KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fid-29 ta’ Settembru 2016 ( 1 )
Kawża C‑158/14
A,
B,
C
u
D
vs
Minister van Buitenlandse Zaken
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Artikolu 267 TFUE — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Ammissibbiltà ta’ azzjoni għal annullament u l-istħarriġ tal-validità ta’ att tal-UE fil-kuntest ta’ proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari — Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 — Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK — Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 — Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/475/JHA — Definizzjoni ta’ atti terroristiċi — Kwistjoni dwar jekk atti ta’ forzi armati mhux tal-Istat f’kunflitt armat mhux internazzjonali jikkostitwixxux atti terroristiċi — Konvenzjonijiet ta’ kontra t-terroriżmu — Dritt umanitarju internazzjonali”
|
1. |
A, B, C u D instabu li ġabru, u ttrasferew fondi lil-“Liberation Tigers of Tamil Eelam” (iktar ’il quddiem il-“LTTE”), grupp li ġġieldet gwerra ċivili kontra l-Gvern ta’ Sri Lanka biex toħloq stat indipendenti fit-Tramuntana u l-Lvant ta’ Sri Lanka għall-poplu Tamil u li ilu li ġie kklassifikat bħala “terrorist” mill-Unjoni Ewropea għal madwar 10 snin. |
|
2. |
L-awtoritajiet Olandiżi semmew lil A, B, C u D bħala persuni suġġetti għal miżuri restrittivi biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu, u applikaw leġiżlazzjoni Olandiża li timplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“KSNU”). Bħala riżultat ta’ dan, ir-riżorsi tagħhom huma ffriżati, huwa pprojbit li jiġu pprovduti b’servizzi finanzjarji jew għall-benefiċċju tagħhom u ma jistgħux jitqiegħdu riżorsi disponibbli għalihom. Meta ħadu dawk il-miżuri, l-awtoritajiet Olandiżi ttrattaw lil-LTTE bħala organizzazzjoni terrorista. Dik id-deċiżjoni ħadet inkunsiderazzjoni regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Europea li żamm lil-LTTE fuq lista ta’ gruppi involuti f’atti terroristiċi u li japplikaw għalihom miżuri restrittivi. Fil-kawża tagħhom quddiem il-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi, A, B, C u D isostnu li dak ir-regolament huwa invalidu għaliex l-azzjonijiet tal-LTTE ma kinux atti terroristiċi. Huma jgħidu li l-LTTE pjuttost hija forza armata mhux tal-Istat involuta f’kunflitt armat mhux internazzjonali fi Sri Lanka u l-azzjonijiet tagħha kienu b’hekk irregolati bid-dritt umanitarju internazzjonali biss, u mhux bir-regoli tal-UE u bir-regoli internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Għalhekk jirriżulta li l-Unjoni Ewropea qieset b’mod żbaljat l-attakki u l-ħtif ta’ persuni li l-LTTE wettqet bejn l-2005 u 2009 bħala “atti terroristiċi” li ġġustifika l-inklużjoni tal-LTTE fil-lista ta’ entitajiet involuti f’atti terroristiċi. |
|
3. |
Ir-Raad van State (kunsill tal-istat) għamlet talba għal deċiżjoni preliminari fejn essenzjalment trid tkun taf dwar id-definizzjoni ta’ “atti terroristiċi” użata meta ġie adottat ir-regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill u jekk inkonsistenzi possibbli bejn id-definizzjoni fid-dritt tal-UE u dak internazzjonali (b’mod partikolari, il-korp tad-dritt internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u d-dritt umanitarju internazzjonali) jistgħux jaffettwaw il-validità tar-regolament ta’ implementazzjoni inkwistjoni. Hija tistaqsi wkoll jekk domandi A, B, C u D jistgħux jinvokaw l-invalidità ta’ dak ir-regolament ta’ implementazzjoni fil-kawża prinċipali, issa li l-individwi jgawdu minn aċċess dirett usa’ għall-qrati tal-UE wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. |
Id-dritt internazzjonali
Id-dritt umanitarju internazzjonali
|
4. |
Id-dritt umanitarju internazzjonali jirregola t-tmexxija tal-ostilitajiet matul kunflitti armati internazzjonali u mhux internazzjonali. Huwa maħsub biex, inter alia, jipprovdi protezzjoni għal popolazzjonijiet ċivili f’żona ta’ kunflitt billi jiġu ristretti l-effetti tal-gwerra fuq il-persuni u l-proprjetà ( 2 ). |
|
5. |
Parti sinjifikattiva tad-dritt umanitarju internazzjonali tinsab fl-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève ( 3 ) u t-tliet Protokolli Addizzjonali tagħhom ( 4 ). Wieħed mill-prinċipji fundamentali sanċiti fil-konvenzjonijiet u l-protokolli addizzjonali huwa d-distinzjoni bejn il-popolazzjoni ċivili u l-kombattenti militari, u oġġetti ċivili u għanijiet militari. Huma jistabbilixxu drittijiet bażiċi tal-priġunieri tal-gwerra (pajżana u persunal militari); protezzjonijiet għall-midruba u l-morda; u l-protezzjonijiet għal u d-drittijiet mogħtija lill-pajżana (mhux kombattenti) fi u madwar żona tal-gwerra. L-Unjoni Ewropea ma hija parti fl-ebda waħda minn dawn il-konvenzjonijiet jew protokoll addizzjonali tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri kollha huma partijiet fihom. |
|
6. |
L-Artikolu 2 li huwa komuni għal kull Konvenzjoni ta’ Genève [“Applikazzjoni tal-Konvenzjoni(jiet)”] jistabbilixxi b’mod partikolari: “Flimkien mad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu implementati fi żmien ta’ paċi, din il-Konvenzjoni għandha tapplika għall-każijiet kollha ta’ gwerra ddikjarata jew ta’ kull kunflitt armat li jista’ jkun hemm bejn tnejn jew iżjed mill-Partijiet Kontraenti Għolja, anki jekk l-istat ta’ gwerra ma huwiex irrikonoxxut minn wieħed minnhom. Il-Konvenzjoni għandha tapplika wkoll għall-każijiet kollha ta’ okkupazzjoni parzjali jew totali tat-territorju ta’ Parti Kontraenti Għolja, anki jekk dik l-okkupazzjoni ma tiltaqa’ mal-ebda reżistenza armata. […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
7. |
Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 3 komuni għal kull waħda mill-Konvenzjonijiet ta’ Genève (“Kunflitti li ma humiex ta’ natura internazzjonali”), li jikkodifika regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ( 5 ): “F’każ ta’ kunflitt armat li ma jkollux natura internazzjonali u li jinqala’ fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti Għolja, kull waħda mill-Partijiet fil-kunflitt hija obbligata tapplika mill-inqas id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
8. |
L-Artikolu 1 tal-Protokoll I (“Prinċipji ġenerali u kamp ta’ applikazzjoni”), li jirrigwarda l-protezzjoni ta’ vittmi ta’ kunflitti armati internazzjonali u jikkodifika wkoll id-dritt internazzjonali konswetudinarju ( 6 ), jipprovdi b’mod partikolari: “[…] 3. Dan il-Protokoll, li jissupplementa l-Konvenzjonijiet ta’ Genève […], għandu japplika fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-[Artikolu 2 komuni]. 4. Is-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu preċedenti jinkludu kunflitti armati fejn popli jkunu qed jiġġieldu kontra dominazzjoni kolonjali u okkupazzjoni aljena u kontra reġimi razzisti fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ awtodeterminazzjoni, kif sanċit fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-Dikjarazzjoni fuq il-Prinċipji tad-Dritt Internazzjonali dwar Relazzjonijiet ta’ Ħbiberija u Kooperazzjoni fost l-Istati skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
9. |
L-Artikolu 51(2) tal-Protokoll I jipprovdi li “atti jew theddid ta’ vjolenza li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jixxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili huma pprojbiti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
10. |
Il-Protokoll II jirrigwarda l-protezzjoni ta’ vittmi ta’ kunflitti armati mhux internazzjonali. Il-QIĠ għadha ma ħaditx pożizzjoni dwar jekk dak il-Protokoll jikkodifikax regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju. |
|
11. |
L-Artikolu 1 tal-Protokoll II (“Kamp ta’ applikazzjoni materjali”) jipprovdi: “1. Dan il-Protokoll, li jiżviluppa u jissupplementa [l-Artikolu 3 komuni] mingħajr ma jimmodifika l-kundizzjonijiet eżistenti ta’ applikazzjoni, għandu japplika għall-kunflitti armati kollha li ma humiex koperti bl-Artikolu 1 tal-[Protokoll I] u li jsiru fit-territorju ta’ Parti Kontraenti Għolja bejn il-forzi armati tagħha u forzi armati dissidenti jew gruppi armati organizzati li, taħt kmand responsabbli, jeżerċitaw dak il-kontroll fuq parti mit-territorju tagħha sabiex ikunu jistgħu jwettqu operazzjonijiet militari sostnuti u miftehma u sabiex jiġi implementat dan il-Protokoll. 2. Dan il-Protokoll ma huwiex applikabbli għal sitwazzjonijiet ta’ disturbi u tensjonijiet interni, bħar-rewwixti, atti iżolati u sporadiċi ta’ vjolenza u atti oħrajn simili, li ma jitqiesux bħala kunflitti armati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
12. |
L-Artikolu 4 tal-Protokoll II (“Garanziji Fundamentali”) jgħid b’mod partikolari li t-teħid bħala ostaġġi ta’ persuni li ma jiħdux sehem dirett jew waqfu milli jieħdu sehem f’ostilitajiet u atti ta’ terroriżmu kontrihom huma pprojbiti “f’kull żmien u f’kull post li jkun” ( 7 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
13. |
L-Artikolu 6 (“Prosekuzzjonijiet penali”) jistabbilixxi garanziji minimi applikabbli għall-prosekuzzjoni u s-sanzjoni ta’ reati kriminali li jirrigwardaw kunflitt armat mhux internazzjonali. Dan jeħtieġ li l-awtoritajiet fis-setgħa, fl-aħħar tal-ostilitajiet, jippruvaw jagħtu l-amnestija l-iktar wiesgħa possibbli lil persuni li pparteċipaw fil-kunflitt armat, jew dawk imċaħħdin mil-libertà tagħhom għal raġunijiet relatati mal-kunflitt armat, kemm jekk huma internati kif ukoll jekk huma detenuti ( 8 ). |
|
14. |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) tal-Protokoll II jipprojbixxi “atti jew theddid ta’ vjolenza li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jixxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ċerti tribunali kriminali internazzjonali sabu li dik kienet regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, li l-ksur tagħha jagħti lok għal responsabbiltà kriminali individwali ( 9 ). |
Id-dritt internazzjonali fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-teħid tal-ostaġġi
Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001)
|
15. |
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) [iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni 1373 (2001)”] ( 10 ) fis-28 ta’ Settembru 2001, wara l-attakki li saru fl-Istati Uniti fil-11 ta’ Settembru ta’ dik is-sena. Il-Punt 1 jeħtieġ lill-Istati kollha biex:
[…]
|
|
16. |
Il-Punt 3(d) jitlob lill-Istati sabiex “isiru partijiet kemm jista’ jkun malajr tal-konvenzjonijiet u protokolli internazzjonali relatati mat-terroriżmu, inkluża l-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu tad-9 ta’ Diċembru 1999 [ ( 11 ) ]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Il-Konvenzjonijiet multilaterali u reġjonali kontra t-terroriżmu
|
17. |
L-Istati għadhom (sa issa) ma qablux fuq definizzjoni komprensiva u ġeneralment applikabbli ta’ x’jikkostitwixxi att terroristiku ( 12 ). |
|
18. |
Il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi”) ġiet iffirmata f’New York fil-15 ta’ Diċembru 1997 ( 13 ). Għalkemm l-Unjoni Ewropea nnifisha ma hijiex parti, l-Istati Membri tagħha kollha huma. L-aħħar premessa tal-Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi tindika li l-attivitajiet ta’ forzi militari tal-Istati huma rregolati minn regoli tad-dritt internazzjonali barra mill-qafas tal-konvenzjoni u li l-esklużjoni ta’ ċerti azzjonijiet mill-kopertura tal-konvenzjoni għalhekk “ma tiskużax jew tillegalizza atti altrimenti illegali, jew tipprekludi l-prosekuzzjoni taħt liġijiet oħra […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
19. |
L-Artikolu 19(2) jipprovdi li “l-attivitajiet tal-forzi armati matul il-kunflitt armat, kif inhu mifhum dak il-kliem skont id-dritt umanitarju internazzjonali, li huma rregolati b’dak id-dritt, ma humiex irregolati bil-[Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi], u l-attivitajiet magħmulin mill-forzi militari ta’ Stat fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom, sa fejn huma rregolati minn regoli oħra tad-dritt internazzjonali, huma [ukoll] mhux irregolati [minnha]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
20. |
Il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu”) ġiet iffirmata fin-New York fid-9 ta’ Diċembru 1999 ( 14 ). Għalkemm l-Unjoni Ewropea nnifisha ma hijiex parti, l-Istati Membri tagħha kollha huma. L-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu jistabbilixxi li: “Kull persuna twettaq reat fit-tifsira ta’ din il-Konvenzjoni jekk dik il-persuna bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, illegalment u bil-ħsieb, tipprovdi jew tiġbor fondi bl-intenzjoni li għandhom jintużaw jew fl-għarfien li ser jintużaw, għal kollox jew parzjalment, sabiex jitwettaq:
|
|
21. |
Bis-saħħa tal-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu, l-Istati Partijiet għandhom jadottaw il-miżuri xierqa, skont il-prinċipji legali domestiċi tagħhom, għall-identifikazzjoni, l-iżvelar u l-iffriżar jew qbid ta’ kwalunkwe fondi użati jew allokati għall-finijiet tat-twettiq ta’ reati taħt l-Artikolu 2 flimkien mill-qligħ ġej minn dawk ir-reati, għall-finijiet ta’ konfiska possibbli. |
|
22. |
L-Artikolu 21 jgħid li “xejn fil-Konvenżjoni ma għandu jaffettwa drittijiet, obbligi u responsabbiltajiet oħra tal-Istati u l-individwi taħt id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-finijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dritt umanitarju internazzjonali u konvenzjonijiet rilevanti oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
23. |
Il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti ta’ Terroriżmu Nukleari (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar it-Terroriżmu Nukleari”) ġiet adottata f’New York fit-13 ta’ April 2005 ( 16 ). Għalkemm l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri huma partijiet ( 17 ). L-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni dwar it-Terroriżmu Nukleari jistabbilixxi li l-attivitajiet tal-forzi armati matul kunflitt armat, kif dak il-kliem huwa mifhum taħt id-dritt umanitarju internazzjonali, li huma rregolati b’dik il-liġi ma humiex irregolati mill-konvenzjoni, u li l-attivitajiet magħmulin mill-forzi militari ta’ Stat fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom, sa fejn huma rregolati b’regoli oħra tad-dritt internazzjonali, ukoll ma humiex irregolati mill-konvenzjoni. |
|
24. |
Il-konvenzjonijiet reġjonali jinkludu l-Konvenzjoni reċenti dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tal-Kunsill tal-Ewropa (iktar ’il quddiem il-“KtE”) ( 18 ). L-Unjoni Ewropea ffirmat, imma għadha ma rrattifikatx, dik il-konvenzjoni. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-Istati Membri, imma mhux kollha, iffirmawha jew irratifikawha ( 19 ). L-Artikolu 26(5) tal-Konvenzjoni tal-KtE dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu jistabbilixxi: “L-attivitajiet tal-forzi armati matul kunflitt armat, kif inhu mifhum dak il-kliem skont id-dritt umanitarju internazzjonali, li huma rregolati minn dak id-dritt, ma humiex irregolati minn din il-Konvenzjoni, u l-attivitajiet li jsiru mill-forzi militari ta’ Parti fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom, sa fejn huma rregolati b’regoli oħra tad-dritt internazzjonali, ma humiex irregolati minn din il-konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Il-Konvenzjoni Internazzjonali kontra t-Teħid ta’ Ostaġġi
|
25. |
Il-Konvenzjoni Internazzjonali kontra t-Teħid ta’ Ostaġġi (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar l-Ostaġġi”) ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-NU fis-17 ta’ Diċembru 1979 ( 20 ). L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar l-Ostaġġi jgħid li “sa fejn huma applikabbli [il-Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-Protokolli tagħhom] għal att partikolari ta’ teħid ta’ ostaġġi, u sa fejn l-Istati Partijiet fil-Konvenzjoni [dwar l-Ostaġġi] huma marbuta taħt dawk il-konvenzjonijiet li jipprosegwixxu jew iroddu li dak li jkun ħa l-ostaġġi, il-Konvenzjoni [dwar l-Ostaġġi] ma għandhiex tapplika għal att ta’ teħid ta’ ostaġġi mwettaq matul kunflitti armati kif iddefiniti fil-[Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-Protokolli tagħhom] […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id-dritt tal-UE
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
26. |
Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi li “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”. L-ewwel paragrafu jispeċifika t-tipi ta’ atti li jistgħu jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn jinkludu atti tal-Kunsill. It-tieni paragrafu jippreskrivi r-raġunijiet għall-istħarriġ li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni. Bis-saħħa tas-sitt paragrafu, il-proċeduri għandhom “jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.” |
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
|
27. |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta” ( 21 )) jgħid li “[k]ull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu”. |
|
28. |
L-Artikolu 48(1) jipprovdi li “[k]ull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi”. Skont l-Artikolu 48(2), “[g]ħandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat”. |
Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK
|
29. |
Il-premessa 2 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK ( 22 ) tirreferi għar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) li tistabbilixxi strateġiji wesgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u partikolarment il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-premessa 5 tgħid li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu miżuri addizzjonali biex timplementa r-Riżoluzzjoni 1373 (2001). |
|
30. |
L-Artikolu 1(1) jistabbilixxi li “l-Pożizzjoni Komuni taħdem [tapplika] flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin [għall‑]persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness”. |
|
31. |
L-Artikolu 1(2) jiddefinixxi “persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi” bħala:
|
|
32. |
Skont l-Artikolu 1(3), “att terroristiku” huwa: “[…] wieħed minn dawn l-azzjonijiet intenzjonati li ġejjin, li, jista’ joħloq dannu lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, definit bħala offiża kontra ċ-ċittadini, fejn imwettaq bi skop li:
[…]” |
|
33. |
Bis-saħħa tal-Artikoli 2 u 3 tagħha, (dik li kienet) il-Komunità Ewropea, filwaqt li kienet taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha minn (dak li kien) it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, kienet meħtieġa “tordna l-iffriżar tal-fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi ta’ persuni, gruppi u entitatjiet elenkati fl-Anness” u kellha tiżgura “li fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi u finanzjarji u servizzi relatati ma jkunux disponibbli direttament jew indirettament għall-benefiċċju ta’ persuni, gruppi u entitajiet elenkati fl-Anness”. |
Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001
|
34. |
Il-premessi 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 ( 23 ) jirreferu għar-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Il-premessa 5 tgħid li azzjoni mill-Komunità hija neċessarja sabiex jiġu implementati l-aspetti tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (iktar ’il quddiem il-“PESK” tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Skont il-premessa 14, il-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) ( 24 ) tista’ tinkludi l-persuni u l-entitajiet marbutin jew relatati ma’ pajjiżi terzi kif ukoll dawk li b’xi mod ieħor huma fiċ-ċentru tal-aspetti tal-PESK tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. |
|
35. |
L-Artikolu 1(2) jiddefinixxi l-“iffriżar ta’ fondi, assi finanzjarji u risorsi ekonomiċi oħra” bħala “[…] li ma jitħalliex kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’ jew innegozjar f’fondi f’kull mod li jirriżulta f’xi bidla fil-volum, ammont, lok, proprjetà, pussess, karattru, jew destinazzjoni tagħhom jew bidla oħra li jagħmilha possibbli li l-fondi jiġu użati, inkluż l-amministrazzjoni ta’ portafoll”. L-Artikolu 1(4) jistabbilixxi li “att terroristiku” għandu l-istess tifsira kif hemm fir-Regolament Nru 2580/2001 bħall-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ( 25 ). |
|
36. |
L-Artikolu 2(1) jipprovdi li, ħlief kif inhu permess taħt l-Artikoli 5 u 6 ( 26 ):
|
|
37. |
Skont l-Artikolu 2(2) (u ħlief kif inhu permess skont l-Artikoli 5 u 6), “[…] għandu jkun projbit li tipprovdi servizzi finanzjarji lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija [fil-lista tal-Artikolu 2(3)].” |
|
38. |
L-Artikolu 2(3) jipprovdi li l-Kunsill għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika r-Regolament Nru 2580/2001 [iktar ’il quddiem il-“lista tal-Artikolu 2(3)”], skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931. Dan jgħid li l-lista tal-Artikolu 2(3) għandha tikkonsisti minn:
|
|
39. |
Skont l-Artikolu 9 “[k]ull Stat Membru għandu jistabbilixxi s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti meta d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jinkisru” u li “dawk is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi” ( 27 ). |
Id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]tal-Kunsill 2002/475/ĠAI
|
40. |
Il-premessa 3 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/475/ĠAI ( 28 ) tirriferi għall-fatt li l-Istati Membri kollha jew uħud minnhom huma partijiet f’numru ta’ konvenzjonijiet dwar it-terroriżmu. Il-premessa 6 tgħid li d-definizzjoni ta’ reati terroristiċi għandha tiġi approssimata fl-Istati Membri kollha, inklużi dawk ir-reati dwar il-gruppi terroristiċi. Skont il-premessa 11, “[a]zzjonijiet mill-forzi armati matul il-perjodi ta’ kunflitt bl-armi, li huma rregolati mid-dritt umantiarju internazzjonali skond it-tifsira ta’ dawn it-termini f’dik il-liġi, u sakemm dawn huma regolati minn regoli oħra tad-dritt nternazzjonali, l-azzjonijiet mill-forzi armati ta’ l-Istat fl-eżerċizzju ta’ l-obbligi uffiċjali tagħhom ma humiex regolati minn din id-Deċijoni Kwadru [Qafas]” ( 29 ). |
|
41. |
L-Artikolu 1(1) jipprovdi: “1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-atti intenzjonali msemmija hawn taħt fil-punti (a) sa (i), kif imfissra bħala reati skond il-liġi nazzjonali, li, minħabba n-natura jew il-kuntest tagħhom, jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali fejn dawn isiru bl-iskop illi:
għandhom jitqiesu bħala reati terroristiċi: [l-atti intenzjonali msemmijin fil-punti (a) sa (i) huma identiċi għal dawk previsti fil-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ( 30 )].” |
Inklużjoni tal-LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3)
|
42. |
L-LTTE tpoġġa għall-ewwel darba fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/231/PESK mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/380/PESK ( 31 ). Huwa ddaħħal fl-istess jum fil-lista tal-Artikolu 2(3) mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/379/KE ( 32 ). L-LTTE baqa’ hemm bħala riżultat ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet u regolamenti, kull waħda tħassar u tibdel lil ta’ qabilha, u inkluż ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010 ( 33 ). L-iktar lista reċenti tidher fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2425 ( 34 ). |
Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi
|
43. |
L-Artikolu 2(1) tas-Sanctieregeling terrorisme 2007-II (Regolament dwar is-Sanzjonijiet għat-Trażżin tat-Terroriżmu 2007-II; iktar ’il quddiem is-“Sanctieregeling 2007”) jawtorizza lill-Minister van Buitenlandse Zaken (Ministru tal-Affarijiet Barranin; iktar ’il quddiem il-“Ministru”), fi ftehim mal-Ministru tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem il-“Minister van Justitie”) u l-Ministru tal-Finanzi (iktar ’il quddiem il-“Minister van Financiën”), sabiex jadotta ordni ta’ elenkar fir-rigward ta’ persuni jew gruppi li, fl-opinjoni tiegħu, jappartjenu lill-grupp ta’ persuni jew gruppi suġġetti għar-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Meta tittieħed deċiżjoni bħal dik, ir-riżorsi kollha li jappartjenu lil dawk il-persuni jew gruppi għandhom jiġu ffriżati [Artikolu 2(2)]; huwa pprojbit li jiġu pprovduti b’servizzi finanzjarji jew għall-benefiċċju tagħhom [Artikolu 2(3)] jew li jitqiegħdu direttament jew indirettament għad-dispożizzjoni tagħhom riżorsi [Artikolu 2(4)]. |
|
44. |
Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-Artikolu 2 tas-Sanctieregeling 2007 idaħħal fis-seħħ ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) imma ma jirriferixxix għar-Regolament Nru 2580/2001, għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jew għal kwalunkwe att ieħor li jqiegħdu persuni jew gruppi fil-lista tal-Artikolu 2(3). |
Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
|
45. |
A, B, C u D joqogħdu fil-Pajjiżi l-Baxxi. B’deċiżjonijiet tat-8 ta’ Ġunju 2010 (iktar ’il quddiem, l-“ordnijiet ta’ tismija”), il-Ministru semmihom bħala persuni fiżiċi li għalihom tapplika s-Sanctieregeling 2007. B’riżultat ta’ dan, ir-riżorsi tagħhom ġew iffriżati. B’deċiżjonijiet tal-25 ta’ Novembru 2010, tat-8 ta’ Diċembru 2010 u tal-10 ta’ Jannar 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), il-Ministru ċaħad il-kontestazzjonijiet li A, B, C u D għamlu kontra l-ordnijiet ta’ tismija. Id-deċiżjonijiet kkontestati kienu bbażati fuq il-fatt li A, B, C u D jappartjenu għal grupp ta’ persuni li tirriferi għalihom ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Il-Ministru ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin biex jasal għal dik il-konklużjoni: (i) A, B, C u D kienu involuti fil-ġbir ta’ fondi għal-LTTE; (ii) l-LTTE kien inkluż fil-lista tal-Artikolu 2(3); u (iii) kienu nbdew proċeduri kriminali kontra A, B, C u D quddiem it-taqsima tad-dritt kriminali tar-rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) għar-raġuni ta’, inter alia, il-ksur allegat tagħhom tal-Artikoli 2(1), 2(2) u 3 tar-Regolament Nru 2580/2001. |
|
46. |
Fis-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2011, ir-rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) ikkonkludiet, rigward il-fatt li tlieta minn erba’ appellanti nstabu ħatja għall-ksur tar-Regolament Nru 2580/2001, li B, C u D kienu għamlu attivitajiet (ta’ ġbir ta’ fondi) għal-LTTE imma lliberathom minn imputazzjonijiet li pparteċipaw fi grupp terroristiku. Hija kienet tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tat-terroriżmu fil-kodiċi kriminali tal-Pajjiżi l-Baxxi jimplementaw id-Deċiżjoni qafas 2002/475 u li l-kunflitt bejn il-Gvern ta’ Sri Lanka u l-LTTE kien kunflitt armat mhux internazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Protokoll II ( 35 ). Bħala riżultat ta’ dan, wara li tqieset il-premessa 11 tad-Deċiżjoni qafas 2002/475, l-imputazzjonijiet kontra B, C u D ma kienu jinvolvu l-ebda parteċipazzjoni fi grupp terroristiku. Madankollu, ir-rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) sabet lil B, C u D ħatja li kisru l-Artikoli 2(1), 2(2) u 3 tar-Regolament Nru 2580/2001. Hija kkunsidrat li kienet marbuta mid-deċiżjoni tal-Kunsill li tinkludi lil-LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3). Hija nnutat ukoll li d-deċiżjonijiet li bihom l-LTTE kien ġie inkluż fil-lista tal-Artikolu 2(3) u li kienu applikabbli fiż-żmien meta twettqu r-reati allegati ma kinux ġew ikkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, ir-rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) assumiet li dawk id-deċiżjonijiet kienu validi. L-appelli minn dawk is-sentenzi kienu pendenti quddiem il-Gerechtshof Den Haag (qorti reġjonali tal-appell, Den Haag) meta qed jinkiteb dan. |
|
47. |
Fil-frattemp, l-appelli ta’ A, B, C u D mid-deċiżjonijiet ikkontestati ġew miċħudin bħala infondati mit-taqsimiet tad-dritt amministrattiv tar-rechtbank Zwolle-Lelystad (qorti distrettwali, Zwolle-Lelystad), ir-rechtbank ’s Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) u r-rechtbank Alkmaar (qorti distrettwali, Alkmaar). A, B, C u D imbagħad appellaw minn dawk is-sentenzi lill-qorti tar-rinviju. Huma jikkontestaw l-involviment tagħhom fil-ġbir tal-fondi għal-LTTE. Huma jissottomettu li t-taqsima tad-dritt kriminali tar-rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) iddeċidiet li l-LTTE ma huwiex grupp terroristiku għaliex il-kunflitt tal-LTTE mal-Gvern tas-Sri Lanka kien kunflitt armat mhux internazzjonali. |
|
48. |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-LTTE kien tpoġġa fil-lista tal-Artikolu 2(3) minħabba sensiela ta’ attakki u ħtif bejn l-2005 u l-2009. Il-qorti tar-rinviju tgħid ukoll li dawk l-atti jidhru li seħħew fi Sri Lanka u li kienu konnessi mal-kunflitt bejn il-Gvern ta’ Sri Lanka u l-LTTE. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Minsitru kellu raġunijiet biex jassumi li A, B, C u D kienu involuti fil-ġbir ta’ fondi għal-LTTE. Madankollu, hija kellha dubji dwar il-validità tal-inklużjoni tal-LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3) fiż-żmien tad-deċiżjonijiet tal-Ministru tal-25 ta’ Novembru 2010, tat-8 ta’ Diċembru 2010 u taż-żewġ Deċiżjonijiet tal-10 ta’ Jannar 2011. Hija wkoll inċerta dwar jekk A, B, C u D kienx ikollhom locus standi biex jikkontestaw il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
49. |
F’dak l-isfond, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja għal gwida dwar id-domandi li ġejjin:
|
|
50. |
A, B, C, u D, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Gvern ta’ Spanja u l-Gvern tar-Renju Unit, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea għamlu osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn l-istess partijiet, ħlief għall-Gvern tar-Renju Unit, ippreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2016. |
Evalwazzjoni
Rimarki preliminari
|
51. |
Fl-2011, l-LTTE kkontestat l-inklużjoni tagħha fil-lista tal-Artikolu 2(3) quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn sostniet, inter alia, li r-Regolament Nru 2580/2001 ma japplikax f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat għaliex dawk il-kunflitti (u għalhekk dawk l-atti wkoll imwettqin f’dak il-kuntest) huma rregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali biss. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dik l-eċċezzjoni ( 36 ) imma annullat għal raġunijiet (proċedurali) oħra sensiela ta’ regolamenti simili għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010, sa fejn dawk ir-regolamenti kkonċernaw l-LTTE. L-appell tal-Kunsill minn dik is-sentenza ( 37 ) ma huwiex immirat lejn l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ “atti terroristiċi” fil-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti. Madankollu, dik l-analiżi tirrigwarda l-kwistjoni prinċipali li qajmet il-qorti tar-rinviju hawnhekk, jiġifieri jekk il-miżuri ristrettivi tal-UE kontra l-LTTE humiex kompatibbli mad-dritt umanitarju internazzjonali. Għalhekk ser nirreferi għaliha meta jkun xieraq. |
|
52. |
Imbagħad, il-miżuri tal-iffriżar tal-assi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma bbażati fuq is-Sanctieregeling 2007, li jimplementa r-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Is-Sanctieregeling 2007 ma jirriferi għall-ebda att tad-dritt tal-UE li qed tintalab gwida dwaru fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Lanqas ma jidher li A, B, C u D huma nnifishom inklużi fil-lista tal-Artikolu 2(3). F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari 2 sa 5 huma rilevanti biex tiġi riżolta l-kwistjoni fil-kawża prinċipali? |
|
53. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun ovvju biżżejjed li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-UE ma jkollha l-ebda relazzjoni mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew l-iskop tagħha ( 38 ). |
|
54. |
Madankollu, ma narax għalfejn dik il-ġurisprudenza għandha tiġi applikata hawnhekk. Minn naħa, huwa aċċettat li l-miżuri tal-iffriżar tal-assi inkwistjoni kienu imposti fuq A, B, C u D għaliex kienu ġabru fondi għal-LTTE, li tidher fil-lista tal-Artikolu 2(3). Kif spjegajt, dik il-lista implementat f’dak li kien id-dritt Komunitarju l-aspetti PESK tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li min-naħa tagħha implementat ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Min-naħa l-oħra, kif tgħid id-deċiżjoni tar-rinviju, wieħed mill-argumenti quddiem il-qorti tar-rinviju għall-kontestazzjoni ta’ dawk il-miżuri hija li l-LTTE ma jistax jitqies bħala grupp terroristiku u għalhekk tpoġġa bi żball fil-lista tal-Artikolu 2(3). Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-miżuri tal-iffriżar tal-assi inkwistjoni jkollhom jiġu annullati jekk jirnexxi dak l-argument, u li A, B, C u D jistgħu jkunu f’dak il-każ intitolati wkoll għall-kumpens għall-perijodi kollha li matulhom l-LTTE kien inkluż fil-lista tal-Artikolu 2(3). Fil-fehma tiegħi dak huwa biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li d-domandi 2 sa 5 għandhom konnessjoni mal-kawża prinċipali. |
|
55. |
Għalkemm il-qorti tar-rinviju tiddividi t-tieni domanda f’żewġ partijiet, dik id-domanda fil-verità qed titlob gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni li ġejja: wara li tittieħed inkunsiderazzjoni l-premessa 11 tad-Deċiżjoni qafas 2002/475, l-“atti terroristiċi” fit-tifsira tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001 potenzjalment ikopru azzjonijiet mill-forzi armati matul perijodi ta’ kunflitt armat fit-tifsira tad-dritt umanitarju internazzjonali, bħall-kunflitt ta’ bejn l-LTTE u l-Gvern ta’ Sri Lanka? Sabiex nirrispondi dik id-domanda, jiena ser nipproċedi fuq il-bażi li dak il-kunflitt kien kunflitt armat mhux internazzjonali fit-tifsira tad-dritt umanitarju internazzjonali ( 39 ). Dak jimplika, b’mod partikolari, li ma kinitx sitwazzjoni ta’ disturbi u tensjonijiet interni li għalihom la japplika l-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève u lanqas il-Protokoll II. Meta jsiru dawn l-assunzjonijiet, jiena nistrieħ fuq l-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-Ministru u r-rechtbank ’s Gravenhage (qorti distrettwali, Den Haag) iddeċidew li l-kunflitt kien kunflitt armat mhux internazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Protokoll II. Barra minn hekk, dik hija l-pożizzjoni tal-Kunsill f’dawn il-proċeduri. |
|
56. |
It-tielet u r-raba’ domandi jikkonċernaw essenzjalment il-validità tar-Regolament Nru 610/2010. Jekk wieħed jassumi li r-risposta għat-tieni domanda (kif mogħtija fil-qosor fil-punt preċedenti) hija “le”, il-Kunsill ikkunsidra b’mod żbaljat l-attakki u l-ħtif li wettaq l-LTTE bejn l-2005 u l-2009 bħala “atti terroristiċi” li jiġġustifikaw id-dħul ta’ dak il-grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3)? Imma jekk, għall-kuntrarju, ir-risposta għad-domanda msemmija fil-punt preċedenti hija “iva”? Il-ħames domanda tqum biss jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 huwa invalidu. |
|
57. |
L-ewwel domanda hija b’mod ċar distinta mid-domandi l-oħra u għalhekk ser nindirizzaha separatament. Din tirrigwarda l-ammissibbiltà u għalhekk għandha tiġi eżaminata l-ewwel. |
Azzjoni diretta minn A, B, C u D għall-annullament tar-Regolament Nru 610/2010 kienet tkun, lil hinn minn kull dubju, ammissibbli (l-ewwel domanda)?
|
58. |
A, B, C u D ma għamlux azzjoni diretta skont l-Artikolu 263 TFUE biex jitolbu l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010. Minflok huma invokaw l-invalidità ta’ dak ir-regolament quddiem il-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk jistgħux jagħmlu hekk. Jekk ma jistgħux, ma hemmx bżonn li jiġu kkunsidrati d-domandi dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 ( 40 ). |
|
59. |
Ir-regola ġenerali taħt id-dritt tal-UE hija li, fi proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, kull parti għandha d-dritt li teċċepixxi l-illegalità tad-dispożizzjonijiet li hemm fl-atti tal-UE li jservu bħala l-bażi għal deċiżjoni jew att ta’ dritt nazzjonali li jkunu ntużaw kontrihom u biex jitolbu lill-qorti nazzjonali tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 41 ). Filwaqt li l-qrati nazzjonali jistgħu jikkonkludu li att tal-UE huwa validu, huma ma jistgħux jiddikjarawh invalidu ( 42 ). |
|
60. |
Madankollu, hemm eċċezzjoni għal dik ir-regola ġenerali. Fis-sentenza tagħha TWD, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta parti għandha dritt ċar taħt dak li issa huwa l-Artikolu 263 TFUE li tistitwixxi proċeduri biex tikkontesta miżura tal-UE direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea u tħalli t-terminu preskritt f’dak l-artikolu jiskadi, hija ma tistax wara tikkontesta “indirettament” il-validità ta’ dik il-miżura billi tqajjem dubji fuq il-legalità tagħha quddiem qorti nazzjonali biex b’hekk dik il-kwistjoni titressaq quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja bil-proċedura tat-talba għal deċiżjoni preliminari ( 43 ). Fis-sentenza Pringle, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk huwa lil hinn minn kull dubju li dik il-parti kien ikollha locus standi taħt l-Artikolu 263 TFUE, l-eċċezzjoni tapplika ( 44 ). Jiena ser nirreferi għal dan bħala “l-eċċezzjoni TWD”. Fejn tapplika u l-parti ma tkunx għamlet azzjoni diretta fil-perijodu preskritt, l-att tal-UE jsir definittiv kontra dik il-persuna. B’dak il-mod, atti li jipproduċu effetti legali ma jistgħux jitpoġġew f’dubju b’mod indefinit ( 45 ) u għalhekk iċ-ċertezza legali tkun żgurata ( 46 ). |
|
61. |
L-eċċezzjoni TWD ġiet stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Dak iż-żmien, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE kien jistabbilixxi meta l-individwi kellhom locus standi quddiem il-qrati tal-Unjoni. |
|
62. |
F’dak il-kuntest, id-deċiżjoni tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja E u F ( 47 ). Dak il-każ kien jirrigwarda żewġ individwi li kienu kkontestaw il-legalità tal-inklużjoni ta’ grupp (li tiegħu kienu allegatament membri) fil-lista tal-Artikolu 2(3). Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u eżaminat l-applikazzjoni possibbli tal-eċċezzjoni TWD u kkonkludiet li E u F ma kellhomx dritt inkontestabbli li jistitwixxu azzjoni diretta għaliex: (i) huma stess ma kinux fil-lista tal-Artikolu 2(3); (ii) id-deċiżjoni tar-rinviju ma stabbilixxietx li l-pożizzjoni tagħhom fi ħdan il-grupp kienet tagħtihom is-setgħa li jirrappreżentawh fil-Qorti Ġenerali; u (iii) huma ma kinux inkontestabbilment “direttament u individwalment ikkonċernati” bl-elenkar: l-inklużjoni tal-grupp f’dik il-lista kienet ta’ applikazzjoni ġenerali u serviet, flimkien mar-Regolament Nru 2580/2001, biex jiġi impost obbligu għall-konformità ma’ miżuri restrittivi speċifiċi fuq numru indeterminat ta’ persuni ( 48 ). |
|
63. |
Madankollu, għalkemm is-sentenza f’dak il-każ ingħatat f’Ġunju 2010, kienet tirrigwarda kwistjonijiet li nqalgħu qabel ma t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dak it-trattat, is-sentenza E u F tibqax tfisser li A, B, C u D jistgħu jinvokaw l-invalidità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 fil-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
64. |
Bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, individwu issa jista’ jistitwixxi proċeduri kontra (i) att indirizzat lilu (iktar ’il quddiem l-“ewwel parti”); (ii) att li jirrigwardah direttament u individwalment (iktar ’il quddiem it-“tieni parti”); u (iii) att regolatorju li jirrigwardah direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni (iktar ’il quddiem it-“tielet parti”). |
|
65. |
L-ewwel żewġ partijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jikkorrespondu għar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-kundizzjonijiet ta’ “interess dirett” u “interess individwali” f’dik id-dispożizzjoni jibqa’ jkollhom l-istess tifsira bħal qabel it-Trattat ta’ Lisbona ( 49 ). Għalhekk, il-kundizzjoni ta’ “interess dirett” tfisser li l-miżura kkontestata (i) għandha taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwu u (ii) ma għandha tħalli l-ebda diskrezzjoni lid-destinatarji tagħha, li huma fdati bil-kompitu li jimplementawha, billi dik l-implementazzjoni hija purament awtomatika u tirriżulta mir-regoli tal-UE mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħrajn ( 50 ). Il-kundizzjoni ta’ interess individwali hija ssodisfatta “biss jekk [l-att ikkontestat] [jaffettwa lir-rikorrenti] minħabba ċerti karatteristiċi li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddifferenzjahom minn kwalunkwe persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju” ( 51 ). |
|
66. |
Bit-twessigħ tal-aċċess għall-Qorti tal-Ġustizzja permezz taż-żieda tat-tielet parti ( 52 ), it-Trattat ta’ Lisbona ried jiggarantixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, billi ma għandhom l-ebda interess individwali (u minkejja li huma kkonċernati direttament mill-att inkwistjoni), ikunu jistgħu jiksbu stħarriġ ġudizzjarju ta’ att regolatorju biss, li għalih ma hemm bżonn ta’ ebda miżuri ta’ implementazzjoni, billi jinkisru d-dispożizzjonijiet tiegħu biex imbagħad jiġi eċċepit li dawk id-dispożizzjonijiet kienu illegali fi proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali ( 53 ). It-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandha għalhekk tiġi interpretata b’mod li tiżgura dan il-livell ogħla ta’ protezzjoni ġudizzjarja. Ma jistax ikun il-każ li l-individwi għandhom igawdu inqas protezzjoni minn dik li gawdew qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. |
|
67. |
Għalhekk, kif għandha l-eċċezzjoni TWD tiġi interpretata issa li l-aċċess għall-qrati tal-UE twessa’? |
|
68. |
Fis-sentenza Pringle l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-eċċezzjoni TWD baqgħet rilevanti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Hija rriferiet għal-locus standi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE mingħajr ma ddistingwixxiet bejn id-diversi bażijiet għal dak il-locus standi ( 54 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “ma jidhirx li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu, lil hinn minn kull dubju, locus standi sabiex jippreżenta rikors għal annullament [ta’ deċiżjoni li temenda t-Trattati] skont l-Artikolu 263 TFUE” ( 55 ). Fiċ-ċirkustanzi, dik kienet konklużjoni ovvja. |
|
69. |
Fil-fehma tiegħi, ma hemmx raġuni tajba biex l-eċċezzjoni TWD tiġi interpretata b’mod differenti fir-rigward tat-tielet parti mill-mod kif tapplika għall-ewwel u t-tieni partijiet, jew li wieħed jaħseb li ma għandhiex tapplika għat-tielet parti. |
|
70. |
L-eċċezzjoni TWD hija limitata ħafna fil-portata tagħha – jekk hemm xi dubju dwar l-ammissibbiltà, l-eċċezzjoni ma tapplikax. Jekk hemmx “dubju” f’xi każ partikolari hija kwistjoni li għandha tkun tista’ tiġi riżolta fil-prattika mingħajr kumplessità żejda, billi avukat li jirrappreżenta individwu għandu jkun jista’ jagħti parir lill-klijent tiegħu b’ċertezza dwar mil-liema triq għandha tgħaddi l-kontestazzjoni tiegħu. Huwa jkollu bżonn ukoll jirreaġixxi malajr billi jrid ikun konxju tat-terminu ta’ xahrejn biex jistitwixxi proċeduri skont l-Artikolu 263 TFUE. Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni tiddependi fuq l-istat tal-ġurisprudenza u l-pożizzjoni tal-individwu kkonċernat fil-mument meta jkollu bżonn jiddeċiedi jekk jibdiex azzjoni diretta. |
|
71. |
Jekk l-individwu kien iġġustifikat b’mod plawsibbli f’li jkollu dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ azzjoni diretta, l-eċċezzjoni TWD ma tapplikax — u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiffavorixxi l-awtorizzazzjoni tal-kontestazzjoni tal-validità permezz tal-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE. Dan jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif jeħtieġ l-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
72. |
Dik il-konklużjoni tagħmel sens ukoll f’termini ta’ ġestjoni tal-kawżi: ma huwiex fl-interess tal-ġudikatura tal-UE, bl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni TWD b’mod wiesa’ wisq, li jiġi inkoraġġut fluss ta’ azzjonijiet diretti kawtelatorji li l-Qorti Ġenerali jkollha bżonn tipproċessa u probabbilment tiddikjara debitament inammissibbli. Ikun aħjar li l-qrati nazzjonali jgħarblu u jwarrbu l-kontestazzjonijiet għall-validità li ma jidhrux konvinċenti prima facie. |
|
73. |
Bl-applikazzjoni ta’ dak ir-raġunament għall-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda jekk azzjoni magħmula minn A, B, C u D quddiem il-Qorti Ġenerali kinitx tkun ammissibbli “lil hinn minn kull dubju”. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, dak huwa t-test korrett li għandu jiġi applikat. Biex nesprimi l-punt mod ieħor, id-deċiżjoni ta’ A, B, C u D li jagħmlu l-kawża tagħhom fil-qorti nazzjonali minflok quddiem il-ġudikatura tal-UE tkun tidher li kienet iġġustifikata jew (i) jekk huwa ċar li ma kellhomx locus standi biex jibdew proċeduri fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE jew (ii) jekk kienu ġġustifikati li jkollhom dubju f’dak ir-rigward. |
|
74. |
Għalhekk, mhux talli ma kienx hemm dubju dwar A, B, C u D setgħux jikkontestaw ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 fuq il-bażi jew tal-ewwel jew tat-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, imma talli jidher ċar li l-Qorti Ġenerali kienet tiddikjara dik il-kawża bħala inammissibbli. L-ebda att tal-UE ma ġie indirizzat lill-A, B, C u D. Lanqas ma kienu mingħajr dubju “direttament u individwalment kkonċernati” bl-elenkar fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010. Jekk rikorrent ma jissodisfax kundizzjoni waħda jew l-oħra minn dawk iż-żewġ kundizzjonijiet, ma jkunx jista’ jikkontesta l-att ( 56 ). Ma hemm xejn fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 li jippermetti lil A, B, C u D li jiġu identifikati. Filwaqt li dak ir-regolament jista’ verament jikkonċerna persuni oħra individwalment ( 57 ), ma jidentifikax min hu membru ta’ jew bi kwalunkwe mod konness mal-gruppi u l-entitajiet elenkati fl-Anness tiegħu. Għalhekk, A, B, C u D ma kinux ikunu jistgħu juru li huma kienu kkonċernati “individwalment”. |
|
75. |
Fir-rigward tat-tielet parti, A, B, C u D kienu fil-fehma tiegħi ġġustifikati li jkollhom dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ kawża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 fuq il-bażi ta’ dik il-parti (“att regolatorju li jirrigward[hom] direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”). |
|
76. |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 huwa att regolatorju, jiġifieri att ta’ applikazzjoni ġenerali, li ma huwiex att leġiżlattiv ( 58 ) (li jfisser atti legali adottati bil-proċedura leġiżlattiva ( 59 )). Ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, li jipprovdi li l-listi tal-Artikolu 2(3) għandhom jiġu stabbiliti, riveduti u emendati mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità u skont l-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Dik il-proċedura ma kinitx proċedura leġiżlattiva. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 kien japplika wkoll parzjalment għal klassi indeterminabbli ta’ individwi u persuni ġuridiċi ( 60 ): bħala riżultat tal-elenkar tal-LTTE, kull persuna għandha tirrispetta l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(b) u 2(2) tar-Regolament Nru 2580/2001 ( 61 ). Għalhekk, anki jekk kien jirrigwarda individwalment l-LTTE, kien b’mod ċar att ta’ applikazzjoni ġenerali fir-rigward ta’ A, B, C u D ( 62 ). |
|
77. |
Għalhekk huwa ċar li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 kien jikkonċerna lill-A, B, C u D. Kien lil hinn minn kull dubju li kien jirrigwardahom direttament u li ma kien iġib miegħu l-ebda miżura ta’ implementazzjoni? |
|
78. |
Il-kunċett ta’ interess dirett għandu l-bażi teoretika tiegħu, tal-inqas parzjalment, fl-idea ta’ kawżalità. Għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn l-att li hemm ilment dwaru u t-telf jew ħsara allegati li jiġġustifikaw l-għoti ta’ rimedju ( 63 ). Ir-raġunijiet ta’ politika li hemm wara r-rekwiżit huma ċari: jekk tenħtieġ miżura addizzjonali sabiex jingħata effett sħiħ lill-att ilmentat, hija dik il-miżura li għandha tiġi kkontestata quddiem il-qrati u mhux l-att oriġinali. |
|
79. |
Fil-punt 65 iktar ’il fuq, jiena spjegajt it-test fil-forma li l-Qorti tal-Ġustizzja użat fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-interess dirett. Madankollu, ma hijiex l-unika varjanti li tinsab fil-ġurisprudenza. Fis-sentenza Les Verts, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura tissodisfa t-test meta l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu sett komplet ta’ regoli li kienu biżżejjed fihom innifishom u “ma [kienu jirrikjedu] l-ebda dispożizzjoni ta’ implementazzjoni” ( 64 ). Dik il-varjanti hija riprodotta f’forma essenzjalment simili fit-tielet parti. Għalkemm l-inkorporazzjoni tal-kelma “u” tista’ tgħid li hija tawtoloġika, l-intenzjoni tidher ċara. Sabiex jiġi stabbilit jekk miżura hijiex ta’ interess dirett għar-rikorrent fil-pożizzjoni ta’ A, B, C u D, hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk iġġibx magħha miżuri ta’ implementazzjoni ( 65 ). |
|
80. |
Il-qorti tar-rinviju tinnota li, fil-fehma tagħha, diffiċli tislet gwida preċiża mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-tifsira u l-applikazzjoni eżatta tal-kliem “miżuri ta’ implementazzjoni” fil-każ ineżami. Filwaqt li huwa veru li l-ġurisprudenza ma tiddefinixxix dik l-espressjoni fi kliem, minkejja dan jidhirli li hemm żewġ elementi fiha li jistgħu jservu ta’ ftit gwida. |
|
81. |
L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza T & L Sugars li — f’każ li jinvolvi miżuri nazzjonali meħtieġa sabiex jiġu implementati żewġ regolamenti ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni — in-natura preċiża ta’ dawk il-miżuri ma kellhomx effett fuq il-kwalità tagħhom ta’ “miżuri ta’ implementazzjoni”. Hija kompliet tosserva li dik il-konklużjoni ma tpoġġietx fid-dubju min-natura allegatament mekkanika tagħhom. It-test huwa pjuttost jekk il-miżuri tal-UE jipproduċux l-effetti legali tagħhom fil-konfront tar-rikorrent biss permezz tal-atti intermedjarji meħudin (f’dak il-każ) mill-awtoritajiet nazzjonali: jekk huwa hekk, dawk l-atti jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni fit-tifsira tat-tielet parti ( 66 ). |
|
82. |
It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Telefónica li, sabiex jiġi ddeterminat jekk att regolatorju jinvolvix dawk il-miżuri, il-kwistjoni għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-pożizzjoni tal-persuna kkonċernata. Huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ persuni oħra u għandu jsir riferiment esklużivament għas-suġġett tal-azzjoni ( 67 ). |
|
83. |
Għalhekk il-kwistjoni għandha tiġi ddeterminata billi tiġi kkunsidrata biss il-pożizzjoni ta’ A, B, C u D, fil-kuntest tas-suġġett tal-azzjoni tagħhom quddiem il-qorti nazzjonali, jiġifieri r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 u, invista tar-rabta manifesta bejn iż-żewġ regolamenti, ir-Regolament Nru 2580/2001. |
|
84. |
Meta dak li ntqal iktar ’il fuq jiġi applikat għas-sitwazzjoni ta’ A, B, C u D fil-kawża prinċipali, jista’ jingħad li A, B, C u D kienu “kkonċernati direttament” mir-Regolament Nru 2580/2001 flimkien mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010? B’mod ċar, ma ġewx affettwati speċifikament, billi isimhom ma jidhirx fil-lista tal-Artikolu 2(3) ( 68 ). Imma jista’ jiġi argumentat tal-inqas li kienu ġew affettwati fis-sens li l-effett li parti tiġi inkluża f’dik il-lista huwa li l-ebda persuna suġġetta għad-dritt tal-UE ma tista’ tiġbor, jew tagħmel disponibbli fondi għall-benefiċċju tagħhom. Konklużjoni bħal dik mhux neċessarjament tkun inkonsistenti mal-leġiżlazzjoni jew mal-ġurisprudenza. Fuq dik il-bażi, jista’ jiġi sostnut li huma kellhom jikkontestaw ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 direttament fil-Qorti Ġenerali taħt it-tielet parti tal-Artikolu 263 TFUE. Id-diffikultà li joħloq dan l-approċċ hija li (sa fejn huwa possibbli li wieħed jista’ jgħid mill-fatti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja) A, B, C u D ma kinux jafu li l-fondi tagħhom kienu ġew iffriżati fuq il-bażi tal-lista tal-Artikolu 2(3) sakemm ġew inklużi fl-ordnijiet ta’ tismija li għamel il-Ministru. Ma kien ġralhom xejn negattiv sa dak il-punt u għaldaqstant ma kien hemm xejn li setgħu jixtiequ jikkontestaw. Għalhekk, ma nistax ngħid li kienu intitolati “lil hinn minn kull dubju” li jistitwixxu proċeduri fil-Qorti Ġenerali fuq din il-bażi. |
|
85. |
Alternattivament, hemm – kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju – argument li, billi l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2580/2001 jeħtieġ li l-Istati Membri jiddeterminaw is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti meta d-dispożizzjonijiet tar-regolament jinkisru, dan ifisser li l-miżuri ta’ implementazzjoni huma tassew meħtieġa? Jekk dak huwa l-każ, is-sitwazzjoni tkun ċara: A, B, C u D ma jistgħux ikunu meħtieġa li jistitwixxu proċeduri fil-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, jidher li ma jkollhom l-ebda locus standi fuq l-ebda bażi biex jagħmlu hekk. Dan l-argument kieku jirrifletti t-test tal-leġiżlazzjoni imma, tista’ tgħid għall-inqas, mhux il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 iktar ’il fuq, li tissuġġerixxi li huwa neċessarju li jitqiesu ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u mhux iċ-ċirkustanzi ġenerali ta’ madwaru. Hawnhekk, ma hijiex kwistjoni ta’ sanzjonijiet li A, B, C u D għandhom jikkontestaw fl-azzjoni tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali. Pjuttost hija l-inklużjoni tagħhom f’deċiżjoni adottata bis-saħħa tas-Sanctieregeling 2007. Għal darba oħra, ma nistax ngħid li din il-kwistjoni hija lil hinn minn kull dubju. |
|
86. |
Mela x’inhi l-pożizzjoni fir-rigward tas-Sanctieregeling 2007 nnifsu? Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-Artikolu 2 tas-Sanctieregeling 2007 kien ġie ppromulgat sabiex jagħti effett lir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) u ma jagħmel l-ebda riferiment għar-Regolament Nru 2580/2001, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jew kull att li jpoġġi persuni jew gruppi fil-lista tal-Artikolu 2(3). Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi wkoll li l-Ministru bbaża l-ordnijiet ta’ tismija tiegħu fuq il-premessa li l-LTTE huwa grupp terroristiku għaliex huwa inkluż fil-lista tal-Artikolu 2(3) u fuq il-fatt li kienu nbdew proċeduri kriminali kontra A, B, C u D għar-raġuni, inter alia, tal-allegat ksur minnhom tal-Artikoli 2(1), 2(2) u 3 tar-Regolament Nru 2580/2001 ( 69 ). Fuq dik il-bażi jista’ jingħad li s-Sanctieregeling 2007, u l-ordnijiet magħmula taħtu, jirrappreżentaw miżura ta’ implementazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 263 TFUE? Meta nħares lejn l-affarijiet b’mod newtrali, jidhirli li, għal darba oħra, il-pożizzjoni ma hijex ċara u għalhekk, ma hijiex lil hinn minn kull dubju. |
|
87. |
Ħafna mill-istudju tad-dritt u ħafna mill-applikazzjoni tiegħu jirrigwardaw iċ-ċertezza. Dak huwa l-għan li d-dritt irid jilħaq, billi dawk li huma suġġetti għalih għandhom ikunu ċari x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Imma bl-użu tal-espressjoni “lil hinn minn kull dubju” fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ir-realtà li dak l-ideal jista’, kultant, ma jintlaħaqx. L-eċċezzjoni TWD tapplika, fl-interessi taċ-ċertezza legali, preċiżament (u esklużivament) f’sitwazzjonijiet fejn ma hemm l-ebda dubju dwar jekk kawża magħmula fil-Qorti Ġenerali minn din il-parti privata partikolari kinitx tkun ammissibbli. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Isegwi li l-eċċezzjoni TWD ma tapplikax. |
|
88. |
Għaldaqstant nikkonkludi, b’risposta għall-ewwel domanda, li azzjoni diretta minn A, B, C u D li tikkontesta l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010, sa fejn dak ir-regolament jikkonċerna l-LTTE, ma kinitx tkun ammissibbli lil hinn minn kull dubju. Isegwi li A, B, C u D kienu ġġustifikati li jqajmu l-invalidità ta’ dak ir-regolament quddiem il-qorti nazzjonali u jitolbu li t-talba għal deċiżjoni preliminari ssir bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE. |
Interpretazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 (it-tieni sal-ħames domandi)
Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931
|
89. |
Tqum l-ewwel nett id-domanda jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex kompetenza biex tinterpreta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li hija att PESK. Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, jeskludi l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, bl-eċċezzjoni tal-kompetenza tagħha biex tissorvelja l-konformità mal-Artikolu 40 TUE ( 70 ) u sabiex tikkontrolla l-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE. L-Artikolu 275 TFUE jgħid, b’mod partikolari li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza “sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 [TFUE] dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea” bħall-miżuri PESK li kklassifikaw lil-LTTE bħala grupp jew organizzazzjoni terroristika ( 71 ). |
|
90. |
Dak ma jkoprix prima facie l-interpretazzjoni jew l-istħarriġ tal-legalità ta’ dawk l-atti f’deċiżjoni preliminari. Madankollu, jiena nikkondividi l-pożizzjoni li ħa l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet reċenti tiegħu fil-kawża Rosneft li, fis-sistema kompleta ta’ rimedji legali u proċeduri ddisinjati biex jiġi żgurat l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti Ewropej, l-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) jinkludi mhux biss azzjonijiet għal annullament imma anki l-proċedura tad-deċiżjoni preliminari ( 72 ). L-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, li huwa bbażat fuq l-istat tad-dritt ( 73 ), għandu jiżgura, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE, aċċess għal rimedju effettiv li issa huwa ggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Deċiżjonijiet preliminari f’kawżi li jinvolvu l-validità għandhom rwol kruċjali f’dan ir-rigward għal persuni li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jistgħu jsofru konsegwenzi dannużi tal-miżuri PESK li ma humiex indirizzati lilhom direttament u li għalhekk bħala prinċipju ma humiex intitolati li jitolbu l-annullament ta’ dawk il-miżuri fil-qrati tal-UE fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Barra minn hekk, kif isostni l-Avukat Ġenerali Wathelet, is-setgħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ il-legalità ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati fuq il-bażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE, fil-kuntest ta’ deċiżjoni preliminari, jinvolvi wkoll, neċessarjament, is-setgħa ta’ interpretazzjoni ta’ dawn l-atti ( 74 ). |
|
91. |
Fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri, l-LTTE ma kienx ikkunsidrat bħala grupp jew organizzazzjoni terroristika taħt il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 sakemm il-Pożizzjoni Komuni 2006/380 daħlet fis-seħħ. Madankollu, il-Pożizzjoni Komuni 2006/380 sempliċement aġġornat il-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi taħt il-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Għalhekk, jiena nqis il-Pożizzjoni Komuni 2001/93, kif emendata mill-Pożizzjoni Komuni 2006/380, bħala deċiżjoni li tipprovdi “miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-[TUE]”, fit-tifsira tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza biex twieġeb it-tieni domanda sa fejn titlob interpretazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 flimkien mar-Regolament Nru 2580/2001. |
Il-kunċett ta’ “att terroristiku” fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001
|
92. |
Il-kunċett ta’ “att terroristiku” fl-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 għandu jiġi interpretat wara li jitqiesu l-kliem, l-għanijiet u l-kuntest ta’ dawk id-dispożizzjonijiet; l-oriġini ta’ dik l-espressjoni jistgħu jipprovdu wkoll informazzjoni rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 75 ). |
|
93. |
L-LTTE ġie inkluż fil-lista tal-Artikolu 2(3) fuq il-bażi li wettaq atti li huma ddefiniti bħala “atti terroristiċi” fir-Regolament Nru 2580/2001, li huwa stess jirreferi għad-definizzjoni li hemm fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ( 76 ). Ma hemm xejn fil-kliem taż-żewġ miżuri tal-UE li jissuġġerixxi li dak il-kunċett jista’ ma jkoprix azzjonijiet imwettqa matul kunflitt armat u li huma rregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali. |
|
94. |
L-għanijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001 lanqas ma jappoġġjaw interpretazzjoni bħal dik. Dawn il-miżuri essenzjalment għandhom għan preventiv: għandhom l-iskop li jiġġieldu t-terroriżmu billi jaqtgħuh mir-riżorsi finanzjarji tiegħu permezz tal-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni jew entitajiet issuspettati bl-involviment f’attivitajiet terroristiċi jew attivitajiet marbutin mat-terroriżmu ( 77 ). Il-protezzjoni ta’ dawk l-għanijiet hija importanti meta l-atti jitwettqu matul il-kunflitti armati daqs kemm meta jsiru f’ċirkustanzi oħrajn. |
|
95. |
Qari tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001 għalihom innifishom jissuġġerixxi għalhekk li hija xierqa interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett “atti terroristiċi”. Interpretazzjoni bħal dik trid tiġi kkwalifikata wara li jitqies il-kuntest tal-leġiżlazzjoni u tad-dritt internazzjonali li fih għandhom jiġu interpretati? |
Id-Deċiżjoni qafas 2002/475
|
96. |
Il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda speċifika [fil-punt (a) tat-tieni domanda] jekk il-premessa 11 tad-Deċiżjoni qafas 2002/475 hijiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att terroristiku” fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001. Il-fatt li dik il-premessa tgħid li huma esklużi atti tal-forzi armati matul il-kunflitti armati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni qafas ( 78 ) għandu konsegwenzi fuq il-portata ta’ dik il-pożizzjoni komuni u r-regolament? |
|
97. |
Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba hija “le”. |
|
98. |
Id-Deċiżjoni qafas 2002/475 tarmonizza l-liġijiet kriminali tal-Istati Membri u għandha l-għan tal-approssimazzjoni tad-definizzjoni ta’ “reati terroristiċi” fl-Istati Membri ( 79 ). Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-għanijiet tagħha huma b’hekk differenti minn dawk tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001, li huma kkonċernati b’miżuri preventivi kontra t-terroriżmu u ma humiex intiżi biex jakkumpanjaw jew jappoġġjaw proċeduri tad-dritt kriminali nazzjonali ( 80 ). Il-kliem tal-premessa 11 (speċjalment il-frażi “ma humiex regolati minn din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]”) innifsu jagħmilha ċara li, kif tissottometti l-Kummissjoni, l-uniku skop ta’ dik il-premessa huwa li jiġi ċċarat li d-Deċiżjoni qafas 2002/475 ma tirregolax l-“azzjonijiet” ta’ forzi armati matul perijodu ta’ kunflitt armat. Għalhekk, il-premessa 11 tad-Deċiżjoni qafas 2002/475 ma tipprovdi l-ebda linja gwida dwar it-tifsir ta’ “att terroristiku” fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u fir-Regolament Nru 2580/2001 ( 81 ). Fi kwalunkwe każ, dik il-pożizzjoni hija konsistenti ma’ ġurisprudenza stabbilita li tgħid li premessa fil-preambolu ta’ att tal-UE ma għandha l-ebda forza legali vinkolanti u għalhekk ma tistax tintuża biex issir deroga mid-dispożizzjonijiet attwali ta’ dak l-att jew biex jiġu interpretati b’mod ċar kuntrarju għal kliemhom ( 82 ). Il-premessa 11 ma tirriferixxi speċifikament għall-ebda dispożizzjoni fil-parti dispożittiva tad-Deċiżjoni qafas 2002/475 u għalhekk taħt l-ebda ċirkustanza ma għandha impatt fuq kif jiġu interpretati atti oħra tal-UE. |
Interpretazzjoni f’konformità mad-dritt internazzjonali
|
99. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, xorta għadu neċessarju li jiġi kkunsidrat l-Artikolu 3(5) TUE, li jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta u l-iżvilupp tad-dritt internazzjonali. Għaldaqstant, meta tadotta att, hija marbuta li tosserva d-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ( 83 ). |
|
100. |
Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha, kemm jista’ jkun possibbli, tiġi interpretata b’mod li huwa konsistenti mad-dritt internazzjonali ( 84 ). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dan ir-rekwiżit l-iktar għal ftehimiet li jorbtu formalment lill-Unjoni ( 85 ), ir-rekwiżit għandu portata iktar wiesgħa. Fis-sentenza Poulsen u Diva Navigation, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “li l-[Unjoni Ewropea] għandha tirrispetta d-dritt internazzjonali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha u li, għaldaqstant, [id-dispożizzjoni tad-dritt tal-UE li kellha tinterpreta f’dak il-każ] għandha tiġi interpretata, u l-portata tagħha limitata, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali [konswetudinarju] tal-baħar” ( 86 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet pass ulterjuri fil-kawża Intertanko ( 87 ). Hija ddeċidiet li l-fatt li ftehim internazzjonali jorbot lill-Istati Membri kollha imma mhux lill-UE jista’ jkollu “konsegwenzi għall-interpretazzjoni, […] tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju” anki jekk il-ftehim ma jikkodifikax regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, u li hija obbligata li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju “billi tieħu inkunsiderazzjoni” il-ftehim inkwistjoni ( 88 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat dak permezz tal-“prinċipju konswetudinarju tal-bona fides” u l-prinċipju ta’ koperazzjoni leali f’dak li issa huwa l-Artikolu 4(3) TUE. L-għan huwa sabiex jiġi evitat, kemm jista’ jkun, li d-dritt tal-UE jiġi interpretat b’mod li jkun impossibbli għall-Istati Membri li jissodisfaw l-impenji tad-dritt internazzjonali tagħhom. |
|
101. |
Għalhekk huwa meħtieġ li l-ewwel jiġi eżaminat jekk il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 jistgħux jiġu interpretati b’mod konsistenti mar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali. Jekk it-tweġiba hija “iva”, ma hemmx bżonn li jiġi aċċertat jekk dawk ir-regoli humiex fost dawk li fid-dawl tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ il-legalità tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE ( 89 ). |
|
102. |
Għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ir-regoli tad-dritt umanitarju internazzjonali u, min-naħa l-oħra, ir-regoli tad-dritt internazzjonali fuq il-kontroterroriżmu jew it-teħid ta’ ostaġġi. F’dawn il-konklużjonijiet ser neżamina biss dawk is-sorsi tad-dritt internazzjonali li għalihom sar riferiment jew fid-deċiżjoni tar-rinviju jew fis-sottomissjonijiet tal-partijiet. |
– Id-dritt umanitarju internazzjonali
|
103. |
L-ewwel nett, fir-rigward tad-dritt umanitarju internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija intitolata tassumi li l-Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-Protokolli tagħhom huma rilevanti billi l-LTTE u l-Gvern ta’ Sri Lanka kienu qed jiġġieldu f’kunflitt armat fiż-żmien tal-fatti. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha huma partijiet f’dawn il-konvenzjonijiet u l-protokolli ( 90 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha dmir li teħodhom inkunsiderazzjoni meta tinterpreta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001, irrispettivament minn jekk dawk il-konvenzjonijiet u protokolli jikkodifikawx regoli konswetudinarji tad-dritt internazzjonali ( 91 ). |
|
104. |
Jiena ma naċċettax is-sottomissjoni li għamlu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali li, peress li l-LTTE kien forza armata mhux tal-Istat involuta f’kunflitt armat mhux internazzjonali fi Sri Lanka, id-dritt umanitarju internazzjonali kien jipprekludi li l-attakki u l-ħtif li wettaq bejn l-2005 u l-2009 jitqiesu bħala “atti terroristiċi”. L-ewwel nett, l-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève, li speċifikament jirregola kunflitti mhux internazzjonali, jipprojbixxi vjolenza lill-ħajja u lill-persuna fi kwalunkwe żmien u fi kwalunkwe post li jkun, b’mod partikolari l-qtil ta’ kull tip, u t-teħid ta’ ostaġġi meta mwettqa kontra “persuni li ma jieħdux parti attiva fl-ostilitajiet, inklużi membri tal-forzi armati li ċedew l-armi u dawk li huma hors de combat minħabba mard, ġrieħi, detenzjoni, jew kwalunkwe kawża oħra” ( 92 ). Għalkemm impliċitament, dik id-dispożizzjoni tipprojbixxi atti ta’ terroriżmu li jistgħu jipproduċu tali konsegwenzi ( 93 ). |
|
105. |
L-Artikolu 4(2)(d) tal-Protokoll II huwa iktar espliċitu meta jgħid li l-parteċipanti f’kunflitt armat mhux internazzjonali ma jistgħux fi kwalunkwe żmien u fi kwalunkwe post li jkun iwettqu atti ta’ terroriżmu kontra persuni li ma jiħdux sehem dirett jew li waqfu milli jieħdu sehem fl-ostilitajiet ( 94 ). Lanqas ma jistgħu, skont l-Artikolu 13(2) tal-Protokoll II, iwettqu atti jew theddid ta’ vjolenza li l-għan tagħhom huwa li jxerrdu t-terrur fost il-popolazzjoni ċivili. |
|
106. |
Il-Protokoll I japplika primarjament għall-kunflitti armati internazzjonali ( 95 ) u għalhekk ma jidhirx li huwa rilevanti direttament fil-proċeduri ineżami. Anki jekk dak il-protokoll japplika għall-kunflitt bejn il-Gvern ta’ Sri Lanka u l-LTTE ( 96 ), madankollu, il-konklużjoni ma tkunx differenti billi l-Protokoll I jipprojbixxi wkoll “atti jew theddid ta’ vjolenza li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jixxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili” ( 97 ). Id-dritt umanitarju internazzjonali għalhekk “jipprojbixxi atti ta’ terrur f’kunflitt armat kemm internazzjonali kif ukoll mhux internazzjonali, irrispettivament minn jekk humiex imwettqa minn partijiet tal-Istat jew partijiet li ma humiex tal-Istat” ( 98 ). |
|
107. |
X’inhi l-pożizzjoni fir-rigward ta’ azzjonijiet diretti kontra persuni li jieħdu sehem attiv f’kunflitt armat jew kontra oġġettivi militari u li ma jxerrdux terrur fost il-popolazzjoni ċivili? Il-kombattenti f’kunflitt armat internazzjonali għandhom id-dritt li jipparteċipaw direttament f’ostilitajiet u għalhekk igawdu minn immunità fir-rigward tal-azzjonijiet tagħhom bħala kombattenti sakemm jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali. B’kuntrast, il-parteċipanti f’kunflitt armat mhux internazzjonali ma jgawdux minn immunità anki meta l-azzjonijiet tagħhom huma f’konformità mal-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-Artikoli 4(2)(d) u 13(2) tal-Protokoll II ( 99 ). Għalhekk, pereżempju, suldat ta’ forza armata mhux tal-Istat li, mingħajr ma jikser id-dritt umanitarju internazzjonali, ikun qatel għadu kombattent li jkun tal-forzi governattivi f’kunflitt mhux internazzjonali jista’ jiġi pproċessat għall-qtil volontarju. Dak jirriżulta mill-prinċipji ta’ sovranità u nuqqas ta’ indħil f’affarijiet domestiċi ( 100 ). Għaldaqstant, il-parteċipanti f’kunflitt mhux internazzjonali ma jaħarbux minn miżuri ripressivi jew preventivi li Stat jista’ jsib li huma xierqa fiċ-ċirkustanzi ( 101 ), iżda dan għandu jkollu ġurisdizzjoni biex jimponi dawk il-miżuri u għandu jirrispetta l-konvenzjonijiet ta’ kontra t-terroriżmu applikabbli u regoli oħra tad-dritt internazzjonali li jorbtuh ( 102 ). |
|
108. |
Ġie propost l-argument li jekk azzjonijiet ta’ parteċipanti f’kunflitt armat mhux internazzjonali jiġu kkaratterizzati bħala “terroristiċi” jista’ jnaqqsilhom l-inċentiv li jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali, fuq il-bażi li dawk il-parteċipanti ma tantx ikollhom għalfejn jikkonformaw (b’mod partikolari) mal-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-Artikoli 4(2)(d) u 13(2) tal-Protokoll II jekk dik il-konformità ma tiġix fl-aħħar mill-aħħar ippremjata f’termini ta’ responsabbiltà kriminali ( 103 ). |
|
109. |
Huwa veru li l-protezzjoni offruta mill-Artikolu 6(5) tal-Protokoll II hija relattivament dgħajfa: dik id-dispożizzjoni hija abbozzata f’termini purament programmatiċi ( 104 ) (“[…] jippruvaw jagħtu l-amnestija l-iktar wiesgħa possibbli […]”) u għalhekk ma toffri l-ebda premju paragunabbli mal-immunità tal-“kombattent” għal dawk li jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali matul l-ostilitajiet ( 105 ). Il-fatt li d-dritt umanitarju internazzjonali ma jimponix immunità jista’ jimmina l-effettività ta’ dak id-dritt u jżid l-ispejjeż tal-infurzar tiegħu. Iżda, dan l-istat tad-dritt internazzjonali li (allegatament) ma huwiex l-aħjar, fih innifsu mhux kapaċi jibdel id-dritt umanitarju internazzjonali kif inhu llum ( 106 ). |
|
110. |
Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jassumi li l-kunċett ta’ “att terroristiku” għandu tifsira idjaq fil-kuntest ta’ kunflitt armat mhux internazzjonali milli jkollu fi żmien ta’ paċi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali la pprovaw u lanqas biss argumentaw li l-attakki u l-ħtif li ffurmaw il-bażi tal-inklużjoni tal-LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3) ma kinux jikkostitwixxu, la għal kollox u lanqas parzjalment, ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali. B’mod partikolari, ma kien hemm l-ebda suġġeriment li l-ebda azzjoni minn dawn ma kienet diretta kontra pajżana jew persuni oħrajn li ma kinux qed jieħdu sehem attiv fl-ostilitajiet bejn l-LTTE u l-Gvern ta’ Sri Lanka. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minflok jissottomettu li, billi l-LTTE kien involut f’kunflitt armat mhux internazzjonali fit-tifsira tad-dritt umanitarju internazzjonali, l-attivitajiet tiegħu fl-ebda ċirkustanza ma setgħu jitqiesu bħala “terroristiċi” ( 107 ). Għar-raġunijiet li spjegajt, dik is-sottomissjoni ma għandhiex tintlaqa’. |
– Id-dritt internazzjonali fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-teħid ta’ ostaġġi
|
111. |
Fir-rigward tad-dritt internazzjonali li jirregola l-ġlieda kontra t-terroriżmu, jiena ninnota l-ewwel nett li l-Konvenzjoni dwar it-Trażżin ta’ Atti ta’ Terroriżmu Nukleari, imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma għandhiex rabta apparenti mal-kawża prinċipali. Għalhekk, mhux ser nikkunsidraha f’dan li ġej. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tal-KtE ma torbotx lill-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, mhux l-Istati Membri kollha tagħha rrattifikawha. Għalhekk, dik il-konvenzjoni ma tifformax parti mir-regoli internazzjonali li għandhom jiggwidaw lill-Qorti tal-Ġustizzja meta tinterpreta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001. |
|
112. |
Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 jagħtu effett lir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) ( 108 ). Għalkemm l-Unjoni Ewropea nnifisha ma hijiex membru tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Unjoni Ewropea “fil-fatt għandha tagħti importanza partikolari għall-fatt li, skont l-Artikolu 24 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà, ta’ riżoluzzjonijiet taħt il-Kapitolu VII ta’ din il-Karta tikkostitwixxi l-eżerċizzju tar-responsabbiltà prinċipali li biha dan il-korp internazzjonali huwa investit sabiex iżomm, fuq il-livell dinji, il-paċi u s-sigurtà, responsabbiltà li, fil-kuntest tal-imsemmi Kapitolu VII, tinkludi s-setgħa li jiġi determinat dak li jikkostitwixxi theddida kontra l-paċi u s-sigurtà internazzjonali kif ukoll li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex dawn jinżammu jew jerġgħu jiġu stabbiliti” ( 109 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, kemm jista’ jkun possibbli, tinterpreta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 skont ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001). Madankollu, dik ir-riżoluzzjoni la tiddefinixxi “att terroristiku” u lanqas ma tillimita l-portata tiegħu fid-dawl tad-dritt umanitarju internazzjonali. |
|
113. |
Il-Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi torbot lill-Istati Membri kollha. Meta jiġu kkunsidrati l-elementi li ġiegħlu lill-Kunsill idaħħal l-LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3), li tirreferi għall-“attakki” mil-LTTE ( 110 ), dik il-Konvenzjoni tista’ tkun rilevanti wkoll għall-kawża prinċipali. Il-Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi għandha għalhekk tiġi kkunsidrata għall-interpretazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 ( 111 ). |
|
114. |
Il-Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha “attivitajiet tal-forzi armati matul kunflitt armat”, li huma rregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali ( 112 ). Madankollu, dak ma jfissirx li dawk l-atti jistgħu ma jikkwalifikawx bħala “atti terroristiċi” fit-tifsir tad-dritt umanitarju internazzjonali. Nissaħħaħ f’dik il-konklużjoni bl-aħħar premessa tal-Konvenzjoni dwar Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi, li tagħmilha ċara li “l-esklużjoni ta’ ċerti azzjonijiet mill-kopertura [tal-konvenzjoni] għalhekk ma tiskużax jew tillegalizza atti altrimenti illegali, jew tipprekludi l-prosekuzzjoni taħt liġijiet oħra […]”. Dik il-premessa tikkonferma dak li l-Kunsill juri b’mod korrett bħala n-natura kumplimentari tar-regoli tad-dritt umanitarju internazzjonali eżaminat iktar ’il fuq ma’ ċerti regoli internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. |
|
115. |
Raġunament simili japplika għall-Konvenzjoni dwar l-Ostaġġi, li hija rilevanti wkoll f’dawn il-proċeduri ( 113 ). Għalkemm din il-konvenzjoni ma torbotx formalment lill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri kollha huma parti fiha. L-iskop tal-Artikolu 12 tagħha huwa sempliċement li jiġi kkjarifikat il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Konvenzjoni dwar l-Ostaġġi. Għalhekk, dik id-dispożizzjoni ma għandha l-ebda impatt fuq il-prevenzjoni u r-ripressjoni tat-teħid ta’ ostaġġi li jkun hemm fil-kunflitti armati u għalhekk huma rregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali ( 114 ). Għal darba oħra, dawn id-diversi settijiet ta’ regoli internazzjonali jidhru li huma kumplimentari. |
|
116. |
Barra minn dan, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-azzjoni tal-Istati Membri bis-saħħa tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 fil-prinċipju taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu. Dawk l-atti tal-UE fil-fatt iridu jiġġieldu kontra t-terroriżmu internazzjonali permezz ta’ miżuri finanzjarji speċifiċi immirati lejn persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi. Il-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu torbot ukoll lill-Istati Membri kollha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001, kemm jista’ jkun possibbli, b’mod li ma jpoġġix f’riskju l-Istati Membri kollha bi ksur tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dik il-konvenzjoni. |
|
117. |
Madankollu, xejn fil-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu ma jipprekludi azzjonijiet mill-forzi armati mhux tal-Istat f’kunflitti mhux internazzjonali milli jitqiesu bħala “atti terroristiċi”. |
|
118. |
L-ewwel nett, kif qalet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill ( 115 ), l-Artikolu 2(1)(b) tal-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu jipprevedi espressament il-possibbilta għal “atti terroristiċi” fit-tifsira ta’ dik il-konvenzjoni milli jitwettqu fil-kuntest ta’ kunflitt armat, iżda għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: (i) l-att għandu jkun intiż li jikkawża l-mewt jew offiża gravi fuq persuna u (ii) l-iskop tal-att, min-natura jew il-kuntest tiegħu, għandu jkun biex jintimida popolazzjoni, jew biex gvern jew organizzazzjoni internazzjonali jiġu mġegħlin jagħmlu jew jastjenu milli jagħmlu xi att. Għaldaqstant, meta jiġu rregolati l-atti terroristiċi bis-saħħa tal-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu, il-partijiet tal-Istat (jew anki l-Unjoni Ewropea) jistgħu jinkludu, fid-definizzjoni ta’ “atti terroristiċi”, atti mwettqin matul kunflitt armat. |
|
119. |
It-tieni nett u fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 21 jagħmilha ċara li l-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu ma taffettwax l-obbligi li jorbtu lill-individwi bħala riżultat tad-dritt umanitarju internazzjonali. Dawk l-obbligi jinkludu l-projbizzjoni assoluta fuq kull att msemmi fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève u fl-Artikoli 4(2)(d) u 13(2) tal-Protokoll II. |
|
120. |
Meta l-kunċett ta’ “att terroristiku” fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 jiġi interpretat bħala li jkopri azzjonijiet imwettqa minn forzi armati mhux tal-Istat f’kunflitt mhux internazzjonali jkun għalhekk mhux iktar inkonsistenti mal-atti tad-dritt internazzjonali fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-teħid tal-ostaġġi eżaminati iktar ’il fuq milli jkun mar-regoli rilevanti tad-dritt umanitarju internazzjonali. |
|
121. |
Għalhekk nikkonkludi, b’risposta għall-punt (b) fit-tieni domanda, li azzjonijiet mill-forzi armati matul kunflitt armat mhux internazzjonali, irregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu “atti terroristiċi” fit-tifsira tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001, interpretati fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-teħid tal-ostaġġi. |
|
122. |
Wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ( 116 ), jiena nikkunsidra, b’risposta għat-tielet u r-raba’ domandi, li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma żvelat l-ebda fattur tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 610/2010 għal dak li jirrigwarda l-LTTE. F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma hemmx bżonn li tiġi kkunsidrata l-ħames domanda. |
Konklużjoni
|
123. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi preliminari mressqa mir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 23.
( 3 ) Geneva Convention for the Amelioration of the Condition of the Wounded and Sick in Armed Forces in the Field (Konvenzjoni ta’ Genève għat-Titjib tal-Kundizzjoni tal-Midruba u l-Morda fil-Forzi Armati fil-Kamp), tat-12 ta’ Awwissu 1949, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 31 (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Konvenzjoni ta’ Genève”); Geneva Convention for the Amelioration of the Condition of Wounded, Sick and Shipwrecked Members of Armed Forces at Sea (Konvenzjoni ta’ Genève għat-Titjib tal-Kundizzjoni tal-Midruba, il-Morda u l-Membri Nawfragi tal-Forzi Armati fuq il-Baħar), tat-12 ta’ Awwissu 1949, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 85 (iktar ’il quddiem it-“Tieni Konvenzjoni ta’ Genève”); Geneva Convention Relative to the Treatment of Prisoners of War (Konvenzjoni ta’ Genève dwar it-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra), tat-12 ta’ Awwissu 1949, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 135 (iktar ’il quddiem it-“Tielet Konvenzjoni ta’ Genève”); u Geneva Convention Relative to the Protection of Civilian Persons in Time of War (Konvenzjoni ta’ Genève dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Ċivili fiż-Żmien ta’ Gwerra) tat-12 ta’ Awwissu 1949, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 75, p. 287 (iktar ’il quddiem ir-“Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève”).
( 4 ) Protocol Additional to the Geneva Conventions of 12 August 1949, and Relating to the Protection of Victims of International Armed Conflicts (Protocol I) [Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, u dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi tal-Kunflitti Armati Internazzjonali (Protokoll I)], tat-8 ta’ Ġunju 1977, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1125, p. 3 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll I”); u l-Protocol Additional to the Geneva Conventions of 12 August 1949, and Relating to the Protection of Victims of Non-International Armed Conflicts (Protocol II) (Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, u dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Kunflitti Armati Mhux Internazzjonali), tat-8 ta’ Ġunju 1977, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1125, p. 609 (iktar ’il quddiem il-“Protocol II”); u Protocol Additional to the Geneva Conventions of 12 August 1949, and Relating to the Adoption of an Additional Distinctive Emblem (Protocol III) (Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, u dwar l-Adozzjoni ta’ Emblema Distintiva Addizzjonali (iktar ’il quddiem il-“Protokoll III”], tat-8 ta’ Diċembru 2005, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 2404, p. 261.
( 5 ) Ara, pereżempju, Il-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“QIĠ”), Military and Paramilitary Activities in and against Nicaragua (Attivitajiet Militari u Paramilitari fi u kontra n-Nikaragwa) (In-Nikaragwa vs L-Istati Uniti), Merti, Sentenza, QIĠ Ġabra 1986, p. 14, punti 218 u 219; Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), Updated Commentary on the First Geneva Convention (Kummentarju Aġġornat dwar l-Ewwel Konvenzjoni ta’ Genève) (2016), disponibbli fi https://www.icrc.org (iktar ’il quddiem il-“Kummentarju ICRC tal-2016”), Artikolu 3 komuni, punt 155; u l-QIĠ, Legality of the Threat of Use of Nuclear Weapons (Il-Legalità tat-Theddida tal-Użu ta’ Armi Nukleari), Opinjoni Konsultattiva, QIĠ Ġabra 1996, p. 226 (iktar ’il quddiem l-“QIĠ, Armi Nukleari”), punti 78 u 79.
( 6 ) Il-QIĠ iddeċidiet li r-regoli fil-Protokoll I, meta adottati, sempliċement esprimew id-dritt konswetudinarju li kien jeżisti qabel: QIĠ, Armi Nukleari, punt 84.
( 7 ) Artikolu 4(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4(2)(ċ) u (d) tal-Protokoll II.
( 8 ) Artikolu 6(5) tal-Protokoll II.
( 9 ) Ara t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex‑Jugoslavja, Awla tal-Appell, Il-Prosekutur vs Stanislav Galić, sentenza, IT-98/29-A (30 ta’ Novembru 2006), punti 86, 90 u 98 [kien hemm l-istess konklużjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 51(2) tal-Protokoll I]; Qorti Speċjali għal Sierra Leone, Awla tal-Prim’Istanza II, Il-Prosekutur vs Brima et, sentenza, SCSL-04-16-T (20 ta’ Ġunju 2007), punti 662 sa 666. Ara wkoll Kummentarji ICRC 2016 (Kummentarju ICRC), Artikolu 3 komuni, punt 525.
( 10 ) S/RES/1373 (2001).
( 11 ) Ara l-punt 20 iktar ’l isfel.
( 12 ) Qed isiru tentattivi biex jiġi nnegozjat Abbozz ta’ Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali fil-Kumitat Ad Hoc stabbilit mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 51/210 tas-17 ta’ Diċembru 1996. Madankollu, l-affarijiet qed jimxu bil-mod, parti mir-raġuni minħabba d-diffikultà li jintlaħaq ftehim fuq id-definizzjoni ta’ terroriżmu u jekk għandhiex tkopri attivitajiet ta’ forzi armati matul kunflitt bl-armi li huma rregolati mid-dritt umanitarju internazzjonali u tal-movimenti ta’ liberazzjoni nazzjonali. Ara b’mod partikolari s-Sitt Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tal-NU, Minuti fil-qosor tal-laqgħat tiegħu fis-sebgħin sessjoni tiegħu, A/C.6/70/SR.1, 2, 3, 4, 5, 27 u 29.
( 13 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti., Vol. 2149, p. 256.
( 14 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti., Vol. 2178, p. 197.
( 15 ) Dik il-lista tinkludi, inter alia, il-Konvenzjoni Internazzjonali kontra t-Teħid ta’ Ostaġġi (ara iktar il-punt 25 iktar ’l isfel) (punt 4) u l-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta’ Atti Terroristiċi bl-użu ta’ Bombi (punt 9).
( 16 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti., Vol. 2445, p. 89.
( 17 ) L-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit.
( 18 ) CETS Nru 196.
( 19 ) Dawn it-22 Stat Membru li ġejjin huma partijiet fil-konvenzjoni: l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, u l-Isvezja.
( 20 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1316, p. 205.
( 21 ) ĠU 2012 C 326, p. 391.
( 22 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), kif emendata.
( 23 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207) kif l-aħħar emendat.
( 24 ) Ara l-punt 38 iktar ’l isfel.
( 25 ) Ara l-punt 32 iktar ’il fuq.
( 26 ) L-Artikoli 5 u 6 jirrigwardaw iż-żieda ta’ mgħax dovuta għal kontijiet iffriżati; awtorizzazzjonijiet speċifiċi sabiex jintużaw u jsiru ħlasijiet minn kontijiet iffriżati; u awtorizzazzjonijiet speċifiċi biex ma jibqgħux iffriżati l-fondi, assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi oħra, sabiex dawn l-assi u r-riżorsi jkunu disponibbli u sabiex jingħataw servizzi finanzjarji.
( 27 ) Ara wkoll il-premessa 12.
( 28 ) Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18), kif emendata.
( 29 ) Kien il-Parlament Ewropew li rrakkomanda li tiżdied premessa li tiddistingwi gruppi terroristiċi minn gruppi fl-Unjoni Ewropea li jirreżistu reġimi totalitarji u r-ripressjoni f’pajjiżi terzi jew li jappoġġjaw din ir-reżistenza. L-għan kien sabiex jiġi żgurat li dawn tal-aħħar ma jiġux iddefiniti bħala terroristi filwaqt li ma jiġux preklużi milli jiġu suġġetti għal prosekuzzjoni u pieni għal reati taħt il-liġijiet kriminali nazzjonali: ara l-Parlament Ewropew, Rapport dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni kwadru [qafas] tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (COM(2001) 521).
( 30 ) Ara l-punt 32 iktar ’il fuq.
( 31 ) Pożizzjoni Komuni tad-29 ta’ Mejju 2006, li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2006/231/PESK (ĠU 2006 L 294M, p. 172).
( 32 ) Deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2006, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU L 294M, p. 169).
( 33 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni, tat-12 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1285/2009 (ĠU 2010 L 178, p. 1). Ara l-Artikolu 1 u l-punt 2.17 tal-lista stabblita fl-Anness.
( 34 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni, tal-21 ta’ Diċembru 2015, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1325 (ĠU 2015 L 334, p. 1).
( 35 ) Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.
( 36 ) Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 83). Il-preżentata tar-rikorsi mil-LTTE fil-Qorti Ġenerali (fil‑11 ta’ April u t-28 ta’ Settembru 2011 rispettivament) tiġi wara ż-żewġ ordnijiet ta’ tismija (tat-8 ta’ Ġunju 2010) u d-deċiżjonijiet ikkontestati (tal-25 ta’ Novembru 2010, tat-8 ta’ Diċembru 2010 u tal-10 ta’ Jannar 2011).
( 37 ) Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P (għadha pendenti fil-Qorti tal-Ġustizzja), fejn ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fit-22 ta’ Settembru 2016.
( 38 ) Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza, tat-8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck, C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 39 ) Inkella dik id-domanda tkun ipotetika.
( 40 ) Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Bolton Alimentari, (C‑494/09, EU:C:2011:87, punt 21).
( 41 ) Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756),(iktar ’il quddiem is-“sentenza Pringle”), punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 42 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punti 14 u 15). Ara wkoll is-sentenzi, tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punti 27 u 30, u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Inuit I”), punt 95.
( 43 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90) (iktar ’il quddiem is-“sentenza TWD”), punti 17 u 18. Dik il-kawża kienet tinvolvi deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lil Stat Membru li kienet tirriferi espressament għad-destinatarju tal-għajnuna individwali (TWD); l-Istat Membru kien ikkomunika d-deċiżjoni lil dak id-destinatarju.
( 44 ) Ara s-sentenza Pringle, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 45 ) Ara s-sentenza, tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 46 ) Sentenza TWD, punt 16.
( 47 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, [C‑550/09, EU:C:2010:382 (iktar ’il quddiem is-“sentenza E u F”)].
( 48 ) Sentenza E u F, punti 49 sa 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 49 ) Sentenza Inuit I, punti 70 u 71.
( 50 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Glencore Grain vs Il-Kummissjoni (C‑404/96 P, EU:C:1998:196, punt 41); tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il-Parlament (C‑486/01 P, EU:C:2004:394, punt 34); tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville vesuviane u Ente per le Ville vesuviane vs Il-Kummissjoni (C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tas-17 ta’ Settembru 2015, Confederazione Cooperative Italiane et vs Anicav et (C‑455/13 P, C‑457/13 P u C‑460/13 P, EU:C:2015:616, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 51 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284) (iktar ’il quddiem is-“sentenza T & L Sugars”), punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 52 ) Sentenza Inuit I, punti 55 sa 57; ara wkoll il-punti 70 u 71.
( 53 ) Sentenza T & L Sugars, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni [C‑274/12 P, EU:C:2013:852 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Telefónica”), punt 27]. Ara wkoll ir-“Rapport finali taċ-ċirku ta’ diskussjoni dwar il-Qorti tal-Ġustizzja”, CONV 636/03, punt 21.
( 54 ) Sentenza Pringle, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punti 46 sa 49) (ir-raġunament hemmhekk jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja impliċitament aċċettat l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni TWD fir-rigward tat-tielet parti).
( 55 ) Sentenza Pringle, punt 42. Il-kwistjoni kienet jekk dik id-deċiżjoni kinitx jew kellhiex tiġi adottata skont il-proċedura ta’ reviżjoni simplifikata fl-Artikolu 48(6) TUE.
( 56 ) Sentenza Inuit I, punti 75 u 76.
( 57 ) Bħall-persuni u l-entitajiet imsemmijin fil-lista tal-Artikolu 2(3).
( 58 ) Sentenza Inuit I, punt 60.
( 59 ) Artikolu 289(3) TFUE.
( 60 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1993, Abertal et vs Il-Kummissjoni (C‑213/91, EU:C:1993:238, punt 19).
( 61 ) Ara l-punti 36 u 37 iktar ’il fuq. Ara wkoll is-sentenza E u F, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 62 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 241 sa 244) u tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 56.
( 63 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1984, Commune de Differdange et vs Il-Kummissjoni (222/83, EU:C:1984:266, punti 10 sa 12).
( 64 ) Sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 31).
( 65 ) Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza Telefónica, punti 27 sa 29.
( 66 ) Ara l-punti 40 sa 42. Il-mekkaniżmu inkwistjoni huwa stabbilit fil-punt 3 tas-sentenza, li jirriproduċi l-punti 39 sa 45 tas-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali. T & L kienu sostnew li l-uniku rwol li fadlilhom l-Istati Membri kien li jaġixxu sempliċiment bħala “kaxxa tal-ittri” (punt 18). Il-Kummissjoni sostniet li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni kienu importanti u neċessarji (punt 24).
( 67 ) Ara l-punti 30 u 31.
( 68 ) Ta’ min jinnota f’dak ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza T & L Sugars li billi r-rikorrenti ma kinux inklużi speċifikament fil-partijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet tapplika (ir-rikorrenti kienu jirraffinaw iz-zokkor tal-kannamieli u l-leġiżlazzjoni kienet tkopri l-produtturi taz-zokkor) is-sitwazzjoni tagħhom ma kinitx affettwata direttament mil-leġiżlazzjoni u ma kinitx ta’ interess dirett għalihom (ara l-punt 37).
( 69 ) Ara l-punt 45 iktar ’il fuq.
( 70 ) Dik id-dispożizzjoni, li tirrigwarda relazzjonijiet bejn il-PESK u kompetenzi oħra tal-UE, ma hijiex rilevanti f’din il-kawża.
( 71 ) Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 72 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Rosneft (C‑72/15, EU:C:2016:381, punti 38 u 62 sa 66).
( 73 ) Artikolu 21(1) TUE.
( 74 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Rosneft, C‑72/15, EU:C:2016:381, punti 73 sa 76.
( 75 ) Ara s-sentenzi Inuit I, punt 50, u Pringle, punt 135.
( 76 ) Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2580/2001.
( 77 ) Ara s-sentenza, tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa (C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Al-Aqsa”), punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 78 ) Ara l-punt 40 iktar ’il fuq.
( 79 ) Premessa 6 tad-Deċiżjoni qafas 2002/475; ara wkoll l-Artikolu 1(1).
( 80 ) Ara s-sentenza Al-Aqsa, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 81 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 73). Kif għedt, il-Kunsill ma appellax dak il-punt (ara l-punt 51 iktar ’il fuq).
( 82 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Della Rocca (C‑290/12, EU:C:2013:235, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 83 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-21 Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 84 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF Consorzio Fonografici (C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Diakite (C‑285/12, EU:C:2013:500, punti 23 u 24).
( 85 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑61/94, EU:C:1996:313, punti 52 sa 58, u tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli (C‑286/02, EU:C:2004:212, punt 33).
( 86 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, Evans (C‑179/13, EU:C:2015:12, punt 35).
( 87 ) Sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, The International Association of Independent Tanker Owners et (C‑308/06, EU:C:2008:312).
( 88 ) Punt 52.
( 89 ) L-istħarriġ tal-validità tad-dritt sekondarju tal-UE għal raġunijiet ta’ dritt internazzjonali (kemm ftehim internazzjonali jew regoli konswetudinarji tad-dritt internazzjonali) jibqa’ eċċezzjonali billi huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti ħafna. Fir-rigward ta’ ftehimiet internazzjonali, ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016 (C & J Clark International, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 84). Dwar ir-regoli konswetudinarji tad-dritt internazzjonali, ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 101, 102 u 107).
( 90 ) Ara l-punt 4 iktar ’il fuq.
( 91 ) Ara l-punt 100 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 92 ) Artikolu 3(1)(a) u (b) komuni. Fis-sentenza tagħha, tas-27 ta’ Ġunju 1986, Nikaragwa vs L-Istati Uniti, il-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali ddeċidiet li r-regoli li hemm fl-Artikolu 3 komuni “jikkostitwixxu kriterju minimu, flimkien mar-regoli elaborati li għandhom japplikaw ukoll għall-kunflitti internazzjonali” u li jirriflettu “kunsiderazzjonijiet elementari ta’ umanità” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (QIĠ Ġabra, 1984, p. 392, punt 218).
( 93 ) Ara, f’dak ir-rigward, Gasser, H.-P., “Acts of terror, ‘terrorism’ and international humanitarian law”, International Review of the Red Cross, 2002, p. 560.
( 94 ) Fir-rigward ta’ kunflitt bl-armii internazzjonali, ara l-Artikolu 51(2) tal-Protokoll I u l-Artikolu 33(1) tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève.
( 95 ) Ara l-Artikolu 1(3), li jirreferi għall-Artikolu 2 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève.
( 96 ) Dan ikun hekk jekk il-kunflitt kien jikkostitwixxi kunflitt bl-armi fejn “il-popli [kienu] qed jiġġieldu kontra dominazzjoni kolonjali u okkupazzjoni aljena u kontra reġimi razzisti fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ awtodeterminazzjoni” (Artikolu 1(4) tal-Protokoll I).
( 97 ) Artikolu 51(2) tal-Protokoll I.
( 98 ) Pfanner, T., “Scope of Application, Perpetrators of Terror, and International Humanitarian Law”, fi: Fernández-Sánchez (Ed.), International Legal Dimensions of Terrorism (Martinus Nijhoff Publishers, 2009), p. 289.
( 99 ) Dak li huwa meħtieġ li jagħmlu l-awtoritajiet li qegħdin fis-setgħa huwa li jippruvaw jagħtu lil dawk il-parteċipanti l-amnestija l-iktar wiesgħa possibbli fl-aħħar tal-ostilitajiet [Artikolu 6(5) tal-Protokoll II]. “F’kunflitti bl-armi mhux internazzjonali, l-istatus ta’ kombattent u ta’ priġunier tal-gwerra ma huwiex ipprevedut, għaliex l-Istati ma humiex lesti li jagħtu lil membri tal-gruppi ta’ oppożizzjoni armati l-immunità mill-prosekuzzjoni taħt id-dritt domestiku talli rrikorrew għall-ġlied bl-armi” (ICRC, “The relevance of IHL in the context of terrorism” [Ir-rilevanza tad-dritt umanitarju internazzjonali fil-kuntest tat-terroriżmu], www.icrc.org/eng/resources/documents/faq/terrorism-ihl-210705.htm, ikkonsultata fl-4 ta’ Lulju 2016).
( 100 ) L-Artikolu 3(1) tal-Protokoll II jgħid li “xejn [f’dak il-Protokoll] ma għandu jiġi invokat għall-iskop li tiġi affettwata s-sovranità ta’ Stat jew ir-responsabbiltà tal-gvern, bil-mezzi leġittimi kollha, sabiex tinżamm jew terġa’ tiġi stabbilita l-legalità u l-ordni fl-Istat jew biex tiġi difiża l-unità nazzjonali u l-integrità territorjali tal-Istat”.
( 101 ) Dawk il-miżuri jistgħu jindirizzaw azzjonijiet li l-Istat jikkunsidra bħala terroriżmu imma mhux dawk l-azzjonijiet biss (pereżempju, it-tradiment kontra l-Istat jew l-ispjunaġġ jistgħu jkunu fil-mira wkoll).
( 102 ) Ara wkoll il-Kummentarju ICRC tal-2016, Artikolu 3 komuni, punt 514, u punti 111 sa 121 iktar ’l isfel.
( 103 ) Ara, inter alia, Pejic, J., “Terrorist Acts and Groups: A Role for International Law?”, British Yearbook of International Law, 2004, p. 75 u 76, u Sassóli, M., “Terrorism and War”, Journal of International Criminal Justice, 2006, p. 970. Kif jinnota Sassóli, “jekk kull att kommess kontra l-forzi tal-istat huwa ‘terroristiku’, kif jissuġġġerixxu xi wħud, dan idgħajjef [lid-dritt umanitarju internazzjonali] u r-rieda tal-gruppi armati li jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali”. Ara Sassóli, M., “The Role of Human Rights and International Humanitarian Law in New Types of Armed Conflicts”, fi: Ben-Naftali, O. (Ed.), International Humanitarian law and International Human Rights Law (Oxford, OUP 2011, p. 37).
( 104 ) B’dik l-espressjoni, irrid infisser li d-dispożizzjoni sempliċement tistabbilixxi għanijiet u għalhekk ma timmirax biex toħloq drittijiet jew obbligi għall-individiwi.
( 105 ) Il-Konferenza Diplomatika li adottat il-Protokoll II ma laqgħetx il-proposta li għamel il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC) li l-qrati, fil-każ ta’ prosekuzzjonijiet li jsiru kontra l-parteċipanti f’kunflitt bl-armi mhux internazzjonali, jieħdu inkunsiderazzjoni, bl-iktar mod possibbli, il-fatt li l-persuna akkużata rrispettat id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll II. Ara ICRC, Abbozz ta’ Protokolli Addizzjonali tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949, Kummentarju, Genève, 1973, p. 141 [Artikolu 10(5)].
( 106 ) Ara l-punt 107.
( 107 ) Iżda, għall-kuntrarju, dawn jistgħu (teoretikament) jitqiesu bħala reati tal-gwerra. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jesprimu wkoll fil-qosor dubju li l-LTTE kien effettivament responsabbli għal dawn l-attakki u l-ħtif. Madankollu, ma jipproponu l-ebda element speċifiku li jista’ jpoġġi l-pożizzjoni tal-Kunsill fid-dubju.
( 108 ) Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.
( 109 ) Sentenza, tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 294).
( 110 ) Ara l-punt 48 iktar ’il fuq.
( 111 ) Ara l-punt 100 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 112 ) Artikolu 19(2).
( 113 ) L-LTTE kien idaħħal fil-lista tal-UE bħala riżultat ta’, inter alia, dak li l-Kunsill sejjaħ “ħtif” bejn l-2005 u l-2009: ara l-punt 48 iktar ’il fuq. Għall-finijiet ta’ din l-analiżi, ma nara ebda differenza sinjifikattiva bejn dik l-espressjoni u t-terminu “teħid ta’ ostaġġi” kif użat fil-Konvenzjoni dwar l-Ostaġġi.
( 114 ) Ara l-Artikolu 3(1)(b) komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève u tal-Artikolu 4(2)(c) tal-Protokoll II.
( 115 ) T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 64.
( 116 ) Ara b’mod partikolari l-punt 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet.