7.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Diċembru 2009

li tawtorizza lill-Irlanda biex tuża ċerti estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 10418)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2010/5/UE, Euratom)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 6(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv dwar Riżorsi Proprji,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 371 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2), ċerti Stati Membri jistgħu jibqgħu jeżentaw ċerti tranżazzjonijiet. Dawn it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati biex tkun iddeterminata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT.

(2)

Skont l-Artikolu 371 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Irlanda għandha tibqa’ teżenta t-tranżazzjonijiet elenkati fil-punt 10 tal-parti B tal-Anness X ta’ dik id-Direttiva.

(3)

L-Irlanda talbet awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni biex tuża ċerti estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għaliex mhix f’pożizzjoni li tagħmel il-kalkolu preċiż tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 10 tal-parti B tal-Anness X tad-Direttiva tal-VAT. Kalkolu bħal dan x’aktarx li jinvolvi piż amministrattiv mhux ġustifikat meta wieħed iqis l-effett ta’ dawn it-tranżazzjonijet fuq il-bażi totali tal-Irlanda tar-riżorsi proprji tal-VAT. L-Irlanda hi f’pożizzjoni li tagħmel kalkolu billi tuża estimi approssimattivi għal din il-kategorija ta’ tranżazzjonijiet. L-Irlanda għandha għalhekk tingħata awtorizzazzjoni biex tikkalkula l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT billi tuża estimi approssimattivi skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89.

(4)

Għall-finijiet ta’ trasparenza u ċertezza legali, hu xieraq li jkun hemm limitu ta’ żmien għall-applikabilità tal-awtorizzazzjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Biex tiġi kkalkolata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT mill-1 ta’ Jannar 2009, l-Irlanda hija awtorizzata li tuża estimi approssimattivi fir-rigward tal-kategorija ta’ tranżazzjonijiet li ġejja msemmija f’parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE:

—

Trasport tal-passiġġieri (punt 10).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9.

(2)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.