European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/500

30.1.2026

Avviż ta' pożizzjoni vakanti — CONS/AD/203/26 — Koordinatur tal-Kwalità (traduzzjoni) — Unità tal-lingwa Irlandiża

(C/2026/500)

 

TAGĦRIF ĠENERALI

Dipartiment

GSC.LING.1.GA Lingwa Irlandiża

Post tax-xogħol

Brussell, Bini Lex

Titlu tal-pożizzjoni

KOORDINATUR TAL-KWALITÀ (TRADUZZJONI)

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 9–14

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

SECRET UE/EU SECRET

SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

Is-16 ta' Frar 2026 — 12:00 (nofsinhar) ħin ta' Brussell

Min aħna

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali, jipprovdi pariri u sostenn lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill u lill-Presidenzi tagħhom fl-oqsma kollha ta' attività, inkluż pariri politiċi u legali, koordinazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra, tfassil ta' kompromessi u abbozzar, superviżjoni kif ukoll trattament tal-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija bla xkiel tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill.

Fis-servizz tat-Traduzzjoni tas-SĠK (LING), aħna nippromwovu l-multilingwiżmu bħala valur Ewropew ewlieni. Il-missjoni tagħna hija li nipprovdu servizzi lingwistiċi f'waqthom u ta' kwalità għolja bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni transkulturali u li għandhom rwol vitali fil-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Aħna nippromwovu kultura kollaborattiva u inklużiva fejn kull membru tal-persunal huwa mħeġġeġ jikkontribwixxi għas-suċċess kondiviż tagħna.

LING jimpjega madwar 900 membru tal-persunal f'24 unità lingwistika u żewġ unitajiet ċentrali – l-Unità tal-Operazzjonijiet u l-Unità tar-Riżorsi – li jappoġġaw il-funzjonament bla xkiel tas-servizz. L-unità tal-lingwa Irlandiża tikkonsisti f'tim ta' 34 membru tal-persunal, inkluż il-Kap tal-Unità, il-Koordinatur tal-Kwalità (ekwivalenti għal kap ta' unità), il-Koordinatur Lokali, il-Maniġer tar-Riżorsi Lokali, 24 traduttur u 6 assistenti u segretarji.

X'qed noffru

Qed noffru pożizzjoni attraenti ħafna u li toffri sfida bħala Koordinatur tal-Kwalità f'tim motivat u versatili. Ser tkun il-konsulent ewlieni tal-unità dwar kwistjonijiet lingwistiċi biex tgħin tiżgura l-kwalità tad-dokumenti prodotti mit-tradutturi, l-assistenti u s-segretarji. Xogħlok ser jiffoka fuq ħafna oqsma, inkluż l-użu tal-lingwa, il-verifiki tal-kwalità u l-aħħar żviluppi fit-teknoloġija tat-traduzzjoni. Peress li t-testi li nittraduċu jirriflettu l-ġrajjiet kurrenti, dawn spiss ikunu politikament sensittivi u jeħtieġu għarfien espert konsiderevoli.

Bħala Koordinatur tal-Kwalità, ser tkun parti mit-tim ta' ġestjoni tal-unità, billi taħdem mill-qrib mal-Kap tal-Unità, il-Koordinatur Lokali u l-Maniġer tar-Riżorsi Lokali. Ser ikollok l-opportunità ssawwar l-unità u tuża u tiżviluppa l-ħiliet interpersonali tiegħek biex tisfrutta bl-aħjar mod it-tim. Ser tkun appoġġat mill-Kap tal-Unità tiegħek, min-network tal-koordinaturi tal-kwalità tal-LING u mill-Koordinatur tal-Politika dwar il-Kwalità tal-LING. Ser taħdem ma' ħafna partijiet ikkonċernati interni u esterni oħra, inkluż id-Direttorat tas-SĠK għall-Kwalità tal-Leġiżlazzjoni, istituzzjonijiet oħra tal-UE u rappreżentanzi nazzjonali. Ser ikollok aċċess għal taħriġ estensiv fuq il-post tax-xogħol biex jgħinek tagħmel progress fir-rwol tiegħek.

Il-pożizzjoni hija bbażata f'uffiċċju individwali fil-kwartieri ġenerali tagħna fi Brussell. Is-SĠK joffri pakkett komprensiv ta' miżuri ta' xogħol flessibbli inkluż crèche ddedikata, indukrar tat-tfal wara l-iskola u matul il-vaganzi tal-iskola, kif ukoll telexogħol u ħin flessibbli abbażi tal-ħtiġijiet tas-servizz u skont ir-regoli tas-SĠK. Is-sigħat tax-xogħol jistgħu jkunu imprevedibbli minħabba żviluppi politiċi li jiġġeneraw talbiet għat-traduzzjoni bi skadenzi stretti ħafna.

X'qed infittxu

Qed infittxu lingwist b'talent, ħabrieki u midħla sew fit-teknoloġija b'rekord ippruvat fit-traduzzjoni, li jkun attent għad-dettall u b'interess ġenwin fin-nies u fl-isfidi u l-opportunitajiet li joffru l-iżviluppi politiċi u diġitali.

Trid tkun impenjat lejn il-proġett Ewropew u jkollok sens qawwi ta' responsabbiltà. Ser torganizza xogħlok b'mod effettiv u ssib soluzzjonijiet kreattivi għall-problemi. Ser tgħin lill-oħrajn jagħtu riżultati ta' kwalità għolja u jfittxu opportunitajiet biex itejbu l-effiċjenza tal-unità. Parti importanti mill-kariga tiegħek ser tinvolvi l-għoti ta' gwida lill-kollegi u l-għoti ta' feedback regolari u mingħajr preġudizzju li jimmotivahom sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jtejbu l-ħiliet tagħhom. Biex tagħmel dan b'mod effettiv, ser ikollok bżonn tikkomunika b'mod trasparenti u kostruttiv. Trid tkun taf tisma' u tkun medjatur eċċellenti.

Qed infittxu xi ħadd li jista' jagħti pariri lill-Kap tal-Unità u lill-maniġment superjuri tal-LING dwar kwistjonijiet speċifiċi għal-lingwa u li jista' jissostitwixxi l-Kap tal-Unità meta jkun meħtieġ. Ser tagħti wkoll pariri lill-Koordinatur Lokali fir-rigward tal-assenjazzjoni tal-kompiti ta' traduzzjoni u reviżjoni. Ser tintalab tirrevedi d-dokumenti, tagħti feedback u tidentifika l-ħtiġijiet ta' taħriġ fl-unità.

Irid ikollok mentalità ta' tagħlim u tkun ħerqan li tilqa' sfidi ġodda filwaqt li żżomm il-pass ma' teknoloġiji ġodda. Dan jinkludi l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' apprendiment, il-punti b'saħħithom u d-dgħufijiet tiegħek stess u l-iżvilupp tal-ħiliet tiegħek stess.

Irid ikollok għarfien perfett tal-Irlandiż u għarfien profond tal-Ingliż. L-għarfien tal-Franċiż jew ta' lingwa oħra tal-UE jkun ta' vantaġġ.

Il-qafas ta' Kompetenza tas-SĠK (https://www.consilium.europa.eu/media/nrehuprg/competency-framework-for-managers-booklet-a5_en-for-web.pdf) jidentifika l-ħiliet, l-attitudnijiet u l-imġiba li l-persunal kollu jeħtieġ li jkollu u jiżviluppa, u għalhekk jifforma l-bażi għall-proċedura ta' reklutaġġ tagħna.

POLITIKA TA' REKLUTAĠĠ

L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fid-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet:

(a)

Kundizzjonijiet ġenerali

—

ikunu nazzjonali ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

—

igawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

—

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)

Kundizzjonijiet speċifiċi

—

ikollhom lawrja universitarja (1);

—

ikollhom minimu ta' għaxar snin esperjenza professjonali rilevanti fil-qasam tat-traduzzjoni, inkluż mill-inqas tliet snin fi rwoli li jinvolvu responsabbiltajiet ta' koordinazzjoni u organizzazzjonali;

—

ikollhom għarfien perfett tal-Irlandiż u għarfien profond tal-Ingliż.

Peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b'mod estensiv għall-komunikazzjoni fis-SĠK u ma' istituzzjonijiet oħra, għarfien tajjeb tal-Franċiż ikun ta' vantaġġ. L-għarfien ta' lingwi uffiċjali oħra tal-UE jkun ta' vantaġġ.

NB:

(1)

Din il-pożizzjoni tirrikjedi approvazzjoni tas-sigurtà li tippermetti l-aċċess għal informazzjoni klassifikata (livell SECRET UE/EU SECRET). Il-kandidati li japplikaw għall-pożizzjoni jridu jkunu lesti jgħaddu minn investigazzjoni ta' sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir effettiva biss bil-kundizzjoni li l-kandidat magħżul ikun kiseb ċertifikat validu ta' approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidati mingħajr l-approvazzjoni tas-sigurtà jiġu offruti kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà.

(2)

Il-kandidat li jintgħażel għandu jew għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta' taħriġ fil-ġestjoni tas-SĠK.

PROĊEDURA TA' SELEZZJONI

—

Fl-għażla tal-kandidati li rnexxew, l-Awtorità tal-Ħatra ser tkun megħjuna minn kumitat konsultattiv ta' selezzjoni.

—

Il-kumitat konsultattiv ta' selezzjoni l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta' dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-kumitat konsultattiv ta' selezzjoni jagħmel lista ristretta tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar adatti sabiex jiġu mistiedna għal intervista. Peress li din il-preselezzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti għal dan l-avviż ta' pożizzjoni vakanti ma jiggarantix stedina għall-intervista. L-ippjanar proviżorju għall-proċedura ta' selezzjoni huwa kif ġej:

—

huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti ser jiġu infurmati sal-aħħar ta' Frar 2026;

—

l-intervisti huma previsti li jsiru fl-ewwel nofs ta' Marzu 2026;

NB:

L-iskeda mogħtija hawn fuq hija purament indikattiva u tista' tinbidel.

BAŻI LEGALI

Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f'konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2, tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

KIF TAPPLIKA

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija s- 16 ta' Frar 2026 f'12:00 (nofsinhar) ħin ta' Brussell.

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss bil-posta elettronika u jridu jintbagħtu lil applications.officials@consilium.europa.eu  (4) sa mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq. Applikazzjonijiet li jaslu tard mhumiex ser jitqiesu.

Għandu jintuża l-indirizz elettroniku indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza dwar il-proċedura ta' selezzjoni (fil-linja tas-suġġett tal-email għandha titniżżel ir-referenza li ġejja): CONS/AD/203/26 Quality Coordinator — Irish language unit.

Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti mniżżla hawn fuq, taħt “Politika ta' Reklutaġġ”, biex b'hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura ta' selezzjoni.

Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f'format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b'firma elettronika ma jiġux aċċettati):

(a)

il-formola tal-applikazzjoni mimlija u datata kif suppost (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) - Application form.pdf”); biex tniżżel il-formola tal-applikazzjoni elettronika (EN jew FR) agħfas fuq il-ħolqa t-tajba hawn taħt jew ikkopjaha u ppejstjaha fil-browser tiegħek (5):

https://www.consilium.europa.eu/media/r0zgosvk/gsc-application_form_qc_en_qc-ga.docx

https://www.consilium.europa.eu/media/snue3ryw/gsc-application_form_qc_fr_qc-ga.docx

(b)

curriculum vitae dettaljat bl-Ingliż jew bil-Franċiż (mingħajr ritratti inklużi), preferibbilment fil-format Europass (https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv; https://europa.eu/europass/fr/create-your-europass-cv), li tkopri l-karriera kollha tal-applikant, u telenka, fost l-oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-applikant (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) - CV.pdf”);

(c)

ittra ta' motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) - Motivation letter.pdf”).

Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.

NB:

Ser jintalbu l-kopji ta' diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u l-kopji ta' dokumenti u ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali mingħand il-kandidati preselezzjonati mistiedna għall-intervisti. Id-dokumenti ta' sostenn iridu jkunu nħarġu minn parti terza.

Id-dokumenti ta' sostenn għandhom jiġu nnumerati (Anness 1, 2, eċċ.) u għandhom jinġabru flimkien f'dokument pdf wieħed (fajl li għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) - Supporting documents.pdf”). Dan għandu jinkludi indiċi.

In-nuqqas ta' sottomissjoni tad-dokumenti ta' sostenn kollha sa mhux aktar tard mill-jum ta' qabel l-intervista, jista' jitqies bħala bażi għal skwalifika.

Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta jew permezz ta' soluzzjonijiet ta' ħżin ta' data bbażati fi cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni ta' fajls ma jiġux ikkunsidrati.

Il-persuna magħżula minn fost il-kandidati tintalab tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.

Il-kandidati ser jirċievu email sabiex tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, jistgħu jinqalgħu diffikultajiet tekniċi li minħabba fihom l-emails ma jaslux. Għalhekk, il-kandidati li ma jirċevux email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni huma mitluba jikkuntattjaw lil applications.officials@consilium.europa.eu. Peress li l-kumitat konsultattiv ta' selezzjoni ser jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull korrispondenza dwar il-wasla tal-applikazzjoni għandha ssir fil-ġimgħa ta' wara dik id-data.

DIVERSITÀ U INKLUŻJONI

Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara d-dikjarazzjoni rilevanti:

https://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/.

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Għal informazzjoni dwar il-proċeduri marbuta mat-talbiet għal ilmenti, appelli u riferimenti lill-Ombudsman Ewropew tista' tikkonsulta lil:

https://www.consilium.europa.eu/media/56647/complaint-mt.pdf.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali b'rabta ma' din il-proċedura ta' selezzjoni jinsabu fid-dikjarazzjoni ta' privatezza:

https://www.consilium.europa.eu/media/4brojk4o/jobs-data-protection-083r02-mt.pdf.


(1)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b'diploma, fejn il-perjodu normali ta' edukazzjoni universitarja hu ta' erba' snin jew iżjed, jew

(ii)

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b'diploma u esperjenza professjonali adegwata ta' mill-inqas sena, fejn it-tul ta' żmien normali tal-edukazzjoni universitarja hu ta' mill-inqas tliet snin.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/488/oj).

(3)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), test konsolidat disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20260101.

(4)  Dan l-indirizz elettroniku jappartjeni għal kaxxa postali funzjonali u jista' jipproċessa biss messaġġi bil-kunfidenzjalità speċifikata bħala “Normal”; emails mibgħuta b'livell ta' kunfidenzjalità differenti (eż. “Personal”, “Private”, “Confidential” jew posta kriptata) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant, jekk jogħġbok agħżel il-livell ta' kunfidenzjalità “Normal”. L-email tiegħek ma tridx tkun akbar minn 25 MB. Jekk id-daqs tal-email tiegħek bl-hemżiet magħha jkun ikbar minn dan, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet fuq għadd ta' emails.

(5)  Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa' ma' problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: applications.officials@consilium.europa.eu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/500/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)