IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.4.2023
COM(2023) 216 final
2023/0119(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Madagascar
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Abbażi tad-direttivi tan-negozjati rilevanti, il-Kummissjoni wettqet negozjati ma’ Madagascar dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) bejn l-Unjoni Ewropea u Madagascar u ta’ Protokoll ġdid ta’ Implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. L-għan huwa li l-bastimenti tal-Unjoni jingħataw aċċess għaż-żona tas-sajd ta’ Madagascar u jitħallew jistadu għat-tonn u għall-ispeċijiet assoċjati, taħt il-mandat ta’ ġestjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC). Wara dawn in-negozjati, fit-28 ta’ Ottubru 2022 ġew inizjalati test ġdid tal-Ftehim u test ġdid tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni.
Il-Ftehim il-ġdid iħassar u jissostitwixxi l-Ftehim eżistenti; ikopri perjodu ta’ 4 snin mid-data tal-applikazzjoni proviżorja stabbilita fl-Artikolu 19, jiġifieri l-1 ta’ Lulju 2023, dejjem jekk il-partijiet ikunu ffirmawh sa dak inhar, jew mid-data ta’ ta’ meta jiġi ffirmat jekk dan iseħħ wara l-1 ta’ Lulju 2023. Il-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta’ 4 snin mid-data tal-applikazzjoni proviżorja stabbilita fl-Artikolu 19, skont l-istess dispożizzjonijiet tal-Ftehim.
Il-Protokoll il-ġdid jipprevedi l-opportunitajiet tas-sajd li ġejjin:
–
32 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun;
–
13-il bastiment li jistadu bil-konz tal-wiċċ b’tunnellaġġ gross ta’ aktar minn 100;
–
20 bastiment li jistadu bil-konz tal-wiċċ b’tunnellaġġ gross ta’ 100 jew inqas,
kif ukoll bastimenti ta’ appoġġ skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-IOTC.
Jenħtieġ li jiġi stabbilit il-metodu għall-allokazzjoni ta’ dawn l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-għan ewlieni tal-SFPA il-ġdid huwa li jipprovdi qafas aġġornat li jqis il-prijoritajiet tal-politika komuni tas-sajd riformata u d-dimensjoni esterna tagħha. Dan se jgħin biex titkompla u tissaħħaħ is-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u Madagascar. L-SFPA l-ġdid se jippermettilhom jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli, f’konformità mal-għan tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li huwa rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni, u sfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Madagascar, kif ukoll l-isforzi ta’ Madagascar biex jiżviluppa l-ekonomija marittima sostenibbli tagħha, fl-interess taż-żewġ partijiet. Din il-kooperazzjoni se tgħin ukoll biex jiġi promoss il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti fis-settur tas-sajd.
Il-Protokoll il-ġdid jipprevedi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Madagascar, skont kemm ikun hemm riżorsi tal-baħar żejda disponibbli. Huwa bbażat fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u fuq ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-IOTC, li hija l-organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li tiġġestixxi l-istokkijiet tal-ħut li jpassu ħafna. Il-miżuri ta’ ġestjoni adottati mill-IOTC huma inklużi wkoll fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Politika Komuni tas-Sajd li japplikaw għaż-Żona tal-IOTC, b’mod partikolari dawk tar-Regolament li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd. Il-Kummissjoni bbażat il-pożizzjoni tagħha parzjalment fuq ir-riżultati ta’ evalwazzjoni tal-Protokoll preċedenti (2015-2018) u fuq valutazzjoni minn perspettiva futura bl-għan li jiġi deċiż għandux jiġi konkluż Protokoll ġdid. Dawn iż-żewġ evalwazzjonijiet saru minn esperti esterni.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
In-negozjar ta’ SFPA ġdid huwa parti minn azzjoni esterna tal-Unjoni rigward il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), u b’mod partikolari jqis l-objettivi tal-UE dwar ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem.
L-UE u Madagascar huma Partijiet għall-Ftehim interim, li ġie ffirmat fid-29 ta’ Awwissu 2009, li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-Istati tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika minn naħa waħda u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra. In-negozjati għal SFPA ġdid huma konformi mal-FSE, li jipprevedi l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-iżvilupp tas-settur tas-sajd u fil-kummerċ tal-prodotti tiegħu, li jkopri s-sajd fil-baħar, is-sajd fl-ilmijiet interni u l-akkwakultura.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-Protokoll 2015-2018, tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd ma’ Madagascar kif ukoll evalwazzjoni ex ante tat-tiġdid potenzjali tal-Protokoll.
L-evalwazzjoni ex post tal-Protokoll 2015-2018 ikkonkludiet li kien jikkomplementa l-arranġamenti l-oħra stabbiliti dwar l-aċċess għal dak ir-reġjun, u jippermetti li l-bastimenti tal-Unjoni jottimizzaw l-isfruttament tal-istokkijiet tal-ħut li jpassu skont ir-regoli reġjonali stabbiliti mill-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan. Il-Protokoll tqies rilevanti għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati fl-Unjoni, billi kien jagħti aċċess prevedibbli lill-operaturi tal-bastimenti tal-Unjoni għal żona tas-sajd ta’ interess fejn l-ispeċijiet fil-mira huma abbundanti. L-aċċess għall-ilmijiet ta’ Madagascar jagħti l-opportunità lill-flotta tal-bastimenti li jistadu bil-konz tal-wiċċ tal-Unjoni bbażati f’La Réunion jistadu f’firxa aktar wiesgħa li testendi sal-ilmijiet fil-viċinat ta’ dan ir-reġjun ultraperiferiku. L-attivitajiet tal-flotta tas-sajd tat-tonn tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Madagascar u f’firxa aktar wiesgħa tal-Oċean Indjan iġġeneraw impatti soċjoekonomiċi pożittivi sostanzjali għal Madagascar, li permezz tal-kapaċità tal-ipproċessar lokali, jiġbor parti mill-valur miżjud, u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ġiet stabbilita f’livell li b’mod ġenerali huwa ekwivalenti għall-opportunitajiet tas-sajd sfruttati. Fir-rigward tal-appoġġ settorjali, fl-evalwazzjoni ġie nnutat li l-implimentazzjoni tal-programm kien sodisfaċenti b’rata ta’ ħruġ ta’ flus tajba f’terminu medju u li programm futur ta’ appoġġ settorjali għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza, tal-kapaċitajiet ta’ spezzjoni tas-saħħa biex tiġi ppreservata l-kapaċità ta’ esportazzjoni, u tal-appoġġ għat-taħriġ professjonali tal-baħħara. Programm ta’ appoġġ settorjali futur ikun jista’ jgħin ukoll biex jiġi żviluppat is-settur tas-sajd nazzjonali permezz ta’ appoġġ lis-sajjieda artiġjanali, u permezz li tinżamm koordinazzjoni tajba ma’ attivitajiet iffinanzjati minn donaturi oħra. L-evalwazzjoni tirrakkomanda li parti mill-finanzjament disponibbli jinżamm għar-reklutaġġ ta’ assistent tekniku estern biex jikkoordina u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programm ta’ appoġġ settorjali.
Għall-Unjoni, huwa importanti li żżomm strument li jippermetti kooperazzjoni settorjali mill-qrib ma’ pajjiż li huwa sieħeb ewlieni, li hu fornitur ta’ prodotti tas-sajd lill-Unjoni u li hu parti kkonċernata fix-xena internazzjonali, u għandu żoni tas-sajd li huma ta’ interess għall-flotta tal-Unjoni.
•Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati
Bħala parti mill-evalwazzjoni imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri, lir-rappreżentanti tas-settur, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili, kif ukoll lill-amministrazzjoni tas-sajd u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ta’ Madagascar. Saru wkoll konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal. Minn dawn il-konsultazzjonijiet jidher li huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea u ta’ Madagascar li jinżamm strument li jippermetti kooperazzjoni settorjali profonda, b’possibbiltajiet ta’ finanzjament pluriennali għal Madagascar, u huwa fl-interess tal-armamenti tal-UE li jinżamm aċċess għal żona tas-sajd kbira permezz ta’ Ftehim fis-settur tas-sajd. Mill-evalwazzjoni tal-2018, is-settur professjonali kkonferma fil-laqgħat tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal li l-interess tiegħu nżamm.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni qabbdet konsulent indipendenti jagħmel l-evalwazzjonijiet ex post u ex ante, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(10) tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd.
4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
L-abbozz tar-Regolament ma għandu l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, għall-evalwazzjoni u għar-rapportar
Din il-proċedura qed tinbeda b’mod parallel mal-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Madagascar, kif ukoll mal-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tagħhom. Dan ir-Regolament għandu japplika ladarba jkunu jistgħu jibdew isiru l-attivitajiet tas-sajd skont il-Ftehim, jiġifieri mid-data tal-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll.
2023/0119 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Madagascar
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Madagascar (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sħubija”) f’isem l-Unjoni Ewropea, kif ukoll Protokoll ġdid ta’ Implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim ta’ Sħubija (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”).
(2)Il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll ġew inizjalati fi tmiem dawn in-negozjati, fit-28 ta’ Ottubru 2022.
(3)Il-Ftehim ta’ Sħubija jħassar il-Ftehim ta’ Sħubija preċedenti dwar is-Sajd bejn l-istess partijiet, li ilu japplika mid-19 ta’ Diċembru 2007.
(4)Il-Ftehim il-ġdid ta’ Sħubija u l-Protokoll tiegħu ġew iffirmati fil-[….], f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/..., soġġett għall-konklużjoni tagħhom f’data aktar tard.
(5)L-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll għall-istokkijiet ta’ ħut li jpassu ħafna, stabbiliti f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan, jenħtieġ li jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tiegħu.
(6)Dawn il-miżuri huma urġenti minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd ta’ Madagascar u l-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Għalhekk, il-Protokoll se japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Lulju 2023, dejjem jekk ikun ġie ffirmat sa dak inhar, jew mid-data ta’ ta’ meta jiġi ffirmat jekk dan iseħħ wara l-1 ta’ Lulju 2023, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-attivitajiet tas-sajd mill-bastimenti tal-Unjoni malajr kemm jista’ jkun. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika minn dik l-istess data,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti skont il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Madagascar (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej, matul il-perjodu kollu tal-applikazzjoni ta’ dak il-Protokoll:
a)Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun:
Spanja:
16-il
bastiment
Franza:
15-il
bastiment
L-Italja:
bastiment
1
Total
32 bastiment;
b)Bastimenti li jistadu bil-konz tal-wiċċ b’tunnellaġġ gross ta’ aktar minn 100;
Spanja:
7
bastimenti
Franza:
5
bastimenti
Il-Portugall:
bastiment
1
Total
13-il bastiment;
c)Bastimenti li jistadu bil-konz tal-wiċċ b’tunnellaġġ gross ta’ 100 jew inqas;
Franza:
20
bastiment
Total
20 bastiment.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mid-data tal-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President