16.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1340

tat-22 ta’ April 2021

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw il-kontenut tal-klawżoli kuntrattwali dwar ir-rikonoxximent tas-setgħat ta’ sospensjoni tar-riżoluzzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 71a(5) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/59/UE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) introduċiet ċerti salvagwardji biex ittejjeb l-eżekuzzjoni effettiva tar-riżoluzzjonijiet fir-rigward ta’ kuntratti finanzjarji rregolati mil-liġi ta’ pajjiżi terzi.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 71a(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet huma obbligati jinkludu termini li jirrikonoxxu s-setgħat ta’ sospensjoni tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fil-kuntratti finanzjarji tagħhom li jidħlu għalihom u li huma rregolati mil-liġi ta’ pajjiż terz.

(3)

Sabiex tittejjeb l-effiċjenza tar-riżoluzzjoni, l-Artikolu 68 tad-Direttiva 2014/59/UE jistabbilixxi li jenħtieġ li ċerti miżuri għall-prevenzjoni tal-kriżi jew miżuri għall-ġestjoni tal-kriżi ma jitqisux bħala avvenimenti ta’ infurzar jew bħala proċedimenti ta’ insolvenza. Barra minn hekk, dan l-Artikolu jistabbilixxi li jenħtieġ li tali miżuri ma jintitolawx lill-kontropartijiet kontraenti f’kuntratti rilevanti li jeżerċitaw ċerti drittijiet kuntrattwali unikament bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ tali miżuri. Huwa għalhekk neċessarju li fil-kontenut tal-klawżoli kuntrattwali jiġi inkluż li l-partijiet jaċċettaw li jintrabtu b’dawn ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 33a, 69, 70 u 71 tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu, għal perjodu ta’ żmien limitat, jissospendu l-obbligi kuntrattwali ta’ ħlas jew konsenja dovuti skont kuntratt ma’ istituzzjoni jew entità taħt riżoluzzjoni jew f’ċerti ċirkostanzi qabel ir-riżoluzzjoni, jirrestrinġu l-infurzar ta’ interessi ta’ sigurtà u jissospendu ċerti drittijiet tal-kontropartijiet biex, pereżempju, jagħlqu, obbligi gross netti, jaċċelleraw pagamenti futuri jew altrimenti jitterminaw kuntratti finanzjarji. Peress li dawn is-setgħat tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu ma jkunux effettivi meta jiġu applikati għal kuntratti finanzjarji skont il-liġi ta’ pajjiż terz, jenħtieġ li dawn jiġu rikonoxxuti b’mod espliċitu fit-termini tal-kuntratti finanzjarji.

(4)

Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tar-riżoluzzjoni u tiġi promossa l-konsistenza fl-approċċi adottati mill-Istati Membri, u sabiex jiġi ggarantit li d-differenzi fis-sistemi legali tagħhom jew differenzi li jirriżultaw minn forma jew struttura kuntrattwali partikolari jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet, huwa xieraq li jiġi stabbilit il-kontenut obbligatorju għall-klawżoli kuntrattwali. Jenħtieġ li l-kontenut ta’ dawn il-klawżoli kuntrattwali jqis il-mudelli ta’ negozju differenti tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet. Madankollu, peress li l-kuntratti finanzjarji fi tranżazzjonijiet internazzjonali ġeneralment ma jvarjawx skont il-mudell ta’ negozju tal-istituzzjonijiet jew tal-entitajiet, ma hemmx bżonn jinħoloq kontenut differenti għall-klawżoli kuntrattwali ta’ rikonoxximent.

(5)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea (European Banking Authority, EBA).

(6)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kontenut tal-klawżoli kuntrattwali

Il-klawżoli kuntrattwali ta’ rikonoxximent ta’ kuntratt finanzjarju rilevanti rregolat mil-liġi ta’ pajjiż terz li istituzzjoni jew entità, kif imsemmi fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), tad-Direttiva 2014/59/UE, tidħol għalih għandhom jinkludu dan li ġej:

(1)

ir-rikonoxximent u l-aċċettazzjoni mill-partijiet li l-kuntratt jista’ jkun soġġett għat-tħaddim tas-setgħat minn awtorità ta’ riżoluzzjoni biex tissospendi jew tirrestrinġi d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn tali kuntratt skont l-Artikoli 33a, 69, 70 u 71 tad-Direttiva 2014/59/UE kif trasposti mil-liġi nazzjonali applikabbli u li japplikaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 68 ta’ dik id-Direttiva kif trasposti mil-liġi nazzjonali applikabbli.

(2)

deskrizzjoni tas-setgħat tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew referenza għalihom kif stabbilit fl-Artikoli 33a, 69, 70 u 71 tad-Direttiva 2014/59/UE, kif trasposti mil-liġi nazzjonali applikabbli, u deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 68 tad-Direttiva 2014/59/UE kif traspost mil-liġi nazzjonali applikabbli jew referenza għalihom.

(3)

ir-rikonoxximent u l-aċċettazzjoni mill-partijiet:

(a)

li huma marbuta bl-effett tal-applikazzjoni tas-setgħat li ġejjin:

—

is-sospensjoni ta’ kull obbligu ta’ pagament jew konsenja f’konformità mal-Artikolu 33a tad-Direttiva 2014/59/UE kif traspost mil-liġi nazzjonali applikabbli;

—

is-sospensjoni ta’ kull obbligu ta’ pagament jew konsenja f’konformità mal-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/59/UE kif traspost mil-liġi nazzjonali applikabbli;

—

ir-restrizzjoni tal-infurzar ta’ kull interess ta’ garanzija f’konformità mal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/59/UE kif traspost mil-liġi nazzjonali applikabbli;

—

is-sospensjoni ta’ kull dritt ta’ terminazzjoni skont il-kuntratt f’konformità mal-Artikolu 71 tad-Direttiva 2014/59/UE kif traspost mil-liġi nazzjonali applikabbli;

(b)

li huma marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68 tad-Direttiva 2014/59/UE kif traspost mil-liġi nazzjonali applikabbli;

(4)

ir-rikonoxximent u l-aċċettazzjoni mill-partijiet li l-klawżoli kuntrattwali ta’ rikonoxximent huma eżawrjenti rigward il-kwistjonijiet deskritti fihom bl-esklużjoni ta’ kull ftehim, arranġament jew qbil ieħor bejn il-kontropartijiet relatati mas-suġġett tal-ftehim rilevanti.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u d-Direttiva 98/26/KE (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 296).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).