European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/766

11.2.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Politiki industrijali speċifiċi għas-settur li jappoġġjaw awtonomija strateġika akbar

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/766)

Relatur:

Alain COHEUR

Korelatur:

Antonello PEZZINI

Konsulent

Giannino BERNABEI (għall-korelatur tal-Kategorija 1)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18.1.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali

Adozzjoni fis-sezzjoni

5.11.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

4.12.2024

Sessjoni plenarja Nru

592

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

189/3/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

F’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) enfasizza l-eżistenza ta’ riskji komuni f’setturi industrijali differenti ħafna. Minkejja li t-tweġibiet spiss jistgħu jkunu l-istess, dawn għandhom ikunu mmirati. Il-KESE jappella b’mod urġenti lill-Kummissjoni Ewropea (KE) biex terġa’ tibda l-analiżijiet u l-perspettivi tal-politika industrijali settorjali permezz ta’ eżerċizzji ta’ prospettiva bl-għan li jerġgħu jinkisbu pożizzjonijiet kompetittivi globali.

1.2.

Il-KESE jistieden lill-KE twettaq malajr azzjonijiet immirati biex tappoġġja s-setturi strateġiċi differenti tal-kimika u d-derivattivi tagħha, il-metallurġija u ċ-ċibersigurtà.

1.3.

Għall-KESE, is-suq uniku jrid jiżgura awtonomija akbar mid-dipendenzi esterni fil-ktajjen tal-provvista, tal-proċessi u tal-prodotti, iżda jrid jidderieġi wkoll l-450 miljun konsumatur tiegħu lejn il-prodotti Ewropej permezz tad-definizzjoni tal-istandards tas-sostenibbiltà, iċ-ċirkolarità u l-impronta tal-karbonju, u b’hekk is-suq uniku jkun jista’ jkompli jsaħħaħ il-leġittimità tiegħu.

1.4.

Sabiex jiġi miġġieled it-tnaqqis industrijali, il-KESE jemmen li l-kumpaniji jeħtieġu aċċess għal istituzzjonijiet bankarji li jappoġġjaw il-politika industrijali li għandha l-għeruq fit-territorji tagħna, ħaddiema dejjem aktar ikkwalifikati u ċentri akkademiċi li jippromovu l-innovazzjoni u r-riċerka biex jinħolqu l-impjiegi tal-futur.

1.5.

Fil-qasam tas-sustanzi kimiċi, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu s-sħubijiet biex jiġu stimulati l-innovazzjoni u l-investiment, tiġi rilokata l-industrija kimika u jiġu lokalizzati ċentri tat-teħid tad-deċiżjonijiet fit-territorju Ewropew, jiġu standardizzati l-istandards ta’ kwalità għall-iskart tal-plastik isseparat/ittrattat minn qabel, u jiġi stabbilit suq sekondarju uniku u miftuħ biex tiġi żgurata provvista kontinwa ta’ skart tal-plastik għat-tħaddim ta’ impjanti ta’ riċiklaġġ kimiku.

1.6.

Fil-qasam taċ-ċibersigurtà u fid-dawl tat-theddid, il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita aktar superviżjoni kontinwa, kif ukoll l-iżvilupp ta’ programmi ta’ assistenza teknika preventiva li jkunu aċċessibbli għall-intrapriżi kollha.

1.7.

Fil-fehma tal-KESE, tnaqqis ulterjuri fl-industrija metallurġika huwa inaċċettabbli, peress li jirriskja li jdgħajjef serjament l-awtonomija strateġika tagħna, is-setturi industrijali kollha tagħna (l-industriji ferrovjarji, nukleari, marittimi, spazjali, awtomobilistiċi, tad-difiża, eċċ.) u, konsegwentement, il-futur industrijali tagħna. Aktar minn qatt qabel, l-Ewropa teħtieġ Patt Industrijali biex issaħħaħ il-Patt Ekoloġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar l-Ekonomija Ċirkolari, issaħħaħ l-alleanzi industrijali fl-industrija tal-metall permezz ta’ proġetti importanti ta’ interess komuni, tirriindustrijalizza ħafna territorji mhux rekuperabbli biex toħloq mill-ġdid impjiegi ta’ kwalità tajba u bbażati fil-komunità.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Quddiem il-permakriżijiet, l-Ewropa saret konxja tal-ħtieġa li twieġeb għad-dipendenzi strateġiċi u d-dgħufijiet strutturali tagħha. L-awtonomija strateġika tista’ tinkiseb biss jekk l-industriji ewlenin u l-industriji strateġiċi, inklużi dawk intensivi fl-enerġija u l-ilma, jibqgħu fl-Ewropa u jinvestu fiha.

2.2.

In-nuqqas ta’ affidabbiltà tan-networks globalizzati u l-ħtieġa li jiġu żgurati aħjar il-ktajjen tal-provvista qed isiru bżonn ekonomiku u operazzjonali. Id-deterjorament tal-kuntest ġeopolitiku u tas-sigurtà, kif ukoll il-miżuri meħuda minn ċerti pajjiżi terzi, ħolqu kundizzjonijiet għal kważi monopolju fuq il-materja prima, bħala riżultat ta’ sussidji enormi għall-produzzjoni li jfixklu l-kummerċ u l-kompetizzjoni inġusta.

2.3.

Aktar minn qatt qabel, il-konsumaturi għandhom it-tendenza li jiffavorixxu prodotti tajbin għas-saħħa, sostenibbli u lokali b’rekwiżiti ogħla ta’ prossimità u traċċabbiltà, u dan jaħdem ukoll favur ir-rilokazzjoni tal-produzzjoni lejn l-Ewropa. Is-setturi industrijali tagħna għandhom rwol ewlieni fit-tranżizzjoni tal-ekonomija.

2.4.

Din l-Opinjoni turi l-importanza ta’ ċerti setturi fil-kisba tal-awtonomija strateġika u kif il-politiki industrijali settorjali jistgħu jappoġġjawhom. Ħafna setturi huma essenzjali għall-awtonomija tagħna. Sabiex tikkomplementa l-viżjoni stabbilita fl-Opinjoni Lejn Ewropa aktar reżiljenti, aktar kompetittiva u aktar sostenibbli (1), l-għażla hawnhekk iffukat fuq is-setturi kimiċi, taċ-ċibersigurtà u tal-metallurġija, fid-dawl tal-approċċ ġenerali stabbilit f’Versailles u Granada, u mbagħad reġgħet ġiet diskussa fil-kuntest tad-Dikjarazzjoni ta’ Antwerp tal-4 ta’ Marzu 2024 (2).

2.5.

Pjan ta’ azzjoni industrijali jrid jikkunsidra mill-ġdid l-istrateġiji industrijali settorjali tagħna biex jiġu indirizzati t-tranżizzjonijiet u l-isfidi kollha li jiffaċċjaw. Għall-industriji tagħna, ir-rekwiżiti ewlenin huma:

—

l-iżgurar tal-aċċess għall-materja prima kritika (CRM) (3);

—

il-ġestjoni tal-intrapriżi b’mod effiċjenti fl-użu tar-riżorsi tal-karbonju u tal-ilma (4) biex jirrispondu għar-rabta bejn enerġija/ilma/CRM;

—

l-integrazzjoni tal-progress relatat mad-diġitalizzazzjoni (5);

—

l-aċċess għar-riżorsi finanzjarji u

—

li jkollhomħaddiema b’ħiliet speċjalizzati, taħriġ kontinwu u programmi ta’ taħriġ mill-ġdid, b’attenzjoni partikolari għall-SMEs, b’mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta’ pjan direzzjonali uman u soċjali (6).

2.6.

Sabiex tiġi ppreservata l-kompetittività tal-intrapriżi f’kuntest fejn dawn mhux neċessarjament jikkompetu b’kundizzjonijiet ekwivalenti mal-kompetituri, is-suq uniku jeħtieġ li jiġi rivitalizzat, kif propost fir-rapport Letta u dak ta’ Draghi, biex jitrawmu riċerka u innovazzjoni mill-aktar avvanzati, f’setturi bħall-intelliġenza artifiċjali (IA), it-teknoloġiji kwantistiċi, il-bijoteknoloġiji, il-materjali avvanzati, it-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, u biex jittejbu l-ktajjen tal-provvista u tat-trasport, waqt li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kreditu.

2.7.

Dawn l-isfidi enormi jiġu fi żmien meta l-intrapriżi qed jiffaċċjaw l-aktar tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku f’għaxar snin, meta wieħed iqis il-fatt li d-domanda qed tonqos, l-ispejjeż tal-produzzjoni qed jiżdiedu u l-investiment qed jiċċaqlaq lejn reġjuni oħra. Aktar minn qatt qabel, in-negozji jeħtieġu b’mod urġenti ċ-ċarezza, il-prevedibbiltà u l-fiduċja fl-Ewropa u l-politika settorjali industrijali tagħha.

2.8.

Bħala mexxejja fl-azzjoni klimatika, l-intrapriżi tagħna, inklużi dawk attivi f’setturi strateġiċi, jistgħu jitqiegħdu fi żvantaġġ kompetittiv minħabba li huma soġġetti għal standards ambjentali aktar stretti minn atturi globali oħra. Biex dan jiġi indirizzat, is-settur industrijali jista’ jitqiegħed fuq l-istess livell mal-kompetituri tiegħu permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ politika li jistgħu jnaqqsu r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, u fl-istess ħin iwittu t-triq għal tmexxija teknoloġika industrijali.

2.9.

It-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli toffri lill-UE l-opportunità li ssir mexxejja fis-setturi emerġenti tat-teknoloġija nadifa, u sservi wkoll ta’ katalist għall-immodernizzar tal-industrija tagħha. Tnejn mill-opportunitajiet qed jimmiraw lejn tmexxija teknoloġika fl-enerġija rinnovabbli u effiċjenti fl-użu tal-ilma u lejn l-implimentazzjoni ta’ ekonomija aktar ċirkolari.

3.   Setturi industrijali reżiljenti u kompetittivi

3.1.

Għas-setturi industrijali, l-isfidi huma:

—

li jadattaw il-kapaċità tagħhom biex jintegraw imperattivi kompetittivi ġodda u li juru aktar reżiljenza;

—

li jassorbu x-xokkijiet, li jirreaġixxu b’mod flessibbli għall-ħtiġijiet tas-suq li qed jinbidlu;

—

li jappoġġjaw il-linji gwida tagħhom billi jmorru lil hinn mill-kriterji tal-ispejjeż, sabiex iqisu sew id-dimensjonijiet tas-servizz u l-kwalità, il-ħarsien tal-ambjent u l-preservazzjoni tar-riżorsi umani (impjiegi ta’ kwalità tajba);

—

li jtejbu l-prestazzjoni tagħhom fl-użu tal-enerġija u tal-materjali, waqt li jottimizzaw il-livelli ta’ kompetittività tagħhom fis-swieq globali;

—

li jinżamm livell sinifikanti ta’ investiment fl-innovazzjoni teknoloġika;

—

li jaċċedu aktar faċilment għall-kapital ta’ riskju Ewropew u nazzjonali.

3.2.

Biex jagħmlu dan, l-intrapriżi jeħtieġu aċċess għal istituzzjonijiet finanzjarji li jappoġġjaw il-politika industrijali Ewropea. L-għoti ta’ finanzjament mis-settur privat u mill-banek se jkun kruċjali. Minkejja l-livelli għoljin ta’ dejn u inflazzjoni li jillimitaw il-marġni ta’ manuvra tiegħu, is-settur pubbliku jrid ikompli jkollu rwol ewlieni fl-aċċess għall-finanzi, iżda għandhom jintużaw ukoll ir-riżorsi tas-settur privat, li jidderieġu t-tfaddil tal-unitajiet domestiċi, fejn adatt, lejn assi finanzjarji aktar remunerattivi.

3.3.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-fondi strutturali u reġjonali jeħtieġ li jkunu mmirati biex jintegraw u jibnu mill-aktar fis possibbli infrastrutturi Ewropej ta’ klassi dinjija fil-qasam tal-enerġija, dak diġitali, tal-qbid, tal-użu u l-ħżin tal-karbonju u tar-riċiklaġġ, peress li huma proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni. It-trasport transfruntier jeħtieġ li jiġi dekonġestjonat, jeħtieġ li jiġu żviluppati networks trans-Ewropej u jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli għall-permessi għal proġetti ta’ trasformazzjoni industrijali.

3.4.

It-trasformazzjonijiet li għaddejjin se jirrikjedu wkoll għadd sinifikanti ta’ ħaddiema dejjem aktar kwalifikati. Madankollu, il-forza tax-xogħol kwalifikata biex taħdem fl-enerġija rinnovabbli u diġitalizzata fl-UE hija rari, il-propensità għall-mobbiltà xi drabi hija baxxa u l-impjegaturi jiffaċċjaw kompetizzjoni għolja minn setturi ta’ attività kontigwi. Huwa stmat li dan in-nuqqas ta’ forza tax-xogħol se jaggrava kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-maniġers. Fl-istess ħin, l-iżvilupp tal-IA jġib miegħu opportunitajiet u sfidi li għadhom diffiċli biex jiġu vvalutati, peress li din tippermetti li jsir xogħol aħjar milli jista’ jagħmel il-bniedem fil-ġbir u l-analiżi tad-data jew saħansitra fil-kompiti tat-tfassil. Din hija rivoluzzjoni industrijali ġdida li titlob qafas kulturali ġdid u ħiliet ġodda meħtieġa għal impjiegi ġodda bi kwalifiki għolja.

3.5.

Bl-aggregazzjoni tal-ħtiġijiet espressi fil-livell settorjali, huwa importanti li tinkiseb stampa konsolidata tal-ħtiġijiet fir-rigward tal-kwalifiki, waqt li titqies l-inverżjoni tal-piramida demografika, kif ukoll l-għadd tad-dħul u t-tluq tal-ħaddiema mis-suq tax-xogħol.

3.6.

Jeħtieġ li jitwettqu studji affidabbli mill-KE f’dan il-kuntest. Fejn meħtieġ, l-interventi soċjali jistgħu jiġu applikati biex jirnexxu f’dawn it-tranżizzjonijiet, sabiex jiġu ottimizzati t-trasformazzjonijiet pożittivi u jiġi minimizzat it-tfixkil negattiv fis-soċjetà. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jiġu żviluppati setturi ta’ eċċellenza sabiex ikun hemm forza tax-xogħol kwalifikata.

3.7.

Iż-żieda fil-kompetizzjoni globali minħabba l-ħolqien ta’ ekonomiji ġodda toffri opportunitajiet biex jiġi sfruttat aktar il-potenzjal tas-Suq Uniku tal-UE, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u t-twessigħ tal-konnettività u tal-ktajjen tal-valur globali, iżda din, madankollu, hija akkumpanjata minn riskju dejjem akbar li jintużaw dipendenzi ekonomiċi għal skopijiet ġeopolitiċi u li jinħolqu monopolji globali b’saħħithom ħafna.

3.8.

Dan jirrikjedi t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-assi ekonomiċi strateġiċi tal-UE, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-infrastruttura kritika, sabiex jiġi evitat il-kontroll estern u tiġi bbilanċjata mill-ġdid is-setgħa ekonomika, sabiex terġa’ tinkiseb is-sjieda ta’ ktajjen tal-provvista stabbli u siguri. Jeħtieġ li l-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi objettivi ekonomiċi komuni u taġixxi b’mod indipendenti.

3.9.

Sforzi diplomatiċi kkoordinati se jkunu deċiżivi biex jiżguraw li t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli ssir sforz globali. L-UE għandha opportunità enormi biex tasserixxi u żżomm il-pożizzjoni ewlenija tagħha fid-diplomazija dwar il-klima, dment li żżomm ir-rwol tagħha bħala forza mexxejja għat-tranżizzjoni sostenibbli u tappoġġja moviment globali tal-bidla responsabbli.

4.   Is-settur tal-prodotti kimiċi u dawk relatati mas-saħħa

4.1.

Il-kimika hija wieħed mis-setturi kruċjali għall-awtonomija strateġika u dawk l-aktar affettwati mit-tnaqqis, minħabba t-tnaqqis fir-ritmu tal-ekonomija globali, id-dgħufija tal-iżbokki lokali u t-telf tal-kompetittività minħabba prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-materja prima fl-Ewropa. Is-setturi kimiċi relatati mas-saħħa u b’mod partikolari l-farmaċewtiċi biss irreaġixxew għal din is-sitwazzjoni.

4.2.

L-industrija Ewropea tal-kimika trid timxi lejn in-newtralità klimatika; għandha rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-bidla għal ħafna setturi industrijali. Jeħtieġ li l-UE żżomm bilanċ bejn l-ambizzjonijiet tagħha fir-rigward tal-ambjent u l-kompetittività, waqt li tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha dwar is-sustanzi kimiċi tkun effettiva u tippromovi l-innovazzjoni u li l-approċċ tagħha jkun ibbażat fuq ir-riskju aktar milli projbizzjonijiet fuq skala kbira fuq il-prodotti, bl-użu tal-formula “ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju” fejn meħtieġ.

4.3.

Ir-riċiklaġġ kimiku bħalissa mhuwiex żviluppat biżżejjed minħabba n-nuqqas ta’ qafas leġiżlattiv adattat. Il-potenzjal sħiħ tar-riċiklaġġ kimiku għandu jiġi sfruttat permezz ta’ miżuri ta’ innovazzjoni, kundizzjonijiet ekwi, ktajjen ta’ riċiklaġġ u perkorsi ċari għall-irkupru ta’ plastik wara l-użu li altrimenti jiġi esportat, inċinerat, mormi f’landfill jew moħli.

4.4.

Ir-regoli tal-UE li jappoġġjaw ir-riċiklaġġ kimiku bħala soluzzjoni komplementari għar-riċiklaġġ mekkaniku huma meħtieġa biex jattiraw investimenti f’dawn it-teknoloġiji u jgħinu lill-UE tilħaq il-miri tagħha dwar il-kontenut riċiklat. Il-metodu tal-bilanċ tal-massa, fi stadji gradwali, biex jissostitwixxi perċentwal tal-kontenut tal-fjuwils fossili (mhux rinnovabbli) bi prodotti minn riżorsi ċirkolari, huwa essenzjali.

4.5.

Sabiex jiġu żgurati l-intensifikazzjoni u l-użu sħiħ tar-riċiklaġġ kimiku, hemm bżonn li tittieħed azzjoni skont il-prinċipji gwida bħal:

—

iż-żieda tal-kollaborazzjoni bbażata fuq is-sħubija biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-investiment, bħall-Alleanza għall-Plastiks Ċirkolari;

—

ir-rilokazzjoni tal-industrija kimika u l-lokalizzazzjoni taċ-ċentri tat-teħid tad-deċiżjonijiet fit-territorju Ewropew;

—

l-istandards għal approċċ trasparenti ta’ bilanċ tal-massa jsiru uniformi mal-istandards tal-kwalità għall-iskart tal-plastik isseparat/ittrattat minn qabel, waqt li jintużaw analiżijiet taċ-ċiklu tal-ħajja biex jitkejlu l-impatti ambjentali;

—

jiġi stabbilit suq sekondarju uniku u miftuħ biex tiġi żgurata provvista kontinwa ta’ skart tal-plastik għat-tħaddim tal-impjanti tar-riċiklaġġ kimiku.

4.6.

Għall-prodotti relatati mas-saħħa, il-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura għandhom rwol kruċjali fl-industrija tal-kimika u joffru ħafna opportunitajiet biex jiġu żviluppati prodotti sostenibbli bi prestazzjoni għolja, waqt li jsaħħu l-awtonomija strateġika (7).

4.7.

Is-setturi tas-saħħa u tal-farmaċewtika għandhom jiġu mħeġġa, inkluż permezz ta’ att ambizzjuż dwar il-mediċini kritiċi, biex jiġu indirizzati d-dipendenzi Ewropej u jissaħħu s-sovranità, ir-reżiljenza u l-kapaċità tagħna li ninnovaw u nipproduċu (8).

5.   Is-settur taċ-ċibersigurtà

5.1.

L-Internet tal-Oġġetti Industrijali huwa komponent ewlieni tar-raba’ rivoluzzjoni industrijali (jew “Industrija 4.0”), li jinkorpora ħafna kunċetti u teknoloġiji bħall-IA, il-cloud computing u r-realtà awmentata, iżda li mhuwiex protett biżżejjed u li l-kontroll tiegħu għadu diffiċli biex jiġi eżerċitat.

5.2.

Fil-qasam diġitali, lil hinn mill-prijoritajiet tal-istandardizzazzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għas-Suq Uniku Diġitali, l-Aġenda Diġitali tal-UE, l-Istrateġija dwar id-Data u l-Att Ewropew dwar l-IA jirrikonoxxu l-importanza tal-adozzjoni ta’ standards għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji, u ġiet stabbilita strateġija ta’ standardizzazzjoni.

5.3.

Xi applikazzjonijiet tal-IA jistgħu joħolqu theddid għad-drittijiet taċ-ċittadini u d-demokrazija, li jvarjaw minn sistemi ta’ kategorizzazzjoni bijometrika li jużaw karatteristiċi sensittivi, irkupru mhux immirat ta’ immaġnijiet tal-wiċċ mill-internet, sekwenzi ta’ sorveljanza bil-vidjo għall-ħolqien ta’ bażijiet tad-data tar-rikonoxximent tal-wiċċ, rikonoxximent tal-emozzjonijiet fuq il-post tax-xogħol u fl-istituzzjonijiet edukattivi, punteġġ soċjali, jew sistemi tal-IA li jimmanipulaw l-imġiba tal-bniedem. Dawn l-aspetti kollha jeħtieġu ġestjoni akbar u kontinwa.

5.4.

Fiċ-ċibersigurtà, l-UE qed tiffaċċja riskji dejjem akbar u theddid kumpless. Sabiex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni attwali u tiġi promossa l-kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri, huwa essenzjali li tiġi żviluppata l-koordinazzjoni u li tiġi kondiviża l-informazzjoni dwar l-attakki kontrihom, minkejja s-sensittività tal-informazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali.

5.5.

Jeħtieġ li l-Istati Membri jwettqu valutazzjoni kostanti tar-riskju tal-infrastrutturi u n-networks Ewropej tal-komunikazzjoni. Jeħtieġ li jiġu identifikati ħafna theddidiet għan-networks u l-infrastrutturi tal-komunikazzjoni, bħall-wiper malwares, ir-ransomwares, l-attakki tal-katina tal-provvista, l-attakki fiżiċi, is-sabotaġġ, eċċ.

5.6.

Il-bidla kostanti, l-anonimità u l-assenza ta’ konfini fiċ-ċiberspazju jippreżentaw kemm opportunitajiet kif ukoll riskji għall-funzjonament tas-soċjetà tal-informazzjoni fil-livell individwali, statali u transnazzjonali. L-SMEs jiffaċċjaw riskji serji taċ-ċibersigurtà u l-attakki ċibernetiċi spiss ikunu fatali għalihom. Għalhekk għandhom jiġu implimentati programmi ta’ assistenza teknika preventiva, li għalihom jistgħu jaċċessaw l-intrapriżi kollha.

6.   Metallurġija

6.1.

Il-metallurġija hija kwistjoni sottovalutata, li mhijiex limitata għas-sempliċi sfruttament tal-azzar; fil-fatt, hija preżenti f’ligi speċjali għall-avjazzjoni, l-elettronika, il-bini, il-karozzi, it-TGV, l-enerġija nukleari, mingħajr ma jingħaddu l-użi tagħha ta’ kuljum (bottijiet tal-aluminju, laptops, eċċ.).

6.2.

Huwa ċar li fis-settur tal-azzar, ħafna ċentri tat-teħid tad-deċiżjonijiet m’għadhomx jinsabu fl-Ewropa, iżda fl-Indja, pereżempju, waqt li r-riċerka avvanzata għadha stabbilita sew fl-Ewropa. Id-distanza ġeografika u intellettwali li tirriżulta bejn iċ-ċentri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, tal-manifattura u tar-riċerka spiss twassal għat-telf ta’ ħiliet fil-metallurġija.

6.3.

L-effett kaskata huwa għalhekk konsegwenza ta’ dan; l-isforzi universitarji qed jikbru bħala riżultat tal-abolizzjoni tal-metallurġija mill-kurrikuli, l-edukazzjoni hija aktar bil-mod, l-attraenza tad-dixxiplini industrijali qed tonqos, ir-riċerkaturi u l-inġiniera żgħażagħ huma nieqsa, l-impjiegi qed jonqsu, il-pagi qed jonqsu, il-professjoni qed titlef l-attraenza tagħha u s-settur qed jikkollassa, waqt li l-ħtiġijiet għadhom u qed ikomplu jikbru drastikament.

6.4.

Fil-fehma tal-KESE, tnaqqis ulterjuri fl-industrija metallurġika huwa inaċċettabbli, peress li jirriskja li jdgħajjef serjament l-awtonomija strateġika tagħna, is-setturi industrijali kollha tagħna (l-industriji ferrovjarji, nukleari, marittimi, spazjali, awtomobilistiċi, tad-difiża, eċċ.) u, konsegwentement, il-futur industrijali tagħna.

6.5.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-istrateġija industrijali l-ġdida tal-2020 stabbiliet il-pedamenti għal politika industrijali; madankollu, madwar ħames snin wara, il-ħafna vulnerabbiltajiet li nstabu dak iż-żmien ma tilfu l-ebda rilevanza u r-risponsi strutturali għadhom lura. Aktar minn qatt qabel, l-Ewropa teħtieġ Patt Industrijali biex issaħħaħ il-Patt Ekoloġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għal Ekonomija Ċirkolari, issaħħaħ l-alleanzi industrijali fl-industrija tal-metall permezz ta’ proġetti importanti ta’ interess komuni, tirriindustrijalizza ħafna territorji mhux rekuperabbli biex toħloq mill-ġdid impjiegi ta’ kwalità tajba u bbażati fil-komunità.

6.6.

Sabiex jiġu żgurati l-opportunitajiet għas-setturi strateġiċi Ewropej, huwa essenzjali wkoll li l-450 miljun konsumatur jiġu diretti lejn il-prodotti Ewropej, permezz tad-definizzjoni tal-istandards tas-sostenibbiltà, taċ-ċirkolarità u tal-impronta tal-karbonju li jippermettu lis-suq uniku jsaħħaħ il-leġittimità tiegħu.

Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2024

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   ĠU C, C/2024/4062, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4062/oj.

(2)   https://cms.antwerp-declaration.eu/uploads/declaration.pdf.

(3)   ĠU C 349, 29.9.2023, p. 142.

(4)   ĠU C, C/2024/4062, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4062/oj, u l-Opinjoni tal-KESE ĠU C, C/2024/4659, 9.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4659/oj.

(5)   ĠU C, C/2024/4062, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4062/oj.

(6)   ĠU C, C/2024/4659, 9.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4659/oj.

(7)   ĠU C, C/2024/6026, 8.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/6026/oj.

(8)   ĠU C, C/2024/1568, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1568/oj, u ĠU C, C/2024/3387, 31.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3387/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/766/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)