8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

135


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta' Jannar 2006

li tikkonċerna l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-implimentazzjoni ta' stħarriġ epidemjoloġiku u ta' miżuri ta' sorveljanza tal-bluetongue fil-kuntest tal-miżuri ta' emerġenza meħuda biex tiġi kkumbattuta din il-marda fil-Portugall fl-2004 u fl-2005

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 166)

(It-test Portugiż biss huwa awtentiku)

(2006/78/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2a) tagħha,

Billi:

(1)

Fl-24 ta' Novembru 2004, tifqigħat tal-bluetongue feġġew fil-Portugall. L-apparizzjoni ta' din il-marda tista' tirrappreżenta riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità.

(2)

Biex jiġi evitat it-tixrid tal-marda kemm jista' jkun malajr, il-Komunità għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għan-nefqa eliġġibbli tal-Portugall fil-kuntest tal-miżuri ta' emerġenza meħuda biex tkun ikkumbattuta l-marda, kif previst fid-Deċiżjoni 90/424/KEE. Għalhekk, fil-15 ta' Settembru 2005, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/660/KE rigward il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fil-kuntest tal-miżuri ta' emerġenza meħuda biex tkun ikkumbattuta l-bluetongue fil-Portugall fl-2004 u fl-2005 (2) ġiet adottata.

(3)

Il-Kummissjoni adottat diversi deċiżjonijiet sabiex tiddemarka ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza u biex tistipola l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-movimenti ta' l-annimali minn dawn iż-żoni, u l-aħħar waħda minn dawn hija d-Deċiżjoni 2005/393/KE tat-23 ta' Mejju 2003 dwar iż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fir-rigward tal-bluetongue u l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-movimenti minn u ġewwa dawn iż-żoni (3).

(4)

Mill-Ħarifa ta' l-2004 n-nuqqas eċċezzjonali ta' xita fil-Portugall affetwa serjament il-provvista ta' l-għalf u, b'konsegwenza ta' dan, il-possibiltajiet ta' nfiq addizzjonali għall-bdiewa kkawżat mit-tmigħ ta' l-annimali. Din is-sitwazzjoni hi ta' konsegwenza partikolari fil-Portugall peress li l-istabbilimenti li jispeċjalizzaw fit-twelid ta' annimali bovini u ovini jinsabu fiż-żoni li huma affettwati mir-restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta' l-annimali, filwaqt li dawk li jispeċjalizzaw fit-tismin, li huma l-ħruġ naturali għall-annimali mrobbija f'tali stabbilimenti, jinsabu barra minn dawk iż-żoni.

(5)

Miżuri oħra ġew stabbiliti mill-Portugall bil-kollaborazzjoni ta' Spanja biex tkun ikkontrollata l-epidemija billi jitwettaq stħarriġ epidemjoloġiku u jitwettqu l-miżuri ta' sorveljanza għall-marda, inkluż testijiet fil-laboratorju għas-sorveljanza seroloġika u viroloġika fil-qafas ta' ttestjar ta' l-annimali qabel iċ-ċaqliq u s-sorveljanza entomoloġika.

(6)

Il-Portugall u Spanja pprovdew evidenza ta' kooperazzjoni bejn iż-żewġ Stati Membri biex jiġi evitat it-tixrid tal-marda billi jitwettqu l-miżuri ta' sorveljanza għall-marda.

(7)

Skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (4), il-miżuri sanitarji tal-veterinarji u tal-pjanti li ttieħdu skond ir-regoli tal-Komunità huma ffinanzjati taħt it-Taqsima tal-Fond Ewropew Agrikolu ta' Gwida u Garanzija. Il-verifika ta' dawk il-miżuri taqa' fi ħdan l-Artikoli 8 u 9 ta' dak ir-Regolament.

(8)

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-azzjonijiet pjanati fil-fatt twettqu u li l-awtoritajiet jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-limitu ta' żmien stipulat.

(9)

Fil-25 ta' Frar 2005, il-Portugall issottometta l-istima inizjali ta' l-ispejjeż imġarrba fil-kuntest tal-miżuri ta' emerġenza l-oħra, inkluż il-miżuri ta' sorveljanza epidemjoloġika meħuda biex tkun ikkumbattuta l-marda. Din l-istima tal-miżuri ta' sorveljanza epidemjoloġika tammonta għal EUR 4 303 336.

(10)

Sakemm jitwettqu kontrolli fuq il-post mill-Kummissjoni, issa hu meħtieġ li jiġi ffissat l-ewwel ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità. Dak l-ewwel ħlas parzjali għandu jkun ta' 50 % tal-kontribuzzjoni tal-Komunità, stabbilit fuq il-bażi tan-nefqa eliġibbli stmata għall-miżuri ta' sorveljanza epidemjoloġika. Ikun xieraq ukoll li jiġu ffissati l-ammonti massimi li għandhom jiġu rrimborżati għall-ispejjeż tat-testijiet u tan-nases użati fil-qafas ta' dawn il-miżuri.

(11)

Il-Portugall issodisfa l-obbligi tekniċi u amministrattivi kollha tagħhom fir-rigward tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lill-Portugall

1.   Fil-kuntest tal-miżuri ta' emerġenza meħuda biex tkun ikkumbattuta l-bluetongue fl-2004 u fl-2005, il-Portugall għandu jkun intitolat għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità li tammonta għal 50 % tan-nefqa mġarrba minħabba l-ispejjeż tat-testijiet fil-laboratorju għas-sorveljanza seroloġika u viroloġika u l-ispejjeż tas-sorveljanza entomoloġika, inkluż ix-xiri ta' nases.

2.   L-ammonti massimi ta' spejjeż li għandhom jiġu rrimbursati lill-Portugall għat-testijiet u għan-nases li jirreferi għalihom il-paragrafu 1 m'għandhomx jaqbżu:

(a)

għas-sorveljanza seroloġika, test Elisa: EUR 2,5 għal kull test;

(b)

għas-sorveljanza viroloġika, test RT.PCR: EUR 15 għal kull test;

(c)

għas-sorveljanza entomoloġika, nassa: EUR 160 għal kull nassa.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha teskludi t-taxxa fuq il-valur miżjud.

Artikolu 2

Arranġamenti għall-ħlas

Skond ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-post imwettqa skond l-Artikolu 9 (1) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, l-ewwel ħlas parzjali ta' EUR 600 000 għandu jiġi mħallas bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità prevista fl-Artikolu 1.

Il-ħlas għandu jsir fuq il-bażi ta' dokumenti ta' appoġġ sottomessi mill-Portugall li għandhom x'jaqsmu mat-testijiet fil-laboratorju u max-xiri ta' nases li jirreferi għalihom l-Artikolu 1(1).

Artikolu 3

Il-kundizzjonijiet għall-ħlas u d-dokumenti ta' appoġġ

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità kif jirreferi għaliha l-Artikolu 1 għandha tiġi mħallsa fuq il-bażi ta:

(a)

applikazzjoni li jkun fiha d-data speċifikata fl-Anness sottomessa fil-limitu ta' żmien stipolat fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

(b)

id-dokumenti ta' appoġġ li jirreferi għalihom l-Artikolu 2, inkluż rapport epidemjoloġiku u rapport finanzjarju;

(c)

ir-riżultati ta' kwalunkwe kontrolli fuq il-post imwettqa skond l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE.

Id-dokumenti li jirreferi għalihom il-punt (b) għandhom ikunu disponibbli għall-kontrolli fuq il-post li jirreferi għalihom il-punt (c).

2.   L-applikazzjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1(a) għandha tkun sottomessa f'forma kompjuterizzata fi żmien sitt ijiem kalendarji mid-data ta' notifikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Jekk dak il-limitu ta' żmien ma jiġix irrispettat, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tiġi mnaqqsa b'25 % għal kull xahar ta' dewmien.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Jannar 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1999, p. 19. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).

(2)   ĠU L 244, 20.9.2005, p. 28.

(3)   ĠU L 130, 24.5.2005, p. 22. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2005/828/KE (ĠU L 311, 26.11.2005, p. 37).

(4)   ĠU L 160, 26.6.1999, p. 103.


ANNESS

Id-data msemmija fl-Artikolu 3(1)(a)

L-ispejjeż imġarrba

Natura ta' l-azzjoni

Numru

Ammont (ma jinkludix il-VAT)

It-testijiet ELISA

 

 

It-testijiet RT.PCR

 

 

Testijiet viroloġiċi oħra

 

 

Nases

 

 

Total