Brussell, 28.7.2023

COM(2023) 460 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-funzjonament tad-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni u dwar l-impatt fuq is-suq intern tal-esklużjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12

{SWD(2023) 267 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-funzjonament tad-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni u dwar l-impatt fuq is-suq intern tal-esklużjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12

1.Introduzzjoni

Il-Kummissjoni tistma li l-valur globali tal-akkwist pubbliku mill-gvern fl-UE kien madwar EUR 2 163 biljun fl-2018 jew 13,6 % tal-PDG tal-UE 1 , li minnhom, madwar EUR 670 biljun 2 kienu koperti mit-tliet Direttivi dwar l-akkwist pubbliku. Meta l-awtoritajiet pubbliċi jkun jeħtiġilhom jimmobilizzaw il-kapital privat u l-għarfien prattiku biex jikkomplementaw ir-riżorsi pubbliċi skarsi, il-konċessjonijiet jistgħu jkunu mod ferm attraenti ta’ kif jitwettqu proġetti ta’ interess pubbliku filwaqt li jiġi limitat id-dejn pubbliku. Il-konċessjonijiet huma arranġamenti kuntrattwali li fihom awtorità jew entità kontraenti pubblika waħda jew aktar jafdaw l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, jew il-provvista u l-ġestjoni ta’ servizzi, lil operatur ekonomiku privat wieħed jew aktar. Il-kuntratti ta’ konċessjoni, li jammontaw għal valur medju ta’ EUR 63 biljun fis-sena, isostnu s-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u l-kumpaniji privati f’setturi strateġiċi ewlenin. Dan huwa partikolarment il-każ għall-iżvilupp tal-infrastruttura, bħal portijiet u ajruporti, garaxxijiet tal-parkeġġ, toroq b’pedaġġ, manutenzjoni tal-awtostrada, jew il-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali bħall-enerġija jew ir-rimi tal-iskart.

Id-Direttiva 2014/23/UE 3 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (minn hawn ’il quddiem id-“Direttiva”) ġiet adottata biex tindirizza n-nuqqas ta’ qafas koerenti u komprensiv fil-livell tal-UE għall-konċessjonijiet. L-għan tad-Direttiva huwa li tipprovdi qafas legali ċar li jippromwovi l-użu tal-konċessjonijiet filwaqt li jtejjeb l-aċċess għas-suq għan-negozji billi jiżgura t-trasparenza u l-ġustizzja fil-proċeduri tal-għoti.

Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 53 tad-Direttiva jagħti mandat lill-Kummissjoni biex “tirrevedi l-funzjonament ta’ din id-Direttiva u […] tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill” filwaqt li t-tielet paragrafu ta’ dak l-Artikolu jirrikjedi li l-Kummissjoni “tivvaluta l-effetti ekonomiċi fuq is-suq intern tal-esklużjonijiet [tas-settur tal-ilma]” mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Dan ir-Rapport jippreżenta s-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami u ta’ dik il-valutazzjoni. Jibbaża fuq l-informazzjoni mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva (“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni”), li għandu jinqara flimkien ma’ dan ir-Rapport.

Ir-Rapport u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal huma bbażati fuq korp ta’ evidenza li ġej minn diversi sorsi, bħad-data estratta mill-bażi tad-data Tenders Electronic Daily (TED); l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 45 tad-Direttiva 4 ; l-Istudju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet imwettaq għall-Kummissjoni minn London Economics Europe u Spark Legal (2021) 5 ; stħarriġ li tnieda mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-2021 biex tinġabar l-informazzjoni mill-Istati Membri dwar l-organizzazzjoni tas-settur tal-ilma u l-pożizzjonijiet espressi mill-partijiet ikkonċernati matul avveniment online mal-partijiet ikkonċernati organizzat mill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-funzjonament tad-Direttiva u l-valutazzjoni tal-esklużjoni tal-ilma.

It-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva mill-Istati Membri kollha — id-Direttiva ilha tiġi applikata fl-UE kollha mill-2020 biss — tipprevjeni valutazzjoni sħiħa tal-funzjonament tad-Direttiva u l-esklużjoni tas-settur tal-ilma f’dan il-mument. Hija meħtieġa aktar esperjenza fir-rigward tad-Direttiva biex issir valutazzjoni sħiħa tal-funzjonament tagħha kif ukoll tal-impatt tal-esklużjoni tas-settur tal-ilma mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Madankollu, it-tendenzi osservati abbażi tad-data disponibbli jindikaw żieda fit-trasparenza fil-kuntratti ta’ konċessjonijiet, żieda fil-parteċipazzjoni tal-SMEs għall-konċessjonijiet u kapaċità amministrattiva mtejba biex jiġu ssorveljati l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet fil-livell nazzjonali.

2.Is-suq tal-konċessjonijiet tal-UE

Il-valur totali tal-konċessjonijiet koperti mid-Direttiva u mogħtija bejn l-2016 u l-2021 huwa stmat għal EUR 377,5 biljun. Il-valur totali tal-konċessjonijiet jirrappreżenta 12 % tas-suq ġenerali annwali tal-akkwist pubbliku kopert mit-tliet Direttivi dwar l-akkwist pubbliku kombinati 6 . Id-Direttiva tapplika għal konċessjonijiet b’valur ta’ EUR 5 382 000 jew aktar 7 .

L-għadd totali ta’ konċessjonijiet mogħtija fl-UE bejn wieħed u ieħor irdoppja mit-18 ta’ April 2016 — l-iskadenza għat-traspożizzjoni — u qiegħed ikompli jiżdied 8 . Din ix-xejra ’l fuq tista’ tiġi osservata fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.

Illustrazzjoni 1: Avviżi tal-għoti ta’ konċessjoni skont is-sena [għadd, valur f’biljuni ta’ EUR], pajjiżi taż-ŻEE

Sors: Study on the implementation of the Concessions Directive - London Economics Europe and Spark Legal (2021), illustrazzjoni 41.

Franza u l-Italja jammontaw għal aktar minn żewġ terzi tas-suq tal-konċessjonijiet tal-UE. Flimkien ma’ Spanja u l-Ġermanja, dawn l-Istati Membri jammontaw għal 85 % taż-żieda totali tal-għotjiet ta’ konċessjoni fl-istess perjodu. Stati Membri bħall-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Kroazja, Malta u l-Iżvezja wkoll rreġistraw żidiet kbar fl-użu tal-konċessjonijiet.

Illustrazzjoni 2: Għadd medju annwali ta’ konċessjonijiet mill-Istati Membri, qabel u wara d-Direttiva [numru]

Sors: In-house calculation based on Study on the implementation of the Concessions Directive - London Economics Europe and Spark Legal (2021), illustrazzjoni 17.

L-għadd ta’ għotjiet ta’ konċessjoni ta’ servizz żdied drastikament mit-18 ta’ April 2016 – l-iskadenza għat-traspożizzjoni. Madankollu, l-għadd ta’ għotjiet ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet kien qiegħed jonqos gradwalment qabel u kompla bl-istess xejra wara din id-data.

Is-setturi bl-akbar għadd ta’ għotjiet ta’ konċessjoni mill-2016 huma: (1) is-servizzi ta’ lukandi, ristoranti u bejgħ bl-imnut; (2) is-servizzi ta’ rikreazzjoni, dawk kulturali u sportivi; u (3) ix-xogħol ta’ kostruzzjoni.

3.Il-proċedimenti ta’ traspożizzjoni u ta’ ksur

L-objettiv tal-Kummissjoni huwa li tinkiseb konformità bikrija biex il-benefiċċji tad-dritt tal-UE jinħassu min-nies u n-negozji malajr kemm jista’ jkun. Din hija r-raġuni għaliex matul is-snin, il-Kummissjoni żiedet l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri biex l-ewwel nett tipprevjeni l-ksur milli jseħħ u inkella biex issolvih fl-istadji bikrija tal-proċedura, mingħajr ma jkollha għalfejn tressaq Stat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dan wassal għal tnaqqis fl-għadd ta’ każijiet fejn l-Istati Membri kienu tard fit-traspożizzjoni tad-direttivi. Biex issaħħaħ dan l-approċċ, dan l-aħħar il-Kummissjoni pproponiet l-istabbiliment ta’ miri konkreti dwar l-infurzar bil-għan li tillimita kemm it-traspożizzjoni kif ukoll id-defiċit ta’ konformità għal 0,5 % 9 .

Fir-rigward tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom jittrasponuha fid-dritt nazzjonali sat-18 ta’ April 2016. Fl-iskadenza tal-perjodu ta’ traspożizzjoni, sitt Stati Membri biss kienu kkomunikaw il-miżuri meħtieġa lill-Kummissjoni u fl-2016 tnedew każijiet ta’ ksur minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni. Sa Frar 2020 10 , l-Istati Membri kollha tal-UE kienu ttrasponew id-Direttiva u l-ksur kollu relatat mat-traspożizzjoni tardiva ngħalaq. Madankollu, tliet Stati Membri ma ttrasponewx l-Artikolu li jipprevedi esklużjonijiet speċifiċi mill-applikazzjoni tad-Direttiva fil-qasam tal-ilma, u tliet Stati Membri għamlu dan biss parzjalment. Għalhekk, dawn l-Istati Membri japplikaw (kompletament jew parzjalment) id-Direttiva anke għal konċessjonijiet għax-xogħol u għas-servizzi f’oqsma speċifiċi tas-settur tal-ilma.

Valutazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni identifikat li 10 Stati Membri biss kienu qed jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi kollha tad-Direttiva fid-data li fiha skadiet l-iskadenza għat-traspożizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti ta’ ksur kontra l-bqija tal-Istati Membri f’erba’ sensiliet suċċessivi (Jannar 2019, Ottubru 2019, Ġunju 2021 u Diċembru 2021). Wara n-notifika tal-miżuri nazzjonali u l-valutazzjoni tagħhom, il-proċedimenti kontra tmien Stati Membri ngħalqu formalment bħala riżultat tal-azzjoni leġiżlattiva korrettiva meħuda minnhom. Il-proċedimenti li jifdal għadhom għaddejjin 11 u jikkonċernaw elementi bħall-kamp ta’ applikazzjoni, il-kriterji għall-esklużjoni tal-operaturi ekonomiċi, u l-modifika tal-kuntratti.

F’diversi Stati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali ħarġu gwida dwar ir-regoli dwar il-konċessjonijiet.

4.Sejbiet ewlenin tar-rieżami tal-funzjonament tad-Direttiva

Id-Direttiva għandha żewġ objettivi prinċipali: (1) li tipprovdi ċertezza dwar il-qafas legali billi tiddefinixxi ċerti kunċetti u tikkodifika ċerti prinċipji relatati mal-għoti ta’ konċessjonijiet, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u (2) li ttejjeb l-aċċess għas-swieq tal-konċessjonijiet billi żżid it-trasparenza u l-ġustizzja fil-proċeduri tal-għoti.

4.1.Ċertezza legali

Id-definizzjoni ta’ “konċessjoni”

Id-Direttiva tipprovdi definizzjoni tal-konċessjonijiet fil-livell tal-UE 12 . Fil-prattika, jidher li t-terminu “konċessjoni” spiss jintuża fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri għal setturi u kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. B’mod partikolari, fil-maġġoranza tal-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni nazzjonali spiss tuża t-terminu “konċessjoni” biex tirreferi għal kunċetti legali oħrajn, bħal awtorizzazzjonijiet jew liċenzji 13 .

Dawk id-diskrepanzi jistgħu jwasslu għal kostijiet ogħla peress li l-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw f’konċessjonijiet transfruntiera ma jistgħux jiddependu fuq tifsira waħda ta’ “konċessjoni”. Dan jista’ jwassal ukoll għal nuqqas ta’ ftehim li jieħu ħafna ħin kemm min-naħa tal-awtoritajiet/entitajiet kontraenti kif ukoll min-naħa tal-operaturi ekonomiċi, mhux biss dwar l-interpretazzjoni tad-definizzjoni applikabbli, iżda wkoll dwar liema leġiżlazzjoni tapplika.

Id-definizzjoni ta’ “riskju operattiv”

Il-preżenza ta’ riskju operattiv 14 hija dik li tiddistingwi l-kuntratti ta’ konċessjoni minn tipi oħrajn ta’ kuntratti pubbliċi. Għalhekk, it-traspożizzjoni ta’ dan il-kunċett hija kruċjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva. Madankollu, erba’ Stati Membri biss ittrasponew il-kunċett eżattament kif stabbilit fid-Direttiva. Aktar minn 20 Stat Membru ttrasponew il-kunċett permezz ta’ formulazzjoni ftit differenti minn dik prevista fid-Direttiva, u żewġ Stati Membri bl-ebda mod ma indirizzaw ir-riskju operattiv fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. F’dan l-istadju ma huwiex possibbli li jingħad jekk dawk id-diskrepanzi għandhomx impatt ekonomiku prattiku. Interpretazzjonijiet differenti tar-riskju operattiv jistgħu jfissru li l-akkwist pubbliku għall-istess tip ta’ dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol jew is-servizz se jiġi ttrattat b’mod differenti fl-Istati Membri, jew lanqas ma jista’ jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva.

Modifiki tal-kuntratti ta’ konċessjoni

Id-Direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-modifika tal-kuntratt ta’ konċessjoni żviluppata permezz tal-ġurisprudenza u tipprovdi soluzzjonijiet prattiċi għat-trattament ta’ ċirkostanzi mhux previsti li jeħtieġu li konċessjoni tiġi mmodifikata matul it-terminu tagħha. Il-modifiki fil-kuntratt jeħtieġ li jiġu ttrattati bir-reqqa, b’mod partikolari l-modifiki mingħajr ftuħ ġdid tal-kompetizzjoni, biex jiġu żgurati l-kompetizzjoni u t-trasparenza effettivi.

Xi Stati Membri żviluppaw gwida dwar il-modifiki fil-kuntratti. Ħdax-il Stat Membru introduċew rekwiżit espliċitu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li kwalunkwe modifika trid tiġi approvata minn awtorità tal-gvern minbarra l-awtorità akkwirenti responsabbli għall-kuntratt inizjali. Madankollu, il-modifika tal-kuntratti matul it-terminu tagħhom, inkluż l-estensjoni inġusta ta’ kuntratti u emendi mingħajr sejħa ġdida għall-kompetizzjoni spiss tiġi rrapportata bħala sors ta’ applikazzjoni ħażina.

Konċessjonijiet u sħubijiet pubbliċi privati oħrajn

Id-Direttiva tiċċara l-każijiet li fihom kuntratt konkluż bejn awtorità kontraenti u operatur ekonomiku ma jkunx soġġett għar-regoli dwar l-għoti ta’ konċessjoni. Dan huwa ggwidat mill-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li ma hemm l-ebda liġi tal-UE li tiddefinixxi u li tirregola l-kunċett ta’ sħubija pubblika-privata.

L-Istati Membri ħadu approċċi differenti biex jilleġiżlaw dwar is-sħubijiet pubbliċi privati. Xi oqfsa legali nazzjonali jinkludu regoli li jispeċifikaw kif is-sħubijiet pubbliċi privati huma relatati mar-regoli dwar il-konċessjonijiet, filwaqt li fi Stati Membri oħrajn hemm definizzjonijiet diverġenti tat-terminu sħab privati pubbliċi fil-livell nazzjonali u/jew inqas ċarezza dwar kif il-leġiżlazzjoni dwar dan is-suġġett tirreferi għad-definizzjoni ta’ konċessjonijiet u r-regoli dwarhom.

4.2.Applikazzjoni u infurzar - sorsi ta’ applikazzjoni skorretta tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni

L-Istati Membri kollha jirrapportaw sforzi sinifikanti u ta’ suċċess biex jistabbilixxu awtoritajiet u strutturi ta’ monitoraġġ biex jiżguraw applikazzjoni korretta u effiċjenti tar-regoli għall-għoti ta’ konċessjonijiet. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħatru Awtorità unika ta’ Monitoraġġ tal-Akkwist Pubbliku. Ir-rapportar mill-Istati Membri ma jagħmilx distinzjoni bejn il-konċessjonijiet u tipi oħrajn ta’ akkwisti. Għalhekk, l-informazzjoni dwar il-kawżi ta’ applikazzjoni mhux korretta, problemi strutturali jew rikorrenti hija ppreżentata b’mod ġenerali għat-tipi kollha ta’ akkwist.

L-aktar kawża frekwenti ta’ applikazzjoni skorretta jew ta’ inċertezza legali, kif irrapportata mill-Istati Membri, hija n-nuqqas ta’ ħiliet ta’ akkwist, il-modifika tal-kuntratti matul it-terminu tagħhom, il-kalkolu tal-valur stmat tal-akkwist u l-qsim artifiċjali f’lottijiet.

Fir-rigward tal-applikazzjoni prattika tar-regoli, l-Istati Membri jirrapportaw diffikultajiet marbuta mal-interpretazzjoni u mal-verifika tar-raġunijiet għall-esklużjoni, il-formulazzjoni ta’ kriterji sinifikanti għall-għoti minbarra l-prezz biss, inkluż kriterji marbuta mal-objettivi strateġiċi, l-użu ta’ proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni, il-klassifikazzjoni ta’ kuntratti bħala kuntratti pubbliċi jew konċessjoni, u t-trasparenza.

L-Istati Membri kienu daħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni u istituzzjonijiet ġenerali kontra l-korruzzjoni anke qabel l-adozzjoni tad-Direttiva. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, il-prosekuturi u aġenziji oħrajn tal-infurzar huma primarjament responsabbli għat-twettiq ta’ tali politiki. Minbarra dan, xi Stati Membri għandhom istituzzjonijiet speċifiċi ddedikati għall-ġlieda kontra l-frodi jew il-korruzzjoni.

Sabiex jittaffew ir-riskji ta’ kunflitt ta’ interess, korruzzjoni, kollużjoni u kartelli, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri adottaw miżuri ta’ liġi mhux vinkolanti bħal strateġiji nazzjonali kontra l-korruzzjoni, gwida (eż. biex tiġi identifikata l-imġiba kollużiva, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ, il-programmi ta’ klemenza għall-operaturi li jippreżentaw attivitajiet ta’ informazzjoni u prevenzjoni), kodiċijiet ta’ kondotta għall-impjegati taċ-ċivil u l-professjonalizzazzjoni. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri adottaw miżuri li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva, billi introduċew pereżempju definizzjonijiet usa’ ta’ kunflitt ta’ interess, penali jew saħansitra annullament ta’ kuntratti f’konformità mal-linji gwida tal-OECD 15 .

Kaxxa 1: Gwida dwar l-indirizzar tal-kollużjoni fl-akkwist pubbliku u fil-konċessjonijiet

Dan l-aħħar, il-Kummissjoni ppubblikat gwida ġdida 16 għall-awtoritajiet u għall-entitajiet kontraenti Ewropej dwar kif għandhom jiġu indirizzati każijiet suspettati ta’ kollużjoni fl-akkwist pubbliku u fil-konċessjonijiet.

Il-gwida telenka l-għodod li għandhom l-għan, minn naħa waħda, li jappoġġaw lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kontraenti fil-bini tal-kapaċità li jindirizzaw każijiet ta’ kollużjoni u, min-naħa l-oħra, li jrawmu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ċentrali tal-akkwist u tal-kompetizzjoni biex jiżguraw l-appoġġ lill-awtoritajiet kontraenti. Il-gwida tinkludi wkoll pariri faċli għall-utent għall-awtoritajiet kontraenti dwar kif tiġi applikata r-raġuni għall-esklużjoni relatata mal-kollużjoni prevista fid-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku.

4.3.Sejbiet relatati mal-aċċess aħjar għas-suq tal-konċessjoni

Ġew ikkunsidrati l-fatturi li ġejjin meta kien qed jiġi vvalutat jekk id-Direttiva tejbitx l-aċċess għas-suq tal-konċessjoni: (i) it-trasparenza permezz tal-pubblikazzjoni; (ii) il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-għoti ta’ konċessjonijiet; (iii) l-għadd ta’ offerti; u (iv) il-parteċipazzjoni transfruntiera fis-suq tal-konċessjonijiet tal-UE.

Trasparenza permezz tal-pubblikazzjoni

Id-data estratta mit-TED tissuġġerixxi li, mit-18 ta’ April 2016, kien hemm żieda importanti fl-għadd ta’ avviżi ta’ konċessjoni ppubblikati: minn 664 fl-2016 għal 1 877 fl-2021. Bl-istess mod, il-medja annwali tal-avviżi tal-għoti ta’ konċessjoni ppubblikati żdiedet minn 143 fl-2016 għal 993 fl-2021.

Madankollu, jidher li l-għadd ta’ avviżi ta’ konċessjoni xorta għadu madwar id-doppju tal-għadd ta’ avviżi tal-għoti ta’ konċessjoni 17 . Din id-diskrepanza bejn l-għadd ta’ avviżi ta’ konċessjoni u l-għadd ta’ avviżi tal-għoti ta’ konċessjoni, tidher fl-Istati Membri kollha u jidher li hija xprunata minn diversi fatturi, fosthom: il-konċessjonijiet jistgħu jiġu rreklamati permezz ta’ avviżi iżda jista’ jkun li eventwalment ma jingħatawx, u diversi avviżi ta’ kuntratti jistgħu eventwalment isiru għotja ta’ konċessjoni waħda 18 .

Il-kwalità tad-data rrapportata fit-TED hija mistennija tiżdied bl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1780 19 dwar formoli standard ġodda għall-avviżi (formoli elettroniċi) li se jsiru obbligatorji mill-25 ta’ Ottubru 2023 20 .

Filwaqt li ż-żieda fil-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ konċessjoni u tal-avviżi tal-għoti ta’ konċessjoni tissuġġerixxi li t-trasparenza tjiebet mit-18 ta’ April 2016, ta’ min jinnota wkoll li kien hemm żieda fl-għotjiet ta’ konċessjoni mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt 21 fit-TED. Mill-2018, il-valur annwali totali tal-konċessjonijiet mogħtija mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ konċessjoni kien ogħla mill-konċessjonijiet mogħtija wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ konċessjoni. Pereżempju, fl-2021, il-valur totali tal-konċessjonijiet mogħtija mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt kien ta’ EUR 44 biljun, filwaqt li l-valur totali tal-konċessjonijiet mogħtija bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ konċessjoni kien ta’ EUR 37 biljun. L-għotjiet ta’ konċessjoni mingħajr pubblikazzjoni minn qabel iseħħu prinċipalment fis-settur tad-distribuzzjoni tal-elettriku li huwa kkaratterizzat minn ftit fornituri u li fih raġunijiet tekniċi jew l-eżistenza ta’ drittijiet esklużivi jistgħu jispjegaw in-nuqqas ta’ kompetizzjoni.

Parteċipazzjoni tal-SMEs fl-għotjiet ta’ konċessjoni

Qabel it-18 ta’ April 2016, l-informazzjoni dwar id-daqs tal-kuntratturi ma kinitx tiġi rreġistrata fit-TED u għalhekk ma huwiex possibbli li titqabbel l-inċidenza tal-għotjiet lill-SMEs qabel u wara din id-data. Madankollu, mill-2016 kien hemm żieda sinifikanti fl-għadd ta’ konċessjonijiet mogħtija lill-SMEs: minn 22,4 % fl-2016 għal 31,6 % fl-2021. Hemm indikazzjonijiet li l-Istati Membri li jipprovdu gwida nazzjonali dwar il-konċessjonijiet jattiraw aktar SMEs 22 .

Madankollu, f’termini ta’ valur, l-SMEs ma jirrappreżentawx sehem daqstant importanti ta’ kuntratti mogħtija. Skont it-TED, l-SMEs ingħataw prinċipalment kuntratti ta’ valur baxx (is-sehem tal-SMEs varja minn 11,2 % fl-2017 għal 3,9 % fl-2021). Għalkemm konċessjonarji kbar rebħu biss tnejn minn tliet kuntratti ta’ konċessjoni fil-perjodu rilevanti, tali kuntratti kienu jammontaw għal kważi 92 % tas-suq tal-konċessjonijiet f’termini ta’ valur. L-għadd u l-valur tal-konċessjonijiet mogħtija lill-SMEs huma relattivament baxxi meta mqabbla mal-importanza ġenerali tagħhom fl-ekonomija.

L-Istrateġija tal-SMEs u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali 23 indikaw li l-akkwist ta’ innovazzjoni joffri opportunitajiet mhux sfruttati għan-negozji ġodda u għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi. L-investiment pubbliku u l-innovazzjoni huma żewġ modi essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-irkupru, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u l-ħolqien ta’ ekonomija aktar reżiljenti fl-UE. Il-Kummissjoni tqis l-akkwist pubbliku ekoloġiku bħala strument importanti biex tistimula d-domanda għal prodotti b’emissjonijiet żero netti fuq skala kbira kif rifless fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku 24 .

Barra minn hekk, fl-2021, il-Kummissjoni adottat Avviż ta’ gwida dwar l-akkwist ta’ innovazzjoni 25 maħsub biex jagħti spinta lill-akkwist ta’ innovazzjoni u jgħin lill-operaturi ekonomiċi jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi f’ekosistemi industrijali ewlenin, b’mod partikolari fejn ix-xerrejja pubbliċi huma investituri kritiċi.

Għadd ta’ offerti

L-analiżi tad-data miġbura mit-TED mit-18 ta’ April 2016 turi li l-medja annwali tal-għadd ta’ offerti ta’ prezz għal kull avviż ta’ għoti ta’ konċessjoni naqas bejn l-2016 u l-2019. Fl-2020 u fl-2021, l-għadd medju ta’ offerti żdied, iżda ċ-ċifra tal-2021 (2,44 offerti għal kull għotja) tibqa’ taħt il-valuri tal-2016.

Parteċipazzjoni transfruntiera 26 fis-suq tal-konċessjonijiet tal-UE

Għal konċessjonijiet ta’ valur baxx li jaqgħu taħt id-Direttiva, is-sehem tal-operaturi ekonomiċi li jagħmlu offerti mis-suq domestiku tagħhom biex jirbħu konċessjoni fi Stat Membru ieħor (transfruntiera diretta) huwa ta’ 2,4 %. Is-sehem tal-operaturi ekonomiċi li jagħmlu offerti u li jirbħu permezz ta’ sussidjarji lokali (transfruntiera indiretti) huwa ta’ 15,5 %. L-għotjiet transfruntiera għal konċessjoni ta’ valur għoli huma ta’ 3,4 % għal konċessjoni transfruntiera diretta u 8,5 % għal transfruntiera indiretta 27 .

Fir-rigward tal-għotjiet fl-UE (transfruntiera), id-ditti li għandhom il-kwartieri ġenerali fi Franza iżda b’sussidjarji fi Stati Membri oħrajn huma fost l-aktar rebbieħa frekwenti tal-kuntratt ta’ konċessjoni fl-UE (transfruntier), segwit minn ditti mil-Lussemburgu, mill-Ġermanja u mill-Iżvezja 28 .

Stħarriġ li sar bħala parti minn studju riċenti 29 indika li l-kumpaniji jipperċepixxu l-ostakli li ġejjin fir-rigward tal-proċess tal-parteċipazzjoni transfruntiera u barranija u l-implimentazzjoni tal-kuntratti: rekwiżiti amministrattivi u qafas legali ta’ piż, diffikultà fl-aċċess għall-informazzjoni dwar l-akkwist, u l-lingwa.

Kaxxa 2: Parteċipazzjoni barranija fis-suq tal-konċessjonijiet tal-UE

Meta jitqabbel l-għadd ta’ għotjiet fl-UE (transfruntiera) ma’ għotjiet (barranin) mhux tal-UE 30 , il-konċessjonarji li ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE jipprevalu. Fir-rigward tal-għotjiet mhux tal-UE, id-ditti li għandhom il-kwartieri ġenerali fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti iżda b’sussidjarji fl-UE huma l-aktar rebbieħa barranin frekwenti tal-kuntratti ta’ konċessjoni.

Il-Kummissjoni adottat miżuri biex tipprevjeni d-distorsjoni tas-suq intern minħabba sussidji barranin, inkluż fis-suq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjonijiet. F’dan ir-rigward, ir-Regolament dwar is-sussidji barranin 31 adottat fl-14 ta’ Diċembru 2022 għandu l-għan li jindirizza b’mod adegwat l-offerti li jibbenefikaw mis-sussidji barranin f’kuntratti ta’ akkwist pubbliku u konċessjonijiet li jikkawżaw distorsjonijiet fis-suq intern. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa, man-notifika qabel l-għoti ta’ kuntratt, li teżamina informazzjoni dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin mogħtija lill-operatur ekonomiku parteċipanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku jew konċessjoni. In-notifiki minn qabel huma obbligatorji jekk jinqabeż il-livell limitu ta’ EUR 250 miljun, biex jinqabdu każijiet ekonomikament sinifikanti. Ir-Regolament se japplika mit-12 ta’ Lulju 2023.

Ir-Regolament dwar l-Istrument għal Akkwist Internazzjonali (IPI) 32 għandu l-għan li jiftaħ is-swieq tal-akkwist u tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi li jirrestrinġu l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, tal-prodotti jew tas-servizzi tal-UE billi jippermetti lill-Kummissjoni tinvestiga każijiet u fl-istess ħin torganizza konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet allegati. Madankollu, jekk il-konsultazzjonijiet ma’ dak il-pajjiż terz ma jirnexxux, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri tal-IPI biex tillimita l-aċċess tal-operaturi, tal-prodotti u tas-servizzi ta’ dak il-pajjiż terz għas-swieq tal-akkwist u tal-konċessjonijiet tal-UE.

5.Sejbiet dwar l-impatt tad-Direttiva fuq is-settur tal-ilma

Id-Direttiva teskludi l-konċessjonijiet għall-forniment jew għall-operat ta’ networks maħsuba biex jipprovdu l-produzzjoni, id-distribuzzjoni jew it-trasport tal-ilma bħala servizz lill-pubbliku. Il-konċessjonijiet kollha rigward il-provvista tal-ilma lil dawn in-networks huma esklużi, kif ukoll dawk dwar ir-rimi jew it-trattament tad-drenaġġ. Madankollu, xi Stati Membri ddeċidew li jinkludu dawk l-attivitajiet kollha fil-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tagħhom.

Ħarsa ġenerali lejn is-settur tal-ilma fl-UE

Fl-2021, l-industrija tal-ilma tal-UE pprovdiet ilma tax-xorb lil madwar 450 miljun resident tal-UE. Skont il-Eurostat, kważi 15 500 kumpanija huma attivi fil-ġbir, fit-trattament u fil-provvista tal-ilma u madwar 11 000 fid-drenaġġ. Filwaqt li l-kumpaniji attivi fis-settur tal-ilma joperaw prinċipalment fil-livell domestiku, hemm xi parteċipazzjoni transfruntiera prinċipalment indiretta, permezz ta’ sussidjarji lokali ta’ proprjetà barranija.

Minn perspettiva ekonomika, l-ilma huwa settur intensiv ħafna fil-kapital, b’fallimenti tas-suq li jistgħu jeħtieġu intervent mill-Istat. Dawn jinkludu, minn naħa waħda, in-natura essenzjali tal-ilma u min-naħa l-oħra, l-iskala tal-investimenti mitlufa f’networks, b’mod partikolari f’żoni remoti jew b’popolazzjoni baxxa li jinvolvu żmien twil li għandu jiġi rkuprat u riskji sostanzjali. Ir-rikonoxximent tas-sinifikat soċjetali u l-prevenzjoni tal-fallimenti tas-suq fis-settur tal-ilma wasslu għat-trattament speċjali fid-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet.

L-Istati Membri japplikaw diversi mudelli ta’ ġestjoni għall-forniment tas-servizzi tal-ilma. Il-modi kif jiġu organizzati s-servizzi tal-ilma jiddependu fuq taħlita ta’ fatturi storiċi, kulturali, ekonomiċi u soċjetali.

Forom differenti ta’ involviment tas-settur privat fis-settur tal-ilma fl-Ewropa jistgħu jiġu rintraċċati lura għas-seklu 19. L-għadd ta’ kuntratti li jinvolvu sħab privati beda jiżdied b’mod sinifikanti wara l-1980. Il-fatturi li setgħu ffavorew l-involviment tas-settur privat jinkludu l-kwalità u l-effiċjenza mtejba possibbli tas-servizz, l-effiċjenza mtejba possibbli tal-ġestjoni (jiġifieri aċċess aktar faċli għas-swieq kapitali). Madankollu, l-involviment tal-pubbliku baqa’ importanti biex jindirizza l-ħtiġijiet usa’ tas-soċjetà.

Settur tal-ilma mit-18 ta’ April 2016

Tliet Stati Membri japplikaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għall-konċessjonijiet fis-settur tal-ilma (ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, ir-Rumanija), filwaqt li tlieta oħrajn (il-Bulgarija, Franza, Spanja) japplikawha parzjalment.

Abbażi tad-data storika GWI WaterData 33 dwar is-settur tal-ilma, l-Istati Membri li ddeċidew li japplikaw id-Direttiva fil-qasam tal-ilma diġà kellhom esperjenza sinifikanti b’parteċipazzjoni privata simili fil-passat. Min-naħa l-oħra, xi Stati Membri li ddeċidew li jżommu s-settur tal-ilma barra mill-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali tagħhom kellhom xi rekord ta’ parteċipazzjoni tas-settur privat, b’mod partikolari l-Italja, il-Ġermanja u l-Portugall.

Minn April 2016, hemm aktar trasparenza fir-rigward tal-kuntratti ta’ konċessjoni fis-settur tal-ilma. Skont it-TED, kien hemm madwar 225 avviż ta’ għoti ta’ konċessjonijiet fil-perjodu mill-2016 sal-2021, li żdiedu fl-għadd minn tliet avviżi tal-għoti ta’ konċessjoni fl-2016 għal 66 avviż tal-għoti ta’ konċessjoni fl-2021. Il-maġġoranza l-kbira tal-konċessjonijiet (194) ġew konklużi mill-awtoritajiet kontraenti Franċiżi, segwiti mill-awtoritajiet fir-Repubblika Ċeka (18), fi Spanja, fil-Polonja u fir-Rumanija.

Il-valur totali tal-avviżi ta’ għoti ta’ konċessjonijiet kif irreġistrati fit-TED fis-settur tal-ilma kien jammonta għal kważi EUR 7 biljun bejn l-2016 u l-2021. Meta mqabbel mal-valur totali tal-konċessjonijiet mogħtija matul l-istess perjodu (EUR 377,5 biljun), il-valur tal-konċessjonijiet fis-settur tal-ilma jirrappreżenta inqas minn 2 %. Barra minn hekk, meta mqabbel ma’ settur importanti ieħor tal-utilità, dak tal-elettriku, il-valur tal-konċessjonijiet fis-settur tal-ilma jirrappreżenta biss 3,6 %. Il-valur totali annwali tal-avviżi tal-għoti ta’ konċessjoni fis-settur tal-ilma żdied fl-ewwel snin tad-Direttiva, u żdied b’aktar minn għaxar darbiet bejn l-2016 u l-2018. Dan naqas bi ftit fis-sentejn ta’ wara, iżda ż-żieda fl-2021 ikkumpensat għal dak it-tnaqqis.

L-għadd medju ta’ offerti li waslu għal kull offerta għall-konċessjonijiet fis-settur tal-ilma u l-parteċipazzjoni tal-SMEs kienu kemxejn aktar baxxi mill-medja f’setturi oħrajn. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li s-settur tal-ilma huwa speċjalizzat ħafna u intensiv ħafna fil-kapital meta mqabbel ma’ setturi oħrajn. Barra minn hekk, il-konċessjonarju jeħtieġ li jkollu l-kapaċità finanzjarja li jġarrab bil-quddiem il-kost totali tal-investiment kif ukoll ir-riskji operattivi.

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni transfruntiera, jidher li hemm inċidenza relattivament għolja ta’ parteċipazzjoni transfruntiera fl-offerti permezz ta’ sussidjarji lokali, iżda bi sjieda barranija.

Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati huma tal-fehma li s-sistemi attwali fis-seħħ fl-Istati Membri jaħdmu tajjeb u jappoġġaw l-esklużjoni tas-settur tal-ilma mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Billi jużaw eżempji ta’ muniċipalizzazzjoni mill-ġdid tas-servizzi tal-ilma, huma jargumentaw li l-involviment tas-settur privat ma jitqiesx bħala wieħed neċessarju. Min-naħa l-oħra, ir-rappreżentanti tas-settur tan-negozju enfasizzaw l-esperjenzi pożittivi tagħhom li rriżultaw mid-Direttiva. Il-konklużjoni ġenerali kienet li l-għażla tas-sistema ta’ ġestjoni hija kuntestwali skont il-fatturi tas-soċjetà lokali (l-effiċjenza operattiva, l-investiment fit-tul, l-affordabbiltà, il-konservazzjoni tal-ilma, is-sigurtà tal-provvista, is-saħħa pubblika, eċċ.).

Minħabba data limitata, għadu ma huwiex possibbli li jinsiltu konklużjonijiet sodi dwar l-impatt tad-Direttiva fuq is-settur tal-ilma.

6.Prospettiva

Il-Kummissjoni qed taħdem biex ittejjeb il-funzjonament tad-Direttiva, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi ġodda dwar it-trasparenza u l-kwalità tad-data.

It-trasparenza tal-offerti u r-riżultati tal-konċessjonijiet hija kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva. Din tiddependi fuq data ta’ kwalità dwar il-konċessjonijiet mogħtija mill-Istati Membri, li hi faċilment aċċessibbli għall-atturi kollha fis-suq intern. Il-Kummissjoni qed tippjana għadd ta’ azzjonijiet u inizjattivi biex ittejjeb it-trasparenza u l-kwalità ġenerali tad-data rigward id-Direttiva u l-implimentazzjoni tagħha.

Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħabbret il-ħolqien tal-Ispazju tad-Data dwar l-Akkwist Pubbliku (PPDS) 34 . Il-PPDS se jikkollega l-bażijiet tad-data Ewropej, inkluż id-data tat-TED dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet, u s-settijiet tad-data nazzjonali dwar l-akkwist disponibbli fil-portali nazzjonali u se jkunu fil-qalba tat-trasformazzjoni diġitali tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjonijiet fl-UE. Il-PPDS se jagħti lok għat-tfassil tal-politika xprunata mid-data. Barra minn hekk, ix-xerrejja pubbliċi se jibbenefikaw mill-PPDS permezz ta’ titjib fl-ippjanar tas-sejħiet għal offerti, fil-valutazzjonijiet komparattivi u fil-kondiviżjoni tal-għarfien, żieda fid-diġitalizzazzjoni, u detezzjoni aktar faċli tal-frodi u l-kollużjoni. Il-PPDS se jtejjeb ukoll l-aċċess għas-sejħiet għall-offerti, b’mod partikolari għall-SMEs. It-trasparenza hija ċentrali wkoll għall-Azzjoni Preparatorja tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE “Trasparenza fl-Akkwist Pubbliku” 35 . L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet identifikaw erba’ oqsma ta’ attività bbażati fuq id-data tat-TED: id-disponibbiltà, il-kwalità, il-leġġibbiltà u l-interoperabbiltà. Għadd ta’ proġetti huma previsti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni Preparatorja.

Barra minn hekk, fis-17 ta’ April 2023, il-Kummissjoni nediet il-Komunità tax-Xerrejja Pubbliċi 36 . Il-Pjattaforma tax-Xerrejja Pubbliċi hija inizjattiva biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni fl-akkwist pubbliku. Ix-xerrejja pubbliċi jistgħu jibbenefikaw mill-iskambju tal-għarfien u tal-aħjar prattiki madwar l-UE minflok ma jaħdmu individwalment fuq kwistjonijiet kumplessi. Il-komunità għandha l-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni tax-xerrejja pubbliċi u ta’ dawk li jaħdmu fl-akkwist pubbliku (ix-xerrejja, il-fornituri, id-dinja akkademika u partijiet ikkonċernati oħra) biex jingħaqdu flimkien u jikkollaboraw mal-Kummissjoni ħalli jrawmu l-iskambju tal-informazzjoni dwar is-suq u tal-għarfien prattiku avvanzat dwar l-akkwist pubbliku u jħeġġu l-azzjoni konġunta u l-kollaborazzjoni sistematika fl-akkwist pubbliku. Wieħed mill-għanijiet ta’ din il-kollaborazzjoni huwa li jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku u s-suq tal-konċessjonijiet.

7.Konklużjonijiet

Id-Direttiva ilha tiġi applikata fl-Istati Membri kollha għal 3 snin biss u għalhekk, ftit hemm informazzjoni, u dan jipprevjeni li jsir tqabbil sħiħ mal-perjodu qabel l-eżistenza tad-Direttiva.

F’dan l-istadju, jidher li għadu kmieni wisq biex jiġi konkluż jekk id-Direttiva laħqitx l-objettivi tagħha li żżid iċ-ċertezza legali u tiżgura aċċess aħjar għas-suq tal-konċessjonijiet tal-UE. Madankollu jistgħu jinsiltu għadd ta’ konklużjonijiet preliminari, kif miġbur fil-qosor hawn taħt.

L-Istati Membri kollha ttrasponew id-Direttiva u stabbilew awtoritajiet u strutturi ta’ monitoraġġ biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta u effiċjenti tar-regoli għall-għoti tal-kuntratti ta’ konċessjoni. Madankollu, interpretazzjoni mhux ċara u applikazzjoni ħażina tar-regoli għadhom jiġu identifikati mill-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri.

Id-Direttiva ġabet ukoll aktar trasparenza fil-proċess tal-għoti. L-għadd ta’ konċessjonijiet ippubblikati żdied gradwalment mill-2016. Għalkemm il-konċessjonijiet tal-ogħla valur jingħataw prinċipalment mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, u għalhekk mingħajr sejħa għall-kompetizzjoni, din is-sitwazzjoni tista’ tiġi spjegata mill-fatt li dawk il-konċessjonijiet jikkorrispondu prinċipalment għad-distribuzzjoni tal-elettriku li, f’ċerti Stati Membri, hija kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi jew ta’ monopolju legali. Konsegwentement, dawk l-għotjiet ma jqajmu l-ebda tħassib mill-perspettiva ta’ konformità mad-Direttiva dwar il-Konċessjonijiet.

Fir-rigward tal-livell ta’ kompetizzjoni għall-konċessjonijiet, ġie osservat li d-Direttiva ma kellhiex impatt konsistenti fuq il-livell ta’ parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet għall-kuntratti ta’ konċessjoni. 

Barra minn hekk, minkejja li huwa miftuħ għall-offerenti minn Stati Membri oħrajn, is-suq tal-konċessjonijiet tal-UE sa issa ma attirax wisq parteċipazzjoni transfruntiera. Din is-sitwazzjoni ma hijiex speċifika għas-suq tal-konċessjoni iżda pjuttost komuni għall-akkwist pubbliku b’mod ġenerali u tvarja ħafna bejn l-Istati Membri.

Il-livell ta’ parteċipazzjoni tal-SMEs jidher li żdied matul l-aħħar 5 snin, għalkemm is-sehem tal-SMEs fis-suq tal-konċessjoni huwa relattivament baxx meta mqabbel mas-sehem tagħhom fl-ekonomija ġenerali.

Meta titqies l-importanza tal-SMEs għall-ekonomija tal-UE, l-evidenza limitata disponibbli tissuġġerixxi li enfasi akbar fuq l-SMEs fil-kuntest tal-għotjiet ta’ konċessjonijiet għandha tkun prijorità għall-Istati Membri u għall-awtoritajiet/entitajiet kontraenti.

Fir-rigward tas-settur tal-ilma, id-data limitata minn għadd żgħir ta’ Stati Membri lanqas ma tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet sodi dwar l-impatt tad-Direttiva fuq is-settur usa’ tal-ilma.

Dan l-aħħar, il-Kummissjoni nediet diversi inizjattivi, bħall-Ispazju tad-Data dwar l-Akkwist Pubbliku, l-Azzjoni Preparatorja dwar it-Trasparenza fl-Akkwist Pubbliku u l-Pjattaforma tax-Xerrejja Pubbliċi biex tkompli tippromwovi t-trasparenza u l-kwalità tad-data fis-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjonijiet.

Biż-żmien, l-esperjenza miksuba bid-Direttiva se tippermetti li jsiru valutazzjonijiet aktar dettaljati. Ir-rapport li jmiss li għandu jitħejja mill-Kummissjoni għandu jitfa’ aktar dawl fuq l-impatt reali tad-Direttiva fuq is-suq tal-konċessjoni.

(1)    Public Procurement Indicators 2018, DĠ GROW, 17 ta’ Mejju 2021 ( https://ec.europa.eu/docsroom/documents/48156 ).
(2)    Ara n-nota 1, il-paġna 1.
(3)    Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1–64. 
(4)    Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 53 tad-Direttiva jindika li r-rieżami tal-funzjonament tad-Direttiva għandu jkun ibbażat fuq l-informazzjoni li jipprovdu l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 45(3).
(5)      L-Istudju se jiġi ppubblikat flimkien ma’ dan ir-Rapport.
(6)    Data tal-2018 li tirreferi għad-Direttiva 2014/23/UE, għad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65–242 u għad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243–374.
(7)      Konċessjonijiet b’valuri aktar baxxi minn dan il-livell limitu ta’ spiss jiġu ppubblikati fit-TED.
(8)    Tqabbil bejn l-għadd totali ta’ konċessjonijiet mogħtija fil-perjodu 2012 – 18 ta’ April 2016 u l-perjodu 19 ta’ April 2016 – 2019. Għal aktar dettalji ara l-Kapitolu 3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.
(9)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “It-30 Sena mis-Suq Uniku”, (COM(2023) 162 final tas-16 ta’ Marzu 2023).
(10)    L-aħħar Stat Membru ttraspona d-Direttiva fis-26 ta’ Frar 2020.
(11)    Uħud mill-proċeduri ta’ ksur jikkonċernaw it-tliet Direttivi dwar l-akkwist pubbliku, u għalhekk se jingħalqu formalment biss meta l-kwistjonijiet kollha (marbuta mat-tliet Direttivi msemmija fin-nota f’qiegħ il-paġna 3) ikunu ġew solvuti. F’dan ir-rigward, jista’ jidher li xi Stati Membri għandhom ksur li għadu għaddej anke jekk, strettament, jista’ jkun li l-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva sadanittant ġew solvuti.
(12)    Id-Direttiva tiddefinixxi l-konċessjonijiet bħala kuntratti bil-miktub bejn awtorità kontraenti waħda jew aktar jew entitajiet kontraenti u operatur ekonomiku wieħed jew aktar (konċessjonarju), meta dan tal-aħħar jiġi fdat bl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew bil-forniment u bil-ġestjoni tas-servizzi u jiġi remunerat billi jingħata d-dritt li jisfrutta x-xogħlijiet jew is-servizz rispettivi, jew billi jingħata dan id-dritt flimkien ma’ ħlas.
(13)    Għandha ssir distinzjoni ma’ “awtorizzazzjonijiet” jew “liċenzji” li jinvolvu awtorità pubblika li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex kuntrattur iwettaq ċerta operazzjoni. Filwaqt li awtorizzazzjoni jew liċenzja tagħti lil kuntrattur id-dritt li jisfrutta dik l-awtorizzazzjoni jew liċenzja, konċessjonarju jkollu l-obbligu. Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36) tapplika għal awtorizzazzjonijiet u liċenzji.
(14)    Id-Direttiva tiddefinixxi l-kunċett ta’ “riskju operattiv.” Il-kuntratti ta’ konċessjoni dejjem jinvolvu t-trasferiment lill-konċessjonarju ta’ riskju operattiv ta’ natura ekonomika. Dan ifisser li l-konċessjonarju jista’ ma jirkuprax l-investimenti magħmula u l-kostijiet imġarrba fl-operat tax-xogħlijiet jew tas-servizzi mogħtija taħt kundizzjonijiet operattivi normali, anke jekk parti mir-riskju tibqa’ f’idejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti.
(15)    L-OECD Recommendation on Fighting Bid Rigging in Public Procurement disponibbli fuq: https://www.oecd.org/daf/competition/oecdrecommendationonfightingbidrigginginpublicprocurement.htm .
(16)    Avviż dwar l-għodod għall-ġlieda kontra l-kollużjoni fl-akkwist pubbliku u dwar gwida dwar kif tiġi applikata r-raġuni għall-esklużjoni relatata, C (2021) 1631 tal-15.03.2021.
(17)    L-avviżi ta’ konċessjoni jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali fil-bidu tal-proċedura tal-offerti biex jiġi żgurat reklamar adegwat tal-offerta filwaqt li l-avviżi tal-għoti ta’ konċessjoni jiġu ppubblikati fl-aħħar u jkun fihom informazzjoni dwar l-eżitu tal-proċedura tal-offerti. Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għall-Kapitolu 5.2 Forniment ta’ Aċċess Aħjar għas-suq tal-konċessjonijiet tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja r-Rapport.
(18)      Id-differenza tista’ tkun ukoll metodoloġika peress li l-konċessjonijiet mhux mogħtija u kkanċellati tneħħew mill-bażi tad-data li tirreġistra l-avviżi ta’ għoti iżda mhux mill-bażi tad-data li tirreġistra l-avviżi ta’ konċessjoni.
(19)    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2303 tal-24 ta’ Novembru 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1780 li jistabbilixxi formoli standard għall-pubblikazzjoni ta’ avviżi fil-qasam tal-akkwist pubbliku ĠU L 305, 25.11.2022, p. 12.
(20)    Ir-Regolament (UE) 2022/2303 japplika mill-14 ta’ Novembru 2022. Bejn dik id-data u l-24 ta’ Ottubru 2023, l-użu tal-formoli elettroniċi mix-xerrejja huwa biss fakultattiv. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri se jaqilbu fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
(21)    Skont l-Artikolu 31(4) tad-Direttiva, xerrej pubbliku ma huwiex obbligat taħt ċerti ċirkostanzi u għal ċerti setturi li jippubblika avviż ta’ konċessjoni.
(22)      Study on the implementation of the Concessions Directive - London Economics Europe and Spark Legal (2021), p. 108.
(23)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE. COM (2020)760 final, 25.11.2020.
(24)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti, COM(2023) 62 final tal-1.2.2023.
(25)    Avviż tal-Kummissjoni Gwida dwar l-Akkwist ta’ Innovazzjoni, C(2021)4320, of 18.6.2021.
(26)    Il-kuntratti mogħtija fl-UE minn awtorità kontraenti jew minn entità kontraenti fi Stat Membru wieħed lil operatur ekonomiku minn Stat Membru ieħor.
(27)      Study on the measurement of cross-border penetration in the EU public procurement market, Final report, Prometeia SpA, BIP Business Integration Partners– Spa, Economics for Policy a knowledge Center of Nova School of Business and Economics Lisboa, Marzu 2021, p. 66 u 78.
(28)    Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għall-Kapitolu 5.3 Parteċipazzjoni transfruntiera u barranija fis-suq tal-konċessjonijiet tal-UE tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja r-Rapport.
(29)      Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 25, p. 10.
(30)      Kuntratti mogħtija minn awtorità kontraenti jew entità kontraenti fi Stat Membru wieħed lil operatur ekonomiku minn pajjiż terz.
(31)    Ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern, ĠU L 330 tat-23.12.2022, p.1.
(32)      Ir-Regolament (UE) 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, il-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi (Strument għal Akkwist Internazzjonali — IPI) ĠU L 173, 30.6.2022, p. 1.
(33)      Il-bażi tad-data Global Ultimate Owner tal-GWI fiha d-dettalji tal-proġetti muniċipali tat-trattament tal-ilma u tal-ilma mormi fejn il-kost tal-investiment kapitali kollu jew parti minnu jkun tħallas mis-settur privat.
(34)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Akkwist Pubbliku: Spazju tad-data biex tittejjeb in-nefqa pubblika, tingħata spinta għat-tfassil tal-politika xprunata mid-data u jitjieb l-aċċess għall-offerti għall-SMEs” (2023/C98I/01), ĠU C 98I, 16.3.2023, p. 1.
(35)    https://simap.ted.europa.eu/web/simap/preparatory-action-on-transparency-in-public-procurement.
(36)   Paġna ewlenija | Komunità tax-Xerrejja Pubbliċi (europa.eu)