Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 17.Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-kwadru ta' l-Unjoni Ewropea
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0348 - 0350
17. PROTOKOLL DWAR L-ACQUIS TA' SCHENGEN INTEGRAT FIL-KWADRU TA' L-UNJONI EWROPEA IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA, FILWAQT LI JFAKKRU li d-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li jikkonsistu fi Ftehim dwar t-tneħħija gradwali ta' kontrolli fuq fruntieri komuni iffirmati minn xi Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea f'Schengen fl- 14 ta' Ġunju 1985 u fid- 19 ta' Ġunju 1990, kif ukoll il-ftehim u r-regoli li għandhom x'jaqsmu adottati fuq il-bażi ta' dawk il-ftehim, ġew integrati fil-kwadru ta' l-Unjoni Ewropea permezz ta' Protokoll anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea; BIX-XEWQA li jippreservaw l-acquis ta' Schengen, kif żviluppat minn meta daħal fis-seħħ dan il-Protokoll, fil-qafas tal-Kostituzzjoni, u li jiżviluppaw dan l-acquis sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-mira li jiġi offert liċ-ċittadini ta' l-Unjoni spazju ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja mingħajr fruntieri interni; FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka; FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-fatt li l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ma jipparteċipawx fid-disposizzjonijiet kollha ta' l-acquis ta' Schengen; madankollu għandha tiġi prevista l-possibiltà li dawk l-Istati Membri jitħallew jaċċettaw disposizzjonijiet oħrajn ta' dan l-acquis, parzjalment jew fl-intier; FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li, bħala konsegwenza, huwa meħtieġ li jsir użu mid-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni li jikkonċernaw koperazzjoni msaħħa bejn xi Stati Membri; FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-bżonn li tinżamm relazzjoni speċjali mar-Repubblika ta' l-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja, billi dawn iż-żewġ Stati huma marbuta bid-disposizzjonijiet ta' l-unjoni Nordika tal-passaport, kif ukoll l-Istati Nordiċi li huma membri ta' l-Unjoni Ewropea, FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa: Artikolu 1 Ir-Renju tal-Belġju, r-Repubblika Ċeka, r-Renju tad-Danimarka, r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika Ellenika, r-Renju ta' Spanja, r-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, r-Repubblika Taljana, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Renju ta' l-Olanda, r-Repubblika ta' l-Awstrija, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika Portugiża, r-Repubblika tas-Slovenja, r-Repubblika Slovakka, r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja għandhom ikunu awtorizzati li jimplementaw bejniethom koperazzjoni msaħħa f'oqsma koperti b'disposizzjonijiet definiti mill-Kunsill u li jikkostitwixxu l-acquis ta' Schengen. Din il-koperazzjoni ghandha titmexxa fi ħdan il-qafas istituzzjonali u legali ta' l-Unjoni u b'rispett lejn id-disposizzjonijiet rilevanti tal-Kostituzzjoni. Artikolu 2 L-acquis ta' Schengen għandu japplika għall-Istati Membri previsti fl-Artikolu 1, bla preġudizzju għall-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar it-Trattat u l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka. Il-Kunsill għandu jissostitwixxi l-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-ftehim ta' Schengen. Artikolu 3 Il-parteċipazzjoni tad-Danimarka fl-adozzjoni ta' miżuri li jikkostitwixxu żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri u l-applikazzjoni tagħhom għad-Danimarka, għandhom ikunu ggvernati mid-disposizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka. Artikolu 4 L-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, jistgħu f'kull ħin jitolbu li jipparteċipaw fid-disposizzjonijiet kollha jew f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen. Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea dwar din it-talba. Għandu jaġixxi bl-unanimità tal-membri previsti fl-Artikolu 1 u tal-membru li jirrappreżenta l-Gvern ta' l-Istat Membru kkonċernat. Artikolu 5 Il-proposti u l-inizjattivi bbażati fuq l-acquis ta' Schengen għandhom ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet rilevanti tal-Kostituzzjoni. F'dan il-kwadru, fejn jew l-Irlanda jew ir-Renju Unit jew t-tnejn li huma, ma jkunux innotifikaw lill-President tal-Kunsill bil-miktub fi żmien raġjonevoli li huma jixtiequ jipparteċipaw, l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu III-419(1) tal-Kostituzzjoni għandha titqies li tkun ġiet mogħtija lill-Istati Membri previsti fl-Artikolu 1 u lill-Irlanda jew lir-Renju Unit meta xi wieħed minnhom ikun jixtieq jipparteċipa fl-oqsma ta' koperazzjoni previsti. Artikolu 6 Ir-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja għandhom ikunu assoċjati ma' l-implimentazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen u l-iżvilupp ulterjuri tiegħu. Għandu jsir ftehim dwar il-proċeduri xierqa għal dan l-iskop fi Ftehim li jkun konkluż ma' dawk l-Istati mill-Kunsill, li għandu jaġixxi bl-unanimità tal-membri tiegħu prevista fl-Artikolu 1. Dak il-Ftehim għandu jinkludi disposizzjonijiet dwar il-kontribut ta' l-Islanda u tan-Norveġja għal kull konsegwenza finanzjarja li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll. Ftehim separat għandu jiġi konkluż mill-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu, ma' l-Islanda u n-Norveġja għall-istabbiliment ta' drittijiet u obbligi bejn l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq min-naħa l-waħda, u l-Islanda u n-Norveġja min-naħa l-oħra, fl-oqsma ta' l-acquis ta' Schengen li japplikaw għal dawk l-Istati. Artikolu 7 Għall-finijiet tan-negozjati għall-adeżjoni ta' Stati membri ġodda għall-Unjoni Ewropea, l-acquis ta' Schengen u miżuri ulterjuri adottati mill-istituzzjonijiet fl-ambitu tiegħu għandhom jitqiesu bħala acquis li għandu jkun aċċettat għal kollox mill-Istati kollha li huma kandidati għall-adeżjoni. --------------------------------------------------