Brussell, 19.6.2024

COM(2024) 615 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Litwanja

{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 615 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Litwanja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)Ir-Regolament REPowerEU 3 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Il-Litwanja żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 4 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 5 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.

(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 6 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2024, li fih ma identifikatx lil-Litwanja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih ikun meħtieġa analiżi fil-fond. Dak inhar stess, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-Litwanja għall-2024. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.

(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) No 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Jinkludi wkoll emendi għar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u għad-Direttiva 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 7 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru jenħtieġ li jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 8 fil-pjani fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li jkunu konformi mar-rekwiżiti fir-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew inżamm fuq perkors plawżibbli ’l-isfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fl- [21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). Jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jaraw li jkun hemm l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.

(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)Fl-14 ta’ Mejju 2021, il-Litwanja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-28 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Litwanja 9 , li ġiet emendata fid-9 ta’ Novembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 10 . Il-ħruġ tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Litwanja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż għal-Litwanja 11 tal-2024 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Huwa vvaluta l-progress tal-Litwanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Litwanja. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Litwanja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(9)Abbażi tad-data vvalidata mill-Eurostat 12 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Litwanja żdied minn 0,6 % tal-PDG fl-2022 għal 0,8 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż kiber minn 38,1 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 38,3 % fi tmiem l-2023.

(10)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 13 li l-Litwanja tieħu azzjoni biex tara li fl-2023 jiġi żgurat li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali kumplessiva 14 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Litwanja ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Litwanja ġiet irrakkomandata wkoll tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 15 kienet espansjonarja, b'0,6 % tal-PDG f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali (nett minn miżuri ta' dħul diskrezzjonarji) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni kumplessivament newtrali għall-pożizzjoni fiskali ta’ -0,2 % tal-PDG. Dan jinkludi spejjeż ogħla biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (żieda ta’ 0,1 % tal-PDG). Iż-żieda tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kienet konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kontribuzzjoni ġeneralment newtrali tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet dovuta għat-tnaqqis fil-kosti tal-miżuri ta’ appoġġ (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u d-ditti b’reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija (b’0,9 punti perċentwali tal-PDG). Il-pagi tas-settur pubbliku, il-benefiċċji soċjali u l-pensjonijiet kienu fost l-ixprunaturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netti minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji). In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,2 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 3,5 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,9 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Il-Litwanja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE. Il-Litwanja ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-installazzjoni ta’ erba’ faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija biex tiżgura s-sigurtà u l-istabbiltà tas-sistema tal-elettriku Litwana, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(11)It-tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b’2,0 % fl-2024 u 2,9 % fl-2025, u l-inflazzjoni HICP se tkun ta’ 1,9 % fl-2024 u 1,8 % fl-2025.

(12)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 1,8 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż għandu jiżdied għal 38,9 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tad-defiċit fl-2024 tirrifletti żidiet fl-infiq li mhumiex kompletament akkumpanjati minn żieda fid-dħul. L-infiq qed jiżdied minħabba l-indiċjar tal-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali, iż-żieda fil-pagi tas-settur pubbliku, it-trasferimenti kurrenti mħallsa mill-gvern u n-nefqa fuq l-imgħax. Il-pagi tas-settur pubbliku huma pprojettati li jiżdiedu b’pass daqstant għoli daqs il-pagi tas-settur privat biex tiġi ppreservata l-kompetittività tas-settur pubbliku bħala impjegatur. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun espansjonarja fil-livell ta’ -1,6 % tal-PDG fl-2024.

(13)In-nefqa li tammonta għal 0,8 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,3 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq id-defiċit u d-dejn tal-gvern estiż tal-Litwanja. In-nefqa li tammonta għal 0,5 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ggarantita minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,0 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.

(14)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 16 li l-Litwanja żżomm pożizzjoni fiskali soda fl-2024. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali tal-Litwanja huwa pprojettat li jkun -0,8 % tal-PDG fl-2024, wara li kien 0,1 % fl-2023, u b’hekk jibqa’ qrib l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (OTM) tal-pajjiż li jkollu bilanċ strutturali ta’ -1,0 % tal-PDG. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(15)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Litwanja tieħu azzjoni biex telimina gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk ikun hemm mill-ġdid żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija jenħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Litwanja tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-ispiża baġitarja netta 17 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija hija stmata li tkun 0,3 % tal-PDG fl-2023 u pprojettata li tkun anqas minn 0,1 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B’mod partikolari, il-kumpens tal-VAT ikkalkulat fuq l-enerġija għas-sħana u l-ilma sħun għall-konsumaturi domestiċi se jibqa’ fis-seħħ fl-2024. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma pprojettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(16)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Litwanja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment huwa pprojettat li jonqos għal 3,3 % tal-PDG fl-2024 minn 3,5 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa dovut għal investiment eċċezzjonalment għoli fl-2023 għall-infrastruttura, inkluż għad-difiża u s-sigurtà. B’paragun ma’ dan, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali kien ta’ 2,8 % tal-PDG bħala medja matul il-perjodu 2019-2022. B’kont meħud ta’ dawn il-fatturi addizzjonali, l-investiment pubbliku fl-2024 huwa vvalutat bħala li jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. Imbagħad, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tiżdied għal 1,8 % tal-PDG fl-2024 (minn 1,2 % tal-PDG fl-2023).

(17)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 2,2 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda tad-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment iż-żieda fl-infiq soċjali minħabba l-indiċjar tal-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali, filwaqt li d-dħul huwa pprojettat li jibqa’ stabbli bħala perċentwal tal-PDG: iż-żieda ipprojetta fid-dħul mill-kontribuzzjonijiet soċjali u mit-taxxi indiretti se tkun kontrobilanċjata minn tnaqqis fid-dħul mit-taxxi korporattivi fuq l-introjtu minħabba t-tneħħija gradwali tal-“kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà” li tiġi bħalissa imposta fuq il-banek, kif ukoll it-tnaqqis ipprojettat fl-introjtu mill-imgħax hekk kif il-gvern qed jippjana li jnaqqas id-depożiti ta’ flus tiegħu fil-bank ċentrali. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG għandu għax jiżdied għal 41,6 % sa tmiem l-2025, hekk kif dan jiġi mbuttat ’l fuq miż-żieda fid-defiċit.

(18)Id-dħul mit-taxxa tal-Litwanja bħala sehem tal-PDG żdied fl-2023 iżda huwa taħt il-medja tal-UE b’mod sinifikanti. Dan jillimita l-finanzjament disponibbli għall-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali u s-servizzi pubbliċi ġenerali. Fl-2022, id-dħul mit-taxxi fuq il-proprjetà, li huwa fost it-taxxi l-inqas detrimentali għat-tkabbir, ammonta biss għal 0,3 % tal-PDG, madwar seba’ darbiet inqas mill-medja tal-UE. Il-Litwanja ġabret anqas minn nofs il-medja tal-UE mit-taxxi kapitali (bħala sehem tal-PDG), għandha uħud mill-aktar taxxi baxxi fuq it-trasport fl-UE u hija waħda mill-ftit Stati Membri mingħajr taxxa annwali fuq il-karozzi. L-infiq pubbliku fuq il-protezzjoni soċjali żdied fl-2023, iżda għadu taħt il-medja tal-UE b’mod sinifikanti. Dan jissarraf f’livelli relattivament baxxi u kopertura limitata tal-benefiċċji soċjali, bil-pensjonijiet tal-irtirar fost l-aktar baxxi fl-UE meta mqabbla mal-introjti tal-impjiegi. In-nefqa fuq is-servizzi pubbliċi ġenerali hija partikolarment baxxa, u tirċievi anqas min-nofs il-finanzjament (bħala perċentwal tal-PDG) mill-medja tal-UE. Riżorsi finanzjarji inadegwati għall-kura tas-saħħa jirriżultaw f’livelli għoljin ta’ ħtiġijiet mhux issodisfati għall-pazjenti u b’mod partikolari għal gruppi b’introjtu baxx, dipendenza qawwija fuq pagamenti mill-but u l-inabbiltà li jiġu offruti salarji u kundizzjonijiet kompetittivi lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa.

(19)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien limitat, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Litwanja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Litwanja tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tindirizza d-dewmien li qed jitfaċċa, speċjalment fejn tidħol ir-riforma tat-taxxa. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(20)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament 2021/1060, il-Litwanja hija obbligata li tagħmel rieżami ta’ kull programm sa Marzu 2025, billi tieħu f’kunsiderazzjoni fost affarijiet oħra l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll tal-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Din ir-riforma tifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Filwaqt li l-Litwanja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet reġjonali sinifikanti bejn ir-reġjun tal-belt kapitai u l-bqija tal-Litwanja fejn jidħlu l-attività ekonomika, l-investimenti u l-indikaturi soċjali. Hu kruċjali li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programm għadhom rilevanti. Huwa importanti li jkomplu jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali filwaqt li ssir enfasi fuq il-kontej li għadhom lura. It-titjib tal-kwalità u l-aċċess għall-edukazzjoni (inkluż bl-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal), għas-servizzi soċjali u għas-saħħa, jibqa’ rilevanti. Il-Litwanja tista’ wkoll tagħmel użu mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tappoġġa t-trasformazzjoni tal-industrija permezz tal-iżvilupp u l-manifattura ta’ innovazzjoni diġitali u tat-teknoloġija profonda b’valur miżjud għoli kif ukoll teknoloġiji u bijoteknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, inkluż fil-qasam tad-difiża u l-użu doppju.

(21)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Litwanja qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mas-sistemi tas-saħħa u tal-pensjonijiet, il-kompetittività, is-servizzi pubbliċi, kif ukoll l-ambjent u l-ġestjoni tar-riżorsi.

(22)Il-firxa ta’ servizzi ta’ kura preventiva, dijanjostika bikrija u primarja hija limitata fil-Litwanja, u hemm nuqqas ta’ kompetenzi xierqa fit-timijiet tal-kura primarja. B’riżultat ta’ dan, il-livell ta’ mortalità li tista’ tiġi evitata u li tista’ tiġi ttrattata għadu għoli. Dan huwa influwenzat minn dgħufijiet fl-interventi ta’ prevenzjoni, fl-iskrinjar tal-kura tas-saħħa u fit-twassil tal-kura, iżda wkoll minn fatturi ta’ imġiba riskjuża. L-infiq fuq is-saħħa għadu fost l-aktar baxxi fl-UE (68,6 % biss minnu kien iffinanzjat mis-settur pubbliku fl-2021). Il-Litwanja qed tibda tieħu azzjoni leġiżlattiva u tuża investimenti biex issaħħaħ il-kura primarja u preventiva, iżda r-riżultati għadhom ma mmaterjalizzawx.

(23)Għalkemm il-benefiċċji soċjali u l-pensjonijiet tax-xjuħija kienu qed jiżdiedu bħala medja f’dawn l-aħħar snin, il-kapaċità tas-sistema tal-benefiċċji tat-taxxa biex ittaffi l-faqar (20,9 % vs l-UE 16,5 %) u l-inugwaljanza fl-introjtu (S80/S20 proporzjon 6,39 kontra l-UE 4,74) fil-Litwanja għadha insuffiċjenti. L-adegwatezza tal-pensjonijiet tax-xjuħija fir-rigward tal-introjtu ta’ qabel l-irtirar marret għall-agħar u għadha f’livell baxx kritiku. Fl-2022 (l-aħħar data disponibbli), l-introjtu disponibbli medjan tal-persuni akbar fl-età (65 sena jew aktar) kien jikkostitwixxi 65 % tal-medjan ta’ qabel l-irtirar 18 , 15-il punti perċentwali inqas mill-medja tal-UE. Id-differenza tal-aħħar bejn l-introjtu ta’ qabel l-irtirar u ta’ wara l-irtirar ilha tikber mill-2014. Ir-rata aggregata ta’ sostituzzjoni għall-pensjonijiet tax-xjuħija 19 , li tkejjel id-daqs tal-pensjonijiet bħala sehem mis-salarji ta’ qabel l-irtirar qabel it-taxxi, kienet l-aktar waħda baxxa fl-UE fl-2022. Għalkemm il-pensjoni medja mħallsa mill-fond tal-assigurazzjoni soċjali tal-Istat żdiedet b’mod sinifikanti (minn EUR 277 fl-2017 għal EUR 539 fl-2023), xorta għadha taħt il-livell limitu tal-faqar (EUR 564 fl-2023). L-adegwatezza ġenerali baxxa tal-pensjonijiet qed iżżid il-faqar fix-xjuħija. Fl-2022, ir-rata ta’ persuni akbar fl-età fir-riskju ta’ faqar kienet waħda mill-ogħla fl-UE (il-Litwanja 39,5 % vs l-UE 17,3 %). Minkejja l-progress li sar f’dawn l-aħħar snin, il-faqar enerġetiku għadu fost l-ogħla fl-UE. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ ta’ titjib fil-konverġenza soċjali, f’konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali 20 .

(24)Id-differenzi reġjonali għadhom jippersistu fil-Litwanja, aggravati minn żviluppi demografiċi negattivi. Il-Litwanja qed tesperjenza diskrepanza urbana-rurali ferm akbar għar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali meta mqabbla mal-medja tal-UE (10,7 punti perċentwali vs 0,4 punti perċentwali fl-2022, ikkalkulati bħala d-differenza fis-sehem tal-popolazzjoni). Fil-każ ta’ muniċipalitajiet iżgħar u aktar remoti, qed isir dejjem aktar diffiċli li jiġi pprovdut aċċess għal kura tas-saħħa, edukazzjoni, servizzi soċjali, trasport, enerġija, provvisti tal-ilma u servizzi pubbliċi oħra ta’ kwalità b’mod effiċjenti, u li jitħaffef l-iżvilupp ekonomiku. Il-muniċipalitajiet ma jikkooperawx biex jiġbru flimkien l-għarfien espert u l-investimenti sabiex iżidu u jtejbu l-effiċjenza u l-effettività fil-forniment tas-servizzi pubbliċi. Sistema tat-trasport pubbliku frammentata u żviluppata b’mod mhux uniformi, in-nuqqas ta’ konnettività interna u ta’ intermodalità 21 , l-ippjanar tal-vjaġġi u servizzi bażiċi oħra tal-passiġġieri jfixklu l-aċċess għall-impjiegi u s-servizzi pubbliċi, speċjalment f’żoni remoti u rurali, u jikkontribwixxu għad-disparitajiet reġjonali. Il-Litwanja għandha l-inqas network tat-trasport pubbliku żviluppat u l-inqas użat fl-UE, b’5,3 % biss tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri li jitwettaq fuq it-trasport pubbliku, inkluż 0,9 % bil-ferrovija. Il-Litwanja għandha lok sinifikanti biex ittejjeb il-koordinazzjoni tas-sistema tat-trasport pubbliku tagħha kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak ċentrali.

(25)Il-Litwanja kienet qed tesperjenza tkabbir limitat fil-produttività parzjalment minħabba nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet. Għalkemm il-pajjiż għandu waħda mill-ogħla rati ta’ kisba fil-livell tal-edukazzjoni terzjarja, l-iskarsezza ta’ persunal ikkwalifikat hija ostaklu kbir għall-investiment fit-tul għal 72 % fost il-kumpaniji Litwani, filwaqt li 47 % biss tal-gradwati tal-kulleġġ isibu impjiegi li jaqblu mal-livell ta’ edukazzjoni tagħhom. L-involviment tal-imsieħba soċjali fl-iżvilupp ta’ programmi ta’ studju u l-kontroll tal-kwalità tal-programmi ta’ studju tal-edukazzjoni għolja għadhom dgħajfa. In-network tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja ma ġiex adattat għan-numru dejjem jonqos ta’ studenti u se jiffaċċja aktar pressjonijiet ladarba tidħol fis-seħħ sistema ġdida ta’ ammissjoni tal-istudenti din is-sena. Filwaqt li l-Litwanja ppjanat diversi proġetti ta’ riorganizzazzjoni tal-kulleġġi, huma meħtieġa aktar sforzi biex tiżdied l-effiċjenza tan-netwerk tal-edukazzjoni għolja u tiġi kkonsolidata s-sistema frammentata tar-riċerka.

(26)Il-Litwanja tinsab f’livell anqas mill-medja tal-UE fejn jidħlu indikaturi differenti tal-innovazzjoni bħalma huma l-intensità tar-riċerka u l-innovazzjoni (RI), is-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u l-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni. In-nefqa fir-RI kienet ta’ 0,53 % tal-PDG fl-2022, l-anqas livell tagħha mill-2007. Regoli kumplessi jillimitaw l-aċċess għal miżuri pubbliċi ta’ appoġġ għar-RI għall-akkademja u n-negozju. L-investiment privat fir-RI staġna f’dawn l-aħħar snin u huwa tliet darbiet aktar baxx mill-medja tal-UE. Dan huwa aggravat minn aċċess ristrett għall-finanzi li jfixkel it-tkabbir ta’ ditti innovattivi, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jiffaċċjaw disponibbiltà limitata ta’ sorsi alternattivi ta’ finanzjament.

(27)L-ekonomija tal-Litwanja, u b’mod partikolari l-industrija tagħha, hija konsiderevolment inqas effiċjenti fl-użu tal-materjali biex tipproduċi l-ġid mill-medja tal-UE. Il-produttività tar-riżorsi baqgħet konsistentement taħt il-medja tal-UE mill-2018, ikkaratterizzata minn impronta materjali ogħla. Ir-rata tal-Litwanja tal-użu tal-materjal ċirkolari kienet tliet darbiet inqas mill-medja tal-UE fl-2022 (4,1 % meta mqabbla ma’ 11,5 %) u mill-2018 ma wriet l-ebda sinjal ta’ titjib. Dan ifisser li madwar 96 % tal-materjali kollha ma jerġgħux jintużaw fil-Litwanja, u dan jindika li hemm lok konsiderevoli biex tittejjeb is-sistema frammentata tas-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart u jiġi promoss l-użu ta’ materjali sekondarji għall-ħolqien tal-valur. Barra minn hekk, tliet kwarti tal-erja tas-superfiċje tal-istokk tal-bini tal-Litwanja nbniet qabel l-1992, li jirriżulta f’effiċjenza enerġetika baxxa u konsum ogħla tal-enerġija (u faqar enerġetiku). It-titjib tal-produttività tar-riżorsi jista’ jnaqqas id-dipendenza fuq swieq volatili tal-materja prima, inaqqas il-kostijiet tal-produzzjoni u għalhekk jagħti spinta lill-kompetittività permezz ta’ kisbiet fl-effiċjenza, filwaqt li jgħin ukoll biex jiġu minimizzati l-impatti negattivi fuq l-ambjent. Fl-istess ħin, żewġ terzi tal-ħabitats protetti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE jinsabu fi stat ta’ konservazzjoni mhux favorevoli, filwaqt li nofs il-korpi tal-ilma tal-wiċċ biss jiksbu status ekoloġiku tajjeb. Il-Litwanja esperjenzat telf sinifikanti tal-bijodiversità fil-pajsaġġi agrikoli. Dan huwa eżempju ta’ tnaqqis bi kważi nofs il-popolazzjoni tal-għasafar tal-art agrikola matul il-perjodu 2000-2020. Barra minn hekk, is-settur agrikolu huwa t-tieni l-akbar emittent ta’ gassijiet serra fil-Litwanja u l-emissjonijiet tiegħu żdiedu mill-2005. B’mod ġenerali, id-diskrepanza fl-investiment ambjentali kienet stmata li hu fil-livell ta’ 2,2 % tal-PDG fil-Litwanja matul l-2014-2020, ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 0,8 %. Bħala tali, għad hemm lok biex il-prattiki agrikoli jiġu allinjati aktar mal-objettivi ambjentali.

(28)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Fil-każ tal-Litwanja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3), u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2024 u fl-2025 il-Litwanja tieħu azzjoni biex:

1.Tippreżenta l-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 22 fl-2025 għal rata konsistenti maż-żamma tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG u żżomm id-dejn tal-gvern estiż f’livell prudenti fuq terminu medju. Tipprovdi finanzjament adegwat għall-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali u s-servizzi pubbliċi ġenerali.

2.Tindirizza d-dewmien li qed jitfaċċa biex tkun tista’ sseħħ l-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħha, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.

3.Ittejjeb ir-riżultati fil-qasam tas-saħħa u r-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa billi ssaħħaħ il-kura primarja u tespandi l-kura preventiva. Iżżid l-adegwatezza tal-pensjonijiet tax-xjuħija, filwaqt li żżomm is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet. Tindirizza d-disparitajiet reġjonali billi tippromwovi l-kooperazzjoni fost il-muniċipalitajiet fit-titjib tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi, inkluż it-trasport pubbliku.

4.Tindirizza n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet billi ttejjeb ir-rilevanza tal-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol. Tiffaċilita l-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni. Iżżid il-produttività tar-riżorsi biex isir progress lejn ekonomija ċirkolari.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj .
(3)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj .
(4)    COM(2023) 168 final.
(5)    COM(2024) 77 final.
(6)    COM(2023) 901 final.
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj ) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj ).
(8)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024,/1263, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ). Nefqa netta tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Litwanja (10477/2021).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-28 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Litwanja (14637/2023).
(11)    SWD(2024) 615 final.
(12)    Indikaturi Eurostat-Euro, 22.4.2024.
(13)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Litwanja tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Litwanja għall-2022, ĠU C 334, 1.9.2022, p. 120.
(14)    Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Litwanja fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 10.5 % f’termini nominali, abbażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(15)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-amministrazzjoni pubblika. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali (u esklużi l-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(16)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Litwanja tal-2023 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Litwanja għall-2023, ĠU C 312, 1.9.2023, p. 135.
(17)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-ispiża baġitarja annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(18)    Introjtu medjan disponibbli tal-kategorija tal-età bejn 55-64 sena.
(19)    L-indikatur huwa definit bħala l-proporzjon tal-pensjoni gross individwali medjana tal-kategorija tal-età ta’ 65-74 sena meta mqabbel mal-qligħ gross medjan individwali tal-kategorija tal-età ta’ 50-59 sena, esklużi benefiċċji soċjali oħra.
(20)    SWD(2024) 132 final.
(21)    Karatteristika ta’ sistema ta’ trasport fejn jintużaw mill-anqas żewġ modi differenti b’mod integrat sabiex titlesta sekwenza ta’ trasport minn bieb sa bieb.
(22)    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263,“nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.