Brussell, 4.11.2025

COM(2025) 684 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar in-nefqa tal-FAEG




















Sistema ta’ Twissija Bikrija 1-6/2025


1.Proċedura tal-baġit tal-FAEG tal-2025

Fis-27 ta’ Novembru 2024, il-Parlament Ewropew adotta l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-2025. Il-baġit għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jammonta għal EUR 39 975,9 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u għal EUR 40 030,7 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament. Ir-raġuni għall-ammonti differenti għaż-żewġ tipi ta’ approprjazzjonijiet hija l-użu ta’ approprjazzjonijiet differenzjati għal ċerti miżuri implimentati direttament mill-Kummissjoni. Dawn huma prinċipalment relatati mal-miżuri ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli u mal-miżuri ta’ strateġija tal-politika, ta’ koordinazzjoni u ta’ awditjar.

2.Dħul assenjat għall-FAEG

Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2021/2116, id-dħul li joriġina mill-korrezzjonijiet finanzjarji fil-qafas tad-deċiżjonijiet dwar il-kontabbiltà u l-prestazzjoni kif ukoll mill-irregolaritajiet, jikkostitwixxi dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG.

Skont l-Artikolu 45(2), id-dħul assenjat jista’ jerġa’ jintuża biex ikopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ kwalunkwe nefqa tal-FAEG. Id-dħul assenjat miġbur u li jibqa’ ma jintużax matul is-sena finanzjarja jiġi riportat awtomatikament għas-sena finanzjarja ta’ wara 1 .

Il-baġit tal-FAEG tal-2025 jinkludi:

·l-istimi tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-miżuri tas-suq (inkluża r-riżerva għall-agrikoltura) u l-pagamenti diretti taħt ġestjoni kondiviża u nefqa oħra taħt ġestjoni diretta;

·l-istimi tad-dħul assenjat li għandu jinġabar matul is-sena finanzjarja;

·u r-riport tal-bilanċ tad-dħul assenjat li kien għadu disponibbli mis-sena finanzjarja ta’ qabel.

Fil-proposta tagħha għall-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2025, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni. Għall-baġit tal-2025, il-Kummissjoni talbet livell ta’ approprjazzjonijiet ikkalkulat billi jitnaqqas id-dħul assenjat stmat mill-ħtiġijiet stmati. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit tal-FAEG tal-2025 filwaqt li qieset id-dħul assenjat mistenni.

Meta ġie stabbilit il-baġit tal-2025, l-istima tal-Kummissjoni tad-dħul assenjat disponibbli kienet tammonta għal EUR 949,4, li minnhom, EUR 554,4 miljun kienu ġew riportati mill-Baġit tal-2024. Il-Kummissjoni qieset li dan l-ammont riportat u d-dħul stmat li jrid jinġabar fl-2025 meta talbet l-approprjazzjonijiet għall-appoġġ bażiku għall-introjtu għas-sostenibbiltà (il-partita 08 02 04 01). Is-somma tal-approprjazzjonijiet ivvutati għal din l-iskema u d-dħul assenjat stmat hija ta’ EUR 18 959 miljun.

Id-dħul assenjat eventwalment riportat mill-2024 kien marġinalment ogħla, u jammonta għal EUR 555,8 miljun.

3.Tabella tal-konsum proviżorju fit-30 ta’ April 2025

Dan ir-rapport jippreżenta l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-2025 għall-FAEG fit-30 ta’ April 2025 u d-dettalji jinsabu fit-tabella hawn taħt.

Qed isir tqabbil bejn il-livell ta’ implimentazzjoni u l-profil tan-nefqa tas-sistema ta’ twissija bikrija li ġiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 19
tar-Regolament (UE) 2021/2116.

4.Kummenti dwar ir-riżerva għall-agrikoltura tal-2025

Il-Baġit tal-2025 jinkludi ammont ta’ EUR 646,7 miljun għar-riżerva għall-agrikoltura, inkluż riport ta’ EUR 366,5 miljun mill-Baġit tal-2024.

Sa issa, din is-sena baġitarja ġew adottati tliet miżuri, li jallokaw EUR 113,7 miljun 2 .

In-nefqa totali magħmula għar-riżerva għall-agrikoltura sal-aħħar ta’ April,  għall-miżuri adottati fis-sena finanzjarja 2024 b’data ta’ eliġibbiltà fis-sena finanzjarja 2025, tammonta għal EUR 191,8 miljun.

5.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2025

L-eżekuzzjoni proviżorja tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2025, għall-perjodu sat-30 ta’ April 2025, hija kemxejn ogħla mill-profil tan-nefqa kkalkulat (2,6 punti perċentwali).

Għall-kuntrarju tas-snin finanzjarji preċedenti, in-nefqa għat-tipi ta’ interventi settorjali kumplessivi skont il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (08 02 02) turi devjazzjoni ’l fuq mill-profil.

Il-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ interventi tal-pagamenti diretti skont il-Pjan Strateġiku tal-PAK (08 02 04) juru eżekuzzjoni tal-baġit li taqbeż l-aspettattivi.

Diġà huwa disponibbli dħul assenjat (6 2 0 0) ta’ EUR 685,7 miljun, u huwa mistenni li jinġabru ammonti addizzjonali matul is-sena finanzjarja.

Abbażi tad-data disponibbli sal-aħħar ta’ April, is-servizzi tal-Kummissjoni jassumu li l-approprjazzjonijiet ivvutati, flimkien mal-ammont tad-dħul assenjat mistenni li jkun disponibbli fi tmiem is-sena finanzjarja, se jkunu biżżejjed biex ikopru n-nefqa kollha.

(1)

   L-Artikolu 12(4)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni jiddetermina li l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat intern jistgħu jiġu riportati biss għas-sena finanzjarja ta’ wara. Għalhekk, fl-interessi ta’ ġestjoni baġitarja tajba, dan id-dħul assenjat ġeneralment jintuża l-ewwel, qabel l-approprjazzjoni vvotata tal-artikolu baġitarju kkonċernat.

(2)

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/441 tas-6 ta’ Marzu 2025 li jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn eventi klimatiċi avversi u diżastri naturali fi Spanja, fil-Kroazja, f’Ċipru, fil-Latvja u fl-Ungerija, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (ĠU L, 2025/441, 10.3.2025 
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/441/oj )

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1137 tal-10 ta’ Ġunju 2025 li jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn avvenimenti klimatiċi avversi u diżastri naturali fiċ-Ċekja u fis-Slovenja, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.(ĠU L, 2025/1137, 11.6.2025 
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1137/oj )

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1145 tal-10 ta’ Ġunju 2025 dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-settur tal-ħalib u għas-settur tal-laħam tal-majjal fil-Ġermanja (ĠU L, 2025/1145, 11.6.2025 
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1145/oj )