|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1109 |
26.5.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1109
tat-22 ta’ Mejju 2026
li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-glutaraldeid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 2, 3, 4, 6, 11 u 12 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
|
(1) |
Il-glutaraldeid ġie approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 2, 3, 4, 6, 11 u 12 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1759 (2), soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
L-approvazzjoni tal-glutaraldeid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 2, 3, 4, 6, 11 u 12 (“l-approvazzjoni”) se tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2026. Fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2025, ġew sottomessi l-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-glutaraldeid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 2, 3, 4, 6, 11 u 12 (“l-applikazzjonijiet”), f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(3) |
Fl-1 ta’ Lulju 2025, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tal-Finlandja infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjonijiet. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha. |
|
(4) |
L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tista’, skont kif ikun xieraq, tirrikjedi lill-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal min-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali. |
|
(5) |
Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) trid tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tissottomettiha lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(6) |
Fl-20 ta’ Frar 2026, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni infurmat lill-Kummissjoni li l-evalwazzjoni ddewmet. Dak id-dewmien huwa marbut mal-valutazzjoni tad-data relatata mal-proprjetajiet (eko)tossikoloġiċi tal-glutaraldeid. L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tistenna li tissottometti r-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-Aġenzija fit-tielet kwart tal-2027. |
|
(7) |
Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikanti, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk, jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għal perjodu twil biżżejjed biex l-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu eżaminati. Wara li tqiesu l-finalizzazzjoni mistennija tal-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, il-limitu ta’ żmien għat-tħejjija u għas-sottomissjoni mill-Aġenzija tal-opinjonijiet tagħha u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni tal-glutaraldeid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 2, 3, 4, 6, 11 u 12, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Marzu 2029. |
|
(8) |
Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, il-glutaraldeid jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 2, 3, 4, 6, 11 u 12, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1759, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-glutaraldeid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 2, 3, 4, 6, 11 u 12, stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1759, hija posposta għall-31 ta’ Marzu 2029.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1759 tat-28 ta’ Settembru 2015 li japprova l-glutaraldeid bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tipi 2, 3, 4, 6, 11 u 12 (ĠU L 257, 2.10.2015, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1759/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1109/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)