European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2563

20.11.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2563

tad-19 ta’ Novembru 2026

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1127 fir-rigward tal-lista tal-portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ waqfiet evażivi minn bastimenti tal-kontejners f’portijiet barra mill-Unjoni u tar-rilokazzjoni tal-attivitajiet ta’ trażbord, id-definizzjoni ta’ “port tal-waqfa” fir-Regolament (UE) 2023/1805 teskludi waqfiet f’portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament. Dawn il-portijiet iridu jiġu identifikati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità ma’ dak l-Artikolu, li jrid jiġi aġġornat kull sentejn.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1127 (2) stabbilixxa li dawk il-kundizzjonijiet ġew issodisfati mill-portijiet ta’ East Port Said fl-Eġittu u ta’ Tanger Med fil-Marokk.

(3)

Il-port ta’ Abu Qir fl-Eġittu jinsab inqas minn 300 mil nawtiku minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru. Matul l-aktar perjodu reċenti ta’ 12-il xahar li għalih hemm data rilevanti disponibbli, is-sehem tat-trażbord tal-kontejners f’dan il-port qabeż il-65 % tal-volum totali tal-kontejners tiegħu.

(4)

Il-portijiet ta’ Damietta fl-Eġittu jinsab inqas minn 300 mil nawtiku minn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru. Matul l-aktar perjodu reċenti ta’ 12-il xahar li għalih hemm data rilevanti disponibbli, is-sehem tat-trażbord tal-kontejners f’dan il-port qabeż il-65 % tal-volum totali tal-kontejners tiegħu.

(5)

L-Eġittu ma japplikax miżuri ekwivalenti għar-Regolament (UE) 2023/1805 fir-rigward ta’ dawk iż-żewġ portijiet. Għalhekk, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2023/1805 huma ssodisfati, u l-portijiet ta’ Abu Qir u ta’ Damietta jenħtieġ li jiġu elenkati bħala portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners.

(6)

Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1127 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis mill-Bastimenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1127 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1805/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1127 tas-6 ta’ Ġunju 2025 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners (ĠU L, 2025/1127, , 10.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1127/oj).


ANNESS

“

ANNESS

Il-portijiet ġirien tat-trażbord tal-kontejners imsemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2023/1805

Nru

Isem il-port

Pajjiż

1.

ABU QIR

L-EĠITTU

2.

DAMIETTA

L-EĠITTU

3.

EAST PORT SAID

L-EĠITTU

4.

TANGER MED

IL-MAROKK

”

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2563/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)