|
12.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 7/28 |
Avviż dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ stralċ skont id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (Kaupthing Bank hf.)
2011/C 7/09
Fit-22 ta' Novembru 2010, il-Qorti Distrettwali ta' Rejkjavik ta deċiżjoni li biha nfetħet proċedura ta’ stralċ għal Kaupthing Bank hf., numru ta' reġistrazzjoni Nru 560882-0419, Borgartun 26, Rejkjavik, l-Islanda (“Kaupthing”) skont il-parti B tal-Kapitolu XII tal-Att Islandiż Nru 161/2002 dwar Intrapriżi Finanzjarji, ara. il-punti 3 u 4 tad-dispożizzjoni temporanja V tal-istess Att.
Fid-9 ta' Ottubru 2008 l-Awtorità Islandiża għas-Sorveljanza Finanzjarja (Icelandic Financial Supervisory Authority) eżerċitat l-inkarigu tal-laqgħa tal-azzjonisti ta' Kaupthing skont l-Att Nru 161/2002, ara l-Artikolu 5 tal-Att Nru 125/2008, u ħatret Kumitat għar-Riżoluzzjoni għal Kaupthing. Il-Kumitat għar-Riżoluzzjoni ngħata s-setgħa li jeżerċita l-awtorità sħiħa tal-Bord tad-Diretturi ta' Kaupthing skont l-Att Nru 2/1995 u l-Artikolu 100a tal-Att Nru 161/2002.
B'deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Distrettwali ta' Rejkjavik fl-24 ta' Novembru 2008 Kaupthing ingħata moratorju sat-13 ta' Frar 2009. Din l-awtorizzazzjoni ġiet estiża tliet darbiet. Billi t-tul massimu taż-żmien skont il-liġi Islandiża ta’ moratorju għal entità huwa sentejn, l-awtorizzazzjoni ġiet estiża għall-aħħar darba fl-24 ta' Novembru 2010.
Bid-dispożizzjonijiet temporanji tal-Att Nru 44/2009, dwar l-emenda tal-Att Nru 161/2002, li daħal fis-seħħ fit-22 ta' April 2009, ġiet implimentata dispożizzjoni speċifika dwar il-ftuħ ta' proċedura ta’ stralċ għal istituzzjonijiet finanzjarji li, qabel ma daħal fis-seħħ l-Att, kienu f'moratorju. Skont id-dispożizzjoni speċifika msemmija, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 101, l-Artikoli 102, 103 u 103a tal-Att Nru 161/2002, kif emendati bil-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 u l-Artikoli 6-8 tal-Att Nru 44/2009 għandhom japplikaw għall-moratorju bl-istess mod daqslikieku kienet infetħet proċedura ta’ stralċ għall-bank b'deċiżjoni ġudizzjarja fil-jum li fih daħal fis-seħħ l-Att. Għalhekk, b’riżultat ta’ dan fit-22 ta' April 2009, jiġifieri fid-data meta l-Att daħal fis-seħħ, infetħet proċedura ta’ stralc għal Kaupthing, u fil-25 ta' Mejju 2009 l-Qorti Distrettwali ta' Rejkjavik ħatret Kumitat tal-Istralċ għal Kaupthing.
F'Ġunju 2009 ġiet ippubblikata stedina għall-preżentazzjoni ta’ talbiet bil-limiti taż-żmien li għandhom jiġu osservati. In-notifika kienet ippubblikata fost oħrajn fil-Gazzetta Legali Islandiża u f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-limitu taż-żmien biex isiru talbiet skada fit-30 ta' Diċembru 2009, u saż-żmien stipulat waslu 28 000 talba. Diġà saru erba' laqgħat tal-kredituri biex jiddiskutu t-talbiet ippreżentati, ir-raba' waħda saret fit-3 ta' Diċembru 2010.
Skont il-punt 2 tad-dispożizzjoni temporanja V fl-Att Nru 161/2002 kif emendata bl-Artikolu 2 tal-Att Nru 132/2010, teħtieġ deċiżjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji biex wara li jiskadi il-moratorju titkompla proċedura ta’ stralċ. Barra minn hekk, deċiżjoni bħal din tikkonferma li l-miżuri kollha li ttieħdu waqt li l-bank kien f'moratorju, inklużi, iżda mhux biss, il-miżuri li ttieħdu skont l-Artikoli 101-103 u l-Artikolu 103a tal-Att Nru 161/2002 ma għandhomx jiġu affettwati wara t-22 ta' April 2009. Billi l-prijoritajiet tat-talbiet ġeneralment għandhom ikunu determinati mid-data li fiha tkun ippubblikata deċiżjoni tal-qorti dwar proċedura ta’ stralċ, għandha tapplika d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Att imsemmi, jiġifieri t-22 ta' April 2009.
Bl-ittra datata s-17 ta' Novembru 2010, il-Kumitat għar-Riżoluzzjoni u l-Kumitat tal-Istralċ għal Kaupthing ippreżenta talba lill-Qorti Distrettwali ta' Rejkjavik biex tinfetaħ proċedura ta' istralċ b'deċiżjoni tal-qorti. Id-deċiżjoni ngħatat fit-22 ta' Novembru 2010. Mid-dokumenti ppreżentati, kien evidenti għall-Qorti li l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 3, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 101 tal-Att Nru 161/2002 intlaħqu, li Kaupthing ma setax iwettaq bis-sħiħ l-obbligi tiegħu lill-kredituri meta dawn jimmaturaw, u li dawn id-diffikultajiet ta' ħlas ma kinux ta' natura temporanja. Id-deċiżjoni stipulat ukoll li kienet se tkun effettiva mit-22 ta' April 2009, ara l-punt 2 tad-dispożizzjoni temporanja V tal-Att Nru 161/2002, ara l-Artikolu 2 tal-Att Nru 132/2010.
Dan l-avviż huwa ppubblikat biex jissodisfa l-obbligi stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 87/2006 dwar in-notifiki tad-deċiżjonijiet dwar ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet finanzjarji.
Rejkjavik, it-2 ta’ Diċembru 2010.
Il-Kumitat tal-Istralċ għal Kaupthing Bank hf.
Ólafur GARðARSSON, Avukat mal-Qorti Suprema
Davíð B. GÍSLASON, Avukat mal-Qorti Distrettwali
Feldís L. ÓSKARSDÓTTIR, Avukat mal-Qorti Distrettwali
Il-Kumitat għar-Riżoluzzjoni għal Kaupthing Bank hf.
Steinar Thór GUðGEIRSSON, Avukat mal-Qorti Suprema
Jóhannes Rúnar JÓHANNSSON, Avukat mal-Qorti Suprema
Knútur THÓRHALLSSON
Theodór S. SIGURBERGSSON