Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑30 ta’ April 2025 (1)

Kawża C-692/23

AVR-Afvalverwerking BV

vs

NV BAR-Afvalbeheer,

Gemeente Barendrecht,

Gemeente Albrandswaard,

Gemeente Ridderkerk,

NV Irado,

Afvalsturing Friesland NV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 12(3) – Kuntratt pubbliku li huwa s-suġġett ta’ għoti msejjaħ ‘in house’ – Kundizzjonijiet – Limitu tal-attivitajiet tal-persuna ġuridika kkontrollata mwettqa fit-twettiq tal-kompiti fdati mill-awtoritajiet kontraenti – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ kumpanniji affiljati fi ħdan il-grupp – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ magħmul minn attivitajiet imwettqa fuq ordni tal-awtoritajiet kontraenti”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) u tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24/UE dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, AVR-Afvalverwerking BV (iktar ’il quddiem “AVR”), u, min-naħa l-oħra, il-Gemeente Barendrecht (il-komun ta’ Barendrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-Gemeente Albrandswaard (il-komun ta’ Albrandswaard, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-Gemeente Ridderkerk (il-komun ta’ Ridderkerk, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“komuni BAR”), NV BAR-Afvalbeheer (iktar ’il quddiem “BAR”), NV Irado (iktar ’il quddiem “Irado”) u Afvalsturing Friesland NV (iktar ’il quddiem “AF”), (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“konvenuti fil-kawża prinċipali”), dwar kuntratti pubbliċi għall-ġbir u għat-trattament tal-iskart domestiku residwu tal-komuni BAR li kienu s-suġġett ta’ għotjiet diretti lil Irado u lil AF abbażi tal-eċċezzjoni msejħa “in house”.

3.        Infakkar li, skont din l-eċċezzjoni, stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Teckal (3) u sussegwentement ikkodifikata, b’mod partikolari, fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24 (4), il-kuntratti pubbliċi mogħtija lil persuni ġuridiċi kkontrollati mill-awtorità kontraenti ma humiex suġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jekk din tal-aħħar teżerċita fuq il-persuna ġuridika kkonċernata kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u jekk din twettaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha favur l-awtorità kontraenti. Fil-fatt, ir-ratio legis ta’ din ir-regola jinsab fil-fatt li, f’każ bħal dan, l-awtorità kontraenti taġixxi, fir-realtà, billi tirrikorri għall-mezzi tagħha stess u li l-entità li tingħata l-kuntratt tagħmel kważi parti mid-dipartimenti interni tagħha (5). Għalkemm il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni fil-każ ta’ kuntratti mogħtija minn awtorità kontraenti li teżerċita, waħedha, kontroll fuq il-persuna ġuridika, il-paragrafu 3 tiegħu jestendi l-istess eċċezzjoni għall-kuntratti mogħtija minn awtorità kontraenti li teżerċita tali kontroll flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra. Fil-fatt, din tal-aħħar hija s-sitwazzjoni f’din il-kawża, li fiha l-persuna ġuridika kkonċernata (jiġifieri, AF) hija kkontrollata minn diversi komuni Olandiżi, inklużi l-komuni BAR.

4.        F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 jeħtieġ li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jitwettaq għoti in house (6), fosthom dik prevista fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu 3, li hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li jeżiġi li l-persuna ġuridika kkontrollata tiddedika “aktar minn 80 % tal-attivitajiet [tagħha]” għat-twettiq ta’ kompiti li ġew fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni dwar l-attivitajiet”). L-Artikolu 12(5) ta’ din id-direttiva jippreċiża li dan il-“perċentwali ta’ attivitajiet” jista’, fost l-oħrajn, jiġi ddeterminat abbażi tal-“fatturat totali medju [...] għat-tliet snin li jippreċedu l-għoti tal-kuntratt”.

5.        F’dan il-kuntest, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk, meta l-persuna ġuridika kkontrollata tagħmel parti minn grupp ta’ impriżi, bħal AF f’dan il-każ, il-kalkolu tal-“perċentwali ta’ attivitajiet” għandux isir biss abbażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ din il-persuna ġuridika jew inkella abbażi tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp.

6.        Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża l-portata tal-eċċezzjoni in house wara l-kodifikazzjoni tagħha bid-Direttiva 2014/24 (7), hija, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ġiet mistoqsija, għall-ewwel darba, dwar l-applikazzjoni konkreta tal-kundizzjoni dwar l-attivitajiet u dwar ir-rilevanza, għal dan l-għan, ta’ oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, tal-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, jew ta’ dak ta’ “dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati” fid-dritt tal-kontabbiltà, skont id-Direttiva 2013/34/UE (8).

II.    Il-kuntest ġuridiku

7.        Il-premessi 5, 31 u 32 tad-Direttiva 2014/24 jistipulaw:

“(5)      Għandu jiġi mfakkar li xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva. […]

[...]

(31)      Hemm inċertezza legali konsiderevoli dwar sa fejn il-kuntratti konklużi bejn entitajiet fis-settur pubbliku għandhom ikunu koperti bir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Il-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija interpretata b’mod differenti bejn l-Istati Membri u anki bejn l-awtoritajiet kontraenti. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ċċarat f’liema każijiet, il-kuntratti konklużi fi ħdan is-settur pubbliku mhumiex soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

Din il-kjarifika għandha tkun iggwidata mill-prinċipji stabbiliti fil-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-sempliċi fatt li ż-żewġ partijiet fi ftehim huma awtoritajiet pubbliċi huma stess, fih innifsu ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist. [...]

Għandu jiġi żgurat li kull kooperazzjoni eżentata bejn l-awtoritajiet pubbliċi ma tirriżultax f’distorsjoni fil-kompetizzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi privati peress li hi tpoġġi lill-fornitur privat ta’ servizzi f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tagħha.

(32)      Kuntratti pubbliċi mogħtija lil persuni ġuridiċi kkontrollati ma għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni tal-proċeduri previsti f’din id-Direttiva jekk l-awtorità kontraenti twettaq kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata simili għal dak li twettaq fuq id-dipartimenti tagħha stess, dment li l-persuna legali kkontrollata twettaq aktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha fit-twettiq ta’ kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha jew minn persuni ġuridiċi oħrajn ikkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti, irrilevanti mill-benefiċjarju tat-twettiq tal-kuntratt.

L-eżenzjoni m’għandhiex tiġi estiża għal sitwazzjonijiet fejn hemm parteċipazzjoni diretta minn operatur ekonomiku privat fil-kapital tal-persuna ġuridika kkontrollata minħabba li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għotja ta’ kuntratt pubbliku mingħajr proċedura kompetittiva tagħti lill-operatur ekonomiku privat b’parteċipazzjoni kapitali fil-persuna ġuridika kkontrollata vantaġġ mhux dovut fuq il-kompetituri tiegħu. [...]. Barra minn dan għandu jiġi ċċarat li l-element deċisiv huwa biss il-parteċipazzjoni privata diretta fil-persuna ġuridika kkontrollata. Għalhekk fejn ikun hemm parteċipazzjoni ta’ kapital privat fl-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew fl-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll dan ma jeskludix l-għotja ta’ kontratti pubbliċi lil persuna ġuridika kkontrollata, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċeduri previsti minn din id-Direttiva peress li dawn il-parteċipazzjonijiet ma jaffettwawx b’mod negattiv il-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi privati.

[...]”

8.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘awtoritajiet kontraenti’ tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali u lokali, korpijiet irregolati mil-liġi pubblika, jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew tali korp wieħed jew aktar irregolati mil-liġi pubblika;

[...]

(5)      ‘kuntratti pubbliċi’ tfisser kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi;

[...]

(10)      ‘operatur ekonomiku’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ persuni u/jew entitajiet bħal dawn, inkluża kwalunkwe assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, li joffru l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xogħol, il-forniment ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi fis-suq;

[...]”

9.        L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”, jipprovdi:

“1.      Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ‘l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)      l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;

(b)      aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u

(c)      ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkontrollata.

Awtorità kontraenti għandha titqies li teżerċita kontroll fuq persuna ġuridika li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess skont it-tifsira tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu meta din teżerċita influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ objettivi strateġiċi u deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata. Tali kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti.

[...]

3.      Awtorità kontraenti, li ma teżerċitax kontroll fuq persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew pubbliku skont it-tifsira tal-paragrafu 1, xorta waħda tista’ tagħti kuntratt pubbliku lil dik il-persuna ġuridika mingħajr ma tapplika din id-Direttiva meta jiġu sodisfatti il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin.

(a)      l-awtorità kontraenti teżerċita b’mod konġunt ma’ awtoritajiet kontraenti oħrajn kontroll fuq dik il-persuna ġuridika li huwa simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess;

(b)      aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati mill-istess awtoritajiet kontraenti; u

(c)      ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkontrollata.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kontraenti jeżerċitaw kontroll konġunt fuq persuna ġuridika meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)      il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata huma magħmula minn rappreżentanti ta’ kull awtorità kontraenti parteċipanti. Rappreżentanti individwali jistgħu jirrappreżentaw l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti kollha, jew diversi minnhom;

(ii)      dawk l-awtoritajiet kontraenti huma kapaċi jeżerċitaw flimkien influwenza deċiżiva fuq l-objettivi strateġiċi u d-deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata; u

(iii)      il-persuna ġuridika kkontrollata ma ssegwi l-ebda interess li jmur kontra minn dak tal-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll.

[...]

5.      Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-perċentwali ta’ attivitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 u l-punt (c) tal-paragrafu 4, għandu jittieħed kont tal-fatturat totali medju, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva adatta bħal kostijiet mġarrba minn persuna ġuridika rilevanti jew awtorità kontraenti fir-rigward ta’ servizzi, provvisti u xogħlijiet għat-tliet snin li jippreċedu l-għoti tal-kuntratt.

[...]”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Matul is-sena 1995, il-komuni tal-provinċja ta’ Friesland (il-Pajjiżi l-Baxxi) stabbilixxew organizzazzjoni komuni ta’ trattament tal-iskart mingħajr skop ta’ lukru, jiġifieri AF. Wara din id-data, komuni oħrajn, li ma jinsabux fi Friesland, saru azzjonisti ta’ AF.

11.      AF hija l-kap ta’ grupp ta’ sussidjarji li, skont il-qorti tar-rinviju, uħud minnhom joperaw f’qasam li ma huwiex l-eżekuzzjoni tal-kompiti li ġew fdati lil AF jew lil dawn is-sussidjarji mill-komuni azzjonisti ta’ AF (9). AF tistabbilixxi kontijiet annwali kkonsolidati li, skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34, jinkludu d-data finanzjarja tagħha stess u dik tas-sussidjarji tagħha li fuqhom hija tista’ teżerċita kontroll jew li jinsabu taħt id-direzzjoni unika tagħha.

12.      Barra minn hekk, AF topera hija stess landfill tal-iskart (iktar ’il quddiem il-“landfill inkwistjoni”) fuq ordni tal-komuni tal-Provinċja ta’ Friesland. Din il-landfill tirċievi skart residwu mhux domestiku (10), fost l-oħrajn, skart industrijali u skart minn proġetti komunali, bħat-tindif tal-ħamrija fil-kuntest tal-kostruzzjoni ta’ bini jew it-tneħħija tal-asbestos.

13.      Matul is-sena 2000, tliet komuni tal-provinċja ta’ Zuid-Holland (il-Pajjiżi l-Baxxi) waqqfu l-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru Irado sabiex jiżguraw, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-ġestjoni tal-iskart tagħhom. Matul is-sena 2017, Irado saret azzjonista ta’ AF u, mill‑1 ta’ Frar 2017, inkarigat lil din tal-aħħar bit-trattament tal-iskart domestiku residwu li hija tiġbor f’dawn it-tliet komuni.

14.      Matul is-sena 2015, il-komuni BAR, li jinsabu wkoll fil-provinċja ta’ Zuid-Holland, stabbilixxew l-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru BAR sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-ġestjoni tal-iskart tagħhom (11).

15.      Sal‑31 ta’ Diċembru 2019, kull wieħed mill-komuni BAR kien ikkonkluda ftehim ma’ kumpanniji differenti tat-trattament tal-iskart. Abbażi ta’ dawn il-ftehimiet, AVR, kumpannija kummerċjali speċjalizzata f’dan is-settur, kienet tittratta l-iskart domestiku residwu ta’ dawn il-komuni, parzjalment bħala subappaltatur.

16.      Matul is-sena 2019, il-komuni BAR iddeċidew li BAR kienet ser tieħu sehem fi ħdan Irado u li din tal-aħħar kienet ser tkun responsabbli għall-ġbir kif ukoll għat-trattament tal-iskart domestiku residwu tagħhom.

17.      Fit‑13 ta’ Diċembru 2019, Irado u AF ikkonkludew kuntratt għall-kunsinna, għat-trasport u għat-trattament tal-iskart domestiku residwu tal-komuni BAR mill‑1 ta’ Jannar 2020 (iktar ’il quddiem l-“għoti Irado – AF”).

18.      Fl‑20 ta’ Diċembru 2019, BAR u Irado kkonkludew kuntratt li kien jirrigwarda wkoll it-trattament tal-iskart domestiku residwu tal-komuni BAR (iktar ’il quddiem l-“għoti BAR – Irado”).

19.      Fil‑31 ta’ Diċembru 2019, BAR saret azzjonista ta’ Irado.

20.      AVR ippreżentat rikors quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), intiż, prinċipalment, għall-annullament jew, sussidjarjament, għax-xoljiment jew għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni, tal-għotjiet imsemmija fil-punti 17 u 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minħabba li l-kundizzjonijiet li jippermettu għoti in house ma kinux issodisfatti. Dan ir-rikors kien intiż ukoll sabiex tiġi ordnata sejħa għal offerti għal dawn il-kuntratti jekk il-komuni BAR kienu għadhom jixtiequ jagħtuhom.

21.      Wara ċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors minħabba li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-għoti in house kienu ssodisfatti, AVR appellat mis-sentenza quddiem il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju.

22.      Dik il-qorti tindika li huwa paċifiku bejn il-partijiet li ż-żewġ għotjiet imsemmija iktar ’il fuq jaqgħu, bħala prinċipju, taħt l-obbligu ta’ sejħa għal offerti previst mid-Direttiva 2014/24, ħlief jekk tkun tista’ tiġi applikata l-eċċezzjoni in house.

23.      Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tqis li, sabiex tiddeċiedi t-tilwima pendenti quddiemha, għandu, essenzjalment, jiġi evalwat jekk AF tissodisfax, fir-relazzjoni li hija għandha mal-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, ir-rekwiżiti previsti fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) ta’ din id-direttiva. Skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-persuna ġuridika li lilha jingħata l-kuntratt għandha twettaq iktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha. It-tieni dispożizzjoni tippreċiża, min-naħa tagħha, li dan il-perċentwali ta’ attivitajiet huwa ddeterminat, b’mod partikolari, skont id-dħul mill-bejgħ totali medju.

24.      F’dan ir-rigward, l-istess qorti għandha dubji, b’mod partikolari, dwar żewġ aspetti.

25.      Fil-fatt, minn naħa, hija tistaqsi dwar jekk, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni tal-limitu ta’ 80 % tal-attivitajiet hijiex issodisfatta, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss id-dħul mill-bejgħ imwettaq minn AF jew ukoll dak tal-grupp li hija tagħmel parti minnu. Fil-fatt, f’dan il-każ, mill-mod li bih jitqies id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp, dan il-limitu jew jintlaħaq jew ma jintlaħaqx.

26.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li, peress li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 isemmi espressament l-attivitajiet tal-persuna ġuridika li lilha jingħata l-kuntratt pubbliku, id-dħul mill-bejgħ rilevanti għandu jkun biss dak ta’ din il-persuna ġuridika stess, jiġifieri AF. L-użu tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp li tagħmel parti minnu jkun jikkostitwixxi applikazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn dan, id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ma jikkostitwixxix indikatur tajjeb, peress li d-duttrina tal-konsolidazzjoni fid-dritt tal-kontabbiltà hija wisq teknika u kumplessa. Għall-kuntrarju, AVR issostni, min-naħa tagħha, li d-dħul mill-bejgħ tal-grupp għandu jittieħed inkunsiderazzjoni peress li dan huwa l-uniku mod kif tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà fattwali u ekonomika ta’ persuna li tagħmel parti minn grupp (12). Fil-każ kuntrarju, persuna ġuridika kkontrollata minn awtoritajiet kontraenti tkun tista’ tevita r-rekwiżit stabbilit fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, billi topera fil-kuntest ta’ grupp, li fi ħdanu din il-persuna ġuridika teżerċita hija stess iktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha għall-benefiċċju ta’ dawn l-awtoritajiet kontraenti, filwaqt li tiżgura l-operat ta’ kumpannija waħda jew iktar ta’ dan il-grupp fis-suq liberu.

27.      Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tqis li, anki jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa biss id-dħul mill-bejgħ mhux ikkonsolidat ta’ AF li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk hija għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ imwettaq minn AF mill-operat tagħha tal-landfill bħala dħul mill-bejgħ imwettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati mill-awtorità kontraenti. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tenfasizza li AVR issostni li l-landfills ta’ skart industrijali li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi huma parzjalment operati minn operaturi ekonomiċi privati, b’tali mod li, minħabba li l-operat ta’ AF jidħol f’kompetizzjoni ma’ dawn l-operaturi, id-dħul mill-bejgħ marbut mal-landfill ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jallegaw, min-naħa tagħhom, li d-dħul mill-bejgħ ta’ AF fir-rigward tal-landfill inkwistjoni joriġina mit-twettiq tal-kompiti fdati mill-awtoritajiet kontraenti u li għalhekk hemm lok li dan jittieħed inkunsiderazzjoni, indipendentement mill-fatt li dan id-dħul mill-bejgħ jiġi mingħand impriżi terzi li jiddepożitaw l-iskart tagħhom hemmhekk.

28.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kriterju tal-attivitajiet previst fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [2014/24], moqri flimkien mal-Artikolu 12(5) ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta l-perċentwali tal-attivitajiet imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet huwa stabbilit abbażi tad-dħul mill-bejgħ u meta l-persuna ġuridika kkontrollata tagħmel parti minn grupp,

huwa biss id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkontrollata stess li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, jew għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji kemm jekk affiljati jew le fi ħdan il-grupp, bħal, pereżempju:

(i)      id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidatat li fih id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkonċernata għandu jiżdied ma’ dak tal-entitajiet l-oħra ta’ grupp abbażi tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tal-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva [2013/34]; jew

(ii)      id-dħul mill-bejgħ tal-entitajiet li magħhom il-persuna ġuridika kkontrollata tifforma unità ekonomika fis-sens tal-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li huwa unikament id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkontrollata stess li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, il-kriterju tal-attivitajiet imsemmi f’din id-domanda

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

id-dħul mill-bejgħ li joriġina minn utenti terzi li jiddepożitaw skart f’landfill li l-persuna ġuridika kkontrollata topera fuq ordni tal-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala dħul mill-bejgħ imwettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lil dik il-persuna ġuridika mill-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-persuna ġuridika kkontrollata hija f’kompetizzjoni, fost l-oħrajn, ma’ operaturi privati fil-kuntest ta’ dan l-operat?”

29.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn AVR, AF, Irado, BAR, mill-komuni BAR, mill-Gvern Taljan u dak Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Awstrijak, ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fil‑5 ta’ Frar 2025.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

30.      Din il-kawża tirrigwarda l-kundizzjonijiet relatati mal-għoti in house, jiġifieri l-għoti dirett ta’ kuntratti pubbliċi mingħajr sejħa għal offerti fil-każ ta’ kontroll konġunt eżerċitat minn awtoritajiet kontraenti fuq il-persuna ġuridika kkonċernata, skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24.

31.      Infakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta, l-ewwel nett, l-awtorità kontraenti teżerċita, flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq din il-persuna ġuridika analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq l-attivitajiet tagħhom stess (l-ewwel kundizzjoni); it-tieni nett, iktar minn 80 % tal-attivitajiet tal-imsemmija persuna ġuridika huma eżerċitati fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dawn tal-aħħar (it-tieni kundizzjoni), u, it-tielet nett, l-istess persuna ġuridika ma tinkludix, bħala prinċipju, parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat (it-tielet kundizzjoni).

32.      F’dan il-każ, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw esklużivament it-tieni kundizzjoni u joriġinaw minn tilwima li tirrigwarda t-trattament tal-iskart domestiku tal-komuni BAR permezz ta’ struttura ġuridika relattivament kumplessa.

33.      Fid-dawl ta’ din il-kumplessità, jidhirli li huwa opportun, fl-ewwel lok, li jsiru preċiżazzjonijiet li jippermettu li dawn id-domandi jiġu ddefiniti aħjar. Għalhekk, is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jirrigwarda, essenzjalment, il-legalità tal-għoti dirett, mill-komuni BAR, ta’ kuntratt għall-kunsinna, għat-trasport u għat-trattament tal-iskart domestiku residwu ta’ dawn il-komuni lil AF, permezz ta’ konfigurazzjoni elaborata intiża sabiex toħloq kontroll konġunt tal-komuni BAR fuq AF permezz ta’ żewġ entitajiet intermedjarji, BAR u Irado. B’mod aktar speċifiku, bħala l-ewwel pass, il-komuni BAR waqqfu lil BAR, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-ġestjoni tal-iskart tagħhom. Sussegwentement, BAR tat lil Irado, fil-kuntest ta’ għoti in house, kuntratt għall-ġbir u għat-trattament tal-iskart domestiku residwu tat-tliet komuni ikkonċernati (l-għoti BAR – Irado). Irado hija, min-naħa tagħha, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, stabbilita minn tliet komuni oħra tal-istess provinċja bħall-komuni BAR, bl-għan li jiġi implimentat l-immaniġġar tal-iskart ta’ dawn il-komuni l-oħra. Sussegwentement, Irado pproċediet ukoll b’għoti dirett lil AF għall-kunsinna, għat-trasport u għat-trattament tal-iskart domestiku residwu tal-komuni BAR (l-għoti Irado – AF). Min-naħa tagħha, AF hija organizzazzjoni komuni ta’ trattament tal-iskart mingħajr skop ta’ lukru stabbilita minn komuni tal-provinċja ta’ Friesland, u komuni oħra li ma jinsabux f’din il-provinċja, sussegwentement, saru wkoll azzjonisti tagħha. AF hija l-kap ta’ grupp ta’ sussidjarji attivi, b’mod partikolari, fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u tal-fwar mill-kombustjoni tal-iskart residwu jew il-fermentazzjoni organika minn tali skart sabiex tikseb il-bijogass. Barra minn hekk, AF topera hija stess landfill fuq ordni tal-komuni tal-provinċja ta’ Friesland. Din il-landfill tirċievi skart residwu mhux domestiku, fost l-oħrajn, skart industrijali u skart ġej minn proġetti komunali, bħat-tindif tal-ħamrija fil-kuntest tal-kostruzzjoni ta’ bini jew it-tneħħija tal-asbestos.

34.      It-tilwima fil-kawża prinċipali tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, fl-appell, minn AVR, kumpannija kummerċjali attiva fil-qasam tat-trattament tal-iskart, sabiex tikkontesta l-legalità tal-għotjiet BAR – Irado u Irado – AF abbażi tal-eċċezzjoni in house.

35.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex possibbli li tiġi invokata l-eċċezzjoni in house, dik il-qorti tirrileva li għandu jiġi evalwat jekk AF tissodisfax, fir-relazzjonijiet li hija għandha ma’ BAR u Irado, it-tieni kundizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, li skontha AF għandha teżerċita iktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-azzjonisti ta’ AF, jiġifieri Irado u l-komuni l-oħra ta’ Friesland. Tali evalwazzjoni hija kkundizzjonata minn żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, id-dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-kriterju tal-attivitajiet, peress li l-limitu ta’ “iktar minn 80 %” tal-attivitajiet jintlaħaq biss permezz tad-dħul mill-bejgħ ta’ AF meħud waħdu u mhux permezz ta’ dak tal-grupp li tagħmel parti minnu (l-ewwel domanda preliminari) u, min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ imwettaq mil-landfill ta’ AF bħala dħul mill-bejgħ iġġenerat fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lil AF mill-azzjonisti li jikkontrollawha (it-tieni domanda preliminari).

36.      Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, inqis utli, fit-tieni lok, qabel ma nipproċedi għall-eżami tal-mertu ta’ dawn id-domandi, li nenfasizza ċerti aspetti marbuta mal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni in house, li, fil-fehma tiegħi, jidhru li huma rilevanti wkoll għall-finijiet ta’ din l-analiżi, anki jekk ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

37.      L-ewwel nett, nirrileva li l-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma ssemmi l-ewwel kundizzjoni imposta fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, li teżiġi li l-awtoritajiet kontraenti jeżerċitaw b’mod konġunt fuq il-persuna ġuridika kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Sambre, b’differenza mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, dan il-paragrafu 3 ma jipprevedix li l-kundizzjonijiet relatati mal-kontroll tal-awtorità kontraenti fuq il-persuna ġuridika li ngħatat il-kuntratt jistgħu jiġu ssodisfatti b’mod indirett, jiġifieri meta l-kontroll jiġi eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti (13). Magħdud ma’ dan, il-kunċett ta’ “kontroll konġunt” fuq il-persuna ġuridika, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmi paragrafu 3, għandu karatteristiċi speċifiċi li huma ppreċiżati fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jistabbilixxi tliet kundizzjonijiet kumulattivi li jirrigwardaw l-elementi li ġejjin: (i) il-kompożizzjoni tal-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata; (ii) il-kapaċità li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-għanijiet u d-deċiżjonijiet importanti tagħha, u (iii) it-tfittxija ta’ interessi konformi ma’ dawk tal-awtoritajiet kontraenti (14).

38.      F’dan ir-rigward, nosserva li, f’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-komuni BAR jagħmlu direttament parti fil-kompożizzjoni tal-korpi deċiżjonali ta’ AF, li jkun jippermettilhom jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjonijiet importanti meħuda minnha. Jidher pjuttost li l-komuni BAR jipparteċipaw indirettament fihom permezz ta’ Irado, peress li din hija kkontrollata minn BAR li, min-naħa tagħha, hija kkontrollata b’mod konġunt mill-komuni BAR (15). Madankollu, fil-każ ta’ tali kontroll indirett permezz ta’ żewġ entitajiet intermedjarji, insibha diffiċli nifhem kif dan it-tip ta’ kontroll kaskata huwa differenti mill-kontroll indirett li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet espressament fil-kuntest tal-kontrolli konġunti. Barra minn hekk, tali tip ta’ kontroll kaskata jwassal, de facto, għal tnaqqis tal-kontroll eżerċitat inizjalment, u b’hekk jitbiegħed mir-ratio legis tal-eċċezzjoni in house li hija bbażata fuq l-idea li l-awtoritajiet kontraenti jwettqu l-missjonijiet ta’ servizz pubbliku tagħhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom (16). Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kontroll eżerċitat fuq AF mill-komuni BAR jikkostitwixxix kontroll reali, analogu għal dak li dawn jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess.

39.      It-tieni nett, nikkonstata li l-ordni li fiha ġew stabbiliti d-diversi relazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jqajjem ukoll xi mistoqsijiet f’dak li jirrigwarda l-mument li fih il-kundizzjonijiet taż-żewġ għotjiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew issodisfatti. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni konformi ta’ dispożizzjoni li tidderoga mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandhom, bħala prinċipju, jiġu ssodisfatti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ għoti (17). F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 17 sa 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, la l-komuni BAR u lanqas BAR innifisha ma kellhom parteċipazzjoni f’Irado waqt l-għoti taż-żewġ kuntratti kontenzjużi. Fil-fatt, l-għoti Irado – AF seħħ fit‑13 ta’ Diċembru 2019 u l-għoti BAR – Irado seħħ fl‑20 ta’ Diċembru 2019, filwaqt li BAR — u għalhekk, indirettament, il-komuni BAR — saret azzjonista ta’ Irado biss mill‑31 ta’ Diċembru 2019. Għalhekk, il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24 għat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi fuq il-punt dwar jekk, fid-dawl tal-ordni kronoloġika li fih ġew konklużi dawn il-kuntratti, dawn tal-aħħar għandhomx jiġu evalwati fl-intier tagħhom, b’tali mod li jittieħed inkunsiderazzjoni bħala d-data tal-konklużjoni taż-żewġ kuntratti kontenzjużi dik li fiha BAR saret azzjonista ta’ Irado, jiġifieri fil‑31 ta’ Diċembru 2019 (18). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni possibbli ta’ operazzjoni li tinkludi diversi atti bħala “kuntratt pubbliku”, din l-operazzjoni għandha tiġi eżaminata fl-intier tagħha u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tagħha (19). Għaldaqstant, jekk il-mument rilevanti għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet relatati mal-eċċezzjoni in house kien id-data tal‑31 ta’ Diċembru 2019, tali applikazzjoni tkun teħtieġ, tal-inqas, il-konferma li l-għoti BAR – Irado daħal fis-seħħ wara din id-data, jiġifieri l‑1 ta’ Jannar 2020 (20).

40.      It-tielet nett, dwar din l-istess problematika, għalkemm il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-domandi preliminari jirrigwardaw iż-żewġ għotjiet diretti, jiġifieri l-għotjiet BAR – Irado et Irado – AF, huwa diffiċli li tinftiehem ir-raġuni għaliex l-attivitajiet ta’ AF huma rilevanti f’dan il-każ sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-għoti BAR – Irado, minkejja li AF ma hijiex parti fil-kuntratt relatat ma’ dan is-suq. Fil-fatt, dawn iż-żewġ għotjiet għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami separat, peress li l-għoti BAR – Irado għandu jiġi eżaminat abbażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ Irado (21).

41.      Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, infakkar li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan prinċipali tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jiġifieri l-moviment liberu tal-prodotti u tas-servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha, jimplika l-obbligu li jiġu applikati r-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta awtorità kontraenti jkollha l-intenzjoni tikkonkludi, ma’ entità ġuridikament distinta, kuntratt b’titolu oneruż, kemm jekk din l-entità tkun hija stess awtorità kontraenti kif ukoll jekk le. Kull eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu għandha tiġi interpretata b’mod strett (22).

42.      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jiġu analizzati dawn id-domandi, u safejn possibbli, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2014/24, il-preċiżazzjonijiet li għandhom isiru għall-kuntratti konklużi bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji stabbiliti fl-imsemmija ġurisprudenza (23).

B.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

43.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li l-persuna ġuridika kkontrollata twettaq iktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, meta l-perċentwali ta’ attivitajiet imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet huwa ddeterminat abbażi tad-dħul mill-bejgħ u din il-persuna ġuridika tikkontrolla, min-naħa tagħha, impriżi oħra li magħhom hija tifforma grupp, din il-kundizzjoni għandha tiġi evalwata biss abbażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ din il-persuna ġuridika jew inkella abbażi ta’ dak ta’ dan il-grupp. F’dan it-tieni każ, dik il-qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp, skont l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2013/34, jew dak tal-entitajiet li magħhom il-persuna ġuridika kkontrollata tikkostitwixxi “unità ekonomika”, fis-sens tal-kunċett ta’ “impriża” li jirriżulta mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

44.      Infakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li l-“perċentwali ta’ attivitajiet” imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva huwa ddeterminat, b’mod partikolari, billi “jittieħed kont tal-fatturat totali medju [...] għat-tliet snin li jippreċedu l-għoti tal-kuntratt”. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li, abbażi tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp li tagħmel parti minnu AF, dan il-“perċentwali ta’ attivitajiet” huwa inqas minn 80 % u li, għaldaqstant, l-għotjiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfawx it-tieni kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, abbażi biss tad-dħul mill-bejgħ (mhux ikkonsolidat) ta’ AF, il-“perċentwali ta’ attivitajiet” huwa ta’ iktar minn 80 % u l-komuni BAR jistgħu leġittimament jinvokaw l-eċċezzjoni in house, peress li din ir-rata ogħla turi l-fatt li AF twettaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha f’isem il-komuni BAR u l-awtoritajiet kontraenti l-oħra li jikkontrollawha (24).

45.      F’dan ir-rigward, nirrileva, qabelxejn, li la l-kunċett ta’ “perċentwali ta’ attivitajiet” u lanqas dak ta’ “dħul mill-bejgħ”, li jinsabu f’dan l-Artikolu 12(5), ma huma ddefiniti jew speċifikati fil-kuntest tad-Direttiva 2014/24.

46.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (25).

47.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li għad-determinazzjoni tal-perċentwali ta’ attivitajiet “għandu jittieħed kont tal-fatturat totali medju, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva adatta bħal kostijiet mġarrba minn persuna ġuridika rilevanti jew awtorità kontraenti fir-rigward ta’ servizzi, provvisti u xogħlijiet għat-tliet snin li jippreċedu l-għoti tal-kuntratt” (26). Magħdud ma’ dan, it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li, “[f]ejn, minħabba d-data li fiha nħolqot il-persuna ġuridika rilevanti jew l-awtorità kontraenti jew meta bdew l-attivitajiet jew minħabba riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha, il-fatturat [...] [ma huwiex] disponibbli għat-tliet snin preċedenti jew [ma għadux] aktar rilevanti, ikun biżżejjed li jintwera li l-kejl ta’ attività hu kredibbli, b’mod partikolari permezz ta’ projezzjonijiet tan-negozju” (27).

48.      Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-dħul mill-bejgħ jirrigwarda l-“persuna ġuridika” jew l-“awtorità kontraenti” kkonċernati mill-għoti. Dan joħroġ min-natura stess tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24, li huwa intiż sabiex jippreċiża l-mod kif għandha tiġi ddeterminata l-perċentwali ta’ attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1), (3) u (4), li, filwaqt li jirreferu għall-kriterju tal-attivitajiet, jużaw huma wkoll il-kliem “persuna ġuridika” (28) jew “awtorità kontraenti” (29). Issa, għall-finijiet ta’ din l-analiżi, huwa biss ir-riferiment għall-“persuna ġuridika” li huwa rilevanti.

49.      Għalhekk, skont l-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet rilevanti, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jinvokaw, il-kunċett ta’ “dħul mill-bejgħ”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi evalwat biss skont id-dħul mill-bejgħ tal-“persuna ġuridika kkonċernata”, f’dan il-każ AF, u mhux tal-grupp li hija tagħmel parti minnu.

50.      Madankollu, inqis li din il-konstatazzjoni, ibbażata fuq interpretazzjoni letterali, ma tistax, waħedha, tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ grupp ta’ impriżi, speċjalment fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24. Fil-fatt, inqis li ma hemmx lok li jintwera eċċess ta’ formaliżmu fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini. Fil-fehma tiegħi, tali approċċ ikun imur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistieden lill-qorti nazzjonali, meta tevalwa jekk l-attività ta’ entità li tingħata l-kuntratt hijiex iddedikata prinċipalment għall-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni “l-fatti kollha tal-każ, kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi” (30).

51.      Għalhekk, fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest u tal-oriġini  tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24, infakkar li, skont il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, il-“kuntratti pubbliċi” huma ddefiniti bħala “kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar” (31). Il-kunċett ta’ “operatur ekonomiku”, min-naħa tiegħu, jinkludi, skont il-punt 10 ta’ din l-istess dispożizzjoni, “kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ persuni u/jew entitajiet [...]  li joffru l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xogħol, il-forniment ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi fis-suq” (32). Għaldaqstant, ma jistax jiġi injorat, fil-kuntest tal-analiżi tal-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, li din id-dispożizzjoni, safejn tirreferi għall-“kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”, tuża t-terminoloġija li hija użata sabiex tiddefinixxi l-“kuntratti pubbliċi”, indipendentement mill-fatt li hija tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw l-għoti tagħhom. Għalhekk, evidentement, dan l-Artikolu 12(1) u (3) jirreferi għal “persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku”, sabiex jiżgura koerenza terminoloġika mal-kunċett ta’ “operatur ekonomiku”, li jirreferi hu wkoll b’mod partikolari għal “persuni ġuridiċi”. Barra minn hekk, peress li l-“kuntratti pubbliċi” huma ddefiniti bħala “kuntratti b’titolu oneruż”, anki fil-kuntest tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 12(3) tal-istess direttiva, l-għoti għandu jiġi fdat lil persuna li tkun parti kontraenti fil-kuntratt. Din l-analiżi kuntestwali tispjega għalhekk l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża l-kunċett ta’ “persuna ġuridika” u mhux kunċett iktar wiesa’, bħal “impriża” jew “grupp ta’ impriżi”, li kienu jippermetti, abbażi biss tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jiġi konkluż li l-perimetru tad-dħul mill-bejgħ rilevanti jista’ jkun iktar estiż minn dak tal-persuna ġuridika kkonċernata. Għalkemm, ċertament, huwa minnu li dan il-leġiżlatur seta’ jirreferi għall-kunċett ta’ “impriża”, la minn din l-analiżi kuntestwali, u lanqas mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2014/24, ma jirriżulta li t-terminu “persuna ġuridika” ġie magħżul deliberatament sabiex jopponi l-kunċett ta’ “impriża” jew li dawn iż-żewġ kunċetti ma jistgħux jeżistu flimkien (33).

52.      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit li l-persuna ġuridika twettaq il-parti l-kbira tal-attività tagħha mal-awtorità jew l-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha għandu l-għan li jiżgura li din id-direttiva tibqa’ applikabbli fil-każ fejn din il-persuna ġuridika tkun attiva fis-suq, u għalhekk tista’ tidħol f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra. Issa, tali persuna ġuridika ma tkunx neċessarjament imċaħħda mil-libertà ta’ azzjoni tagħha mis-sempliċi fatt li d-deċiżjonijiet li jikkonċernawha huma kkontrollati mill-awtoritajiet kontraenti li jżommuha, jekk hija tkun għadha tista’ teżerċita parti importanti mill-attività ekonomika tagħha ma’ operaturi oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, min-naħa l-oħra, meta s-servizzi tal-istess persuna ġuridika huma sostanzjalment intiżi biss għall-awtoritajiet kontraenti, jidher iġġustifikat li din ma taqax taħt ir-restrizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, peress li dawn huma ddettati mix-xewqa li tiġi ppreżervata kompetizzjoni li, f’dan il-każ, ma hemmx iktar lok għaliha (34). Fil-fatt, skont il-premessa 31 tal-istess direttiva, l-eċċezzjoni għall-obbligu ta’ sejħa għal offerti ma għandhiex twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi privati billi tqiegħed fornitur privat ta’ servizzi f’sitwazzjoni privileġġjata meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu.

53.      Huwa dan l-għan li, fil-fehma tiegħi, għandu jiggwida l-analiżi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dħul mill-bejgħ rilevanti. Għaldaqstant, l-għażla bejn id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat jew dak mhux ikkonsolidat, fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni magħmula fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/14, għandha ssir fir-rigward tal-kapaċità tad-dħul li jiżvela jekk il-persuna ġuridika kkontrollata teżerċitax parti sinjifikattiva mill-attività ekonomika tagħha minħabba l-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha jew, inkella, jekk hija teżerċitax biss parti marġinali mill-attività tagħha ma’ operaturi privati oħra (35).

54.      F’dan ir-rigward, inqis li, meta, bħal f’dan il-każ, il-persuna ġuridika kkontrollata tkun tmexxi grupp, u għalhekk taġixxi bħala kumpannija omm, id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ dan il-grupp ikun iktar kapaċi li jirrifletti jekk is-servizzi pprovduti minn din il-persuna ġuridika humiex sostanzjalment destinati għall-awtorità kontraenti jew le.

55.      Fil-fatt, l-ewwel nett, bħala prinċipju, f’tali każ, id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat jipprovdi stampa iktar fidila tad-daqs reali u effettiv ta’ din il-persuna ġuridika kkontrollata, li tippermetti għalhekk li jiġi evalwat jekk hija tistax tidħol f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra, anki indirettament, jiġifieri impriżi oħra li huma kompetituri mas-sussidjarji li hija tikkontrolla. Fil-fatt, minħabba dan il-kontroll eżerċitat fuq is-sussidjarji, mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, id-dħul mill-bejgħ iġġenerat mis-sussidjarji jista’ jiġi “attribwit” lill-kumpannija omm, b’tali mod li jidher loġiku li l-evalwazzjoni tal-perċentwali ta’ attivitajiet imwettqa fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilha minn dawn l-awtoritajiet kontraenti ssir fir-rigward ta’ dan id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li l-attivitajiet tas-sussidjarji kkontrollati tal-grupp ikunu marbuta b’mod inseparabbli, jew anki indispensabbli, mal-eżekuzzjoni tal-kompiti li huma fdati lill-kumpannija omm, b’tali mod li d-dħul mill-bejgħ iġġenerat minn dawn is-sussidjarji għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala dħul mill-bejgħ imwettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti (36).

56.      It-tieni nett, jekk kumpannija omm hija sostnuta minn għoti in house, huwa għal kollox konċepibbli li sussidjarja, anki jekk hija attiva f’suq ieħor, tibbenefika minnha minn perspettiva materjali, billi tkun f’pożizzjoni privileġġata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Fil-prattika, din tal-aħħar tista’ għalhekk tirrikorri għas-solvenza kif ukoll għar-riżorsi umani u materjali tal-kumpannija omm. Bl-istess mod, persuna ġuridika kkontrollata tista’ tippermetti li jiġu applikati tariffi ogħla minn dawk tas-suq lill-azzjonisti pubbliċi, u titlob prezzijiet iktar baxxi lill-partijiet mhux azzjonisti permezz tas-sussidjarji tagħha, li twassal għal kompetizzjoni żleali fil-konfront ta’ operaturi privati li jipprovdu servizzi li jikkompetu mal-partijiet mhux azzjonisti (37).

57.      It-tielet nett, u fuq kollox, l-għażla tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp ikkonsolidat tippermetti li jiġi limitat ir-riskju li l-korpi pubbliċi jkunu jistgħu jevitaw il-prinċipju ta’ sejħa għal offerti fis-sens tad-Direttiva 2014/24 billi jaqsmu b’mod artifiċjali l-istruttura tal-impriżi kkontrollati sabiex josservaw, b’mod fittizju, il-limitu ta’ 80 % ta’ attivitajiet. Fil-fatt, l-operaturi pubbliċi jistgħu sempliċement jaħarbu mill-kompetizzjoni billi jaqsmu impriża b’mod purament formali f’diversi sussidjarji u billi jassenjawlhom il-parti tad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq privat, bl-għan li jiġi evitat dan il-limitu. Dan iwassal fil-fatt għal numru indebitament għoli ta’ eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, għal tnaqqis tal-kompetizzjoni. Għalhekk, l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva u, b’mod partikolari, il-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha, jiġu kompromessi jekk l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jirrikorru għal manuvri intiżi sabiex jaħbu l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi lil impriżi b’ekonomija mħallta (38). L-użu tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat jippermetti għalhekk li jiġu limitati l-possibbiltajiet ta’ tali evażjoni.

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li l-persuna ġuridika kkontrollata hija kumpannija omm ta’ grupp, id-“dħul mill-bejgħ totali medju” ta’ din il-persuna ġuridika kkontrollata, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi assimilat mad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ dan il-grupp. Min-naħa l-oħra, id-dħul mill-bejgħ ta’ grupp ta’ impriżi huwa irrilevanti meta l-persuna ġuridika kkontrollata tkun biss waħda mis-sussidjarji ta’ dan il-grupp, mingħajr ebda kontroll fuq l-impriżi l-oħra tal-istess grupp.

59.      Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tad-domandi mqajma mill-qorti tar-rinviju dwar, essenzjalment,  ir-rilevanza, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/34 jew tal-kunċett ta’ “impriża” li tirriżulta mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, naħseb li approċċ funzjonali għandu jiġi ppreferut għar-raġunijiet li ġejjin.

60.      L-ewwel nett, fir-rigward tad-Direttiva 2013/34, mill-premessa 31 tagħha jirriżulta li “[i]d-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati għandhom jippreżentaw l-attivitajiet ta’ impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha bħala entità ekonomika waħda (grupp). L-impriżi kkontrollati mill-impriża prinċipali għandhom jitqiesu bħala impriżi sussidjarji. Il-kontroll għandu jkun ibbażat fuq min ikollu l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot, imma jista’ jeżisti kontroll ukoll fejn ikun hemm ftehim mal-azzjonisti jew mal-membri sħab. F’ċerti ċirkustanzi l-kontroll jista’ jiġi effettivament eżerċitat meta l-impriża prinċipali jkollha minoranza tal-ishma jew l-ebda sehem fis-sussidjarja” (39).

61.      Minn dan isegwi li din id-direttiva tkopri mhux biss is-sitwazzjonijiet ta’ kontroll tal-kapital iżda wkoll dawk ta’ kontroll kuntrattwali u amministrattiv, b’tali mod li tiffavorixxi approċċ funzjonali. Fil-fatt, l-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jimponu fuq il-kumpanniji omm l-obbligu li jħejju “rapporti finanzjarji kkonsolidati” u “rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat”, meta dawn jeżerċitaw kontroll fuq sussidjarja. Dan il-kontroll għandu jiġi stabbilit abbażi ta’ elementi differenti, jiġifieri jekk il-kumpannija omm għandhiex, b’mod partikolari, il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri ta’ sussidjarja; id-dritt li taħtar jew tneħħi l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tagħha, jew inkella d-dritt li teżerċita influwenza dominanti fuqha permezz ta’ kuntratt.

62.      F’dan ir-rigward, nikkonstata, minn naħa li, għalkemm, ċertament, l-għan essenzjali segwit mit-tħejjija obbligatorja ta’ “rapporti finanzjarji kkonsolidati” jinsab fit-trasparenza tal-kontabbiltà u tal-informazzjoni, jiġifieri l-ħtieġa li jiġi ggarantit li l-azzjonisti tal-kumpannija omm u tas-sussidjarja kif ukoll it-terzi interessati, bħall-investituri u l-partijiet kontraenti, ikollhom stampa fidila tal-prestazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji tal-impriżi kkonċernati (40), jidhirli li, fid-dawl tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit ir-rapport ta’ kontroll imsemmi iktar ’il fuq, il-fatt li l-kumpannija omm għandha tħejji dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati huwa ta’ natura li juri l-eżistenza ta’ “attività ekonomika waħda”, li tidher rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-“perċentwali ta’ attivitajiet”. Fil-fatt, ir-regoli ta’ konsolidazzjoni huma bbażati, fl-aħħar mill-aħħar, fuq loġika komuni għal dik li fuqha huwa bbażat il-kunċett ta’ “impriża” li jirriżulta mid-dritt tal-kompetizzjoni.

63.      Min-naħa l-oħra, nirrileva li interpretazzjoni li tiffavorixxi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontijiet annwali, kif iddeterminati mid-Direttiva 2013/34, sabiex jitwettqu verifiki relatati mal-perċentwali ta’ attivitajiet teżisti wkoll fil-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti minn entitajiet li joperaw fis-setturi speċjali (Direttiva 2014/25) u l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (Direttiva 2014/23/UE (41)). Fil-fatt, sabiex jiġi vverifikat jekk impriża hijiex “affiljata” ma’ ċerta entità kontraenti, u għalhekk direttament jew indirettament suġġetta għall-influwenza dominanti tagħha, dawn iż-żewġ direttivi jipprovdu espressament li l-kontijiet ikkonsolidati jikkostitwixxu “[l]-aktar mod faċli possibbli” sabiex issir tali verifika (42). B’hekk, skont l-imsemmija direttivi, “impriża affiljata” tfisser kull impriża “li l-kontijiet annwali tagħha huma konsolidati ma’ dawk tal-entità kontraenti f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva [2013/34]”, u, meta l-istess servizzi jiġu pprovduti minn “affiljati mal-entità kontraenti, li magħha jifformaw grupp ekonomiku”, il-perċentwali meħtieġa għandhom jiġu kkalkulati “billi jitqies il-fatturat totali li jkun ġej mill-forniment tas-servizzi, tal-provvisti jew tax-xogħlijiet rispettivament minn dawk l-impriżi affiljati” (43). Ma hemm l-ebda raġuni li tista’ tiġġustifika li dawn ir-regoli ma jiġux applikati u interpretati bl-istess mod fil-kuntest tad-Direttiva 2014/24 (44).

64.      Konsegwentement, inqis li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati skont id-Direttiva 2013/34 huma kapaċi jipprovdu elementi addizzjonali għall-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-attivitajiet prevista, b’mod partikolari, fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24.

65.      Tali konklużjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi kkontestata mill-argument invokat mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, skont liema d-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ma jikkostitwixxix indikatur tajjeb, minħabba li d-duttrina tal-konsolidazzjoni fid-dritt tal-kontabbiltà hija teknika u kumplessa wisq, u għandha wkoll diversi eċċezzjonijiet. Għall-kuntrarju, huwa preċiżament safejn il-kumpanniji omm huma obbligati jikkonsolidaw, bil-kontijiet tagħhom stess, il-kontijiet tal-impriżi li tagħhom huma għandhom il-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot tal-azzjonisti, li tagħhom huma jistgħu jaħtru l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv jew li fuqhom għandhom id-dritt li jeżerċitaw influwenza dominanti, li l-perimetru ta’ konsolidazzjoni jipprovdi stampa fidila tad-daqs reali u effettiv tal-impriża (45). Barra minn hekk, l-ispirtu stess tad-Direttiva 2013/34 huwa li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali billi tingħata immaġni fidila tal-elementi ta’ attiv u ta’ passiv, tas-sitwazzjoni finanzjarja u tar-riżultati ta’ impriża, li tikkontribwixxi wkoll sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tad-Direttiva 2014/24 billi jiġu limitati l-possibbiltajiet ta’ evażjoni tagħha (46).

66.      It-tieni nett, fir-rigward tal-użu tal-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “unità ekonomika” li joħorġu mid-dritt tal-kompetizzjoni, ninnota li r-regoli tal-Unjoni dwar il-kontijiet ikkonsolidati ma humiex applikabbli f’ċerti każijiet, pereżempju minħabba d-daqs tal-impriżi kkonċernati jew minħabba li ċerti kundizzjonijiet marbuta mal-forma ġuridika tagħhom ma humiex issodisfatti (47). Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li “persuna ġuridika kkontrollata” tuża, għall-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilha, persuna ġuridika oħra li fiha l-“persuna ġuridika kkontrollata” għandha sehem minoritarju, b’tali mod li din il-kumpannija tevita l-obbligu ta’ konsolidazzjoni. F’każ bħal dak, jista’ għalhekk jiġi previst kriterju alternattiv sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tal-kundizzjoni dwar l-attivitajiet u jista’, fil-fatt, ikun utli li wieħed jibbaża ruħu fuq il-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “unità ekonomika”, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “impriża”, li jinsab fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, huwa terminu awtonomu li jindika l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, u jinkludi “kull entità involuta f’attività ekonomika, irrilevanti mill-istat legali ta’ din l-entità u mill-mod li bih kienet iffinanzjata” (48). Ispirata minn approċċ funzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kunċett ta’ “impriża” jirreferi għal unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Fil-fatt, billi jsemmi l-attivitajiet tal-impriżi, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jistabbilixxi bħala kriterju deċiżiv l-eżistenza ta’ unità ta’ aġir fis-suq, mingħajr ma s-separazzjoni formali bejn diversi kumpanniji li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom tista’ tipprekludi tali unità għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (49). Dan il-kunċett ta’ “unità ekonomika” ġie żviluppat u applikat sabiex jintlaħaq għan doppju: minn naħa, sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE l-ftehimiet li jseħħu bejn entitajiet li jappartjenu lill-istess impriża u, min-naħa l-oħra, sabiex l-aġir antikompetittiv ta’ sussidjarja fi ħdan grupp ta’ kumpanniji jiġi imputat lill-kumpannija omm.

67.      L-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ għanijiet ma jikkorrispondix, b’analoġija, għar-rekwiżiti li jeħtieġ il-kunċett ta’ “persuna ġuridika” fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24, sa fejn dan jirrigwarda wkoll “ftehimiet” – il-kuntratti pubbliċi, peress li huma kuntratti b’titolu oneruż konklużi ma’ operatur ekonomiku wieħed jew diversi – b’tali mod li, jekk tali persuna ġuridika, bħala kumpannija omm, tifforma flimkien mas-sussidjarji kkontrollati minnha, unità ekonomika waħda, id-dħul mill-bejgħ ta’ din l-impriża jiżvela l-attivitajiet ta’ din il-persuna ġuridika u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkontrollata l-osservanza tal-kundizzjoni dwar l-attivitajiet (inkluż fl-assenza ta’ konsolidazzjoni). Għaldaqstant, l-użu ta’ kriterji alternattivi sabiex jiġi żgurat l-effett sħiħ tal-kundizzjoni dwar l-attivitajiet ma jistax jeskludi l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni (pereżempju, meta ma jkunx hemm rabta ta’ kapital iżda biss rabtiet kuntrattwali bejn l-impriżi). Fil-fatt, il-kunċett ta’ “unità ekonomika” fid-dritt tal-kompetizzjoni jikkontribwixxi sabiex jiġi evitat li kumpannija omm tkun tista’ taħrab mill-effetti ta’ dan id-dritt minħabba s-sempliċi fatt li hija biss is-sussidjarja tagħha li twettaq ksur. Dan l-argument jista’ jitressaq fir-rigward tal-kriterju tal-attivitajiet. Jekk il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu unità ekonomika waħda, allura d-dħul mill-bejgħ ta’ din l-unità ekonomika għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkontrollata l-osservanza tal-kriterju tal-attivitajiet, inkluż fl-assenza ta’ konsolidazzjoni.

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-punt b tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni li l-persuna ġuridika kkontrollata twettaq iktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, meta l-perċentwali ta’ attivitajiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet hija ddeterminata abbażi tad-dħul mill-bejgħ u l-persuna ġuridika kkontrollata tkun tmexxi grupp li għalih huma stabbiliti kontijiet ikkonsolidati għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata abbażi tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ dan il-grupp konformement mal-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2013/34, jew, b’mod partikolari, sa fejn din id-direttiva ma tapplikax, abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-rigward tal-kunċett ta’ “impriża” li jirriżulta mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

C.      Fuq it-tieni domanda preliminari

69.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, għad-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkontrollata mwettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ imwettaq mingħand utenti terzi fi swieq li fihom hija tinsab ukoll f’kompetizzjoni ma’ operaturi privati.

70.      Infakkar li, f’dan il-każ, dik il-qorti tistaqsi jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul mingħand terzi utenti li jiddepożitaw skart fil-landfill operata minn AF bħala dħul mill-bejgħ imwettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-komuni BAR. Għalkemm l-imsemmija qorti tagħmel din id-domanda fl-ipoteżi fejn ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li huwa biss id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkontrollata li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, li, fil-fehma tiegħi, ma huwiex il-każ, ma huwiex eskluż li l-istess qorti jkollha twettaq evalwazzjonijiet fattwali u li minnhom jirriżulta li risposta għat-tieni domanda tkun utli għaliha. Għaldaqstant, inqis li huwa neċessarju li tingħata risposta għalihom.

71.      Qabelxejn, nixtieq nippreċiża li, kuntrarjament għall-ewwel domanda preliminari, din it-tieni domanda ma hijiex intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dħul mill-bejgħ imwettaq mil-landfill ta’ AF għandux jittieħed inkunsiderazzjoni bħala dħul mill-bejgħ iġġenerat minn AF, peress li huwa paċifiku li dan huwa l-każ, iżda pjuttost jekk dan id-dħul mill-bejgħ għandux jitqies bħala li jaqa’ taħt “kompitu fdat mill-awtoritajiet kontraenti”, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, u għalhekk bħala li jagħmel parti mil-limitu ta’ 80 % tad-dħul mill-bejgħ iddedikat għat-twettiq tal-kompiti fdati mill-awtorità kontraenti.

72.      F’dan ir-rigward, infakkar li la din id-dispożizzjoni u lanqas il-punt 1 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtoritajiet kontraenti”, ma jispeċifikaw dak li għandu jinftiehem b’ “kompiti fdati mill-awtoritajiet kontraenti”. Fil-fatt, l-evalwazzjoni ta’ din l-espressjoni hija ta’ natura purament fattwali. Madankollu, għalkemm l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-operat ta’ landfill jaqax taħt “kompitu fdat mill-awtoritajiet kontraenti li jeżerċitaw il-kontroll” għandu jsir esklużivament mill-qorti tar-rinviju, inqis li l-elementi ta’ analiżi li ser jiġu esposti fil-punti li ġejjin jistgħu jkunu utli għaliha.

73.      Fl-ewwel lok, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Carbotermo, “l-attivitajiet ta’ impriża rebbieħa li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni huma dawk kollha li din l-impriża twettaq fil-kuntest ta’ għotja magħmula mill-awtorità aġġudikatriċi u huwa, indipendentement mill-identità tal-benefiċjarju, jekk hijiex l-awtorità aġġudikatriċi stess jew l-utent tas-servizzi.” (50). Għaldaqstant, il-fatt li t-terzi utenti jħallsu għas-servizz tal-landfill, bħala prinċipju, ma għandu ebda effett fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-“perċentwali ta’ attivitajiet”. Minn dan jirriżulta li ma huwiex rilevanti li wieħed ikun jaf min jibbenefika mis-servizz jew min jiffinanzjah, iżda pjuttost jekk dan is-servizz effettivament jirriżultax mit-twettiq tal-kompiti fdati lill-persuna ġuridika mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha. Jekk dan ikun il-każ, id-dħul mill-bejgħ li jirriżulta mill-ħlasijiet magħmula minn utenti terzi huwa effettivament dħul mill-bejgħ li jirriżulta mit-twettiq tal-kompiti fdati.

74.      F’dan il-każ, għalhekk, ma huwiex rilevanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-landfill inkwistjoni tirċievi skart iddepożitat esklużivament minn terzi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk AF kinitx inkarigata topera din il-landfill f’isem il-komuni li jikkontrollawha, għall-finijiet tat-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li jirriżulta li l-imsemmija landfill tirċievi skart residwu mhux domestiku, jiġifieri, fost oħrajn, skart industrijali u skart li joriġina mit-tindif tal-ħamrija. Min-naħa l-oħra, l-għotjiet BAR – Irado u Irado – AF ma kienu jkopru xejn ħlief it-trattament ta’ skart domestiku tal-komuni BAR(51). Dawn iċ-ċirkustanzi jimplikaw, mad-daqqa ta’ għajn, fl-assenza ta’ elementi fattwali oħrajn, li l-kompiti mwettqa minn AF fil-kuntest tal-landfill li hija topera ma jaqgħux taħt il-kompiti fdati mill-awtoritajiet kontraenti, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24.

75.      Fit-tieni lok, l-eċċezzjoni dwar l-għoti in house ma tinkludi ebda kundizzjoni li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għas-setturi li ma humiex miftuħa għall-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-unika kwistjoni li għandha tiġi eżaminata hija dik dwar jekk l-operat tal-landfill ta’ AF (inkluż it-trattament tal-iskart mhux domestiku li jitwettaq ukoll minn operaturi privati) jagħmilx fil-fatt parti mill-eżekuzzjoni ta’ kompitu fdat lil AF mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha. Għalhekk, ma hijiex rilevanti, fiha nnifisha, iċ-ċirkustanza li AF tikkompeti direttament ma’ operaturi privati, minħabba l-fatt li r-rimi ta’ skart residwu domestiku f’landfill huwa pprojbit mil-leġiżlazzjoni Olandiża, peress li huwa biss l-iskart industrijali li jista’ jiġi ddepożitat hemmhekk u li, fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-operat tal-landfills fejn jiġi ddepożitat l-iskart industrijali jikkostitwixxi attività eżerċitata parzjalment minn operaturi privati.

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkontrollata fit-twettiq tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ minn utenti terzi fi swieq li fihom din il-persuna ġuridika tidħol ukoll f’kompetizzjoni ma’ operaturi privati, sakemm jintwera li dawn il-kompiti ġew effettivament fdati lilha minn dawn l-awtoritajiet kontraenti.

V.      Konklużjoni

77.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        il-kundizzjoni li l-persuna ġuridika kkontrollata twettaq iktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, meta l-perċentwali ta’ attivitajiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet hija ddeterminata abbażi tad-dħul mill-bejgħ u l-persuna ġuridika kkontrollata tkun tmexxi grupp li għalih huma stabbiliti kontijiet ikkonsolidati għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata abbażi tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ dan il-grupp konformement mal-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, li temenda d-Direttiva 2006/43/KE u li tħassar id-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE, jew, b’mod partikolari, jekk din ma tapplikax, abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-rigward tal-kunċett ta’ “impriża” li jirriżulta mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u

–        sabiex jiġi ddeterminat id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkontrollata fit-twettiq tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ minn utenti terzi fi swieq li fihom din il-persuna ġuridika tidħol ukoll f’kompetizzjoni ma’ operaturi privati, sakemm jintwera li dawn il-kompiti ġew effettivament fdati lilha minn dawn l-awtoritajiet kontraenti.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, u rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68; fil-ĠU L, 2023/90063; u fil-ĠU L, 2025/90115).


3      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562, punt 50).


4      Ara l-premessa 31 tad-Direttiva 2014/24. Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre & Biesme u Commune de Farciennes (C‑383/21 u C‑384/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sambre”, EU:C:2022:1022, punt 43). Din l-eċċezzjoni ġiet ikkodifikata wkoll fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243, rettifika fil-ĠU L, 2023/90064).


5      Ara, f’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-premessa 5 tad-Direttiva 2014/24 u s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Undis Servizi (C‑553/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Undis Servizi”, EU:C:2016:935, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Id-Direttiva 2014/24 ma tużax espressament it-termini “interna” u “in house” jew “kważi-interna” u “kważi in house”, iżda dawn tal-aħħar issa jintużaw b’mod ġenerali fil-prattika u fid-duttrina. Ara, fuq din it-terminoloġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Irgita (C‑285/18, EU:C:2019:369, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita (C‑285/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Irgita” EU:C:2019:829); tat‑28 ta’ Mejju 2020, Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung (C‑796/18, EU:C:2020:395); tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Remondis (C‑429/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Remondis”, EU:C:2020:436); tat‑12 ta’ Mejju 2022, Comune di Lerici (C‑719/20, EU:C:2022:372), u s-sentenza Sambre.


8      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU 2013, L 182, p. 19).


9      Nosserva, madankollu, li, matul is-seduta, AF sostniet li s-sussidjarji tagħha jwettqu biss l-attivitajiet li huma eżerċitati mill-azzjonisti ta’ AF.


10      Dawn is-sussidjarji għandhom, b’mod partikolari, bħala attivitajiet il-ġenerazzjoni tal-elettriku u tal-fwar permezz tal-kombustjoni tal-iskart residwu jew il-fermentazzjoni organika minn tali skart sabiex jinkiseb il-bijogass.


11      B’mod partikolari fil-kuntest tal-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).


12      Insostenn ta’ dan l-approċċ, AVR tirreferi għas-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei (C‑340/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza Carbotermo”, EU:C:2006:308, punti 60 sa 62) u Undis Servizi (punt 33).


13      Ara s-sentenza Sambre (punt 61).


14      Ara s-sentenza Sambre (punti 62 sa 64). Nosserva li, fil-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni, l-issodisfar ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet kien jikkostitwixxi “preżunzjoni ta’ kontroll” u mhux “kontroll” ipprovat (Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) ta’ din il-proposta COM (2011) 896 finali — 2011/0438 (COD)) .


15      Barra minn hekk, l-għoti Irado – AF ma jikkonċernax it-twettiq ta’ missjonijiet li għandhom jitwettqu minn Irado, iżda dawk li ġew iddelegati lilha minn BAR. F’dan ir-rigward, ninnota li, fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali, AVR ikkontestat il-fatt li BAR kienet teżerċita kontroll effettiv fuq Irado peress li BAR kellha drittijiet tal-vot limitati ħafna f’Irado.


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sambre (punt 72) u Carbotermo (punti 39 u 40), kif ukoll il-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Comune di Lerici (C‑719/20, EU:C:2022:372, punt 40).


18      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑29/04, EU:C:2005:670, punt 38).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung (C‑796/18, EU:C:2020:395, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Kien ikun utli wkoll li jsir magħruf jekk il-kuntratt ta’ għoti BAR – Irado kienx jindika, barra minn hekk, li BAR sar azzjonist ta’ Irado fil‑31 ta’ Diċembru 2019.


21      Id-dħul mill-bejgħ ta’ AF jista’ jkun rilevanti biss jekk ikun stabbilit, minbarra l-fatt li Irado kienet teżerċita kontroll fuq AF paragunabbli għall-kontroll eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess, li l-għoti BAR – Irado kellu bħala uniku għan tiegħu l-għoti tal-kuntratt ta’ trattament tal-iskart lil AF, bil-konsegwenza li ż-żewġ għotjiet jitqiesu bħala assjem wieħed. Madankollu, dan ma jidhirx li huwa l-każ, sa fejn, bħalma jsegwi mill-osservazzjonijiet orali ta’ BAR, il-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn BAR u Irado kien ħafna usa’ u ħafna iktar komplet u kien jikkonċerna, minbarra t-trattament tal-iskart residwu tal-komuni BAR, ukoll sensiela ta’ servizzi oħrajn (bħal, fost l-oħrajn, servizzi ta’ assistenza fil-qasam tal-finanzi, u l-ġestjoni tar-riżorsi umani).


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C‑458/03, EU:C:2005:605, punt 63) u Undis Servizi (punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:344, punt 65).


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sambre (punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Nosserva, madankollu, li l-perċentwali ta’ 80 % jikkostitwixxi livell minimu, liema livell huwa ogħla f’ċerti Stati Membri (ara Hartung, X., u Kuźma, K., “Article 12, Public contracts between entities within the public sector”, f’Caranta, R., u Sanchez-Graells, A. (Ed.), European Public Procurement, Edward Elgar Publishing, 2021, p. 135).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Remondis (punti 23 u 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u Sambre (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Enfasi tiegħi.


27      Enfasi tiegħi.


28      Ara l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1), il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) u l-punt (c) tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24.


29      Ara l-Artikolu 12(2) u (4)(c) tad-Direttiva 2014/24.


30      Ara s-sentenza Undis Servizi (punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


31      Enfasi tiegħi.


32      Enfasi tiegħi.


33      Ara l-Artikolu 11 tal-Proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni (COM (2011) 896 finali — 2011/0438 (COD)).


34      Ara s-sentenza Undis Servizi (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża ARGE (C‑94/99, EU:C:2000:330, punt 77).


35      Ara s-sentenza Carbotermo (punt 63).


36      F’dan il-każ, nirrileva li mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-trattament tal-iskart ma jidhirx li huwa żgurat esklużivament minn AF, iżda huwa żgurat ukoll minn sussidjarji li jipparteċipaw fl-għażla u fl-inċinerazzjoni tiegħu. Dawn l-attivitajiet eżerċitati mis-sussidjarji ta’ AF huma għalhekk marbuta mill-qrib u essenzjali għall-implimentazzjoni tal-għoti in house.


37      Fir-rigward ta’ tali riskju ta’ sussidji trażversali, ninnota li, f’dan il-każ, AF eskludietu, sa fejn, bħalma spjegat matul is-seduta, it-tariffi applikati għat-terzi ma jistgħux ikunu taħt it-tariffi mħallsa mill-azzjonisti nnifishom.


38      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑29/04, EU:C:2005:670, punt 48).


39      Enfasi tiegħi.


40      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 29 tad-Direttiva 2013/34.


41      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17).


42      Ara l-premessa 39 tad-Direttiva 2014/23 u l-premessa 41 tad-Direttiva 2014/25.


43      Enfasi tiegħi. Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 13(1) u (6) tad-Direttiva 2014/23 kif ukoll l-Artikolu 29(1) u (6) tad-Direttiva 2014/25.


44      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 38 tad-Direttiva 2014/25. Iċ-ċirkustanza li, kuntrarjament għad-Direttiva 2014/24, dawn iż-żewġ direttivi jirreferu espressament għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/34 probabbilment hija spjegata mill-fatt li, fil-kuntest ta’ dawn tal-aħħar, l-entitajiet kontraenti huma ta’ spiss organizzati bħala grupp ekonomiku li jista’ jinkludi sensiela ta’ impriżi distinti, u li għalhekk għandhom jiġu esklużi mis-sejħa għal offerti ċerti kuntratti mogħtija lil impriża affiljata li l-attività prinċipali tagħha hija li tipprovdi servizzi lill-grupp li għalih tappartjeni u mhux li toffrihom fis-suq (ara l-premessa 39 tad-Direttiva 2014/25 u l-premessa 38 tad-Direttiva 2014/23).


45      Ara, wkoll, il-premessa 20 tad-Direttiva 2013/34, li tipprevedi li “[n]umru limitat ta’ formati għall-karta tal-bilanċ huwa neċessarju biex jippermetti lill-utenti tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji jqabblu aħjar il-pożizzjoni finanzjarja tal-impriżi fi ħdan l-Unjoni”.


46      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 9 tad-Direttiva 2013/34.


47      Ara l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/34 li jimponi eċċezzjonijiet fir-rigward ta’ “gruppi żgħar” u ta’ “gruppi ta’ daqs medju”.


48      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dwar il-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “unità ekonomika”, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2022:586, punti 24 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Finanzamt T II (C‑184/23, EU:C:2024:416, punti 1 u 38), f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “grupp tal-VAT”, jiġifieri grupp iffurmat minn persuni indipendenti mill-perspettiva ġuridika, iżda marbuta mill-qrib bejniethom fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv.


49      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Ara s-sentenza Carbotermo (punti 65 u 66) (enfasi miżjuda minni) kif ukoll il-premessa 32 tad-Direttiva 2014/24.


51      B’mod iktar preċiż, skont il-komuni BAR, wara konsultazzjoni organizzata minn BAR dwar kuntratt għat-trattament sostenibbli tal-iskart domestiku, deher li AVR ma kinitx adatta sabiex tiżgura trattament sostenibbli ta’ dan l-iskart, b’mod partikolari, fid-dawl tal-perċentwali minima ggarantita ta’ separazzjoni għall-imballaġġ tal-plastik, għall-imballaġġ tal-metall u għall-kartun tax-xorb, bl-għan li jiġi inċinerat l-inqas skart possibbli, u dan kien jiġġustifika l-għotjiet in house lil Irado u AF.