Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 ta’ Franza u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 ta’ Franza
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fis-17 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lil Franza bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.
(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għal Franza ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress ta’ Franza biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019, is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta’ Franza lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Huwa kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li Franza għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, dawn kienu jirrigwardaw dejn pubbliku għoli u dinamiki ta’ kompetittività dgħajfa f’kuntest ta’ tkabbir tal-produttività baxx, li jġorru magħhom rilevanza transfruntiera.
(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, għas-soċjetajiet u għall-ekonomiji. Qiegħda tqiegħed is-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tfixkel il-katini tal-provvista globali, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda thedded l-impjiegi tan-nies, l-introjtu tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Hija tat xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi lill-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.
(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Kull miżura ta’ emerġenza jenħtieġ li tkun strettament proporzjonata, neċessarja, limitata fiż-żmien, u f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li tkun suġġetta għal sorveljanza demokratika u stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.
(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola, kif stipulata fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għarrfet lill-Kunsill bil-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis qawwi mistenni fir-ritmu ekonomiku, li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fi żmien medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b’rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.
(6)Huwa meħtieġ li titkompla l-azzjoni biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozju u għall-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol bil-ħsieb li terġa’ tibda l-attività ekonomika. L-Unjoni jenħtieġ li tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, l-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex nerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u li jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.
(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li s-suq uniku joffri sabiex nadattaw għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-ħaddiema, miżuri eċċezzjonali li jwaqqfu lis-suq uniku milli jiffunzjona b’mod normali jridu jitneħħew malli ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji ta’ xiri mtejba, ktajjen tal-provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.
(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi mhux użati kollha mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati. Biex jittaffew il-pressjonijiet tal-flussi tal-flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Franza hija mħeġġa tagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibilitajiet biex tgħin lill-individwi u lis-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.
(9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li ma jkunux distribwiti b’mod ugwali bejn ir-reġjuni minħabba xejriet differenti ta’ speċjalizzazzjoni, b’mod partikolari f’reġjuni li jiddependu b’mod sinifikanti fuq it-turiżmu - bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda - u b’mod aktar ġenerali fuq negozju li jsir wiċċ imb'wiċċ mal-konsumaturi. Dan jinvolvi riskju sostanzjali ta’ twessigħ tad-disparitajiet reġjonali u territorjali fi Franza, li jaggrava t-tendenza diġà osservata ta’ tkabbir bil-mod fid-disparitajiet bejn ir-reġjun kapitali, il-bliet il-kbar u l-bqija tal-pajjiż, bejn iż-żoni urbani u ż-żoni rurali u bejn il-metropoli u r-reġjuni l-aktar imbiegħda. Flimkien mar-riskju ta’ treġġigħ lura temporanju tal-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob risponsi ta’ politika mmirati.
(10)Fis-7 ta’ Mejju 2020, Franza ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħha u, fit-30 ta’ April 2020, ippreżentat il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tagħha. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.
(11)Franza bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn tranżizzjonali. Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill irrakkomanda lil Franza tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-Gvern ma taqbiżx il-1,4 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG. Il-valutazzjoni kumplessiva tal-Kummissjoni tikkonferma devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2019 u matul l-2018 u l-2019 meħuda flimkien. Dan huwa fattur rilevanti fir-rapport tal-Kummissjoni mħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat li jivvaluta l-konformità ta’ Franza mal-kriterju tad-dejn fl-2019.
(12)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2020, il-Gvern qed jippjana li d-defiċit nominali se jiddeterjora minn defiċit ta’ 3,0 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 9,0 % tal-PDG fl-2020. Wara li stabbilizza fil-livell ta’ 98,1 % tal-PDG fl-2019, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jiżdied għal 115,2 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-perspettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
(13)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, Franza adottat miżuri baġitarji biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u s-setturi li ġew affettwati b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji jammontaw għal 1,9 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu: il-finanzjament ta’ skema parzjali tal-qgħad ta’ 1,1 % tal-PDG; nefqa addizzjonali ta’ 0,4 % tal-PDG biex jissaħħu s-servizzi tal-kura tas-saħħa, il-benefiċċji tal-assigurazzjoni tas-saħħa u l-kumpens tal-persunal tal-kura tas-saħħa; il-ħolqien ta’ fond ta’ solidarjetà ta’ 0,3 % tal-PDG biex jipprovdi appoġġ dirett lil impriżi żgħar u żgħar ħafna kif ukoll lil dawk li jaħdmu għal rashom. Barra minn hekk, Franza ħabbret miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex jappoġġaw il-likwidità għan-negozji, li l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 jistma li jammontaw għal 17 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu l-posponiment tal-ħlasijiet tat-taxxa u tal-ħlasijiet soċjali għall-kumpaniji; rifużjoni aċċellerata tal-krediti tat-taxxa u tal-VAT; il-ħolqien ta’ riżerva apposta għal appoġġ dirett lil kumpaniji strateġiċi permezz ta’ investiment ta’ ekwità (3,1 % tal-PDG) u garanziji ta’ self (13,9 % tal-PDG). B’mod ġenerali, il-miżuri meħuda minn Franza huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawk il-miżuri, segwita mill-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali fuq il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju.
(14)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni b’politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ta’ Franza huwa mbassar li jkun ta’ -9,9 % tal-PDG fl-2020 u ta’ -4,0 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li jilħaq il-116,5 % tal-PDG fl-2020 u l-111,9 % fl-2021.
(15)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba n-nuqqas ta’ konformità ta’ Franza mar-regola tad-dejn fl-2019 u l-ksur ippjanat tal-limitu tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. Kumplessivament, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterji tad-defiċit u tad-dejn kif definiti fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhumiex issodisfati.
(16)Is-sistema tas-saħħa Franċiża hija effettiva biex tikseb riżultati tajbin. Madankollu, il-kriżi tal-COVID-19 tefgħet id-dawl fuq nuqqasijiet fit-tħejjija tas-sistema biex jiġu indirizzati t-tifqigħat ta’ pandemiji. Dawn jinkludu: i) diffikultajiet biex jiġi żgurat li l-ħaddiema tas-saħħa, il-provvisti kritiċi u t-tagħmir protettiv personali jkunu faċilment disponibbli, kif ukoll ii) problemi strutturali moħbija. Fir-rigward ta’ dawn tal-ewwel, Franza mmobilizzat ir-riżerva tagħha ta’ persunal u tagħmir mediku u paramediku, inklużi studenti mediċi u tobba u infermiera rtirati. Il-koordinazzjoni tar-rispons fis-setturi kollha tas-sistema tas-saħħa għadha sfida. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, dawn huma r-riżultat ta’ nuqqas ta’ investiment fl-infrastrutturi fiżiċi u fir-riżorsi umani, adattament limitat fl-organizzazzjoni tas-servizzi; u l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar bejn l-atturi privati u dawk pubbliċi. L-isfidi huma aggravati mid-differenzi reġjonali persistenti. Pereżempju, minkejja li s-sehem ta’ tobba li jipprattikaw huwa madwar il-medja tal-Unjoni, madwar 18 % tal-popolazzjoni ta’ Franza tgħix f’żoni fejn l-aċċess għal tabib ġenerali huwa limitat. Huma meħtieġa sforzi deċiżivi ulterjuri għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa, li huma l-pedament tal-istrateġija tal-Gvern għat-trasformazzjoni tas-sistema tas-saħħa. Il-kriżi tal-COVID-19 qed turi li użu aħjar tas-saħħa elettronika, b’mod partikolari t-telemediċina, huwa importanti fi żminijiet ta’ pandemija.
(17)Il-kriżi tal-COVID-19 qed ikollha impatt negattiv fuq is-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali fi Franza. Minkejja li ttieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni, il-qgħad mistenni jiżdied (għal 10,1 % fl-2020 skont it-tbassir tal-Kummissjoni, biex imbagħad jirkupra għal 9,7 % fl-2021). Dawn il-miżuri jinkludu l-emendar u l-estensjoni tal-iskema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif ukoll miżuri adottati biex jappoġġaw id-ditti u l-ħaddiema u l-iżgurar tal-funzjonament tas-servizzi pubbliċi u tas-sistema tas-saħħa. Is-segmentazzjoni persistenti tas-suq tax-xogħol tibqa’ sors ta’ tħassib. Fl-2019, madwar żewġ terzi tar-reklutaġġi l-ġodda kienu kuntratti għal żmien qasir ta’ inqas minn xahar. Ir-rata ta’ tranżizzjoni minn kuntratti għal żmien qasir għal kuntratti miftuħa hija waħda mill-aktar baxxi fl-Unjoni. Ir-riforma reċenti tas-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad (Unédic) kellha l-għan li ssaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema u tindirizza s-segmentazzjoni. Madankollu, partijiet mir-riforma relatati mar-regoli tal-indennizz ġew posposti minħabba l-kriżi. Fid-dawl tal-kuntest deterjorat, huwa importanti li jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-qgħad, kif ukoll l-appoġġ attiv għall-impjieg, ikunu disponibbli għall-persuni kollha li qed ifittxu impjieg, irrispettivament mill-istatus ta’ impjieg preċedenti. Sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u titjieb ir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol, jenħtieġ li jkomplu l-isforzi biex tiġi promossa r-riallokazzjoni tal-forza tax-xogħol fost is-setturi. Qabel ma seħħet it-tifqigħa tal-COVID-19, l-impjegaturi kienu qegħdin dejjem aktar jirrapportaw diffikultajiet biex isibu kandidati xierqa biex jirreklutaw, u indikaw il-ħtieġa li jiġu promossi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid. Pereżempju, filwaqt li s-settur tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni huwa partikolarment affettwat min-nuqqas ta’ ħiliet, il-gradwati tiegħu jirrappreżentaw biss 3 % mill-għadd totali ta’ gradwati.
(18)Fil-kuntest tal-kriżi ta’ COVID-19, huwa partikolarment importanti li jiġi żgurat il-funzjonament tal-infrastruttura kritika u ċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija fis-suq uniku kollu u li jiġi mmonitorjat u żgurat il-funzjonament korrett tal-ktajjen tal-provvista f’kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien. Għal dan il-għan, it-tneħħija tal-miżuri adottati matul il-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ xi sustanzi u prodotti mediċi, se tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet taċ-ċittadini madwar l-Unjoni b’mod koerenti u fi spirtu ta’ solidarjetà, tevita r-riskju ta’ nuqqasijiet u ta’ tfixkil tal-ktajjen tal-provvista, u fl-aħħar mill-aħħar, twitti t-triq għal strateġija koordinata ta’ ħruġ tal-COVID-19 ikkoordinata mill-Unjoni.
(19)Franza adottat bosta skemi biex tappoġġa l-likwidità tad-ditti, inkluż taħt il-qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex tappoġġa l-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19. L-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ dawn l-iskemi hija kruċjali biex jiġi żgurat li d-ditti, u b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), jibbenefikaw minnhom. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju.
(20)L-ambjent ġenerali tan-negozju ta’ Franza tjieb iżda jeħtieġ li Franza tkompli bl-isforzi tagħha biex tissimplifika s-sistema tat-taxxa tagħha u tnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji, b’mod partikolari jekk trid tappoġġa rkupru ekonomiku effettiv fiż-żmien medju. Pereżempju, skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni u kif ikkonfermat mill-indikaturi tar-Regolament dwar is-Suq tal-Prodotti tal-2018 tal-OECD, minkejja l-progress u l-adozzjoni ta’ diversi miżuri fis-settur tas-servizzi, ir-restrizzjonijiet regolatorji jibqgħu ogħla fi Franza meta mqabbla ma’ Stati Membri oħra, b’mod partikolari għas-servizzi tan-negozju, li ħafna minnhom huma professjonijiet regolati, u għall-bejgħ bl-imnut. Bħala wieħed mis-setturi l-aktar affettwati, is-settur tas-servizzi se jkollu rwol ewlieni fil-ħruġ mill-kriżi u fl-irkupru minnha. It-tfassil mill-ġdid tar-rekwiżiti għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ servizzi u l-eżerċizzju tagħhom jistimula l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u l-mobbiltà professjonali, u jkollu impatt ekonomiku ġenerali pożittiv. Il-flessibbiltà regolatorja tista’ wkoll tagħti spinta lill-irkupru tal-attività ta’ bejgħ bl-imnut fil-perjodu ta’ wara l-COVID-19.
(21)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu implimentati minn qabel u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Dan jista’ jkun fi prijoritajiet identifikati tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari f’inizjattivi ta’ trasport b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, fl-enerġija rinnovabbli u fir-rinnovazzjonijiet tal-bini. Flimkien mat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija, dan jista’ jgħin biex jingħata stimulu fi żmien qasir għall-irkupru u għall-perjodu ta’ żmien medju ta’ wara l-kriżi tas-CO19 u jqiegħed lil Franza fuq perkors sostenibbli fit-tul u newtrali għall-klima filwaqt li jippromwovi t-tmexxija teknoloġika. Il-ħidma preparatorja għal miżuri ta’ rkupru tista’ tiddependi fuq il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima ta’ Franza, Proġetti ta’ Interess Komuni u pjanijiet ta’ żvilupp tal-infrastruttura. Aktar investimenti fl-infrastrutturi tal-enerġija, fosthom fl-interkonnessjonijiet tal-elettriku, jikkontribwixxu għat-titjib tal-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jintroduċu aktar kompetizzjoni u jiffaċilitaw l-iskjerament tal-enerġija rinnovabbli. L-ipprogrammar tal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lil Franza tindirizza wħud mill-isfidi ppreżentati mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. Dan jippermetti lil Franza tagħmel l-aħjar użu minn dak il-fond.
(22)Matul il-lockdown, id-diġitalizzazzjoni wriet li hija vitali biex jinżamm l-aċċess għas-servizzi governattivi, edukattivi u mediċi, u biex tiġi ppreservata l-attività ekonomika, permezz tat-telexogħol u l-kummerċ elettroniku. Fi żmien medju, id-diġitalizzazzjoni tipprovdi opportunitajiet akbar għad-ditti, b’mod partikolari l-SMEs, biex jirkupraw u jikbru billi ġġibhom f’kuntatt ma’ numru ikbar ta’ klijenti potenzjali, ittejjeb l-effiċjenza tal-proċessi ta’ produzzjoni, u tipprovdi inċentivi għall-innovazzjoni. L-investimenti fid-diġitalizzazzjoni jinkludu l-provvista ta’ infrastruttura adegwata, it-titjib tal-ħiliet diġitali tal-popolazzjoni aktar wiesgħa, u b’mod partikolari l-popolazzjoni li taħdem. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ Franza għall-broadband b’veloċità għolja ħafna (Plan France Très Haut Débit) tidher li qiegħda fit-triq it-tajba fir-rigward taż-żoni urbani. Madankollu, għad hemm differenzi importanti fil-kopertura tan-netwerk b’veloċità għolja ħafna f’oqsma oħra.
(23)Franza għandha bażi ta’ riċerka b’saħħitha u l-potenzjal li twettaq miżuri speċifiċi relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni biex tirrispondi għall-kriżi tal-COVID-19, fosthom l-iżvilupp tat-tilqim u l-mediċini. Il-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha jirrikjedu kooperazzjoni msaħħa fir-riċerka u l-innovazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat. Fi żmien medju, l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni jista’ jippermetti titjib fil-produttività, kif indikat mill-Bord Nazzjonali tal-Produttività Franċiż. Huwa meħtieġ ukoll f’setturi li jsaħħu t-tkabbir biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet offruti mit-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea.
(24)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa twil. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u strateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.
(25)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li tista’ tikkontribwixxi għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, Franza se tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.
(26)Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali biex jinkiseb irkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Jenħtieġ li Franza, bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro – u b’kunsiderazzjoni għall-gwida politika mill-Grupp tal-Euro – tiżgura li l-politiki tagħha jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet taż-Żona tal-Euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.
(27)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Franza u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Franza fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Franza, imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika globali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.
(28)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt.
(29)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet preżenti jqisu l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-pandemija u jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass neċessarju biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Ir-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (3) u (4),
B’DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:
1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirati biex tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa billi tiżgura provvisti adegwati ta’ prodotti mediċi kritiċi u distribuzzjoni bbilanċjata ta’ ħaddiema tas-saħħa, u billi tinvesti fis-saħħa elettronika.
2.Ittaffi l-impatt soċjali u tal-impjiegi tal-kriżi, inkluż billi tippromwovi ħiliet u appoġġ attiv għal dawk kollha li qed ifittxu impjieg.
3.Tiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri li jappoġġaw il-likwidità tad-ditti, b’mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Tavvanza l-proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u l-promozzjoni tal-investiment privat biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq it-trasport sostenibbli, il-produzzjoni u l-użu nadif u effiċjenti tal-enerġija, l-infrastrutturi tal-enerġija u diġitali kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni.
4.Tkompli ttejjeb l-ambjent regolatorju, tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għad-ditti u tissimplifika s-sistema tat-taxxa.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President