7.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 200/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/905

tat-3 ta’ Diċembru 2020

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, f’isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federali tas-Somalja dwar l-istatus tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia) fir-Repubblika Federali tas-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Frar 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/96/PESK (1), li tistabbilixxi missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia).

(2)

Fil-11 ta’ Jannar 2013, il-Prim Ministru tal-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni tar-Repubblika tas-Somalja, f’ittra lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Afarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, ikkonferma li “d-drittijiet u l-obbligi li jinsabu fil-ftehim dwar l-istatus tal-missjoni Atalanta mmexxija mill-UE konkluż fil-31 ta’ Diċembru 2008 ser japplikaw ukoll għal EUCAP Nestor, il-persunal, il-bini u l-assi tagħha”, u awtorizza lill-“persunal tal-EUTM juża l-forza meħtieġa u proporzjonata”, inkluż għall-“protezzjoni tal-persunal tal-missjoni, il-bini u l-assi tagħha kif ukoll il-protezzjoni ta’ persuni fil-viċinanzi tal-persunal tal-missjoni minn atti li jipperikolaw ħajjet dawn il-persuni jew li x’aktarx jikkaġunawlhom ħsara fiżika serja.”.

(3)

Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1787 (2), li testendi EUTM Somalia sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(4)

Fil-11 ta’ Novembru 2019, il-Kunsill iddeċieda li għandhom jinfetħu negozjati bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika Federali tas-Somalja dwar l-istatus ta’ EUTM Somalia.

(5)

Fis-16 ta’ Lulju 2020, fil-kuntest tar-rieżami strateġiku olistiku u koordinat tal-involviment tal- politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni fis-Somalja u fil-Qarn tal-Afrika, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà qabel, b’mod partikolari, li EUTM Somalia għandha tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(6)

Ġie nnegozjat ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika Federali tas-Somalja dwar l-istatus ta’ EUTM Somalia fir-Repubblika Federali tas-Somalja.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Id-Danimarka ma tiħux sehem fl-implimentazzjoni ta’ din d-Deċiżjoni u għaldaqstant ma tikkontribwixxix għall-finanzjament ta’ din il-missjoni.

(8)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federali tas-Somalja dwar l-istatus tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia) fir-Repubblika Federali tas-Somalja huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta’ Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (ĠU L 44, 19.2.2010, p. 16).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1787 tad-19 ta’ Novembru 2018 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (ĠU L 293, 20.11.2018, p. 9).

(3)  Ara l-paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.