verżjoni miftuħa tal-ilment.

(24)  Ara l-verżjoni miftuħa tal-ilment, il-paragrafi (58) u (191).

(25)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/508 tas-7 ta’ April 2020 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU L 110, 8.4.2020, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/508/oj).

(26)  Ir-Rapport tal-Bord, EU – Cost Adjustment Methodologies II (Russia), il-paragrafu 7.40.

(27)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1919 tal-25 ta’ Settembru 2025 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti, illaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar mhux illigat jew ta’ liga oħra tal-azzar, li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Ġappun u mill-Vjetnam, u li jtemm l-investigazzjoni fuq l-importazzjonijiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja (ĠU L, 2025/1919, 26.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1919/oj) il-premessi (132)-(137).

(28)  Imposti l-aħħar permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2068 tas-26 ta’ Ottubru 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 149, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2068/oj).

(29)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar, (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/159/oj).

(30)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza l-effetti negattivi relatati mal-kummerċ tal-kapaċità żejda globali fuq is-suq tal-azzar tal-Unjoni (COM(2025) 726 final, 7.10.2025).

(31)  Is-Sentenza tat-13 ta’ Frar 1992, Goldstar Co. Ltd vs Il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej, C-105/90, ECLI:EU:C:1992:69, il-paragrafi 35-38.

(32)  Ir-Rapport tal-Bord, Australia - Anti-Dumping and Countervailing Duty Measures on Certain Products from China, WT/DS603/R u Add.1, adottat fis-26 ta’ April 2024, il-paragrafi 7.115-7.116; Ir-Rapport tal-Bord, Pakistan - Anti-Dumping Measures on Biaxially Oriented Polypropylene Film from the United Arab Emirates, WT/DS538/R u Add.1, iċċirkolat lill-Membri tad-WTO fit-18 ta’ Jannar 2021, appellat fit-22 ta’ Frar 2021, il-paragrafi 7.147-7.148; Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, European Communities - Anti-Dumping Duties on Imports of Cotton-Type Bed Linen from India, WT/DS141/AB/R, adottat fit-12 ta’ Marzu 2001, DSR 2001:V, p. 2049, il-paragrafu 81; u r-Rapporti tal-Korp tal-Appell, China - Measures Imposing Anti-Dumping Duties on High-Performance Stainless Steel Seamless Tubes (“HP-SSST”) from Japan / China - Measures Imposing Anti-Dumping Duties on High-Performance Stainless Steel Seamless Tubes (“HP-SSST”) from the European Union, WT/DS454/AB/R u Add.1 / WT/DS460/AB/R u Add.1, adottati fit-28 ta’ Ottubru 2015, DSR 2015:IX, p. 457, il-paragrafi 5.25-5.27.

(33)  Is-Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Ajinomoto Co., Inc. u The NutraSweet Company vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-kawżi magħquda C-76/98 P u C-77/98 P, ECLI:EU:C:2001:234, il-paragrafu 38.

(34)  Is-Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Alumina d.o.o., C-393/13 P, ECLI:EU:C:2014:2245, il-paragrafu 30.

(35)  L-Ordni tat-13 ta’ Ġunju 2024, Hansol Paper Co. Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-199/23, ECLI:EU:T:2024:388, il-paragrafu 63.

(36)  Il-Kawżi Magħquda C-76/98 P u C-77/98 P, NutraSweet vs Il-Kunsill, il-paragrafu 38.

(37)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1972/2002 tal-5 ta' Novembru 2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L, 305, 7.11.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/1972/oj).

(38)  Ir-Regolament (KE) Nru 1972/2002 il-premessa (3).

(39)  Ir-Rapport tal-Bord, European Communities - Anti-Dumping Measure on Farmed Salmon from Norway, WT/DS337/R, adottat fil-15 ta’ Jannar 2008, u l-Korr.1, DSR 2008:I, p. 3, il-paragrafu 7.298.

(40)  Is-Sentenza tat-2 ta’ Lulju 2025, PT Musim Mas vs Il-Kummissjoni, T-176/23, ECLI:EU:T:2025:662, il-paragrafu 116.

(41)  Ir-Rapport tal-Bord, L-Unjoni Ewropea — Miżuri Antidumping fuq Ċertu Xedd is-saqajn miċ-Ċina, WT/DS405/R, adottat fit-22 ta’ Frar 2012, DSR 2012:IX, p. 4585, il-paragrafi 7.299-7.300.

(42)  Ir-Rapport tal-Bord, L-Unjoni Ewropea - Miżuri Anti-Dumping fuq il-Bijodiżil mill-Indoneżja, WT/DS480/R u Add.1, adottat fit-28 ta’ Frar 2018, DSR 2018:II, p. 605, il-paragrafu 7.51.

(43)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1919.

(44)  Il-Kawżi T-120/14, PT Ciliandra Perkasa vs Il-Kunsill u T-121/14, PT Pelita Agung Agrindustri vs Il-Kunsill, Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016 (“Bijodiżil”). Ara wkoll il-Kawżi T-112/14 sa T-116/14 u T-119/14, Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016.

(45)   https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2812.

(46)   https://www.steelforum.org/.

(47)  GFSEC, Steel exports, trade remedy actions and sources of excess capacity, Mejju 2024, p. 6, disponibbli fuq: https://www.steelforum.org/content/dam/steel-forum/en/publications/gfsec-steel-exports-trade-remedy-actions-and-sources-of-excess-capacity_0525.pdf.

(48)  Dokument ta’ Politika Kummerċjali tal-OECD, Measuring distortions in international markets: Below-Market finance, Mejju 2021 No247, https://www.oecd.org/content/dam/oecd/en/publications/reports/2021/05/measuring-distortions-in-international-markets-below-market-finance_ef463ae3/a1a5aa8a-en.pdf.

(49)  GFSEC, Impacts of global excess capacity on the health of GFSEC steel industries, Marzu 2024, p. 5, disponibbli fuq: https://www.steelforum.org/content/dam/steel-forum/en/publications/gfsec-impacts-of-global-excess-capacity_0325.pdf.

(50)  Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fl-ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ, it-Taqsima 14.6. Kapaċità żejda, p. 408 et seq., disponibbli fuq https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2024)91&lang=mt.

(51)  Notevolment ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2068, kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/508.

(52)  Trade Policy Hub & LSE Consulting, Research into market distortions in the steel sector, The London School of Economics and Political Science, 20245, disponibbli fuq: https://www.lse.ac.uk/business/consulting/assets/documents/Research-into-Market-Distortions-in-the-Steel-Sector.pdf.

(53)  Sorsi: WV Stahl, Plantfacts, MetalSpans kif ipprovdut mill-klijenti.

(54)  Imposta l-aħħar permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2068.

(55)  Sorsi: WV Stahl, Plantfacts, MetalSpans kif ipprovdut mill-klijenti.

(56)   Idem.

(57)  GFSEC, Steel exports, trade remedy actions and sources of excess capacity, cit., p. 6.

(58)  Credendo, China’s ongoing construction crisis drives global steel prices down, it-28 ta’ Awwissu 2024, disponibbli fuq: https://credendo.com/en/knowledge-hub/steel-sector-global-steel-prices-under-pressure-amid-chinas-real-estate-downturn u CTECH, The iron curtain falls: China steel exports surge amid domestic crisis, it-3 ta’ Settembru 2024, https://www.calcalistech.com/ctechnews/article/sxv9qbfq2.

(59)   Sors: Il-bażijiet tad-data ta’ Fastmarkets u Argus.

(60)  GFSEC, Global excess capacity and employment in steel and downstream activities, Marzu 2025, p. 9, disponibbli fuq: https://www.steelforum.org/content/dam/steel-forum/en/publications/GFSEC-Employment_and-excess-capacity_31_jan_2025-(002)_250305_1015.pdf.

(61)  Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fl-ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ, it-Taqsima 14.6. Kapaċità żejda, p. 408 et seq., disponibbli fuq https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2024)91&lang=mt.

(62)  Imposta l-aħħar permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2068.

(63)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2068, il-premessa (78).

(64)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2068, il-premessa (62).

(65)  The Economist, Chinese overcapacity is crushing the global steel industry, is-17 ta’ Settembru 2024, disponibbli fuq: https://www.economist.com/business/2024/09/17/chinese-overcapacity-is-crushing-the-global-steel-industry.

(66)  Fastmarkets, China’s steelmaking losses incentivize global rebalancing, it-23 ta’ Ġunju 2025, disponibbli fuq: https://www.fastmarkets.com/insights/chinas-steelmaking-losses-incentivize-global-rebalancing/ u GFSEC, Global excess capacity and employment in steel and downstream activities, cit., pp. 16-17.

(67)  GFSEC, Global excess capacity and employment in steel and downstream activities, cit., pp. 3, 5, 8 u 13, u GFSEC, Impacts of global excess capacity on the health of GFSEC steel industries, cit., pp. 11-12.

(68)  GFSEC, Impacts of global excess capacity on the health of GFSEC steel industries, cit., pp. 18-20, b’mod partikolari l-Illustrazzjoni 3.

(69)   https://static.investindia.gov.in/National%20Steel%20Policy.pdf.

(70)   https://www.pib.gov.in/newsite/PrintRelease.aspx?relid=161491&reg=3&lang=2.

(71)   https://ibm.gov.in/writereaddata/files/17714807906996a6d62cf4fMCR_2016_amended_upto_January_2026.pdf.

(72)   https://mines.gov.in/webportal/content/ibm.

(73)   https://www.pib.gov.in/newsite/printrelease.aspx?relid=114589&reg=48&lang=2.

(74)  Ara, pereżempju, is-Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2021, Severstal vs Il-Kummissjoni, T-753/16, ECLI:EU:T:2021:612, il-paragrafu 122.

(75)   https://cci.gov.in/images/marketstudie/en/market-study-on-dynamics-of-competition-in-the-mining-sector-in-india-with-a-focus-on-iron-ore1704108440.pdf.

(76)   https://cag.gov.in/uploads/download_audit_report/2022/table-of-content-066e1a12e51fa23.81224720.pdf.

(77)   https://mines.gov.in/admin/download/69d601f1b7d3e1775632881.pdf.

(78)   https://www.indiacode.nic.in/bitstream/123456789/19380/1/mmdr_act%2C1957.pdf.

(79)   https://taxinformation.cbic.gov.in/view-pdf/1009553/ENG/Notifications?utm=.

(80)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/927 tal-15 ta’ Ġunju 2022 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala ħadid fondut bil-grafit sferojdali) li joriġinaw mill-Indja, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 161, 16.6.2022, pp. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/927/oj).

(81)  Komunikazzjoni mill-Ministeru Indjan tal-Ferroviji Nru. 2020/TT-III/32/4 datata l-15 ta’ Jannar 2021.

(82)   https://dgma.gov.in/download/1769691524_697b598415456_coastal-committee-report-final-jan2026.pdf.

(83)  Ir-Rapport tal-Bord, Australia – Anti-Dumping Measures on Paper, WT/DS529/R. il-paragrafu 7.80.

(84)  Ir-Rapport tal-Bord, Australia – Anti-Dumping Measures on Paper, WT/DS529/R, il-paragrafu. 7,81.

(85)  Ir-Rapport tal-Bord, Australia – Anti-Dumping Measures on Paper, WT/DS529/R, il-paragrafu 7.117.

(86)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1919, il-premessa (99).

(87)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).

(88)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2754 tad-29 ta’ Ottubru 2024 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2024/2754, 29.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2754/oj).

(89)   Ibidem.

(90)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1919, il-premessa (84) u n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

(91)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2754, il-premessi (152) u (518).

(92)  Is-Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2022, Baltic Master, C-599/20, ECLI:EU:C:2022:457, il-paragrafu 36.

(93)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2754.

(94)  Il-Profil Korporattiv ta’ MISI tal-2025, p. 13-14, disponibbli fuq: https://www.benichu.com/wp/images/2025/07/misi_2025_-_ebook_-.pdf.

(95)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/670 tal-4 ta’ April 2025 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Ġappun u mill-Vjetnam (ĠU L, 2025/670, 7.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/670/oj).

(96)  Ir-Rapport tal-Bord, Mexico – Definitive Anti-Dumping Measures on Beef and Rice, Complaint with Respect to Rice, WT/DS295/R, adottat fl-20 ta’ Diċembru 2005, kif modifikat mir-Rapport tal-Korp tal-Appell WT/DS295/AB/R, DSR 2005:XXIII, p. 11 007, il-paragrafu 7.238; Rapport tal-Korp tal-Appell, United States – Anti-Dumping Measures on Certain Hot-Rolled Steel Products from Japan, WT/DS184/AB/R, adottat fit-23 ta’ Awwissu 2001, DSR 2001:X, p. 4697, il-paragrafu 99.

(97)  Ir-Rapport tal-Bord, US – Anti-Dumping and Countervailing Duties (Korea), WT/DS539/R, il-paragrafu 7.36, iċċitat fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2026, Il-Kummissjoni Ewropea vs Sinopec Chongqing SVW Chemical Co. Ltd et, C-319/24 P, ECLI:EU:C:2026:687, il-punti 73, 85 u 90. Ara wkoll ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, US – Carbon Steel (India), WT/DS436/AB/R, il-paragrafu 4.421.

(98)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2026, Il-Kummissjoni Ewropea vs Sinopec Chongqing SVW Chemical Co. Ltd et, C-319/24 P, ECLI:EU:C:2026:687, il-punti 88 sa 95.

(101)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/319 tat-12 ta’ Frar 2026 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-valina li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2026/319, 13.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/319/oj), il-premessi (151) sa (159).

(102)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

(103)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1139 tas-6 ta’ Ġunju 2025 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood tal-injam iebes mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/1139, 10.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1139/oj), il-premessi (236) u (237); Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/316 tat-12 ta’ Frar 2026 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ Reżini ta’ Akrilonitril-Butadien-Stiren li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (ĠU L, 2026/316, 13.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/316/oj), il-premessa (108); Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1904 tas-7 ta’ Awwissu 2026 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu tereftaliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u l-Istati Uniti tal-Messiku (ĠU L, 2026/1904, 10.8.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1904/oj), il-premessa (68); u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1919, il-premessa (125). Barra minn hekk, Nippon Steel irrapportat li, fl-investigazzjoni anti-dumping dwar oġġetti tal-ħadid fondut mit-Turkija u mill-Indja (AD727), il-Kummissjoni talbet il-kostijiet SG & A u l-profitt tal-kummerċjanti mhux relatati ta’ produttur wieħed inkluż fil-kampjun sabiex tistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid fil-livell tal-fruntiera tal-UE (jiġifieri, il-valur CIF). Madankollu, il-Kummissjoni temmet dik l-investigazzjoni mingħajr ma imponiet dazji, u għalhekk il-kalkoli tagħha tal-valur CIF ma ġewx divulgati.

(104)  Is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2022, Il-Kummissjoni Ewropea vs Hansol Paper Co. Ltd, C-260/20 P, ECLI:EU:C:2022:370.

(105)  Il-bażi legali għal tali projbizzjoni fuq l-importazzjoni hija r-Regolament li Jirregola l-Kummerċ Bejn iż-Żona tat-Tajwan u ż-Żona Kontinentali.

(106)  Filwaqt li l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni hija stabbilita fil-livell ta’ 11-il ċifra, it-tqabbil jista’ jsir biss fil-livell ta’ 10 ċifri hekk kif id-data dwar l-importazzjoni ġiet irreġistrata fil-livell ta’ 10 ċifri. Id-data dwar l-importazzjoni użata għat-tqabbil kienet l-istess data doganali tat-Tajwan użata biex tiġi stabbilita l-kwantità importata.

(107)  Rapport Finali tal-Investigazzjoni dwar id-Dannu Industrijali għall-investigazzjoni anti-dumping mitluba minn China Steel Corporation u Dragon Steel Corporation għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping u dazji anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar ċatti llaminati fis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, in-nota 54 f’qiegħ il-paġna, il-kwotazzjoni hija tradotta awtomatikament mill-verżjoni oriġinali, https://traderemedy.trade.gov.tw/web/main/case/wfrmTradeCases.aspx?menu_id=1522&caseid=108&datatype=3&progkind=2.

(110)  Ir-Regolament (UE) 2026/1384 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2026 li jindirizza l-effetti negattivi relatati mal-kummerċ tal-kapaċità żejda globali fuq is-suq tal-azzar tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (UE) 2020/2170 (ĠU L, 2026/1384, 24.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1384/oj).

(111)  Ir-Rapport tal-Bord, EU – Cost Adjustment Methodologies II (Russia), il-paragrafu 7.40.

(112)  Miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ CRF li joriġinaw mir-RPĊ tkomplew fl-aħħar nett bis-saħħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2068.

(113)  Il-premessi (961) sa (963).

(114)  Il-premessi (961) sa (963).

(115)  Ir-Rapport tal-Bord, Australia – Anti-Dumping Measures on Paper, il-paragrafi 7.73 u 7.75.

(116)   https://www.steelactionplan.eu/topics/an-eu-trade-policy-that-works-for-industrial-resilience u https://www.spglobal.com/energy/en/news-research/latest-news/metals/120924-eu-steel-sector-requests-emergency-summit-tariffs-amid-import-surge.

(117)  OECD Facilitator De Carvalho, A., Pazos, R., u Thorbecke, W, Global Forum on Steel Excess Capacity (GFSEC): Impacts of global excess capacity on the health of GFSEC steel industries, Marzu 2024, p. 18-19, il-Kaxxa 3 u l-Illustrazzjoni 3, https://www.steelforum.org/content/dam/steel-forum/en/publications/gfsec-impacts-of-global-excess-capacity_0325.pdf.

(118)  Ara l-OECD, About the OECD MAGIC database, Lulju 2026, disponibbli fuq: https://www.oecd.org/en/data/dashboards/magic-database-industrial-subsidies.html.

(119)  Nota għall-fajl Nru t25.009414 u l-anness li jakkumpanjaha.

(120)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159, il-premessi (156) sa (157).

(121)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/316, il-premessi (92), (101) u (120).

(122)  Il-Kummissjoni vs Sinopec Chongqing SVW Chemical Co. Ltd et, C-319/24 P, iċċitata, il-punt 120.

(123)  Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, id-data tiġi divulgata f’firxiet.

(124)  Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, is-sehem mis-suq jiġi divulgat f’firxiet.

(125)  Ir-Regolament dwar l-Esportazzjoni (İhracat Yönetmeliği), il-Gazzetta Uffiċjali Nru 26190, is-6 ta’ Ġunju 2006.

(126)  Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 18785, il-15 ta’ Ġunju 1985.

(127)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/823 tal-20 ta’ Mejju 2021 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 183, 25.5.2021, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/823/oj), il-premessi (79) u (85).

(128)  Il-Gazzetta Uffiċjali tal-15 ta’ Frar 2025, Nru 32814.

(129)  Il-Gazzetta Uffiċjali tal-25 ta’ Diċembru 2025, Nru 33118.

(130)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1328 tad-29 ta’ Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa (ĠU L 210, 4.8.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1328/oj).

(131)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1919, il-premessa (114).

(132)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2012 tas-17 ta’ Novembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju anti-dumping provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja (ĠU L 410, 18.11.2021, p. 153, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2012/oj), il-premessa (83). Ir-Rapport tal-Bord, European Union – Countervailing and Anti-Dumping Duties on Stainless Steel Cold-Rolled Flat Products from Indonesia, WT/DS616/R, il-paragrafu 7.584.

(133)  Is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2026, Özkan Demir Çelik Sanayi AŞ vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-175/24, il-punti 41 sa 43.

(134)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 2024, Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları TAŞ et vs Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kawża T-629/21, ECLI:EU:T:2024:303.

(135)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/209 tal-10 ta’ Jannar 2024 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ pjanċi b’bastun tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Turkija (ĠU L, 2024/209, 11.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/209/oj), il-premessa (64).

(137)  Pereżempju, ir-Riżoluzzjoni Nru 103/2023/QH15, ir-Riżoluzzjoni Nru 192/2025/QH15, ir-Riżoluzzjoni Nru 1321/NQ-UBTVQH15, ir-Riżoluzzjoni Nru 162/2024/QH15 jew ir-Riżoluzzjoni Nru 189/2025/QH15.

(138)  Ingħataw firxiet għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

(139)  L-Awtorità Doganali tirreġistra l-prezzijiet f’USD u f’VND. Il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku huma rreġistrati f’VND. Il-Kummissjoni applikat ir-rata tal-kambju uffiċjali biex tikkonverti l-prezzijiet f’EUR.

(140)  Ingħataw firxiet għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

(142)  Is-sehem tal-kojls illaminati fis-sħana mixtrija mingħand fornituri relatati ammonta għal [80 %-100 %] tal-kwantitajiet totali mixtrija fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Ingħatat firxa għal skopijiet ta’ kunfidenzjalità.

(143)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/316.

(144)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159.

(145)  Ibid., il-premessi (156) u (157).

(146)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/316, il-premessi (88) sa (103).

(147)  Is-sentenza tal-Qorti tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kummissjoni, C-468/15 P, ECLI:EU:C:2016:803, il-punti 41-42 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(148)  Is-sentenza tal-Qorti tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kummissjoni, C-468/15 P, ECLI:EU:C:2016:803, il-punt 88.

(149)  OECD (2022), OECD Transfer Pricing Guidelines for Multinational Enterprises and Tax Administrations 2022, il-paragrafu 2.37, disponibbli fuq oecd.org/en/publications/oecd-transfer-pricing-guidelines-for-multinational-enterprises-and-tax-administrations-2022_0e655865-en.html (ikkonsultati l-aħħar fis-7 ta’ Settembru 2026).

(150)  Is-sentenza tal-Qorti tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kummissjoni, C-468/15 P, ECLI:EU:C:2016:803, il-punt 88.

(151)  OECD (2022), OECD Transfer Pricing Guidelines for Multinational Enterprises and Tax Administrations 2022, il-paragrafu 1.1, disponibbli fuq oecd.org/en/publications/oecd-transfer-pricing-guidelines-for-multinational-enterprises-and-tax-administrations-2022_0e655865-en.html (ikkonsultati l-aħħar fis-7 ta’ Settembru 2026).

(152)  Il-qrati tal-Unjoni konsistentement ikkonfermaw dan l-approċċ. Ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2022, Methanol Holdings (Trinidad) Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kawża T-744/19, ECLI:EU:T:2022:558, il-punt 63. Is-sentenza tal-Qorti tat-8 ta’ Ġunju 2023, PAO Severstal u Novolipetsk Steel PJSC (NLMK) vs Il-Kummissjoni Ewropea, C-747/21 P u C-748/21 P, ECLI:EU:C:2023:459, il-punt 92.

(153)  Il-Kummissjoni Ewropea vs Hansol Paper Co. Ltd, C-260/20 P, iċċitata, il-punt 102.

(154)   Ibid., il-punt 103, enfasi miżjuda.

(155)  Is-Sentenza tas-27 ta’ Novembru 1991, Gimelec vs Il-Kummissjoni, C-315/90, EU:C:1991:447, il-paragrafi 16 sa 29; Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO tal-24.7.2001, WT/DS184/AB/R, il-paragrafi minn 181 sa 215.

(156)  Informazzjoni meħuda mit-talba għal Rieżami ta’ skadenza rigward il-miżuri applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar illaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa.

(157)  Ara l-premessa (208) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2068.

(158)  Indirizz tal-posta elettronika: TRADE-TDI-REQUESTS@ec.europa.eu, il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Rue de la Loi/Wetstraat 170, 1040 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË. Fit-talba, semmi n-numru ta’ dan ir-Regolament u n-numru tal-każ (AD739).

(159)  Indirizz tal-posta elettronika: TRADE-TDI-REQUESTS@ec.europa.eu, il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Rue de la Loi/Wetstraat 170, 1040 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË. Fit-talba, semmi n-numru ta’ dan ir-Regolament u n-numru tal-każ (AD739).

(160)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/191 tas-16 ta’ Frar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 36, 17.2.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/191/oj).

(161)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).


ANNESS

Produtturi esportaturi oħra li kkooperaw li ma humiex fil-kampjun

Pajjiż

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

L-Indja

Tata Steel Limited

88GC

Il-Ġappun

JFE Steel Corporation

88GE

Proterial, Ltd.

88GF

It-Tajwan

Synn Industrial Co., Ltd.

88GH

It-Turkija

Erdemir Group

—

Ereğli Demir ve Çelik Fab. T.A.Ş.

—

Erdemir Çelik Servis Merkezi San. ve Tic. A.Ş.

88GK

Atakaş Çelik Sanayi ve Ticaret Anonim Şirketi

88GL

Yıldız Entegre Ağaç Sanayi ve Ticaret A.Ş.

88GM

Gazi Metal Mamülleri Sanayi ve Ticaret A.Ş

88GN

Il-Vjetnam

Công Ty Cổ Phần China Steel & Nippon Steel Việt Nam

88GP

Công ty Cổ phần Tập đoàn Hoa Sen

88GQ


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2547/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)