31998R2767



Official Journal L 346 , 22/12/1998 P. 0013 - 0013


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2767/98

tad-9 ta’ Awissu 1995

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2300/97 dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1221/97 li jippreskrivi regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ miżuri biex tittejjeb il-produzzjoni u l-marketing ta’ l-għasel

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1221/97 ta’ l-25 ta’ Ġunju 1997 li jippreskrivi regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ miżuri biex tittejjeb il-produzzjoni u l-marketing fl-għasel [1], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2070/98 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 5(8) tiegħu,

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2300/97 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2633/98 [4], jippreskrivi għall-implimetazzjoni ta’ miżuri biex tittejjeb il-produzzjoni u l-marketing fl-għasel;

Billi, sabiex ikun hemm ċerta flessibilità fl-implimentazzjoni tal-programm, il-limiti finanzjarji notifikati għal kull miżura jistgħu jvarjaw b’ċerti perċentwali mingħajr, iżda, ma jeċċedu l-limitu kollu tal-programm annwali; billi jekk isir użu mill-flessibilità permessa fl-implimentazzjoni tal-programm, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità m’għandhix teċċedi l-limitu ta’ 50 % tan-nefqa attwalment magħmula mill-Istati Membri konċernati;

Billi l-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għal-Laħam tat-Tjur u l-Bajd,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 4a li ġej għandu jidħol fir-Regolament (KE) Nru 2300/97:

"Artikolu 4a

Il-limitu finanzjarju għal kull miżuri jista’ jiżdied jew jitnaqqas b’massimu ta’ 10 % sakemm il-limitu kollu tal-programm annwali ma jinqabiżx u l-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-iffinanzjar tal-programm li għalih jirreferi l-Artikolu 3ma jeċċedix 50 % tan-nefqa magħmula mill-Istati membri konċernati."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kominitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 1998.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 173, ta’ l-1.7.1997, p. 1.

[2] ĠU L 265, tat-30.9.1998, p. 1.

[3] ĠU L 319, tal-21.11.1997, p. 4.

[4] ĠU L 333, tad-9.12.1998, p. 23.

--------------------------------------------------