|
11.10.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 359/105 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1788
tat-8 ta’ Ottubru 2021
li tissospendi d-dazji anti-dumping definittivi imposti bir-Regolament (UE) 2021/1784 dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(4) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Fl-14 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping (“l-investigazzjoni”) fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti (“AFRPS” jew “il-prodott li qed jiġi investigat”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”, “iċ-Ċina” jew il-“pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku (2). |
|
(2) |
Fit-12 ta’ April 2021, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping provviżorju bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/582 (3) (“ir-Regolament provviżorju”). |
|
(3) |
Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet biħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (l-“iżvelar finali”). Barra minn hekk, il-partijiet interessati rċevew żvelar addizzjonali fit-13 ta’ Awwissu 2021 (“l-ewwel żvelar finali addizzjonali”) u fit-3 ta’ Settembru 2021 (“it-tieni żvelar finali addizzjonali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar l-iżvelar finali u addizzjonali. |
|
(4) |
Wara l-iżvelar finali, Airoldi Metalli S.p.a. (“Airoldi”), Valeo Systèmes Thermiques SAS (“Valeo”) u l-kumpaniji relatati, u TitanX Engine Cooling AB (“TitanX”) ipprovdew informazzjoni dwar bidla fil-kundizzjonijiet tas-suq li saret wara l-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”) (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020), u stqarrew li tali bidliet jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-miżuri, f’konformità mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. |
|
(5) |
Fit-28 ta’ Lulju 2021, fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni ddeċidiet li titlob lill-partijiet interessati fl-Unjoni biex jipprovdu l-kummenti sat-12 ta’ Awwissu 2021 dwar il-possibbiltà li jiġu sospiżi l-miżuri definittivi fi żmien debitu. Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun u l-assoċjazzjoni tagħhom intalbu wkoll jipprovdu informazzjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni għal ċerti indikaturi tad-dannu. Waslu kummenti mit-tliet produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, mill-EA, minn 12-il utent u l-assoċjazzjoni tagħhom u minn ħames importaturi u l-assoċjazzjoni tagħhom. Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun u European Aluminium (“EA”) ipprovdew ukoll l-informazzjoni mitluba dwar ċerti indikaturi. Wara l-iskadenza għall-kummenti, fl-20 ta’ Awwissu 2021 EA indirizzat ukoll ittra lill-Kummissjoni li fiha esprimiet l-oppożizzjoni tagħha għal sospensjoni possibbli tal-miżuri. Euranimi u Airoldi kkummentaw dwar l-ittra ta’ EA. |
|
(6) |
Fl-1 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni żvelat l-intenzjoni tagħha li tissospendi l-miżuri għal disa’ xhur mid-data tal-impożizzjoni tagħhom u talbet lill-partijiet biex jipprovdu l-kummenti sas-6 ta’ Settembru 2021. |
|
(7) |
Wara l-iżvelar, EA sostniet li ż-żmien biex twieġeb għat-talba għal kummenti msemmija fil-premessa (5) kien bi ksur tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament bażiku peress li l-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun u EA ngħataw biss 15-il jum biex iwieġbu minflok it-30 jum imsemmija f’din id-dispożizzjoni. |
|
(8) |
Il-Kummissjoni qieset li, għall-kuntrarju ta’ dak li japplika fil-kuntest tal-investigazzjonijiet, bħal dawk mibdija skont l-Artikolu 5, 11(2) jew 11(3) tar-Regolament bażiku, l-Artikolu 6(2) ma japplikax fil-kuntest tal-Artikolu 14(4), fejn il-Kummissjoni tivvaluta jekk id-dazji għandhomx jiġu sospiżi. L-Artikolu 14(4) ma fih l-ebda referenza għal skadenzi speċifiċi jew dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament bażiku f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni qieset li l-iskadenza stabbilita biex tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba kienet raġonevoli fid-dawl tal-medda limitata (sitt (6) mistoqsijiet miftuħa u għadd limitat biss ta’ indikaturi meta mqabbel ma’ kwestjonarju standard) u l-perjodu kopert (12-il xahar). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppruvat takkomoda t-talba tal-industrija tal-Unjoni għal estensjoni billi tat 2–4 ijiem ta’ xogħol addizzjonali (skont in-natura tal-informazzjoni) lill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun biex jipprovdu t-tweġibiet kompluti tagħhom. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qieset li l-industrija tal-Unjoni kellha biżżejjed żmien biex tipprovdi l-informazzjoni mitluba u din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. |
|
(9) |
Wara l-iżvelar, EA u Elval Halcor S.A. (“Elval”) iddikjaraw li l-partijiet rikjedenti ma kinux rappreżentattivi tal-utenti u l-importaturi tal-Unjoni. Huma argumentaw li proċedura għas-sospensjoni tad-dazji anti-dumping hija proċedura speċifika differenti li għandha tibbenefika mill-istess drittijiet u garanziji proċedurali bħall-investigazzjonijiet u r-reviżjonijiet inizjali. B’mod partikolari, huma sostnew li l-konsum annwali tal-AFRPs miż-żewġ utenti li talbu s-sospensjoni tal-miżuri kien jammonta għal inqas minn 5 % tas-suq tal-Unjoni u li deċiżjoni ta’ sospensjoni tkun sproporzjonata meta mqabbla mar-rappreżentattività tagħhom fis-suq totali tal-Unjoni. |
|
(10) |
Barra minn hekk, EA sostniet li l-Kummissjoni ma żguratx li EA kienet infurmata dwar is-sustanza ta’ dawn it-talbiet u għalhekk kienet qed tikser l-obbligu tagħha li tiżgura li l-partijiet kollha kellhom aċċess għall-istess informazzjoni fil-ħin. B’mod partikolari, hija sostniet li t-talbiet jew ġew ippreżentati fi stadju tard jew kienu vagi, mingħajr referenza għall-Artikolu 14(4) u ma kienu sostnuti minn ebda evidenza. Fuq din il-bażi, EA sostniet li n-nuqqas ta’ amministrazzjoni tajba tal-Kummissjoni kien jeskludi lill-partijiet mill-possibbiltà li jirribattu l-pretensjonijet ta’ ċerti applikanti u b’hekk ta preferenza lil dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, EA sostniet li t-talbiet għal sospensjoni kellhom jiġu ppreżentati lill-“Uffiċċju tal-Ilmenti” biex jiġi ddeterminat jekk kinux jissodisfaw il-kriterji għall-eżami. Abbażi ta’ dan, EA ddikjarat li ġiet trattata b’mod diskriminatorju bi ksur tal-Artikolu 19(2), peress li ma kinitx konxja mit-talbiet. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni ċaħdet bil-qawwi dawn il-pretensjonijiet. Kuntrarju għall-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, l-Artikolu 14(4) ma jipprevedi l-ebda rekwiżit legali fil-forma ta’ perċentwali ta’ rappreżentattività jew ta’ pożizzjoni għal parti biex titlob is-sospensjoni tal-miżuri definittivi. Għall-kuntrarju, dan l-Artikolu jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni tikkunsidra tali kwistjoni fuq inizjattiva tagħha stess. Kif indikat fil-premessa (5) ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni bdiet tiġbor informazzjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess bil-ħsieb li tieħu deċiżjoni dwar jekk is-sospensjoni kif prevista fl-Artikolu 14(4) kinitx xierqa. Fi kwalunkwe każ, l-utenti u l-importaturi kkonċernati jirrappreżentaw ħafna aktar milli kien muri minn EA b’mod ġenerali u f’termini ta’ sehem ta’ volumi ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(4) ma jirreferix għall-ħtieġa li l-partijiet interessati jippreżentaw it-talba tagħhom għal sospensjoni lill-“Uffiċċju tal-Ilmenti”; tali dispożizzjoni lanqas ma timponi proċedura interna speċifika għas-servizzi tal-Kummissjoni biex jiddeċiedu dwar jekk għandhomx jivverifikaw jekk l-elementi fl-Artikolu 14(4) ġewx issodifati. Abbażi ta’ dan, dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux. |
|
(12) |
Sa fejn huwa kkonċernat l-aċċess għat-talbiet għal sospensjoni, l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku ma jipprevedix il-possibbiltà għall-partijiet li jikkummentaw dwar talbiet għal sospensjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni qieset li EA kellha opportunità biżżejjed biex tikkummenta dwar is-sospensjoni possibbli tal-miżuri wara l-iżvelar tas-sejbiet definittivi tal-Kummissjoni fejn saret referenza għal tali possibbiltà (ara l-premessa (367) tal-iżvelar finali) u wara t-talba tal-Kummissjoni biex tipprovdi kummenti dwar il-possibbiltà li jiġu sospiżi l-miżuri definittivi kif imsemmi fil-premessa (5). |
|
(13) |
Barra minn hekk, EA kellha wkoll l-opportunità li tikkummenta dwar it-talbiet għal sospensjoni wara l-kummenti ppreżentati minn Airoldi fit-30 ta’ Lulju 2021 u l-kummenti riveduti ppreżentati minn Valeo fis-27 ta’ Awwissu 2021 fejn talbu s-sospensjoni tal-miżuri kif imsemmi fil-premessa (4). Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li fis-sustanza, dawn it-talbiet għas-sospensjoni kienu bbażati fuq pretensjonijiet oħra, diġà pprovduti mill-partijiet li għamlu t-talbiet, matul l-investigazzjoni. Għalhekk, EA kellha biżżejjed opportunità biex tikkummenta dwar dawn il-pretensjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li dawn l-elementi kienu qed jindikaw kundizzjonijiet tas-suq li nbidlu temporanjament, li l-industrija tal-Unjoni stess kienet qieset matul l-investigazzjoni kif imsemmi fil-premessa (528) tar-Regolament definittiv. |
|
(14) |
EA żiedet li n-nuqqas ta’ proċess dovut kien aggravat mil-limitu ta’ żmien ta’ tlett ijiem ta’ xogħol biex tikkummenta u ddikjarat li l-iskadenza biex jiġu pprovduti l-kummenti dwar id-dokument ta’żvelar ta’ sospensjoni kisret l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, it-talba għal estensjoni tal-iskadenza tagħha ġiet miċħuda mingħajr ġustifikazzjoni xierqa. EA ddikjarat li l-iskadenza biex jiġu pprovduti kummenti kellha tkun ta’ mill-inqas 10 ijiem. |
|
(15) |
Il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku ma japplikax fil-kuntest tal-Artikolu 14(4). Tabilħaqq, l-Artikolu 14(4) ma jirreferix għall-Artikolu 20(5) sa fejn huma kkonċernati l-kummenti u, għall-kuntrarju ta’ Artikoli oħra tar-Regolament bażiku, ma jispeċifikax l-għadd ta’ jiem li għandhom jingħataw biex tiġi kkonsultata l-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(4) jirrikjedi biss li l-Kummissjoni tagħti lill-industrija tal-Unjoni “l-opportunità li tikkummenta”, mingħajr ma jispeċifika xi skadenza obbligatorja f’dan ir-rigward. It-tlett ijiem ta’ xogħol li l-industrija tal-Unjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha kienu biżżejjed biex tippreżenta kummenti sinifikanti. |
|
(16) |
Il-Kummissjoni kienet diġà talbet fil-kwestjonarju tagħha tat-28 ta’ Lulju l-opinjoni tal-industrija tal-Unjoni dwar il-possibbiltà li tissospendi u kienet inkludiet taqsima dwar il-“pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni” fid-dokument ta’ żvelar tagħha tal-1 ta’ Settembru. F’dan l-isfond, ma kienx irraġonevoli li wieħed jirċievi tliet ijiem ta’ xogħol biex jagħmel kummenti dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ informazzjoni u fehmiet ippreżentati preċedentement. Għalhekk, l-għoti ta’ estensjoni tal-iskadenza lanqas ma kien ġustifikat. Abbażi ta’ dan, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. |
|
(17) |
Fit-8 ta’ Settembru 2021, EA tenniet it-tħassib tagħha f’seduta quddiem l-Uffiċjal tas-Seduta u talbitu jagħmel sejba operattiva li l-Kummissjoni tkun imxekkla bil-liġi milli tieħu tali deċiżjoni ta’ sospensjoni f’dan l-istadju minħabba żbalji proċedurali sinifikanti, kif ukoll żbalji sostantivi li jinsabu fl-abbozz ta’ deċiżjoni. Wara seduta kontradittorja, l-Uffiċjal tas-Seduta kkonkluda li l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku ma kienx fih skadenzi jew regoli proċedurali speċifiċi, li allegatament kienu nkisru. Huwa ġibed l-attenzjoni li EA kienet taf b’mod ċar dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni minn meta rċeviet il-kwestjonarju mibgħut fit-28 ta’ Lulju. Huwa rrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tistabbilixxi sistema effettiva ta’ monitoraġġ wara d-deċiżjoni sabiex jekk jinbidlu ċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni tkun tista’ tirreaġixxi malajr. |
|
(18) |
Fil-11 ta’ Ottubru 2021, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1784 (4) (“ir-Regolament definittiv”), il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (il-prodott ikkonċernat). Ir-rati tad-dazju anti-dumping ivarjaw minn 14,3 % sa 24,6 %. |
|
(19) |
Wara li ddeterminat fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping kienet ġustifikata, il-Kummissjoni kompliet teżamina jekk is-sospensjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq il-prodott ikkonċernat tkunx ġustifikata fid-dawl tal-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. |
2. EŻAMI TA’ KUNDIZZJONIJIET TAS-SUQ MIBDULA
|
(20) |
L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, jipprevedi li, fl-interess tal-Unjoni, il-miżuri anti-dumping jistgħu jiġu sospiżi meta l-kondizzjonijiet tas-suq jinbidlu temporanjament sal-punt li ma jkunx probabbli li terġa’ tibda ssir ħsara b’konsegwenza ta’ din is-sospensjoni. |
|
(21) |
L-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament definittiv uriet li, matul il-perjodu kkunsidrat (2017 — Ġunju 2020), l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu żdiedu b’70 % u wasslu għal telf sinifikanti fil-produzzjoni (– 11 %), fil-bejgħ (– 14 %), fis-sehem mis-suq (– 3 %) u fil-profittabbiltà (minn 3,1 % fl-2017 għal – 1,8 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni) għall-industrija tal-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali bħala konsegwenza tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. |
|
(22) |
It-tieni nofs tal-perjodu ta’ investigazzjoni ħabat ukoll mal-pandemija tal-COVID, meta l-ekonomija naqset u wasslet għal tnaqqis fid-domanda u tnaqqis konsegwenti fil-kapaċità, fil-produzzjoni u fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, il-Kummissjoni sabet li dan l-element ma naqqasx ir-rabta kawżali bejn id-dannu materjali u l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping minħabba li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping li joriġinaw miċ-Ċina kienu diġà żdiedu b’mod sinifikanti bejn l-2017 u l-2019, qabel il-pandemija tal-COVID, u wasslu għad-deterjorament tal-maġġoranza vasta tal-indikaturi tad-dannu. Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni provviżorjament ikkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti biex tikkonkludi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ AFRPs li joriġinaw miċ-Ċina. B’mod partikolari, il-Kummissjoni nnotat li l-elementi disponibbli dak iż-żmien indikaw sitwazzjoni temporanja ta’ wara l-COVID li kellha impatt fuq il-prezzijiet, u li fiha tali rkupru ma setax jiġi antiċipat u kien jeħtieġ xi żmien biex is-suq jadatta sakemm l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir jinnormalizzaw u d-domanda u l-provvista jerġgħu jkunu f’bilanċ. |
|
(23) |
L-analiżi tal-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni sabiex teżamina fi żmien debitu l-possibbiltà ta’ sospensjoni tad-dazji wriet li, wara l-perjodu ta’ investigazzjoni, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tjiebet b’mod sinifikanti. Fl-ewwel semestru tal-2021, il-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fl-Unjoni lil partijiet mhux relatati żdied b’aktar minn 55 % meta mqabbel mal-perjodu ta’ investigazzjoni u b’ 34 % meta mqabbel mal-2017, li kienet l-aħjar sena fil-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, il-volum tal-produzzjoni u l-kapaċità tal-produzzjoni żviluppaw b’mod pożittiv fl-istess perjodu b’żidiet rispettivi ta’ 11 % u 25 % meta mqabbla mal-2017. Il-prezzijiet medji tal-bejgħ lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żdiedu bi 2,4 % fl-ewwel semestru tal-2021 meta mqabbla mal-2017 u b’6,5 % meta mqabbla mal-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-profittabbiltà laħqet il-1,9 % fl-ewwel semestru tal-2021 filwaqt li l-industrija tal-Unjoni kienet qed tagħmel telf fil-PI (– 1,8 %). Barra minn hekk, diversi partijiet interessati pprovdew evidenza li l-produtturi tal-Unjoni ma setgħux ifornu l-prodotti mitluba minħabba li kienu laħqu l-kapaċità tagħhom għall-ordnijiet fl-2021 u għal mill-inqas l-ewwel nofs tal-2022. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni osservat li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tjiebet b’mod ġenerali wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(24) |
Wara l-iżvelar, EA ddikjarat li l-industrija tal-Unjoni kienet għadha qed issofri dannu materjali abbażi tal-livell ta’ profitt miksub fl-2021. Barra minn hekk, EA u Elval irreferew għall-prestazzjoni tal-Valeo Group (5) għall-ewwel semestru tal-2021 (f’termini ta’ EBITDA, bejgħ, fluss tal-flus, id-dħul ta’ ordnijiet) u għall-prospetti tiegħu għas-sena 2021. Abbażi ta’ dan, huma argumentaw li l-industrija tal-utenti tinsab f’saħħitha, fatt li joħloq kuntrast mal-industrija tal-Unjoni u mas-sitwazzjoni ferm aktar fraġli tagħha. |
|
(25) |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni wara l-PI kienet ibbażata fuq valutazzjoni tad-diversi indikaturi tad-dannu msemmija fil-premessa (23) u mhux biss fuq il-livell tal-profitti. Fil-każ preżenti, l-indikaturi kollha li għalihom il-Kummissjoni talbet informazzjoni ta’ wara l-PI wrew titjib sinifikanti meta jitqabbel l-ewwel semestru tal-2021 mal-PI. L-istess jgħodd meta jitqabbel l-ewwel semestru tad-data tal-2021 ma’ dak tal-2017 bl-eċċezzjoni tal-użu tal-kapaċità u l-profittabbiltà. Il-Kummissjoni nnutat li l-profittabbiltà għall-bejgħ lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni kienet bdiet xejra pożittiva minn tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni, kienet ogħla mil-livell tal-2018 u kienet qed toqrob progressivament lejn il-livell tal-profitt tal-2017, li kien l-ogħla fil-perjodu kkunsidrat. F’dan l-isfond, huwa improbabbli li t-tendenza pożittiva fir-rigward tal-profitti tiġi ostakolata mis-sospensjoni tal-miżuri. |
|
(26) |
Il-Kummissjoni qieset li r-referenza għall-prestazzjoni u l-prospettiva ta’ Valeo Group ma kinitx xierqa, peress li d-data korrispondenti la kienet esklużivament marbuta mas-settur li juża l-prodott li qed jiġi investigat u lanqas mal-attivitajiet tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma qisitx li l-prestazzjoni ta’ Valeo Group kienet rappreżentattiva tal-industrija tal-utenti, li tinkludi operaturi ekonomiċi f’ħafna setturi oħra (bini u kostruzzjoni, imballaġġ u applikazzjonijiet industrijali oħra). Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-kunsiderazzjoni ta’ Valeo Group bħala rappreżentant tal-industrija tal-utenti kienet tikkontradixxi l-pretensjoni ta’ EA fil-premessa (9). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni. |
|
(27) |
L-analiżi tal-kummenti li waslu mid-diversi partijiet wara t-talba tal-Kummissjoni żvelat li dawn l-iżviluppi ta’ wara l-PI kienu spjegati minn diversi fatturi. |
|
(28) |
Id-domanda fl-Unjoni u barra minnha żdiedet minħabba l-irkupru ekonomiku ta’ wara l-COVID. Barra minn hekk, l-utenti li kienu jixtru mir-RPĊ daru għand l-industrija tal-Unjoni wara l-bidu tal-investigazzjoni, u dan wassal għal żieda addizzjonali fid-domanda. |
|
(29) |
Filwaqt li l-industrija tal-Unjoni żiedet il-kapaċità tagħha wara l-perjodu ta’ investigazzjoni, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tissodisfa ż-żieda fid-domanda matul l-aħħar xhur, parzjalment minħabba t-tnaqqis fil-kapaċità preċedenti tagħha. Barra minn hekk, il-perjodu ta’ wara l-PI kien ikkaratterizzat minn nuqqas temporanju ta’ aluminju nofsu lest u primarju (strajk, ħsarat fil-produzzjoni fl-Unjoni jew barra minnha, domanda għolja għal ċangaturi tal-aluminju Russi). |
|
(30) |
Kollox ma’ kollox, il-kundizzjonijiet tas-suq mibdula fl-ewwel semestru tal-2021 irriżultaw fi żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda. Fil-prattika, dan wassal għal żminijiet ta’ tmexxija ferm itwal (minn 4 sa12-il ġimgħa fi żminijiet normali għal 6 sa 10 xhur) u żieda sinifikanti fil-prezzijiet għal prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti bħala konsegwenza taż-żieda fil-prezz tal-aluminju tal-LME (aktar minn 10 % bejn il-PI u l-perjodu ta’ 12-il xahar li jsegwi), primjum tal-aluminju (aktar minn 13 % bejn il-PI u l-perjodu ta’ 12-il xahar li jsegwi) u t-tariffi tal-konverżjoni. Iż-żieda fil-primjum tal-aluminju kienet influwenzata wkoll mit-tħabbira ta’ impożizzjoni ta’ taxxa fuq l-esportazzjoni ta’ 15 % fuq l-aluminju primarju Russu. |
|
(31) |
Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatti li ġejjin:
|
|
(32) |
Wara l-iżvelar, EA sostniet li d-data li fuqha ttieħdet id-deċiżjoni ta’ sospensjoni, ma kinitx ġiet ivverifikata u ma nstabitx fil-fajl miftuħ għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. |
|
(33) |
Il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni dwar il-fajl, inklużi l-kummenti dwar il-possibbiltà li jiġu sospiżi l-miżuri definittivi mressqa wara t-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni msemmija fil-premessa (5) ma ħallew l-ebda dubju fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ wara l-PI fis-suq tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet tas-suq li nbidlu temporanjament. Dawn il-kummenti u l-evidenza mehmuża magħhom, bħal pereżempju d-dikjarazzjoni minn produttur importanti tal-Unjoni f’termini ta’ volum ta’ bejgħ li ma setax jissodisfa temporanjament l-obbligi kuntrattwali tiegħu, appoġġaw il-pretensjonijiet magħmula mill-partijiet li kkooperaw. Tabilħaqq, huma kkonfermaw biss is-sejbiet tal-investigazzjoni li jindikaw żbilanċ temporanju wara l-PI bejn id-domanda u l-provvista kif stmat mill-industrija tal-Unjoni (ara l-premessa (528) tar-Regolament definittiv). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qieset li d-deċiżjoni tagħha kienet ibbażata fuq fatti affidabbli u ċaħdet din il-pretensjoni. Fi kwalunkwe każ, ma hemm l-ebda obbligu assolut li jitwettqu verifiki fuq il-post biex tiġi aċċettata d-data pprovduta jekk il-Kummissjoni tkun tista’ tissodisfa ruħha dwar l-affidabbiltà tagħha. |
|
(34) |
Wara l-iżvelar, EA u Elval iddikjaraw li ma kien hemm l-ebda żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda. F’dan ir-rigward EA u Elval argumentaw li, iż-żieda fil-produzzjoni, fil-kapaċità u fil-bejgħ fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ wara l-PI wriet li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tforni s-suq. Barra minn hekk, EA argumentat li dawn iċ-ċifri kkwantifikaw iż-żieda fil-provvista u l-kapaċità disponibbli għal provvista saħansitra akbar. Abbażi ta’ dan, EA sostniet li l-konklużjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa (29) li l-industrija tal-Unjoni “ma kinitx f’pożizzjoni li tissodisfa ż-żieda fid-domanda matul l-aħħar xhur” ma kinitx sostnuta mill-fatti fil-fajl li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ sospensjoni. |
|
(35) |
B’mod partikolari, EA sostniet li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa (29) li l-industrija tal-Unjoni preċedentement naqqset il-kapaċità tal-produzzjoni kienet tikkontradixxi s-sejbiet rapportati fit-Tabella 6 tar-Regolament definittiv li jiġbed l-attenzjoni lejn nuqqas żgħir fil-kapaċità bejn l-2018 u l-PI. Abbażi ta’ dan, hija sostniet li s-sejba tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq żball manifest ta’ valutazzjoni tal-evoluzzjoni tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-Unjoni u li l-kapaċità tal-produzzjoni kienet żdiedet bi 15 % addizzjonali wara l-perjodu ta’ investigazzjoni, li wassal għal kapaċità żejda ta’ 490 elf tunnellata fuq bażi annwali. Barra minn hekk, EA ddikjarat li hemm ħafna sorsi oħra ta’ provvista minbarra ċ-Ċina. |
|
(36) |
Il-Kummissjoni ma qablitx mal-pretensjonijiet ta’ EA għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, il-kapaċità rrappurtata għall-perjodu kkunsidrat, u b’mod partikolari l-perjodu ta’ investigazzjoni, kienu jikkonċernaw il-kapaċità teoretika. Il-kapaċità teoretika kienet ogħla mill-kapaċità attiva/bl-ekwipaġġ peress li ma qisitx it-tnaqqis fil-kapaċità reali kkawżat, pereżempju, mit-tnaqqis fl-impjiegi minħabba l-lockdowns tal-pandemija tal-COVID-19, u kif irrappurtat minn ċerti produtturi ewlenin tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-industrija tal-Unjoni rrappurtat li naqqset l-għadd ta’ bidliet matul il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li meta d-domanda rpiljat, il-kumpaniji damu aktar biex jimpjegaw mill-ġdid u jħarrġu l-persunal meħtieġ sabiex jużaw il-kapaċità disponibbli. It-tieni, kif imsemmi fil-premessa (31), l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda jsib ukoll il-kawża tiegħu fin-nuqqas ta’ aluminju nofsu lest u primarju, li jnaqqas il-kapaċità attwali disponibbli. It-tielet, l-industrija tal-Unjoni nnifisha rrikonoxxiet li kien hemm żbilanċ temporanju bejn il-provvista u d-domanda kif imsemmi fil-premessa (528) tar-Regolament definittiv. Dan l-iżbilanċ temporanju ġie kkonfermat ukoll minn diversi partijiet interessati fit-tweġibiet tagħhom għat-talbiet għal informazzjoni dwar is-sospensjoni u fil-kummenti tagħhom dwar ir-rappurtar ta’ żvelar li ż-żminijiet ta’ tħejjija kienu żdiedu b’mod sinifikanti wara l-perjodu ta’ investigazzjoni, u li l-produtturi tal-Unjoni kienu laħqu l-kapaċità tagħhom għall-ordnijiet fl-2021 u, għal mill-inqas l-ewwel nofs tal-2022 (ara l-premessi (23) u (30) ta’ hawn fuq). Xi wħud mill-elementi ta’ hawn fuq bħaż-żieda fiż-żminijiet ta’ tħejjija huma kkonfermati wkoll minn sorsi tas-suq indipendenti (6). Ir-raba’, l-informazzjoni fil-fajl ma tindikax l-eżistenza ta’ kapaċità żejda disponibbli f’pajjiżi oħra u EA ma pprovdiet l-ebda evidenza f’dan ir-rigward. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qieset li l-konklużjoni tagħha marbuta mal-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda kienet preċiża u għalhekk ċaħdet il-pretensjoni ta’ EA. |
|
(37) |
EA kkontestat ukoll is-sejba tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tissodisfa ż-żieda fid-domanda matul l-aħħar xhur. B’mod partikolari, EA rreferiet għaż-żieda fid-dħul tal-ordnijiet għall-AFRPs kollha (inklużi prodotti li jaqgħu barra mill-ambitu tal-investigazzjoni) lejn l-aħħar tal-2020/il-bidu tal-2021 u għaż-żieda fil-volum tal-produzzjoni u l-konsenji fl-ewwel (1) u fit-tieni (2) trimestru tal-2021 għall-prodott li qed jiġi investigat. Hija argumentat ukoll li, sa mit-tieni (2) trimestru tal-2021, il-livell tad-dħul tal-ordnijiet kien naqas għal livell qrib ta’ dak milħuq fl-ewwel (1) trimestru tal-2020, li dan kien jindika stabbilizzazzjoni tad-domanda u li dan l-indikatur kien l-aħjar stima fil-fajl ta’ bidla rapida fid-domanda ta’ wara l-PI. Abbażi ta’ dan, hija argumentat li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tirreaġixxi malajr għall-irkupru ekonomiku ta’ wara l-COVID u tissodisfa ż-żieda fid-domanda. |
|
(38) |
F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dħul tal-ordnijiet imsemmi minn EA jkopri definizzjoni tal-prodott u ambitu ġeografiku ħafna usa’ minn dak ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dan ma jistax jitqabbel direttament mal-iżviluppi tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat. B’mod partikolari, il-volum tad-dħul tal-ordnijiet korrispondenti jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor darbtejn il-volum totali tal-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat mill-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qieset li t-tqabbil ta’ indikaturi li jvarjaw b’mod tant sinifikanti fil-prodott u fl-ambitu ġeografiku u fil-volum, ma kienx jagħmel sens. Għall-istess raġunijiet ta’ differenza fil-prodott, fl-ambitu ġeografiku u fil-volum, ir-referenza għall-iżvilupp tad-dħul tal-ordnijiet għat-tieni (2) trimestru tal-2021; jiġifieri indikatur li jħares ’il quddiem fir-rigward tal-produzzjoni u l-konsenji futuri, biex jiġġustifika l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tforni l-prodott li qed jiġi investigat fil-perjodu wara tmiem il-PI, ma kienx ikkunsidrat xieraq. |
|
(39) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-pretensjoni ta’ EA li l-industrija tal-Unjoni setgħet tissodisfa d-domanda attwali matul l-aħħar xhur kienet tikkontradixxi d-dikjarazzjoni ta’ EA msemmija fil-premessa (528) tar-Regolament definittiv li kien hemm żbilanċ temporanju bejn id-domanda u l-provvista, u bl-evidenza abbundanti fil-fajl li tindika żieda fiż-żminijiet ta’ tħejjija, l-impossibbiltà li wieħed imur lil hinn mill-ftehimiet kuntrattwali u l-fatt li ċerti produtturi tal-Unjoni kienu laħqu l-kapaċità tagħhom għall-ordnijiet għall-2021 u l-ewwel nofs tal-2022. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ma laqgħetx il-pretensjoni ta’ EA. |
|
(40) |
Wara l-iżvelar, EA qajmet dubji dwar is-sejba tal-Kummissjoni li ż-żminijiet ta’ tħejjija kienu żdiedu kif imsemmi fil-premessa (30) u talbet is-sors li ntuża biex wieħed jasal għal din il-konklużjoni. EA argumentat ukoll li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx intalbet tipprovdi tali informazzjoni u ma ngħatatx l-opportunità li tikkummenta dwar dawn il-pretensjonijiet. |
|
(41) |
F’dan ir-rigward, il-kummenti, miftuħa għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, ippreżentati minn ċerti utenti u importaturi wara t-talba tal-Kummissjoni kif imsemmi fil-premessa (5), indikaw żieda fiż-żminijiet ta’ tħejjija. Xi wħud minnhom kienu appoġġati wkoll b’evidenza sensittiva fil-forma ta’ skambji ta’ emails u ġew ikkonfermati mill-pubblikazzjoni tas-CRU tal-5 ta’ Awwissu 2021 dwar il-prodotti tal-aluminju. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qieset li l-industrija tal-Unjoni kellha l-opportunità li tikkummenta dwar il-kummenti ta’ partijiet oħra. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni ma pprovdietx evidenza ta’ sostenn li tikkontesta dawn iż-żidiet fiż-żminijiet ta’ tħejjija. Għall-kuntrarju, kif imsemmi fil-premessa (528) tar-Regolament definittiv, l-industrija tal-Unjoni kienet diġà rrikonoxxiet l-eżistenza tagħhom. Abbażi ta’ dan, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. |
|
(42) |
Wara l-iżvelar, EA u Elval sostnew li l-evoluzzjoni tal-prezz tal-aluminju u tal-primjum tal-aluminju kienet biss parzjalment riflessa fil-prezz medju tal-bejgħ lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni u li l-industrija tal-Unjoni kienet assorbiet parti miż-żieda fil-prezz u li żieda ta’ 2,4 % meta tqabblet l-2017 mal-ewwel semestru tal-2021 kienet raġonevoli u ma setgħetx tiġġustifika sejba ta’ kundizzjonijiet tas-suq mibdula. |
|
(43) |
Il-Kummissjoni qablet mal-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx għaddiet kompletament iż-żieda fil-prezz tal-aluminju u l-primjum tal-aluminju lill-klijenti tagħha. Madankollu, sabiex il-prezzijiet ta’ wara l-PI jitqabblu b’mod sinifikanti ma’ dawk eżistenti matul il-PI, il-Kummissjoni qieset li l-paragun kellu jsir b’mod partikolari bejn tmiem l-investigazzjoni u l-aktar perjodu riċenti. Fuq din il-bażi, kif imsemmi fil-premessa (23), il-Kummissjoni kkalkulat żieda fil-prezz ta’ 6,5 % bejn il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-ewwel semestru tal-2021. Meta wieħed iqis li l-medja tal-PI kienet ogħla mill-prezz fi tmiem il-PI fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-LME, iż-żieda konservattiva fil-prezz ta’ 6,5 % tqieset sinifikanti. Barra minn hekk, peress li l-maġġoranza tal-bejgħ isir skont kuntratti fit-tul, tqies li tali żieda fil-prezz ma kinitx tirrifletti għalkollox il-firxa taż-żieda fil-prezz li kienet mistennija fid-dawl tal-evidenza dwar iż-żidiet fil-prezzijiet ipprovduta minn diversi partijiet interessati. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qieset li ż-żieda fil-prezz ikkalkulata ġġustifikat sejba ta’ kundizzjonijiet tas-suq li nbidlu temporanjament u ċaħdet il-pretensjoni ta’ EA. |
|
(44) |
Wara l-iżvelar, EA sostniet li l-Kummissjoni kienet ivvalutat is-sitwazzjoni tad-domanda u l-provvista għall-AFRPs ta’ AHEX għall-perjodu 2021–2026 u li tali valutazzjoni inkludiet a fortiori eżami tas-sitwazzjoni ta’ wara l-PI li permezz tiegħu d-domanda projettata tista’ tiġi assorbita mill-kapaċità projettata tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet projettati minn pajjiżi terzi. |
|
(45) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din il-pretensjoni. Fil-fatt, kif imsemmi fil-premessa (56) tar-Regolament definittiv, l-industrija tal-Unjoni nnifisha rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ta’ kapaċità temporanja marbuta mal-irkupru f’daqqa u b’saħħtu wara l-Covid-19. Barra minn hekk, l-utenti fis-settur tal-AFRPs ta’ AHEX ipprovdew evidenza, fil-qafas kemm tal-investigazzjoni ewlenija kif ukoll tal-investigazzjoni ta’ sospensjoni, li tindika l-eżistenza ta’ żbilanċ temporanju bejn il-provvista u d-domanda wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Fuq din il-bażi, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. |
|
(46) |
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li tabilħaqq il-kundizzjonijiet tas-suq inbidlu wara l-perjodu kkunsidrat fir-Regolament definittiv. Madankollu, il-kundizzjonijiet tas-suq mibdula kienu ta’ natura temporanja (għall-kuntrarju ta’ bidliet strutturali) u huwa probabbli li l-provvista u d-domanda jerġgħu jallinjaw ruħhom wara s-sospensjoni temporanja tal-miżuri. |
3. PROBABBILTÀ TA’ RIKORRENZA TA’ DANNU FIL-KAŻ TA’ SOSPENSJONI
|
(47) |
Iż-żieda sinifikanti fil-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni wasslet għal żieda sinifikanti fis-sehem mis-suq peress li l-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu ħafna. Meta wieħed iqis il-livell tad-domanda, il-fatt li ħafna utenti qalbu għall-industrija tal-Unjoni u n-natura tal-kuntratti (ftit ordnijiet għal konsenja immedjata), huwa improbabbli li l-industrija tal-Unjoni titlef negozju sinifikanti għall-vantaġġ tal-esportaturi Ċiniżi jekk il-miżuri jiġu sospiżi għal 9 xhur. |
|
(48) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li s-sospensjoni ta’disa’ (9) xhur tagħti lill-utenti li talbu l-esklużjoni ta’ ċerti prodotti, perjodu addizzjonali biex (jerġgħu) jivvalidaw lill-produtturi tal-Unjoni u jiżguraw tranżizzjoni bla xkiel minn sors ta’ provvista Ċiniż għal wieħed tal-Unjoni, jekk meħtieġ. |
|
(49) |
Minkejja li l-industrija għadha ma kisbitx il-livell ta’ profitt miksub fl-2017, ix-xejra pożittiva li nbdiet fl-2021 x’aktarx li tkompli għal żmien twil sakemm il-kundizzjonijiet tas-suq jadattaw għas-sitwazzjoni ta’ wara l-Covid-19. Fil-fatt, it-teħid tal-ordnijiet annwalizzat (7) fl-industrija tal-Unjoni kien fl-ogħla livell tiegħu fl-ewwel trimestru tal-2021 mill-2015. It-teħid tal-ordnijiet annwalizzat fit-tieni kwart tal-2021 kien aktar baxx mill-ewwel trimestru iżda xorta ekwivalenti għal-livell tal-2017/2018. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (23), skont l-informazzjoni ppreżentata minn diversi utenti, diversi produtturi tal-Unjoni rrappurtaw li kienu diġà mimlijin kompletament sa, mill-inqas, l-ewwel nofs tal-2022. Dan jipprovdi riassigurazzjoni dwar il-livell ta’ attività tal-industrija tal-Unjoni fix-xhur li ġejjin. Barra minn hekk, billi l-maġġoranza tal-bejgħ isir skont kuntratti li fihom mekkaniżmi ta’ prezzijiet, il-livell ta’ dħul għall-industrija tal-Unjoni mhux se jintlaqat minn żieda fl-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ matul il-perjodu ta’ sospensjoni tal-miżuri, peress li dawk il-volumi se jaqbdu d-domanda li, fil-biċċa l-kbira, attwalment ma tistax timtela mill-industrija tal-Unjoni. Fl-aħħar, f’dak li għandu x’jaqsam mal-evoluzzjoni tal-prezzijiet għall-materja prima u l-prodotti lesti, il-Kummissjoni qieset li l-mekkaniżmi tal-iffissar tal-prezzijiet applikabbli fil-maġġoranza l-kbira tal-kuntratti jippermettu lill-industrija tal-Unjoni tittrasferixxi ż-żidiet fil-prezzijiet lix-xerrejja tagħhom, jekk ikun hemm bżonn. L-użu wiesa’ tal-mekkaniżmi tal-iħħeġġjar biex titqies l-evoluzzjoni tal-prezz tal-materja prima huwa garanzija oħra li l-industrija tal-Unjoni ma ssofrix b’mod sinifikanti minn varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni fix-xhur li ġejjin ma tkunx affettwata mis-sospensjoni tal-miżuri. |
|
(50) |
Wara l-iżvelar, EA sostniet li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ valutazzjoni billi ssospendiet il-miżuri permezz ta’ proċess ta’ investigazzjoni mgħaġġel li jittraskura r-regoli ta’ proċess ġust, amministrazzjoni tajba u verifika tal-fatti. Barra minn hekk, EA qieset li d-dannu imminenti lill-industrija tal-Unjoni kienet prevedibbli b’mod ċar peress li l-produtturi tal-Unjoni jkollhom inaqqsu l-prezzijiet tagħhom f’livelli ta’ telf biex jikkompetu mal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina u jitilfu s-sehem mis-suq għall-produtturi fiċ-Ċina. EA ddikjarat ukoll li s-sospensjoni timpedixxi l-użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni mhux użata tal-industrija tal-Unjoni, tiġġenera inċertezza u nuqqas ta’ viżibbiltà li jiskattaw ir-reviżjoni tad-deċiżjonijiet ta’ investiment u twassal għal inqas impjiegi, inqas fatturat u profitt. B’appoġġ għal din il-pretensjoni, EA pprovdiet dikjarazzjoni minn produttur tal-Unjoni li tirreferi għal allegata offerta ta’ prezz għal konsenja f’Jannar 2022. |
|
(51) |
Il-Kummissjoni ma qablitx mal-pretensjoni ta’ EA li hija kienet għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kienet injorat regoli ta’ proċess ġust, amministrazzjoni tajba u verifika tal-fatti. F’dan ir-rigward, qed issir referenza kemm għall-premessi minn (9) sa (14) li fihom il-Kummissjoni rrifjutat il-pretensjonijiet dwar id-drittijiet tal-partijiet interessati, kif ukoll għall-premessa (33) sa fejn huma kkonċernati l-aspetti ta’ verifika. |
|
(52) |
Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-fatti, il-Kummissjoni nnotat li EA la kkontestat u lanqas ma pprovdiet evidenza ta’ sostenn li timmina r-raġunament tal-Kummissjoni msemmi fil-premessi minn (47) sa (49) fir-rigward tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu matul il-perjodu ta’ sospensjoni. Fir-rigward tal-allegat dannu imminenti prevedibbli, kif imsemmi fil-premessa (49), il-Kummissjoni qieset li l-industrija tal-Unjoni ma tiġix affettwata minn żieda fl-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ matul il-perjodu ta’ sospensjoni tal-miżuri, peress li dawn il-volumi jaqbdu d-domanda li, fil-biċċa l-kbira, attwalment ma tistax timtela mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li d-dikjarazzjoni minn produttur wieħed tal-Unjoni ma kinitx indikattiva tal-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni inġenerali matul il-perjodu ta’ sospensjoni. |
|
(53) |
Huwa importanti li s-sospensjoni tal-miżuri tkun limitata fiż-żmien għal perjodu ta’ disa’ xhur u l-miżuri jistgħu jerġgħu jiddaħħlu malajr jekk l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina jidħlu fl-Unjoni fi kwantitajiet akbar li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Fuq il-bażi ta’ dan li ntqal hawn fuq, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. |
|
(54) |
Wara l-iżvelar, Elval sostniet li d-deċiżjoni li tissospendi kienet tikkontradixxi s-sejbiet fl-iżvelar finali. L-iżvelar finali kien ikkonkluda li l-produtturi tal-Unjoni kienu diġà ġarrbu dannu fuq perjodu sinifikanti. Fil-fehma ta’ Elval, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tkun tippermetti l-influss tal-importazzjonijiet Ċiniżi u tikkawża dannu konsiderevoli lill-katina tal-provvista fil-futur. |
|
(55) |
Il-Kummissjoni qieset li din il-pretensjoni kienet mingħajr mertu peress li l-perjodu ta’ analiżi għall-investigazzjoni ewlenija (bejn l-2017 u Ġunju 2020) u dak tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni (bejn Lulju 2020 u Ġunju 2021) kienu differenti u għalhekk il-Kummissjoni tista’ tasal għal konklużjonijiet differenti abbażi tad-data kkunsidrata f’kull perjodu. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessi minn (47) sa (49), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni fix-xhur li ġejjin, abbażi tax-xejriet pożittivi osservati għall-perjodu bejn Lulju 2020 u Ġunju 2021 mhux se tkun affettwata mis-sospensjoni tal-miżuri. Fin-nuqqas ta’ elementi aktar speċifiċi f’dan ir-rigward, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. |
|
(56) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemm l-ebda probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu matul d-disa’ (9) xhur, jekk il-miżuri jiġu sospiżi. |
4. KONSULTAZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI
|
(57) |
Wara l-istedina tal-Kummissjoni biex tikkummenta dwar is-sospensjoni possibbli tal-miżuri, l-industrija tal-Unjoni sostniet li ż-żieda fid-domanda kienet temporanja u li kien hemm sinjali ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku speċjalment fis-settur tal-karozzi. L-industrija tal-Unjoni argumentat ukoll li s-sospensjoni tal-miżuri twassal għal akkumulazzjoni massiva tal-istokk u timmina l-effetti rimedjali tal-miżuri. Konsegwentement, hija sostniet li s-sospensjoni tal-miżuri tipperikola l-isforzi ta’ restawr li nbdew. |
|
(58) |
Meta wieħed iqis l-iżvilupp tal-indikaturi ewlenin tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni, l-użu tal-kapaċità mistenni u l-kotba tal-ordnijiet, il-Kummissjoni qieset li s-sospensjoni x’aktarx ma kinitx se tkun ta’ detriment għall-industrija tal-Unjoni jew waħda li tipperikola l-isforzi ta’ restawr li nbdew. |
|
(59) |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-livell għoli attwali ta’ prezzijiet u domanda għolja fl-Unjoni u barra minnha, il-Kummissjoni qieset li kien hemm biss riskju limitat ta’ ħażna ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina. Iż-żieda sinifikanti fl-ispejjeż tat-trasport bil-baħar li segwiet l-irkupru ta’ wara l-COVID ukoll tagħmel il-ħażna inqas attraenti. |
|
(60) |
Aktar importanti minn hekk, fil-każ li l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina jidħlu fl-Unjoni fi kwantitajiet akbar li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni, il-miżuri jistgħu jerġgħu jiddaħħlu malajr skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u twieġeb minnufih għal kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni deskritta f’din id-deċiżjoni kif xieraq. |
|
(61) |
F’dan ir-rigward, l-aċċess għall-fajl miftuħ permezz ta’ TRON se jibqa’ disponibbli wara l-adozzjoni tal-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni biex tkun tista’ titressaq fil-ħin informazzjoni ġdida. |
5. INTERESS TAL-UNJONI
|
(62) |
Wara l-iżvelar, EA sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tiddetermina li kien fl-interess tal-Unjoni li tissospendi l-miżuri anti-dumping definittivi billi tivvaluta l-konsegwenzi tal-applikazzjoni jew tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri fl-interess tal-industrija tal-Unjoni nnifisha u tal-interess tal-utenti downstream. Barra minn hekk, EA sostniet li kwalunkwe tentattiv biex jiġi indirizzat dan l-iżball manifest ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jkun arbitrarju u jikser il-proċess dovut. |
|
(63) |
Il-Kummissjoni ma qablitx. Valutazzjoni skont l-Artikolu 14(4) tikkonċerna b’mod inerenti valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni vvalutat l-interess tal-Unjoni billi bbilanċjat l-interess tal-utenti downstream, abbażi tal-elementi msemmija fil-premessi (30) u (48), u l-interess tal-industrija tal-Unjoni kif imsemmi fil-premessi (49) u (54), b’rabta mal-analiżi tal-probabbiltà. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sospensjoni tal-miżuri tkun fl-interess tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-interess tal-Unjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4). Qed issir referenza wkoll għal deċiżjonijiet preċedenti ta’ sospensjoni (8) fejn il-Kummissjoni segwiet l-istess approċċ. Fuq din il-bażi, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. |
6. IR-RELAZZJONI BEJN IS-SOSPENSJONI U L-IMPOŻIZZJONI TA’ MIŻURI
|
(64) |
Wara l-iżvelar, EA sostniet li ma kien hemm l-ebda rekwiżit legali biex jiġi sospiż il-ġbir tad-dazji fl-istess data tal-impożizzjoni tad-dazji li jirriżultaw mill-konklużjoni tal-investigazzjoni mibdija skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, hija sostniet li tali prattika kienet qed tnaqqas id-drittijiet tagħha bħala parti interessata. |
|
(65) |
Il-Kummissjoni qablet mal-punt tat-tluq tal-pretensjoni ta’ EA. Skont l-Artikolu 14(4), il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni dwar meta tiddeċiedi li tissospendi l-miżuri. Għalhekk, ma hemm l-ebda obbligu ta’ sospensjoni fl-istess jum meta tintemm l-investigazzjoni li twassal għall-impożizzjoni tad-dazji. Madankollu, din id-diskrezzjoni lanqas ma tipprekludi lill-Kummissjoni milli tissospendi l-miżuri fl-istess jum meta dawn jiġu imposti. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni kkunsidrat li, sakemm il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 14(4) jiġu ssodisfati, hija tgawdi minn diskrezzjoni sħiħa fir-rigward taż-żmien xieraq biex taġixxi f’dan ir-rigward. Bl-istess mod, u kif imsemmi fil-premessa (8), il-Kummissjoni qieset li l-iskadenzi għall-kummenti kienu raġonevoli u li d-drittijiet ta’ EA bħala parti interessata ma tnaqqsux. |
|
(66) |
Wara l-iżvelar, EA tenniet li d-deċiżjoni ta’ sospensjoni ma kinitx motivata mill-interess tal-Unjoni u ddikjarat li l-motivazzjoni ewlenija għad-deċiżjoni ta’ sospensjoni dehret li kienet ir-rieda li jinstab approċċ alternattiv għal talbiet li ma rnexxewx minn diversi utenti biex jiġu esklużi ċerti subkategoriji ta’ AFRPs mid-definizzjoni tal-prodott. F’dan ir-rigward, EA rreferiet għat-talba ta’ sospensjoni ta’ Valeo. Barra minn hekk, EA sostniet li s-sospensjoni tiftaħ is-suq għall-provvista ta’ prodotti oġġett ta’ dumping, mhux biss għall-prodotti li għalihom intalbet esklużjoni iżda wkoll għal prodotti oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. |
|
(67) |
Il-Kummissjoni ma qablitx mal-pretensjoni ta’ EA. Kif imsemmi fil-premessa (63), id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendi l-miżuri hija tabilħaqq motivata minn raġunijiet ta’ interess tal-Unjoni, li jiddependu fuq kundizzjonijiet tas-suq li nbidlu temporanjament u n-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara mas-sospensjoni tal-miżuri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq ma kinitx tapplika esklussivament għal ċerti sottokategoriji ta’ prodotti tal-AFRPs iżda għas-suq tal-AFRP kollu kemm hu. Fuq din il-bażi, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. |
|
(68) |
Wara l-iżvelar, EA u Elval sostnew li s-sospensjoni tibgħat is-sinjal li l-Kummissjoni mhijiex qed tiskoraġġixxi l-importazzjonijiet ta’ aluminju b’impronta għolja ta’ CO2 ibbażat fuq il-faħam għall-benefiċċju ta’ produtturi tal-Unjoni li jirrispettaw aktar l-ambjent u li din id-deċiżjoni kienet qed tipperikola l-isforzi li għamlu l-industriji tal-UE biex jilħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, permezz ta’ telf ta’ investiment. |
|
(69) |
Il-Kummissjoni ma qablitx mal-pretensjoni ta’ EA u qieset li d-deċiżjoni li tissospendi l-miżuri saret fl-interess tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet tas-suq li nbidlu temporanjament u jiġi żgurat li d-domanda u l-provvista jerġgħu jkunu f’bilanċ fi żmien qasir. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ma qisitx li s-sospensjoni tipperikola l-isforzi li għamlu l-industriji tal-UE u l-industrija tal-AFRP tal-Unjoni b’mod partikolari peress li, kif imsemmi fil-premessa (54), il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara bħala konsegwenza tas-sospensjoni temporanja tal-miżuri. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni se tiġi mmonitorjata mill-qrib sabiex titneħħa minnufih jekk tali sospensjoni tintuża biex jiżdiedu l-volumi tal-importazzjoni b’mod li jikkawża aktar ħsara lill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ sospensjoni. Fuq din il-bażi, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. |
7. KUMMENTI MINN PARTIJIET OĦRA
|
(70) |
Wara l-iżvelar, l-utenti Valeo, TitanX, Airoldi u TDK Hungary Components Kft (“TDK HU”), il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun Xiamen Xiashun Aluminium Foil Co., Ltd. (“Xiamen Xiashun”), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Importaturi tal-Metall Mhux Integrat (EURANIMI), u l-importatur O. Wilms GMBH (“Nilo”) esprimew l-appoġġ tagħhom għas-sospensjoni tal-miżuri. |
|
(71) |
Bosta minn dawn il-partijiet ikkontestaw id-durata ta’ disa’ xhur ta’ sospensjoni bl-argument li kien se jkun meħtieġ aktar żmien biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi temporanji tas-suq identifikati fil-premessi (30)-(31) hawn fuq, peress li x’aktarx ma jiġux solvuti fi żmien disa’ xhur. B’mod partikolari, huma argumentaw li ċ-ċirkostanzi inkwistjoni jistgħu ma jkunux temporanji iżda jistgħu jibqgħu għaddejjin ħafna wara l-perjodu ta’ disa’ xhur. Il-Kummissjoni osservat li d-durata ta’ disa’ xhur hija l-perjodu massimu previst fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Huwa biss jekk il-kundizzjonijiet kollha stipulati fl-istess Artikolu jkunu għadhom issodisfati wara dak il-perjodu, li d-durata tista’ tiġi estiża aktar. |
|
(72) |
Wara l-iżvelar, Xiamen Xiashun argumentat li l-proposta għal sospensjoni u b’mod partikolari s-sejbiet tal-Kummissjoni fil-premessa (30) hawn fuq rigward l-iżbilanċ attwali bejn id-domanda u l-provvista fis-suq tal-Unjoni jikkonfermaw li kellha titwettaq analiżi segmentata għall-istokk tal-fojl u, għalhekk, l-istokk tal-fojl jenħtieġ li jiġi eskluż mid-definizzjoni tal-prodott li huwa oġġett tal-miżuri definittivi. Il-Kummissjoni l-ewwel irreferiet għas-sejbiet tagħha fit-Taqsima 2.2.8 tar-regolament definittiv fejn qieset li analiżi segmentata ma kinitx ġustifikata u rrifjutat din it-talba għall-esklużjoni tal-prodott. L-iżbilanċ attwali bejn il-provvista u d-domanda identifikat mill-Kummissjoni jikkonċerna l-prodott li qed jiġi investigat kollu kemm hu u mhux tip ta’ prodott partikolari, bħall-istokk tal-fojl, u l-perjodu ta’ wara l-PI ma ġiex analizzat fir-regolament definittiv. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet li l-iżbilanċ inkwistjoni kien biss temporanju u għalhekk l-aħjar li jiġi indirizzat bis-sospensjoni tal-miżuri. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. |
|
(73) |
Wara l-iżvelar, diversi utenti u importaturi qablu mas-sejbiet tal-Kummissjoni rigward il-bidla temporanja identifikata fil-kundizzjonijiet tas-suq imsemmija fil-premessi minn (23) sa (28); il-valutazzjoni tagħha dwar ir-riskju limitat ta’ ħażna (il-premessa (59) hawn fuq); u l-konklużjoni tagħha dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara matul il-perjodu ta’ sospensjoni (il-premessa (54) aktar ’il fuq). B’mod partikolari, diversi utenti rreferew għall-fatt li hemm kuntratti ġodda fit-tul mal-produtturi tal-Unjoni wara l-PI, li, flimkien max-xejriet pożittivi l-oħra fis-suq (żieda fid-domanda u fl-użu tal-kapaċità u profittabbiltà mtejba), jipprevjenu li jerġa’ jseħħ id-dannu. Barra minn hekk, diversi utenti esprimew dubji dwar jekk il-kapaċità addizzjonali tal-industrija tal-Unjoni hijiex se ssir disponibbli matul il-perjodu ta’ sospensjoni u argumentaw ukoll li l-perjodu inkwistjoni jista’ ma jkunx biżżejjed biex jitlesta l-proċess ta’ validazzjoni. |
|
(74) |
Rigward is-sejbiet dwar il-kapaċità addizzjonali, il-Kummissjoni qieset li t-tnaqqis fir-ritmu apparenti tas-settur awtomobilistiku fix-xhur li ġejjin jippermetti lill-industrija tal-Unjoni talloka aktar kapaċità għall-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat u konsegwentement tippermetti riekwilibriju bejn il-provvista u d-domanda. |
|
(75) |
Fir-rigward tal-pretensjoni li ma hemmx biżżejjed żmien biex jitlesta l-proċess ta’ validazzjoni, il-Kummissjoni osservat li, kif speċifikat fil-premessa (133) tar-regolament definittiv, ċerti utenti ewlenin ma stennewx is-sospensjoni tal-miżuri biex jibdew jittrasferixxu mill-fornituri Ċiniżi għall-produtturi tal-Unjoni u għalhekk bdew il-validazzjoni (mill-ġdid) tal-produtturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rreferiet għall-konklużjonijiet tagħha fil-premessi (136) u (137) tar-regolament definittiv li jikkonċernaw rispettivament l-eżistenza ta’ ligi ekwivalenti u ta’ sorsi doppji. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-utenti jixtru l-maġġoranza tal-AFRPs tagħhom fl-UE u għalhekk diġà jgawdu minn relazzjoni kummerċjali ma’ produttur tal-Unjoni wieħed jew aktar. Dawn l-elementi jsostnu d-determinazzjoni li l-perjodu ta’ sospensjoni jippermetti bidla bla xkiel minn fornituri mir-RPĊ għal produtturi tal-Unjoni f’termini ta’ validazzjoni jew validazzjoni mill-ġdid tal-produtturi tal-Unjoni. Għalhekk, il-validazzjoni (mill-ġdid) x’aktarx li tieħu inqas żmien minn proċess ta’ validazzjoni kompletament ġdid. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. |
|
(76) |
Wara l-iżvelar, TDK HU argumentat li l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ kapaċità tal-prodott li qed jiġi investigat użat għall-produzzjoni ta’ capacitors elettrolitiċi tal-aluminju se tippersisti wara l-perjodu ta’ disa’ xhur peress li bħalissa ma hemm l-ebda produzzjoni fl-Unjoni ta’ dan it-tip ta’ prodott speċifiku. Barra minn hekk, huwa improbabbli li l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tistabbilixxi wieħed u l-proċess ta’ validazzjoni jista’ jieħu żmien twil. Il-Kummissjoni osservat li l-konklużjonijiet li saru fil-premessi minn (217) sa (240) tar-regolament definittiv jibqgħu validi wkoll għas-sejbiet ta’ din id-deċiżjoni. B’mod partikolari, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza ġdida biex timmodifika l-konklużjonijiet li saru fiha li fin-nuqqas ta’ tweġibiet għall-kwestjonarju u l-evidenza meħtieġa li takkumpanjaha, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq valutazzjoni sinifikanti tal-pretensjonijiet ta’ TDK HU u tal-partijiet l-oħra kkonċernati abbażi ta’ sett standard ta’ informazzjoni suffiċjenti ppreżentata fil-ħin. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni. |
8. KONKLUŻJONI
|
(77) |
Minħabba n-natura temporanja tal-bidla fil-kundizzjonijiet tas-suq li jikkonċernaw id-domanda u l-provvista, u b’mod partikolari l-iżbilanċ attwali bejn id-domanda u l-provvista fis-suq tal-Unjoni, flimkien mal-prospetti tal-industrija tal-Unjoni għax-xhur li ġejjin, huwa meqjus li d-dannu marbut mal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina x’aktarx li ma jerġax jibda minħabba s-sospensjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa fl-interess tal-Unjoni li l-miżuri anti-dumping imposti mir-regolament definittiv jiġu sospiżi għal perjodu ta’ disa’ xhur. |
|
(78) |
Jekk is-sitwazzjoni li wasslet għas-sospensjoni sussegwentement tinbidel, il-Kummissjoni tista’ tħassar is-sospensjoni tal-miżuri anti-dumping minnufih. Wara r-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Uffiċjal tas-Seduta waqt is-seduta ta’ smigħ tat-8 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tistabbilixxi sistema operazzjonali ta’ wara l-monitoraġġ, li fiha l-partijiet interessati jistgħu jiġbdulha l-attenzjoni dwar l-iżviluppi rilevanti fis-suq fuq bażi regolari. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-dazju anti-dumping definittiv impost bl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1784 fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huwa b’dan sospiż għal perjodu ta’ disa’ xhur.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) ĠU C 268, 14.8.2020, p. 5.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/582 tad-9 ta’ April 2021 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 124, 12.4.2021, p. 40).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1784 tat-8 ta’ Ottubru 2021 li jimponi dazju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (Ara l-paġna 6 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(5) https://www.valeo.com/wp-content/uploads/2021/07/PR_Valeo_H1_2021_Results_EN.pdf, ikkonsultat fit-8 ta’ Settembru 2021.
(6) CRU Aluminium products Monitor, August 2021 report.
(7) It-teħid tal-ordnijiet huwa mezz biex jiġi vvalutat id-dħul futur billi jikkorrispondi għall-volum ta’ ordnijiet ipproċessati f’perjodu kontabilistiku partikolari. F’dan il-każ, dan l-indikatur mhuwiex limitat għall-UE u jkopri prodotti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni.
(8) ĠU L 126, 13.2.2010 fil-premessa (10) u ĠU L 120, 15.5.2009 fil-premessa (7).