DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
12 ta’ Mejju 2026 (*)
“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni – Talba għal miżuri provviżorji – Ksur ta’ rekwiżiti formali – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża T‑505/25 R,
Ivan Sammut, residenti f’Marsaskala (Malta), irrappreżentat minn J. Bugeja, avukat,
rikorrent,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Araujo Arce, K. Mifsud‑Bonnici u R. Valletta Mallia, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
jagħti l-preżenti
Digriet
1 Permezz tat-talba tiegħu bbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE, ir-rikorrent, Ivan Sammut, jitlob is-sospensjoni provviżorja tal-ħlas tal-“multi” kif ukoll tal-interessi relatati magħhom, imposti skont il-kuntratt qafas TRAD23 – FL18708 – 23081, tad‑19 ta’ Frar 2024, konkluż bejn il-Kummissjoni Ewropea u Global Translation Solutions ltd., dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni ta’ dokumenti (iktar ’il quddiem il-“kuntratt qafas”).
Il-fatti li wasslu għall-kawża u t-talbiet tal-partijiet
2 Ir-rikorrent huwa ċittadin ta’ nazzjonalità Maltija u wieħed mill-erba’ azzjonisti ta’ Global Translation Solutions.
3 Global Translation Solutions hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Malti li tipprovdi servizzi ta’ traduzzjoni u servizzi lingwistiċi lejn il-Malti mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea lil diversi istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni.
4 Il-kuntratt qafas daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2024.
5 L-Artikoli I.12.1 u II.16 tal-kuntratt qafas jipprevedu li l-Kummissjoni tista’ tirkupra, fil-forma ta’ penali, il-pagamenti mħallsa lill-kuntrattur jekk is-servizzi pprovduti minnu ma jissodisfawx il-livell ta’ kwalità meħtieġ fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
6 Il-Kummissjoni użat, erba’ darbiet, il-possibbiltà li tirkupra l-pagamenti mħallsa lil Global Translation Solutions fir-rigward tas-servizzi mogħtija f’Awwissu, f’Settembru u f’Ottubru 2024 kif ukoll f’Jannar 2025, billi imponiet penali kuntrattwali li jikkorrispondu għal perċentwali tal-valur tas-servizzi pprovduti matul kull xahar, konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
7 Fis‑27 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni nnotifikat formalment lil Global Translation Solutions bid-deċiżjoni tagħha li xxolji l-kuntratt qafas, skont l-Artikolu II.18.1(c) ta’ dan il-kuntratt qafas, minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt qafas konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
8 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Lulju 2025, ir-rikorrent ippreżenta rikors li fih talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Mejju 2025 li xxolji l-kuntratt qafas u li jingħata rimedji u kumpens adegwati.
9 Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Settembru 2025, ir-rikorrent ressaq din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha talab li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:
– jordna s-sospensjoni provviżorja tal-ħlas tal-“multi”, kif ukoll tal-interessi relatati magħhom, imposti skont il-kuntratt qafas, sakemm il-kawża prinċipali tinqata’ b’mod finali;
– jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.
10 It-talba għal miżuri provviżorji ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni fid-data tat-tressiq tagħha għaliex ir-rikorrent, li huwa avukat, kien qiegħed jirrappreżenta lilu nnifsu.
11 Fl‑24 ta’ Marzu 2026, wara li ġie mistieden mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali sabiex jaħtar avukat ġdid, ir-rikorrent irregolarizza t-talba għal miżuri provviżorji.
12 Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżorji, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ April 2026, il-Kummissjoni talbet li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:
– jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji minħabba li hija manifestament inammissibbli peress li r-rikors fuq il-mertu huwa fih innifsu manifestament inammissibbli u peress li din it-talba hija, fi kwalunkwe każ, inammissibbli fiha nnifisha;
– fi kwalunkwe każ, jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji bħala infondata;
– jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
Id-dritt
13 Minn qari flimkien tal-Artikoli 278 u 279 TFUE, minn naħa, u tal-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’, jekk jikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jeħtieġu, jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali jew jordna l-miżuri provviżorji meħtieġa, u dan b’osservanza tar-regoli dwar l-ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 156 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
14 L-ewwel sentenza tal-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura tipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”.
15 Għalhekk, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-adozzjoni tagħhom hija prima facie ġġustifikata fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huma urġenti, fis-sens li jkun meħtieġ, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li titlobhom, li jiġu adottati u li jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda jekk waħda minnhom ma tkunx issodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jwettaq ukoll, jekk ikun il-każ, ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni (ara d-digriet tat‑2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑162/15 P‑R, EU:C:2016:142, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 156(4) u (5) kif ukoll skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal miżuri provviżorji għandha b’mod partikolari titressaq permezz ta’ att separat, għandha tispeċifika ċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba, għandha tindika s-suġġett tal-kawża u għandha tinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi u tal-argumenti invokati.
17 Minn qari flimkien tal-Artikolu 156(5) u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li talba għal miżuri provviżorji għandha, waħedha, tippermetti lill-konvenut jipprepara l-osservazzjonijiet tiegħu u lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi dwar din it-talba talba, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex tali talba tkun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tkun ibbażata jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test stess tat-talba għal miżuri provviżorji. Għalkemm dan it-test jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mat-talba għal miżuri provviżorji, ma jistax jirrimedja l-assenza tal-elementi essenzjali f’din it-talba (ara d-digriet tal‑4 ta’ Diċembru 2015, E‑Control vs ACER, T‑671/15 R, mhux ippubblikat, EU:T:2015:975, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Barra minn hekk, il-punt 284 tad-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi espressament li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tkun tista’ tinftiehem fiha nnifisha, mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir riferiment għar-rikors fil-kawża prinċipali, inkluż għall-annessi mar-rikors.
19 Peress li n-nuqqas ta’ osservanza tar-Regoli tal-Proċedura jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jeżamina ex officio, jekk ikun il-każ, jekk id-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura ġewx osservati (ara d-digriet tal‑14 ta’ Frar 2020, Vizzone vs Il‑Kummissjoni, T‑658/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:71, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fit-talba għal miżuri provviżorji, ir-rikorrent ma jiddedika prattikament ebda raġunament għall-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris.
21 Fil-fatt, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris, ir-rikorrent sempliċement għamel riferiment għar-rikors fil-kawża prinċipali.
22 Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ kull argument dwar il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris fit-talba għal miżuri provviżorji, din tal-aħħar ma tistax tinftiehem minnha nnifisha mingħajr ma jsir riferiment għar-rikors fil-kawża prinċipali.
23 Issa, din l-assenza ta’ spjegazzjoni suffiċjenti, fit-talba għal miżuri provviżorji, dwar l-elementi li jikkostitwixxu eventwali fumus boni juris ma tistax tiġi rrimedjata b’riferiment għar-rikors fil-kawża prinċipali.
24 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li ma huwiex l-Imħallef għal miżuri provviżorji li għandu jfittex, minflok il-parti kkonċernata, l-elementi li jinsabu fl-annessi jew fir-rikors fil-kawża prinċipali u li jkunu ta’ natura li jikkorroboraw it-talba għal miżuri provviżorji. Jekk tali obbligu jiġi impost fuq l-Imħallef għal miżuri provviżorji, dan ikun barra minn hekk ta’ natura li jċaħħad minn kull effett id-dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura li tipprevedi li t-talba għal miżuri provviżorji għandha titressaq permezz ta’ att separat (ara d-digriet tad‑29 ta’ Lulju 2010, Cross Czech vs Il‑Kummissjoni, T‑252/10 R, mhux ippubblikat, EU:T:2010:323, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Għaldaqstant, u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet dwar jekk il-miżuri provviżorji mitluba għandhomx rabta mas-suġġett tar-rikors fil-kawża prinċipali u dwar jekk ir-rikorrent għandux locus standi, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris għandu jiġi rrilevat li din it-talba għal miżuri provviżorji ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 156(4) u (5) tar-Regoli tal-Proċedura u li, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.
26 Skont l-Artikolu 158(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.
Għal dawn il-motivi,
IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
jordna:
1) It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.
2) L-ispejjeż huma rriżervati.
Magħmul fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Mejju 2026.
|
Ir-Reġistratur |
Il-President |
|
V. Di Bucci |
M. van der Woude |
* Lingwa tal-kawża: il-Malti.